EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0385

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 31 ta' Marzu 2009.
Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Kompetizzjoni -Artikolu 82 KE - Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi użati fil-Ġermanja - Logo ‘Der Grüne Punkt’ - Dritt dovut skont il kuntratt għall-użu tal-logo - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Dritt esklużiv ta’ proprjetarju ta’ trade mark - Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza - Terminu raġonevoli - Prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva - Artikoli 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-385/07 P.

European Court Reports 2009 I-06155

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:210

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

Kawża C-385/07 P

Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi użati fil-Ġermanja — Logo ‘Der Grüne Punkt’ — Dritt dovut skont il-kuntratt għall-użu tal-logo — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Dritt esklużiv ta’ proprjetarju ta’ trade mark — Tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Terminu raġonevoli — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikoli 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”

1. 

Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa appell ippreżentat minn Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “DSD”) kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni ( 2 ). Din il-kawża kienet tirrigwarda abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fil-qasam tal-irkupru tal-iskart tal-imballaġġi.

2. 

Skont digriet Ġermaniż, il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi għandhom l-obbligu li jiġbru u jirkupruw l-imballaġġi li huma jpoġġu fis-suq Ġermaniż ( 3 ). L-appellanti hija impriża li toffri lil dawn il-manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi tal-bejgħ servizzi ta’ ġbir, ta’ għażla u ta’ rkupru tal-imballaġġi tagħhom. Għal dan il-għan, dawn tal-aħħar għandhom ipoġġu fuq l-imballaġġi tagħhom il-logo Der Grüne Punkt. Inkambju għal dan, il-manifatturi u d-distributuri għandhom iħallsu dritt lil DSD li jkopri l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru tal-imballaġġi mwettqa minn DSD, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi relatati.

3. 

Kienet din is-sistema stabbilita minn DSD li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/463/KE, tal-20 ta’ April 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE ( 4 ).

4. 

Il-kwistjoni ċentrali f’dan l-appell tirrigwarda l-punt jekk l-appellanti tistax tinvoka l-logo Der Grüne Punkt biex tiġġustifika l-fatt li l-manifatturi u d-distributuri għandhom iħallsu dritt għall-imballaġġi kollha li fuqhom jitwaħħal dan il-logo, minkejja li parti minn dawn l-imballaġġi ma jinġabrux mis-sistema tal-appellanti, iżda minn sistema kompetitriċi.

5. 

Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-obbligu li deċiżjoni tingħata fi żmien raġonevoli. L-appellanti hija tal-fehma, fil-fatt, li din il-proċedura li damet madwar ħames snin u disa’ xhur marret kontra dan il-prinċipju.

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega, fl-ewwel lok, ir-raġunijiet għalfejn inqis li l-appell għandu jiġi miċħud.

7. 

Sussegwentement ser nindika li, fil-kuntest ta’ din il-kawża fejn it-tul eċċessiv taż-żmien ma kellu ebda konsegwenza fuq in-natura tad-deċiżjoni mogħtija fuq il-mertu mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jien tal-opinjoni li l-miżura l-iktar xierqa sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ rispett tad-dritt li kull persuna għandha li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli mhijiex dik li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, iżda dik li lill-appellanti jiġi rrikonoxxut d-dritt li tiftaħ kawża għad-danni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

8.

L-Artikolu 82 KE jgħid dan li ġej:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn posizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ;

[…]”

9.

Fil-każ ta’ ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 82(a), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tista’, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962 ( 5 ), “titlob [l]ill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi konċernati li jtemmu dan il-ksur”.

B — Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża: id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-imballaġġi

10.

Fit-12 ta’ Ġunju 1991 ġie adottat id-Digriet Leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġi (Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen) ( 6 ), li l-verżjoni riveduta tiegħu — applikabbli għal din il-kawża — daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 1998 (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-imballaġġi”). Dan id-digriet għandu l-iskop li jipprevjeni jew inaqqas l-effetti fuq l-ambjent tal-iskart tal-imballaġġi u jobbliga, għal dan il-għan, lill-manifatturi u lid-distributuri biex jiġbru lura u jirkupraw l-imballaġġi tal-bejgħ użati.

11.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi digriet, l-imballaġġi tal-bejgħ huma dawk li, fil-punti tal-bejgħ, jintużaw għall-ippakkjar ta’ oġġett iddestinat għall-konsumatur finali. Dawn jinkludu wkoll l-imballaġġi u l-kontenituri u l-għodda tal-ikel u l-kċina li jintremew wara li jintużaw fil-ħwienet, fir-ristoranti u minn provvisti ta’ servizzi oħra sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw il-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur finali.

12.

Il-manifattur huwa ddefinit fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet dwar l-imballaġġi bħala kull persuna li timmanifattura imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta tal-imballaġġi, kif ukoll kull persuna li timporta imballaġġi fit-territorju Ġermaniż. Fir-rigward tad-distributur, l-Artikolu 3(8) tal-imsemmi digriet jistabbilixxi li dan huwa kull persuna li tpoġġi fis-suq imballaġġi, materjali ta’ imballaġġ jew prodotti li jippermettu l-manifattura diretta tal-imballaġġi jew inkella merkanziji imballati, fi kwalunkwe livell tas-sistema ta’ distribuzzjoni. Fl-aħħar, il-konsumatur finali hu ddefinit fl-Artikolu 3(10) tal-istess digriet bħala kull persuna li ma terġax tbiegħ il-merkanzija mill-ġdid taħt il-forma li ġiet mogħtija lilu.

13.

Sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ġbir u rkupru tal-imballaġġi tal-bejgħ, il-manifatturi u d-distributuri għandhom, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Digriet dwar l-imballaġġi, jiġbru mingħajr ħlas l-imballaġġi użati mill-konsumaturi finali, fil-punt tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, u jieħduhom għall-irkupru. Din is-sistema tissejjaħ “sistema individwali”. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, id-distributur għandu, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi digriet, jgħarraf lill-konsumatur finali dwar il-possibbiltà li l-imballaġġ jingħata lura permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu u jinqraw b’mod ċar.

14.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Digriet dwar l-imballaġġi, l-manifatturi u d-distributuri jistgħu jagħżlu wkoll li jipparteċipaw f’sistema li tiżgura ġbir regolari, fiż-żona kollha tal-kummerċ tad-distributur, tal-imballaġġi tal-bejgħ mingħand il-konsumatur finali jew qrib ir-residenza tiegħu, sabiex jittieħdu għall-irkupru. Din is-sistema tissejjaħ“sistema kollettiva”. Skont it-tieni sentenza tal-punt 2 tat-Titolu 4 tal-Anness I tal-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet, il-manifatturi u d-distributuri għandhom juru l-parteċipazzjoni tagħhom f’sistema kollettiva permezz ta’ tikkettar jew mezz ieħor adatt. Huma jistgħu jsemmu din il-parteċipazzjoni fuq l-imballaġġi jew jużaw mezzi oħrajn, bħal pereżempju, informazzjoni għall-klijenti fil-post tal-bejgħ jew avviż miżjud mal-imballaġġ. Meta l-manifatturi u d-distributuri jagħżlu li jipparteċipaw f’sistema kollettiva, huma jkunu eżenti mill-obbligu ta’ ġbir u rkupru għall-imballaġġi kollha koperti minn din is-sistema.

15.

Skont il-ħdax-il sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Digriet dwar l-imballaġġi, is-sistemi kollettivi għandhom ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder inkwistjoni. Biex ikunu awtorizzati, dawn is-sistemi għandhom, b’mod partikolari, ikollhom rata ta’ koperatura li ta’ mill-inqas testendi għat-territorju ta’ Land, iwettqu ġbir regolari qrib ir-residenzi tal-konsumaturi u jkunu ffirmaw ftehim mal-assoċjazzjonijiet lokali inkarigati mill-amministrazzjoni tal-iskart. Kull impriża li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’Land tista’ torganizza sistema kollettiva awtorizzata f’dak il-Land.

16.

Sabiex jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligu tagħhom li jiġbru u jirkupraw l-imballaġġi tal-bejgħ użati, il-manifatturi u d-distributuri, irrispettivament mis-sistema li huma jagħżlu, għandhom jirrispettaw ir-rati ta’ rkupru ddefiniti fl-Anness I tal-Artikolu 6 tad-Digriet dwar l-imballaġġi u li jvarjaw skont il-materjal li minnu jkun magħmul l-imballaġġ. Il-prova li dawn ir-rati ġew rispettati għandha tingħata, fil-każ tas-sistema individwali, permezz ta’ ċertifikati maħruġa minn esperti indipendenti u, fil-każ tas-sistema kollettiva, permezz tal-provvista ta’ data verifikabbli dwar il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura u rkuprati.

17.

Barra minn hekk, id-disa’ sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Digriet dwar l-imballaġġi tindika li, jekk distributur ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ ġbir u rkupru permezz ta’ sistema individwali, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ sistema kollettiva.

C — Is-sistema kollettiva ta’ DSD, il-kuntratt għall-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi

18.

DSD hija kumpannija li topera, sa mill-1991, sistema kollettiva għat-territorju Ġermaniż kollu (iktar ’il quddiem is-“sistema DSD”). F’dan ir-rigward, DSD ġiet approvata, fl-1993, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder kollha.

19.

Ir-relazzjonijiet bejn DSD u l-manifatturi u d-distributuri li jaderixxu mas-sistema tagħha huma rregolati permezz ta’ kuntratt standard dwar l-użu tal-logo Der Grüne Punkt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt dwar l-użu tal-logo”). Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan il-kuntratt, l-impriża aderenti hija awtorizzata, bi ħlas, li tpoġġi l-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi tal-bejgħ inklużi fis-sistema DSD.

20.

DSD tassigura, f’isem l-impriżi li jaderixxu mas-sistema tagħha, il-ġbir, l-għażla u l-irkupru tal-imballaġġi tal-bejgħ użati li huma jiddeċiedu li għandhom jipparteċipaw fis-sistema DSD, biex b’hekk teħlishom mill-obbligu tagħhom ta’ ġbir u rkupru tal-imsemmija imballaġġi. Għal dan il-għan, l-impriżi aderenti huma obbligati li jinnotifikaw it-tipi ta’ imballaġġ li huma jixtiequ jarmu permezz tas-sistema DSD u li jwaħħlu l-logo Der Grüne Punkt fuq kull imballaġġ ta’ dan it-tip li huma intiżi għal konsum intern fil-Ġermanja.

21.

Il-manifatturi u d-distributuri li jużaw il-logo Der Grüne Punkt iħallsu dritt lil DSD għall-imballaġġi kollha li fuqhom ikun hemm dan il-logo u li huma jpoġġu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju Ġermaniż. L-ammont ta’ din id-dritt huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ żewġ tipi ta’ elementi, jiġifieri, minn naħa waħda, il-piż tal-imballaġġ u t-tip ta’ materjal użat u, min-naħa l-oħra, il-volum jew l-erja tal-imballaġġ. Id-drittijiet huma intiżi esklużivament biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi relatati.

22.

Il-logo Der Grüne Punkt ġie rreġistrat bħala trade mark fl-1991, mill-uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u t-trade marks, f’isem DSD. Għall-użu ta’ din it-trade mark barra mill-Ġermanja, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Komunità Ewropea, DSD tat id-drittijiet tal-użu, fil-forma ta’ liċenzja ġenerali, li ProEurope (Packaging Recovery Organisation Europe SPRL), li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Brussell (il-Belġju).

23.

Fil-kuntest tas-sistema DSD, l-imballaġġi bil-logo Der Grüne Punkt jistgħu jintremew jew f’kaxxi taż-żibel speċjali u ddifferenzjati skont jekk ikunux tal-metall, plastik jew materjali komposti, jew inkella f’kontenituri installati qrib id-djar (b’mod partikolari għall-karti u l-ħġieġ), filwaqt li l-iskart li jifdal irid jintrema fil-kaxxi taż-żibel tas-sistema pubblika tar-rimi tal-iskart.

24.

DSD la tiġbor u lanqas ma tirkupra hija stess l-imballaġġi użati, iżda tagħti b’subappalt dawn is-servizzi lil impriżi lokali. Ir-relazzjonijiet bejn DSD u dawn l-impriżi huma rregolati b’kuntratt standard (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizzi”). DSD iffirmat dan il-kuntratt ma’ iktar minn 500 impriża.

25.

Il-kuntratt ta’ servizzi kien is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/837/KE tas-17 ta’ Settembru 2001, fi proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ( 7 ). B’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-289/01, Ġabra p. II-1691), ir-rikors ta’ DSD għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġie miċħud.

II — Il-kuntest fattwali

26.

Il-fatti, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu sintesizzati skont kif ġej.

27.

Fit-2 ta’ Settembru 1992, DSD innotifikat lill-Kummissjoni, minbarra l-istatuti tagħha, ċertu numru ta’ ftehim, fosthom il-kuntratt dwar l-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi, bil-għan li tikseb ċertifikazzjoni negattiva jew, fin-nuqqas ta’ dan, deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

28.

Wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tat-23 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 100, p. 4) tal-komunikazzjoni li saret b’mod konformi mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17, fejn il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiddikjara li kienet favur il-ftehim innotifikati, hija rċeviet osservazzjonijiet minn terzi kkonċernati fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ diversi aspetti tal-applikazzjoni tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo. B’mod partikolari, dawn it-terzi interessati ddenunzjaw allegata distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ħlas ta’ dritt doppju fil-każ ta’ parteċipazzjoni fis-sistema DSD u f’dik ta’ fornitur ta’ servizzi ieħor.

29.

Fil-15 ta’ Ottubru 1998, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni serje ta’ impenji bil-għan li jiġi evitat li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD jkollhom iħallsu dritt doppju fil-każ li huma jkunu jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra li topera fuq livell reġjonali.

30.

L-impenn kien dan li ġej ( 8 ):

“Jekk sistemi oħra barra s-[sistema DSD], li joperaw fuq skala reġjonali, jiġu stabbiliti u jiġu uffiċjalment approvati mill-ogħla awtoritajiet tal-Land skont l-Artikolu 6(3) tad-Digriet dwar l-imballaġġi, [DSD] hija disposta li tapplika l-kuntratt għall-użu tal-logo b’tali mod li dawk li jaderixxu jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw għal wieħed minn dawn is-sistemi għal parti mill-imballaġġi tagħhom. Għaldaqstant, [DSD] ma tirċievi l-ebda dritt bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo għall-imballaġġi miġbura minn dawn is-sistemi, bil-kundizzjoni li dan it-tieni tip ta’ ġbir ikollu jiġi vverifikat permezz ta’ provi. It-tieni kundizzjoni imposta għall-eżenzjoni tad-drittijiet dovuti fuq l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo [Der Grüne Punkt] hi li ma jkun hemm l-ebda ksur kontra l-protezzjoni tat-trade mark [Der Grüne Punkt].”

31.

Fit-3 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-serje ta’ impenji ppreżentati minn DSD fil-15 ta’ Ottubru 1998 kellhom jinkludu wkoll is-sistemi individwali użati għar-rimi ta’ parti mill-imballaġġi u mhux ikunu limitati biss għas-sistemi kollettivi.

32.

Fil-15 ta’ Novembru 1999, ċerti manifatturi ta’ imballaġġi bagħtu lment lill-Kummissjoni. Huma argumentaw li l-kuntratt dwar l-użu tal-logo kien jostakola l-istabbiliment ta’ sistema individwali ta’ ġbir tal-imballaġġi. Huma kkunsidraw li l-użu tal-logo, mingħajr it-twettiq effettiv ta’ servizz ta’ rimi tal-iskart minn DSD, kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ DSD.

33.

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2000, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni żewġ impenji supplimentari. Wieħed minnhom kien jirrigwarda l-każ fejn il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jagħżlu sistema individwali għal parti mill-imballaġġi tagħhom u jaderixxu mas-sistema DSD għall-parti li jifdal. F’dan il-każ, DSD tintrabat li ma timponix id-dritt abbażi tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo għall-parti tal-imballaġġi miġbura mis-sistema individwali, kemm-il darba jingħatawlha provi dwar dan it-tieni tip ta’ ġbir. Dawn il-provi għandhom jingħataw b’mod konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punt 1 tat-Titolu 2 tal-Anness I tal-Artikolu 6 tad-Digriet dwar l-imballaġġi. Fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Marzu 2000, DSD indikat ukoll li ma kienx jidhrilha li huwa meħtieġ li jiġu mmodifikati s-serje ta’ impenji ppreżentati fil-15 ta’ Ottubru 1998 ( 9 ).

34.

Fit-3 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil DSD, li din tal-aħħar irrispondiet b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2000.

35.

Fl-20 ta’ April 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

III — Id-deċiżjoni kkontestata

36.

Il-premessi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża r-raġunament tagħha huma, minn naħa waħda, il-possibbiltà li manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jikkombina sistemi differenti bil-għan li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Digriet dwar l-imballaġġi ( 10 ) u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza, mhux ikkontestata minn DSD, li din tal-aħħar tinsab f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, DSD kienet l-unika impriża li toffri sistema kollettiva għat-territorju Ġermaniż kollu u s-sistema DSD kienet tiġbor madwar 70% tal-imballaġġi tal-bejgħ fil-Ġermanja.

37.

Wara dan, il-Kummissjoni taqsam l-evalwazzjoni ġuridika tagħha f’żewġ partijiet, l-ewwel parti ddedikata għal analiżi tal-aġir ta’ DSD fid-dawl tal-Artikolu 82 KE u t-tieni għal eżami tal-miżuri li jippermettu lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, li temm l-abbuż ikkonstatat.

38.

Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dritt miġbur minn DSD mingħand il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD mhuwiex ikkundizzjonat mill-użu effettiv tas-sistema, iżda jiġi kkalkulat fuq il-bażi tan-numru ta’ imballaġġi li jużaw il-logo Der Grüne Punkt li dawn il-manifatturi u distributuri jikkumerċjalizzaw fil-Ġermanja, kemm jekk l-imballaġġi jkunu rkuprati minn DSD u kemm jekk le. Il-manifatturi u d-distributuri li jaderixxu mas-sistema DSD huma obbligati, skont il-kuntratt dwar l-użu tal-logo, li jpoġġu dan il-logo fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għal konsum fil-Ġermanja.

39.

Il-Kummissjoni b’hekk tirrileva li, fir-realtà, DSD torbot id-dritt unikament mat-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi, indipendentement mill-fatt jekk l-imballaġġi mmarkati b’dan il-mod effettivament jinġabrux jew le mis-sistema DSD, filwaqt li fil-kuntratt dwar l-użu tal-logo huwa stipulat li d-dritt iservi biss biex ikopri l-ispejjeż marbuta mal-ġbir, l-għażla u l-irkupru tal-imballaġġi użati, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi relatati.

40.

Il-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni tagħha permezz ta’ tliet każijiet ipotetiċi, deskritti fid-deċiżjoni kkontestata.

41.

L-ewwel każ ipotetiku huwa dak fejn manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jiddeċiedi li jaderixxi mas-sistema DSD u ma’ sistema kollettiva oħra. B’hekk, pereżempju, impriża tista’ tkun tixtieq li tuża s-servizzi ta’ kompetitriċi ta’ DSD biss għat-territorju ta’ Land partikolari, peress li tkun toffri prezzijiet iktar vantaġġużi, filwaqt li żżomm is-servizzi ta’ DSD għall-kumplament tat-territorju federali fejn din tal-aħħar biss tkun attiva. F’din l-ipoteżi, il-kuntratt konkluż ma’ DSD madankollu jimponilha li tħallas dritt lil DSD, inkwantu l-imballaġġi mpoġġija fis-suq fil-Land inkwistjoni jkunu jużaw il-logo Der Grüne Punkt.

42.

It-tieni każ ipotetiku jikkonċerna l-każ fejn impriża tiddeċiedi li tikkombina sistema individwali mas-sistema DSD bħal, pereżempju, fil-kuntest tal-operat ta’ stabbilimenti tal-fast food. Effettivament, f’dawn it-tip ta’ ħwienet tal-ikel, spiss ikun propost lill-konsumatur li jew jikkonsma l-prodott fil-post jew inkella li jieħdu bħala take-away, u konsegwentement jieħu anke l-imballaġġi. F’dan il-każ, wieħed jista’ jifhem li d-distributur, fil-kuntest ta’ sistema individwali, jiġbor l-imballaġġi użati li l-konsumatur ikun ħalla fil-post, fil-punt tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata (pereżempju f’kaxxi taż-żibel speċjali li jkunu jinsabu fuq barra). Filwaqt li għall-imballaġġi li l-konsumatur jieħu ’il barra, u li b’hekk jintremew ’il bogħod mill-punt tal-bejgħ, id-distributur jirrikorri għas-sistema DSD.

43.

Fit-tielet każ ipotetiku, manifattur jew distributur ta’ imballaġġi jpoġġi dawn tal-aħħar fis-suq Ġermaniż, iżda wkoll fis-suq ta’ Stati Membri oħra. Għall-imballaġġi ddistribwiti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, il-manifattur jew id-distributur jaderixxi ma’ sistema kollettiva li tuża l-logo Der Grüne Punkt. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, għall-imballaġġi mpoġġija fis-suq tal-Lussemburgu u li, skont ir-rieda tal-impriża li tpoġġi dawn l-imballaġġi f’dak is-suq, jinġabru mis-sistema Valorlux. Madankollu, għal diversi raġunijiet, din l-istess impriża ma tkunx tixtieq taderixxi mas-sistema DSD għall-ġbir u l-irkupru tal-imsemmija imballaġġi mpoġġija fit-territorju Ġermaniż. Nistgħu nimmaġinaw li l-imsemmija impriża tipproduċi fliexken tal-plastika li hija tiddistribwixxi fuq territorju tal-Lussemburgu u f’Land, fit-territorju Ġermaniż. Hija taderixxi, fil-Lussemburgu, mas-sistema Valorlux u, fil-Land Ġermaniż, hija tistabbilixxi, pereżempju, sistema individwali ta’ ġbir u rkupru.

44.

F’dawn it-tliet każijiet ipotetiċi, l-aġir ta’ DSD huwa, skont il-Kummissjoni, evidentement abużiv, inkwantu jimponi prezzijiet inġusti fuq l-impriżi aderenti u jostakola d-dħul ta’ kompetituri fis-suq Ġermaniż inkwistjoni.

45.

Effettivament, f’kull wieħed mill-każijiet deskritti, il-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi huwa affaċjat bl-istess problema, jiġifieri li għall-istess tip ta’ imballaġġi mpoġġija fis-suq Ġermaniż, huwa kostrett iħallas żewġ drittijiet, minkejja li jipparteċipa fis-sistema DSD biss fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u ma jipparteċipax f’dik is-sistema jew jipparteċipa biss parzjalment għall-imballaġġi tiegħu fit- territorju Ġermaniż. Il-manifattur jew id-distributur effettivament huwa kostrett li juża l-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi kollha u b’hekk irid iħallas id-dritt għal kull logo li jitwaħħal fuq l-imballaġġi.

46.

L-immarkar selettiv previst, iżda mwarrab mill-Kummissjoni f’tali ipoteżi, ikun jeħtieġ li l-logo Der Grüne Punkt jintuża biss fuq l-imballaġġi miġbura mis-sistema DSD u b’hekk il-manifattur jew id-distributur ikun obbligat li jadotta żewġ linji ta’ produzzjoni differenti għall-istess imballaġġ, li waħda minnhom tkun riżervata għall-imballaġġi mmarkati bil-logo Der Grüne Punkt. Skont il-Kummissjoni, dan iwassal għal spejjeż żejda sinjifikattivi għall-manifattur jew id-distributur ta’ dawn l-imballaġġi.

47.

Il-Kummissjoni tkompli l-analiżi tagħha billi tikkunsidra li jekk il-logo jitwaħħal fuq l-imballaġġi kollha, u mbagħad jitgħatta fuq dawk destinati għal supermarkits fil-viċinanza jew ħwienet kbar self-service, li jużaw sistemi individwali jew sistema kollettiva kompetitriċi, bil-għan li jiġu distinti minn dawk miġbura mis-sistema DSD, dan iwassal għal spiża organizzattiva addizzjonali għall-manifattur jew id-distributur.

48.

Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, peress li l-aġir tal-konsumatur mhijiex prevedibbli u dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jew jarmi l-imballaġġ fil-punt tal-bejgħ jew li jarmih f’kontenitur, id-destinazzjoni ta’ imballaġġ ma tistax tiġi ddeterminata minn qabel. Għalhekk, flixkun tal-plastik li fuqu jkun hemm il-logo Der Grüne Punkt jista’ jsib ruħu f’kontenitur li ma jkunx jappartjeni lil DSD. Il-manifattur jew id-distributur ma jkollux il-mezzi loġistiċi u materjali biex isegwi l-vjaġġ tal-iskart u li jassigura li jintrema fil-post it-tajjeb.

49.

Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fatt li d-dritt jintrabat mat-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi jobbliga lill-impriżi li jkunu suġġetti għas-sistema DSD biss għal parti mill-imballaġġi tagħhom jew li jkollhom linji ta’ produzzjoni u ċirkwiti ta’ distribuzzjoni distinti, bi spiża addizzjonali, jew inkella li jħallsu dritt għal servizz li DSD ma tipprovdix. DSD b’hekk timponi kundizzjonijiet ta’ kummerċ inġusti.

50.

Finalment, skont il-Kummissjoni, in-natura stess tal-mekkaniżmu tas-sistema implimentata minn DSD jista’ biss jiskoraġġixxi lill-impriżi suġġetti għas-sistema DSD milli jaħdmu mal-impriżi kompetituri, minħabba l-ispejjeż żejda li huma jkollhom awtomatikament iħallsu. Dan b’hekk jikkostitwixxi ostaklu għad-dħul ta’ impriżi kompetituri fis-suq inkwistjoni. Fil-fatt, dawn l-impriżi, jekk jiddeċiedu li jużaw is-sistema DSD u sistema oħra tar-rimi tal-imballaġġi, ikollhom iħallsu, għall-parti tal-imballaġġi fdata lil kompetitriċi ta’ DSD, żewġ drittijiet, jiġifieri dik ta’ DSD għall-użu tal-logo u dik tal-kompetitriċi għall-ġbir, l-għażla u l-irkupru effettiv ta’ dawn l-imballaġġi.

51.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li DSD abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm fil-konfront tal-klijenti tagħha kif ukoll fil-konfront tal-kompetituri.

52.

Il-Kummissjoni tkompli billi tindika, fil-premessi 136 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni ta’ abbuż mhijiex ikkonfutata min-neċessità li jiġi ppreżervat il-karattru distintiv tal-logo Der Grüne Punkt. Hija tiddikjara, fil-premessa 145 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-funzjoni essenzjali ta’ dan il-logo hija sodisfatta jekk dan jindika lill-konsumatur li huwa għandu l-possibbiltà li jarmi l-imballaġġ permezz ta’ DSD.

53.

Wara din l-analiżi, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata segwenti:

“Artikolu 1

L-imġiba ta’ [DSD] li tikkonsisti fir-rekwiżit […] tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi tal-bejgħ kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo [Der Grüne Punkt] mhijiex kompatibbli mas-suq komuni meta l-impriżi suġġetti bis-saħħa tad-Digriet dwar l-imballaġġi:

a)

ma jirrikorrux għas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart stabbilit fl-Artikolu 2 tal-kuntratt għall-użu tal-logo ħlief għal parti mill-imballaġġi jew li ma jirrikorrux għalih, iżda jpoġġu fis-suq fil-Ġermanja imballaġġ standardizzat, li huwa kkummerċjalizzat ukoll fi Stati Membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u li għalihom dawn jaderixxu ma’ sistema ta’ ġbir li tuża l-logo [DGP], u

b)

jipprovaw li, fir-rigward tal-kwantità tal-imballaġġi, totali jew parzjali, li għalihom dawn ma jirrikorrux għas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart, dawn jissodisfaw l-obbligi tal-ġbir imposti fuqhom mid-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi permezz ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali.

[…]”

54.

Wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż, id-deċiżjoni kkontestata tiddetermina, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, il-mod kif DSD għandha ttemm dan il-ksur. Il-miżura prinċipali fost dawn hija ddefinita fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni:

“DSD hija marbuta li tintrabat mal-firmatarji kollha tal-kuntratt għall-użu tal-logo sabiex ma tirċevix ħlas fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi ta’ bejgħ bil-logo [DGP] ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja, li għalihom ma sarx l-użu tas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt għall-użu tal-logo u li għalihom l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor. […]”

IV — Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

55.

DSD, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2001, ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

56.

DSD ressqet ukoll talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-151/01 R, Ġabra p. II-3295), il-president tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba.

57.

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Novembru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat l-interventi ta’ Vfw AG (iktar ’il quddiem “Vfw”), Landbell AG für Rückhol-Systeme (iktar ’il quddiem “Landbell”) u BellandVision GmbH (iktar ’il quddiem “BellandVision”) insostenn tal-Kummissjoni.

58.

Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fid-9 ta’ Settembru 2002.

59.

Fid-19 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet serje ta’ mistoqsijiet lill-partijiet. Dawn instemgħu fis-seduta tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2006.

60.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tal-appellanti.

61.

Din tal-aħħar invokat, essenzjalment, tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 82 KE, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 86(2) KE.

62.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat.

63.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, l-appellanti argumentat, essenzjalment, li għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jidher mid-deċiżjoni kkontestata, liċenzja obbligatorja tat-trade mark tagħha Der Grüne Punkt bl-ebda mod ma kienet obbligatorja sabiex il-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jkun jista’ jipparteċipa f’sistema kompetitriċi. B’hekk, DSD sostniet li kien possibbli li jsir immarkar selettiv tal-imballaġġi, li jippermetti li jkunu biss l-imballaġġi bil-logo Der Grüne Punkt li jintremew fl-installazzjonijiet tas-sistema DSD.

64.

L-appellanti kienet ukoll tal-fehma li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo kienu neċessarji sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-objettivi tad-Digriet dwar l-imballaġġi, li jiġu ppreżervati d-diversi funzjonijiet tat-trade mark Der Grüne Punkt u sabiex is-sistema DSD tkun tista’ taħdem sew.

65.

Wara li indikat, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li kien possibbli għal manifattur jew għal distributur ta’ imballaġġi li, fl-istess ħin, jagħmel użu minn sistema individwali u minn sistema kollettiva sabiex jikkonforma ruħu mar-rati ta’ rkupru, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet, fil-punti 142 sa 163 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għaliex DSD kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Hija b’hekk iddeċidiet li s-soluzzjoni ta’ mmarkar selettiv ma kinitx imposta mid-Digriet dwar l-imballaġġi u ma kinitx tippermetti li jintemm l-abbuż ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Hija sussegwentement indikat, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li l-esklużività invokata mill-appellanti ma kinitx imposta fl-imsemmi digriet fil-każ ta’ użu ta’ sistemi mħallta, u ppreċiżat li l-logo Der Grüne Punkt ma għandux l-importanza li tagħtih l-appellanti.

66.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, barra minn hekk, fil-punt 156 tas-sentenza appellata ddeċidiet li “[i]l-fatt li l-logo Der Grüne Punkt u l-indikazzjoni ta’ “metodu xieraq” li jindika lil sistema kollettiva oħra […] ikunu jidhru fuq l-istess imballaġġ, fil-każ ta’ użu konġunt ta’ żewġ sistemi kollettivi, u l-fatt li fuq l-istess imballaġġ jidhru l-logo Der Grüne Punkt u l-indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ restituzzjoni fil-ħanut, fil-każ ta’ użu konġunt tas-sistema DSD u ta’ sistema individwali, ma jiksirx il-funzjoni essenzjali tat-trade mark ta’ DSD”.

67.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li “la l-liġi tat-trade marks u lanqas in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jawtorizzaw [lill-appellanti] li teżiġi mingħand l-impriżi li [jagħmlu] użu mis-sistema tagħha l-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, meta dawn l-impriżi jipprovaw li huma ma [jagħmlux] użu mis-sistema DSD għal parti minn dawn l-imballaġġi jew l-imballaġġi kollha”.

68.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, l-appellanti sostniet li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

69.

Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-immarkar selettiv tal-imballaġġi skont is-sistema użata kienet iktar adatta mill-obbligu impost fid-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti sostniet ukoll li l-Artikoli 3 u 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata kienu sproporzjonati, peress li jobbligawha li tagħti lil terzi liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt. Barra minn hekk, hija argumentat li d-deċiżjoni kkontestata kienet timponilha li ma tirċevix dritt għas-sempliċi użu ta’ dan il-logo, meta kien ipprovat li l-obbligi li jirriżultaw mid-Digriet dwar l-imballaġġi kienu rrispettati b’metodu ieħor.

70.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv. Hija ddeċidiet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li “il-fatt li fit-teorija jista’ jkun possibbli li l-logo jitwaħħal b’mod selettiv fuq l-imballaġġi, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jwassal għall-annullament tal-miżuri [meħuda fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata], peress li għall-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi din is-soluzzjoni tiswa iktar [u hija iktar diffiċli] sabiex titħaddem mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ [din id-deċiżjoni], liema miżuri huma intiżi biss sabiex jillimitaw il-ħlas tas-servizz propost minn DSD għas-servizz effettivament ipprovdut mis-sistema tagħha”.

71.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ukoll, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li l-obbligi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx l-għan li jimponu liċenzja fuq DSD mingħajr restrizzjoni fiż-żmien għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt, iżda biss li jobbligaw lil DSD li ma tirċevix il-ħlas ta’ drittijiet fuq l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt meta jiġi pprovat li l-imballaġġi kollha jew parti minnhom biss inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistema oħra.

72.

B’risposta għall-argument tal-appellanti li jipprovdi li hija setgħet tirċievi dritt adegwat għas-sempliċi użu tat-trade mark, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teskludix il-possibbiltà għal DSD li tirċievi l-ħlas ta’ drittijiet adegwati għall-użu biss tat-trade mark fil-każ meta jiġi pprovat li l-imballaġġ li għandu fuqu l-logo Der Grüne Punkt ġie miġbur u rkuprat minn sistema oħra.

73.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, l-appellanti argumentat li ksur tal-Artikolu 82 KE kien eskluż, peress li hija kienet responsabbli għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE, jiġifieri l-amministrazzjoni tal-iskart għal għanijiet ambjentali.

74.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li anki jekk jitqies li l-appellanti hija responsabbli għal servizz bħal dan, xorta jibqa’ l-fatt li ma ġiex ipprovat li hemm ir-riskju li din il-funzjoni titqiegħed fid-dubju minħabba d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll, fil-punt 211 tas-sentenza appellata, li peress li DSD ma invokatx il-benefiċċju tal-Artikolu 86(2) KE fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt.

75.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

V — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

76.

Skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, DSD, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2007, ressqet appell kontra s-sentenza appellata.

77.

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2007, Interseroh Dienstleistungs GmbH (iktar ’il quddiem “Interseroh”), li sa mis-sena 2006 topera sistema kollettiva għat-territorju Ġermaniż kollu, talbet biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Frar 2008, il-president tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dan l-intervent.

78.

DSD titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi deċiża skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

f’kull każ tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

79.

Il-Kummissjoni, Vfw, Landbell, BellandVision u Interseroh jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil DSD għall-ispejjeż.

VI — L-aggravji tal-appell u l-analiżi ġuridika

80.

F’dan l-istadju għandhom jiġu analizzati l-aggravji tal-appell fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

81.

L-appellanti tinvoka tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha.

82.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi għamlet konstatazzjonijiet kontradittorji rigward l-abbuż li bih hija akkużata.

83.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, DSD hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kuntratt dwar l-użu tal-logo meta kkunsidrat li, skont dak il-kuntratt, l-appellanti tagħti liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt għall-imballaġġi miġbura minn sistemi kompetituri.

84.

DSD tikkunsidra, permezz tat-tielet aggravju tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta kkonstatat li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività invokata, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u żnaturat id-Digriet dwar l-imballaġġi.

85.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tad-dritt Komunitarju tat-trade marks.

86.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, DSD targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 82 KE, minn naħa waħda, meta kkunsidrat b’mod mhux suffiċjentement immotivat u kontra fl-atti tal-proċess, li l-appellanti abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta tat liċenzji għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt għall-imballaġġi li ma jinġabrux mis-sistema tagħha u, min-naħa l-oħra, billi ma rrispettatx il-kundizzjonijiet neċessarji għall-għoti ta’ liċenzja obbligatorja.

87.

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta obbligatha tagħti liċenzja għall-impriżi li l-imballaġġi tagħhom ma jinġabrux mis-sistema tagħha, u meta ċaħħditha mid-dritt li titwaħħal nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġi li jużaw il-logo Der Grüne Punkt u li ma jinġabrux mis-sistema DSD.

88.

DSD tinvoka, permezz tas-seba’ aggravju tagħha, difett proċedurali inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

89.

Finalment, permezz tat-tmien aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt tagħha li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli.

A — Fuq l-ewwel aggravju, dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba motivi kontradittorji

90.

Permezz ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fformulat konstatazzjonijiet kontradittorji dwar l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u li b’hekk kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

1. L-argumenti tal-partijiet

91.

Skont l-appellanti, il-kontradizzjoni tinsab fil-fatt li, minn naħa waħda, mill-analiżi li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, b’mod partikolari, mill-punti 48, 50, 58, 60, 119, 163 u 164 tas-sentenza appellata, jirriżulta li DSD teżiġi mill-impriżi aderenti għas-sistema DSD li jħallsu dritt għall-imballaġġi tal-bejgħ li ma jkunux inġabru minn dik is-sistema u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, li “ma jistax jiġi eskluż li t-trade mark Der Grüne Punkt imwaħħla fuq l-imballaġġ inkwistjoni jista’ jkollha valur ekonomiku bħala tali” u li, “anki jekk l-imballaġġ imsemmi effettivament ma jingħatax lis-sistema DSD u jiġi pprovat li l-ekwivalenti tiegħu f’materjal ġie miġbur [jew i]rkuprat minn sistema kompetitriċi, xorta jibqa’ l-fatt li t-trade mark tħalli lill-konsumatur il-possibbiltà li jarmi dan l-imballaġġ permezz tas-sistema DSD”. B’hekk, tkompli tgħid il-Qorti tal-Prim’Istanza, “[p]ossibbiltà bħal din offerta lill-konsumatur għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati bil-logo Der Grüne Punkt […] hija kapaċi li jkollha prezz, li […] [għandu jkun jista’ jitħallas] lil DSD għas-servizz ipprovdut f’dan il-każ, jiġifieri l-provvista tas-sistema tagħha”.

92.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-aggravju mhuwiex fondat. Hija tfakkar li d-dritt huwa intiż biex ikopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill- ġbir, l-għażla u l-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż ta’ ġestjoni. Min-naħa l-oħra, id-dritt ma jirrappreżentax ħlas għall-użu tat-trade mark. Id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata b’hekk ma jirrigwardawx il-kwistjoni ta’ dritt għall-użu tat-trade mark. Hija tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, fil-punti 194 sa 196 tas-sentenza appellata, distinzjoni loġika bejn, minn naħa waħda, l-abbuż imwettaq mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li hija tirċievi dritt adegwat għas-sempliċi użu tat-trade mark.

93.

Vfw, Landbell u BellandVision huma tal-fehma, l-istess bħall- Kummissjoni, li m’hemm ebda kontradizzjoni. Huma jsostnu li l-punt 194 tas-sentenza appellata ma għandux x’jaqsam mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-abbuż. Dan jirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk is-sempliċi twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi jistax ikollu prezz, anki meta DSD ma tipprovdi ebda servizz ta’ rimi.

2. Evalwazzjoni

94.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv dwar il-ksur tal-Artikolu 82 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 86 sa 163 tas-sentenza appellata, jekk l-appellanti kinitx tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Ġermaniż inkwistjoni. Hija kkonkludiet, fil-punti 164 u 165 ta’ dik is-sentenza, li “la d-Digriet [dwar] l-imballaġġi, la l-liġi tat-trade marks u lanqas in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jawtorizzaw [lill-appellanti] li teżiġi mingħand l-impriżi li [jagħmlu] użu mis-sistema tagħha l-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, meta dawn l-impriżi jipprovaw li huma ma [jagħmlux] użu mis-sistema DSD għal parti minn dawn l-imballaġġi jew [għal]l-imballaġġi kollha”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ċaħdet l-ewwel motiv.

95.

Mill-punt 191 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, esprimiet il-pożizzjoni tagħha dwar l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata jeskludu l-impożizzjoni ta’ dritt għas-sempliċi użu tat-trade mark. Il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat, fil-punti 194 sa 196 ta’ dik is-sentenza, ir-raġunijiet għalfejn DSD setgħet tirċievi dritt adegwat għas-sempliċi użu tat-trade mark, meta jkun ipprovat li l-imballaġġ bil-logo Der Grüne Punkt ikun inġabar u ġie rkuprat minn sistema oħra.

96.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkonstatat, fil-punti 194 sa 196 tas-sentenza appellata, li l-logo Der Grüne Punkt jista’ jkollu valur ekonomiku u li s-sempliċi twaħħil ta’ dan il-logo fuq l-imballaġġ huwa “kapaċi li jkoll[u] prezz”.

97.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma fformulatx konstatazzjonijiet kontradittorji. Hija ddistingwiet bejn dritt li ma jkoprix l-ispejjeż relatati mal-użu effettiv tas-sistema, li huwa l-uniku punt inkwistjoni f’din il-kawża, u dritt adegwat għas-sempliċi użu tal-logo Der Grüne Punkt, li huwa ta’ natura differenti, u li huwa biss possibbiltà ta’ negozjar li jinsab fuq livell kompletament differenti u estranju għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

98.

B’hekk, fid-dawl tal-elementi preċedenti, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B — Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo

99.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, DSD takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li żnaturat il-kuntratt dwar l-użu tal-logo.

1. L-argumenti tal-partijiet

100.

Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tinvoka diversi argumenti.

101.

Fl-ewwel lok, skont DSD, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li hija tat, permezz ta’ dak il-kuntratt, liċenzja iżolata għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt, jiġifieri liċenzja għall-immarkar tal-imballaġġi tal-bejgħ li għalihom ma tintużax is-sistema DSD. Hija b’hekk issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ dritt billi żnaturat il-kuntratt dwar l-użu tal-logo.

102.

L-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkunsidratx l-argumenti tagħha li juru li hija ma tatx liċenzja iżolata u li l-kuntratt dwar l-użu tal-logo huwa llimitat għall-għoti ta’ dritt ta’ użu tal-logo lill-impriżi aderenti sabiex DSD tassumi l-obbligi ta’ ġbir u rkupru li jirriżultaw mid-Digriet dwar l-imballaġġi. Konsegwentement, DSD hija tal-fehma li jekk il-kuntratt dwar l-użu tal-logo huwa llimitat għall-għoti ta’ dritt biex il-logo jitwaħħal fuq l-imballaġġi li b’hekk jippermetti li l-imballaġġi jinġabru permezz tas-sistema ta’ rimi tagħha, m’hemmx diskrepanza bejn is-servizz li hija toffri u d-dritt. Għalhekk m’hemm l-ebda abbuż.

103.

Fit-tieni lok, DSD issostni li l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat il-kuntratt dwar l-użu tal-logo jmur kontra l-atti tal-proċess. Effettivament, mill-korrispondenza skambjata bejn DSD u l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li DSD ma tatx liċenzja iżolata, iżda li hija kienet sempliċement irrifjutat li taċċetta li l-imballaġġi ddestinati għal sistemi kompetituri jużaw il-logo Der Grüne Punkt.

104.

Fit-tielet lok, l-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li żnaturat l-elementi ta’ prova li fuqhom hija bbażat ruħha u li abbażi tagħhom hija kkonstatat li l-appellanti pproponiet liċenzja iżolata. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ dritt, b’mod partikolari, meta kkonstatat, abbażi tas-sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf tal-11 ta’ Awwissu 1998, Hetzel, u tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-15 ta’ Marzu 2001, Bäko, tal-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni, kif ukoll fil-kuntest tat-teżi inizjalment difiża mill-appellanti, li DSD ipproponiet liċenzja iżolata.

105.

L-appellanti tirreferi, fil-fatt, għall-punt 163 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li “in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jistgħux jiġġustifikaw l-imġiba [tal-appellanti] kkaratterizzata fis-sentenzi [BäKo u Hertzel iċċitati iktar ’il fuq], iċċitati mill-Kummissjoni […], id-diversi lmenti ppreżentati lill-Kummissjoni […] u r-raġunament ippreżentat inizjalment minn DSD [fir-rikors] tagħha […], li jikkonsisti fl-eżiġenzi tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt, [anke jekk] tingħata prova li xi wħud minn dawn l-imballaġġi nġabru u ġew rkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.”

106.

Il-Kummissjoni tfakkar li, biex tikkonstata l-abbuż, hija tibbaża ruħha unikament fuq is-sistema tad-drittijiet kif iddefinita fil-kuntratt dwar l-użu tal-logo. Hija tippreċiża li l-isproporzjon bejn id-dritt mitlub u s-servizz effettivament imwettaq minn DSD huwa relatat mal-użu tat-trade mark biss inkwantu DSD tinqeda bil-logo Der Grüne Punkt biex teżerċita pressjoni ekonomika fuq l-impriżi li jaderixxu mas-sistema tagħha.

107.

Vfw, Landbell u BellandVision huma tal-fehma li dan l-aggravju huwa inammissibbli, inkwantu DSD tista’ tibbaża l-appell tagħha biss fuq ksur, min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi u mhux fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti.

2. Evalwazzjoni

108.

Jekk qed nifhem sewwa l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeduċiet mill-evalwazzjoni tal-atti tal-proċess u tal-elementi ta’ prova li DSD tagħti liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt lil impriżi aderenti għall-imballaġġi li la jinġabru u lanqas ma jiġu rkuprati mis-sistema tagħha. Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha interpretat il-kuntratt dwar l-użu tal-logo bħala kuntratt li jorbot id-dritt biss mas-servizz provdut.

109.

Fil-fehma tiegħi, l-appellanti qed tinterpreta ħażin il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

110.

Effettivament, wara li semmiet l-argumenti tal-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, preliminarjament, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li “huma biss id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt għall-użu tal-logo dwar id-drittijiet li huma kkwalifikati bħala abbużivi mid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt)”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli billi tippreċiża li “[g]ħaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkritikax il-fatt li l-Artikolu 3(1) tal-kuntratt timponi fuq il-manifattur jew id-distributur li jixtieq juża s-sistema DSD li jwaħħal il-logo Der Grüne Punkt fuq kull imballaġġ mogħti jew intiż għall-konsum intern”.

111.

Fid-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 17 tas-sentenza appellata, li l-ammont tad-dritt imħallas mill-impriżi aderenti mas-sistema DSD huwa ddestinat esklużivament, skont l-Artikolu 4(2) u (3) tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo, biex ikopri l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż amministrativi relatati.

112.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat b’mod ċar, abbażi ta’ dan il-kuntatt, l-obbligi ta’ DSD kif ukoll il-ħlas dovut inkambju mill-manifattur jew mid-distributur u li tieħu l-forma ta’ dritt. L-akkuża li qed issir lil DSD tirrigwarda l-iżbilanċ bejn dan id-dritt mitlub mingħand l-impriżi aderenti u s-servizz effettivament mogħti, peress li anki meta ċerti imballaġġi jinġabru minn sistema kompetitriċi, DSD, abbażi tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo, xorta waħda ġġieġħelhom iħallsu dritt għal dawk l-imballaġġi, dritt li, għandu jitfakkar, huwa intiż biss biex ikopri l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi.

113.

B’hekk, fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma interpretatx il-kuntratt dwar l-użu tal-logo fis-sens li għandu l-effett li jagħti liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt lill-impriżi aderenti għall-imballaġġi li ma jinġabrux jew ma jiġux irkuprati mis-sistema DSD.

114.

Kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-logo Der Grüne Punkt huwa relatat mal-kuntratt dwar l-użu tal-logo biss inkwantu dan il-logo għandu rwol ta’ identifikazzjoni. L-appellanti stess sostniet dan quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-punt 124 tas-sentenza appellata, din tal-aħħar fil-fatt fakkret l-argumenti ta’ DSD li jgħidu li “[b]’hekk, it-trade mark Der Grüne Punkt tippermetti, fl-istess ħin, li jiġi muri liema huma l-imballaġġi ttrasferiti lil DSD […] u li juru lill-konsumatur dak li għandu jagħmel”.

115.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament telqet minn din il-premessa. Il-kuntratt dwar l-użu tal-logo għandu l-iskop li jippermetti lill-impriżi aderenti li jilliberaw ruħhom mill-obbligu tagħhom ta’ ġbir u rkupru tal-imballaġġi. Inkambju għal dawn is-servizzi, dawn l-impriżi għandhom iħallsu dritt lil DSD għall-imballaġġi kollha nnotifikati kemm jekk dawk l-imballaġġi effettivament jinġabru mis-sistema DSD kif ukoll jekk le, u l-funzjoni tal-logo hi dik li jidentifika l-imballaġġi nnotifikati.

116.

Konsgwentement, fl-opinjoni tiegħi t-tieni aggravju wkoll għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C — Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u żnaturament tad-Digriet dwar l-imballaġġi minħabba l-impossibbiltà li tiġi asserita esklużività tal-logo Der Grüne Punkt

117.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita u li, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, żnaturat d-Digriet dwar l-imballaġġi u kisret d-dritt tat-trade marks.

118.

Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tinvoka diversi argumenti.

119.

Permezz tal-ewwel argument tagħha, l-appellanti tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi kkonstatat li hija ma setgħetx tasserixxi esklużività fuq it-trade mark Der Grüne Punkt, ibbażat ruħha biss fuq l-evalwazzjoni kontradittorja tas-seduta u b’hekk ma mmotivatx b’mod suffiċjenti din il-konstatazzjoni.

120.

Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti tikkunsidra li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jittrasferixxi lil DSD kwantità ta’ materjal tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo, tad-Digriet dwar l-imballaġġi u r-rekwiżit li jirriżulta mid-dritt tat-trade marks li jgħidu li l-imballaġġi li jaqgħu taħt is-sistema DSD għandhom ikunu identifikabbli.

121.

Permezz tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames argumenti tagħha, DSD tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza marret kontra d-Digriet dwar l-imballaġġi billi kkonstatat, fl-ewwel lok, li fl-istess ħin imballaġġ jista’ jaqa’ kemm taħt is-sistema DSD kif ukoll taħt sistema oħra kollettiva, fit-tieni lok, li distributur li jkun aderixxa ma’ sistema kollettiva jista’, a posteriori, jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ ġbir u rkupru permezz ta’ sistema individwali u, fit-tielet lok, li distributur li jissodisfa tali obbligi permezz ta’ sistema individwali jista’ jaderixxi, a posteriori, ma’ sistema kollettiva.

122.

Permezz tas-sitt argument tagħha, DSD issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tgħid li jista’ jkun li fuq l-imballaġġi li ma jintremewx mis-sistema DSD jitwaħħal il-logo Der Grüne Punkt, iċċaħħad lil dan il-logo mill-karattru distintiv tiegħu u hija manifestament kontra l-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fid-Digriet dwar l-imballaġġi.

123.

Finalment, permezz tas-seba’ argument tagħha, l-appellanti tikkunsidra li r-rifjut, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li taċċetta l-esklużività tal-logo Der Grüne Punkt huwa inkompatibbli mad-dritt tat-trade marks.

1. Fuq l-ewwel argument tat-tielet aggravju, li jallega motivazzjoni insuffiċjenti

a) L-argumenti tal-partijiet

124.

DSD hija tal-fehma li l-konstatazzjoni li saret fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li tgħid li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita, mhijiex immotivata b’mod suffiċjenti. B’mod partikolari, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni kontradittorja tas-seduta, mingħajr mhuwa possibbli, fuq il-bażi tas-sentenza appellata jew tal-verbal tas-seduta, li jiġi ddeterminat x’kien is-suġġett ta’ dik l-evalwazzjoni.

125.

Il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet derivati mid-dritt tat-trade marks mhijiex essenzjalment ibbażata fuq elementi esposti matul is-seduta.

b) Evalwazzjoni

126.

Naqbel mal-Kummissjoni li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

127.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, tindika li mill-evalwazzjoni kontradittorja li seħħet matul is-seduta tista’ tislet is-segwenti konstatazzjoni. “[L]i l-manifattur jew id-distributur tal-imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il-manifattur jew distributur [ser] jikkummerċjalizza fil-Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l-intenzjoni li jafda lis-sistema DSD bil-ġbir u l-irkupru. Għaldaqstant huwa possibbli għal manifattur jew għal distributur ta’ imballaġġi li jagħmel użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonforma ruħu mar-rati ta’ rkupru stabbiliti mid-Digriet [dwar l-imballaġġi]”.

128.

Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-kritika tal-appellanti dwar l-analiżi mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-ġustifikazzjonijiet relatati mad-dritt tat-trade marks mressqa mill-appellanti.

129.

Fil-punti 103 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat l-argumenti mressqa mill-partijiet matul il-proċedura bil-miktub u li jirrigwardaw il-ġustifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo mid-dritt tat-trade marks.

130.

Sussegwentement, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li minn sentenza tal-Kammergericht Berlin tal-14 ta’ Ġunju 1994 jirriżulta li “[it-trade mark Der Grüne Punkt] ‘sempliċement tavża, għas-servizz ikkonċernat, li l-prodott li fuqu tidher jista’ jintrema permezz tas-sistema DSD’ mingħajr ma tagħti indikazzjoni fuq il-kwalità tas-servizz propost”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll li “fil-każ ta’ attribuzzjoni ta’ parti mill-imballaġġi lil kompetitur ta’ DSD, il-konsumatur jista’ jagħżel jekk jirkuprax l-imballaġġ permezz tas-sistema DSD jew permezz tas-sistema kompetitriċi”.

131.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li “filwaqt li l-funzjoni tal-logo Der Grüne Punkt hi dik li tidentifika l-possibbiltà tar-rimi tal-imballaġġ in kwistjoni permezz tas-sistema DSD u li dan il-logo jista’ jitwaħħal flimkien ma sinjali oħra jew mekkaniżmi oħra li jippermettu li tiġi identifikata possibbiltà oħra ta’ rimi permezz ta’ sistema individwali jew ta’ sistema kollettiva kompetitriċi, ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur mhux proporzjonat tal-liġi tat-trade marks jew, f’kull każ, ksur mhux ġustifikat minn neċessità li jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE”.

132.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, irrispondiet għall-argument tal-appellanti li jikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li mis-sentenza tal-Kammergericht Berlin jirriżulta li l-funzjoni essenzjali tal-logo Der Grüne Punkt hija sodisfatta meta dan jgħarraf lill-konsumatur li huwa għandu l-possibbiltà li jarmi l-imballaġġ permezz ta’ DSD. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li dan l-argument mhuwiex rilevanti għaliex “isemmi biss [i]l-kuntest partikolari li fih is[s]eħħ is-sentenza […] mingħajr [madankollu] ma jpoġġi fid-dubju l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li diversi indikazzjonijiet li jinformaw lill-konsumatur fuq l-aġir li għandu jsir fir-rigward tas-sistemi differenti kapaċi li jiġbru u li jirkupraw il-prodott jistgħu jidhru fuq l-istess imballaġġ”.

133.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet tispjega, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li r-riżultati ta’ stħarriġ ta’ opinjoni ppreżentati mill-appellanti u li, skont din tal-aħħar, jikkonfermaw il-karattru distintiv tat-trade mark, ma jikkonfutawx ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tindika, f’dan ir-rigward, li “huwa loġiku li l-konsumaturi jidentifikaw il-logo Der Grüne Punkt imwaħħal fuq l-imballaġġi bħala indikazzjoni li dan jista’ jiġi rritornat fl-installazzjonijiet tal-ġbir li jinsabu fil-viċinanzi tar-residenza tagħhom. Madankollu, dan ma jippermettix li jkunu magħrufa r-reazzjonijiet ta’ dawn il-konsumaturi fil-preżenza ta’ imballaġġ li fuqu hemm imwaħħla diversi logos li jidentifikaw lil sistemi kollettivi. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti juru, f’dan ir-rigward, dak li kien ġie kkonfermat waqt is-seduta, jiġifieri li l-installazzjonijiet tal-ġbir użati minn dawn is-sistemi huma ġeneralment l-istess u li, ħafna drabi, il-konsumatur jiddepożita l-imballaġġi f’dawn l-installazzjonijiet skont il-materjal użat u mhux skont il-logo li jidher fuq l-imballaġġi”.

134.

L-appellanti sostniet ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-fatt li t-trade mark Der Grüne Punkt titwaħħal fuq imballaġġ li jipparteċipa f’sistema kompetitriċi jaffetwa ħażin il-funzjoni distintiva ta’ dik it-trade mark, għaliex il-konsumaturi jkunu mqarrqa fil-każijiet ipotetiċi kollha previsti fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-każijiet fejn ikun hemm użu konġunt ta’ sistema individwali mas-sistema DSD, l-appellanti targumenta li kważi 48.4% tal-konsumaturi ma jifhmux l-informazzjoni kontradittorja ppreżentata mill-indikazzjoni ta’ ġbir fil-ħanut u dik mogħtija mil-logo Der Grüne Punkt ta’ ġbir qrib id-dar permezz tas-sistema DSD ( 11 ).

135.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrispondi għal dan l-argument fil-punt 160 tas-sentenza appellata u tgħid li “[l-imsemmi] argument dwar it-tqarriq fir-rigward tal-pubbliku mit-trade mark ma jistax jirnexxi […], peress li l-kuntratt għall-użu tal-logo jirrigwarda biss lil min juża l-logo msemmi, jiġifieri l-manifatturi u d-distributuri tal-imballaġġi li [jagħmlu] użu mis-sistema DSD, u mhux il-konsumaturi”.

136.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ttemm l-analiżi tagħha billi tippreċiża, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li “l-aċċettazzjoni tal-esklużività asserita [mill-appellanti] jkollha biss l-effett li timpedixxi lill-manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi milli jużaw sistemi mħallta u [li tagħti leġittimità lil]l-possibbiltà, għall-appellanti, li titħallas għal servizz li għalih dawk interessati wrew li dan ma ġiex ipprovdut konkretament peress li jkun ġie fdat lil sistema kollettiva oħra jew lil sistema individwali skont il-metodi stabbiliti fl-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata”.

137.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-konstatazzjoni li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita mill-appellanti mhijiex essenzjalment ibbażata, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni din tal-aħħar, fuq l-evalwazzjoni kontradittorja li tirriżulta mis-seduta u ma tistax titqies bħala insuffiċjenti.

138.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel argument tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2. Fuq it-tieni argument tat-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-atti tal-proċess u tad-dritt Komunitarju tat-trade marks

a) L-argumenti tal-partijiet

139.

Skont DSD, il-konstatazzjoni li saret fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-manifattur jew id-distributur tal-imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, iżda pjuttost [jittrasferixxulha] kwantità ta’ materjal li dan il-manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil-Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l-intenzjoni li jafda lis-sistema DSD bil-ġbir u l-irkupru”, hija manifestament kontra d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt dwar l-użu tal-logo li jirrigwardaw in-notifika u l-għoti ta’ liċenzji, kontra dawk tad-Digriet dwar l-imballaġġi li jirrigwardaw it-twettiq tal-obbligu ta’ ġbir, kontra r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-imsemmi Digriet u, finalment, kontra r-rekwiżit li jirriżulta mid-dritt tat-trade marks li jgħid li l-imballaġġi li jaqgħu taħt is-sistema DSD għandhom ikunu identifikabbli.

b) Evalwazzjoni

140.

Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-appellanti, fil-kuntest tat-tieni argument tat-tielet aggravju, sempliċement tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali, mingħajr ma tistabbilixxi konnessjoni bejn dan il-kuntest ġuridiku u l-kritika tagħha dwar il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza msemmija f’dan l-argument. L-imsemmi argument ma jinkludi ebda argument ġuridiku li juri fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ dritt.

141.

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 225 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba ( 12 ).

142.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi t-tieni argument tat-tielet aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli.

3. Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames argumenti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq żnaturament tad-Digriet dwar l-imballaġġi

143.

L-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat id-Digriet dwar l-imballaġġi meta kkonstatat, fl-ewwel lok, li imballaġġ jista’ fl-istess ħin jaqa’ kemm taħt is-sistema DSD kif ukoll taħt sistema oħra kollettiva, fit-tieni lok, li distributur li jkun aderixxa ma’ sistema kollettiva jista’, a posteriori, jissodisfa l-obbligi tiegħu permezz ta’ sistema individwali u, fit-tielet lok, li distributur li jissodisfa l-obbligi tiegħu permezz ta’ sistema individwali jista’ jaderixxi, a posteriori, ma’ sistema kollettiva.

a) Fuq it-tielet argument tat-tielet aggravju

i) L-argumenti tal-partijiet

144.

DSD issostni li l-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 129 u 154 tas-sentenza appellata, li jgħidu li imballaġġ fdat lil DSD jista’ jaqa’ fl-istess ħin taħt sistema ta’ ġbir u rkupru oħra apparti mis-sistema DSD, jikkostitwixxu żnaturament tad-Digriet dwar l-imballaġġi.

145.

L-appellanti hija tal-fehma li dawn il-konstatazzjonijiet huma manifestament kontra l-prinċipju tad-dritt li jirregola l-imballaġġi, li jgħid li imballaġġ konkret huwa jew suġġett għall-obbligu ta’ ġbir, jew inkella eżentat minn tali obbligu. Hija b’hekk tikkunsidra li imballaġġ ma jistax, għall-kuntrarju tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza msemmija f’dan l-argument, jaqa’ taħt żewġ sistemi ta’ rimi jew iktar.

146.

F’dan ir-rigward, l-appellanti tirreferi għall-eżempju ċċitat mill- Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 134 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega li, fil-kuntest ta’ stabbilimenti tal-fast food, “konsumatur finali jixtri sandwich li jkun mibjugħ f’imballaġġ li jkun intiż li jżomm is-sħana, dan il-konsumatur jista’ liberament jiddeċiedi li jiekol il-prodott fil-post u li jpoġġi l-imballaġġ fil-kontenituri li jkunu mpoġġija fil-post mill-istabbiliment ta’ fast food fil-kuntest tas-sistema individwali tiegħu, jew li jieħu dan il-prodott għandu biex b’hekk ipoġġi l-imballaġġ fl-installazzjonijiet ta’ ġbir ta’ DSD mpoġġija fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli billi tikkonkludi li “dan l-imballaġġ jista’ jingħata fiż-żewġ sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru proposti mill-istabbiliment ta’ fast food sabiex jaqdi l-obbligi stabbiliti fid-Digriet [dwar l-imballaġġi]”.

147.

DSD hija tal-fehma li, anki fil-qasam tal-istabbilimenti tal-fast food, imballaġġ ma jistax jaqa’, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, taħt żewġ sistemi ta’ ġbir. Hija tgħid li jekk l-imballaġġ jintrema fil-post fil-kuntest ta’ sistema individwali jew jinġabar minn sistema kollettiva, dan ikun biss żball min-naħa tal-konsumatur. L-appellanti b’hekk tenfasizza l-importanza li jiġi indikat b’mod ċar liema huwa l-metodu ta’ rimi previst għal kull imballaġġ.

148.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fil-kuntest ta’ soluzzjoni mħallta li tuża żewġ sistemi kollettivi, il-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi għandu obbligu ta’ trasparenza fir-rigward taż-żewġ sistemi. L-imballaġġi b’hekk ikollhom żewġ sinjali differenti bil-għan li jiġu identifikati dawn is-sistemi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tali soluzzjoni hija possibbli għaliex l-imsemmija sistemi huwa responsabbli biss għall-imballaġġi indikati bħala kwantitajiet. Il-Kummissjoni tindika wkoll li, fil-każ ta’ kompetizzjoni bejn is-sistemi kollettivi, l-imballaġġi jinġabru fl-istess kontenituri.

ii) Evalwazzjoni

149.

Fl-opinjoni tiegħi l-konstatazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li tgħid li imballaġġ fdat lil DSD jista’ jaqa’ taħt diversi sistemi ta’ rimi, ma tmurx kontra d-Digriet dwar l-imballaġġi.

150.

Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li, fil-punt 10 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li “fl-osservazzjonijiet tagħhom tal-24 ta’ Mejju 2000, mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrativa […], l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li d-Digriet […] fuq l-imballaġġi kien jippermetti lid-distributur li jassoċja l-ġbir fil-viċinanzi tal-ħanut, fil-kuntest ta’ sistema individwali, flimkien mall-ġbir fil-viċinanzi tal-konsumatur finali, fil-kuntest ta’ sistema kollettiva, billi jipparteċipa fis-sistema kollettiva biss fir-rigward ta’ parti mill-imballaġġi li huwa jkun qiegħed fis-suq”.

151.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, fakkret li “[i]d-deċiżjoni kkontestata tenfasizza wkoll li minn risposta preċedenti tal-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Digriet [dwar l-imballaġġi] ma jimplikax li huwa possibbli biss l-użu ta’ sistema unika. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma kellhom l-intenzjoni li jippermettu biss l-istabbiliment ta’ sistema kollettiva waħda fil-pajjiż kollu jew f’kull Land”.

152.

Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, fil-fehma tiegħi ġustament, tindika fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li, skont l-Anness I tal-Artikolu 6 tad-Digriet dwar l-imballaġġi, ir-rati ta’ rkupru huma kkalkulati f’perċentwali tal-massa ta’ materjal ikkummerċjalizzat li ġie effettivament miġbur u rkuprat u li fil-punt 1(2) ta’ dak l-Anness huwa speċifikat li l-kwantitajiet ta’ imballaġġ rilevanti huma ddeterminati f’perċentwali tal-massa.

153.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk spjegat, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li peress li r-rati ta’ rkupru jiġu kkalkulati skont il-perċentwal tal-massa, ikun possibbli li jsir tqassim bejn diversi sistemi mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu stabbiliti kwantitajiet ta’ imballaġġi ddefiniti minn qabel. Il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat il-proposta tagħha permezz ta’ eżempju dwar stabbiliment tal-fast food. Hija wriet li, fil-kuntest ta’ tali stabbiliment, tkun meħtieġa taħlita ta’ sistema individwali mas-sistema DSD, għaliex teżisti l-possibbiltà ta’ konsum fil-post jew li l-prodott jittieħed bħala take away. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet billi spjegat li “dak li huwa importanti fir-relazzjoni kuntrattwali bejn [l-appellanti] u l-manifattur jew id-distributur tal-imballaġġi, huwa li jiġi ggarantit li l-kwantitajiet ta’ materjal li tqiegħed fis-suq li għandu jiġi rkuprat ikunu effettivament miġbur u rkuprat sabiex jintlaħqu r-rati stabbiliti fid-Digriet [dwar l-imballaġġi]”.

154.

Fil-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat li jeżistu mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu li jiġu sodisfatti l-obbligi imposti mill-imsemmi digriet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, indikat li jekk is-sistema individwali ma tkunx suffiċjenti biex jiġu sodisfatti r-rati ta’ rkupru, l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jistgħu jużaw sistema kollettiva bil-għan li jilħqu l-kwantitajiet neqsin.

155.

Barra minn hekk, id-Digriet dwar l-imballaġġi stess jipproponi din is-soluzzjoni fl-Artikolu 6(1) tiegħu billi jippreċiża li, jekk id-distributuri ma jissodisfawx l-obbligi ta’ ġbir u rkupru permezz tal-ġbir fil-post tar-rimi, huma għandhom jagħmlu dan permezz ta’ sistema kollettiva ( 13 ).

156.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fl-opinjoni tiegħi t-tielet argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

b) Fuq ir-raba’ u l-ħames argumenti tat-tielet aggravju

i) L-argumenti tal-partijiet

157.

DSD issostni, barra minn hekk, li l-indikazzjoni li tinsab fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li tgħid li distributur li jkun aderixxa ma’ sistema kollettiva jista’ a posteriori jinkariga ruħu personalment mill-ġbir u l-irkupru, tikkostitwixxi żnaturament tal-atti tal-proċess. Hija ssostni li din l-indikazzjoni, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipju bażiku tad-Digriet dwar l-imballaġġi li jgħid li l-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva li tassumi l-obbligu ta’ rkupru tirriżulta f’eżenzjoni mill-obbligi ta’ rimi. Skont DSD, għall-imballaġġi li jaqgħu taħt sistema kollettiva, mhuwiex possibbli li wieħed jirrikorri a posteriori għal sistema individwali.

158.

Bl-istess mod, DSD tosserva li l-imsemmija indikazzjoni, li tgħid li distributur li jkun iddeċieda li jirrikorri għal sistema individwali għal ċerti imballaġġi jista’ a posteriori jeħles mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-imsemmi digriet billi jassenja kwantitajiet ta’ imballaġġi lil sistema kollettiva, tmur kontra d-Digriet dwar l-imballaġġi.

159.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhux qed titlaq mill-ipoteżi ta’ twettiq a posteriori tal-obbligi ta’ ġbir u rkupru, iżda tipprovdi l-possibbiltà ta’ tnaqqis tad-dritt dovut għas-sistema kollettiva f’każ ta’ ġbir mhux konformi mar-rata imposta.

ii) Evalwazzjoni

160.

Fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx l-atti tal-proċess meta kkonstatat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li stabbiliment tal-fast food jista’ jitlob it-tnaqqis tad-dritt li huwa jħallas lis-sistema kollettiva, meta, permezz tas-sistema individwali, dan l-istabbiliment juri li jkun ġabar il-kwantitajiet ta’ imballaġġi li kienu ġew assenjati lis-sistema kollettiva.

161.

Effettivament, għall-kuntrarju ta’ dik li ssostni l-appellanti, fl-opinjoni tiegħi f’dan l-eżempju, mhijiex kwistjoni ta’ użu a posteriori ta’ sistema individwali għall-ġbir u l-irkupru tal-imballaġġi. Infakkru li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżempju msemmi, telqet mill-premessa li stabbiliment tal-fast food jikkombina, sa mill-bidu, sistema individwali u sistema kollettiva.

162.

Abbażi ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li kien possibbli li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ korrezzjoni meta s-sistema individwali ma twassalx biex jiġu sodisfatti l-obbligi tad-distributur jew, għall-kuntrarju, setgħet tiġbor il-kwantitajiet speċifikati. F’dan l-aħħar każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega li “l-istabbiliment ta’ fast food ikun jista’ jitlob [it-tnaqqis] tad-drittijiet li [jħallas] lis-sistema kollettiva kkonċernata, kemm-il darba dan l-istabbiliment juri li jkun ġabar u rkupra [il-kwantitajiet] li ġew [assenjati lis-sistema kollettiva]”.

163.

Barra minn hekk, l-appellanti stess ipprevediet din il-possibbiltà. Fil-fatt, fil-punti 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li DSD kienet, qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, impenjat ruħha li ma tirċevix drittijiet għall-parti tal-imballaġġi miġbura minn sistema individwali, meta l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jkun iddeċieda li jikkombina s-sistema DSD ma’ sistema individwali.

164.

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat d-Digriet dwar l-imballaġġi billi kkonstatat li distributur li jkun iddeċieda li juża sistema individwali jista’, a posteriori, jeħles mill-obbligi tiegħu billi jassenja kwantitajiet ta’ imballaġġi lil sistema kollettiva, fl-opinjoni tiegħi dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

165.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 9 tas-sentenza appellata, li “id-disa’ sentenza tal-Artikolu 6(1) tgħid li, jekk distributur ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ ġbir lura u ta’ rkupru permezz ta’ sistema individwali, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ sistema kollettiva”.

166.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi r-raba’ u l-ħames argumenti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

4. Fuq is-sitt argument tat-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-Digriet dwar l-imballaġġi

a) L-argumenti tal-partijiet

167.

DSD issostni li l-punt 154 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ dritt, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li fuq l-imballaġġi mhux mormija mis-sistema DSD jista’ jitwaħħal il-logo Der Grüne Punkt. DSD hija tal-fehma li tali possibbiltà ċċaħħad lil-logo mill-karattru distintiv tiegħu u hija manifestament kontra l-prinċipju tad-Digriet dwar l-imballaġġi li jgħid li l-konsumaturi u l-awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jiddeterminaw b’mod ċar jekk imballaġġ huwiex suġġett għall-obbligu ta’ ġbir fil-punt tal-bejgħ jew le.

168.

Il-Kummissjoni tfakkar li DSD tattribwixxi lill-imsemmi digriet, b’mod żbaljat, approċċ iffokat fuq l-imballaġġ meħud individwalment. Skont il-Kummissjoni, tali approċċ ma jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom jinsabu s-soluzzjonijiet imħallta, li huma preċiżament imħeġġa sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ kompetizzjoni.

b) Evalwazzjoni

169.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

170.

Effettivament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-logo Der Grüne Punkt jippermetti, skont DSD, li jiġi indikat liema huma l-imballaġġi ttrasferiti lilha u li juru lill-konsumatur dak li għandu jagħmel bihom, u dan jippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq tal-inkarigu fdat lil DSD mill-impriża aderenti.

171.

Fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li “l-metodi differenti ta’ reklamar stabbiliti fid-Digriet [dwar l-imballaġġi] — jiġifieri t-tikkettar jew kull mezz ieħor xieraq għas-sistemi kollettivi ([punt 2 tat-Ttiolu 4 tal-Anness I tal-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet]) u l-avviż tal-possibbiltà tar-restituzzjoni tal-imballaġġ fil-punt tal-bejgħ għas-sistemi individwali ([it-tielet sentenza] tal-Artikolu 6(1) [tal-istess digriet]) — jippermettu li l-konsumatur finali jiġi informat bil-possibilitajiet differenti ta’ restituzzjoni proposti għall-imballaġġ inkwistjoni mingħajr madankollu ma tikkonferma l-argument tal-appellanti li t-twaħħil tal-logo Der Grüne Punkt fuq imballaġġ ikollu l-effett li jimpedixxi l-ġbir u l-irkupru minn sistema differenti mis-sistema DSD”.

172.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, billi tindika li “fid-Digriet [dwar l-imballaġġi] mhuwiex stabbilit li l-logo Der Grüne Punkt ma jistax jidher fuq l-imballaġġi miġbura fil-kuntest ta’ sistema kollettiva kompetitriċi jew ta’ sistema individwali kemm-il darba dawn ikunu jirrispettaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet imposti [mill-imsemmi digriet] sabiex tiġi identifikata s-sistema użata flimkien mas-sistema DSD. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkunu kumulattiv u l-istess imballaġġ għaldaqstant jista’ jaqa’ taħt diversi sistemi fl-istess ħin. Huwa f’dan is-sens li l-Kummissjoni tinterpreta, ġustament, il-kontenut tal-obbligu ta’ trasparenza ddefinit mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-osservazzjonijiet tagħhom, [li jipprovdu] li għandu jiġi ddefinit b’mod ċar, [kemm fir-rigward tal-konsumatur u kif ukoll fir-rigward tal-awtoritajiet,] liema huma l-imballaġġi suġġetti għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu”.

173.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, dan ma jikkonsistix fl-għoti tal-possibbiltà lil sistemi kompetituri li jpoġġu l-logo Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li ma jinġabrux mis-sistema DSD. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża ruħha, fil-fehma tiegħi, fuq l-ipoteżi li l-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi jkun aderixxa mas-sistema DSD u ma sistema oħra, kollettiva jew individwali. B’hekk, sabiex jiġi rrispettat l-obbligu li jingħata avviż ta’ ġbir tal-imballaġġ użat li jinsab fid-Digriet dwar l-imballaġġi, għandu jkun jista’ jiġi indikat b’liema sistema jinġabar l-imballaġġ, sabiex il-konsumatur ikun jista’, ladarba jkun uża l-imballaġġ, isir jaf bil-possibiltajiet li għandu. Pereżempju, dan jista’ jsir permezz tat-tqegħid, fuq flixkun tal-plastik, kemm tal-logo Der Grüne Punkt u kif ukoll ta’ logo ieħor li jkun ifisser li sistema oħra tista’ wkoll tiġbor il-flixkun jew inkella permezz ta’ sinjal fil-punt tal-bejgħ li jgħid li l-flixkun jista’ jittieħed f’dak il-punt tal-bejgħ.

174.

Meta jitqiesu l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-Digriet dwar l-imballaġġi, ma narax kif il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet żnaturat dan id-digriet meta ddeċidiet li, għall-istess imballaġġ, il-logo Der Grüne Punkt jista’ jintuża flimkien ma’ sinjal ieħor. Nixtieq infakkar li l-imsemmi digriet, minn naħa waħda, joffri l-possibbiltà lil manifattur jew distributur li jaderixxi ma’ diversi sistemi u, min-naħa l-oħra, jimponi l-obbligu li jiġi ssenjalat b’liema mod jista’ jiġi rrestitwit l-imballaġġ.

175.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi s-sitt argument tat-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5. Fuq is-seba’ argument tat-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tat-trade marks

176.

DSD, filwaqt li tikkritika wkoll il-punt 161 tas-sentenza appellata, tosserva li l-konstatazzjoni li tgħid li l-esklużività asserita minnha ma tistax tiġi aċċettata peress li l-uniku effett tagħha huwa dak li jostakola lill-manifatturi u lid-distributuri ta’ imballaġġi milli jirrikorru għal sistema mħallta, hija inkompatibbli mad-dritt tat-trade marks. F’dan ir-rigward, DSD tirrimarka li, skont il-ġurisprudenza Ġermaniża u kif jirriżulta minn stħarriġ ta’ opinjoni, il-logo Der Grüne Punkt, bħala trade mark irreġistrata, tirreferi esklużivament għal DSD u għas-servizzi li hija toffri. Hija ssostni li d-dritt tat-trade marks ma jkunx rispettata jekk il-logo Der Grüne Punkt jiġi mċaħħad minn din il-funzjoni ta’ esklużività sempliċement biex tiġi ggarantita l-possibbiltà ta’ sistema mħallta.

177.

Peress li l-appellanti, fir-raba’ aggravju tagħha, tinvoka wkoll ksur tad-dritt Komunitarju tat-trade marks mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jidhrilna li dan l-argument għandu jiġi indirizzat fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.

D — Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt Komunitarju tat-trade marks

1. L-argumenti tal-partijiet

178.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, DSD tinvoka ksur tad-dritt Komunitarju tat-trade marks minħabba l-konstatazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-punt 161 tas-sentenza appellata, fejn qalet li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tingħata l-esklużività asserita. DSD tindika li, skont l-Artikolu 5 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 14 ), trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv li jippermettilu jimpedixxi l-użu tat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi jew analogi għal dawk koperti mit-trade mark irreġistrata.

179.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-esklużività deskritta fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 ma għandha xejn x’taqsam ma’ dak li jingħad fil-punt 161 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement iddeduċiet il-konsegwenzi mir-raġunament ifformulat fil-punti 156 u 157 ta’ dik is-sentenza, li jgħid li t-trade mark Der Grüne Punkt sempliċement tavża, fir-rigward tas-servizz inkwistjoni, li l-prodott li fuqu jkun jinsab jista’ jintrema permezz tas-sistema DSD mingħajr ma tingħata indikazzjoni dwar il-kwalità tas-servizz propost.

180.

Il-Kummissjoni tgħid ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma twassalx għal użu indebitu tat-trade mark, jiġifieri użu minn persuni li magħhom DSD ma ffirmatx kuntratt.

181.

Vfw tindika li l-logo mhuwiex trade mark fis-sens klassiku. Hija tikkunsidra li trade mark tikkaratterizza prodotti u servizzi li huma identiċi jew analogi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark. Fir-rigward tal-logo Der Grüne Punkt, kull manifattur juża t-trade marks individwali tiegħu biex jimmarka l-prodotti. Dan il-logo jservi biss biex jimmarka l-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva u mhux biex jidentifika prodotti jew servizzi identiċi jew analogi.

182.

Skont Landbell u BellandVision, dan l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

a) Evalwazzjoni

183.

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita u b’hekk kisret id-dritt Komunitarju tat-trade marks.

184.

Kif qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 124 tas-sentenza appellata, DSD tikkunsidra li t-trade mark Der Grüne Punkt tippermetti, fl-istess ħin, li jiġi indikat liema imballaġġi huma ttrasferiti għas-sistema DSD u li jiġi indikat lill-konsumatur x’għandu jagħmel bih, u dan jippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq tal-inkarigu fdat lil DSD mill-manifattur jew id-distributur ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema tagħha. B’hekk, skont DSD, huma biss l-imballaġġi li jużaw is-sistema DSD li għandhom ikunu mmarkati bil-logo Der Grüne Punkt.

185.

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 156 sa 161 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-fatt li fuq imballaġġ ikun hemm kemm dan il-logo kif ukoll indikazzjoni ta’ mezz adatt li jirreferi għal sistema oħra kollettiva jew għall-possibbiltà ta’ restituzzjoni fil-ħanut ma jaffettwax ħażin il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiġi identifikata l-possibbiltà ta’ rimi tal-imballaġġ inkwistjoni permezz tas-sistema DSD. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, meta t-tqegħid tal-imsemmi logo flimkien ma’ sinjali jew mekkaniżmi oħrajn li jippermettu li tiġi identifikata possibbiltà oħra ta’ rimi permezz ta’ sistema individwali jew sistema kollettiva kompetitriċi ma tkunx taffettwa ħażin l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, l-appellanti ma tistax tallega ksur tad-dritt tat-trade marks.

186.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tippreċiża, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li “l-kuntratt għall-użu tal-logo jirrigwarda biss lil min juża l-logo msemmi, jiġifieri l-manifatturi u d-distributuri tal-imballaġġi li [jagħmlu] użu mis-sistema DSD, u mhux il-konsumaturi”.

187.

Fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta kkonstatat fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita, mingħajr riskju li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jkunu ostakolati milli jużaw sistema mħallta u li tiġi lleġittimata l-possibbiltà li l-appellanti titħallas għal servizz li ma tipprovdix, ma kisritx id-dritt Komunitarju tat-trade marks.

188.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-iskop speċifiku tad-dritt tat-trade marks huwa b’mod partikolari dak li jiġi assigurat dritt esklużiv lill-proprjetarju li juża t-trade mark, għall-ewwel tqegħid tal-prodott fis-suq, u li b’dan il-mod ikun protett kontra kompetituri li jkunu jixtiequ jabbużaw mill-pożizzjoni u r-reputazzjoni tat-trade mark billi jbiegħu prodotti li jużaw dik it-trade mark mingħajr awtorizzazzjoni ( 15 ).

189.

Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 jipprovdi li t-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv u li l-proprjetarju huwa b’hekk awtorizzat li jipprojbixxi lil terzi, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, li jużaw, fil-kummerċ, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom tkun irreġistrata.

190.

F’din il-kawża, fl-opinjoni tiegħi l-impriżi aderenti mas-sistema DSD għal parti biss tal-imballaġġi tagħhom (l-ewwel u t-tieni każ ipotetiku) jew għal imballaġġi mqiegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor (it-tielet każ ipotetiku) ma jistgħux jitqiesu bħala kompetituri ta’ DSD jew bħala terzi li jbiegħu indebitament prodotti bil-logo Der Grüne Punkt.

191.

Effettivament, fl-ewwel u t-tieni każ ipotetiku, il-manifatturi u d-distributuri ffirmaw kuntratt ma’ DSD għall-ġbir u l-irkupru ta’ ċerti imballaġġi. Fit-tielet każ ipotetiku, il-manifatturi u d-distributuri huma proprjetarji, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ta’ liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt.

192.

Kienet DSD stess li ħolqot din is-sistema li tobbliga li l-logo jitwaħħal fuq l-imballaġġi kollha, minkejja li ċerti imballaġġi fost dawn ma jinġabrux mill-imsemmija sistema. Dawn il-manifatturi u distributuri b’hekk ma jużawx it-trade mark Der Grüne Punkt indebitament, iżda sempliċement jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jwaħħlu l-imsemmi logo fuq l-imballaġġi kollha, kemm jekk jinġabru mis-sistema DSD kif ukoll jekk le.

193.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament fakkret, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark Der Grüne Punkt hija dik li tindika li l-imballaġġ li fuqu titwaħħal din it-trade mark jista’ jinġabar mis-sistema DSD.

194.

Meta l-logo Der Grüne Punkt ikun jinsab fuq l-imballaġġ, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark tkun sodisfatta, għaliex il-konsumatur ikun informat bil-possibbiltà li jarmi l-imballaġġ fil-kontenituri ta’ DSD. Għaldaqstant m’hemmx, għall-kuntrarju ta’ dak li l-appellanti sostniet matul is-seduta, “qerda tat-trade mark”.

195.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi t-trade mark Der Grüne Punkt ma taqax taħt is-sistema klassika tad-dritt tat-trade marks.

196.

Effettivament, trade mark tgħin lill-konsumatur biex jagħmel għażla informata dwar il-prodott jew servizz propost minn dik it-trade mark. Jekk, pereżempju, il-konsumatur ikun diġà xtara prodott jew servizz u jkun sodisfatt bih, b’mod partikolari għaliex dak il-prodott jew servizz kien ta’ kwalità, għalih it-trade mark isservi bħala punt ta’ referenza għal meta jerġa’ jiġi biex jixtri l-istess prodotti jew servizzi. It-trade mark b’hekk torjenta l-għażla tal-konsumatur.

197.

Madankollu, fil-kuntest tas-sistema DSD, it-trade mark Der Grüne Punkt ma għandhiex il-funzjoni, fil-fehma tiegħi, li torjenta lill-konsumatur dwar l-għażla tal-prodott mixtri. Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 156 tas-sentenza appellata, din it-trade mark isservi biex tidentifika l-imballaġġi li jistgħu jiġu pproċessati mis-sistema DSD.

198.

Fil-fehma tiegħi, meta l-konsumatur jixtri prodott li fuqu jkun jidher il-logo Der Grüne Punkt, dan il-konsumatur ikun għażel dak il-prodott, pereżempju, għall-kwalità li jkun jiggarantixxi u mhux għaliex ikun jaf li dak il-prodott jista’ jintrema mis-sistema DSD. Nistgħu nimmaġinaw, pereżempju, li konsumatur jixtri bajd prodott minn biedja organika għaliex is-sistema ta’ produzzjoni teskludi l-użu ta’ pestiċidi u fertilizzanti artifiċjali u tiggarantixxi għalhekk il-kwalità mfittxija minn dan il-konsumatur, u mhux għaliex fuq l-imballaġġ ikun hemm il-logo Der Grüne Punkt li javża dwar il-possibbiltà ta’ ġbir ta’ dak l-imballaġġ mis-sistema DSD.

199.

Ikun mod ieħor, fil-fehma tiegħi, li kieku l-logo Der Grüne Punkt jindika li l-prodott li fuqu jinsab huwa prodott riċiklabbli jew diġà rriċiklat. Fil-fatt, nistgħu ġustament nassumu li ċerti konsumaturi, li jkunu konxji mill-ħarsien tal-ambjent, jippreferu jagħżlu prodotti li l-imballaġġ tagħhom ikun riċiklabbli jew diġà rriċiklat. F’każ bħal dan, logo li jindika li l-imballaġġ tal-prodott mixtri ġie rriċiklat mingħajr dubju għandu impatt fuq l-għażla tal-konsumatur. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ riżma karti li fuqha jkun hemm logo li jindika lill-konsumatur li dik il-karta ġiet irriċiklata. Il-konsumatur b’hekk jagħmel għażla skont il-prinċipji tiegħu.

200.

Madankollu, f’din il-kawża, il-logo Der Grüne Punkt ma jfissirx li l-imballaġġ huwa riċiklabbli. Dan il-logo jindika biss li l-imballaġġ jista’ jinġabar mis-sistema DSD li tagħżlu u tirkuprah jekk tkun teżisti dik il-possibbiltà ( 16 ).

201.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkonstata, fil-punti 156 u 160 tas-sentenza appellata, li, minn naħa waħda, “it-trade mark ‘sempliċement tavża, għas-servizz ikkonċernat, li l-prodott li fuqu tidher jista’ jintrema permezz tas-sistema DSD’ mingħajr ma tagħti indikazzjoni fuq il-kwalità tas-servizz propost” u li, min-naħa l-oħra, “il-kuntratt għall-użu tal-logo jirrigwarda biss lil min juża l-logo msemmi, jiġifieri l-manifatturi u d-distributuri tal-imballaġġi li [jagħmlu] użu mis-sistema DSD, u mhux il-konsumaturi”.

202.

B’hekk, fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx id-dritt Komunitarju tat-trade marks meta indikat fil-punt 161 tas-sentenza appellata li t-trade mark Der Grüne Punkt ma tistax tibbenefika mill-esklużività asserita.

203.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E — Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 82 KE

1. L-argumenti tal-partijiet

204.

Fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, DSD issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 82 KE.

205.

Hija tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-analiżi tagħha u, barra minn hekk, żnaturat l-atti tal-proċess meta ddeċidiet li DSD adottat aġir abużiv meta tat liċenzji għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt indipendentement mill-użu tas-sistema DSD u meta talbet il-ħlas ta’ dritt dovut abbażi tal-liċenzja anke meta min ikun ingħata l-liċenzja jġib prova li huwa ma użax is-sistema DSD.

206.

Barra minn hekk, skont DSD, id-deċiżjoni kkontestata twassal biex hija tkun obbligata li tagħti liċenzja lill-impriżi aderenti għall-imballaġġi li la jinġabru u lanqas ma jkunu rkuprati mis-sistema tagħha. Madankollu, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-għoti ta’ liċenzja obbligatorja, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhumiex sodisfatti f’din il-kawża. Hija b’hekk tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ma spjegatx kif ir-rifjut li tingħata liċenzja obbligatorja jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, ikkommettiet żball ta’ dritt.

207.

Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li, anki li kieku hija tagħti liċenzja lill-impriżi aderenti għas-sempliċi użu tal-logo, is-sentenza appellata tawtorizza l-parteċipazzjoni fis-sistema DSD għal kwantità ferm żgħira ta’ imballaġġi, mingħajr ma DSD tkun tista’ titlob, inkambju għal dan, dritt adegwat u mingħajr ma tkun tista’ tivverifika l-leġittimità ta’ tali proċess. B’mod partikolari, l-appellanti ma tistax tivverifika jekk ir-raġunijiet li, skont id-deċiżjoni kkontestata, jagħmlu t-twaħħil tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi kollha neċessarju (b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż ekonomiċi addizzjonali li jinvolvi mmarkar selettiv) humiex sodisfatti.

208.

Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-appellanti ma spjegatx b’liema mod il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinux immotivati b’mod suffiċjenti, kienu jmorru kontra l-atti tal-proċess u kienu jiżnaturaw id-dritt nazzjonali.

209.

Fir-rigward tat-tieni argument, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat l-argument tal-appellanti dwar l-impożizzjoni ta’ liċenzja obbligatorja u stabbilixxiet li tali liċenzja ma ġietx imposta fuq DSD.

210.

Rigward l-argument sussidjarju ta’ DSD, il-Kummissjoni ssostni li, f’din il-kawża, il-kwistjoni mhijex dwar liċenzja obbligatorja. Hija tindika li, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li jekk impriża tipparteċipa fis-sistema DSD għal kwantitajiet żgħar ta’ imballaġġi, dritt ikun iġġustifikat biss proporzjonalment ma’ dik il-parteċipazzjoni żgħira.

211.

Landbell u BellandVision ifakkru li d-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata mhumiex ibbażati fuq l-ipoteżi ta’ liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt indipendentement mill-użu tas-sistema DSD, iżda jirrigwardaw l-ammont tad-dritt relatat mas-servizzi pprovduti.

212.

Skont Vfw, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-suġġett tal-kawża, peress li l-Kummissjoni ma tixtieqx timponi fuq DSD l-obbligu li tagħti l-liċenzja, iżda biss li tipprekludiha milli tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha biex teskludi l-kompetizzjoni minn sistemi oħrajn.

213.

Interseroh tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza f’ebda parti tas-sentenza appellata ma tissuġġerixxi li DSD toffri liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt indipendentement mill-użu tas-sistema tagħha. Din is-sentenza lanqas ma timponi fuq DSD l-obbligu li tagħti liċenzji. L-abbuż ikkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza jinsab preċiżament fil-fatt li DSD toffri liċenzji għall-użu ta’ dan il-logo biss b’mod konġunt mal-obbligu li jitħallas dritt għall-użu tas-servizz tagħha, anki jekk l-impriża aderenti ma tkunx użat is-sistema DSD għal ċerti imballaġġi mmarkati bl-imsemmi logo.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq l-ewwel argument tal-ħames aggravju

214.

Naqbel mal-Kummissjoni li l-ewwel argument tal-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

215.

Fil-fatt, l-appellanti sempliċement tindika li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 82 KE billi ddeċidiet mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, kontra l-atti tal-proċess u bi żnaturament tad-dritt nazzjonali, illi hija kienet adottat aġir abużiv. L-appellanti ma tressaq ebda argument ġuridiku insostenn ta’ dan l-argument u sempliċement tirreferi, permezz ta’ nota f’qiegħ il-paġna, għall-punt 20 tal-appell li jindika li “[il]-konstatazzjonijiet tas-sentenza [appellata] b’hekk huma manifestement kontradittorji. Il-Qorti tal-Prim’Istanza finalment ma tiddeċidix fuq jekk l-aġir ikkontestat jikkostitwix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”.

216.

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

217.

Għandu jiġi kkonstatat li dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel argument tal-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

b) Fuq it-tieni argument tal-ħames aggravju

218.

Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata jobbligawha li tagħti liċenzja lill-impriżi aderenti għall-imballaġġi li la jinġabru u lanqas jiġu rkuprati mis-sistema tagħha. Hija tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ma spjegatx kif ir-rifjut li tingħata liċenzja obbligatorja jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, ikkommettiet żball ta’ dritt.

219.

Fil-fehma tiegħi, l-appellanti qed tifhem b’mod żbaljat il-kwalifikazzjoni ta’ abbuż li bih hija akkużata. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-metodu ta’ analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tal-aħħar, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, ma identifikatx l-abbuż bħala li huwa bbażat fuq ir-rifjut ta’ DSD li tagħti liċenzja obbligatorja u ġustament tat ir-raġunijiet għalfejn DSD ġiet akkużata li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha.

220.

Nirrilevaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 176 sa 183 tas-sentenza appellata, irrispondiet għall-argument li l-appellanti kienet issottomettiet quddiemha fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha u li kien jipprovdi li l-Artikoli 3 u 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata huma sproporzjonati, peress li jobbligaw lil DSD li tagħti lil terzi liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt, u dan anki f’każ fejn ma’ jipparteċipawx fis-sistema DSD.

221.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-Artikoli 3 u 4(1) tagħha, ma tobbligax lil DSD li tagħti liċenzji lill-impriżi li jaderixxu mas-sistema tagħha għall-imballaġġi li ma jinġabrux minn din is-sistema, iżda hija intiża biss sabiex ittemm l-abbuż billi tordnalha li ma timponix dritt għal servizz li hija ma tipprovdix.

222.

Effettivament, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-abbuż li bih hija akkużata DSD jikkonsisti, skont id-deċiżjoni kkontestata, fit-talba ta’ ħlas ta’ dritt għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo Der Grüne Punkt. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli billi tgħid li “[s]kond [din] id-deċiżjoni, id-drittijiet ma jistgħux jintalbu meta l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jużaw is-sistema DSD għal parti biss mill-imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja jipprovaw li ssodisfaw l-obbligi ta’ ġbir u ta’ rkupru imposti mid-Digriet [dwar l-imballaġġi] permezz tal-użu ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali ([l-ewwel u t-tieni każ ipotetiku]). Bl-istess mod, id-drittijiet ma jistgħux jintalbu meta l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li ma [jagħmlux] użu mis-sistema DSD fil-Ġermanja iżda li jikkummerċjalizzaw f’dan il-pajjiż imballaġġ standard li jikkummerċjalizzaw ukoll fi Stat Membru ieħor li għalih jaderixxu għal sistema [ta’ rkupru] li tuża l-logo Der Grüne Punkt juru li jissodisfaw l-obbligi imposti [mill-imsemmi digriet] permezz tal-użu ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistema individwali ([it-tielet każ ipotetiku])”.

223.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 180 tas-sentenza appellata indikat li l-obbligi imposti mill-Artikoli 3 u 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardawx lil terzi persuni, iżda lill-manifatturi jew lid-distributuri ta’ imballaġġi li ffirmaw kuntratt ma’ DSD jew li għandhom liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt fi Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ sistema ta’ ġbir jew ta’ rkupru li tuża dan il-logo.

224.

Fil-punt 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li “dawn l-obbligi ma għandhomx l-għan li jimponu liċenzja fuq DSD mingħajr restrizzjoni fiż-żmien għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt, iżda biss li jobbligaw lil DSD li ma tirċevix il-ħlas ta’ drittijiet fuq l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom [dan il-logo] meta jiġi pprovat li l-imballaġġi kollha jew parti minnhom biss inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistema oħra”.

225.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza minn dan ikkonkludiet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li “kemm-il darba l-utenti tal-logo Der Grüne Punkt jagħtu prova li l-kwantitajiet ta’ imballaġġi li għalihom ma [jagħmlux] użu mis-sistema DSD ikunu ġew effettivament miġbura u rkuprati mis-sistema jew sistemi kollettivi jew individwali li [jagħmlu] użu minnhom, [l-appellanti] ma tistax tallega li mhuwiex proporzjonat li tintalab li ma titħallasx għal servizz li hi ma tipprovdix”.

226.

Fil-fehma tiegħi, minn din l-analiżi jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat korrettament l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li bih ġiet akkużata l-appellanti u spjegat, ġustament, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tammonta għal impożizzjoni ta’ liċenzja obbligatorja għall-impriżi aderenti, iżda kienet intiża sabiex ittemm l-abbuż ladarba jiġi pprovat li l-imballaġġi bil-logo Der Grüne Punkt kienu nġabru minn sistema oħra apparti dik ta’ DSD.

227.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-ħames aggravju huwa infondat u għandu jiġi miċħud ukoll.

F — Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1. L-argumenti tal-partijiet

228.

Insostenn tas-sitt aggravju tagħha, DSD tallega li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx immotivata b’mod suffiċjenti, tmur kontra l-atti tal-proċess u tikser l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. DSD tgħid, fl-ewwel lok, li d-Digriet dwar l-imballaġġi u d-dritt tat-trade marks jipprojbixxu li hija tiġi obbligata tagħti liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt. Hija ssostni li l-miżuri imposti mill-Artikoli 3 et sequitur tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li DSD ma tagħtix liċenzji iżolati għall-użu tal-logo, preċiżament tammonta għall-impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq l-appellanti.

229.

Fit-tieni lok, DSD tosserva li l-imsemmi digriet u d-dritt tat-trade marks jipprojbixxu li hija tiġi prekluża milli teżiġi mingħand il-klijenti tagħha li jwaħħlu, fuq l-imballaġġi li jużaw il-logo Der Grüne Punkt iżda li ma jintremewx mis-sistema DSD, nota ta’ spjegazzjoni li tippermetti li jiġi nnewtralizzat l-effett distintiv ta’ dan il-logo. DSD ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, inkwantu fil-punt 200 tas-sentenza appellata ċaħdet l-argument tagħha li jipprovdi li l-imballaġġi li jużaw il-logo Der Grüne Punkt u li jintremew mis-sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu distinti minn dawk li jużaw l-istess logo iżda li ma jintremewx minn dik is-sistema, injorat il-fatt li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

230.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ewwel argument ta’ DSD, li jgħid li d-Digriet dwar l-imballaġġi u d-dritt tat-trade marks jipprojbixxu li hija tkun obbligata tagħti liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt, huwa msejjes fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat fuq l-ipoteżi ta’ liċenzja iżolata għall-użu ta’ dan il-logo.

231.

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni argument, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, ġustament, li la d-Digriet dwar l-imballaġġi u lanqas id-dritt tat-trade marks ma jeħtieġu l-identifikazzjoni tad-diversi imballaġġi għall-attribuzzjoni lis-sistema DSD jew lil sistema oħra.

232.

Vfw hija tal-fehma li DSD ma ssostanzjatx b’mod suffiċjenti l-argumenti tagħha ppreżentati fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.

233.

Skont Landbell u BellandVision, dan l-aggravju huwa inammissibbli, inkwantu appell għandu jindika b’mod preċiż il-partijiet tas-sentenza jew tad-deċiżjoni li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

2. Evalwazzjoni

234.

Fir-rigward tal-ewwel argument tas-sitt aggravju, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tobbliga lill-appellanti biex tagħti liċenzja għall-użu tat-trade mark Der Grüne Punkt u li huwa simili għal dak analizzat fil-kuntest tal-ħames aggravju, nirreferi għall-evalwazzjoni li għamilt fil-kuntest ta’ dak l-aggravju.

235.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel argument tas-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

236.

Permezz tat-tieni argument tagħha, DSD takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet l-argument tagħha li jgħid li l-imballaġġi li jużaw il-logo Der Grüne Punkt u li jintremew mis-sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu distinti minn dawk li jużaw l-istess logo iżda li ma jintremewx minn dik is-sistema. Hija tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk għamlet analiżi insuffiċjenti u li tmur kontra l-atti tal-proċess u kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

237.

Għalhekk jiena ninterpreta li DSD tqis li s-sempliċi rekwiżit ta’ nota ta’ spjegazzjoni effikaċi li tippermetti li jiġi nnewtralizzat l-effett distintiv tat-trade mark Der Grüne Punkt fuq l-imballaġġi li ma jinġabrux mis-sistema DSD tkun miżura iktar adatta, proporzjonata u konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

238.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ċaħdet l-ilment dwar in-natura sproporzjonata tal-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu dan ma jipprovdix il-possibbiltà li jitpoġġew noti ta’ spjegazzjoni.

239.

Fil-fatt, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tispjega li “[d]awn in-noti ta’ spjegazzjoni […] huma bbażati fuq l-idea li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, li jaqgħu taħt is-sistema DSD, minn dawk li fuqhom hemm imwaħħal [dan il-logo] iżda li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD u li għaldaqstant għandhom ikunu suġġetti għal nota intiża sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur. Madankollu, kif diġà ntqal (ara l-punti 131 sa 138 [tas-sentenza appellata]), il-metodi ta’ tħaddim tas-sistemi mħallta mhumiex ibbażati fuq l-identifikazzjoni tal-imballaġġi mill-konsumaturi, li jibqgħu liberi li jiddeċiedu lil liema sistema jagħtu lura l-imballaġġ, iżda [huma msejjsa] fuq l-attribuzzjoni ta’ masses ta’ materjal li għandu jiġi rkuprat”.

240.

Din l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija, fil-fehma tiegħi, koerenti ma’ dak li ġie indikat fis-sentenza appellata. Fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet rajna li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat minn qabel fejn ser jispiċċa imballaġġ. Flixkun tal-plastik jista’ tabilħaqq jinxtara fis-suq Ġermaniż u mbagħad jintrema f’kontenitur fi Franza li jkun jappartjeni lil kompetitriċi ta’ DSD. Kif indikat il-Kummissjoni, l-aġir ta’ konsumatur ma jistax jiġi ddeterminat minn qabel. B’hekk, nota ta’ spjegazzjoni fuq l-imballaġġi bil-logo Der Grüne Punkt u li jinġabru minn sistema kompetitriċi ta’ DSD ma jistax ikollha l-effett antiċipat, għaliex is-separazzjoni bejn il-prodotti li jużaw dak il-logo u li jinġabru mis-sistema DSD u dawk li jużaw l-istess logo u li jinġabru minn sistema kompetitriċi hija impossibbli.

241.

Barra minn hekk, nosservaw li, matul is-seduta, Landbell indikat li, fil-prattika, il-ġbir, l-għażla u l-irkupru jsiru indipendentement mill-fatt jekk l-imballaġġ ikollux trade mark li tindika taħt liema sistema jaqa’. Huma l-kwantitajiet f’massa tal-materjal li fil-fatt jitqassmu bejn is-sistemi differenti. DSD ma kkontestatx din il-prattika.

242.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

G — Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali

1. L-argumenti tal-partijiet

243.

Fil-kuntest tas-seba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka difett proċedurali. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. L-appellanti ssostni wkoll li kull żieda ta’ konstatazzjonijiet ġodda mill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha għal smigħ.

244.

Insostenn tal-aggravju tagħha, DSD tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet konstatazzjonijiet ġodda, ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet li saru mill-partijiet matul is-seduta. Hija tirreferi għar-risposti għad-domandi dettaljati li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, jew biss tliet ġimgħat qabel is-seduta, jew inkella matulha, mingħajr ma tindika x’konsegwenzi kien beħsiebha tibbaża fuq dawn ir-risposti jew il-konnessjoni bejn dawk id-domandi u l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tallega li abbażi ta’ dawk id-domandi u risposti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet konstatazzjonijiet fundamentali ġodda dwar il-mod kif jaħdmu s-sistemi mħallta, li ma jidhrux fid-deċiżjoni kkontestata u li ma ssemmewx mill-Kummissjoni jew mill-appellanti.

245.

DSD issemmi b’mod partikolari żewġ konstatazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa waħda, dik li tistabbilixxi li l-imballaġġi fdati lil DSD jistgħu jaqgħu simultanjament kemm taħt sistema kollettiva kif ukoll taħt sistema individwali u, min-naħa l-oħra, dik li tistabbilixxi li d-Digriet dwar l-imballaġġi jipprovdi għadd kbir ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu lill-manifatturi u lid-distributuri li jassumu l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi digriet billi jattribwixxu a posteriori l-imballaġġi lil sistema individwali jew kollettiva.

246.

Il-Kummissjoni, sostnuta minn Vfw, Landbell u BellandVision, tikkunsidra li l-punti tas-sentenza appellata msemmija f’dan l-aggravju ma jintroduċu xejn ġdid fir-rigward ta’ dak li kien diġà ġie eżaminat matul il-proċedura amministrativa u matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

2. Evalwazzjoni

247.

L-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet konstatazzjonijiet ġodda li ma jidhrux fid-deċiżjoni kkontestata u li b’hekk issostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Skont DSD, dawn huma l-konstatazzjoni li jipprovdu li huwa possibbli li tintuża sistema kollettiva u sistema individwali, kif ukoll il-konstatazzjoni li tgħid li d-Digriet dwar l-imballaġġi jipprovdi għadd kbir ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu lill-manifatturi u lid-distributuri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-imsemmi digriet billi jattribwixxu a posteriori l-imballaġġi lil sistema individwali jew kollettiva.

248.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

249.

Fil-fatt, infakkru li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, spjegat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu kkombinati diversi sistemi ta’ ġbir u rkupru.

250.

B’mod iktar preċiż, fil-punt 45 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li “[i]d-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-possibbiltà li jsir użu minn sistemi mħallta. Għaldaqstant, [din] id-deċiżjoni tgħid li mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Ġermaniżi, jirriżulta (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata) li d-Digriet [dwar l-imballaġġi] jippermetti li jiġu mħallta sistema individwali u sistema kollettiva bil-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva biss għal parti mill-imballaġġi kkummerċjalizzati. […] Id-deċiżjoni kkontestata tenfasizza wkoll li minn risposta preċedenti tal-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li l-Artikolu 6(3) [tal-imsemmi digriet] ma jimplikax li huwa possibbli biss l-użu ta’ sistema unika. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma kellhom l-intenzjoni li jippermettu biss l-istabbiliment ta’ sistema kollettiva waħda fil-pajjiż kollu jew f’kull Land (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata)”.

251.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li “[l-appellanti] ma tikkontestax, f’din il-kawża, il-possibbiltà għal manifattur jew distributur ta’ imballaġġi li juża sistema mħallta”.

252.

F’dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jinsabu fil-punti 137 u 139 tas-sentenza appellata, li jgħidu li d-Digriet dwar l-imballaġġi jippermetti li jintużaw mekkaniżmi ta’ korrezzjoni, nixtieq nirrileva li, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ċċitatx espressament il-punti tad-deċiżjoni kkontestata li għalihom kienet qed tirreferi, minn naħa waħda, hija indikat, fil-punt 9 tas-sentenza appellata, li “id-disa’ sentenza tal-Artikolu 6(1) [tal-imsemmi digriet] tgħid li, jekk distributur ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ ġbir lura u ta’ rkupru permezz ta’ sistema individwali, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ sistema kollettiva” u, min-naħa l-oħra, din l-indikazzjoni tinsab fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata.

253.

B’hekk, billi kkonstatat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li jekk ir-rata ta’ rkupru mis-sistema individwali ma tintlaħaqx, il-manifattur jew id-distributur jista’ jixtri massa ta’ imballaġġi suffiċjenti biex jilħaq dik ir-rata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssostitwitx il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, peress li dan l-element joħroġ b’mod ferm ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

254.

L-appellanti takkuża wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet konstatazzjoni ġdida meta ddeċidiet li l-manifatturi u d-distributuri jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Digriet dwar l-imballaġġi, billi jattribwixxu a posteriori l-imballaġġi lil sistema individwali.

255.

Kif indikajt fil-punti 160 sa 163 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi l-appellanti qed tifhem b’mod żbaljat is-sens li għandu jingħata lill-punt 137 tas-sentenza appellata. Effettivament, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-analiżi li għamlet fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, titlaq mill-premessa li distributur jaderixxi ma’ żewġ sistemi, waħda individwali, l-oħra kollettiva. Dan b’hekk ma jammontax għal użu a posteriori ta’ sistema individwali, iżda huwa korrezzjoni tal-kwantitajiet ta’ materjal attribwiti lis-sistemi differenti billi distributur li jikkombina sistema individwali u sistema kollettiva jingħata l-possibbiltà li jitlob lil din tal-aħħar ir-rimbors tad-dritt imħallas indebitament għall-imballaġġi miġbura mis-sistema individwali.

256.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li “dawn il-possibilitajiet ta’ korrezzjoni ġew ikkonkretizzati fi ftehim ta’ kumpens, imsemmi waqt is-seduta, li jippermetti lill-amministraturi tas-sistemi diversi jaqsmu l-kwantitajiet ta’ materjal irkuprat mill-impriżi ta’ ġbir li [jagħmlu] użu tagħhom fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ materjal li għalihom huma responsabbli skont il-kuntratti ffirmati mal-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi”.

257.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

H — Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal terminu raġjonevoli tal-proċedura

1. L-argumenti tal-partijiet

258.

Permezz tat-tmien aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet irregolarità proċedurali u ppreġudikat l-interessi tagħha billi ma rrispettatx id-dritt fundamentali li kawża tiġi trattata fi żmien raġonevoli, kif rikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

259.

Skont l-appellanti, il-proċedura, li damet ħames snin u disa’ xhur, tidher, prima facie, kunsiderevoli. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni ( 17 ). L-appellanti hija tal-fehma li tali dewmien huwa ġġustifikat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni ( 18 ), li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

260.

L-appellanti b’hekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza appellata, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

261.

Ser naraw, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħi, liema huma l-argumenti tal-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju.

262.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dewmien eċċessiv ta’ proċedura ma jistax iwassal għall-annullament ta’ sentenza, jekk dan id-dewmien ma kellux effett fuq l-eżitu tal-kawża ( 19 ). Hija ssostni li m’hemmx rabta bejn id-dewmien tal-proċedura u l-eżitu tal-kawża u li l-annullament tas-sentenza jwassal biex tkompli titwal il-proċedura.

263.

Vfw tosserva li DSD ma sofriet ebda żvantaġġ minħabba d-dewmien tal-proċedura, inkwantu hija setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha u inkwantu l-pożizzjoni tagħha fis-suq ma ddgħajfitx b’mod sinjifikattiv. Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi ta’ preġudizzju għall-interessi tal-appellanti, l-annullament tas-sentenza appellata jkun sproporzjonat.

264.

Landbell u BellandVision ifakkru li r-raġonevolezza tad-dewmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Huma jsostnu li f’din il-kawża, DSD ħolqot kumplessità sinjifikattiva permezz tas-sottomissjonijiet twal tagħha, żvijanti fil-mertu u saħansitra mhux veritiera fir-rigward tal-punti essenzjali tad-dritt tat-trade marks.

2. Evalwazzjoni

265.

Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fir-rigward ta’ eventwali irregolaritajiet proċedurali, skont l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-appell jista’ jkun ibbażat fuq aggravji li jallegaw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jippreġudikaw l-interessi tal-appellanti kif ukoll fuq ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 20 ).

266.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx irregolaritajiet proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellanti u għandha tiżgura ruħha li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova ġew irrispettati ( 21 ).

267.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprovdi li kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi, fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu ( 22 ).

268.

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat minn dawn id-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi kontra impriża għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 23 ). B’hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-istadju ta’ appell, għandha teżamina dawk l-aggravji invokati fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 24 ).

269.

It-tul taż-żmien tal-proċedura beda għaddej mill-preżentata, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tar-rikors għal annullament tal-appellanti fil-5 ta’ Lulju 2001, u ntemm fl-24 ta’ Mejju 2007, id-data ta’ meta ngħatat is-sentenza appellata. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk damet madwar ħames snin u disa’ xhur.

270.

Abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li r-raġonevolezza tad-dewmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, l-interessi inkwistjoni fil-kawża għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tar-rikorrent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll dak tal-awtoritajiet kompetenti ( 25 ).

271.

Ser neżamina suċċessivament dawn it-tliet kriterji fid-dawl tal-ġurisprudenza tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

a) Fuq l-interessi inkwistjoni fil-kawża

272.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’kawża dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza ġuridika li għandhom igawdu l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-objettiv li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern jippreżentaw interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u l-kompetituri tiegħu, iżda wkoll għal terzi, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni kkonċernati u l-interessi finanzjarji inkwistjoni ( 26 ).

273.

Interess importanti, u b’mod partikolari interess finanzjarju għall-impriża kkonċernata, jkun b’hekk jeħtieġ li l-kawża tiġi ttrattata b’ħeffa. Jekk nieħdu bħala eżempju l-każ ta’ impriża li tiġi obbligata, b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tiżvela informazzjoni dwar wieħed mill-prodotti tagħha sabiex l-impriżi kompetituri jkunu jistgħu jiżviluppaw il-prodotti tagħhom, m’hemmx dubju li dik id-deċiżjoni u l-proċedura mnedija mill-impriża jkollhom impatt fuq l-attività tagħha, peress li r-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma għandux effett sospensiv.

274.

L-istess jgħodd meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa kontra impriża li hija tikkunsidra li hija responsabbli għal ksur.

275.

Il-kwistjoni f’din il-kawża b’hekk tirrigwarda jekk l-interess inkwistjoni kienx tabilħaqq fundamentali għal DSD, sal-punt li s-sopravivenza tal-attività ekonomika tagħha setgħet kienet inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi dan mhuwiex il-każ.

276.

B’differenza mill-impriża inkwistjoni fil-kawża li tagħat lok għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda multa kontra DSD. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar, fir-risposta tagħha, li hija kienet diġà spjegat ruħha bis-sħiħ fil-punt 148 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha ( 27 ) u li hija lanqas ma kien beħsiebha timponi multa.

277.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx, fil-fehma tiegħi, ta’ tali natura li tpoġġi f’dubju l-attività tal-appellanti. L-għan ta’ dik id-deċiżjoni kien li ttemm abbuż li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-ħlas ta’ dritt għall-imballaġġi kollha mqiegħda fis-suq mill-impriża aderenti, inkluż għall-parti tal-imballaġġi li effettivament mhumiex miġbura mis-sistema DSD. Din hija r-raġuni għalfejn l-imsemmija deċiżjoni tipprovdi li, meta jkun ipprovat li dawn l-imballaġġi ma jinġabrux minn din is-sistema, id-dritt ma għandux jitħallas għal din il-parti tal-imballaġġi.

278.

Il-kuntratti li DSD iffirmat mal-impriżi aderenti b’hekk mhumiex ikkontestati u l-attività tagħha tista’ tkompli tiffunzjona normalment. Ġie sempliċement mitlub lil DSD biex ma timponix ħlas ta’ dritt għal servizz li hija ma tipprovdix.

279.

L-interess inkwistjoni fil-kawża b’hekk huwa, fil-fehma tiegħi, reali għal DSD, għaliex neċessarjament għandu impatt fuqha, iżda mhuwiex fundamentali, għaliex ma jpoġġix f’dubju s-sopravivenza ekonomika tal-attività tagħha.

280.

Iżda din iċ-ċirkustanza ma għandhiex twassal biex iċċaħħad lill-appellanti mid-dritt tagħha għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli, b’mod partikolari meta, kif ser naraw, il-kumplessità tal-kawża ma kinitx teħtieġ, fil-fehma tiegħi, terminu ta’ proċedura ta’ ħames snin u disa’ xhur.

b) Fuq il-kumplessità tal-kawża

281.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumplessità ta’ kawża hija ddeterminata abbażi ta’ firxa ta’ elementi.

282.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li n-natura ekonomika tal-ksur, fiha nfisha, ma tagħmilx il-proċedura partikolarment kumplessa. Hija rrilevat ukoll li emenda tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ffaċilitat il-ħidma tal-qorti inkwirenti. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, barra minn hekk, osservat li l-kawża prinċipali kienet tirrigwarda erba’ persuni, fil-kuntest ta’ kumpanniji orjentati lejn l-istess settur ta’ attività u mingħajr ma kien jidher li kien hemm xi argumenti ġuridiċi ta’ tali kumplessità li tikkumplika b’mod partikolari l-ħidma tal-inkwirenti fil-qadi ta’ dmirijiethom. Hija kkonkludiet li l-kumplessità tal-kawża ma kinitx tiġġustifika t-tul tal-proċedura ( 28 ).

283.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ħadet b’mod partikolari inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-kumplessità tal-kawża, in-numru ta’ persuni kkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-fatt li r-rikors tal-appellanti kien jikkostitwixxi wieħed minn ħdax-il rikors, ippreżentati bi tliet lingwi proċedurali differenti, formalment magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-proċedura li kienet tirrigwarda lill-appellanti kienet teħtieġ eżami dettaljat ta’ dokumenti relattivament voluminużi u ta’ kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt ta’ ċerta kumplessità ( 30 ).

284.

Fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-tul ta’ żmien kunsiderevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi spjegat fil-biċċa l-kbira minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi relatati man-numru ta’ kawżi paralleli ppreżentati suċċessivament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll mill-importanza tal-kwistjonijiet legali sollevati minnhom ( 32 ).

285.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li DSD, li hija l-impriża kkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, hija l-unika rikorrent. Barra minn hekk, il-proċedura saret b’lingwa waħda biss, il-Ġermaniż.

286.

Ċertament, ma jistax jiġi kkontestat li fil-kawżi mressqa quddiemha l-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tittratta kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi.

287.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi din il-kawża ma kinitx tippreżenta kumplessità ġuridika ta’ tali grad li tiġġustifika terminu ta’ proċedura ta’ ħames snin u disa’ xhur.

288.

Fil-fatt, nixtieq nosserva li għalkemm huwa minnu seta’ kien diffiċli li wieħed jifhem mill-ewwel is-sistema pprovduta mid-Digriet dwar l-imballaġġi u dik stabbilita minn DSD, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatti f’din il-kawża mhumiex kumplessi daqs, pereżempju, dawk il-fatti li l-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jkollha tittratta f’kawżi dwar akkordji u prattiċi miftiehma.

289.

Barra minn hekk, il-kwistjoni ġuridika f’din il-kawża hija llimitata għall-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, peress li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali pożizzjoni dominanti ma kinitx ikkontestata. Normalment, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali pożizzjoni tkun ta’ spiss diffiċli u kumplessa, b’mod partikolari għaliex tinvolvi l-istudju ta’ data ekonomika li tkun kumplessa minnha nfisha.

290.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-kumplessità ta’ din il-kawża ma tiġġustifikax it-terminu ta’ ħames snin u disa’ xhur tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

c) Fuq l-aġir tal-appellanti u tal-awtoritajiet kompetenti

291.

Matul il-proċedura ġudizzjarja, l-aġir tal-appellanti jista’ jaffettwa d-dewmien ta’ dik il-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk għandha teżamina x’kien dan l-aġir sabiex tkun tista’ tqis ir-responsabbiltà li kull parti kellha fid-dewmien tal-proċedura.

292.

Sabiex tiddetermina l-aġir tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, eżaminat jekk Baustahlgewebe GmbH kinitx talbet estensjoni tat-terminu pprovdut inizjalment għall-preżentata tar-replika, bil-għan li tiddetermina jekk hija kkontribwietx b’mod sinjifikattiv biex jittawwal iż-żmien tal-proċedura.

293.

Nixtieq nosserva li f’din il-kawża, mid-dokumenti proċedurali fl-atti tal-proċess, jirriżulta li DSD effettivament talbet li t-terminu għall-preżentata tar-replika tagħha jiġi estiż, u dan ġie aċċettat b’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2001.

294.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma kinitx din it-talba għall-estensjoni tat-terminu għall-preżentata tar-replika li kkontribwiet b’mod sinjifikattiv biex jittawwal t-terminu tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

295.

Fil-fatt, u fir-rigward tal-aġir tal-awtorità kompetenti, jiġifieri l-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi osservat li, bejn in-notifika tat-tmiem tal-proċedura bil-miktub lill-partijiet fid-9 ta’ Settembru 2002 u l-konvokazzjoni tas-seduta nnotifikata lill-partijiet fit-8 ta’ Ġunju 2006, għaddew tliet snin u disa’ xhur. Fl-opinjoni tiegħi dan it-terminu, meta titqies il-kumplessità relattiva tal-kawża u l-aġir tal-appellanti, mhuwiex iġġustifikat.

296.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istruttura tas-sistema ġudizzjarja Komunitarja tiġġustifika, f’ċertu rigward, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandha r-responsabbiltà li tistabbilixxi l-fatti u li tipproċedi għal eżami materjali tal-kawża, jista’ jkollha relattivament iktar żmien biex teżamina r-rikorsi li jkunu jeħtieġu eżami dettaljat ta’ fatti kumplessi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tgħid li dan l-inkarigu ma jeżentax lill-qorti Komunitarja li hija stabbilita speċifikament għal dan il-għan milli tirrispetta terminu raġonevoli fit-trattament tal-kawżi li jkollha quddiemha ( 33 ).

297.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll jekk matul il-perjodu ta’ bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali kienx hemm miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew inkella miżuri ta’ investigazzjoni ( 34 ).

298.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kienu għaddew 32 xahar bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali u 22 xahar bejn l-għeluq tal-proċedura orali u l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tali dewmien, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun iġġustifikat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ xi sospensjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari abbażi tal-Artikoli 77 u 78 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, wieħed għandu jikkonkludi li tali ċirkustanzi ma kinux sodisfatti ( 35 ).

299.

Nixtieq nosserva li, f’din il-kawża, għaddew 45 xahar mit-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali u li, matul dan il-perjodu ma ttieħdet l-ebda miżura partikolari ta’ organizzazzjoni u lanqas ebda miżura ta’ investigazzjoni.

300.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fl-opinjoni tiegħi, għalkemm l-interessi inkwistjoni fil-kawża ma kinux ipoġġu inkwistjoni s-sopravivenza tal-attività ekonomika ta’ DSD, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll il-komportament tal-appellanti ma jiġġustifikawx terminu ta’ proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ħames snin u disa’ xhur. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi dan it-terminu għandu jitqies li ma kienx raġonevoli.

3. Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

301.

L-appellanti tallega li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tippreġudika l-interessi tagħha, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ssostni li tali irregolarità tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata, irrispettivament mill-konsegwenzi li seta’ kellha fuq l-eżitu tal-kawża, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

302.

Fl-opinjoni tiegħi t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala bla effett.

303.

Għalkemm huwa minnu, fil-fehma tiegħi, li d-dewmien tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jikkorrispondix mad-definizzjoni ta’ żmien raġonevoli, jidhrilna li din il-konstatazzjoni fir-realtà ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ annullament.

304.

F’dan ir-rigward, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ipprovdiet biss għal kumpens finanzjarju sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat mill-ksur tat-terminu raġonevoli tal-proċedura.

305.

F’din il-kawża, l-annullament tas-sentenza appellata jkun ifisser li DSD tiġi awtorizzata terġa’ tadotta l-aġir illegali li ġie kkundannat mid-deċiżjoni kkontestata għal raġunijiet li għadna kif iddeskrivejna bħala fondati.

306.

Il-miżura li għandha tittieħed kontra l-ksur tat-terminu raġonevoli tal-proċedura fl-ebda każ ma tista’, effettivament, twassal biex impriża titħalla tissokta jew terġa’ tadotta aġir li jkun instab li jmur kontra r-regoli Komunitarji.

307.

Għaldaqstant, il-ksur tat-terminu raġonevoli tal-proċedura jista’ jagħti biss lok, jekk ikun il-każ, għal talba għad-danni għall-preġudizzju kkawżat.

308.

Fir-rigward tan-natura ta’ dan il-preġudizzju, din il-kawża ma tinvolvix sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ impriża li, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura, tkun ġarrbet telf ekonomiku. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jeżistix preġudizzju ekonomiku.

309.

Il-preġudizzju mġarrab mill-appellanti f’din il-kawża jikkonsisti fil-ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jiġifieri d-dritt għal smigħ xieraq, li wieħed mill-elementi tiegħu huwa l-osservanza ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura ( 36 ).

310.

F’dan ir-rigward nixtieq infakkar li l-Artikolu 6(2) KE jindika li “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB]”.

311.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-rispett tiegħu hija għandha tiżgura, abbażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kif ukoll tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Istati Membri jkunu kkooperaw jew aderixxew ( 37 ).

312.

F’dan il-kuntest, il-KEDB tassumi importanza partikolari ( 38 ).

313.

Dan id-dritt li kull persuna għandha li l-kawża tagħha tinstema’ f’terminu raġonevoli huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ tali importanza li s-sempliċi fatt li persuna fiżika ġew ġuridika tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jikkostitwixxi fih innifsu preġudizzju awtonomu.

314.

Fir-rigward tal-forom possibbli ta’ rimedju, il-metodi adottati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu trasposti għal din il-kawża. B’hekk, jidhirli li r-rikonoxximent tal-ksur tal-prinċipju inkwistjoni jikkostitwixxi “rimedju ġust” li fih innifsu huwa adatt biex jirrimedja, fin-nuqqas ta’ preġudizzju materjali, il-preġudizzju mġarrab mill-appellanti. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà rrikonoxxiet li “il-konstatazzjoni [li Stat kiser l-Artikolu 6(1) tal-KEDB] fiha nfisha tipprovdi […] rimedju ġust u suffiċjenti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża” ( 39 ).

315.

Madankollu, jekk DSD tħoss li s-sempliċi rikonoxximent tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura mhuwiex rimedju ġust, hija tista’, fil-fehma tiegħi, tiftaħ kawża għad-danni quddiem il-qorti Komunitarja skont il-forom tad-dritt komuni. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, “[f]il-każ ta’ responsabilità mhux kontrattwali, il-Komunità għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

316.

Liema hija, għaldaqstant, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ tali azzjoni?

317.

It-testi Komunitarji ma jipprovdux dispożizzjonijiet speċifiċi għall-azzjonijiet għar-riżarċiment ta’ dannu kkawżat mill-funzjonament tal-ġustizzja Komunitarja.

318.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Léger kien indika li, fil-fehma tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja jifdlilha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ tali kawżi, meta dawn ikunu jirrigwardaw atti ġudizzjarji adottati mill-Qorti tal-Prim’Istanza stess.

319.

Is-soluzzjoni proposta b’hekk kienet din. Peress li kien inkonċepibbli li awtorità ġudizzjarja tingħata r-responsabbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura difettuża jew illegali tal-azzjonijiet tagħha stess, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiġi analizzata fis-sens li ma tinkludix l-azzjonijiet għad-danni mressqa kontra l-atti ġudizzjarji li tkun adottat hija stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Avukat Ġenerali Léger, b’hekk kellha l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ tali kawżi.

320.

Fiż-żmien tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, is-soluzzjoni proposta ma kienet suġġetta għal ebda impediment legali li jwassal għan-nullità, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma kinitx imniżżla fit-Trattat KE, kienet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont proċedura adatta ( 40 ).

321.

Madankollu, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nice, il-Qorti tal-Prim’Istanza issa għandha, b’deċiżjoni tad-dritt primarju, ġurisdizzjoni esklużiva biex tieħu konjizzjoni tal-kawżi dwar kumpens tad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-uffiċjali tal-Komunità fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

322.

B’hekk, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju primarju, mhuwiex ċar fuq liema bażi ġuridika l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu konjizzjoni ta’ dan it-tip ta’ rikors, ħlief jekk toħloq soluzzjoni ġuridika ġdida.

323.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza jibqgħalu l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ rispett tat-terminu ta’ proċedura quddiem il-qorti Komunitarja.

324.

Fil-fehma tiegħi, din is-soluzzjoni tissodisfa, barra minn hekk, il-prinċipju tar-rekwiżit ta’ qorti imparzjali. Effettivament, jidhirli li l-kunċett ta’ imparzjalità tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa kompatibbli mas-soluzzjoni li qed nipproponi.

325.

Fil-fatt, hija tiddistingwi bejn żewġ aspetti tal-kunċett ta’ imparzjalità, wieħed suġġettiv u l-ieħor oġġettiv ( 41 ).

326.

L-aspett suġġettiv jirrigwarda dak li jkun qed jaħseb internament l-imħallef f’dik iċ-ċirkustanza u b’hekk huwa relatat mal-personalità stess tal-imħallef. L-imparzjalità suġġettiva hija preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja ( 42 ). Huwa b’hekk diffiċli biex din tiġi kkontestata.

327.

Din hija r-raġuni għalfejn l-imparzjalità oġġettiva tal-qorti hija determinanti. L-aspett oġġettiv jikkonsisti fid-domanda jekk, indipendentement mill-aġir personali ta’ mħallef, ċerti fatti verifikabbli jagħtux lok biex tiġi ssuspettata l-imparzjalità ta’ dan tal-aħħar ( 43 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tippreċiża, f’dan ir-rigward, li anki l-apparenzi jistgħu jkunu importanti ( 44 ).

328.

L-istudju tal-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar juri li hija tanalizza l-kriterju tal-imparzjalità oġġettiva każ b’każ. Barra minn dan, fis-sentenza tagħha Morel vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, hija ppreċiżat li r-risposta għad-domanda jekk qorti hijiex oġġettivament imparzjali tvarja skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża ( 45 ).

329.

Madankollu, fil-kawżi kollha sottomessi lilha, insibu element komuni, jiġifieri li l-element determinanti jinsab fil-fatt jekk it-tħassib tal-persuna kkonċernata jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat ( 46 ).

330.

Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’ċerti każijiet irrikonoxxiet li l-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll l-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, ma jmorrux kontra l-prinċipju tal-imparzjalità oġġettiva u f’każijiet oħra kkundannat tali akkumulazzjonijiet.

331.

B’hekk, pereżempju, fil-kawża Gubler vs Franza ( 47 ), l-imparzjalità tas-sezzjoni dixxiplinari tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ordni tat-Tobba ġiet ikkontestata minn Gubler. Dan il-korp kien ressaq ilment kontra tiegħu u kien iddeċieda dwar dan l-istess ilment. Gubler allega li dan il-korp kien, fl-istess ħin, kemm l-imħallef kif ukoll parti fil-kawża.

332.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet tal-fehma li, peress li l-membri tas-sezzjoni dixxiplinari, li kienu jagħmlu parti mill-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda dwar l-ilment imressaq kontra Gubler, ma kinux involuti fid-deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali biex jitressaq tali lment, id-dubji tal-ilmentatur dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tas-sezzjoni dixxiplinari ma setgħux ikunu oġġettivament iġġustifikati ( 48 ).

333.

Fil-kawża Procola vs Il-Lussemburgu ( 49 ), ir-rikorrenti kkontestat l-imparzjalità tal-kumitat tal-kontenzjuż tal-Conseil d’État tal-Lussemburgu fil-kuntest ta’ rikors kontra regolament tal-Gran Dukat. Erba’ mill-ħames membri tal-kumitat inizjalment kienu taw parir dwar l-abbozz ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tal-kariga tagħhom bħala konsulenti.

334.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet tal-fehma li kien hemm konfużjoni, min-naħa tal-erba’ conseillers d’État, bejn il-funzjonijiet konsultattivi u dawk ġudizzjarji. Hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li ċerti persuni jeżerċitaw suċċessivament, fir-rigward tal-istess deċiżjonijiet, iż-żewġ tipi ta’ funzjonijiet huwa ta’ tali natura li jpoġġi f’dubju l-imparzjalità strutturali ta’ dik l-istituzzjoni u b’hekk jiġġustifika d-dubji tar-rikorrenti ( 50 ).

335.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, barra minn hekk, ippreċiżat li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jimplika li kull qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tivverifika li, fil-mod kif tkun komposta, tkun tikkostitwixxi qorti imparzjali ( 51 ).

336.

Din il-ġurisprudenza għandha tkun ikkombinata mal-effettività ta’ prinċipji oħrajn li huma ugwalment fundamentali, jiġifieri d-dritt ta’ aċċess għal qorti u r-rekwiżit tad-doppju eżami.

337.

Peress li l-qrati Komunitarji li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors għar-riżarċiment tad-danni kkawżati mill-funzjonament tal-ġustizzja Komunitarja huma biss tnejn, jiġifieri waħda fl-istadju ta’ prim’istanza u l-oħra fl-istadju ta’ appell, jidhirli li huwa raġonevoli li tiġi aċċettata l-ġurisdizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni espressa li l-kulleġġ ġudikanti li jisma’ r-rikors għad-danni jkun kompost b’mod differenti minn dak li jkun adotta l-att li jkun ta lok għad-dannu allegat.

338.

Ċertament, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Mihalkov vs Il-Bulgarija ( 52 ) tista’ tagħti lok għal dubju dwar il-possibbiltà għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu konjizzjoni ta’ rikors għar-riżarċiment ta’ dannu kkawżat minn qorti Komunitarja. Effettivament, din il-Qorti kienet iddeċidiet, f’dik il-kawża, li għalkemm ma kien hemm ebda raġuni biex tiġi ddubitata l-imparzjalità personali tal-imħallfin tal-qorti tal-belt ta’ Sofia, il-konnessjoni professjonali tagħhom ma’ waħda mill-partijiet fil-kawża (inkwantu l-kawża kienet tirrigwarda r-responsabbiltà tal-qorti tal-belt ta’ Sofia) setgħet fiha nfisha toħloq dubji leġittimi f’moħħ ir-rikorrent dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-imħallfin u l-indipendenza tagħhom fil-konfront tal-parti l-oħra fil-kawża ( 53 ). Barra minn hekk, id-dubji tar-rikorrent setgħu jkunu msaħħa mill-fatt li, skont ir-regoli baġitarji rilevanti, il-ħlas tal-kumpens li seta’ jingħata lilu f’każ li jirbaħ il-kawża kien ikollu jittieħed mill-baġit tal-qorti tal-belt ta’ Sofia ( 54 ).

339.

Madankollu, nixtieq nenfasizza li dik id-deċiżjoni ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża. Peress li l-Istati għandhom diversi qrati u għaldaqstant ir-rikors seta’ faċilment jiġi attribwit lil qrati li huma estraneji mill-kawża u konsegwentement immuni minn kull dubju dwar l-imparzjalità tagħhom. Dan mhuwiex il-każ fil-livell Komunitarju, kif għadna kif rajna.

340.

Jekk wieħed isegwi r-raġunament tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dik il-kawża, la l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-aġir ta’ din tal-aħħar ikun inkwistjoni, ma jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar rikors għar-riżarċiment ta’ dannu kkawżat minn qorti Komunitarja. Dan b’hekk ikun jikkostitwixxi ċaħda tal-ġustizzja.

341.

Dawn l-elementi kollha jimmilitaw, fil-fehma tiegħi, favur li jiġi deċiż li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha l-ġurisprudenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan it-tip ta’ rikors.

342.

Għal dawn ir-raġunijiet, u taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, fl-opinjoni tiegħi tista’ tiġi applikata biss il-proċedura tad-dritt komuni.

VII — Konklużjoni

343.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1)

tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu, u

2)

tikkundanna lil Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T-151/01, Ġabra p. II-1607, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) L-irkupru tal-iskart mhuwiex sinonimu għal riċiklaġġ. Ir-riċiklaġġ huwa proċess ta’ trattament tal-iskart li jippermetti li jerġgħu jiġu introdotti, fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni ta’ prodott, materjali li minnhom ikun kompost. L-irkupru ta’ skart jikkonsisti fl-użu tal-iskart bħala materja prima.

( 4 ) Każ COMP D3/34493 — DSD (ĠU L 166, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 5 ) L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

( 6 ) BGBl. 1991 I, p. 1234.

( 7 ) Każijiet COMP/34493 — DSD, COMP/37366 — Hofmann + DSD, COMP/37299 — Edelhoff + DSD, COMP/37291 — Rethmann + DSD, COMP/37288 — ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 — AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 — Feldhaus + DSD, COMP/37254 — Nehlsen + DSD, COMP/37252 — Schönmakers + DSD, COMP/37250 — Altvater + DSD, COMP/37246 — DASS + DSD, COMP/37245 — Scheele + DSD, COMP/37244 — SAK + DSD, COMP/37243 — Fischer + DSD, COMP/37242 — Trienekens + DSD, COMP/37267 — Interseroh + DSD (ĠU L 319, p. 1).

( 8 ) Ara l-punti 4, 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 9 ) Ara l-punti 7, 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 10 ) Ara l-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata. Ara wkoll il-komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż lill-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2000 (Anness K 21 tar-rikors promotur). Il-Gvern Ġermaniż indika, b’mod partikolari, li “eliminatur individwali jista’ madankollu jikkombina l-ġbir ‘fil-viċinanzi tal-ħwienet’ u ġbir fil-viċinanzi tal-konsumatur finali billi jipparteċipa f’sistema doppja abbażi tal-Artikolu 6(3), tad-[digriet] dwar l-imballaġġi għal parti biss tal-imballaġġi li jkun qiegħed fis-suq”.

( 11 ) Ara l-punt 111 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 426).

( 13 ) Ara l-punt 9 tas-sentenza appellata.

( 14 ) ĠU 1989, L 40, p. 1.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Rioglass u Transremar (C-115/02, Ġabra p. I-12705, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara s-sit internet ta’ Eco-Emballages, li għandha liċenzja għall-użu tal-logo Der Grüne Punkt fi Franza (http://www.ecoemballages.fr).

( 17 ) C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punti 118 u 119.

( 18 ) C-185/95 P, Ġabra p. I-8417.

( 19 ) Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).

( 20 ) Sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).

( 21 ) Ibidem (punt 19).

( 22 ) Ibidem (punt 20).

( 23 ) Ibidem (punt 21).

( 24 ) Ibidem (punt 22).

( 25 ) Ibidem (punt 29).

( 26 ) Ibidem (punt 30). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kemmache vs Franza tas-27 ta’ Novembru 1991, serje A Nru. 218, § 60.

( 27 ) Anness R 24 tal-appell.

( 28 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Pélissier u Sassi vs Franza tal-25 ta’ Marzu 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999 - II, § 71.

( 29 ) Sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 30 ) Ibidem (punt 36).

( 31 ) C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513.

( 32 ) Punt 213.

( 33 ) Sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 34 ) Ibidem (punt 45).

( 35 ) Ibidem (punti 45 u 46).

( 36 ) Ara l-punt 268 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 71).

( 38 ) Idem.

( 39 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Hauschildt vs Id-Danimarka tal-24 ta’ Mejju 1989, serje A nru. 154, § 58.

( 40 ) Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet stabbilita mill-Kunsill, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Id-deċiżjoni 88/591/KEFA, KEE, Euratom tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1988, li tistabbilixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181), kif emendata mid-Deċiżjoni 93/350/KEFA, KEE, Euratom tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 244), li tistabbilixxi fl-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza biex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità dovuta minħabba danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha.

( 41 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Piersack vs Il-Belġju tal-1 ta’ Ottubru 1982, serje A, nru. 53, § 30.

( 42 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Hauschildt vs Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq (§ 47).

( 43 ) Ibidem (§ 48). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Morel vs Franza tat-18 ta’ Ottubru 2000, § 42.

( 44 ) Idem.

( 45 ) § 45.

( 46 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedems Hauschildt vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq (§ 48) u Hirschhorn vs Ir-Rumanija tas-26 ta’ Ottubru 2007, § 73.

( 47 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Gubler vs Franza tas-27 ta’ Lulju 2006.

( 48 ) Idem (§ 28 u 30). Għal eżempji ta’ aċċettazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Nortier vs L-Olanda tal-24 ta’ Awwissu 1993, serje A nru. 267, u Depiets vs Franza tal-10 ta’ Frar 2004.

( 49 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Procola vs Il-Lussemburgu tat-28 ta’ Settembru 1995, serje A Nru. 326.

( 50 ) Idem (§ 45). Għal eżempji ta’ kundanna tal-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Findlay vs Ir-Renju Unit tal-25 ta’ Frar 1997, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1997-I, u Tierce et vs Saint-Marin tal-25 ta’ Lulju 2000.

( 51 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Remli vs Franza tat-23 ta’ April 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996-II, p. 574, § 48.

( 52 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Milhalkov vs Il-Bulgarija tal-10 ta’ Lulju 2008.

( 53 ) Idem (§ 47).

( 54 ) Ibidem (§ 48).

Top