EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0487

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 10 ta' Frar 2009.
L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC u Laboratoire Garnier & Cie vs Bellure NV, Malaika Investments Ltd u Starion International Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Direttiva 89/104/KEE - Trade marks - Artikolu 5(1) u (2) - Użu f’reklamar komparattiv - Dritt li jkun hemm projbizzjoni ta’ dan l-użu - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni - Dannu għall-funzjonijiet tat-trade mark - Direttiva 84/450/KEE - Reklamar komparattiv - Artikoli 3a(1)(ġ) u (h) - Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-paragun fir-reklamar - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni li għandha trade mark - Preżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni.
Kawża C-487/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:70

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2009 ( 1 )

Kawża C-487/07

L’Oréal SA et

vs

Bellure NV et

“Direttiva 89/104/KEE — Trade marks — Artikolu 5(1) u (2) — Użu f’reklamar komparattiv — Dritt li tintalab projbizzjoni ta’ dan l-użu — Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni — Dannu għall-funzjonijiet tat-trade mark — Direttiva 84/450/KEE — Reklamar komparattiv — Artikolu 3a(1)(g) u (h) — Kundizzjonijiet għal legalità tar-reklamar komparattiv — Vantaġġ inġust meħud mill-fama li għandha trade mark — Preżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Court of Appeal (England & Wales) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi ( 3 ), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas- ( 4 ).

I — Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 ( 5 ), bit-titolu “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jgħid hekk:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li [għalihom] t-trade mark hi reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)

li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

ċ)

jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

d)

juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]”.

3.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104 bit-titolu “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jistabbilixxi li “[i]t-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ:

a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu;

b)

indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

ċ)

t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”.

4.

Id-Direttiva 97/55 introduċiet fid-Direttiva 84/450, li fl-oriġini kienet tirrigwarda biss ir-reklamar qarrieqi, sensiela ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv.

5.

Il-punt 2A tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 84/450, kif emendat bid-Direttiva 97/55 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 84/450”) ( 6 ), tiddefinixxi r-“reklamar komparattiv”, għall-finijiet tal-istess direttiva, bħala “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.

6.

L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jipprovdi dan li ġej:

“Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)

ma joħloqx konfużjoni fil-post tas-suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trademarks, ismijiet tad-ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta’ kompetitur;

e)

ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it-trade marks, ismijiet ta’ ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta’ kompetitur;

[…]

g)

ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;

h)

ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protett”.

II — Il-kawża nazzjonali u d-domandi preliminari

7.

L’Oréal SA, Lancôme Parfums et Beauté & Cie u Laboratoires Garnier & Cie (iktar ’il quddiem, flimkien “L’Oréal”) huma kumpanniji tal-grupp L’Oréal, li huma attivi, fost l-oħrajn, fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ fwejjaħ ta’ lussu.

8.

L’Oréal hija proprjetarja, b’mod partikolari, tat-trade marks li ġejjin, nazzjonali (Britanniċi), internazzjonali jew Komunitarji, irreġistrati għal fwejjaħ u fragranzi oħrajn:

it-trade marks “Trésor”:

it-trade mark verbali nazzjonali Tresor (mingħajr aċċent, iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali Trésor”);

it-trade mark verbali u figurattiva nazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ flixkun tal-fwieħa, muri min-naħa ta’ quddiem u mill-ġenb, li fuqu jidher b’mod partikolari l-kelma Trésor (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-flixkun ta’ Trésor”);

it-trade mark verbali u figurattiva nazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni bil-kulur ta’ kaxxa tal-fwieħa, murija min-naħa ta’ quddiem, li fuqha jidher b’mod partikolari l-kelma Trésor (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor”);

it-trade marks “Miracle”:

it-trade mark Komunitarja verbali Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali Miracle”);

it-trade mark verbali u figurattiva Komunitarja li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ flixkun tal-fwieħa, muri min-naħa ta’ quddiem, li fuqu jidher b’mod partikolari l-kelma Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-flixkun ta’ Miracle”);

it-trade mark verbali u figurattiva internazzjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni bil-kulur ta’ kaxxa tal-fwieħa, murija min-naħa ta’ quddiem, li fuqha jidher b’mod partikolari l-kelma Miracle (iktar ’il quddiem it-“trade mark tal-kaxxa ta’ Miracle”);

it-trade mark verbali nazzjonali Anaïs-Anaïs;

it-trade marks “Noa”:

it-trade mark verbali nazzjonali Noa Noa;

it-trade marks verbali u figurattivi, nazzjonali u Komunitarji, li jikkonsistu t-tnejn li huma fil-kelma Noa f’forma stilizzata.

9.

Bellure NV, kumpannija Belġjana, ħadet f’idejha, rispettivament fl-1996 u fl-2001, il-kummerċjalizzazzjoni fis-swieq Ewropej tal-fwieħa tal-marka Creation Lamis u Dorall, immanifatturati għaliha u bid-disinn li riedet hija f’pajjiż terz. Starion International Ltd (iktar ’il quddiem “Starion”) kienet tixtri dawn il-fwejjaħ mingħand Bellure sabiex tqassamhom lill-grossisti jew lill-hard discounts fir-Renju Unit. Starion kienet tqassam f’dan l-Istat Membru anki fwejjaħ tal-marka Stitch. Malaika Investments Ltd, li kienet taġixxi bl-isem kummerċjali Honeypot Cosmetics & Perfumery Sales (iktar ’il quddiem “Malaika”), kienet tbiegħ bil-grossa fir-Renju Unit il-fwejjaħ tal-marka Creation Lamis, li kienet tfornilha Starion. Il-fwejjaħ tat-tliet kollezzjonijiet msemmija iktar ’il fuq kienu jimitaw ir-riħa ta’ fwejjaħ ta’ suċċess u kienu jinbiegħu bl-imnut bi prezz estremament baxx (taħt il-GBP 4).

10.

Fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-fwejjaħ fir-Renju Unit, Starion u Malaika kienu jużaw, billi jibagħtuhom lill-bejjiegħa tagħhom, listi ta’ paragun li kienu jistabbilixxu dak li kien jikkorrispondi, skont ix-xebh fir-riħa, għal kull waħda minn dawn il-fwejjaħ, ma’ fwieħa ta’ lussu identifikata permezz ta’ referenza għat-trade mark verbali tagħha (iktar ’il quddiem il-“listi ta’ paragun”). F’dawn il-listi jidhru t-trade marks verbali Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa Noa ta’ L’Oréal.

11.

Barra minn hekk, erba’ fwejjaħ tal-marka Creation Lamis u fwieħa tal-marka Dorall kienu jinbiegħu fi fliexken u kaxxi li kellhom xebh ġenerali mal-fliexken u l-kaxxi tal-fwejjaħ Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs jew Noa, anki jekk huwa aċċettat li dan ix-xebh ma kienx tali li jqarraq bil-bejjiegħ jew bil-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodott.

12.

L’Oréal ressqet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) proċedura dwar falsifikazzjoni ta’ trade marks kontra, fost l-oħrajn, Bellure, Starion u Malaika. Min-naħa waħda, hija sostniet li l-użu tal-listi komparattivi min-naħa ta’ Starion u ta’ Malaika kien jikser id-drittijiet derivanti mit-trade marks verbali tagħha Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa Noa, kif ukoll mit-trade marks verbali u figurattivi Noa, bi ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trade Mark Act 1994 (iktar ’il quddiem it-“TMA”), li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. Min-naħa l-oħra, L’Oréal sostniet li l-imitazzjoni tal-ismijiet, tal-fliexken u tal-kaxxi tal-fwejjaħ tagħha Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa u l-bejgħ ta’ fwejjaħ fi fliexken u kaxxi imitati b’dan il-mod kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet derivanti, b’mod partikolari, mit-trade marks verbali tagħha Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa Noa kif ukoll tat-trade marks tagħha tal-flixkun u tal-kaxxa ta’ Trésor u ta’ Miracle, bi ksur tal-Artikolu 10(3) tat-TMA, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

13.

Il-High Court laqgħet il-proċedura mressqa kontra l-użu tal-listi komparattivi u bbażata fuq l-Artikolu 10(1) tat-TMA, filwaqt li l-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 10(3) TMA ġiet milqugħa parzjalment biss, billi ġiet aċċertata biss il-falsifikazzjoni tat-trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor u tat-trade mark tal-flixkun ta’ Miracle.

14.

Starion u Malaika (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji appellanti”) ressqu appell kontra d-deċiżjoni tal-High Court quddiem il-Court of Appeal. L’Oréal, min-naħa tagħha, ressqet appell inċidentali sabiex tikseb dikjarazzjoni tal-falsifikazzjoni tat-trade marks verbali Trésor u Miracle, tat-trade mark tal-flixkun ta’ Trésor u tat-trade mark tal-kaxxa ta’ Miracle.

15.

Il-Court of Appeal ċaħdet l-appell inċidentali mressaq minn L’Oréal u dehrilha li kien meħtieġ, sabiex tiddeċiedi fuq il-bqija tal-kwistjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Meta kummerċjant, f’riklam għal prodotti u servizzi tiegħu, jagħmel użu minn trade mark irreġistrata ta’ kompetitur sabiex jiġu mqabbla l-karatteristiċi (u b’mod partikolari r-riħa) ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jikkummerċjalizza mal-karatteristiċi (u b’mod partikolari r-riħa) tal-prodotti jew tas-servizzi kkumerċjalizzati taħt din it-trade mark minn dan il-kompetitur, u b’mod illi dan l-użu kkonċernat ma joħloqx konfużjoni jew ma jostakolax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini, l-użu kkonċernat jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104?

2)

Meta kummerċjant, matul il-kummerċ (b’mod partikolari f’lista ta’ paragun), jagħmel użu minn trade mark irreġistrata magħrufa sew sabiex jindika karatteristika tal-prodott tiegħu (b’mod partikolari r-riħa tiegħu) b’mod li:

a)

dan ma joħloq l-ebda tip ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, u

b)

dan ma jaffettwax il-bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark irreġistrata magħrufa sew, u

ċ)

dan ma jippreġudikax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata li tikkonsisti f’indikazzjoni tal-oriġini, u lanqas ikun ta’ dannu għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark billi jtebba’ l-immaġni tagħha jew billi jnaqqsilha mis-saħħa, […] jew b’kull mod ieħor, u

d)

dan ikollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott tal-kummerċjant,

l-użu kkonċernat jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104?

3)

Għall-finijiet tal-Artikolu 3a(g) tad-Direttiva [84/450], x’inhuwa s-sens tal-espressjoni “[jieħu] vantaġġ inġust [minn]” u, b’mod partikolari, meta kummerċjant, f’lista ta’ paragun, iqabbel il-prodott tiegħu ma’ prodott ikkummerċjalizzat taħt trade mark magħrufa sew, huwa jieħu vantaġġ inġust mill-fama ta’ din it-trade mark? […].

4)

Għall-finijiet tal-Artikolu 3a(h) ta’ din id-direttiva, x’inhuwa s-sens tal-espressjoni “[jippreżenta] oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki” u, b’mod partikolari, din l-espressjoni tirrigwarda l-każ li fih, mingħajr ma toħloq konfużjoni u lanqas qerq, persuna sempliċiment tinforma b’mod onest li l-prodott tagħha fih karatteristika essenzjali (ir-riħa) identika għal dik ta’ prodott magħruf sew li huwa protett minn trade mark?

5)

Meta kummerċjant jagħmel użu minn sinjal simili għal trade mark irreġistrata li għandha reputazzjoni u dan is-sinjal ma jixbahx lit-trade mark b’mod tali li jista’ joħloq konfużjoni, b’mod li:

a)

il-funzjoni essenzjali tat-trade mark irreġistrata li tikkonsisti f’garanzija tal-oriġini la hija mibdula u lanqas mhedda;

b)

la tiġi mtebbgħa u lanqas ikun hemm konfużjoni fir-rigward tat-trade mark irreġistrata jew tar-reputazzjoni tagħha, u lanqas riskju li dan iseħħ;

ċ)

dan lanqas ma jaffettwa l-bejgħ tal-proprjetarju tat-trade mark, u

d)

il-proprjetarju tat-trade mark mhuwa mċaħħad minn ebda benefiċċju marbut mal-promozzjoni, mal-preżervazzjoni jew mal-iżvilupp tat-trade mark tiegħu,

e)

il-kummerċjant madankollu jkollu vantaġġ kummerċjali mill-użu tas-sinjal tiegħu minħabba fix-xebh tiegħu mat-trade mark irreġistrata,

l-użu kkonċernat jista’ jitqies li huwa “vantaġġ mhux onest” mill-fama ta’ din it-trade mark irreġistrata skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [89/104]?”.

16.

Filwaqt li ddeċidiet li l-listi komparattivi inkwistjoni jikkostitwixxu reklamar komparattiv skont id-Direttiva 84/450, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ewwel erba’ domandi preliminari qegħdin isiru għall-finijiet tas-sentenza fuq il-legalità tal-użu tat-trade marks verbali ta’ L’Oréal fil-listi komparattivi tal-kumpanniji appellanti.

17.

Min-naħa l-oħra, il-ħames domanda preliminari tirrigwarda sentenza fuq il-legalità tal-użu min-naħa tal-kumpanniji appellanti ta’ fliexken u kaxxi simili għal dawk protetti mit-trade mark tal-kaxxa ta’ Trésor u tat-trade mark tal-flixkun ta’ Miracle.

III — Il-kunsiderazzjonijiet legali

A — Fuq l-ewwel erba’ domandi preliminari

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

18.

L-ewwel erba’ domandi preliminari kollha jirrigwardaw l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv ikkostitwit, b’mod partikolari, minn listi komparattivi bħal dawk użati f’dan il-każ. F’dan il-kuntest it-trade mark ta’ ħaddieħor tintuża biex tiddistingwi l-prodotti, għalkemm mhux dawk ta’ min jirreklama, iżda dawk tal-proprjetarju tal-istess trade mark.

19.

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tqassim ta’ dawn il-listi komparattivi għand il-bejjiegħa jikkostitwixxi reklamar skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450. Fil-fatt huwa messaġġ mogħti fl-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali għall-iskop li tiġi promossa l-provvista ta’ merkanzija.

20.

Din il-qorti, kif intqal iktar ’il fuq, tqis ukoll li dan ir-reklamar jikkostitwixxi reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tal-istess Direttiva, kunċett li jeħtieġ, fost l-oħrajn, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża identifikata (jew li l-prodotti jew is-servizzi tagħha huma identifikati) fir-reklam. L-ewwel domanda preliminari, li ma tirrigwardax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450, tirreferi għall-użu ta’ trade mark li l-proprjetarju tagħha huwa “kompetitur”.

21.

Fl-istess kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, “l-prodotti tal-partijiet mhumiex f’kompetizzjoni bejniethom billi jidħlu f’setturi differenti ta’ prezz u tas-suq”  ( 7 ). Din il-konstatazzjoni ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tad-Direttiva 84/450 jekk tiġi kkunsidrata l-portata wiesgħa li għandha tiġi rrikonoxxuta għar-relazzjoni kompetittiva li teħtieġ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, nillimita ruħi sabiex nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-paragrafi 63 sa 90 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Landtsheer Emmanuel ( 8 ) u fil-punti 32 sa 42 tas-sentenza mogħtija f’dik il-kawża ( 9 ), u b’mod partikolari nenfasizza li, f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali u l-possibbiltajiet ta’ evoluzzjoni tal-istat attwali tas-swieq u tad-drawwiet tal-konsum. Barra minn hekk, kif sewwa enfasizzat L’Oréal, hemm ukoll relazzjoni ta’ kompetizzjoni li teżisti biss fil-livell intermedju tal-katina ta’ distribuzzjoni (pereżempju, il-bejgħ bil-grossa). Hija l-qorti tar-rinviju li, eventwalment, għandha tevalwa b’mod iktar fil-fond il-kwistjoni tal-eżistenza konkreta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni li teħtieġ ir-regola msemmija iktar ’il fuq fid-dawl tal-kriterji ta’ interpretazzjoni mogħtija minn dik is-sentenza.

22.

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, fin-nuqqas ta’ elementi li juru b’mod ċar il-kuntrarju, il-punt inizjali għandu jkun l-ipoteżi mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-listi komparattivi inkwistjoni jikkostitwixxu reklamar komparattiv skont l-Artikolu 2(2A) tad-Direttiva 84/450, u b’hekk mingħajr ma jista’ jkun hemm dubju fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari mill-aspett tar-rilevanza tagħhom għas-suġġett tal-kwistjoni pendenti quddiem il-qorti nazzjonali.

23.

Sabiex tingħata risposta għall-erba’ domandi preliminari inkwistjoni, b’mod partikolari għall-ewwel tnejn, jeħtieġ qabel kollox li jiġi stabbilit b’liema mod huma kkoordinati bejniethom, fil-kunflitt bejn il-ħtieġa li tiġi mħarsa t-trade mark u li jiġi ffavorit l-użu ta’ reklamar komparattiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tat-trade mark li jinsabu, minn naħa, fid-Direttiva 89/104, b’mod partikolari fl-Artikoli 5 u 6, u, min-naħa l-oħra, fid-Direttiva 84/450, b’mod partikolari fl-Artikolu 3a(1).

24.

Fis-sentenza riċenti O2 ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet xi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward. B’mod partikolari hija wriet li:

“l-użu minn min jirreklama, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li joffri dan tal-aħħar għandu jitqies bħala użu fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi stess ta’ min jirreklama, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104” u li dan l-“użu jista’ għalhekk jiġi pprojbit, jekk ikun il-każ, taħt dawn id-dispożizzjonijiet ” ( 11 );

madankollu, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata ma jistax legalment jipprojbixxi, bis-saħħa ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-użu, minn terza persuna, ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tiegħu f’reklamar komparattiv li dwaru jkun hemm il-kundizzjonijiet kollha għal legalità pprovduti fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 ( 12 ).

25.

Għaldaqstant, il-ħarsien ta’ dawn l-aħħar kundizzjonijiet jikkostitwixxi, għal min jirreklama, raġuni valida ta’ difiża kontra kawża bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 89/104. F’dan ir-rigward, ma nikkunsidrax li hija korretta u lanqas meħtieġa l-interpretazzjoni, issuġġerita fid-deċiżjoni tar-rinviju u li magħha taqbel L’Oréal, li tgħid li l-aċċertament tal-ħarsien ta’ dawk il-kundizzjonijiet jippermetti, minnu nnifsu, li jitqies li l-użu tat-trade mark irreġistrata (iktar ’il quddiem, fil-qosor, it-“trade mark”) ta’ ħaddieħor fir-reklamar komparattiv huwa permess abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104. Għalkemm jista’ jingħad li tali użu li jirrispetta l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 huwa “skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali”, madankollu jibqa’ l-fatt li l-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104 jippresupponi wkoll li tiġi sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (a) sa (ċ) tiegħu. Jidhirli li f’dan il-każ partikolari l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tista’ tiġi kkunsidrata u tista’ tintuża biex “tilqa’” fid-Direttiva 89/104 ir-raġuni ta’ difiża bbażata fuq ir-rispett tal-kundizzjonijiet għal legalità skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450. B’mod partikolari, naqbel mal-pożizzjoni espressa waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni li tgħid li l-Artikolu 6(1)(b) jirrigwarda biss l-użu ta’ elementi ta’ trade mark li jiddeskrivu waħda mill-karatteristiċi tal-prodott jew servizz imsemmija mir-regola (“indikazzjonijiet” deskrittivi). Jidhirli li dan huwa kkonfermat mis-sentenza adidas u Adidas Benelux, fejn hemm indikat li “l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva huwa intiż sabiex jassigura l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi kollha li jużaw indikazzjonijiet deskrittivi” u “tikkostitwixxi għaldaqstant, […] espressjoni tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà” ( 13 ). Il-ħarsien tal-kundizzjonijiet għal legalità taħt l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, raġuni ta’ difiża awtonoma li tiżdied ma’ dawk taħt l-Artikoli 6 u 7(1) tad-Direttiva 89/104 u li tista’ twaqqaf kawża kontra reklamar komparattiv ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 5(1) jew (2) ta’ din it-tieni direttiva.

2. Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104

26.

Għalhekk, peress li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ kompetitur jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 għas-sempliċi fatt li jseħħ fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv, iżda jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, jiġi pprojbit abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari billi jiġu eżaminati proprju dawk il-kundizzjonijiet fid-dawl tal-elementi mogħtija fl-istess domandi.

27.

Kif ġie enfasizzat mill-istess qorti tar-rinviju, essenzjalment, l-ewwel domanda preliminari diġà saret lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-istess qorti bit-talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza O2 imsemmija iktar ‘il fuq. Fil-każ li wassal għal dak ir-rinviju preliminari, il-karatteristika li kienet suġġetta għall-paragun bejn is-servizzi (tat-telefonija mobbli) tal-persuna li rreklamat u dawk tal-proprjetarju tat-trade mark użata minn dik il-persuna f’reklamar komparattiv ġiet identifikata mill-qorti tar-rinviju fil-prezz, filwaqt li fil-każ preżenti l-karatterisitika li hija s-suġġett ta’ paragun hija individwata fir-riħa (fir-rigward tal-fwejjaħ).

28.

Differenza oħra bejn iż-żewġ każijiet hija li fil-kawża O2 kien qed jiġi kkontestat quddiem il-qorti nazzjonali l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ sinjal mhux identiku iżda simili għat-trade mark ta’ kompetitur, fejn is-servizzi tat-tnejn ippreżentati fir-reklamar kienu l-istess. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza O2, irrispondiet l-ewwel domanda preliminari, li essenzjalment kienet ifformulata fl-istess termini tal-ewwel domanda preliminari f’din il-kawża, billi pprovdiet biss interpretazzjoni tal-paragrafu (b) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 billi qieset li ma kinitx meħtieġa interpretazzjoni tal-paragrafu (a) tal-istess Artikolu 5(1). Iżda f’dan il-każ, is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-kawża diretta lejn il-listi komparattivi użati mill-kumpanniji appellanti hija l-użu min-naħa ta’ min jirreklama ta’ sinjal identiku għat-trade mark ta’ ħaddieħor għal prodotti identiċi ( 14 ) għal dawk immarkati minn tali trade mark.

29.

Bħala konsegwenza, jeħtieġ li l-ewwel domanda f’din il-kawża, fejn issir referenza għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 kollu kemm hu, tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-paragrafu (a) ta’ tali regola għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal tali trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata dik it-trade mark, anki jekk dak l-użu ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

30.

Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob espressament interpretazzjoni tal-paragrafu (a) biss tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 sabiex tkun taf jekk abbażi tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark magħrufa jistax jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna fil-kummerċ, b’mod partikolari f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata dik it-trade mark, anki meta dak l-użu, filwaqt li jaqdi rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni ta’ prodotti tat-terza persuna, ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, ma jolqotx il-bejgħ tal-prodotti jew servizzi mmarkati minn dik it-trade mark u bl-ebda mod ma jippreġudika r-reputazzjoni tagħha.

31.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi, jiġifieri r-riskju li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew s-servizzi kkonċernati jiġu mill-istess impriża jew, eventwalment, minn impriżi li huma ekonomikament marbuta flimkien, għandha neċessarjament tkun preżenti sabiex l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ ħaddieħor jista’ jiġi kkunsidrat bħala pprojbit abbażi tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104. Fi kliem ieħor, il-projbizzjoni stabbilita minn tali regola tapplika biss meta hemm riskju li tiġi ppreġudikata l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li tikkonsisti preċiżament fl-għoti ta’ garanzija lill-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi ( 15 ).

32.

Għandu jkun hemm l-istess konklużjoni anki fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilta mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva msemmija?

33.

Għal tali domanda — li għaliha, wara s-sentenza O2, għandha tingħata risposta, kif osservaw il-kumpanniji appellanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà li dik il-projbizzjoni tiġi opposta b’difiżi bbażati fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104 jew fuq l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 — il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tingħata risposta fil-pożittiv. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 kollu għandu l-għan esklużiv li jipproteġi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiġi ggarantita lill-pubbliku l-identità ta’ oriġini tal-prodotti mmarkati biha. Insostenn ta’ tali pożizzjoni, hija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi Arsenal, Anheuser-Busch u Adam Opel ( 16 ). Għaldaqstant l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva. Il-kumpanniji appellanti huma tal-istess fehma.

34.

Min-naħa l-oħra, L’Oréal u l-Gvern Franċiż jipproponu risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari, u jenfasizzaw li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 m’għandux biss l-għan li jipproteġi l-funzjoni tat-trade mark li jikkonsisti fil-garanzija lill-pubbliku tal-identità tal-oriġini tal-prodotti mmarkati bit-trade mark, iżda jagħti protezzjoni anki għall-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw l-għaxar premessa tad-direttiva msemmija u s-sentenzi ċċitati Arsenal, Anheuser-Busch u Adam Opel. L’Oréal issostni li dik id-dispożizzjoni tħares, b’mod partikolari, il-“funzjoni ta’ komunikazzjoni” tat-trade mark, kif jirriżulta mis-sentenzi Parfums Christian Dior ( 17 ) u Boeheringer Inghelheim et ( 18 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza “VIPS” ( 19 ). Anki l-Gvern Franċiż, li jsemmi l-funzjoni tat-trade mark “li tikkonsisti f’li l-proprejtarju tagħha jkun jista’ jikkontrolla u jħares l-immaġini tat-trade mark tiegħu mal-konsumaturi”, jirreferi għas-sentenza Parfums Christian Dior, li rrikonoxxiet din il-funzjoni b’referenza proprju fir-rigward ta’ trade marks magħrufin li jiddistingwu fwejjaħ ta’ lussu.

35.

Infakkar li, skont id-disa’ premessa tad-Direttiva 89/104 “huwa fundamentali, sabiex tkun iffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi, li jkun żgurat li minn issa ’l quddiem trade marks irreġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha” u “dan m’għandux għalfejn iżżomm l-Istati Membri milli jagħtu fuq għażla tagħhom protezzjoni estensiva lil dawk it-trade marks li għandhom reputazzjoni”.

36.

Taħt l-ewwel aspett, għandu jiġi osservat li l-portata tal-protezzjoni armonizzata tat-trade marks, stabbilita mid-Direttiva 89/104 tirriżulta essenzjalment mill-Artikolu 5(1) u (3) u mil-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tal-istess direttiva.

37.

Taħt it-tieni aspett, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu lit-trade marks magħrufa protezzjoni msaħħa mqabbla ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 5(1). Fil-fatt, kuntrarjament għal din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 5(2) ma jimponix fuq l-Istati Membri li jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom il-protezzjoni stabbilita minnu, iżda jagħtihom biss il-fakultà li jdaħħlu protezzjoni bħal din. Għaldaqstant, jekk Stat Membru jkun uża dik il-fakultà, it-trade marks magħrufa jibbenefikaw fit-territorju tiegħu kemm mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(1) kif ukoll minn dik stabbilita mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ( 20 ).

38.

F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni li għandha tingħata b’mod obbligatorju lit-trade mark bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li dik id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tħares l-unika funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, ċertament mhijiex ġdida. L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104, li tirrigwarda b’mod ġenerali “l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata”, tindika, mingħajr ma tidher li tirreferi biss għall-każ ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn prodotti jew servizzi, li l-“possibbiltà li jkun hemm konfużjoni […] tikkostitwixxi l-kondizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”. Il-fatt li, skont din il-premessa, il-protezzjoni “hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew is-servizzi” jista’ jfisser sempliċiment li, f’dak il-każ, il-proprjetarju tat-trade mark mhuwiex marbut li jagħti prova tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ( 21 ), peress li dan huwa preżunt ( 22 ), u mhux neċessarjament li l-użu tat-trade mark jista’ jiġi pprojbit anki fin-nuqqas ta’ tali riskju. Fis-sentenza adidas u Adidas Benelux ( 23 ) intqal li “il-[probabbiltà] ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata, b’mod partikolari kontra l-użu minn terzi persuni ta’ sinjali mhux identiċi”.

39.

Madankollu, jirriżulta effettivament mill-istess għaxar premessa li l-protezzjoni inkwistjoni għandha “l-funzjoni […] partikolarment li [tiggarantixxi] it-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini” ( 24 ).

40.

Huwa minħabba l-importanza ta’ dan l-element ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Arsenal ( 25 ), sostniet għall-ewwel darba li “[i]d-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva ngħata sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprejtarju tat-trade mark, jiġifieri sabiex jassigura li t-trade mark tista’ tissodisfa l-funzjonijiet tagħha” u li “[l-]eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu għalhekk jiġi rriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn terza persuna jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-provenjenza tal-prodott”.

41.

Għalkemm tali affermazzjonijiet saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi suċċessivi Anheuser Busch ( 26 ) u Adam Opel ( 27 ), huwa possibbli li tiġi osservata, fir-rigward tal-portata tagħhom, ċerta evoluzzjoni.

42.

Fil-kawża Arsenal il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet b’mod partikolari li “jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva jawtorizzax lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi kull użu fil-kummerċ minn persuna terza ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark jew jekk dan id-dritt ta’ oppożizzjoni jeħtieġx il-preżenza ta’ interess speċifiku tal-proprjetarju bħala proprjetarju tat-trade mark, fis-sens li l-użu tas-sinjal inkwistjoni minn terza persuna għandu jaffettwa jew għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark” ( 28 ).

43.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, biex imbagħad ikkonkludiet li “il-proprjetarju ma jistax jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark jekk dan l-użu ma jistax jippreġudika l-interess tiegħu stess bħala proprjetarju tat-trade mark fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha”  ( 29 ).

44.

Fil-qosor, jidher li mis-sentenza Arsenal jista’ jiġi konkluż li l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti identiċi bħal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark mhux neċessarjament jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u li huwa fil-preżenza biss ta’ preġudizzju jew ta’ riskju ta’ preġudizzju għal waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark li l-użu ta’ sinjal identiku għal din tal-aħħar minn terza persuna jista’ jiġi pprojbit bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv jiġifieri “riżervat” għal dawn il-każijiet). Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li xi użi għal finijiet purament deskrittivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva: huma ma jiksru l-ebda interess protett minn tali dispożizzjoni u b’hekk ma jidħlux fil-kunċett ta’ użu skont dik id-dispożizzjoni ( 30 ).

45.

Is-sentenza Arsenal poġġiet il-preġudizzju (jew ir-riskju tiegħu) għal waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark bħala rekwiżit għall-eżerċizzju tad-dritt esklużiv b’mod konformi mal-Artikolu 5(1)(a), kif jirriżulta mill-punt 16 tas-sentenza Céline ( 31 ). Madankollu, dan ma jfissirx li jiġi rrikonoxxut li l-użu tat-trade mark min-naħa ta’ terza persuna jista’ jiġi pprojbit abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq meta jkun hemm preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għal kwalunkwe funzjoni tat-trade mark jew, fi kliem ieħor, li l-funzjonijiet kollha li jista’ jkollha t-trade mark huma legalment protetti mill-istess dispożizzjoni. Fis-sentenza Arsenal ma jiġux speċifikati d-diversi funzjonijiet tat-trade mark, u lanqas ma jiġi indikat b’mod ċar li huma kollha legalment protetti mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali preġudizzju (jew riskju tiegħu) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala “garanzija ta’ oriġini” tal-prodott ( 32 ). Għalhekk jista’ jitqies li fis-sentenza Arsenal il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss l-intenzjoni li ma teskludix, mingħajr madankollu ma tirrikonoxxi, il-protezzjoni abbażi tar-regola imsemmija iktar ’il fuq ta’ funzjoni tat-trade mark differenti minn dik essenzjali, u tħalli prattikament din il-kwistjoni miftuħa.

46.

Madankollu jidhirli li bis-sentenza Adam Opel il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet pass ieħor lejn ir-rikonoxximent tal-protezzjoni, abbażi ta’ dik ir-regola, ta’ funzjonijiet tat-trade mark li huma differenti minn dik essenzjali.

47.

F’dik is-sentenza, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, meta żviluppat il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-ewwel uriet li “it-twaħħil minn terza persuna ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal ġugarelli fuq mudelli mċekkna ta’ vetturi tista’ tiġi impedita biss, skond l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jekk dan jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-funzjonijiet ta’ din it-trade mark” ( 33 ), imbagħad ikkonkludiet billi reġgħet użat dan il-kunċett iżda ħalliet barra l-kelma “biss”, meta ddikjarat li, “meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur — li għalihom hija magħrufa — kif ukoll għal ġugarelli, it-twaħħil minn terza persuna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli mċekkna ta’ vetturi ta’ l-imsemmija trade mark, bl-iskop li dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-imsemmija mudelli mċekkna […] jikkostitwixxu, fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, użu li l-proprjetarju tat-trade mark għandu d-dritt li jimpedixxi jekk dan l-użu jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark, bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli” ( 34 ). Ma jkunx arbitrarju li jitqies li din il-pożizzjoni mhijiex sempliċement ekwivalenti għall-affermazzjoni li fin-nuqqas ta’ preġudizzju (jew ta’ riskju tiegħu) għal funzjoni tat-trade mark il-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 5(1)(a) ma tistax tiġi attivata (l-ebda protezzjoni jekk l-anqas funzjoni waħda tat-trade mark ma hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun hekk ippreġudikata), iżda jista’ jiġi affermat li għall-attivazzjoni ta’ din il-protezzjoni huwa rilevanti preġudizzju (jew ir-riskju tiegħu) għal kwalunkwe funzjoni tat-trade mark (protezzjoni jekk kwalunkwe funzjoni tat-trade mark hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun hekk ippreġudikata).

48.

Barra minn dan, lanqas f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikat liema kienu l-funzjonijiet tat-trade mark li kienu differenti minn dik essenzjali, billi fil-kawża prinċipali ma ntqalx li l-użu tat-trade mark inkwistjoni jippreġudika “funzjonijiet oħra ta’ din it-trade mark ħlief il-funzjoni essenzjali tagħha” ( 35 ).

49.

U għalhekk, din l-ispeċifikazzjoni progressiva, fil-ġurisprudenza, tal-idea ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(a) anki tal-funzjonijiet tat-trade mark differenti minn dik ta’ garanzija tal-oriġini tqajjem xi kwistjonijiet importanti bħal dik li jiġu ddefiniti liema huma dawk il-funzjonijiet u barra minn hekk dik li jiġi vverifikat b’liema mod dik il-protezzjoni hija rikonċiljabbli u tista’ tiġi kkoordinata mal-protezzjoni stabbilita għat-trade mark magħrufa fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva inkwistjoni, peress li din l-aħħar dispożizzjoni, fil-parti fejn tirreferi għall-preġudizzju għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark, tidher li hija intiża wkoll biex tikkontrolla funzjonijiet tat-trade mark.

50.

Fir-rigward tal-ewwel aspett, għandu jiġi osservat li la d-Direttiva 89/104 u lanqas, minn dak li jirriżultali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma joffru lista u deskrizzjoni tal-funzjonijiet tat-trade mark differenti minn dik ta’ garanzija ta’ oriġini.

51.

Kontribut utli fuq dan l-aspett ingħata mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Parfums Christian Dior ( 36 ). Wara li osserva li, “għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament li l-funzjoni ta’ trade mark hija ta’ indikatur tal-oriġini tal-prodotti […], ma kellhiex intenzjoni tafferma li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark huma biss biex tiġi ssalvagwardata din il-funzjoni”, huwa rrefera għal funzjonijiet possibbli oħrajn tat-trade mark, billi qieshom parti integrali jew tal-anqas derivazzjonijiet ta’ dik il-funzjoni essenzjali: il-“funzjoni tat-trade mark f’termini ta’ kwalità” jew dik ta’ “simbolu tal-kwalitajiet assoċjati mill-konsumaturi ma’ oġġetti jew servizzi determinati” u ta’ garanzija “li l-oġġetti u s-servizzi huma tal-kwalità mistennija”, u “funzjonijiet ta’ ‘komunikazzjoni’, ta’ investimenti jew ta’ pubbliċità”, li “jirriżultaw mill-fatt li l-investiment intiż għall-promozzjoni ta’ prodott jiżviluppa madwar it-trade mark” u b’hekk għandhom “valur li għandu jiġi protett bħala tali, immaterjalment minn użu eventwali illegali li jiġi minn rappreżentazzjoni mhux veritiera fuq l-oriġini jew fuq il-kwalità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

52.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza ċċitata Arsenal ( 37 ), ikkunsidra li huwa “riduttiv u sempliċistiku li l-funzjoni tat-trade mark tiġi limitata għall-indikazzjoni tal-oriġini imprenditorjali”, u enfasizza li l-“esperjenza tgħallem li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, min jagħmel użu minnhom ma jkunx jaf l-identità tal-produttur tal-oġġetti kkunsmati”, filwaqt li t-trade mark “takkwista ħajja tagħha, tesprimi […] il-kwalità, ir-reputazzjoni u anki, f’ċerti każijiet, modus vivendi”. Minħabba “l-funzjonament attwali tas-suq u kif jaġixxi l-konsumatur medju”, huwa “ma kien jara l-ebda raġuni għaliex dawn il-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark m’għandhomx huma wkoll igawdu mill-protezzjoni flimkien mal-funzjoni li tindika l-oriġini imprenditorjali tal-prodotti u tas-servizzi” ( 38 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53.

F’dak li jirrigwarda l-garanzija tal-kwalità, jew aħjar, tal-kwalità kostanti (jew omoġenja) tal-prodotti mmarkati mit-trade mark, intqal li dan jirrigwarda l-iktar aspett tal-funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini ( 39 ). Id-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark jipproteġi l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark u ma jistax jiġi invokat mill-konsumaturi biex tintalab ċerta kwalità tal-prodotti. Għalkemm ġeneralment hija fl-interess tal-produttur proprjetarju tat-trade mark, il-kwalità kostanti ovvjament mhijiex iggarantita mill-identità ta’ oriġini tal-prodott u mill-kontroll unitarju konsegwenti fuq il-kwalità tiegħu li tiggarantixxi t-trade mark. Kif osserva reċentment l-Avukat Ġenerali Kokott, “id-dritt tat-trade marks għandu jiggarantixxi l-possibbilità ta’ kontroll tal-kwalità tal-prodotti u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll”  ( 40 ). Għalhekk it-trade mark tippermetti lill-proprjetarju tagħha mhux biss li jevita li jidhru bħala li joriġinaw mingħandu oġġetti li fil-fatt ma jkunux (funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini) iżda wkoll li jiġi evitat li l-oġġetti li joriġinaw mingħandu jistgħu jsofru, fil-fażijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jsegwu l-ewwel tpoġġija fis-suq min-naħa tiegħu u bil-kunsens tiegħu, tibdil fil-kwalità li huwa ma jkunx awtorizza (ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/104).

54.

Dwar il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni li għandha t-trade mark, li tirreferi għalihom L’Oréal, m’hemmx dubju li t-trade mark tista’ tagħti lill-konsumaturi informazzjoni ta’ natura varja dwar il-prodott li huwa mmarkat biha. Tista’ tkun informazzjoni mogħtija direttament mis-sinjal li jifforma t-trade mark (pereżempju, informazzjoni dwar karatteristiċi materjali tal-prodott mogħtija mill-elementi deskrittivi li eventwalment ikun hemm fi trade mark kumplessa) jew, iktar ta’ spiss, ta’ informazzjoni “akkumulata”  ( 41 ) fuq it-trade mark minħabba l-attivitajiet ta’ promozzjoni u pubbliċità li jagħmel il-proprjetarju — pereżempju, reklamar dwar karatteristiċi immaterjali li joħolqu dehra tal-prodott jew tal-impriża f’termini ġenerali (pereżempju, il-kwalità, l-affidabbiltà, is-serjetà, eċċ) jew partikolari (pereżempju, ċertu stil, il-lussu, is-saħħa). Din l-attitudni informattiva tat-trade mark timmerita protezzjoni anki fejn l-użu tagħha minn terza persuna ma jkunx tali li jiġġenera konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi ( 42 ).

55.

Kif fakkret L’Oréal, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li r-“reputazzjoni” tat-trade mark jixirqilha u għandha tkun is-suġġett ta’ protezzjoni, permezz tal-għoti tad-dritt esklużiv taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-preġudizzju għar-reputazzjoni tat-trade mark jista’ jikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni leġittima skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva sabiex il-proprjetarju jkun jista’ jopponi kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti mpoġġija fil-kummerċ fil-Komunità mill-istess proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu” ( 43 ).

56.

B’mod partikolari, huwa motiv validu skont dik ir-regola l-fatt li l-preżentazzjoni ta’ prodott ippakkjat mill-ġdid tista’ tagħmel ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark li dan ikun immarkat biha ( 44 ). Għalhekk, pereżempju, “prodott farmaċewtiku ppakkjat mill-ġdid jista’ jiġi ppreżentat b’mod inadegwat u, għaldaqstant, ikun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark, b’mod partikolari fil-każ fejn l-ippakkjar jew it-tikketta, minkejja li la huma difettużi u lanqas ta’ kwalità ħażina jew mhux ordnati, ikunu tali li jippreġudikaw il-valur tat-trade mark billi joħolqu dannu għad-dehra ta’ serjetà u ta’ kwalità li hija marbuta ma’ tali prodott kif ukoll mal-kunfidenza li hija tista’ tispira fil-pubbliku kkonċernat” ( 45 ). Barra minn hekk, fil-każ li bejjiegħ juża trade mark biex jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju mmarkati bl-istess trade mark, huwa għandu jieħu ħsieb li “jevita li r-reklamar tiegħu jikkomprometti l-valur tat-trade mark u jagħmel ħsara lill-istil u lill-immaġni ta’ prestiġju tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll ix-xejra ta’ lussu li jkun hemm madwarhom” ( 46 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

57.

Dawn l-osservazzjonijiet, għalkemm jikkonfermaw li l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark permezz tal-għoti tad-dritt esklużiv taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 testendi lil hinn mill-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-funzjoni ta’ garanzija tal-oriġini tat-trade mark u għalhekk tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti jew servizzi, madankollu jħallu miftuħa l-kwistjoni li jiġi ddeterminat b’liema mod il-protezzjoni tal-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni tat-trade mark, u b’mod partikolari, tal-element tar-reputazzjoni tagħha, kontra l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti identiċi tidħol fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (biex b’hekk ikunu kkonċernati t-trade marks kollha u mhux biss dawk li huma magħrufin) u safejn, fil-kuntest tal-Artikolu 5(2) tal-istess Direttiva, regola li, b’ġurisprudenza kostanti, tistabbilixxi wkoll, imma b’referenza biss għat-trade marks magħrufa, protezzjoni li tiddependi mill-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku ( 47 ). Din hija kwistjoni delikata l-iktar meta jiġi kkunsidrat il-fatt li:

is-sistema stabbilita miż-żewġ dispożizzjonijiet hija differenti, billi l-protezzjoni taħt l-Artikolu 5(1) hija obbligatorja għall-Istati Membri filwaqt li dik taħt l-Artikolu 5(2) hija fakoltattiva;

il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, sa mis-sentenza Davidoff, li l-Artikolu 5(2) japplika anki fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi jew simili — u mhux biss, kif indikat espressament minn dik ir-regola fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li mhumiex simili — għal dawk li għandhom trade mark irreġistrata ( 48 ).

58.

It-twaqqif ta’ protezzjoni fakoltattiva skont l-Artikolu 5(2) kontra l-preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ trade mark b’riżultat tal-użu ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi jidher li jmur kontra l-idea li l-Artikolu 5(1)(a) huwa maħsub sabiex jirregola l-funzjonijiet kollha tat-trade mark kontra użu bħal dak. F’dan is-sens, jidher li jkun aħjar, billi tiġi interpretata l-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li wieħed iżomm mal-approċċ segwit fis-sentenza Arsenal (l-ebda protezzjoni jekk lanqas funzjoni waħda tat-trade mark ma hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun ippreġudikata) minflok dak li jidher li jirriżulta mis-sentenza Adam Opel (protezzjoni jekk kwalunkwe funzjoni tat-trade mark hija ppreġudikata jew tirriskja li tkun ippreġudikata). Madankollu, m’għandux jiġi eskluż li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5(2) segwita mill-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza Davidoff li saret referenza għaliha fit-tieni inċiż tal-punt preċedenti tkopri, minbarra naturalment il-kundizzjonijiet stabbiliti espressament minn dik id-dispożizzjoni, l-ipoteżijiet ta’ użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz simili, ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz identiku u ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz simili, iżda mhux ukoll dik ta’ użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark magħrufa għal prodott jew servizz identiku, li tibqa’ suġġetta għall-Artikolu 5(1)(a).

59.

Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mhuwiex meħtieġ, biex tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-Court of Appeal, li wieħed jidħol iktar fil-fond fl-evalwazzjoni tal-problemi interpretattivi spjegati fiż-żewġ punti preċedenti, u lanqas li tingħata deskrizzjoni eżawrjenti tal-funzjonijiet tat-trade mark li jistgħu jiġu protetti taħt l-Artikolu 5(1)(a).

60.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-ewwel żewġ domandi preliminari jitilqu mill-fatt aċċertat mill-qorti nazzjonali li fil-każ partikolari ma kienet teżisti la probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku fuq l-oriġini tal-prodotti, u għalhekk ta’ preġudizzju għall-funzjoni essenzjali tat-trade marks li trid tinkiseb il-protezzjoni tagħhom, u lanqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ tali trade marks, u għalhekk għall-funzjonijiet (ta’ komunikazzjoni) li dawn tal-aħħar ikollhom minħabba tali reputazzjoni. Ma jirriżultax li L’Oréal qed issostni li hemm preġudizzju kontra funzjonijiet oħra tat-trade marks tagħha differenti minn dawk li għadhom kif issemmew. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, wara li invokat il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni tat-trade marks li qed tintalab il-protezzjoni tagħhom, L’Oréal lanqas issemmi preġudizzju wieħed (jew riskju tiegħu) għar-reputazzjoni tagħhom, iżda biss li l-użu msemmi tagħhom jippermetti lill-kumpanniji appellanti li jieħdu vantaġġ inġust minn tali reputazzjoni ( 49 ). Il-fatt li jittieħed dan il-vantaġġ ma jimplikax li, kuntrarjament għall-idea ta’ titbigħ jew ċajpir tat-trade mark magħrufa, dan l-użu jikkomprometti jew jirriskja li jikkomprometti l-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni li t-trade marks inkwistjoni jiżvolġu minħabba l-fatt li huma magħrufin.

61.

Għaldaqstant inqis li tista’ tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari billi jiġi ddikjarat li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax legalment jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, meta dak l-użu ma jippreġudikax u lanqas jirriskja li jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini u lanqas funzjoni oħra tal-istess trade mark, u dan anki jekk dan l-użu jkollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott ta’ min jagħmel ir-reklamar, b’mod partikolari billi jingħata l-kunsens lil dan tal-aħħar sabiex jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark.

62.

Madankollu, nippreċiża immedjatament li dan l-użu tat-trade mark, għalkemm ma jistax jiġi pprojbit abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, naturalment jista’, jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet, jiġi ssanzjonat abbażi (tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni) tal-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva u/jew tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/104.

63.

Huwa proprju fuq din l-aħħar regola li huma bbażati t-tielet u r-raba’ domanda preliminari, li ser neżamina iktar ’il quddiem, iżda mhux mingħajr ma nosserva preliminarjament li l-azzjoni proposta minn L’Oréal kontra l-listi komparattivi inkwistjoni hija bbażata, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, biss fuq id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 (l-Artikolu 10(1) tat-TMA) u mhux ukoll fuq dik li tittrasponi l-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva jew direttament fuq id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-reklamar komparattiv.

64.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa — fil-każ li tiddeċiedi, fid-dawl tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-ewwel żewġ domandi preliminari, li ma jeżistux fil-każ preżenti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tat-TMA — jekk, fid-dawl tad-dritt intern anki proċedurali tagħha, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari għandhomx l-istess rilevanza għall-finijiet li tiġi solvuta l-kwistjoni li għandha quddiemha fir-rigward tal-legalità tal-użu ta’ listi komparattivi.

3. Fuq it-tielet domanda preliminari

65.

Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kliem “ma jieħux vantaġġ inġust” użat mill-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450. Abbażi tal-premessa, li lanqas il-kumpanniji appellanti ma jikkontestaw, li l-użu tal-listi komparattivi jippermettilhom li jieħdu vantaġġ mir-reputazzjoni tal-fwejjaħ ta’ lussu ta’ L’Oréal, u filwaqt li ġie enfasizzat li kull tip ta’ paragun ta’ reklamar ma’ prodott magħruf sew fis-suq prattikament jinvolvi element sinjifikattiv ta’ “free riding”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari, fit-tieni parti tad-domanda preliminari, jekk il-paragun ma’ prodott immarkat minn trade mark magħrufa, f’lista komparattiva, jippermettix minnu nnifsu għal min jagħmel ir-reklamar li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark.

66.

Kif diġà sostnejt f’konklużjonijiet preċedenti ( 50 ), fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-reklamar komparattiv għandu bħala għan il-paragun ma’ kompetitur iktar stabbilit u għalhekk jikkontjeni ċertu livell ta’ “rabta” mar-reputazzjoni tiegħu jew tas-sinjali distintivi relattivi. Jekk fl-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 84/450 il-leġiżlatur uża l-aġġettiv “inġust”, dan evidentement sar għaliex qies li l-eżistenza ta’ vantaġġ għal min jirreklama meħud mir-reputazzjoni tas-sinjali distintivi tal-kompetitur ma kinitx bizzejjed sabiex tiġġustifika projbizzjoni tar-reklamar komparattiv ( 51 ). Għal dan l-iskop jeħtieġ li dan il-vantaġġ ikun jista’ jissejjaħ bħala “inġust”. M’għandux jiġi injorat il-fatt li d-Direttiva 97/55 tesprimi b’mod ċar li l-leġiżlatur Komunitarju jxaqleb favur ir-reklamar komparattiv, li jista’ jikkostitwixxi mezz leġittimu biex jinforma lill-konsumaturi u jistimula l-kompetittività fost il-fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi fl-interess tal-konsumaturi (ara t-tieni u l-ħames premessa) ( 52 ), tant li skont ġurisprudenza kostanti “il-kundizzjonijiet mitluba għar-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis-sens l-iktar favorevoli għalihom”  ( 53 ).

67.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tad-domanda preliminari inkwistjoni għandha tingħata risposta fin-negattiv.

68.

Madankollu, b’mod iktar ġenerali, din id-domanda hija intiża sabiex ikunu magħrufa l-kriterji li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala inġust il-vantaġġ miksub mir-reputazzjoni ta’ trade mark permezz ta’ reklamar komparattiv.

69.

L’Oréal tirreferi għad-definizzjoni li tinsab fil-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux ( 54 ), fejn intqal li “il-kunċetti ta’ vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv tat-trade mark jew mir-reputazzjoni tagħha għandhom […] jinftiehmu fis-sens li jkopru ‘każijiet fejn hemm sfruttament u parassitiżmu ċari ta’ trade mark magħrufa jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 55 ). Essenzjalment, L’Oréal issostni li huwa inġust dak il-vantaġġ li jinkiseb permezz ta’ żidiet fil-bejgħ u fil-prezzijiet ta’ prodott li jseħħu sempliċiment billi jiġu sfruttati l-isforzi ta’ marketing tal-proprjetarju tat-trade mark magħrufa, mingħajr ma jkunu saru l-istess sforzi. Hemm sfruttament inġust tar-reputazzjoni meta l-paragun ma jkunx meħtieġ sabiex issir distinzjoni tal-kontenuti u l-vantaġġi tal-prodott irreklamat imqabbel ma’ dawk tal-prodott immarkat mit-trade mark magħrufa. L’Oréal tosserva li f’dan il-każ partikolari l-użu tat-trade marks magħrufa tagħha ma kienx indispensabbli biex tiġi deskritta r-riħa tal-fwejjaħ mibjugħa mill-kumpannija appellanti, li setgħet tiġi deskritta permezz ta’ referenza għal fwejjaħ magħrufa (pereżempju, ta’ fjuri, ta’ ħwawar, ta’ ċitru).

70.

Il-kumpanniji appellanti jirreferu għas-sentenza Siemens ( 56 ), u jfakkru b’mod partikolari li fil-punti 24 u 18 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, min-naħa waħda, li “il-vantaġġ li r-reklamar komparattiv ifisser għall-konsumaturi għandu neċessarjament jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-vantaġġ li dak li jirreklama jieħu mill-fama li għandha trade mark, […] ta’ kompetitur” u min-naħa l-oħra li kien meħtieġ li jiġi aċċertat jekk fil-każ partikolari l-adozzjoni min-naħa tal-awtur tar-reklamar tal-parti essenzjali tas-sistema ta’ numri ta’ ordnijiet tal-kompetitur setgħetx “ikollha bħala effett il-ħolqien, fost il-pubbliku mmirat mir-reklamar […] ta’ rabta bejn il-produttur tat-tagħmir tekniku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-komponenti komplementari tiegħu u l-fornitur kompetitur, ladarba l-imsemmi pubbliku għamel trasferiment tar-reputazzjoni tal-prodotti ta’ dan il-produttur għal dawk li jikkummerċjalizza l-imsemmi fornitur”.

71.

Qabel kollox, naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern tar-Renju Unit meta jsostnu li l-espressjoni “jieħu vantaġġ inġust” użata mil-leġiżlatur Komunitarju ma tistax tiġi ddefinita f’termini ġenerali. Jidher li hija maħsuba proprju biex tiġi applikata b’mod flessibbli abbażi ta’ approċċ każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari ( 57 ).

72.

Fir-rigward tas-silta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs imsemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq, li madankollu tidħol fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 u mhux f’dak tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 89/104, bir-raġun l-Avukat Ġenerali Sharpston osservat riċentement li dan m’għandux jiġi interpretat bħala definizzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt Komunitarju lit-trade marks magħrufa, iżda pjuttost bħala preżentazzjoni, għall-finijiet biex jinftiehmu aħjar ir-raġunijiet ta’ dik il-protezzjoni, tal-kuntest storiku u kunċettwali li ġiet adottata fih ( 58 ). Min-naħa l-oħra, l-espressjonijiet “sfruttament u parassitiżmu ċari minn fuq dahar” trade mark magħrufa jew “tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha” jibqgħu min-naħa tagħhom kemmxejn indefiniti u barra minn hekk jidhru ftit utli fil-kuntest tar-reklamar komparattiv li, kif urejt iktar ’il fuq, jinvolvi fih innifsu atteġġamenti simili min-naħa tal-awtur tiegħu.

73.

Il-kriterju, li jagħmlu referenza għalih il-kumpanniji appellanti, li jikkonsisti fil-verifika li tinħoloq, fost il-pubbliku indirizzat tar-reklamar, impressjoni ta’ assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li l-pubbliku msemmi jkun jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel lil dawk mibjugħin tat-tieni (iktar ’il quddiem, għall-qosor l-“assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni”) effettivament issemma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Toshiba ( 59 ) u Siemens ( 60 ) bħala rilevanti fil-kuntest tal-analiżi intiża biex taċċerta jekk l-użu tat-trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv jistax jikseb vantaġġ ingust għal min jirreklama derivanti mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark. Madankollu, ir-rwol li dan il-kriterju għandu jkollu fil-kuntest ta’ din l-analiżi ma jirriżultax b’mod ċar minn dawn is-sentenzi. Ir-riflessjoni li nagħmel mill-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 li saret b’mod parallel biex tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari jwassluni sabiex inqis li l-aċċertament tal-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni jippermetti li tiġi affermata l-eżistenza ta’ vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark ta’ ħaddieħor, iżda mhux ukoll in-natura inġusta ta’ tali vantaġġ. Inkella, ma tkunx tista’ tinftiehem ir-raġuni għalfejn fl-istess sentenza Siemens il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet ir-rilevanza tal-“vantaġġ li r-reklamar komparattiv ifisser għall-konsumaturi” biex issir valutazzjoni tan-natura, inġusta jew le, tal-vantaġġ li l-awtur tar-reklamar jieħu mir-reputazzjoni marbuta ma’ sinjal distintiv ta’ kompetitur ( 61 ), u dan, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, lil hinn mill-analiżi li għandha x’taqsam mal-ħolqien ta’ assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni.

74.

Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-reklamar komparattiv jippermettix lil min jagħmel ir-reklami li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark tal-kompetitur, jeħtieġ li qabel kollox jiġi aċċertat jekk jistax ikollu effett li toħloq fost il-pubbliku indirizzat l-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, għall-finijiet ta’ tali aċċertament “jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-preżentazzjoni globali tar-reklamar kontestat u n-natura tal-pubbliku li għalih huwa indirizzat dan ir-reklamar” ( 62 ), filwaqt li ssuġġeriet ukoll li pubbliku magħmul minn kummerċjanti speċjalizzati jista’ jkun ferm inqas suġġett mill-konsumaturi finali li jistabbilixxi assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni ( 63 ).

75.

Ladarba jiġi aċċertat l-effett imsemmi iktar ’il fuq, u konsegwentement l-eżistenza ta’ vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark ta’ ħaddieħor, ma jistax jiġi konkluż awtomatikament li r-reklamar inkwistjoni jmur kontra l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450. Jeħtieġ li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-karattru inġust jew le tal-vantaġġ imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fehma tiegħi dan għandu jsir skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

76.

L-ewwel nett huma rilevanti l-vantaġġi li r-reklamar komparattiv inkwistjoni għandu għall-konsumaturi ( 64 ), kemm jekk dawn huma intermedji jew finali. L-eżistenza ta’ tali vantaġġi tinsab fil-ħarsien, min-naħa ta’ dak ir-reklamar, tal-kundizzjonijiet għal legalità taħt l-Artikolu 3a(1)(a) sa (d). Iżda dawn il-vantaġġi għandhom jitqiesu, fil-fehma tiegħi, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, bħal-livell ta’ reputazzjoni tat-trade mark tal-kompetitur fir-rigward ta’ dik, eventwali, tat-trade mark tal-awtur tar-reklamar, l-immaġni partikolari li f’moħħ il-konsumaturi takkumpanja l-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa u l-motivazzjonijiet li jwassluhom sabiex jakkwistaw tali prodott jew dak irreklamat, in-neċessità jew l-utilità tal-użu tat-trade mark magħrufa jew tal-modalitajiet relattivi fir-rigward tal-għanijiet informattivi speċifiċi tar-reklamar inkwistjoni, il-mod kif ir-reklamar komparattiv jidħol fil-politika kummerċjali tal-awtur tiegħu (jekk, b’mod partikolari, hijiex inizjattiva sporadika jew inkella inkluża fil-kuntest ta’ attività promozzjonali iktar artikolata jew jekk dik il-politika kummerċjali hijiex sistematikament ibbażata fuq il-paragun mal-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa). Id-daqs tal-vantaġġ meħud mill-awtur tar-reklamar u dak tat-telf li eventwalment isofri l-proprjetarju tat-trade mark magħrufa f’termini ta’ iddevjar ta’ klijentela jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, imma għandhom ikollhom piż inqas fir-rigward tal-elementi l-oħra fil-valutazzjoni tal-karattru inġust tal-vantaġġ, peress li l-eżistenza tagħhom tista’ tiġi kkunsidrata inerenti fin-natura stess tal-fenomenu tar-reklamar komparattiv ( 65 ).

77.

Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li anki reklamar li fih kontenut informattiv reali jista’ jiġi kkunsidrat li jiġġenera għall-awtur tiegħu vantaġġ inġust, meta, billi jkun hemm l-assoċjazzjoni b’estensjoni ta’ reputazzjoni, dan il-kontenut ikun oġġettivament ta’ valur limitat, it-trade mark tal-kompetitur tgawdi minn reputazzjoni kbira u l-investimenti intiżi biex jippromwovu l-prodott tal-awtur tar-reklamar jispiċċaw fil-konfront tar-reklamar mal-prodott immarkat b’dik it-trade mark.

78.

Kuntrarjament għal dak li ġie ssuġġerit minn L’Oréal u mill-Gvern Franċiż, m’għandux jiġi rikonoxxut valur determinanti għall-fatt li r-reklamar komparattiv m’għandux l-għan li jiddistingwi karatteristiċi u vantaġġi tal-prodott irreklamat fir-rigward ta’ dawk tal-prodott immarkat bit-trade mark magħrufa, u lanqas għall-fatt li huwa possibbli li jiġu deskritti l-karatteristiċi tal-ewwel prodott mingħajr ma ssir referenza għall-prodott immarkat minn dik it-trade mark. Fil-fatt, taħt l-ewwel aspett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet darbtejn li anki “l-affermazzjoni tal-eżistenza ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi ta’ żewġ prodotti tikkostitwixxi paragun ta’ karatteristiċi materjali, rilevanti, li jistgħu jiġu vverifikati, u rappreżentattivi tal-prodotti skond l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 84/450” ( 66 ) u, mill-aspett l-ieħor, l-għan tar-reklamar komparattiv, li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiffavorixxi bl-adozzjoni tad-Direttiva 97/55, huwa proprju dak li jiddeskrivi l-prodott tiegħu (jew il-karatteristiċi tiegħu) f’termini relattivi, jiġifieri fir-rigward tal-prodott ta’ kompetitur wieħed jew iżjed (jew għall-karatteristiċi relattivi), lil hinn mill-possibbiltà ovvja li ssir deskrizzjoni f’termini assoluti. Madankollu, huwa veru li fejn “l-għan tar-riklam huwa unikament dak li jiddistingwi l-prodotti ta’ min jirreklama minn dawk tal-kompetitur tiegħu u li b’hekk jenfasizza oġġettivament id-differenzi”, il-vantaġġ li tieħu din il-persuna ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat bħala inġust ( 67 ).

79.

Fl-aħħar nosserva li l-valutazzjoni li għandha ssir hija ta’ natura fattwali u tidħol fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Fis-sentenza Adam Opel ( 68 ) il-Qorti tal-Ġustizzja għalkemm fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, fil-fehma tiegħi wriet li hija dik il-qorti, jekk ikun il-każ, li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, jekk l-użu tat-trade mark magħrufa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermettix li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħi jista’ jingħad l-istess fir-rigward tal-Artikolu 3a(1)(ġ) tad-Direttiva 84/450.

80.

Għaldaqstant nikkunsidra li tista’ tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari billi jiġi ddikjarat li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sempliċi fatt li jsir, permezz ta’ listi komparattivi, paragun ta’ reklamar ma’ prodott immarkat bi trade mark magħrufa ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li min jagħmel ir-reklamar jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark u li, jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ bħal dan tippresupponi li tiġi prodotta, fost il-pubbliku indirizzat mir-reklamar, assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li dak il-pubbliku jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel wieħed għal dawk tat-tieni, il-karattru inġust ta’ dan il-vantaġġ għandu jiġi aċċertat mill-qorti nazzjonali skont kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari.

4. Fuq ir-raba’ domanda preliminari

81.

Ir-raba’ domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450, tqajjem, fil-fehma tiegħi, inqas diffikultajiet minn dik preċedenti. Għalhekk ser nillimita ruħi biex nirrispondi iktar fil-qosor.

82.

L-imsemmija dispożizzjoni hija ċara meta tipprojbixxi r-rappreżentazzjoni ta’ prodott jew servizz bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ( 69 ) ta’ prodott jew servizz protett minn trade mark jew isem ta’ ditta protett. Il-kunċetti ta’ imitazzjoni u riproduzzjoni jirreferu, fil-fehma tiegħi, għall-fatt li meta kkonċepixxa l-prodott tiegħu, il-manifattur ma użax il-kreattività tiegħu, iżda pprova, u rnexxielu biss parzjalment, li jagħtih l-istess karatteristiċi ta’ prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor jew ipprova, u rnexxielu, jagħtih karatteristiċi simili ħafna (ipoteżijiet li t-tnejn iwasslu għall-imitazzjoni), jew saħansitra rnexxielu jirriproduċi għal kollox il-karatteristiċi tat-tieni prodott (riproduzzjoni).

83.

Għaldaqstant, is-suġġett tal-projbizzjoni huwa rappreżentazzjoni tal-prodott jew servizz. Id-dispożizzjoni inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li sostnew il-kumpanniji appellanti, ma tirrigwardawx prodotti ffalsifikati bħala tali, biex jiġi pprojbit ir-reklamar komparattiv intiż biex jippromwovihom (għandu jiġi mfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-fwejjaħ ikkummerċjalizzati minn dawn tal-aħħar mhumiex prodotti ffalsifikati, fis-sens li huwa perfettament legali fir-Renju Unit li tiġi mmanifatturata u tinbiegħ fwieħa li għandha riħa identika jew simili għal fwieħa ta’ lussu magħrufa). Id-dispożizzjoni lanqas ma hija fformulata b’mod tali li tipprojbixxi r-reklamar komparattiv ta’ prodotti jew servizzi li jista’ jingħad bir-raġun li jikkostitwixxu imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodotti jew servizzi protetti minn trade mark ta’ ħaddieħor, kuntrarjament għal dak li ssostni L’Oréal.

84.

Id-dispożizzjoni lanqas ma tidher li trid tipprojbixxi l-affermazzjonijiet ta’ ekwivalenza bejn il-prodott ta’ min jirreklama jew karatteristika tiegħu u l-prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor jew karatteristika tiegħu. Għalhekk, fejn min jagħmel ir-reklam isostni biss li l-prodott tiegħu huwa ekwivalenti (jew għandu karatteristika ekwivalenti) għall-prodott protett mit-trade mark ta’ ħaddieħor (jew għal karatteristika tiegħu), iżda mingħajr allużjoni għall-fatt li dik l-ekwivalenza hija l-frott tal-ikkupjar ta’ dan it-tieni prodott (jew karatteristika tiegħu), ma jidhirlix li hemm rappreżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni tal-ieħor. Iżda l-fatt partikolari pprojbit jiġi integrat, pereżempju, minbarra fil-każ ta’ ammissjoni espliċita tal-imitazzjoni jew tar-riproduzzjoni tal-prodott ta’ ħaddieħor protett minn trade mark, fil-każ ta’ użu, fir-rigward tal-prodott ta’ min jirreklama, ta’ formuli bħal “tip” jew “stil” segwiti minn tali trade mark. Barra minn hekk huwa possibbli li r-reklam, għalkemm ma jkollux dawn il-formuli jew formuli li jirreferu b’mod differenti, iżda espliċitu, għall-idea tal-imitazzjoni jew tar-riproduzzjoni, xorta jkun, fid-dawl tal-preżentazzjoni globali u tal-kuntest ekonomiku li jkun fih, xieraq sabiex jittrażmetti din l-idea lill-pubbliku indirizzat anki b’mod impliċitu biss.

85.

Għaldaqstant, inqis li xi ħadd li jirriklama li jsostni li l-prodott tiegħu għandu karatterisitika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, magħrufa jew le, ma jiksirx għal dan il-fatt biss il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 89/104. Inżid li n-natura ta’ verità ta’ din l-affermazzjoni, enfasizzata fid-domanda preliminari inkwistjoni, mhix rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, iżda hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(a) tad-direttiva msemmja.

86.

Il-kumpanniji appellanti sostnew li l-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 89/104 ma jipprekludix li tiġi ppreżentata karatterisitika speċifika ta’ prodott bħala ekwivalenti għal dik ta’ prodott protett minn trade mark li jsir il-paragun magħha. F’dan il-każ partikolari, l-affermazzjoni ta’ ekwivalenza li hemm fir-reklamar komparattiv, li ssir referenza għaliha fid-domanda preliminari inkwistjoni, tirrigwarda karatteristika waħda biss (ir-riħa) tal-prodott (fwieħa) u mhux il-prodott kollu kemm hu. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni, li tenna fis-seduta l-argument tal-kumpanniji appellanti, issuġġerixxa li, jekk hemm karatteristiċi oħra tal-prodott li huma rilevanti għall-għażla tal-konsumatur u jekk huma mhumiex interessati mill-paragun, jonqsu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex abbażi tad-dispożizzjoni inkwistjoni jiġi pprojbit reklam li jistabbilixxi ekwivalenza biss fir-rigward ta’ xi karatteristiċi tal-prodott.

87.

Billi, fil-fehma tiegħi, dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex l-affermazzjoni ta’ identità jew ekwivalenza, totali jew parzjali, bejn il-prodotti, iżda l-wiri estern tal-fatt li l-prodott irreklamat ġie mmanifatturat skont proċess ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni mill-mudell li jikkonsisti fil-prodott protett mit-trade mark, il-kwistjoni li tirriżulta minn dawn l-argumenti hija jekk il-kundizzjoni għal legalità inkwistjoni tinkisirx biss meta r-reklamar jirrappreżenta l-prodott ta’ min jirreklama kollu kemm hu bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ dak protett mit-trade mark jew anki meta huwa jirrappreżenta waħda jew uħud biss mill-karatteristiċi tal-prodott bħala oġġett ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni.

88.

F’dan ir-rigward, billi hija proprju l-“ammissjoni” bil-miftuħ fir-reklam, tal-eżistenza ta’ imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodott protett minn trade mark li d-dispożizzjoni għandha l-għan li twaqqaf sabiex tagħti protezzjoni li din it-trade mark, jiena tal-fehma li ma jirrispettax il-kundizzjoni għal legalità inkwistjoni reklam li jindika, b’mod impliċitu jew espliċitu, li karatteristika tal-prodott irreklamat timita jew tirriproduċi dik li tikkorrispondi mal-prodott protett ta’ trade mark ta’ ħaddieħor, sakemm tkun karatteristika essenzjali f’għajnejn il-pubbliku li r-reklam jindirizza.

89.

Għalhekk nissuġġerixxi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprojbixxi reklam li jirreferi, espliċitament jew impliċitament, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ekonomiku fejn ikun iddaħħal, għall-fatt li l-prodott ta’ min jirreklama ġie mmanifatturat b’mod li jimita jew jirriproduċi, anki b’mod limitat għal karatterisitika essenzjali waħda jew iktar, prodott protett minn trade mark ta’ ħaddieħor u,

konsegwentement, dan ma jipprojbixxix reklam minħabba l-fatt biss li jingħad li l-prodott tal-awtur ta’ tali reklam għandu karatteristika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, eventwalment magħrufa.

B — Fuq il-ħames domanda preliminari

90.

Il-ħames domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, issir fil-kuntest tat-trattazzjoni tal-parti tal-kawża prinċipali li ma tirrigwardax il-listi komparattivi, iżda l-forom tal-ippakkjar (kaxxa u flixkun) ta’ xi fwejjaħ ikkummerċjalizzati mill-kumpanniji appellanti.

91.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il-kunċett ta’ “jieħu vantaġġ mhux onest […] [mir-]reputazzjoni tat-trade mark”, użat fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, billi tistaqsi b’mod partikolari, jekk l-użu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa li la jippreġudika u lanqas jirrisjka li jippreġudika l-funzjoni ta’ garanzija ta’ oriġini tat-trade mark imsemmija, li ma jiddeterminax it-titbigħ (“tarnishment”) u lanqas iċ-ċajpir (“blurring”) tat-trade mark magħrufa, li ma jaffettwax negattivament il-bejgħ tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark u lanqas id-dħul mill-investimenti magħmula fuq l-istess trade mark, iżda li jipprovdi lil min jagħmel użu minnha vantaġġ kummerċjali minħabba x-xebh bejn is-sinjal u dik it-trade mark, jippermettix lil tali operatur li “jieħu vantaġġ inġust” mir-reputazzjoni tat-trade mark fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.

92.

Meta tagħmel din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, li, meta jiġi aċċertat li, minħabba x-xebh bejn l-ippakkjar tal-prodotti tal-kumpanniji appellanti u t-trade marks irreġistrati ta’ L’Oréal, tinħoloq fost il-pubbliku rabta bejn dawk il-prodotti u dawk ta’ L’Oréal, tali rabta toħloq vantaġġ għall-kumpanniji appellanti billi tippermettilhom li jitolbu prezz ogħla minn dak li kieku setgħu jitolbu. Iżda għall-qorti tar-rinviju jidher li meta tiġi affermata, fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda preliminari inkwistjoni, l-eżistenza ta’ vantaġġ inġust ifisser li t-terminu “inġust” jiġi mċaħħad minn kull funzjoni għalkemm jidher fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

93.

Diġà fakkart fil-punt 57 iktar ’il fuq li l-protezzjoni stabbilita minn din ir-regola, skont il-ġurisprudenza, tkopri wkoll il-każ ta’ użu ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa għal prodotti identiċi jew simili u mhijiex qiegħda hemm biss sabiex tħares kontra l-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku.

94.

Din il-protezzjoni tippresupponi li l-livell ta’ xebh bejn it-trade mark magħrufa u s-sinjal użat mit-terza persuna għandu bħala effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-sinjal u t-trade mark, għalkemm mhux neċessarjament iħawwadhom ( 70 ).

95.

Kundizzjoni oħra speċifika tal-protezzjoni tikkonsisti fl-użu mhux motivat tas-sinjal ikkontestat li jippermetti li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tiegħu jew joħloqilhom preġudizzju ( 71 ). Dawn huma ipoteżijiet distinti li kull waħda minnhom tista’ teżisti f’ċirkustanza partikolari fin-nuqqas tal-oħrajn u tiġġustifika minnha nnifisha l-protezzjoni inkwistjoni ( 72 ).

96.

B’referenza għal dak li osservat l-Avukat Ġenerali Sharpston fir-rigward tal-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva 89/104 ( 73 ), nosserva wkoll li l-kunċett ta’ vantaġġ inġust huwa bbażat b’mod ċar fuq il-vantaġġ għas-sinjal użat mit-terza persuna iktar milli fuq id-dannu għat-trade mark magħrufa.

97.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li ċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tirriferi għalihom fil-paragrafi (a) u (d) tad-domanda preliminari inkwistjoni — jiġifieri n-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett fuq bejgħ tal-prodotti immarkati bit-trade mark magħrufa jew fuq id-dħul mill-investimenti magħmula fuq tali trade mark — mhumiex tali li jeskludu li l-vantaġġ li kummerċjant ikollu mill-użu għall-prodotti tiegħu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor jista’ jiġi kklassifikat bħala inġust skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

98.

Madankollu dan ma jfissirx li, biex issir tali kwalifika, ikun biżżejjed li jiġi aċċertat li fost il-pubbliku tinħoloq ir-rabta msemmija iktar ’il fuq bejn is-sinjal u t-trade mark minħabba x-xebh ta’ bejniethom ( 74 ).

99.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’xi sentenzi fejn interpretat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, qalet li: “il-kunċett ta’ vantaġġ li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti […] dan jirrigwarda l-probabbiltà li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din ta’ l-aħħar tirrifletti jkunu ttrasferiti fuq il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni” ( 75 ).

100.

Iżda, fl-istess sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza affermat ukoll li r-riskju inkwistjoni jeżisti “meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni, huwa attirat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni stess u jixtri l-prodott jew is-servizz kopert minnha minħabba li għandu din it-trade mark, li hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni” ( 76 ).

101.

Issa nosserva li hija ħaġa li jingħad, bħal fis-silta riprodotta fil-punt 99 iktar ’il fuq, li r-riperkussjoni tal-immaġini tat-trade mark magħrufa fuq prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti; iżda hija ħaġa oħra li jingħad, kif jidher li jista’ jiġi dedott mis-silta riprodotta fil-punt preċedenti, li unikament minħabba din ir-riperkussjoni l-konsumatur jiġi indott jixtri tali prodotti minflok oħrajn. Din it-tieni possibbiltà hija restrittiva ħafna u tissuġġetta l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark magħrufa kontra l-aġiri parassitarji għall-prova li, fin-nuqqas tar-riperkussjoni tal-immaġni tat-trade mark magħrufa fuq il-prodott indikat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dan ma kienx jinxtara mill-konsumatur.

102.

Dejjem b’referenza għall-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, sabiex jiġu estiżi mill-kuntest tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark min-naħa ta’ proprjetarju ta’ trade mark magħrufa preċedenti għal dak tal-protezzjoni ta’ trade mark magħrufa kontra l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għaliha, “[d]ak li għandu jiġi stabbilit huwa xi forma ta’ imbottatura li tingħata li[s-sinjal tat-terz] minħabba r-rabta tagħha mat-trade mark [magħrufa]” ( 77 ).

103.

Biex ikun hemm vantaġġ meħud mir-reputazzjoni ta’ trade mark, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, fil-fehma tiegħi għandu jkun biżżejjed li tintwera ġibda partikolari tal-konsumatur għas-sinjal użat mit-terza persuna, dovuta għall-assoċjazzjoni ta’ tali sinjal ma’ kwalitajiet pożittivi tat-trade mark magħrufa ( 78 ) u li hija tali li tħajjar lill-konsumatur li jixtri l-prodotti immarkati b’dak is-sinjal.

104.

Issa, jekk tingħata tali dimostrazzjoni, għandu jiġi konkluż li dan il-vantaġġ huwa minnu nnifsu inġust?

105.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett jidhirli li huwa utli li nenfasizza li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, b’differenza mill-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 89/104, fih, minbarra l-element “inġust”, anki referenza għall-“użu mingħajr raġuni valida” (li għandu jinftiehem fis-sens ta’ użu mingħajr raġuni ġusta) tas-sinjal ( 79 ). Fir-rigward tal-ipoteżijiet ta’ parassitiżmu kkontemplati mill-ewwel dispożizzjoni, tinqala’ b’hekk id-diffikultà li jiġi ddeterminat ir-rwol rispettiv ta’ dawn iż-żewġ elementi, li mqegħdin flimkien jistgħu jidhru għall-ewwel bħala ripetizzjoni superfluwa. Fil-fatt, wieħed jistaqsi kif jista’ mir-reputazzjoni ta’ trade mark jittieħed vantaġġ li mhuwiex inġust meta jintuża sinjal identiku jew simili għal dik it-trade mark mingħajr raġuni ġusta.

106.

Biex tiġi solvuta din id-diffikultà, jidhirli li għandu jitqies li l-avverbju “inġustament” jgħodd biss fejn tiġi invokata u murija raġuni ġusta għall-użu ta’ dan is-sinjal.

107.

Dan ifisser li, meta l-“imbottatura” mogħtija lis-sinjal ta’ terza persuna mir-rabta tiegħu mat-trade mark magħrufa, fit-termini li indikajt fil-punt 103 iktar ’il fuq, tirriżulta minn użu ta’ dan is-sinjal li jkun ibbażat fuq raġuni ġusta, jeħtieġ li jiġi vverifikat, sabiex jiġi stabbilit jekk il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark jistax jipprojbixxi tali użu, jekk il-vantaġġ li tieħu t-terza persuna għandux karattru inġust jew le.

108.

Iżda meta ma tiġix adottata u pprovata raġuni ġusta għall-użu ta’ dak is-sinjal (u s-sempliċi fatt li jinkiseb vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark evidentement ma jistax ikun tali raġuni), dan l-użu jista’ jiġi pprojbit mill-proprejtarju tat-trade mark meta terza persuna tkun tista’ tikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tal-istess trade mark. Jiġifieri, fin-nuqqas ta’ raġuni valida, dan il-vantaġġ għandu jitqies li nkiseb inġustament. Għaldaqstant, kif ġie ssuġġerit essenzjalment mill-Gvern Franċiż, fejn jirriżulta li l-użu min-naħa ta’ kummerċjant ta’ sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor biex jimmarka l-prodotti tiegħu m’għandux skop ieħor ħlief li jisfrutta r-reputazzjoni jew l-immaġni partikolari ta’ dik it-trade mark sabiex jippromwovi l-bejgħ ta’ dawk il-prodotti, il-vantaġġ li jirriżulta għall-kummerċjant għandu mingħajr dubju jiġi kkwalifikat bħala inġust.

109.

Iżda fejn dan jinvoka u jipprova raġuni valida, ma jistax jiġi preżunt li l-vantaġġ meħud mir-reputazzjoni tat-trade mark huwa inġust, iżda jkun jeħtieġ li jiġi evalwat il-karattru inġust jew le tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari ( 80 ) u fir-rigward tan-natura tar-raġuni valida aċċertata.

110.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk il-kumpanniji appellanti ġabux raġuni valida għall-użu ta’ fliexken u kaxxi simili għat-trade marks ta’ L’Oréal u, f’każ affermattiv, jekk il-vantaġġ li jieħdu dawn il-kumpanniji mir-reputazzjoni tagħhom, kellux, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni dik ir-raġuni u kull ċirkustanza oħra rilevanti fil-każ partikolari, karattru inġust jew le ( 81 ).

111.

Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għall-ħames domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta kummerċjant juża sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor u jikseb vantaġġ minnha li joriġina minn dan ix-xebh u fl-assoċjazzjoni, bħala konsegwenza ta’ dan, ma’ dak is-sinjal ta’ kwalitajiet pożittivi ta’ dik it-trade mark, dan l-użu jista’ jiġi pprojbit meta ma jkunx ibbażat fuq raġuni valida, li ma tistax tkun il-vantaġġ stess, jew, meta jkun ibbażat fuq raġuni valida, jekk jirriżulta, minħabba dik ir-raġuni u kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari, li dak il-vantaġġ għandu karattru inġust;

din il-projbizzjoni mhix prekluża min-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett ta’ dan l-użu fuq il-bejgħ tal-prodotti mmarkati bis-sinjal jew fuq l-introjtu mill-investimenti magħmula fuqha.

IV — Konklużjoni

112.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) jingħataw b’dan il-mod:

1)

L-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax legalment jipprojbixxi l-użu min-naħa ta’ terza persuna f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal dik it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, meta dak l-użu ma jippreġudikax u lanqas jirriskja li jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini u lanqas funzjoni oħra tal-istess trade mark, u dan anki jekk dan l-użu jkollu rwol sinjifikattiv fil-promozzjoni tal-prodott ta’ min jagħmel ir-reklamar, billi dan tal-aħħar ikun jista’ jieħu vantaġġ inġust mill-fatt li t-trade mark tkun magħrufa.

2)

L-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li jsir, permezz ta’ listi komparattivi, paragun ta’ reklamar ma’ prodott immarkat minn trade mark magħrufa ma jippermettix li jiġi konkluż li min jagħmel ir-reklam jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark u li, jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ bħal dan tippresupponi li tiġi prodotta, fost il-pubbliku indirizzat mir-reklamar, assoċjazzjoni bejn il-proprjetarju tat-trade mark magħrufa u min jirreklama b’mod li dak il-pubbliku jkun jista’ jestendi r-reputazzjoni tal-prodotti tal-ewwel persuna għal dawk tat-tieni, il-karattru inġust ta’ dan il-vantaġġ għandu jiġi aċċertat mill-qorti nazzjonali skont kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari.

3)

L-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprojbixxi reklam li jirreferi, b’mod espliċitu jew impliċitu, wara li jitqies ukoll il-kuntest ekonomiku fejn ikun iddaħħal, għall-fatt li l-prodott ta’ min jirreklama ġie mmanifatturat b’mod li jimita jew jirriproduċi, anki b’mod limitat għal karatterisitika essenzjali waħda jew iżjed, prodott protett minn trade mark u,

konsegwentement, dan ma jipprojbixxix reklam biss minħabba l-fatt li jingħad li l-prodott tal-awtur ta’ dak ir-reklam għandu karatteristika essenzjali identika għal dik ta’ prodott protett minn trade mark, eventwalment magħrufa.

4)

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta kummerċjant juża sinjal simili għat-trade mark magħrufa ta’ ħaddieħor u jikseb vantaġġ minnha li joriġina minn dan ix-xebh u fl-assoċjazzjoni, bħala konsegwenza ta’ dan, ma’ dak is-sinjal ta’ kwalitajiet pożittivi ta’ dik it-trade mark, dan l-użu jista’ jiġi pprojbit meta ma jkunx ibbażat fuq raġuni valida, li ma tistax tkun il-vantaġġ stess, jew, meta jkun ibbażat fuq raġuni valida, jekk jirriżulta, minħabba dik ir-raġuni u kull ċirkustanza rilevanti tal-każ partikolari, li dak il-vantaġġ għandu karattru inġust;

din il-projbizzjoni mhix prekluża min-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ preġudizzju (jew riskju ta’ preġudizzju) għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark u n-nuqqas ta’ effett ta’ dan l-użu fuq il-bejgħ tal-prodotti mmarkati bis-sinjal jew fuq l-introjtu mill-investimenti magħmula fuqha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1. p. 92

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 365.

( 5 ) Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata reċentement u ssostitwita mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95/KE, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-, li, għall-finijiet tal-ewwel premessa tagħha, ipprovdiet sabiex “tiġi kodifikata”, għal “iktar ċarezza u razzjonalità”, id-Direttiva 89/104. L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2008/95 jirriproduċu mingħajr emendi sostanzjali, id-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 89/104.

( 6 ) Id-Direttiva 84/450 ġiet emendata ulterjorment bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29/KE, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“Direttiva fuq prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22), li wara ġiet imħassra u ssostitwita, mit-, bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/114/KE, tat-, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, p. 21), li madankollu kienet biss verżjoni kodifikata, għal finijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, tad-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ tad-Direttiva 84/450.

( 7 ) Deċiżjoni tar-rinviju, punt 7.

( 8 ) Konklużjonijiet tat-30 ta’ Novembru 2006, fil-kawża tad- (C-381/05, Ġabra p. I-3115).

( 9 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 10 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008 (C-533/06, Ġabra p. I-4231).

( 11 ) Ibidem, punti 36 sa 37.

( 12 ) Ibidem, punti 45 u 51.

( 13 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2008 (C-102/07, Ġabra p. I-2439, punt 46). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tas- li ta fl-istess kawża (punti 75 u 78, li għalihom isir riferiment fil-punt imsemmi iktar ’il fuq tas-sentenza msemmija).

( 14 ) Naturalment qiegħed nirreferi għall-fatt li jappartjenu lill-istess ġeneru ta’ oġġetti jiġifieri l-fwejjaħ u mhux għall-identità tal-prodotti mil-lat tal-karatteristiċi jew il-kwalitajiet tagħhom.

( 15 ) Sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff (C-292/00, Ġabra p. I-389, punt 28), u O2, iċċitata iktar ‘il fuq (punti 47 u 57 sa 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 16 ) Rispettivament sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002 (C-206/01, Ġabra p. I-10273, punt 51); tas- (C-245/02, Ġabra p. I-10989, punt 59), u tal- (C-48/05, Ġabra p. I-1017, punt 21).

( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Novembre 1997 (C-337/95, Ġabra p. I-6013).

( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2007 (C-348/04, Ġabra p. I-3391).

( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, SIGLA vs UASI — Elleni Holding (VIPS) (T-215/03, Ġabra p. II-711).

( 20 ) Sentenza Davidoff, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 sa 19).

( 21 ) Huwa f’dan is-sens li l-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-konklużjonijiet tas-17 ta’ Jannar 2002 mogħtija fil-kawża deċiża bis-sentenza tal-, LTJ Diffusion (C-291/00, Ġabra p. I-2799, punti 33 sa 39), fehem il-karattru assolut tal-protezzjoni tat-trade mark enfasizzat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104 biex ikkonkluda li “il-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarji tat-trade marks skont ir-regoli rilevanti fuq is-suġġett hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-prova tagħha hija superfluwa billi ż-żewġ trade marks (jew it-trade mark u s-sinjal) u l-prodotti kkonċernati mhux biss huma simili iżda identiċi” u li “l-Artikoli 4(1)(a) u 5(1)(a) tad-Direttiva [89/104] japplikaw biss f’tali każijiet għaliex il-probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ jiġi preżunta mingħajr aċċertamenti ulterjuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, huwa b’dan l-istess mod li tista’ tinftiehem l-affermazzjoni li hemm fil-punt 49 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li “l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva ma jeħtieġx il-prova ta’ probabbiltà [ta’ konfużjoni għall-pubbliku] biex tingħata protezzjoni assoluta fil-każ ta’ identità tas-sinjal u tat-trade mark kif ukoll tal-prodotti jew tas-servizzi”.

( 22 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 16(1) tal-“Ftehim TRIPs” (Ftehim fuq l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ) — anness tal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marakexx fil-15 ta’ April 1994 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea, għall-oqsma tal-kompetenza tagħha, b’Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-, 94/800/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) — “[f]il-każ ta’ użu ta’ sinjal identiku fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi preżunta”. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tad- fil-kawża li wasslet għas-sentenza Anheuser Busch, iċċitata iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 71 sa 77).

( 23 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 28). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 24 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

( 25 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 51). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 26 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).

( 27 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 21).

( 28 ) Sentenza Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 29 ) Ibidem (punt 54).

( 30 ) Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff (C-2/00, Ġabra p. I-4187, punt 16), u Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).

( 31 ) Sentenza tal-1 ta’ Settembru 2007 (C-17/06, Ġabra p. I-7041).

( 32 ) Sentenza Arsenal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).

( 33 ) Sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 34 ) Ibidem (punt 37). Ara, bl-istess mod, anki l-punti 26 u 36 tas-sentenza Céline, iċċitata iktar ’il fuq, ipparagunati: skont l-ewwel wieħed, “l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata jista’ jiġi pprojbit, skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, biss jekk jikser jew jekk huwa kapaċi li jikser il-funzjonijiet tat-trade mark imsemmija u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi” (il-korsiv huwa tiegħi); skont it-tieni wieħed, fejn ma jidhirx iktar it-terminu “biss”, “l-użu, minn terza persuna mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ isem ta’ kumpannija, ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ta’ ħanut identiku għal trade mark preċedenti, fil-kuntest ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark, jikkostitwixxi użu li l-proprjetarju tat-trade mark imsemmija jista’ jimpedixxi skond l-Artikolu (5)(1)(a) tad-Direttiva, jekk ikun użu għal prodotti li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark”.

( 35 ) Ibidem (punt 25).

( 36 ) Konklużjonijiet tad-29 ta’ April 1997 (punti 39 u 41 sa 42).

( 37 ) Konklużjonijiet tat-13 ta’ Ġunju2002 (punti 46 sa 47).

( 38 ) Ara wkoll, fuq il-funzjonijiet tat-trade mark, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tad-19 ta’ Jannar 2006 għas-sentenza tat-, Emanuel (C-259/04, Ġabra p. I-3089, punti 41 sa 45).

( 39 ) F’dan is-sens, ara, għalihom kollha, il-komunikazzjoni ta’ Lord Mackenzie Stuart bit-titolu “Les travaux de la Cour de Justice des Communautés européennes”, f’Marque et droit économique — Les fonctions de la marque (atti tal-laqgħa tas-6 sas-7 ta’ Novembru 1975), Union des fabricants pour la protection internationale de la propriété industrielle et artistique, Pariġi, 1976, p. 257, b’mod partikolari l-paġni 261 sa 262.

( 40 ) Konklużjonijiet tat-3 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża Copad, li għadha pendenti (C-59/08, punt 50).

( 41 ) L-immaġni effettiva tat-trade mark bħala “akkumulatur ta’ informazzjoni kkomunikata b’modi oħra” hija ta’ G. De Sena, “Il diritto dei marchi — Marchio nazionale e trade mark comunitario”, Giuffré, Milano, 2007, p. 52.

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation, sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008 (C-252/07, Ġabra p. I-8823, punti 8 sa 13), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 43 ) Sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).

( 44 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (Kawżi magħquda C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra p. I-3457, punt 75); Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), u Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20, 21).

( 45 ) Sentenza Boehringer Ingelheim et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).

( 46 ) Sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 sa 45).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembre 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 20); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C-408/01, Ġabra p. I-12537, punti 27 sa 30), kif ukoll adidas u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 sa 41).

( 48 ) Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Davidoff (punt 30), Adidas-Salomon u Adidas Benelux (punti 19 sa 20) kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 37).

( 49 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 89 sa 90 u 110 sa 113 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta' L’Oréal.

( 50 ) Konklużjonijiet tal-31 ta’ Jannar 2008 fil-kawża li wasslet għas-sentenza O2, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).

( 51 ) L-Avukat Ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2001 li ngħataw fil-kawża li wasslet għas-sentenza Toshiba (C-112/99, Ġabra p. I-7945, punt 76), osserva li d-dispożizzjoni inkwistjoni, meta tuża t-terminu “inġust”, ma setgħetx tesprimi aħjar “l-idea li parti mill-benefiċċju tal-fama ta’ trade mark tal-kompetitur tiġi żvijata inevitabbilment favur min jagħmel ir-reklamar”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 52 ) Ara s-sentenzi De Landtsheer Emmanuel (punti 34 u 62) u O2 (punti 38 sa 39).

( 53 ) Sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Konklużjonijiet tal-10 ta’ Lulju 2003 (punt 39). Is-sentenza hija ċċitata iktar ’il fuq.

( 55 ) Id-definizzjoni hija mtennija wkoll, permezz ta’ referenza espliċita, minn F.W. Mostert, F.W., “Famous and Well-Known Marks”, Butterworths, Londra, 1997, p. 62.

( 56 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (C-59/05, Ġabra p. I-2147).

( 57 ) Ara l-Joint Recommendation Concerning Provisions on the Protection of Well-Known Marks adottata mill-Assemblea tal-Unjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprejtà Intellettwali (OMPI) (1999): in-Nota fuq l-artikolu 4(1)(b)(iii) ta’ dik ir-rakkomandazzjoni, li tqajjem l-ipoteżi li trade mark li tkun riproduzzjoni, imitazzjoni, traduzzjoni jew traslitterazzjoni ta’ trade mark magħrufa “tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv” tagħha, jindika li din ir-referenza għal “vantaġġ inġust”“hija intiża sabiex tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju”.

( 58 ) Konklużjonijiet ippreżentati f’Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 59 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punti 57 u 60).

( 60 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).

( 61 ) Ibidem (punt 24).

( 62 ) Sentenza Toshiba, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).

( 63 ) Ibidem (punt 52).

( 64 ) Sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

( 65 ) Ara f’dan is-sens, b’riferiment għall-vantaġġ meħud mill-awtur tar-reklamar, is-sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).

( 66 ) Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Toshiba (punt 56) u Siemens (punt 17).

( 67 ) Sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 68 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

( 69 ) Nuża t-terminu “riproduzzjoni” minflok it-terminu “falsifikazzjoni” (contraffazione), li jidher fit-test Taljan tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, billi t-tieni terminu, peress li jirreferi neċessarjament għall-ksur ta’ dritt ta’ privattiva, jidher li mhuwiex traduzzjoni xierqa tat-termini korrispondenti, iktar newtrali, li jidhru fil-verżjoni Ingliża (“replicas”) u Franċiża (“reproduction”) tal-istess dispożizzjoni.

( 70 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adidas-Salomon u Adidas Benelux (punti 29 u 31), kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 41).

( 71 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adidas-Salomon u Adidas Benelux (punt 27), kif ukoll adidas u Adidas Benelux (punt 40).

( 72 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Adidas-Salomon u Adidas Benelux, iċċitati iktar ’il fuq (punti 36 sa 39), kif ukoll, għalkemm b’referenza għall-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva 89/104, il-konklużjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Intel Corporation (punt 43) u s-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

( 73 ) Konklużjonijiet dwar il-kawża Intel Corporation, iċċitati iktar ’il fuq (punt 62).

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

( 75 ) Sentenzi VIPS, iċċitati iktar ’il fuq (punt 40); tat-30 ta’ Jannar 2008, Japan Tobacco vs UASI-Torrefacção Camelo (CAMELO) (T-128/06, punt 46), u tad-, Mülhens vs UASI-Spa Monopole (MINERAL SPA) (T-93/06, punt 40). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 76 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VIPS (punt 42), CAMELO (punt 65) u MINERAL SPA (punt 38). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 77 ) Konklużjonijiet fil-kawża Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).

( 78 ) Mill-istess sentenzi ċċitati iktar ’il fuq VIPS (punti 71 sa 72) u CAMELO (punt 65), jirriżulta, barra minn hekk, min-naħa waħda, li r-riskju ta’ vantaġġ meħud inġustament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ trade mark ta’ ħaddieħor “jista’ jipproduċi ruħu biss jekk il-pubbliku rilevanti, mingħajr ma jikkonfondi l-oriġini [tal-prodotti inkwistjoni], kellu attrazzjoni partikolari” għall-prodott ta’ min japplika għar-reġistrazzjoni “għall-unika raġuni li huwa kopert” minn sinjal identiku jew simili għat-trade mark magħrufa u, min-naħa l-oħra, li teħtieġ il-prova tal-assoċjazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma’ kwalitajiet pożittivi tat-trade mark magħrufa preċedenti.

( 79 ) Fil-każ tar-reklamar komparattiv, ir-raġuni ġusta għall-użu tat-trade mark tal-kompetitur jidhirli li hija inerenti fil-ħarsien, min-naħa tal-messaġġ ta’ reklamar, tal-kundizzjonijiet ta’ legalità taħt l-Artikolu 3a(1)(b) u (c) tad-Direttiva 84/450. Għal dik ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur Komunitarju ma ħassx li kien meħtieġ li jieħu mill-Artikolu 3(1)(g) ta’ dik id-direttiva l-kundizzjoni dwar l-użu mhux immotivat tas-sinjal li iżda tidher fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

( 80 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68). Kif uriet l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet għas-sentenza msemmija (punt 65), ir-riskju li jinkiseb vantaġġ inġust mit-trade mark magħrufa jkun iktar għoli ikbar ma tkun ir-reputazzjoni tagħha u iktar ma jkunu qrib l-oqsma tas-suq li għalihom jappartjenu l-prodotti immarkati rispettivament mis-sinjal u mit-trade mark magħrufa.

( 81 ) Ara s-sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

Top