EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0155

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tad-9 ta' Settembru 2010.
Tomra Systems ASA et. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Suq għal magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim ŻEE - Ftehim ta’ esklużività, impenji dwar il-kwantità jew ribassi marbuta mal-lealtà li kienu jagħmlu parti minn strateġija ta’ esklużjoni tal-kompetituri tas-suq - Multa - Proporzjonalità.
Kawża T-155/06.

European Court Reports 2010 II-04361

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:370

Kawża T-155/06

Tomra Systems ASA et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni Abbuż minn pożizzjoni dominanti Suq tal-magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE Ftehim ta’ esklużività, impenji kwantitattivi u tnaqqis għal fedeltà li jagħmlu parti minn strateġija ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq Multa Proporzjonalità”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2010...................................................................................

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu, bħala prova, tad-dokumentazzjoni interna ta’ impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur — Ammissibbiltà

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Kuntratt konkluż bejn impriża u organizzazzjoni ċentrali tax-xiri

(Artikolu 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni — Obbligi tal-impriża dominanti — Eżerċizzju tal-kompetizzjoni abbażi tal-merti

(Artikolu 82 KE)

4.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Tnaqqis għal fedeltà

(Artikolu 82 KE)

5.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis li għandu l-effett ta’ dekadenza fuq is-suq — Tnaqqis għal fedeltà — Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva

(Artikolu 82 KE)

6.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal kwantità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 82 KE u 253 KE)

8.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Esklużjoni ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti

(Artikolu 82 KE)

9.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis retroattiv — Natura abbużiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu. 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu bħala effett jew bħala skop li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

11.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Impenji dwar il-kwantitajiet individwali li jikkostitwixxu użu abbużiv

(Artikolu 82 KE)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Elementi ta’ evalwazzjoni — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tal-impriża kkonċernata — Limiti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

1.      Id-dokumentazzjoni interna ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi prova tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni minn din l-impriża. Tali dokumentazzjoni tista’, fil-fatt, tindika jekk l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kinitx maħsuba, jew, għall-kuntrarju, tissuġġerixxi spjegazzjoni differenti tal-prattiki eżaminati. Hija tista’, pereżempju, tippermetti lill-Kummissjoni tqiegħed dawn il-prattiki fil-kuntest tagħhom u tikkorrobora l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn l-istess prattiki.

Meta hija tuża din id-dokumentazzjoni sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha, huwa tabilħaqq normali li l-Kummissjoni, mingħajr ma taħbi l-eżistenza ta’ dokumenti li jagħtu opinjoni differenti, turi primarjament l-aġir antikompetittiv tal-impriża u mhux l-azzjonijiet legali tagħha msemmija f’ċerti dokumenti interni, peress li hija għandha tistabbilixxi speċifikament dan l-aġir.

(ara l-punti 35, 36)

2.      Ma huwiex neċessarju li l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti torbot lix-xerrejja b’obbligu formali ta’ esklużività sabiex jiġi stabbilit li dawn jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Huwa biżżejjed li dawn il-prattiki jkun fihom inċentiv lill-klijenti sabiex ma jmorrux għand fornituri kompetituri u sabiex jordnaw il-provvisti għal bżonnijiet kollha jew għal parti sostanzjali minnhom mingħand l-imsemmija impriża, b’mod li ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata n-natura esklużiva tal-kuntratti inkwistjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

Fir-rigward tal-ftehim konklużi bejn impriża u organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri, li għandhom natura vinkolanti għall-partijiet, il-kwistjoni dwar jekk dawn jinfluwenzawx ukoll l-aġir ta’ xerrej tal-membri tagħhom ma tiddependix minn analiżi formali. Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet innegozjati jiddependu mix-xiri ta’ kwanititajiet intiżi mill-organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri fl-intier tagħha, huwa inerenti għan-negozjati ta’ kuntratt ta’ dan it-tip li dan għandu jħajjar lill-membri tal-organizzazzjoni ċentrali jixtru sabiex jilħqu l-mira stabbilita.

(ara l-punti 59, 61, 62)

3.      Il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkun tali, li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-grad ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u, li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li japplikaw f’kompetizzjoni normali tal-prodotti jew servizzi abbażi tal-provvisti ta’ operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ grad tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi impriża dominanti milli telimina kompetitur u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tirrikorri għal mezzi li ma humiex dawk ibbażati fuq kompetizzjoni fuq il-merti. Il-projbizzjoni mniżżla f’din id-dispożizzjoni hija wkoll iġġustifikata mit-tħassib li l-konsumaturi ma jiġux ippreġudikati.

Konsegwentement, għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din l-impriża għandha, indipendentement mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, permezz tal-aġir tagħha, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni. Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx impriża li tinsab f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tippriżerva l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn huma mhedda, u għalkemm din l-impriża għandha l-possibbiltà, sa livell raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tikkunsidra xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, madankollu dan l-aġir ma jistax jiġi aċċettat meta jkollu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbuża minnha.

(ara l-punti 38, 206, 207)

4.      Fir-rigward ta’ impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot xerrejja – anki jekk fuq talba tagħhom – b’obbligu jew wegħda li jfornu ruħhom għall-bżonnijiet kollha jew għal parti sostanzjali mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot ix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, jew taħt ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, jew inkella unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Fil-fatt, l-impenji ta’ forniment esklużiv ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi mħeġġeġ jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jillimitaw fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra.

(ara l-punti 208, 209, 295, 296)

5.      Tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb provvisti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, imur kontra l-Artikolu 82 KE minħabba l-esklużjoni li jimplika. Tali tnaqqis iwassal fil-fatt, sabiex, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, tiġi prekluża l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

(ara l-punti 210, 211)

6.      Is-sistemi ta’ tnaqqis għal kwantità implementati minn impriża f’pożizzjoni dominanti, marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri li sar minnha, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni fuq is-suq ipprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta mill-imsemmija impriża tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis għal kwantità li r-rata ta’ skont tiegħu tiżdied skont il-volum mixtri mill-impriża f’pożizzjoni dominanti tikser l-Artikolu 82 KE biss jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma hijiex ibbażata fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, iżda twassal, bħat-tnaqqis għal fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

Sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà ta’ natura abużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari, il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li titneħħa lix-xerrej l-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati għall-imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

(ara l-punti 212-214)

7.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għall-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li l-persuna interessata tkun tista’ tagħraf il‑ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatti li tiddependi fuqhom il-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wasslu sabiex tittieħed din id-deċiżjoni.

(ara l-punt 227)

8.      L-għeluq ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti ma jistax jiġi ġġustifikat mit-turija li parti tas-suq li setgħet tinkiseb għadha suffiċjenti sabiex takkomoda numru limitat ta’ kompetituri. L-ewwel nett, minn naħa, il-klijenti li jinsabu fil-parti magħluqa tas-suq għandu jkollhom l-opportunità li japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il‑merti għas-suq kollu u mhux parti minnu biss. It-tieni nett, ma huwiex ir‑rwol tal-impriża dominanti li tiddetermina kemm għandhom jikkompetu kompetituri profitabbli għal porzjon tad-domanda li kienet għadha setgħet tinkiseb.

Huwa permezz ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ li jista’ jiġi stabbilit jekk il-prattiċi ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni u, jkun artifiċjali li jiġi stabbilit a priori liema hija l-porzjoni tas-suq marbuta li lil hinn minnha l-prattiċi ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jkollhom effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri.

(ara l-punti 241, 242)

9.      Il-mekkaniżmu ta’ esklużjoni rrappreżentat mit-tnaqqis retroattiv ma jeħtieġx li l-impriża dominanti tissagrifika profitti, peress li l-ispiża tat-tnaqqis hija mqassma fuq numru kbir ta’ unitajiet. Permezz tal-għoti retroattiv ta’ tnaqqis, il-prezz medju miksub mill-impriża dominanti jista’ tassew ikun superjuri għall-ispejjeż u jġib miegħu marġni ta’ profitt medju għoli. Madankollu, is-sistema ta’ tnaqqis retroattiv tiżgura li, għall-klijent, il-prezz effettiv għall-aħħar unitajiet ikun baxx ħafna minħabba l-“effett ta’ ġbid”.

(ara l-punt 267)

10.    Għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-komportament abużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti kellu effett antikompetittiv konkret fis-swieq ikkonċernati. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jintwera li għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li kapaċi jkollu tali effett.

(ara l-punt 289)

11.    Anki jekk jiġi ammess li ma jorbtux lix-xerrej b’obbligu formali ta’ esklużività, l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati, li dwarhom jiġi stabbilit, wara analiżi mhux biss formali mill-aspett legali, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku tal-ftehim inkwistjoni, li jorbtu de facto u/jew jinċitaw lix-xerrej sabiex jixtri esklużivament jew għal parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, u li ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s‑sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l‑oħra, jikkostitwixxu użu abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

(ara l-punti 297, 298)

12.    La l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur, ma jista jċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibilità li tgħolli l-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni.

Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett disważiv tal-multi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati. Issa, l‑informazzjoni rilevanti, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati jvarjaw skont il-każ. Konsegwentement, il‑Kummissjoni ma tistax tkun obbligata timponi multi li jirrappreżentaw l‑istess proporzjon tal-fatturat fil-każijiet kollha li huma simili fuq il-livell ta’ gravità.

Peress li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, din għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 310-313)

13.    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li tissanzjona l-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-limitu superjuri li jipprevedi l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda madankollu ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil din iċ-ċifra meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu evalwati.

Il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, li fosthom hemm b’mod partikolari n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu meta jista’ jitkejjel, il-portata ġeografika tas-suq affettwat u l‑portata disważiva neċessarja tal-multa. Għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, dawn ma jipprekludux li tali tad-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ‑ċirkustanzi jeżiġu dan.

Minn dan jirriżulta li, għalkemm ma jistax jiġi nnegat, li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-prodotti inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġu evalwati l-preġudizzji lill-kompetizzjoni fis-suq tal-imsemmija prodotti fi ħdan iż‑Żona Ekonomika Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element ma jikkostitwixxix l-uniku kriterju li bih il-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 316-318)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)



9 ta’ Settembru 2010(*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Ftehim ta’ esklużività, impenji kwantitattivi u tnaqqis għal fedeltà li jagħmlu parti minn strateġija ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq – Multa – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑155/06,

Tomra Systems ASA, stabbilita f’Asker (in-Norveġja),

Tomra Europe AS, stabbilita f’Asker,

Tomra Systems GmbH, stabbilita f’Hilden (il-Ġermanja),

Tomra Systems BV, stabbilita f’Apeldoorn (il-Pajjizi l-Baxxi),

Tomra Leergutsysteme GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Tomra Systems AB, stabbilita f’Sollentuna (l-Isvezja),

Tomra Butikksystemer AS, stabbilita f’Asker,

inizjalment irrappreżentati minn A. Ryan, solicitor, u J. Midthjell, avocat, sussegwentement minn A. Ryan u N. Frey, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2006) 734 finali tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Marzu 2006, marbuta ma’ proċedura taħt l‑Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP//E.-1/38-113/Prokent-Tomra),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Norel Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Tomra Systems ASA hija l-kumpannija parent tal-grupp Tomra. Tomra Europe AS tikkoordina l-attività tas-sussidjarji ta’ distribuzzjoni Ewropej fi ħdan il-grupp. Is-sussidjarji kkonċernati minn din il-kawża huma Tomra Systems GmbH fil-Ġermanja, Tomra Systems BV fil-Pajjiżi l-Baxxi, Tomra Leergutsysteme GmbH fl-Awstrija, Tomra Systems AB fl-Isvezja u Tomra Butikksystemer AS fin-Norveġja (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien ma’ Tomra Systems ASA u Tomra Europe AS, ir-“rikorrenti”). Il-grupp Tomra jipproduċi magni ta’ rkupru awtomatiċi għall-kontenituri tax-xorb vojta (iktar ’il quddiem ir-“RVM”), li huma magni intiżi għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati li jidentifikaw il-kontenitur permezz ta’ ċerti parametri, bħall-forma u/jew il-kowd tal-linji, u li jikkalkulaw l-ammont tal-kunsinna li għandha tiġi rimbursata lill-klijent. Huwa jipprovdi wkoll servizzi marbuta mar-RVM madwar id-dinja. Fl-2005, il-grupp Tomra kellu madwar EUR 300 miljun dħul mill-bejgħ u 1 900 impjegat.

2        Fis-26 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet ilment minn Prokent AG, kumpannija Ġermaniża li topera wkoll fis-settur tal-ġbir tal-kontenituri tax-xorb vojta, kif ukoll fil-provvista ta’ prodotti u servizzi konnessi. Prokent talbet il-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk ir‑rikorrenti kinux wettqu abbuż minn pożizzjoni dominanti billi impedixxewhom milli jidħlu fis-suq.

3        Fis-26 u fis-27 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni spezzjonat il-bini ta’ Tomra Systems GmbH, fil-Ġermanja u ta’ Tomra Systems BV, fil-Pajjiżi l‑Baxxi. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) spezzjonat, fuq talba tal-Kummissjoni, il-bini ta’ Tomra Systema ASA u tas-sussidjarji tagħha, fil-Norveġja. Imbagħad, Il‑Kummissjoni talbet informazzjoni lil Tomra Systems ASA, u diversi mill-kompetituri tagħha u l-klijenti tagħha, skont l-Artikolu tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l‑Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

4        Fit-23 ta’ Diċembru 2002, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ddikjaraw li waqfu l-ftehim ta’ esklużività u li ma kinux għadhom japplikaw tnaqqis għal fedeltà.

5        Fit-30 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw programm ta’ konformità mal-kompetizzjoni għall-grupp Tomra, applikabbli mill-1 ta’ April 2004.

6        Fl-1 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Tomra Systems ASA, lil Tomra Europe AS u lis-sussidjarji tal-grupp Tomra fis-sitt Stati li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li r-rikorrenti rrispondewha fit-22 ta’ Novembru 2004. Is‑smigħ seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2004. Fid-19 ta’ April 2005, il-Kummissjoni talbet informazzjoni oħra, li r-rikorrenti pprovdew fil-25 ta’ April u fit-3 ta’ Mejju 2005.

 Id-deċiżjoni kkontestata

7        Fid-29 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni C (2006) 734 finali tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Marzu 2006, marbuta ma’ proċedura taħt l‑Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE [iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”, sommarju ta’ din id-deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Awwissu, ĠU 2008 (C 219, p. 11)]. Hija fiha tikkonstata li r-rikorrenti kisru l‑Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE matul il-perijodu 1998/2002, billi implementaw strateġija ta’ esklużjoni fis-suq Ġermaniż, Olandiż, Awstrijak, Norveġiż u Svediż tar-RVM, permezz ta’ ftehim ta’ esklużività, ftehim li kien fih impenji individwalizzati dwar il-kwantità jew skemi individwalizzati ta’ tnaqqis retroattiv, u b’hekk għalqu s-swieq għall-kompetizzjoni.

A –  Is-suq inkwistjoni

8        Fir-rigward tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata tindika li għall-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bdiet mill-premessa li jeżisti suq speċifiku għall-magni high end jew sistemi oħra, inklużi, b’mod partikolari r-RMV kollha li jistgħu jiġu installati minn ħajt u konnessi ma’ apparat fuq wara, u suq globali li jkopri kemm magni high end kif ukoll magni low end. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-definizzjoni ta’ suq l‑iktar wiesa’ possibbli bħala bażi li fuqha hija għandha taħdem peress li din tat ċifri iktar favorevoli għar-rikorrenti.

9        Fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma kinux l-istess fiż-ŻEE matul il-perijodu kkunsidrat u li s-swieq ġeografiċi inkwistjoni huma ta’ daqs nazzjonali.

B –  Pożizzjoni Dominanti

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat, inter alia, li l‑ishma mis-suq tar-rikorrenti fl-Ewropa kienu b’mod konsistenti ’l fuq minn 70 % qabel l‑1997, li wara l-1997, dawn kienu jaqbżu 95 %, u li, fis-swieq kollha inkwistjoni, is-sehem mis-suq miżmum mir-rikorrenti kien diversi drabi ikbar minn dik tal-kompetituri tagħha, ikkonkludiet li l-grupp Tomra kien impriża f’pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

C –  Aġir abbużiv

11      Id-deċiżjoni kkontestata tindika li r-rikorrenti kkonkludew strateġija li kellha għan jew effett anti-kompetittiv, kemm fil-prattika tagħhom fi ħdan id‑diskussjonijiet interni tal-grupp. Il-Kummissjoni fiha tafferma li r‑rikorrenti pprovaw iżommu l-pożizzjoni dominati tagħhom u l-ishma tagħhom fis-suq b’mezzi li kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jimpedixxu d-dħul ta’ operaturi oħra fis-suq, f’li jżommu l-kompetituri tagħhom dgħajfa billi jillimitaw l-possibbiltajiet tagħhom ta’ tkabbir u f’li jdgħajfuhom jew jeliminawhom, jew billi jakkwistawhom jew permezz ta’ mezzi oħra. Din l-istrateġija ġiet implementata, kif ġie speċifikat, permezz tal-iffirmar ta’ 49 ftehim, bejn l-1998 u l-2002, bejn ir-rikorrenti u ċertu numru ta’ supermarket chains, li kienu ftehim ta’ esklużività, ftehim li jimponu mira kwantitattiva individwalizzata u ftehim li jistabbilixxu skemi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat.

12      Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm il-ftehim, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet inkwistjoni fihom elementi differenti, bħal klawżoli ta’ esklużività espliċiti jew de facto, rabtiet jew promessi, mill-parti tal-klijenti li jixtru kwantitajiet li jikkorrispondu għal proporzjon sinjifikattiv tal-bżonnijiet tagħhom jew skemi ta’ tnaqqis retroattiv marbuta mal-bżonnijiet tal-imsemmija klijenti, jew ukoll tgħaqqid ta’ dawn l-elementi, dawn għandhom kollha, skont il-Kummissjoni, jittieħdu fil-kuntest tal-politika ġenerali tar-rikorrenti intiża sabiex tostakola d-dħul fis-suq, aċċess tas-suq u possibbiltajiet ta’ tkabbir għal kompetituri eżistenti jew potenzjali u, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex teliminahom mis-suq b’mod li tinħoloq sitwazzjoni ta’ kważi monopolju.

13      Qabel kollox, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-klawżoli ta’ esklużività, sa fejn dawn jobbligaw il-klijenti sabiex jordnaw il-provvisti minn fornitur dominanti sabiex ikopru t-totalità jew parti sinjifikattiva tal-bżonnijiet tagħhom, jistgħu, per se, ikollhom effett ta’ soppressjoni. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq u peress li dawn il-klawżoli ta’ esklużività ġew applikati għal parti mid-domanda totali li hija qieset li tista’ titqies sostanzjali, il-Kummissjoni ddeduċiet li dawn il‑ftehim ta’ esklużività, konklużi mir-rikorrenti, kienu ta’ natura li jkollhom, u li effettivament kellhom, effett ta’ soppressjoni li joħloq distorsjoni tas-suq. Issa, huwa kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li ma jeżistux, f’dan il-każ, ċirkustanzi li jistgħu eċċezzjonalment jiġġustifikaw l‑esklużività jew klawżoli simili, u li r-rikorrenti wkoll naqsu milli jiġġustifikaw l-prattiki tagħhom għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

14      Id-deċiżjoni kkontestata żżid, imbagħad, li l-iskontar mogħti għall-kwantitajiet individwalizzati li jikkorrispondi għat-totalità jew kważi t‑totalità tad-domanda għandu l-istess effett tal-klawżoli ta’ esklużività, fis-sens li huwa jwassal lill-klijent sabiex jordna l-provvisti għat-totalità jew għal kważi t-totalità tal-bżonnijiet tiegħu mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan jgħodd ukoll għat-tnaqqis għal fedeltà, imsejjaħ ukoll tnaqqis li huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijenti jordnaw provvisti għat-totalità jew għall-biċċa l-kbira tal-bżonnijiet tagħhom minn fornitur f’pożizzjoni dominanti. Il-fatt li l-impenn dwar il-volum ta’ xiri kien espress f’termini assoluti jew f’perċentwali ma huwiex determinanti, għall-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura ta’ esklużjoni tal-ftehim jew il-kundizzjonijiet inkwistjoni. Għal dak li jikkonċerna l-ftehim konklużi mir-rikorrenti, id‑deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-miri kwantitattivi stipulati jikkostitwixxu impenji individwalizzati li jvarjaw minn klijent għall-ieħor, indipendentement mid-daqs tiegħu u mill-volum ta’ xiri tiegħu, u li jikkorrispondu għat-totalità jew għall-biċċa l-kbira tal-bżonnijiet tal-klijent, u anki jaqbżuhom. Id-deċiżjoni kkontestata żżid li l-politika tar-rikorrenti li tikkonsisti f’li torbot lill-klijenti tagħhom, b’mod partikolari l-klijenti essenzjali tagħhom, bi ftehim li huma intiżi sabiex jeskludu l-kompetituri tas-suq u li twaqqaf kull opportunità ta’ espansjoni tagħhom, tirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti relatati mal-istrateġija tar-rikorrenti, man-negozjati tagħhom u mal-offerti li huma kienu għamlu lill-klijenti tagħhom. Fid-dawl tan-natura tas-suq RVM u tal-karatteristiċi tal-prodott innifsu, b’mod partikolari t-trasparenza u n-natura relattivament prevedibbli tad-domanda ta’ RVM ta’ kull klijent u għal kull sena, il-Kummissjoni kkonstatat li r‑rikorrenti kellhom l-għarfien neċessarju tas-suq sabiex jistmaw b’mod realistiku d-domanda approssimattiva ta’ kull klijent.

15      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna t-tnaqqis, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iskemi ta’ tnaqqis kienu mfassla individwalment għal kull klijent u li l-limiti kienu marbuta mat-totalità jew ma’ parti sinjifikattiva tal-bżonnijiet ta’ kull wieħed. Dawn kienu stabbiliti abbażi tal-bżonnijiet stmati tal-klijent u/jew volumi ta’ xiri magħmula fil-passat. Issa, l-inċentiv sabiex jiġu ordnati provvisti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand ir-rikorrenti kien, skont id-deċiżjoni kkontestata, partikolarment qawwi meta l-limiti, bħal dawk applikati mir-rikorrenti, kienu mgħaqqda ma’ sistema fejn il-ksib tal-limitu ta’ bonus jew limitu aktar vantaġġjuż huwa ta’ benefiċċju għax-xiri kollu magħmul mill-klijent fil-perijodu kkunsidrat u mhux esklużivament għall-volum ta’ xiri li jeċċedi l‑livell inkwistjoni. Għal klijent li beda jordna mingħand ir-rikorrenti, li huwa xenarju possibbli ħafna minħabba l-pożizzjoni b’saħħitha tagħhom fis-suq, skema retroattiva toħloq b’hekk inċentiv qawwi li jintlaħaq il-livell mixtieq sabiex inaqqas il-prezz tax-xiri tiegħu kollu mingħand ir-rikorrenti. Dan l-inċentiv żdied, kif ġie indikat, iktar ma l-klijent qorob lejn il-livell inkwistjoni. Issa, il-Kummissjoni kkonstatat li t-taħlita ta’ sistema ta’ tnaqqis retroattiv ma’ livell jew diversi livelli li jikkorrispondu mat-totalità jew proporzjon għoli ta’ bżonnijiet kienet tirrappreżenta inċentiv sinjifikattiv għax-xiri tat-tagħmir kollu jew kważi kollu meħtieġ mingħand ir-rikorrenti u għolla b’mod artifiċjali l-ispiża biex ikun hemm tibdil tal-fornitur, anki għal numru żgħir ta’ unitajiet. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, skont il‑ġurisprudenza, l-iskemi ta’ tnaqqis inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala mezzi sabiex tissaħħaħ il-fedeltà u, għalhekk, bħala tnaqqis għal fedeltà.

16      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tindika li, għalkemm, kif ġie deċiż fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, iktar ’il quddiem is-“sentenza Michelin II”, punt 239) u tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni (T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punt 293), sabiex jiġi stabbilit abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett, il-Kummissjoni kkompletat l-analiżi tagħha billi eżaminat l-effetti probabbli tal-prattiki tar-rikorrenti fis-suq tar-RVM. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tindika li, matul il-perijodu kollu eżaminat, jiġifieri mill-1998 sal-2002, is-sehem tar-rikorrenti fil-ħames swieq nazzjonali kkunsidrati kollha baqa’ relattivament stabbli. Fl‑istess ħin, il‑pożizzjoni tal-kompetituri tagħhom baqgħet dgħajfa u instabbli sew. Wieħed minnhom, dak li ressaq l-ilment, li kien irnexxielu, telaq is-suq fl-2003 wara li wasal li jieħu 18 % tas-suq Ġermaniż fl-2001. Impriżi kompetituri oħra li wrew il-potenzjal u l-kapaċità tagħhom li jiksbu ishma mis-suq iktar sinjifikattivi ġew eliminati billi ġew akkwistati mir-rikorrenti, bħal Halton u Eleiko. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-istrateġija ta’ esklużjoni pprattikata mir-rikorrenti matul il-perijodu 1998/2002 kellha effett li jintwera fil-bidla tal-ishma mis-suq marbut u l-bejgħ tal-atturi tas-suq. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, ċerti klijenti bdew jixtru aktar mill-prodotti kompetituri wara li skadew il-ftehim esklużivi tagħhom mar‑rikorrenti. Minbarra n-nuqqas ta’ effiċjenza fl-ispejjeż li jistgħu jiġġustifikaw l-prattiki tar-rikorrenti, lanqas ma kien hemm xi benefiċċju għall-konsumaturi f’dan il-każ. Mid-deċiżjoni kkontestata jidher li l-prezz tar-RVM tar-rikorrenti ma waqax wara li żdied il-volum tal-bejgħ u li għall-kuntrarju, il-prezz baqa’ l‑istess u anki żdied waqt il-perijodu eżaminat.

D –  Multa

17      Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-abbuż imwettaq mir-rikorrenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma implementaw apposta l-prattiki inkwistjoni fil-kuntest tal-istrateġija ta’ esklużjoni tagħhom, iżda wkoll il-portata ġeografrika ta’ dan l-abbuż, jiġifieri l-fatt li dan kien ikopri t-territorju ta’ ħames Stati li jagħmlu parti miż-ŻEE, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, l-Isvezja u n-Norveġja. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, skont il‑Kummissjoni, il-fatt li l-ksur mhux dejjem kopra l-perijodu kollu f’kull wieħed mis-swieq nazzjonali kkunsidrati, u li f’kull wieħed mis-swieq nazzjonali, l-intensità tiegħu setgħet varjat maż-żmien.

18      B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża, fil-premessa 394 li l‑ksur jikkonċerna t-territorji u l-perijodi segwenti:

–        Il-Ġermanja: 1998-2002

–        Il-Pajjiżi l-Baxxi: 1998-2002

–        L-Awstrija: 1999-2001

–        L-Isvezja: 1999-2002

–        In-Norveġja: 1998-2001

19      Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan jikkostitwixxi ksur serju u stabbilixxiet l‑ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 16 miljun, billi bbażat ruħha fuq il‑perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-1998 sal-2002. L-ammont inizjali tal-multa ġiet miżjuda b’10 % għal kull sena kompleta ta’ ksur. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata indikat li ma kienx hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

20      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li ġej:

“Artikolu 1

[Ir-rikorrenti] kisru l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE fil-perijodu bejn l-1998 u l-2002 billi implementaw strateġija ta’ esklużjoni fis-swieq nazzjonali tar-[RVM] [fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fl-Isvezja u fin-Norveġja], li tinvolvi ftehim ta’ esklużività, impenji ta’ kwantitajiet individwalizzati u skemi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat, b’mod li eskludew il-kompetizzjoni fis-swieq.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi hawn fuq, multa ta’ EUR 24 miljun hi imposta fuq [ir‑rikorrenti] in solidum.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

22      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat il-Ħames Awla, u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall‑mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2010.

24       Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk imġarrba minnhom sabiex jagħmlu garanzija bankarja fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jħallsu l-multa.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. L-ewwel ħames motivi huma intiżi, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u s-sitt wieħed huwa intiż għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-użu mill-Kummissjoni ta’ provi manifestament ineżatti u mhux affidabbli sabiex tikkonstata li r-rikorrenti operaw strateġija ta’ esklużjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li wettqet il‑Kummissjoni, meta kkunsidrat li l-prattiki tar-rikorrenti setgħu jeliminaw il-kompetizzjoni, u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija prattiki jeliminawx realment il‑kompetizzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest li jirriżulta mill-kwalifika tal-prattiki tar-rikorrenti bħala illegali per se. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest li l-Kummissjoni wettqet meta qieset li l‑impenji mhux vinkolanti setgħu jiksru l-Artikolu 82 KE. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni waqt l-impożizzjoni tal-multa.

I –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-użu ta’ provi manifestament ineżatti u mhux affidabbli sabiex tiġi kkonstatata l-istrateġija ta’ esklużjoni u sabiex tiġi pprovata l-eżistenza u jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ ċerti ftehim bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħhom.

27      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex provi affidabbli li jippermettu li jintwera li huma operaw strateġija sabiex tiġi eliminata l-kompetizzjoni. It‑tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq provi ineżatti u mhux affidabbli sabiex jiġu pprovati l-eżistenza u l-kontenut ta’ mill-inqas 26 minn 49 ftehim li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata.

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ provi affidabbli li jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

28      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkonstataw l-użu bħala prova mill-Kummissjoni tal-korrispondenza interna tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni ma għandhomx rabta bejniethom u li huma ttieħdu totalment mhux fil-kuntest tagħhom. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni qabżet xi provi li juru, minflok, li r-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jikkompetu b’mod normali mal-kompetituri tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni dokumenti li jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jużaw mezzi kompetittivi leġittimi.

29      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li d-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-grupp Tomra kellux suċċess fis-suq tar-RVM bejn l-1998 u l-2002 minħabba li, mill-1997 sal-2001, huwa kien l‑uniku fornitur tar-RVM li kellhom din it-tekonoloġija avvanzata. Skont ir‑rikorrenti, dan jikkostitwixxi żball li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata: il-vantaġġ kompetittiv tagħhom kien it-teknoloġija tagħhom u huwa abbażi ta’ dan il-vantaġġ li huma ddeċidew li joperaw fis-suq.

30      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jindikaw li, billi invokat il-ftehim allegatament antikompetittivi stess bħala provi ta’ strateġija ta’ esklużjoni, il‑Kummissjoni daħlet f’argument ċirkulari, peress li hija ssemmi diversi drabi, f’postijiet oħra fid-deċiżjoni kkontestata, l-istrateġija ta’ esklużjoni sabiex turi li l-istess ftehim kienu antikompetittivi sew. Konsegwentement, dawn il-ftehim ma jistgħux iservu bħala prova ta’ strateġija ta’ esklużjoni. Anki jekk il-Kummissjoni kienet kapaċi tipprovdi eżempji ta’ ftehim li kisru l-Artikolu 82 KE, hija mhux dejjem tat spjegazzjoni rigward il-mod ta’ kif dan il-fatt jikkonferma strateġija fuq livell tal-impriża kollha intiża sabiex teskludi l-kompetizzjoni bejn l-1998 u l-2002.

31      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, ma tikkunsidrax il-proċeduri tagħhom ta’ ksur ta’ privattivi jew l-akkwisti tagħhom bħala parti mill-ksur, iżda min-naħa l-oħra tikkunsidra li dawn il-prattiki u dawn l-akkwisti jirrapreżentaw fatturi li juru l-istrateġija ta’ esklużjoni mħaddna mir-rikorrenti. Madankollu, il‑Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova li turi li l-protezzjoni mir-rikorrenti tal-privattivi tagħhom jew tal-prattiki ta’ kooperazzjoni tagħhom ma’ kumpanniji oħra jew l-akkwist tagħhom urew strateġija ta’ esklużjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali ma tiksirx id-dritt tal-kompetizzjoni, sakemm din ma tkunx vessatorja, tentattiv li tivvalida privattiva jew dritt ta’ proprjetà industrijali ieħor ma jistax jikser id-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarja.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 97 et seq tiġbor fil-qasir dak li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala l-istrateġija antikompetittiva tar-rikorrenti. Hija tindika, f’dan ir-rigward, dan li ġej:

“L-istrateġija [tal-grupp] ta’ Tomra kienet ibbażata fuq politika li ppruvat iżżomm d‑dominanza tagħha u s-sehem tagħha fis-suq b’mezzi bħal [...] il-prevenzjoni tad-dħul fis-suq, [...] iż-żamma tal-kompetituri milli jikbru billi tillimita l‑possibbiltajiet ta’ tkabbir tagħhom u, [...] fl-aħħar nett billi ddgħajjef u telimina l‑kompetituri, permezz tal-akkwist tagħhom jew b’mezzi oħra, speċjalment dawk il-kompetituri li [li l-grupp Tomra kien qies] li kellhom il-potenzjal li jsiru sfidanti b’saħħithom. Biex tilħaq dan il-għan [il-grupp] Tomra użat diversi prattiki antikompetittivi, inkluż l-esklużività u ftehim preferenzjali mal-fornituri, kif ukoll ftehim li kien fih rabtiet individwalizzati dwar il-kwantità jew skemi individwalizzati ta’ skontar retroattiv.”

34      Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża mbagħad li “[l]-istrateġija globali [tal-grupp] Tomra ma hijiex biss ikkonfermata mill-prattiki differenti użati mill-grupp, iżda wkoll ġiet diskussa b’mod estensiv fil-grupp f’diversi okkażjonijiet, sew f’laqgħat u konferenzi kif ukoll f’korrispondenza, pereżempju, bl-e-mail.”

35      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wara li semmiet il-prattiki antikompetittivi użati mir-rikorrenti, ġustament, eżaminat id‑dokumentazzjoni interna tar-rikorrenti. Din id-dokumentazzjoni ta’ kumpannija tista’ tindika jekk l-esklużjoni tal-kompetizzjoni kinitx maħsuba, jew, għall-kuntrarju, tissuġerixxi spjegazzjoni differenti tal-prattiki eżaminati. F’dan il-każ, il-korrispondenza interna tar-rikorrenti ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex tqiegħed il-prattiki tagħhom fil-kuntest tagħhom u tissostanzja l-evalwazzjoni tagħha tal-istess prattiki. Barra minn hekk, hemm lok li jingħad ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata qatt ma ġew ibbażati biss fuq wieħed mid-dokumenti tar-rikorrenti meħud waħdu iżda fuq serje ta’elementi differenti.

36      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata turi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti kollha li juru l-intenzjoni tar-rikorrenti li jużaw mezzi kompetittivi leġittimi, għandu jiġi osservat li huwa totalment normali li d-deċiżjoni kkontestata tagħti prijorità għall-aġir antikompetittiv tar-rikorrenti u mhux tal-azzjonijiet legali tagħhom, peress li huwa preċiżament dan l-aġir li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi. Hemm lokk, għall-bqija, li jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ma taħbix il-fatt li ċerti dokumenti interni tar-rikorrenti jsemmu wkoll mezzi oħra kompletament leġittimi ta’ kompetizzjoni.

37      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-vantaġġ teknoloġiku allegat tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal dan il‑vantaġġ ma għandu l-ebda impatt fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma wrewx b’liema mod it-teknoloġija li huma żviluppaw setgħet isservi sabiex tiġġustifika l-prattiki tagħhom. Barra minn hekk, jekk din it-teknoloġija kienet effettivament daqshekk superjuri minn dik tal-kompetituri tagħhom li l-klijenti, qatt ma kienu ser jixtru prodotti ta’ dawn tal-aħħar, ikun iktar diffiċli li jiġi ġġustifikat l-użu tal-ftehim ta’ esklużività, kif ukoll l-impenji kwantitattivi u skemi oħra ta’ tnaqqis individwalizzat.

38      Fit-tielet lok, fir-rigward taċ-ċirkularità tal-argument tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jikkonċerna ir-relazzjoni bejn il-ftehim antikompetittiv u l-istrateġija ta’ esklużjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-kompetizzjoni tkun diġà ddgħajfet u li jkollu l‑effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-provvista tal-operaturi ekonomiċi, il-permanenza tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il‑kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 91, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 549).

39      Skont din il-ġurisprudenza, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 107 et seq, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-prattiki tar-rikorrenti, eżaminati fil-kuntest tagħhom u meħuda flimkien ma’ serje ta’ elementi oħra, inklużi d-dokumenti interni tar-rikorrenti, setgħu jeskludu l-kompetizzjoni. Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat ruħha b’mod esklużiv fuq l-intenzjoni jew l-istrateġija tar-rikorrenti sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

40      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proċeduri fuq ksur ta’ privattivi u akkwisti tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 106 u 107, tafferma li dawn il-prattiki ma jagħmlux parti mill-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għaldaqstant, dawn huma biss fatti rilevanti li jippermettu li l-prattiki tar-rikorrenti jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom iżda li ma għandhom l-ebda impatt fuq il-konstatazzjoni tal-ksur.

41      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-użu ta’ provi ineżatti u mhux affidabbli sabiex tintwera l-eżistenza u sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ ċerti ftehim bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħhom

42      Din il-parti tista’ tinqasam f’erba’ partijiet sussidjarji. L-ewwel parti sussidjarja tikkonċerna l-ftehim ta’ esklużività qabel l-1998, it-tieni parti sussidjarja tikkonċerna l-ftehim li jinnominaw lir-rikorrrenti bħala “il-fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju”, it-tielet parti sussidjarja tikkonċerna l‑impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati u l-mekkaniżmi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat, u fl-aħħar nett, ir-raba’ parti sussidjarja tikkonċerna xi wħud mill-kuntratti dwar erba’ minn ħames pajjiżi eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, kuntratti li, skont ir-rikorrenti, ġew evalwati b’mod inkoerenti mill-Kummissjoni.

a)     Fuq il-ftehim ta’ esklużività qabel l-1998

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrenti jenfasizzaw il-fatt li 9 mill-21 ftehim ta’ esklużività jikkonċernaw perijodu qabel il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata (1998-2002) u għaldaqstant ma setgħux jikkontribwixxu għall-esklużjoni tal-kompetituri matul dan il-perijodu. Ir-rikorrenti jikkonkludu li dawn id-disa’ ftehim ma kellhomx jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata u kellhom ukoll jiġu esklużi matul il-kalkolu tal-multa.

44      Anki jekk il-Kummissjoni tafferma, fir-risposta tagħha, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha ċerti minn dawn il-ftehim, ir‑rikorrenti jistaqsu għal liema raġuni dawn jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 296, bħala li kienu rilevanti.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-fatt, disa’ mill-ftehim ta’ esklużività (jiġifieri l-ftehim konklużi ma’ AS Butikkdrift għall-1995 u l‑1996, Kiwi Minipris Norge għall-1996, Køff Hedmark għall-1996, Rema 1000 għall-1996, AKA/Spar Norge għall-1997, Rewe Wiesloch u Rewe Hungen għall-1997, De Boer Unigro għall-1997 u Samenwekende van den Broek Bedrijven għall-1997), imsemmija fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata bħala ftehim konklużi bi ksur tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE, jikkonċernaw perijodu qabel il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata (1998-2002). Huwa għaldaqstant evidenti li l-Kummissjoni wettqet żball meta semmiet dawn il‑ftehim f’din il-premessa, ċirkustanza li hija, barra minn hekk amessa mill-Kummissjoni stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

47      Mandankollu, għandu jiġi osservat li, minn naħa, fil-kalkolu tal-multa ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-ebda fatt preċedenti għall-1998 u, min-naħa l‑oħra, li l-Kummissjoni tafferma, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-ftehim applikabbli qabel l-1998 qatt ma ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-parti tad-domanda li ma tistax tinkiseb mill-kompetituri tar-rikorrenti u li, għalhekk, il-konstatazzjonijiet ta’ esklużjoni huma totalment indipendenti minn dawn id-disa’ ftehim.

48      Il-qari tal-partijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha jippermetti li titneħħa kull ambigwità f’dan ir-rigward (ara, pereżempju l-premessi 134, 159, 166, 242, 264, 269, 394, 417 u 418 tad-deċiżjoni kkontestata) u li jitqies li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma ħadet inkunsidereazzjoni xi ksur qabel l-1998. Minn dan isegwi li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

b)     Fuq il-ftehim li jinnominaw lir-rikorrenti bħala “fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju”

 L-argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kummissjoni “awtomatikament” ikkwalifikat bħala ftehim ta’ esklużività, il-ftehim li bihom il-klijent kien jorbot ruħu sabiex iżommhom bħala “fornitur ippreferut jew prinċipali jew fornitur primarju”, għalkemm dawn it-termini huma wisq vagi sabiex il‑ftehim jitqiesu esklużivi skont id-dritt tal-kuntratti. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-klijenti inkwistjoni xtraw RMV mingħand kompetituri tar-rikorrenti matul il-kuntratt esklużiv allegat u minkejja li dawn l-istess klijenti affermaw li l-kuntratti ma kinux fil-fatt esklużivi, il-Kummissjoni kkunsidrathom bħala esklużivi.

50      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, naqset milli tanalizza jekk dritt ta’ esklużività eżekuttiv kienx ġie kkreat mill-aspett tad-dritt nazzjonali tal-kuntratti. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda analiżi tal-kuntratti abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fid-deċiżjoni kkontestata u fit-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni qabel l‑adozzjoni tagħha, arranġamenti vagi, li ma joħolqux obbligu kuntrattwali vinkolanti u eżekuttiv, tqiegħdu fuq l-istess livell ta’ kuntratti formali eżekuttivi. Ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm dan jidher konċepibbli fil-kuntest ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 81 KE, dan ma huwiex hekk fil-kuntest ta’ ftehim ta’ esklużività taħt l-Artikolu 82 KE. Sakemm l‑osservanza tiegħu ma tkunx tista’ tiġi imposta abbażi tad-dritt tal-kuntratti, obbligu ta’ esklużività ma jimpedixxix kompetitur milli jbigħ lill-klijent u lanqas lill-klijent milli jaċċetta l-offerta. Bl-istess mod, ma jistax joħloq deterrent ex ante fuq il-klijenti.

51      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istatus kuntrattwali tad-dokumenti, għal provi irrilevanti, bħal memos interni tar-rikorrenti, kommunikazzjonijiet ta’ stampa jew ir-rapport annwali tal-grupp Tomra, li huma dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ dan tal-aħħar li l-klijent ma għandux x’jaqsam magħhom. Il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi tal-valur probattiv ta’ tali dikjarazzjonijiet fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli lill-kuntratti.

52      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim maż-żewġ gruppi ta’ xiri Superunie (ftehim konkluż fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-2001) u ICA/Hakon (ftehim konkluż fl-Isvezja u fin-Norverġja, għall-perijodu 2000-2002) ma kinux jimponu b’mod legali fuq il-membri ta’ dawn il-gruppi biex jixtru r-RMV biss mingħandhom u ma hemm l-ebda prova li dawn il-ftehim kienu jeżerċitaw b’mod qawwi “pressjoni jew jikkostitwixxu inċentiv qawwi” sabiex bejjiegħa indipendenti jixtrulhom ir-RVM kollha tagħhom.

53      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ftehim konkluż ma’ Superunie, ir‑rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li dan il-ftehim seta’ jorbot il-ħwienet indipendenti li kienu membri ta’ Superunie sabiex jiġu kostretti jixtrulhom 130 RVM. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni minflok qalbet l-oneru tal-prova billi affermat li “ma hemmx prova li tissuġġerixxi li l-membri individwali ma jħossuhomx marbuta […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-ftehim. Jekk il-membri setgħu jieħdu offerta aħjar mingħand kompetitur tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma pprovatx tispjega, skont ir‑rikorrenti, ir-raġuni għal xiex il-membri kienu xorta jiddeċiedu li jixtru mingħandhom, taħt ftehim mhux vinkolanti konkluż mal-livell ċentrali tal-organizzazzjoni tagħhom.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Qabel kollox, għandha tiġi kontradetta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni kkwalifikat “awtomatikament” bħala ftehim ta’ esklużività, il-ftehim li permezz tagħhom il-klijent impenja ruħu sabiex iżomm ir‑rikorrenti bħala “fornitur ippreferut jew prinċipali jew fornitur primarju”. Il-premessi 114 sa 122 u 286 et seq juru l-kontra, inkwantu huma jispjegaw fil-detall l-approċċ u l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir‑rigward.

56      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li ċerti klijenti pprovaw jinkludu fil-kuntratti ta’ “fornitur ippreferut” klawżola li tippermettilhom li jixtru apparat tal-kompetituri għall-finijiet ta’ prova, dan jirrinforza l-konklużjoni li dawn il-kuntratti kienu konklużi bħala esklużivi u l-possibbiltà li jinxtraw apparati tal-kompetituri kienet eċċezzjoni limitata biss sabiex wieħed jipprova dawn il-magni.

57      Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi ta’ provi disponibbli dwar l-intenzjoni tal-partijiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkwalifikat bħala esklużivi l-kuntratti ta’ “fornitur ippreferut”. Dawn il-provi juru li dawn kienu intiżi sabiex ikunu esklużivi u kienu miftiehma bħala tali, indipendentement mill-kwistjoni tan-natura eżekuttiva tagħhom fid-dritt nazzjonali tal-kuntratti.

58      Il-kuntratt ma’ Royal Ahold, pereżempju, jikkwalifika l-grupp Tomra bħala “fornitur prinċipali”. Madankollu, il-president ta’ Tomra Systems ASA, matul in‑negozjati ma’ dan il-klijent, kien iddikjara (ara l-premessa 139 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 267 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Aħna nippreferu għalhekk li [l-grupp] Tomra jkun innominat l-fornitur globali “esklużiv” ta’ servizzi marbuta mar-RMV għal Ahold. Termini oħra għajr esklużiv jistgħu jinħolqu sabiex jesprimu l-intenzjoni fundamentali tal-partijiet. Madankollu, indipendentement mill-għażla tat-termini, il-ftehim hekk kif aħna nnegozjajna huwa li [l-grupp] Tomra għandu d-dritt jinstalla l-magni [...] f’kull ħanut ġdid li jeħtieġ ir‑RVM u [...] fl-iskadenza tal-ftehim eżistenti, f’kull ħanut attwalment moqdi minn fornitur ieħor tar-RVM.”

59      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma analizzatx in-natura esklużiva tal-kuntratti abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għandu jiġi mfakkar li ma huwiex neċessarju li l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jorbtu lix-xerrejja b’obbligu formali sabiex jiġi stabbilit li dawn jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Huwa biżżejjed li dawn il‑prattiki jkun fihom inċentiv lill-klijenti sabiex ma jmorrux għand fornituri kompetituri u sabiex jordnaw il-provvisti għat-totalità jew għal parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 89 u 90).

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ta’ spiss, il-ftehim ikkonċernati mhux biss jikkwalifikaw lill-grupp Tomra bħala “fornitur ippreferut jew prinċipali jew fornitur primarju” tal-klijent inkwistjoni, iżda fihom ukoll impenji kwantitattivi jew tnaqqis retroattiv progressiv suġġett għax-xiri ta’ ċertu volum. Il-ftehim għas-snin 2000 sa 2002 konklużi mal-grupp Olandiż Royal Ahold u ma’ ICA/Hakon/Ahold għall-Isvezja u n-Norveġja jikkostitwixxu eżempji ta’ dan it-tip ta’ ftehim.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ftehim konklużi bejn ir-rikorrenti u organizzazzjonijiet ċentrali ta’ xiri bħal Superunie u ICA/Hakon, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li dan il-ftehim għandhom natura vinkolanti għall-organizzazzjonijiet ċentrali ta’ xiri li ffirmawhom u, min-naħa l-oħra, li l‑kwistjoni dwar jekk dawn jinfluwenzawx ukoll l-aġir ta’ xerrej tal-membri tagħhom ma tiddependix minn analiżi formali.

62      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, li meta l‑kundizzjonijiet negozjati jiddependu mix-xiri ta’ kwanititajiet intiżi għall-organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri fit-totalità tagħha, huwa inerenti għan-negozjati ta’ kuntratt ta’ dan it-tip li dan għandu jħajjar lill-membri tal-organizzazzjoni ċentrali jixtru sabiex jilħqu l-mira stabbilita.

63      Barra minn hekk, il-fatt li l-mira ta’ xiri stabbilita mill-kuntratt konkluż ma’ ICA Ahold/Hakon kienet intlaħqet (ara l-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata) juri kif l-organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri kellha s-setgħa li tinfluwenza l-aġir ta’ bejjiegħa indipendenti.

64      Barra minn hekk, il-ftehim ma’ Superunie jsemmi espressament kull membru differenti u n-numru ta’ apparat li kull wieħed minnhom kellu jixtri.

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, li effettivament il-fajl fih diversi indikazzjonijiet li juru li l-osservanza tal-ftehim kienet strettament issorveljata, u li saru pressjonijiet fuq il‑bejjiegħa indipendenti.

66      F’dan ir-rigward, għandha tissemma, pereżempju, l-ittra tas-16 ta’ Frar 2001 indirizzata minn Tomra Europe lil ICA Ahold dwar il-ftehim tat-13 ta’ Ottubru 2000, li tesprimi t-tħassib tar-rikorrenti dwar ir-ritmu tax-xiri ta’ ICA taħt il-ftehim u li tfakkar li ICA “ser timpenja ruħha sabiex tagħmel l‑aħjar tagħha fil-livell ċentrali sabiex issostni lil[l-grupp] Tomra fin-netwerk tagħha ta’ ħwienet u sabiex tinkoraġġixxi lill-konċessjonarji tagħha biex jgħaġġlu s‑sostituzzjoni tal-apparati l-qodma u sabiex jibqgħu 100% fidili ma’ dan il‑ftehim”. L-ittra tippreċiża li s-sostenn ċentrali ta’ ICA “ma kienx manifestament effikaċi sa issa” u li l-kommunikazzjoni minn ICA tal-inċentivi offerti taħt il-ftehim lill-konċessjonarji tagħha ma kinitx suffiċjenti. Tomra Europe titlob għaldaqstant lil ICA sabiex tieħu miżuri urġenti sabiex teżegwixxi l-pjan skont il-ftehim.

67      Fid-dawl tal-premess, hemm lok li għalhekk jiġi miċħud dan l-ilment tar-rikorrenti.

c)     Fuq l-impenji ta’ kwantitajiet individwalizzati u l-mekkaniżmi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat

 L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti jallegaw li ma ġie stabbilit bl-ebda mod li huma kienu f’pożizzjoni li jistmaw bi preċiżjoni l-bżonnijiet tal-klijent.

69      Huma jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ammettiet li l-klijenti ma kinux jinformawhom fuq il-volum tal-bżonnijiet totali tagħhom jew kważi totali ta’ RVM matul il-perijodu kuntrattwali.

70      Fit-tieni lok, huma jsostnu li jekk it-talba għar-RVM ma kinitx rikorrenti u kienet irregolari, kif hemm indikat fid-deċiżjoni kkontestata, allura n-numru ta’ RVM li klijent xtara matul is-sena preċedenti ma jippermettilhomx li jistmaw id-domanda totali jew kważi totali tal-istess klijent matul is-sena sussegwenti.

71      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-domanda ta’ kull klijent hija faċilment prevedibbli “peress li hija nħolqot jew żdiedet minħabba l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ depożitu obbligatorju”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jindikaw li l-ebda wieħed mill-ħames Stati fejn seħħ il-ksur allegat ma introduċa sistema ta’ dipożitu obbligatorju bejn l-1998 u l-2002.

72      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ammettiet b’mod indirett li r-rikorrenti ma kinux kapaċi jistmaw il-bżonnijiet totali jew kważi totali tal-klijenti tagħhom tar-RVM, billi ħassret, bħala sigrieti ta’ negozju, kull ċifra relatata direttament jew indirettament ma’ xiri annwali fil-passat ta’ RVM, u dan fid-deċiżjoni kkontestata kollha.

73      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jaffermaw li kien rari li l-impenji u l-miri ta’ kwantità jikkoinċidu max-xiri reali tal-klijenti. Ix-xiri reali kien jew ħafna inqas, jew ħafna iktar mill-impenn tal-kwantitajiet allegati, filwaqt li l-klijent ukoll xtara RVM mingħand il-kompetituri tagħhom. Insostenn ta’ din l‑affermazzjoni, ir-rikorrenti jissottomettu rapport ippreparat minn ekonomisti, li rrilevaw ix-xiri reali li sar minn kull klijent rilevanti u qabluhom mal-impenji fuq il-kwantitajiet allegati.

74      Ir-rikorrenti jindikaw li l-konstatazzjonijiet empiriċi ta’ dan ir-rapport juru li x-xiri effettiv ta’ RVM kien sistematikament ħafna ikbar mill-kwantitajiet kuntrattwali. Dan huwa konsistenti mal-fatt li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li joffru “teknoloġija avvanzata”, li l-klijenti xtaqu ħafna li jkollom fil-ħwienet tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex konstitenti mad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 123), li fiha ġie affermat li x-xiri previst fil-ftehim jikkorrispondi “għal kollox jew kważi” għan-numru ta’ RVM li l-klijent spiċċa jixtri matul il-perijodu kuntrattwali.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Għal dak li jikkonċerna l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati u l‑mekkaniżmi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat, ir-rikorrenti jallegaw li xejn ma jistabbilixxi li huma kienu f’pożizzjoni, waqt il-perijodu eżaminat, li jistmaw korrettament il-bżonnijiet tal-klijenti ta’ RVM. Issa, skont ir‑rikorrenti, l-illegalità ta’ dan it-tip ta’ prattiki tiddependi ġustament fuq il‑kapaċità tal-fornitur li jistma l-bżonnijiet tal-klijenti.

77      Hemm lok li jiġi rrilevat, primarjament, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, effettivament ikkunsidrat li l-impenji fuq il-kwantitajiet u l-iskemi ta’ tnaqqis kienu ġew individwalizzati għal kull klijent u li l-livelli kienu jirreferu għall-bżonnijiet totali ta’ klijent jew porzjon kbir minnhom (ara, pereżempju, il-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Jista’, għaldaqstant jiġi affermat, kif għamlu r-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tat-teżi dwar l-impenji fuq il-kwantitajiet u l-iskemi ta’ skontijiet li hemm fiha, tibbaża ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti kapaċi jindividwalizzaw dan it-tip ta’ ftehim billi jkunu jafu l-bżonnijiet ta’ kull klijent. Issa, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-fatt li, fil-verità, huma ma kinux kapaċi jistmaw b’eżattezza l-bżonnijiet tal-klijenti u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ma setgħetx titkellem fuq ftehim individwalizzati. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball f’dan ir-rigward.

79      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-klijent ġieli indika previżjoni dwar id‑domanda futura tiegħu, bħal fil-kuntest tal-ftehim ma’ Rimi Svenska (ara l-punt 464 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Anness A-4). Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, isostnu li, matul il-fażi tan-negozjati tal-kuntratt, “[kien ]normali u neċessarju li ż-żewġ partijiet ikollhom idea approssimattiva tal-kwantità, jiġifieri n-numru ta’ unitajiet li jistgħu jkunu s-suġġett tal-kuntratt”.

80      It-tieni nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkonstatat li l‑miri kienu stabbiliti abbażi tax-xiri biss fil-passat hija żbaljata. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, ġustament, ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq ta’ RVM, id-domanda ta’ kull klijent kienet faċli biex tipprevediha. Sabiex jipprevedu l-bżonnijiet futuri tal-klijenti tagħhom, ir-rikorrenti kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom elementi differenti: l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-klijenti stess, ix-xiri magħmul mill-klijenti matul is-sena preċedenti jew is-snin ta’ qabel, l-informazzjoni trasparenti fuq il-fatturi l-iktar rilevanti (in-numru u d-daqs tal-ħwienet, eżistenza jew prevedibbiltà ta’ sistema ta’ depożitu) kif ukoll l-istudji tas-suq magħmula mir-rikorrenti stess abbażi tal-għarfien profond tagħhom tas-suq (ara l-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      B’mod partikolari, rigward l-argument tar-rikorrenti li ebda wieħed mill-ħames pajjiżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontetstata ma introduċa sistema ta’ depożitu obbligatorju bejn l-1998 u l-2002, hemm lok li jiġi rrilevat li d‑domanda tar-RVM żdiedet meta ġiet mistennija l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ depożitu, bħal pereżempju kif ġara fil-Ġermanja matul il-perijodu 2000/2001, anki jekk is-sistema kienet ġiet effettivament introdotta fl-aħħar tas-sena 2002 (ara l-premessi 118, 219 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, sistemi “volontarji” ta’ ġbir ta’ kontenituri tax-xorb, bħal dik eżistenti fin-Norveġja, kellhom ukoll effett manifest u prevedibbli fuq id‑domanda ta’ RVM (ara l-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tal-argument tar-rikorrenti, domanda “mhux rikorrenti” u “irregolari” tista’ mandankollu, bħal f’dan il-każ, tkun faċli li tipprevediha.

83      Fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali, fid-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni tal-klijenti dwar xiri li sar mingħand fornituri li huma kompetituri, għandu jiġi osservat li dan il-fatt ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jistmaw id-domanda tal-klijenti tagħhom. It-talba ta’ kunfidenzjalità tal-klijenti tindika sempliċement li huma ma xtaqux juru lir-rikorrenti x-xiri li huma wettqu mingħand il‑kompetituri.

84      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ korrelazzjoni sistematika bejn l‑impenji allegati fuq il-kwantitajiet u x-xiri li effettivament sar mill-klijenti, għandu jiġi rrilevat li l-istudju pprovdut mir-rikorrenti jibbaża ruħu fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-kuntratti inkwistjoni kienu jikkorrispondu ġeneralment għat-totalità jew għal proporzjon għoli tal-bżonnijiet effettivi tal-klijenti matul il-perijodu kuntrattwali partikolari u mhux li l-impenji fuq il-kwantitajiet kellhom jikkorrispondu eżattament mad-domanda reali totali kif osservat ex post facto (ara l-premessi 102, 108, 123, 124 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li, meta l-miri ffissati mill-ftehim ma kinux jikkorrispondu għall-bżonnijiet totali tal-klijent, huma kienu jikkorrispondu mill-inqas għal valur ta’ bejn 75 % u 80 % tad-domanda totali (ara, pereżempju, il-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      F’kull każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-istudju statistiku ppreżentat mir-rikorrenti jidher li jikkonferma t-teżi li fuqha d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata. Fil-fatt, l-analiżi affettwata a posteriori mir-rikorrenti turi, essenzjalment, li l-volumi ta’ xiri li sar huma, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ftit ogħla mill-volumi previsti fl-impenji kwantitattivi. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mit-tabella komparattiva pprovduta mill-Kummissjoni, li fiha l‑impenji kwantitattivi u t-tnaqqis immirat ipprattikat huma mqabbla max-xiri li effettivament sar mill-klijenti.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud ukoll.

d)     Fuq l-evalwazzjoni ta’ ċerti kuntratti konklużi fit-territorju tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Isvezja u tan-Norveġja

88      Ir-rikorrenti jsostnu li, għal erba’ mill-ħames pajjiżi li fit-territorju tagħhom seħħ il-ksur, il-biċċa l-kbira tal-kuntratti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew evalwati b’mod inkoerenti. Dawn il-kuntratti għaldaqstant ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u dan il-motiv huwa biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tal-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-analiżi tal-kuntratti fl-Awstrija. L-ewwel motiv tar-rikors għaldaqstant ma jikkonċernax dan is-suq.

89      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati hawn isfel l-ilmenti relatati mal-kuntratti li jikkonċernaw il-Ġermanja, il-Pajjjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u n-Norveġja.

 Il-Ġermanja

90      Ir-rikorrenti jsostnu li iktar minn nofs il-kuntratti li kienu jikkoċernaw il‑Ġermanja invokati mill-Kummissjoni ma jeżistux jew ma fihom l-ebda klawżola ta’ esklużività, ta’ impenji fuq il-kwantitajiet jew ta’ tnaqqis retroattiv.

91      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Edeka Bayern-Sachsen-Thüringen (1998-1999)

92      Ir-rikorrenti jaffermaw li dan il-kuntratt ma kienx esklużiv u li jipprevedi biss li l-klijent kellu jixtri RVM mingħandhom b’mod ikkonċentrat. Il-klijent kien mandankollu awtorizzat jittestja apparati tal-kompetituri kif ukoll li jixtrihom jekk huma kienu joffru vantaġġi sinjifikattivi.

93      Ir-rikorrenti jżiedu li l-Kummissjoni ma ġabet l-ebda prova li l-ftehim seta’ jiġi kkwalifikat bħala esklużiv.

94      Hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju minn dak li jaffermaw ir‑rikorrenti, il-ftehim kien konkluż mill-bidu bħala kuntratt ta’ esklużività. Kuntratt verbali, li l-kontenut tiegħu xxandar permezz ta’ ittra elettronika fi ħdan is-sussidjarja Ġermaniża tal-grupp Tomra jsostni dan l-argument (ara l/paġna 6686 tal-fajl amministrattiv).

95      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, meta ftehim ma huwiex esklużiv, il-klijent jibqa’ s-sid tal-għażliet tiegħu u jista’ jixtri minn kull kompetitur. Ma huwiex normalment neċessarju għall-klijent li jipprova li l-kompetitur għandu “vantaġġ sinjifikattiv” bħal f’dan il-każ.

96      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-ftehim inkwistjoni jipprevedi li Bayern-Sachsen-Thüringen tista’ effettivament tittestja l-prodotti tal-kompetituri tar-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex klijent jordna apparati minn fornitur ġdid, jeħtieġ li huwa jkun ittestjahom matul ċertu perijodu; perijodu ta’ esklużività ma huwiex għaldaqstant inkompatibbli maż-żamma tad-dritt li jiġu ttestjati l-apparati tal-kompetituri. Barra minn hekk, kuntratt li ma huwiex esklużiv ma fihx, bħala prinċipju, tali klawżola.

97      Għaldaqstant hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġustament enfasizzat il‑Kummissjoni, kuntratt ma fihx, normalment, klawżoli li jirrestrinġu jew li jmexxu l-għażliet ta’ xiri magħmula mill-klijent. Fil-fatt, klawżoli bħal dawk li jħallu l-possibbiltà lill-klijent li jittestjaw l-apparati tal-kompetituri matul perijodu limitat jew klawżola li ma tippermettix li wieħed jixtri mingħand kompetituri sakemm ma jkunx hemm vantaġġ sinjifikattiv ma humiex indikazzjoni li l-ftehim ma huwiex esklużiv.

98      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Edeka Handelsgesellschaft Hessenring (1999)

99      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-mod ta’ kif il-Kummissjoni analizzat il-ftehim tal-1999, billi sostnew li hija ma ressqet l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni li l-limitu ta’ DEM 2 miljuni, li kellu jintlaħaq sabiex jinkiseb skontar individwalizzat ta’ 0.5 %, kien jirrappreżenta sistema ta’ tnaqqis individwalizzat ibbażat fuq it-totalità jew kważi t-totalità tal-bżonnijiet tal-klijent. Ir-rikorrenti jżidu li dan il-limitu ma kienx inkiseb minn Edeka Handelsgesellschaft Hessenring fl-1999. B’hekk, anki kieku tali kwalsola ta’ skontar li tiddependi fuq l-ammont ta’ xiri kienet teżisti, din ma setgħetx tiġi applikata.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlu r-rikorrenti, li, fil-fatt, il‑Kummissjoni ma wrietx fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ma’ Edeka Handelsgesellschaft Hessenring kien jirrappreżenta sistema ta’ tnaqqis individwalizzat ibbażat fuq it-totalità jew kważi t-totalità tal-bżonnijiet tal-klijent. Fin-nuqqas ta’ elementi oħra, il-fatt li Edeka Handelsgesellschaft Hessenring ma xratx prodotti għal ammont li jeċċedi l-limitu speċifiku sabiex jinkiseb l-iskontar jidher li jikkonferma dan il-fatt.

101    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk il-Kummissjoni ma pprovatx li dan huwa ftehim individwalizzat, ma jistax jiġi nnegat li dan huwa xorta ftehim ta’ tnaqqis progressiv u retroattiv. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ fejn il-klijent kien xtara kwantità inferjuri għal-livell, il‑Kummissjoni tafferma, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li hija inkludiet biss fis-“sehem marbut” ix-xiri reali mill-impriża f’pożizzjoni dominanti matul il-perijodu tal-ftehim.

102    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

–       Edeka Baden-Würtemberg (2000)

103    Ir-rikorrenti jallegaw li l-kuntratt inkwistjoni ma jistax jiġi kkwalifikat bħala esklużiv. Għalihom, dan huwa konferma ta’ ordni li tikkonċerna 1.7 % tal-ħwienet ta’ Edeka. Il-ftehim ma fih l-ebda informazzjoni rigward il‑possibbiltà li dan jista’ jkun ftehim ta’ esklużività.

104    L-argument imressaq mir-rikorrenti ma huwiex konvinċenti, inkwantu l‑Kummissjoni ressqet prova darbtejn li dan huwa kuntratt ta’ esklużività. Fil-fatt, insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat nota interna tal-24 ta’ Settembru 2000 (ara l-paġna 6625 tal-fajl amministrattiv) li tirreferi għal ftehim ta’ esklużività eżistenti (“bestehenden Exclusivvertrag”).

105    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l‑Kummissjoni rreferiet għal Edeka fit-totalità tagħha, għandu jiġi ppreċiżat li dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, il-Kummissjoni speċifikat li l-ftehim huwa limitat għall-ħwienet il-ġodda ta’ Edeka.

106    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       COOP Schleswig-Holstein (2000)

107    Ir-rikorrenti qed jallegaw li dan ma huwiex kuntratt ta’ esklużività. Huma jippreċiżaw li l-Kummissjoni kellha f’idejha korrispondenza bejnhom u COOP, li tikkonferma x-xiri minn COOP ta’ 25 RVM. Ma kienx hemm ftehim esklużiv, partikolarment peress li, skont ir-rikorrenti, COOP xtrat biss 7 RVM. Minn dan, ir-rikorrenti jikkonkludu li l-partijiet ma kinux ħassuhom marbuta b’din l-ittra.

108    Ir-rikorrenti jżidu li, fl-ittra tal-10 ta’ Marzu 2000, l-ebda klawżola ma impedixxiet lil COOP milli jixtri mingħand il-kompetituri tagħhom.

109    Mandankollu, il-prova pprovduta mill-Kummissjoni, li l-ittra tal-10 ta’ Marzu 2000 ta’ Tomra Systems GmbH lil COOP kienet tikkonċerna “ftehim ta’ qafas esklużiv”, hija biżżejjed sabiex jintwera li l-ftehim inkwistjoni kien tassew kuntratt ta’ esklużività.

110    Għal din ir-raġuni, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Netto

111    Ir-rikorrenti jsostnu li l-bonus progressiv inkluż fil-kuntratt ma setax jingħata, inkwantu l-klijent ma kienx ordna n-numru ta’ RVM neċessarju sabiex jibbenefika mill-imsemmi bonus. Sabiex ikollu dritt għal 2 RVM b’xejn, Netto kellu jordna 150. Issa, l-ordni kienet ta’ 109 unitajiet biss fl-2001 u ta’ 126 unitajiet fl-2002, skont ir-rikorrenti.

112    Ir-rikorrenti jżidu li l-mira ma kinitx intlaħqet, peress li x-xiri reali kien inqas sew u l-fatt li l-kuntratt kien ġie unilateralment ipprorogat minnhom lil hinn mid-data inizjalment prevista huwa irrilevanti, peress li l-klijent ma setax jistenna li huma jipproċedu għal estensjoni, u dan jipprekludi, f’dan il-każ, kull effett disważiv.

113    Fir-rigward tal-kuntratt ma’ Netto, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-limiti ma kinux intlaħqu, id-deċiżjoni kkontestata tindika fil-premessa 202 li l-imsemmi kuntratt kien ġie pprorogat, b’mod probabbli bl-għan li l-klijent jilħaq il-limiti suċċessivament. Ir-rikorrenti ma wrewx li dan ma kienx il-każ. Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Rewe Wiesloch and Rewe-Hungen (1997)

114    Ir-rikorrenti jikkontestaw li kienu l-fornitur esklużiv ta’ RVM ta’ dawn iż‑żewġ organizzazzjonijiet u jaffermaw li s-suq tal-provvsita ta’ RVM ġie attribwit lil Halton fl-1997.

115    Ma hemmx lok, madankollu, li jkun hemm deċiżjoni fuq dan l-ilment, peress li l-ftehim ma jikkonċernax il-perijodu eżaminat mid-deċiżjoni kkontestata.

–       Rewe Hungen (2000)

116    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim ma jmurx kontra l-Artikolu 82 KE, peress li l‑ordni magħmula minn Rewe mingħandhom kienet inferjuri sew (inqas minn 50 %) tal-bżonnijiet tal-klijent. Barra minn hekk, skonthom, il‑volum effettivament mixtri kien sostanzjalment ogħla mill-mira miftiehma bejn il-partijiet.

117    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li klijent ma jeċċedix il-limitu ffissat mill-kuntratt ma jneħħi xejn mill-persważjoni addizzjonali mogħtija mit-tnaqqis sakemm il-volum immirat jintlaħaq. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, waqt il-kalkolu tad-daqs tal-volum mhux disponibbli għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss il-volum sal-limitu (f’dan il-każ 20 apparat) u kkunsidrat il-bqija tax-xiri tal-klijent bħala domanda li tista’ tinkiseb.

118    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

119    Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-ftehim konkluż fil-Ġermanja.

 Il-Pajjiżi l-Baxxi

120    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq erba’ kuntratti eżaminati fis-sezzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-Pajjiżi l-Baxxi. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika b’mod żbaljat dawn il-kuntratti, li ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Albert Heijn (1998-2000)

122    Ir-rikorrenti jsostnu li l-konferma tagħhom ta’ ordni mhux iffirmat, datat it‑30 ta’ Ottubru 1998, li ssemmi l-fatt li Albert Heijn kienet ordnat permezz tat-telefown 200 RVM, ma fiha l-ebda informazzjoni li fuqha tista’ tiġi bbażata l-affermazzjoni li Albert Heijn kienet obbligata tixtri 200 RVM jew li l-prezz kien jinbidel kieku l-klijent għażel li jixtri volum iżgħar ta’ RVM, jew li din kienet tikkostitwixxi l-bżonnijiet totali jew kważi totali tal-klijent. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f’April 2000, Albert Heijn xtrat biss 121 RVM mingħand ir-rikorrenti.

123    Mandankollu hemm lok li jiġi rrilevat li d-dokument inkwistjoni jistipula espressament li Albert Heijn kienet obbligata tixtri 200 RVM: “Albert Heijn qed tintrabat sabiex tixtri 200 apparat awtomatiku Tomra T600 qabel il-31 ta’ Diċembru 2000, b’estenzjoni sal-31 ta’ Marzu 2001 inkluż”.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, ir‑rikorrenti bagħtulha dan il-ftehim, fil-kuntest tar-risposta tagħha tal-14 ta’ Marzu 2002 għat-talba għal informazzjoni li hija fformulat taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u li, mir-risposta tagħhom sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet, huma qatt ma sostnew li l-ftehim, inkluż fl-istess komunikazzjoni, ma kienx iffirmat jew li qatt ma eżista.

125    Barra minn hekk, fir-rigward tal-konstatazzjoni li f’April 2000, Albert Heijn xtrat biss 121 RVM mingħand ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li f’din id‑data, kien baqa’ sena sħiħa qabel l-iskadenza prevista fil-ftehim. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ dawn l‑elementi, li l-ftehim ma ġiex osservat.

126    Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ dan il-ftehim hija kkonfermata mill-ftehim Royal Ahold Global Master, eżaminat iktar ’il quddiem, li kien ftehim ta’ esklużività iktar wiesa’, konkluż ma’ Royal Ahold, grupp li għalih kienet tappartjeni Albert Heijn. L-Artikolu 4.2 ta’ dan il-ftehim isemmi l‑ftehim preċedenti li seħħ bejn Albert Heijn u jfakkar li “skont il-ftehim tat-30 ta’ Ottubru 1998”, Albert Heijn għad għandha “tixtri 79 apparat addizzjonali għal [Tomra Systema BV]”, u dan jikkorrispondi għad-differenza bejn l-impenn inizjali li jinxtraw 200 aparat u l-121 apparat diġà mixtrija.

127    Fid-dawl tal-preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li d-dokument inkwistjoni juri l-eżistenza ta’ kuntratt li bih Albert Heijn kienet obbligata tixtri 200 RVM mingħand ir-rikorrenti.

–       Royal Ahold (2000-2002)

128    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-ftehim Royal Ahold Global master kien esklużiv u huma jsostnu li xejn f’dan il-ftehim ma jimpedixxi lil Royal Ahold li tixtri apparati tal-kompetituri. Huma jsostnu li s-sezzjoni 1.2 tal-ftehim isemmi espressament il-fatt li Royal Ahold hija libera li tixtri mingħand fornituri oħra u li Royal Ahold ma hijiex obbligata li twaqqaf ftehim eżistenti konklużi ma’ fornituri oħra tar-RVM. Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li huma kellhom ikunu biss “fornitur prinċipali” u mhux esklużiv.

129    Ir-rikorrenti jżidu li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata stess tirrikonoxxi li Royal Ahold xtrat RVM minn fornituri oħra matul il-perijodu tal-kuntratt. Barra minn hekk, huma jsostnu li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fir-risposta u l-indikazzjonijiet tagħhom sabiex jispjegaw il-ftehim ma jikkostitwixxux, skont id-dritt tal-kuntratti applikabbli f’dan il-każ [jiġifieri dak ta’ New York (l-Istati Uniti)], provi li jistgħu jikkonvinċu qorti biex issaħħaħ l-esklużività kontra Royal Ahold. Il-fatt li Royal Ahold ipproċediet għax-xiri mingħand fornituri li kienu kompetituri tqajjem il‑kwistjoni ta’ x’effett disważiv reali seta’ kellu dan l-kuntratt.

130    L-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-ftehim ma’ Royal Ahold ma jistgħux jintlaqgħu.

131    Fil-fatt, id-dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw li dan il-kuntratt kien esklużiv. L-istqarrija uffiċjali tar-rikorrenti tat-13 ta’ April 2000 tindika, pereżempju, li “[il-grupp] Tomra u [...] Royal Ahold iffirmaw ftehim mondjali li jinnomina lil[l-grupp] Tomra bħala l-fornitur esklużiv ta’ Royal Ahold għar-reverse vending machines u s-servizzi relati magħhom matul perijodu ta’ tliet snien” (ara l-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irrikonoxxew dan espressament.

132    Huwa ċertament minnu, kif ammettiet ukoll il-Kummissjoni, li l-ftehim ma jobbligax lil Royal Ahold sabiex tirrexxindi l-ftehim eżistenti ma’ fornituri oħra ta’ RVM qabel l-iskadenza. Madankollu, għandu jiġi osservat li s‑sezzjoni 1.2 tal-ftehim kienet tipprevedi li x-xiri ta’ RVM oħra mingħand kompetituri “ma kienx ipprojbit”, “bil-kundizzjoni madankollu li t-terminu għal dak li jikkonċerna dawn l-apparati addizzjonali ma jaqbiżx l-itwal terminu eżistenti li jkun baqa’ fil-ħwienet għall-bejgħ bl-imnut fejn l‑apparati addizzjonali huma installati”.

133    Is-sezzjoni 1.2 tal-ftehim inkwistjoni tipprevedi, għaldaqstant, li l-ftehim ma’ fornituri oħra għandhom jiġu tterminati progressivament u li l-kuntratti mal-kompetituri li t-terminu tagħhom jeċċedi l-itwal terminu eżistenti li jkun baqa’ fuq il-livell ta’ kull ħanut individwali ma huwiex aċċettabbli.

134    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Lidl (1999-2000)

135    Ir-rikorrenti jsostnu li, għal dak li jikkonċerna l-ftehim tax-xahar ta’ April 1999, il-Kummissjoni naqset milli żżid mal-provi l-fatt li l-ordni ta’ Lidl issemmi espressament li Lidl Nderland GmbH ma ntrabtitx bi ftehim ta’ esklużività.

136    Barra minn hekk, il-Kummissjoni żnaturat il-provi meta hija affermat li l‑intenzjoni ta’ Lidl kienet li tixtri “tal-inqas” 40 RVM, peress li l-ittra ssemmi biss il-fatt li Lidl kellha l-intenzjoni tixtri 40 RVM. Il-Kummissjoni ukoll irrikonoxxiet li Lidl xrat biss 21 RVM mingħand ir-rikorrenti fl-1999.

137    Ir-rikorrenti josservaw li, fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni tirreferi għal ftehim tal-2000, konkluż sabiex “jiġu sostitwiti 44 magni Halton qodma u 33 magni Tomra qodma b’77 RVM Tomra ġodda minn issa sal-aħħar ta’ dik is-sena”. Ebda kwantità minima ma kienet speċifikata. L-ittra tikkonferma pjuttost li Lidl kienet ordnat 77 RVM sabiex tissostitwixxi l-istess numru ta’ RVM qodma fil-ħwienet tagħha. Il‑Kummissjoni rrikonoxxiet li Lidl kienet, fil-fatt, xtrat 82 RVM mingħand ir-rikorrenti fl-2000. Skont ir-rikorrenti, l-ittra turi b’mod ċar li Lidl talbithom jissostitwixxulha l-magni tagħha, peress li t-teknoloġija avvanzata tagħhom setgħet tiġi adattata iktar speċifikament għall-bżonnijiet ta’ Lidl.

138    Fir-rigward tal-ftehim tax-xahar ta’ April 1999, għandu jiġi kkonstatat li d‑deċiżjoni kkontestata ma tikkwalifikax il-ftehim ma’ Lidl bħala esklużiv. Dan il-ftehim huwa deskritt taħt it-titolu “Esklużività u impenji kwantitattivi” fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata u taħt it-titolu “Impenji fuq il-kwantitajiet u kundizzjonijiet unilaterali marbuta ma’ kwantitajiet partikolari” fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward għall-konstatazzjoni tar-rikorrenti li Lidl xtrat 21 apparat biss fl-1999, għandu jiġi enfasizzat li dan il-fatt ma jistax jinvalida l-fatt li dan il-ftehim jobbliga lill‑klijent biex jixtri 40 apparat fuq perijodu ta’ sentejn, u li l-perijodu kuntrattwali ta’ sentejn ma kienx għadu għadda.

139    Għalhekk, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar dan il-ftehim għandhom jiġu miċħuda.

140    Fir-rigward tal-ftehim iffirmat fid-29 ta’ Settembru 2000, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-klijent intrabat sabiex jixtri 77 apparat għall-aħħar tas-sena u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-ftehim sabiex tikkalkula s-sehem mis-suq li ma jistax jittieħed mill-kompetituri tar-rikorrenti (ara l-premessa 163 u n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Konsegwentement, lanqas dan l-ilment ma jista’ jiġi aċċettat.

–       Superunie (2001)

142    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li Superunie hija organizzazzjoni ċentrali ta’ xiri ta’ dritt Olandiż, li l-membri tagħha jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom indipendentement u li l-ftehim iffirmat ma’ din it-tip ta’ organizzazzjoni, li fih impenn li jinxtraw minimu ta’ 130 apparat fuq perijodu ta’ sena u nofs, ma huwiex vinkolanti għall-membri tagħha.

143    L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 61 sa 66 hawn fuq, relatati mal-ftehim mal-organizzazzjonijiet ċentrali tax-xiri.

144    Fid-dawl tal-preċedenti, hemm lok li jiġu kkunsidrati li, għal dak li jikkonċerna l-erba’ kuntratti tal-Pajjiżi l-Baxxi kkontestati mir-rikorrenti, id‑deċiżjoni kkontestata ma hija vvizjata mill-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 L-Isvezja

145    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika b’mod żbaljat il‑biċċa l-kbira tal-ftehim konklużi fl-Isvezja, u li hija vvizzjata minħabba dan il-fatt bi żball manifest.

146    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       ICA Handlares (l-Isvezja) et Hakon Gruppen (in-Norveġja) (2000-2002)

147    Ir-rikorrenti jallegaw li peress li dan il-kuntratt kien anness mal-kuntratt konkluż bejn il-grupp Tomra u Royal Ahold, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala esklużiv peress li l-ftehim Royal Ahold stess ma huwiex ikkwalifikat bħala esklużiv.

148    Ir-rikorrenti jżidu li ICA bħal Hakon huma “uffiċċji ta’ amministrazzjoni ċentrali” għall-ħwienet totalment indipendenti. B’hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk il-ftehim inkwistjoni kien esklużiv, xejn ma jimpedixxi lill‑ħwienet milli jixtru RVM mingħand kompetituri tar-rikorrenti.

149    Għal dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-kwalifika ta’ esklużività tal-kuntratt, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratt Royal Ahold Global Master ġie eżaminat qabel u ġie konkluż li dan huwa ftehim ta’ esklużività (ara l-punti 128 sa 133 hawn fuq). Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet ġustament li, peress li l-ftehim ICA kien anness ta’ dan il-kuntratt, huwa jsir minnu stess esklużiv. Jirriżulta, barra minn hekk, mill-fajl u, b’mod partikolari, mill-“proposta ta’ skontar globali addizzjonali fin-Norveġja u fl-Isvezja”, li l-Kummissjoni setgħet tafferma, ġustament, li l-ftehim fih ukoll klawżola li tippermetti l-ksib tal-benefiċċju ta’ skontar addizzjonali waqt ix-xiri ta’ RVM. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ftehim bħala abbużiv, peress li fih biss klawżola ta’ esklużività. Skontar ta’ 10 % kienet ingħatat lil ICA, flimkien mal-iskema ta’ skontar implementata fl-Isvezja, jekk hija tintrabat li tixtri minimu ta’ 1 100 RVM ġodda għat-territorju tal-Isvezja u tan-Norveġja, matul perijodu mill-2000 sa 2002. Il-ftehim għalhekk kellu bħala għan mhux biss l-istabbiliment ta’ klawżola ta’ esklużività, iżda wkoll li tagħmel leali l‑klijenti ta’ ICA u ta’ Hakon permezz ta’ skontar li kien ingħata ’il fuq minn kwantità fissa ta’ xiri ta’ RVM.

150    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-indipendenza tal-ħwienet, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 61 sa 66 hawn fuq, dwar l-organizzazzjonijiet ċentrali tax-xiri.

151    Għal dawn ir-raġunijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

–       Rimi Svenska (2000)

152    Ir-rikorrenti jaffermaw li ma hemm l-ebda impenn fuq il-kwantitajiet li jirriżulta mill-ordni globali tax-xahar ta’ April 2000, peress li Rimi Svenska, matul il‑perijodu kopert mill-ftehim, kienet xtrat biss 23 RVM għal SEK 2.6 miljun, filwaqt li tnaqqis retroattiv kien pagabbli biss jekk ix-xiri jaqbeż SEK 7.5 miljun.

153    Ir-rikorrenti jindikaw, fir-replika, li l-mira prevista ma kinitx intlaħqet fil-kuntest tal-kuntratt iktar wiesa’ konkluż ma’ ICA.

154    Dawn l-argumenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-ftehim ma’ Rimi Svenska kien ġie sostitwit f’Ottubru 2000 minn ftehim ikbar, iffirmat ma’ ICA Ahold, li tagħha Rimi Svenska hija s-sussidjarja, li jipprevedi l-istess tnaqqis ta’ 10 % iżda kundizzjonijiet iktar flessibbli għall-kisba tal-iskontar. Rimi Svenska għaldaqstant ma tilfitx it-tnaqqis li għalihom hi kellha dritt taħt il-ftehim preċedenti, li kien jipprevedi wkoll skontar jekk hi tinnomina lill-grupp Tomra bħala fornitur prinċipali.

155    L-ittra tat-2 ta’ Novembru 2000, annessa mar-rikors, ma tistax, f’dan ir‑rigward, tiġi injorata, peress li hija tikkonferma li Rimi Svenska bbenefikat minn skontar retroattiv parzjali u li l-bqija kien ser ikun imħallas f’Novembru 2000. Id-dokument jippreċiża, barra minn hekk, li l-ordni globali hija tterminata u ssostitwita mill-ftehim ICA, li huwa, kif ġie mfakkar fil-punt 154 hawn fuq, iktar ġenerali. Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li l-mira prevista lanqas ma ntlaħqet fil-kuntest tal-kuntratt iktar wiesa’ konkluż ma’ ICA, ma hijiex fondata.

156    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

–       Spar, Willys u KB Exonen (grupp Axfood) (2000)

157    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova tal-eżistenza ta’ ftehim li jagħti lil Spar id-“dritt” għat-tnaqqis retroattiv. Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma kienu espliċitament irriferew għad-dikjarazzjoni ta’ Axfood, li tindika li Spar u Willys wettqu x-xiri tagħhom skont ftehim konkluż bejn D-Gruppen u l-grupp Tomra fl-2000, li ma kienx joffri skontar ibbażat fuq volumi.

158    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tafferma li l-ftehim inkwistjoni fih skontar retroattiv b’korrispettiv tax-xiri ta’ kwantità partikolari ta’ prodotti tar-rikorrenti. Dawn tal-aħħar isostnu li l-Kummissjoni ma fondatx il-konstatazzjonijet tagħha.

159    Mandakollu, ir-rikorrenti jidhru li qed iressqu argumenti kontradittorji. Fil-fatt, l-ewwel, fil-kuntest tal-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti rrikonoxxew li kkonkludew ftehim ma’ Spar u Willys li fihom klawżoli ta’ skontar retroattiv. Imbagħad, wara, ir-rikorrenti affermaw li dawn il-ftehim, jew kienu inklużi fi ftehim iktar wiesa’ li ma fihx klawżola ta’ skontar, jew qatt ma eżistew. Fl-aħħar nett, huma allegaw li ċerti provi kienu sparixxew.

160    Fid-dawl tal-provi li l-Qorti Ġenerali għandha għad-dispożizzjoni tagħha, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Axfood (2001)

161    Ir-rikorrenti jsostnu li dan il-ftehim ma kienx vinkolanti u li Axfood ma kinitx obbligata tixtri l-kwantitajiet ikkonċernati. Huma jsostnu li Axfood xtrat biss nofs il-kwantità miftiehma.

162    Huwa paċifiku li dan il-ftehim ma kienx esklużiv u lanqas ma kien fih impenji fuq il-kwantitajiet.

163    Dan il-ftehim huwa ċċitat fil-premessi 314 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it‑titolu “Sistemi ta’ tnaqqis”. Kif jindikaw il-premessa 178 u in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 389 tal-imsemmija deċiżjoni, dan huwa ftehim li jipprevedi limiti li jagħtu lill-klijent id-dritt ta’ tnaqqis retroattiv, skont in-numru ta’ apparati mixtrija. Peress li r-rikorrenti ma humiex qed jikkontestaw din il‑konstatazzjoni, ma hemmx lok li jkun hemm deċiżjoni fuq dan l-ilment.

–       Axfood (2003-2004)

164    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li dan il-ftehim ma kienx esklużiv, peress li Axfood kienet espressament awtorizzata tittestja l-apparati tal-kompetituri u li xejn fil-ftehim ma kien jimpedixxiha tixtri tali apparati.

165    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-ftehim ma kienx jidħol fil-kamp temporali tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment tar-rikorrenti.

166    Fil-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkonstatata ma hija vvizjata minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-ftehim konkluż fl-Isvezja.

 In-Norveġja

167    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim kollha li jikkonċernaw in-Norveġja (100 % tal-bejgħ tar-rikorrenti fin-Norveġja) invokati mill-Kummissjoni jew ma jeżistux jew ma fihom l-ebda klawżola ta’ esklużività, ta’ impenji fuq il‑kwantitajiet jew skontar retroattiv.

168    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti imressqa mir-rikorrenti.

–       Køff Hedmark u Rema 1000 (1996), AKA/Spar Norge (1997)

169    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim allegati mal-klijenti msemmija iktar ’il fuq ma humiex kuntratti ta’ esklużività, iżda ittri sempliċi ta’ offerta li qed issemmi l-prezz.

170    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li peress li l-ftehim huma datati 1996 u 1997, dawn jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tad-deċiżjoni kkontestata.

171    Fid-dawl tal-fatt li dawn it-tliet kuntratti jinsabu, effettivament, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tad-deċiżjoni, ma huwiex neċessarju li ssir deċiżjoni fuq dan l-ilment.

–       NorgesGruppen, Hakon Gruppen, NKL (COOP) u Rema 1000 (1999-2000)

172    Ir-rikorrenti jilmentaw l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma sseparatx il‑kuntratti differenti inkwistjoni u, fir-rigward tal-premessi inkwistjoni, li dawn huma “diffiċli biex jinqraw”.

173    Fir-rigward tal-ftehim ma’ NorgesGruppen, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim ma huwiex esklużiv. Fil-fatt, huma jaffermaw li d-domanda totali tal-klijent kienet ta’ 1300 RVM. Issa, 635 RVM biss ġew ordnati mingħand ir‑rikorrenti. Peress li l-bżonnijiet kienu ikbar mid-domanda, minn dan ir‑rikorrenti jikkonkludu li x-xiri addizzjonali seħħ mingħand impriżi li kienu kompetituri. B’hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ittra tat-13 ta’ Ottubru 1998 li tikkonferma l-bżonnijiet effettivi tal-klijent.

174    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li NorgesGruppen ma kienx kostrett jixtri minimu ta’ RVM mingħandhom. L-ordni ta’ dawn tal-aħħar u l-konferma tagħhom isemmu espressament il-fatt li l-kuntratt ma kienx esklużiv.

175    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni qajmet argument rilevanti fir-rigward tal-iskontar li NorgesGruppen kellha tirrimborsa jekk hija tixtri inqas minn 500 RVM. Issa, ir-realtà turi li dan ma kienx il-każ, peress li 635 apparat kienu ġew ordnati. Il-Kummissjoni ma setgħetx turi kif il-ftehim huwa differenti minn skontar ordinarju fuq il-volumi.

176    Fir-rigward ta’ Hakon Gruppen, ir-rikorrenti jallegaw li ebda limitu minimu ta’ xiri ma ġie ffissat, peress li l-konferma tal-ordni mill-klijent tistipula li huwa seta’ jixtri numru iżgħar ta’ RVM anki jekk huwa kellu dritt għal skont biss għall-magni realment mixtrija. Din il-prova ma ġietx ikkontestata mill-Kummisjoni.

177    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li jikkonfermaw li l-kuntratt ma kienx esklużiv u b’mod partikolari l-minuti ta’ laqgħa tal-“Kumitat għall-ħwienet” tat-2 ta’ Frar 1999.

178    Fir-rigward ta’ NKL (COOP), ir-rikorrenti jsostnu li l-klijent ma kienx obbligat jixtri l-volum miftiehem, u li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovax li r-rikorrenti aġġustaw l-ordni għad-domanda individwali tal-klijent. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jaffermaw li NKL xtrat ukoll mingħand il‑kompetitur Lindco matul il-perijodu kkonċernat.

179    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ftehim konkluż ma’ Rema 1 000, ir-rikorrenti jallegaw li l-ftehim allegat li kien jipproponi tnaqqis, fir-rigward ta’ ordni ta’ 200 RVM, ma kienx iffirmat mill-klijent, u li ma jobbligax lil Rema 1 000 li tixtri kwantità minimi ta’ RVM. Huma jinvokaw dikjarazzjonijiet ta’ Rema 1 000 li jistqarru li fornituri oħra ma jistgħux jikkompetu mal-kwalità u l‑livell ta’ servizz tar-rikorrenti. Huma jżidu, fl-aħħar nett, li Rema 1 000 xtrat prinċipalment mingħand il-kompetituri tagħhom.

180    Għandhom jiġu analizzati flimkien il-ftehim NorgesGruppen, Hakon Gruppen, NKL (COOP) u Rema 1 000. Essenzjalment, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkwalifikat dawn il-kuntratti bħala esklużivi u li affermat li r-rikorrenti pprovdew skont progressiv inkambju għal kwantità ordnata.

181    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kuntratti ta’ esklużività, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-kwistjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kkwalifikatx dawn il-ftehim bħala esklużivi (ara l-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata).

182    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-kwalifika tal-ftehim ta’ impenji fuq il-kwantitajiet inkambju għal skontijiet kbar, il-Kummissjoni ppreċiżat, ġustament, li dak li huwa importanti sabiex jiġi konkluż li jeżistu ftehim ta’ impenji huwa li jiġi ddeterminat jekk il-prattiki joħolqux persważjoni biex ma jixtrux mingħand il-kompetituri.

183    Fil-fatt, fir-rigward tal-ftehim konkluż ma’ Rema 1 000, jidher li l-iskont huwa kbir, propozjonalment man-numru ta’ magni li għandhom jinxtraw (14 % għall-200), peress li, għall-kuntratti l-oħra, jeżisti skont ekwivalenti, iżda għal kwantità ta’ xiri ogħla sew (500 magni). Barra minn hekk, għall-kuntratti l-oħra kollha, ir-rikorrenti pproponu li jitħallsu l-iskontijiet qabel ix-xiri tar-RVM u ppreċiżaw li, jekk il-kwantità prevista ma tkunx intlaħqet, il-klijenti jkollhom iħallsu lura dan l-iskont għal kull magna mhux mixtrija. Minn dan jirriżulta, hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, inċentiv ikbar għall-klijent milli kieku l-iskont ġie mħallas wara kull ordni.

184    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud dan l-ilment tar-rikorrenti.

–       NorgesGruppen (2000-2001)

185    Fir-rigward tal-ftehim NorgenGruppen għas-snin 2000 u 2001, ir-rikorrenti jallegaw li ma seħħ ebda ftehim ma’ dan il-klijent għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni. Fil-fatt, din hija ittra ta’ offerta mhux iffirmata.

186    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittra ta’ offerta mhux iffirmata mehmuża mar-rikors, ingħatat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposta tagħhom għal talba għal informazzjoni (ara l-paġni 7212-7219 u 7441-7443 tal-fajl amministrattiv u l-Appendix 6 għar-risposta ta’ Tomra tal-14 ta’ Marzu 2002), li talbet lir-rikorrenti sabiex jindikaw il-ftehim kollha, inklużi dawk li ġew inklużi b’mod informali.

187    Għandu, barra minn hekk, jingħad li, abbażi ta’ elementi fil-fajl, jista’ jiġi affermat li r-rikorrenti offrew tnaqqis li jitħallas minn qabel abbażi ta’ mira ta’ volum ta’ 150 RVM u pprovdew lill-klijent bi prezz imnaqqas (ara l-premessa 247 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 547 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    Issa, għalkemm huwa minnu li d-dokument anness mar-rikors hija ittra ta’ offerta mhux iffirmata, xorta jibqa’ l-fatt li t-tnaqqis kien ingħata u li l-bejgħ kien seħħ fil-kundizzjonijiet proposti f’dan id-dokument. Minn dan jirriżulta, barra minn hekk, li l-klijent ma xtara xejn mingħand fornituri li huma kompetituri matul dan il-perijodu.

189    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tistqarr li din hija offerta mhux iffirmata u li l-mira ta’ xiri ma kinitx intlaħqet. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       NKL (COOP) u Rema 1000 (2000-2001)

190    Fir-rigward ta’ NKL (COOP), ir-rikorrenti jirrikonoxxu li skont ta’ 10 % ġie propost lil NKL jekk ix-xiri kien jaqbeż 150 RVM. Issa, ir-rikorrenti jaffermaw li NKL ma ffirmatx din l-offerta u li l-ftehim ma kienx ġie konkluż. Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li x-xiri effettiv tal-klijenti kien inqas mill-mira inizjali tal-offerta jipprova n-nuqqas ta’ impenn vinkolanti.

191    Fir-rigward ta’ Rema 1000, ir-rikorrenti jużaw l-istess raġunament bħal dak għall-ftehim li seħħ ma’ NKL (COOP), inkwantu kien hemm ukoll offerta ta’ skont max-xiri ta’ 70 magni, li l-klijent kien irrifjuta. Ir-rikorrenti jikkontestaw għalhekk li kien hemm ftehim bejn il-partijiet.

192    L-argument tar-rikorrenti, li l-fatt li x-xiri effettiv ta’ dawn iż-żewġ klijenti kien inqas mill-mira inizjali tal-offerta jipprova n-nuqqas ta’ impenn vinkolanti, għandu jiġi miċħud.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata ma taffermax li dawn iż-żewġ klijenti [NKL (COOP) u Rema 1 000] kienu kuntrattwalment obbligati jixtru kwantità partikolari ta’ magni. Fil-fatt, iż-żewġ kumpanniji kienu ċċitati fil-premessa 302 tad-deċiżjoni taħt it-titolu “Impenji fuq il-kwantitajiet u kundizzjonijiet unilaterali marbuta ma’ kwantitajiet partikolari”. F’dawn iż-żewġ każijiet, dawn huma tnaqqis suġġetti għax-xiri ta’ kwantità kbira ta’ apparat fuq perijodu ta’ madwar sena. Fil-każ ta’ Rema 1000, is-sistema ta’ tnaqqis kienet tipprevedi tnaqqis kundizzjonali dirett (10 % għal volum ta’ 70 apparat) u tnaqqis retroattiv addizzjonali ta’ 3 % għal 85 apparat. Il-klijent xtara 73 apparat (ara l-premessa 261 tad‑deċiżjoni kkontestata).

194    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra l-kundizzjonijiet kuntrattwali relattivament flessibbli li kienu ġew offerti, pereżempju, lil NKL(COOP) meta mqabbla mal-klijenti l‑oħra Norveġiżi u teħodhom inkunsiderazzjoni (ara l-premesa 256 u, fir-rigward tal-effett tal-prattiki tar-rikorrenti, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 604). Fil-fatt, il-Kummissjoni tindika hawnhekk, ġustament, li ma kienx neċessarjarment determinanti jekk mira partikolari kinitx intlaħqet jew le, sa fejn ma kien hemm ebda xiri mwettaq mingħand il-kompetituri jew kien hemm biss ammont insinjifikattiv ta’ xiri mingħandhom (ara l-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    Għal dawn ir-raġunijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

196    Fid-dawl tal-preċedenti, l-argument tar-rikorrenti li l-ftehim kollha li jikkonċernaw in-Norveġja kienu kkwalifikati b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

197    It-tieni parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim setgħux ineħħu l-kompetizzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

198    It-tieni u r-raba’ motiv tar-rikors ġew miġbura f’dan il-motiv, li huwa fformulat fi tliet partijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni żbaljat meta wettqet żball ta’ dritt manifest billi ddeċidiet li l-ftehim ta’ esklużività, ta’ impenji individwalizzati fuq il-kwantitajiet u ta’ skontijiet retroattivi individwalizzati huma per se illegali taħt l-Artikolu 82 KE u billi ma spjegatx it-test jew il‑kriterji li hija użat sabiex tevalwa jekk dawn il-ftehim setgħux jirrestrinġu jew jeskludu l-kompetizzjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-parti li setgħet inkisbet tas-suq tar-RVM kinitx daqshekk sinjifikattiva sabiex tippermetti lill-kompetituri wkoll effiċjenti li jibqgħu fis-suq. It-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kapaċità li għandhom l-iskontijiet retroattivi li jeskludu l-kompetizzjoni hija bbażata fuq provi u ipoteżi ineżatti u żbaljati.

1.     Fuq l-illegalità allegata “per se” tal-ftehim tar-rikorrenti u fuq in-nuqqas ta’ spjegazzjoni ta’ test jew kriterju użati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk il‑ftehim setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

199    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt manifest billi ma inkludietx fl-evalwazzjoni ġuridika tagħha l-kuntest tas-suq li fih it-tliet tipi ta’ ftehim jaqgħu.

200    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-kriterju stabbilit fis-sentenza Michelin II. Huma jsostnu li skont is-sentenza Michelin II, id‑deċiżjoni kkontestata għandha turi li l-ftehim “jistgħu” jirrestrinġu l‑kompetizzjoni. Dan jeħtieġ eżami tal-kuntest tas-suq. Fil-fatt, xejn jew kważi xejn ma jkun jibqa’ mill-kriterju stabbilit fis-sentenza Hoffmann-La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, jekk, skont is-sentenza Michelin II, il-Kummissjoni kienet biss obbligata teżamina l‑kontenut ta’ ftehim taħt l-Artikolu 82 KE.

201    Ir-rikorrenti jżidu li l-kriterju “per se” li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ser iwassal għall-projbizzjoni ta’ numru kbir ta’ ftehim fi ħdan is-suq intern, f’setturi differenti, anki jekk jirrinforzaw il-kompetizzjoni minflok jirrestrinġuha, skont il-kuntest tas-suq. Ma hemm l-ebda bażi fit-teorija ekonomika jew fil-prattika kummerċjali għall-argument li l-ftehim ta’ esklużività tal-impenji individwalizzati fuq il-kwantitajiet u l-iskontijiet individwalizzati jwasslu dejjem jew kważi dejjem għal restrizzjoni ta’ kompetizzjoni meta huma użati minn kumpannija f’pożizzjoni dominanti.

202    Ir-rikorrenti jsostnu li billi ma eżaminatx ċerti fatturi, il-Kummissjoni ma evalwatx jekk il-prattiki tagħhom kinux, fid-dritt, suxxettibbli li jkollhom effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

203    Il-fatturi mhux eżaminati mill-Kummissjoni huma l-fatt li r-rikorrenti kienu l-uniku manifattur ta’ RVM kapaċi li joffri “teknoloġija avvanzata” ta’ alimentazzjoni orizzontali bejn l-1997 u l-2001, il-fatt li l-kompetituri tar-rikorrenti setgħu dejjem joffru l-magni tagħhom għal tal-inqas 61 % mit-total tas-suq tar-RVM bejn l-1998 u l-2002, il-fatt li r-rikorrenti jbigħu l-magni tagħhom direttament lill-klijent finali (is-supermarket chains), li l‑ftehim inkwistjoni ma impedixxewx l-aċċess tal-kompetituri għad-distributuri, u fl-aħħar, il-fatt li s-supermarket chains huma xerrejja professjonali, li huma kapaċi li jqabblu r-RVM tar-rikorrenti mar-RVM tal-kompetituri tagħhom u għalhekk jiddeċiedu għalihom infushom liema RVM kellha l-aħjar prezz, il-kwantità tajba, affidabbiltà u teknoloġija u l-livell tajjeb ta’ servizz.

204    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l‑ipoteżi ġuridika li l-Artikolu 82 KE jeżiġi biss li l-Kummissjoni turi l‑eżistenza u l-forma tal-ftehim, u li din ma fiha ebda motivazzjoni adegwata fuq il-kwistjoni dwar ir-raġuni għal xiex xi wieħed mid-49 ftehim kien kapaċi jeskludi l-kompetituri mis-suq tar-RVM.

205    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

206    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jolqot l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-grad ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ grad tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi impriża dominanti milli telimina kompetitur u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tirrikorri għal mezzi li ma humiex dawk ibbażati fuq kompetizzjoni fuq il-mertu. Il-projbizzjoni mniżżla f’din id-dispożizzjoni hija wkoll iġġustifikata mit-tħassib li l-konsumaturi ma jiġux ippreġudikati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 157).

207    Għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din l‑impriża għandha, indipendentement mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz tal-aġir tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p.II-3601, punt 229). Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx impriża li tinsab f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tippriżerva l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn huma mhedda, u għalkemm din l-impriża għandha l-possibbiltà, sa livell raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tikkunsidra xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, madankollu dan l-aġir ma jistax jiġi aċċettat meta dan għandu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbuża minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p.207, punt 189, u s-sentenza Michelin II, punt 55).

208    Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li skont il-ġurisprudenza, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot xerrejja – anki jekk fuq talba tagħhom – b’obbligu jew wegħda li jfornu ruħhom għall-bżonnijiet kollha jew għal parti sostanzjali mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, kemm jekk dan ikollu l‑korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot ix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, jew taħt ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, jew inkella unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà , jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

209    Fil-fatt, l-impenji ta’ forniment esklużiv ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il‑korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis ta’ fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi mħeġġeġ jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jillimitaw fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu u li jostakolaw l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

210    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb provvisti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, imur kontra l-Artikolu 82 KE. Tali tnaqqis iwassal fil-fatt, sabiex, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, tiġi prekluża l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 518, u s‑sentenza Michelin II, punt 56).

211    Sistema ta’ tnaqqis li għandha bħala effett l-esklużjoni mis-suq hija kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk hija applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tnaqqis marbut mal-ksib ta’ mira ta’ xiri jikser l-Artikolu 82 KE (sentenza Michelin II, punt 57).

212    Is-sistemi ta’ tnaqqis għal kwantità, marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri li sar mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda fil-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Michelin II, punt 58).

213    Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis li r-rata ta’ skont tagħha tiżdied skont il-volum mixtri tikser l-Artikolu 82 KE biss jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, iżda twassal, bħat-tnaqqis għal fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u Michelin II, punt 59).

214    Sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li lix-xerrej titneħħielu, l-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati għall-imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenza Michelin II, punt 60).

215    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li, hekk kif isostnu wkoll ir‑rikorrenti, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim ta’ esklużività, ta’ impenji individwalizzati fuq il-kwantitajiet u ta’ skontijiet retroattivi individwalizzati humiex kompatibbli mal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi analizzat jekk, wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha u, għaldaqstant, ukoll tal-kuntest li fih jaqgħu dawn il-ftehim, dawn il-prattiki humiex intiżi għal restrizzjoni jew esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni jew humiex kapaċi li jagħmlu hekk.

216    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kuntest li fihom il-ftehim inkwistjoni jaqgħu u, fit-tieni lok, jekk hija mmotivat b’mod adegwat il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-fatt dwar jekk il-ftehim setgħux jiġu esklużi mill-kompetizzjoni.

217    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, wara li eżaminat l-istruttura tas-swieq inkwistjoni, il-pożizzjoni li kienu jokkupaw rispettivament ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħhom u wara li kkonkludiet li dawn kellhom pożizzjoni dominanti sinjifikattiva ħafna (ara l-premessi 12 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata), eżaminat individwalment kull prattika tar-rikorrenti (ara l-premessi 97 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata, imbagħad iddedikat passaġġi twal għall-eżami tal-kapaċità ta’ dawn il-prattiki li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, b’mod partikolari, il-premessi 159 sa 166, 180 sa 187, 218 sa 226, 234 sa 240, 264 sa 277 u 286 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata).

218    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, wara li ħarset lejn il-prattiki tar-rikorrenti f’kull suq nazzjonali kkonċernat flimkien mad-daqs tal-klijenti, it‑terminu tal-ftehim, l-iżvilupp tad-domanda fl-istess suq, il-perċentwali tal-parti marbuta tad-domanda, stabbilixxiet li dawn il-prattiki setgħu jimpedixxu l-ħruġ jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u kkonkludiet li kien hemm abbuż peress li dawn il-prattiki kienu orjentati sabiex jeskludu parti sinjifikattiva tad-domanda. Rigward b’mod partikolari s-sistemi ta’ skontijiet u ta’ tnaqqis użati mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata turi b’rappreżentazzjonijiet grafiċi l‑“effett ta’ ġbid” ta’ ċerti sistemi għal kull pajjiż.

219    Il-Kummissjoni, għalkemm dan ma kienx neċessarju fid-dawl tal-ġurisprudenza, analizzat ukoll, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-effetti reali tal-prattiki tar-rikorrenti.

220    Fir-rigward tal-fatturi l-oħra li, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata kellha teżamina sabiex jintwera jekk il-prattiki tagħhom setgħux jirrestrinġu l‑kompetizzjoni, hemm lok li jsiru l-kunsiderazzjonijiet segwenti.

221    L-ewwel nett, is-superjorità teknika allegata tar-rikorrenti, li kienu l-uniċi manifatturi tar-RVM li setgħu joffru “teknoloġija avvanzata” ta’ alimentazzjoni orizzontali bejn l-1997 u l-2001, ma jistax jkollha effett fuq l‑analiżi tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim setgħux jirrestrinġu l‑kompetizzjoni. Dan l-element seta’ eventwalment ikollu effett fuq l-analiżi tal-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti u għaldaqstant fuq il-pożizzjoni dominati tagħhom.

222    It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-magni kienu mibjugħa direttament lill-klijent finali huwa fattur li jirrinforza l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u mhux il-kuntrarju. Fl-fatt, għalkemm huwa minnu li l-ftehim inkwistjoni ma impedixxewx teoretikament l-aċċess tal-kompetituri għad-distributuri, huwa mandankollu evidenti li d-distributuri ma kellhom ebda interess li jixtru magni, peress li l-ftehim tar-rikorrenti kien jimpedixxi lill-kompetituri tagħhom milli joffru r-RVM tagħhom lill-klijent finali.

223    It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li s-supermarket chains huma xerrejja professjonali li kienu kapaċi jqabblu u jagħżlu bejn ir-RVM tar-rikorrenti u dawk tal-kompetituri, hemm lok li jiġi rrilevat li l-aġir tar-rikorrenti kien manifestament maħsub sabiex jiġu stabbiliti skemi li jinċitaw lill-klijenti biex ma jixtrux mingħand fornituri oħra u sabiex iżommu din is-sitwazzjoni.

224    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r‑rikkorrenti kellhom kull possibbiltà li jippreżentaw ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva mhux antikompetittiva tal-prattiki tagħhom. Huma setgħu jispjegaw liema gwadan huma kellhom l-intenzjoni jieħdu mill-ftehim ta’ eklużività, impenji kwantitattivi u skemi ta’ tnaqqis individwalizzati li huma kienu jipprattikaw. Madankollu, ir-rikorrenti ma jsostnux quddiem il‑Qorti Ġenerali li l-aġir tagħhom kien ħoloq xi gwadan ta’ effiċjenza li jista’ jidher, kien iġġustifikat b’mod ieħor jew kien wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet jew xi vantaġġ ieħor għall-konsumaturi.

225    Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni analizzat biss il-kontenut tal-ftehim inkwistjoni u mhux il‑kuntest li fihom il-ftehim jaqgħu.

226    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

227    Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għall-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li adottat l-att, b’mod li l-persuna interessata tkun tista’ tagħraf il‑ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19, u tat-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/00, Ġabra p. I‑7657, punt 62). Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatti li tiddependi fuqhom il-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wasslu sabiex tittieħed din id-deċiżjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II-107, punt 57, li ma ġietx appellata fuq dan il-punt).

228    F’dan ir-rigward, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’punti 216 sa 218 hawn fuq, li minnhom jidher ċar li l-Kummissjoni esponiet b’mod dettaljat ir-raġunijiet li minħabba fihom hija qieset li l-ftehim inkwistjoni setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

229    Għaldaqstant, ma jistax jiġi nnegat li r-rikorrenti setgħu jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet kollha fuq dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata. Hemm lok li jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li teżerċita kompletament l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata kien suffiċjentement motivat.

230    Fil-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-“kopertura insuffiċjenti” tad-domanda totali tar-RVM mill-prattiki tar-rikorrenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrenti jsostnu li anki jekk id-deċiżjoni kkontestata wriet li l-kuntratti inkwistjoni kollha setgħu kellhom effetti ta’ esklużjoni, dan jipprova biss li l‑kompetituri kienu jkunu esklużi milli jissuplixxu lill-klijenti li kienu diġà kkonkludew dawn il-kuntratti (li l-eżistenza tagħhom għadha kkontestata minnhom). Il-kompetituri jkunu xorta liberi li jfittxu l-klijentela ta’ impriżi oħra. Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE, id-deċiżjoni kkontestata għandha turi li dawn il-ftehim ikopru porzjon tant wiesa’ tas-suq li huma kienu f’pożizzjoni li jeskludu numru suffiċjenti ta’ kompetituri tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn il-fatt li kompetituri ma setgħux ibigħu r-RVM tagħhom lill-klijenti speċifiċi jwassal għall-esklużjoni tagħhom mis-suq fl-intier tiegħu.

232    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kwistjoni rilevanti hija dwar jekk kompetitur jistax jibqa’ b’mod profittabbli fis-suq billi jaqdi l-parti li setgħet tinkiseb tad-domanda biss u li l-Kummissjoni kellha tiddetermina d-daqs ta’ profittabbiltà minima rikjesta sabiex wieħed jopera fis-suq inkwistjoni. Jekk l-imsemmija domanda kienet suffiċjentement sinjifikattiva, u l-iskala tal-profittabbiltà suffiċjentement imnaqqsa, sabiex kompetitur potenzjali jkun jista’ jidħol jew jibqa’ fis-suq flimkien mar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l‑prattiki ta’ dawn tal-aħħar ma kinux abbużivi. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, ma indikatx b’mod ċar il-parti tas-suq li jkollha tiġi koperta mill-ftehim sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeskludu lir-rikorrenti. Id-deċiżjoni kkontestata ma tagħti l-ebda kriterju oġġettiv sabiex jiġi ddeterminat fejn jista’ jinsab il-limitu.

233    Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni wettqet tali analiżi, ma kienx ikun possibbli ħafna għaliha li tipprova li l-kuntratti inkwistjoni setgħu jeskludu mis-suq kompetituri li kellhom l-istess effiċjenza. Huma jsostnu li kienet il‑Kummissjoni li kellha turi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki tagħhom setgħu jipproduċu tali effett ta’ esklużjoni. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma għandhom l‑ebda obbligu li jipprovaw il-kuntrarju.

234    Ir-rikorrenti jindikaw li l-anliżi l-ġdida fid-difiża, dwar l-effett ta’ esklużjoni prodotta mill-prattiki tar-rikorrenti, hija inammissibbli. Il-kwistjoni għall-Qorti Ġenerali hija jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx suffiċjentement motivata fuq dan il-punt. Il-konvenut ma jistax jiġi permess fil-fatt, b’mod ġenerali, li jirranġa l-iżbalji u ommissjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata billi jippreżenta analiżi ġdida u provi addizzjonali waqt il-proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali.

235    Ir-rikorrenti jirrifjutaw bħala irrilevanti, barra minn hekk, l-affermazzjoni li ma hijiex l-impriża dominanti li għandha tiddetermina n-numru ta’ kompetituri fis-suq. Swieq differenti jistgħu jkunu kompletament kompetittivi anki jekk in-numru ta’ kompetituri jvarja u xi drabi anki meta jkun hemm tnejn biss. Hija, skonthom, il-Kummissjoni li kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, tiddetermina l-livell ta’ profittabbiltà għall-impriżi fis-suq rilevanti u li tiddetermina jekk id-daqs tal-porzjon ikkontestat tas-suq kienx jippermetti numru suffiċjenti minnhom sabiex joperaw b’tali mod li l‑kompetizzjoni tkun effettiva. Dan ma sarx f’dan il-każ.

236    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-prattiki tagħhom ma kinux ikopru proporzjon suffiċjentement sinjifikattiv tad-domanda totali. Ir-rikorrenti jqisu li l-porzjon ikkontestat tad-domanda li seta’ nkiseb kien, għal kull suq nazzjonali, tal-inqas 30 % u iktar minn 50 % fil-maġġoranza tal-każijiet, u, għall-ħames swieq meħuda flimkien, fuq medja, madwar 61 %, jiġifieri, iktar minn 2 000 magna fis-sena. Din iċ-ċifra hija ogħla mill-livell minimu ta’ bejgħ neċessarju sabiex tiġi żgurata l-profittabbiltà ta’ produttur ta’ RVM, li r-rikorrenti jistmaw li huwa bejn 500 u 1 000 unitajiet kull sena.

237    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

238    Qabel kolllox, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, il-kwistjoni li titqajjem hija dik dwar jekk il-Kummissjoni, sabiex tipprova l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq fl-intier tiegħu, kellhiex tiddetermina d-daqs tal-probittabbiltà minima rikjesta sabiex wieħed jopera fis-suq inkwistjoni u mbagħad tivverifika jekk il-porzjon tas-suq li seta’ jinkiseb (jiġifieri l‑parti tad-domanda marbuta mill-prattiki tar-rikorrenti) kienx suffiċjentement kbir sabiex ikun jista’ jkollu effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri.

239    F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sabet li, fil-pajjiżi u matul is-snin li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat ksur, il-parti tad-domanda magħluqa kienet “sostanzjali” jew “mhux negliġibbli” u li fuq kollox matul is-“snin kruċjali” ta’ tkabbir fuq kull suq inkwistjoni, hija kienet tirrapreżenta proporzjonijiet sinjifikattivi ħafna (ara l-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata ma stabilixxietx, madankollu, limitu preċiż li ’l fuq minnu l-prattiki tar-rikorrenti jkunu jistgħu jeskludu lill-kompetituri.

240    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, ġustament, ikkunsidrat li billi għalqet parti sinjifikattiva tas-suq, bħal f’dan il-każ, l-impriża dominanti llimitat id-dħul ta’ wieħed jew xi wħud mill-kompetituri u, għaldaqstant, irrestrinġiet il-kompetizzjoni fis-suq kollu.

241    Fil-fatt, l-għeluq ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti ma jistax jiġi ġġustifikat mit-turija li parti tas-suq li setgħet tinkiseb għadha suffiċjenti sabiex takkomoda numru limitat ta’ kompetituri. L-ewwel nett, minn naħa, il-klijenti li jinsabu fil-parti magħluqa tas-suq għandu jkollhom l-opportunità li jipprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il‑merti għas-suq kollu u mhux parti minnu biss. It-tieni nett, ma huwiex ir‑rwol tal-impriża dominanti li tistabbilixxi kemm għandhom jikkompetu kompetituri profittabbli għal porzjon tad-domanda li kien għadu seta’ jinkiseb.

242    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li analiżi biss taċ-ċirkustanzi tal-każ, bħal dik magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tista’ tippermetti li jiġi stabbilit jekk il-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni. Madankollu jkun artifiċjali li jiġi stabbilit a priori liema huwa l-porzjon tas-suq marbut li lil hinn minnu l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jkollhom effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri.

243    B’mod partikolari, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, li l-prattiki tar-rikorrenti jagħlqu, fuq medja, propozjoni kunsiderevoli - tnejn minn ħames partijiet - tad-domanda totali matul il-perijodu u fil-pajjiżi eżaminati. Konsegwentement, anki jekk tiġi ammessa t-teżi tar-rikorrenti li l-għeluq ta’ porzjon żgħir tad-domanda ma huwiex importanti, dan il-porzjon ma kien bl-ebda mod żgħir f’dan il-każ.

244    It-tieni nett, il-prattiki tar-rikorrenti ta’ spiss wasslu għal proporzjon għoli ħafna ta’ domanda “marbuta” matul is-“snin kruċjali” fejn id-domanda kienet l-ogħla u kienet l-iktar suxxettibbli li toħloq dħul ta’ suċċess fis-suq, b’mod partikolari matul is-snin 1999 u 2000 fl-Awstrija, 2001 fil-Pajjiżi l‑-Baxxi u 1999 fin-Norveġja (ara, pereżempju, il-premessi 163, 219 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

245    Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li l-prattiki tar-rikorrenti kienu jorbtu d‑domanda tal-klijent finali u mhux tad-distributuri. Il-kompetituri ma setgħux, għalhekk, jużaw metodi ta’ distribuzzjoni differenti li setgħu jimmitigaw l-effetti tal-prattiki tar-rikorrenti.

246    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq il-provi u ipoteżi allegatament ineżatti u żbaljati li għalihom hija rrikorriet sabiex tevalwa l-kapaċità tal-iskontijiet retroattivi li jeskludu l-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

247    Ir-rikorrenti jsostnu li t-teżi tal-Kummissjoni dwar skontijiet retroattivi hija bbażata fuq żewġ elementi: fl-ewwel lok, fuq il-fatt li l-klijenti ma humiex disposti li jixtru iktar minn numru żgħir ta’ apparati mingħand fornitur ġdid u, fit-tieni lok, fuq il-fatt li t-tnaqqis retroattiv ippermetta lir-rikorrenti sabiex jipprattikaw prezzijiet negattivi jew baxxi ħafna. Huma jindikaw li fi kważi kull eżempju użat mill-Kummissjoni, il-prezzijiet qatt ma setgħu jkunu negattivi, u li f’kull każ, il-kompetituri kienu kapaċi li jdaħħlu dħul pożittiv mill-bejgħ tagħhom. Huma jindikaw ukoll li l-Kummissjoni lanqas ma eżaminat l-ispejjeż tar-rikorrenti sabiex tistabbilixxi l-livell li taħtu l‑prezzijiet ikunu ta’ esklużjoni jew predatorji.

248    Skont ir-rikorrenti, meta t-tnaqqis retroattiv iwassal għall-prezzijiet pożittivi, wieħed ma jistax jippreżumi li huma neċessarjament kapaċi li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni. Tali approċċ iwassal fil-fatt għal interdizzjoni per se ta’ tnaqqis retroattiv.

249    Ir-rikorrenti jżidu li d-deċiżjoni kkontestata ma tevalwax il-prezzijiet li jirriżultaw mit-tnaqqis tagħhom ma’ xi punt ta’ referenza jew abbażi ta’ kriterju oġġettiv li jista’ jintuża. Hija tafferma biss li t-tnaqqis impona fuq il-kompetituri opportunity cost, li ma kinitx definita sew, u li l-prezzijiet riżultanti huma, għalhekk, fl-opinjoni suġġettiva tagħha, “baxxi ħafna”, filwaqt li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx din l-aħħar frażi. Ir-rikorrenti jqisu li l-konvenuta ma tistax tibbaża ruħha fuq tali affermazzjonijiet u opinjonijiet suġġettivi sabiex tistabbilixxi jekk tnaqqis jistax jipproduċi effett ta’ esklużjoni.

250    Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-iskontijiet retroattivi seta’ jkollhom effetti ta’ esklużjoni hija bbażata fuq dijagrammi ineżatti.

251    Fi tnejn mis-sitt każijiet iċċitati mid-deċiżjoni kkontestata (il-figuri 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw l-Awstrija), il-Kummmissjoni bbażat ruħha fuq dijagrammi li huma ineżatti u żbaljati. It-teżi tal-Kummissjoni, li l-kompetituri kellhom jiffatturaw prezzijiet negattivi f’dawn il-każijiet, hija ineżatta fiċ-ċirkustanzi kollha.

252    F’erba’ każijiet oħra (il-figuri 15 u 18, li jikkonċernaw il-Pajjiżi l-Baxxi u l‑Isvezja rispettivament u l-figuri 21 u 22 li jikkonċernaw il-Ġermanja), il‑Kummissjoni injorat l-eżistenza ta’ skontijiet disponibbli għall-klijenti għal bejgħ taħt il-limitu li l-Kummissjoni użat fl-analiżi tagħha. Ladarba l-iżball huwa kkorreġut, il-prezzijiet ma huma negattivi fl-ebda ċirkustanza fi tlieta minn erba’ każijiet u huma biss marġinalment negattivi għal bejgħ ta’ unità waħda f’każ ieħor.

253    Għal kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, f’sitta mis-seba’ każijiet, il-kompetituri setgħu jiffatturaw prezzijiet pożittivi, anki kieku biegħu kwantitajiet żgħar ħafna, jiġifieri żewġ jew tliet magni.

254    F’kull wieħed mis-seba’ każijiet, il-Kummissjoni assumiet b’mod żbaljat li l‑kompetituri kien ikollhom jillimitaw ruħhom li jbigħu numru żgħir ta’ unitajiet ta’ RVM.

255    F’kull wieħed mis-seba’ każijiet, il-Kummissjoni injorat il-provi rilevanti dwar il-funzjonament tas-suq, u dan jimmina l-konklużjonijiet tagħha. Il‑Kummissjoni injorat, b’mod partikolari dħul minn servizzi wara l-bejgħ u minn bejgħ segwenti ta’ RVM. Fid-dawl ta’ dan id-dħul, il-kompetituri setgħu jistennew li jirċievu dħul pożittiv, anki fir-rigward ta’ bejgħ ta’ RVM li sar bi prezz negattiv.

256    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li anki jekk il-kompetituri kienu kostretti, li jbigħu biss numru żgħir ta’ RVM (pereżempju apparat wieħed jew tnejn), il‑Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma wrietx li t-tnaqqis ipprattikat mir-rikorrenti jista’ jeskludu tali kompetituri mis-suq.

257    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

258    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li l‑iskemi ta’ tnaqqis retroattiv jġiegħlu lill-kompetituri biex jiffatturaw prezzijiet negattivi lill-klijenti tar-rikorrenti li jibbenefikaw minn tnaqqis ma jistax jiġi kkunsidrat bħala waħda mill-bażijiet fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata sabiex turi li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv tar-rikorrenti jista’ jkollhom effetti antikompetittivi.

259    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq serje ta’ kunsiderazzjonijiet oħra relatati mat-tnaqqis retroattiv pprattikat mir-rikorrenti sabiex tikkonkludi li dawn it-tipi ta’ prattiki setgħu jeskludu lill‑kompetituri bi ksur tal-Artikolu 82 KE.

260    Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-inċentiv li wieħed jixtri esklużivament jew kważi esklużivament mingħand ir-rikorrenti huwa partikolarment b’saħħtu meta l-limiti, bħal dawk applikati mir-rikorrenti, huma marbuta ma’ sistema li biha l-ksib, skont il-każ, ta’ livell ta’ bonus jew limitu iktar vantaġġuż jinġabar fuq ix-xiri kollu mwettaq mill-klijent matul il-perijodu kkonsidrat u mhux biss fuq il-volum ta’ xiri li jeċċedi l-limitu inkwistjoni (ara l-premessi 132, 297 u 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

261    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tosserva li l-iskemi ta’ tnaqqis kienu adattati għal kull klijent u l-limiti kienu stabbiliti abbażi tal-bżonnijiet stmati tal-klijent u/jew tal-volumi ta’ xiri magħmula fil-passat.

262    Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li skema ta’ tnaqqis retroattiv flimkien ma’ limitu jew diversi limiti li jikkorrispondu għat-totalità jew għal proporzjon għoli tal-bżonnijiet tal-klijent kien jirrapreżenta inċentiv sinjifikattiv sabiex wieħed jixtri, għat-totalità jew għal kważi totalità tal-apparat neċessarju, mingħand ir-rikorrenti u jżid artifiċjalment l-ispiża sabiex wieħed jirrikorri għand fornitur ieħor, anki għal numru żgħir ta’ unitajiet (ara l-premessi 131 sa 133, 297, 321 u 322 tad-deċiżjoni kkontestata).

263    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkonstata li t-tnaqqis retroattiv japplika ta’ spiss għal ċerti klijenti ikbar tar-rikorrenti bl-għan li tiġi żgurata l-fedeltà tagħhom (ara, pereżempju, il-premessi 180 u 240 tad-deċiżjoni kkontestata).

264    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tirreleva li r-rikorrenti ma wrewx li l‑aġir tagħhom kien oġġettivament iġġustifikat jew li dan jipproduċi benefiċċji ta’ effiċjenza sostanzjali li jiġġustifikaw l-effetti antikompetittivi prodotti fuq il-konsumaturi (ara l-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata).

265    Huwa ċertament minnu li d-deċiżjoni kkontestata turi b’dijagrammi (ara l‑figuri 15, 18, 21 sa 24 u 27) il-fatt li t-tnaqqis retroattiv tar-rikorrenti pproduċew effett ta’ espulsjoni billi wasslu lill-kompetituri sabiex jitolbu prezzijiet baxxi ħafna u, xi drabi, negattivi għall-aħħar unitajiet qabel ma jintlaħaq l-limitu ffissat mill-iskema ta’ tnaqqis (ara l-premessi 165, 186, 224, 235, 236 u 268 tad-deċiżjoni kkontestata).

266    Madankollu, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, lanqas ma tafferma li l-iskemi ta’ tnaqqis wasslu sistematikament għal prezzijiet negattivi u, min-naħa l-oħra, lanqas ma ssotni li tali demostrazzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel sabiex jiġi kkonstatat li dawn l-iskemi ta’ tnaqqis huma abbużivi. Barra minn hekk, deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda rappreżentazzjoni grafika għal kull waħda mill-iskemi ta’ skontijiet u ta’ tnaqqis użati mir-rikorrenti. Hija fiha biss dijagramma jew tnejn għal kull pajjiż li juru l-effett ta’ espulsjoni tal-iskemi ta’ tnaqqis tar-rikorrenti.

267    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu ta’ esklużjoni rrappreżentat mit-tnaqqis retroattiv ma jeħtieġx li l-impriża dominanti tissagrifika profitti, peress li l-ispiża tat-tnaqqis hija mqassma fuq numru kbir ta’ unitajiet. Permezz tal-għoti retroattiv ta’ tnaqqis, il-prezz medju miksub mill-impriża dominanti jista’ tassew ikun sew superjuri għall-ispejjeż u jġib miegħu marġni ta’ profitt medju għoli. Madankollu, is-sistema ta’ tnaqqis retroattiv jiżgura li, għall-klijent, il-prezz effettiv għall-aħħar unitajiet ikun baxx ħafna minħabba l-“effett ta’ ġbid”.

268    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li ċerti dijagrammi fihom żbalji ma jistax, waħdu, jikkomprometti l-konklużjonijiet dwar in-natura antikompetittiva tal-iskemi ta’ tnaqqis ipprattikati mir-rikorrenti. Dan l-ilment tar-rikorrenti huwa għaldaqstant ineffettiv.

269    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kompetituri ma kinux limitati għall-bejgħ ta’ numru żgħir ta’ unitajiet lil kull klijent, għandu jiġi kkonstatat li huwa inerenti ma’ pożizzjoni dominanti qawwija, bħal dik li għandhom ir‑rikorrenti, li, għall-biċċa l-kbira tad-domanda, ma hemmx sostitut adegwat għall-prodott ipprovdut mill-impriża dominanti. Il-fornitur f’pożizzjoni dominanti huwa għalhekk, fil-biċċa l-kbira, soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata indikat, ġustament, li l-klijenti kienu jirrikorru għal provvisti oħra biss għal porzjon limitat tax-xiri tagħhom.

270    Għal dawn l-istess raġunijiet, huwa diffiċli li jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li kompetitur jista’ jikkumpensa l-prezzijiet l-iktar baxxi li huwa sforzat li jitlob mingħand klijent għall-unitajiet taħt il-limitu billi jbigħ unitajiet addizzjonali lill-istess klijent (’il fuq mil-limitu). Fil-fatt, id‑domanda li tibqa’ ta’ dan il-klijent hija, fl-aħjar ipoteżi, limitata, b’mod li l-prezz medju tal-kompetitur jibqa’ strutturalment inqas attraenti.

271    Dan jgħodd ukoll għall-affermazzjoni li l-kompetituri setgħu jikkumpensaw it-telf inizjali jew profittabbiltà dgħajfa inizjali imposti mill-prattiki tar-rikorrenti permezz ta’ dħul ta’ wara l-bejgħ (manutenzjoni u tiswija). Fil-fatt, il-bażi kbira installata tar-rikorrenti tagħtihom vantaġġ evidenti wkoll għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-apparati tagħhom, b’mod li ma jirriżultax b’mod ċar mill-argument tar-rikorrenti kif il-marġni strutturalment dgħajfa tal-kompetituri fis-suq primarju jistgħu jiġu kkumpensati mill-profitti fis-suq tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ.

272    Fid-dawl tal-preċedenti, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu.

C –  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kinux fil-fatt jeliminaw il‑kompetizzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-analiżi tal-effetti reali hija parti integrali tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-esklużjoni. Il-passaġġi tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-“impatt” għal kull wieħed mill-ħames pajjiżi jikkonfermaw dan il-fatt.

274    Skont ir-rikorrenti, il-provi tal-Kummissjoni huma kontradittorji, spekulattivi u irrilevanti b’mod li huma ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ftehim realment eliminaw il-kompetizzjoni.

275    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-biċċa l-kbira tal-ħames swieq nazzjonali analizzati, is-sehem tagħhom mis-suq kien qed jonqos matul il‑perijodu li fih il-Kummissjoni tirreleva li dawn kienu qed jirrikorru għal prattiki antikompetittivi.

276    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-graff ippreżentata mill-Kummissjoni tikkonferma l-allegazzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-sehem tagħhom mis-suq, jiġifieri li dan kien qed jonqos fi tlieta mill-ħames pajjiżi kkonċernati, u dan ma jistax jitqies bħala prova ta’ effett antikompetittiv.

277    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni, li l-pożizzjoni tal-kompetituri tagħhom f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi baqgħet dgħajfa matul il-perijodu analizzat. Huma jqisu li l-kompetituri tagħhom kisbu sehem mis-suq fi tliet pajjiżi, li s-sehem tagħhom mis-suq kien baqa’ kważi l-istess fil-Ġermanja, u li kellhom tnaqqis tas-sehem mis-suq biss fl-Isvezja.

278    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ konnessjoni manifesta bejn id-daqs tas-suq marbut, f’kull wieħed mill-ħames swieq nazzjonali, mill-1998 sa l-2002. L-eżami tal-ħames swieq nazzjonali fit-totalità tagħhom ma rriżultax fi provi li jippermettu li jiġi ssuġġerit li sehem mis-suq marbut għoli jwassal għal żieda tas-sehem mis-suq tar-rikorrenti. Pereżempju, fil-Pajjiżi l‑Baxxi u fin-Norveġja, fejn is-sehem mis-suq marbuta mal-prattiki tar-rikorrenti kien l-ogħla, dan naqas, filwaqt li fil-Ġermanja u fl-Isvezja, fejn is-sehem mis-suq kien iżgħar, is-sehem mis-suq tar-rikorrenti żdied jew baqa’ stabbli. Huwa biss fl-Awstrija li s-sehem mis-suq tagħhom naqas b’mod iktar rapidu milli fil-Pajjiżi l-Baxxi u n-Norveġja.

279    Ir-rikorrenti jallegaw, barra minn hekk, li ma hemmx konnessjoni statistikament sinjifikattiva bejn is-sehem mis-suq li ma jistax jiġi miksub u s-sehem mis-suq tagħhom għall-ħames pajjiżi eżaminati waqt il-perijodu analizzat.

280    Ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni suġġettiva tagħha tal-provi billi tiċħad kull kriterju oġġettiv. Skonthom il‑Kummissjoni ssostni li l-varjabbli huma “konnessi” iżda tiċħad kull tentattiv li tissottometti l-affermazzjoni tagħha għal test oġġettiv u statistikament solidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tat ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-analiżi tal-istatistika tar-rikorrenti setgħet ġiet manipulata.

281    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni li l-prezzijiet tagħhom ma naqsux u jsostnu li l-Kummissjoni kellha teżamina l-prezzijiet netti effettivi wara t-tnaqqis, u mhux il-prezz tal-katalogu.

282    Ir-rikorrenti jenfasizzaw il-fatt li analiżi korretta tal-informazzjoni, hekk kif magħmula fir-rikors, turi li l-prezz naqas fi tlieta mill-ħames pajjiżi.

283    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-ħruġ ta’ tliet kompetituri ma jipprovax l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi. Minn naħa, Prokent falliet meta l-prattiki allegatament antikompetittivi tar-rikorrenti waqfu. Min-naħa l-oħra, l-akkwist mir-rikorrenti ta’ Jalton u ta’ Eleiko jikkontradixxi t-teorija negattiva tal-Kummissjoni, peress li kieku kien vera li r-rikorrenti kellhom il-kapaċità li jikkontrollaw u jeskludu l-kompetituri tagħhom, huma ma kienx ikollhom bżonn jixtru dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex dawn jiġu esklużi mis-suq.

284    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li anki jekk ċerti fatti invokati mill-Kummissjoni kienu eżatti, huma ma jipprovawx neċessarjament l-effett antikompetittiv tal-prezzijiet kummerċjali tagħhom. Fl-ewwel lok, is-sehem mis-suq tal-operatur storiku u tal-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tiegħu jistgħu jibqgħu stabbli fiż-żmien għal raġunijiet perfettament leġittimi; fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontradixxi ruħha fir-rigward tal-prezzijiet tar-rikorrenti u l-evalwazzjoni tagħhom fiż-żmien billi tikkwalifika l-politika tagħhom tal-iffissar tal-prezzijiet bħala predatorji u fl-istess ħin takkużahom li qed iżommu l-prezzijiet għoljin; u t-tielet nett, il-ħruġ mis-suq ta’ kompetitur jew diversi kompetituri ma jipprovax effett antikompetittiv iżda jista’ sempliċiment ikun ir-riżultat tal-proċess kompetittiv normali.

285    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

286    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, fihom infushom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, id-difetti li bihom jistgħu jkunu vvizzjati motivi oħrajn tal-att huma, f’kull każ, mingħajr effett fuq id-dispożittiv tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TFI, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29).

287    Issa, id-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 285 u 332, tindika b’mod ċar li, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jiġi prrovat li l-prattiki tar-rikorrenti kienu orjentati sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew li l-aġir tagħhom kien ta’ natura jew seta’ jkollu tali effett, hija wettqet l-analiżi tagħha f’dan il-każ b’eżami tal-effett probabbli tal-prattiki tar-rikorrenti fis-suq tar-RVM.

288    Huwa għalhekk ċar, li l-Kummissjoni ma pprovatx tibbaża l-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE fuq dan l-eżami tal-effetti reali tal-prattiki tar-rikorrenti fuq kull suq nazzjonali eżaminat iżda hija sempliċement ikkompletat il-konstazzjoni tagħha ta’ ksur minn eżami qasir tal-effetti probabbli ta’ dawn il-prattiki.

289    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-fatt għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-abbuż ikkunsidrat kellu effett konkret fis-swieq ikkonċernati. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett (sentenza Michelin II, punt 239 u British Airways vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 293).

290    Fid-dawl tal-preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-provi mressqa mill-Kummissjoni humiex suffiċjenti bħala bażi sabiex jiġi konkluż li l-ftehim realment neħħew il-kompetizzjoni. Fil-fatt, anki jekk il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif jallegaw ir-rikorrenti, billi kkunsidrat li l‑imsemmija ftehim realment jeliminaw il-kompetizzjoni, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx affettwata.

D –  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq l-iżball manifest imwettaq mill-Kummissjoni billi qieset li l-impenji mhux vinkolanti fuq il-kwantitajiet setgħu jiksru l‑Artikolu 82 KE

1.     L-argumenti tal-partijiet

291    Ir-rikorrenti, billi rreferew għall-ewwel motiv tar-rikors, jaffermaw li l-biċċa l‑kbira tat-18-il ftehim, innumerati fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu jipprevedu impenji fuq il-kwantitajiet ma kinux vinkolanti. Skont ir-rikorrenti, bħall-ftehim ta’ esklużività mhux vinkolanti, impenn fuq il-kwantitajiet individwalizzati mhux vinkolanti, anki jekk dan jirrappreżenta t-totalità jew kważi t-totalità tal-bżonnijiet tal-klijent, ma jistax jeskludi l-kompetizzjoni. Jekk klijent ma huwiex ġuridikament obbligat jirrispetta impenn li jixtri kwantità speċifika mingħand fornitur, huwa liberu li jaċċetta l-aħjar offerti ta’ fornituri li huma kompetituri f’kull mument. Impenn individwalizzat fuq il-kwantitajiet, li ma huwiex vinkolanti, huwa biss stima.

292    Ir-rikorrenti jsostnu li ma hemmx bażi ġuridika fid-dritt Kommunitarju li jippermetti l-projbizzjoni ta’ klijent milli jagħti lill-fornituri tiegħu stima tat-totalità jew kważi t-totalità tal-bżonnijiet tiegħu matul perijodu speċifiku, anki jekk wieħed mill-fornituri huwa f’pożizzjoni dominanti. Jekk dan huwa l-każ, dawn it-18-il ftehim ma jistgħux jipproduċu effetti antikompetittivi u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu invokati fid-deċiżjoni kkontestata. It-twarrib ta’ 18 mid-49 ftehim li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata timmina l-fondatezza ta’ din tal-aħħar b’mod deċiżiv u għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

293    Ir-rikorrenti jżidu li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jingħad fid-difiża, numru kbir ta’ ftehim ma rabtux il-prezz mal-volum mixtri, iżda pprattikaw prezz unitarju għal kull apparat ordnat (Lidl, Coop, eċċ.).

294    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

295    Għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 208 u 209 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, li torbot – anki jekk fuq it-talba tagħhom – xerrejja permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu provvisti għall-bżonnijiet kollha jew parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet kollha tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, kemm jekk dan ikollu l‑korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, kemm taħt ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, u kemm unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà , jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

296    Fil-fatt, l-impenji ta’ fornitura esklużiva ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il‑korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċitat jixtri esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il‑possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu u li jostakolaw l-aċċess għas-suq lill-produtturi l-oħra (sentenza Hoffman-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

297    Issa, f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ġustament, eżaminat l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati mhux biss b’mod purament formali mill-aspett legali, iżda wkoll billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku li fih il-ftehim inkwistjoni jaqgħu. Hija fuq din il-bażi li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim inkwistjoni jistgħu jeskludu lill-kompetituri.

298    Fil-fatt, l-impenji fuq il-kwantitajiet individwalizzati, bħal dawk li tirreferi għalihom id-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 302, li jorbtu de facto u/jew jinċitaw lix-xerrej sabiex jixtri esklużivament jew għal parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, ma humiex ibbażati fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda għandhom tendenza li jċaħħdu lix-xerrej, jew li jirrestrinġu fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s‑sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakolaw l-aċċess għas-suq lill-produtturi l‑oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 160).

299    Anki jekk diversi eżempji jikkonfermaw li, għal dak li jikkonċerna l-impenji fuq il-kwantitajiet u ta’ tnaqqis, ir-rikorrenti ppermettew ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-osservanza stretta tal-iskadenzi u tal-miri, din il-flessibbiltà, applikata anki għal ċerti ftehim li r-rikorrenti jammettu li kienu “vinkolanti” ma tnaqqas xejn mill-esklużjoni kkawżata minn dawn il-prattiki. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tafferma, ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-volum eżatt tax-xiri kien inqas importanti għar-rikorrenti mill-fedeltà tal-klijent. Fil-fatt, din il-flessibbiltà kkontribwixxiet sabiex iżżomm l-inċentiv li jinxtraw ir-RVM tar-rikorrenti, anki għall-klijenti li ma jilħqux il-limiti rikjesti (ara l-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata).

300    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-biċċa l-kbira tal-impenji fuq il-kwantitajiet li r-rikorrenti kkwalifikaw bħala mhux vinkolanti huma l-ftehim li fihom huma ssuġġettaw il-prezz u l-kundizzjonijiet kummerċjali għax-xiri ta’ ċertu volum mill-klijent. Dawn il-ftehim kien fihom ġeneralment tnaqqis espressament issuġġettat għall-ksib tal-mira. Il-klijent ma kienx ġuridikament obbligat li jilħaq il-mira iżda kellu jilħaqha sabiex jikseb jew iżomm it-tnaqqis. Tali ftehim huma preżenti f’dan il-każ, pereżempju ta’ dawk konklużi ma’ Axfood (2001), COOP (2000), NorgesGruppen jew Hakon Gruppen. Dawn il-ftehim jixbħu l-kunċett ta’ tnaqqis retroattiv. Ir‑riskju li jintilef it-tnaqqis retroattivament jinċita sew lill-klijent sabiex jilħaq il-mira. Il-fatt li r-rikorrenti jkunu jistgħu finalment ma jitolbux ir‑rimbors tat-tnaqqis, jew in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pprovata ta’ offerta tar-rikorrenti mill-klijent, huma irrilevanti. Huma l-aspettattivi tal-klijent fiż-żmien li fih huwa għadda l-ordnijiet skont il-kundizzjonijiet tal-offerta riċevuta li huma importanti.

301    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq l‑iżball manifest li wettqet il-Kummissjoni billi qieset li l-impenji mhux vinkolanti fuq il-kwantitajiet jistgħu jiksru l-Artikolu 82 KE għandu jiġi miċħud.

II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

A –  L-argumenti tal-partijiet

302    Ir-rikorrenti jikkunsidraw, fil-kuntest tas-sitt motiv tagħhom li l‑Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, billi ffissat il-multa għal 8 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp Tomra.

303    Bħala risposta għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fid-difiża, ir‑rikorrenti jirrispondu bl-affermazzjoni li l-multa ta’ EUR 24 miljun imposta mill-Kummissjoni tirrappreżenta 7.97 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp fl-2005.

304    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li għalkemm il-Kummissjoni hija libera li tgħolli l-livell tal-multa, sabiex tirrinforza l-effett disważiv, il‑Kummissjoni għandha, madankollu, tosserva r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, li skonthom il-multi li qed jippenalizzaw il-ksur ikkwalifikat bħala “serju ħafna” għandhom jippreżentaw effett iktar disważiv minn dawk li qed jippenalizzaw il-ksur ikkwalifikat bħala “serju”. Din il-loġika hija rrikonoxxuta mill-linji gwida fuq il-kalkolu tal-multi, li jipprevedu li l-ksur serju għandu jiġi ppenalizzat b’multa ta’ bażi li tibda minn EUR 1 miljun sa EUR 20 miljun u l-ksur serju ħafna, b’multa ta’ bażi superjuri ta’ EUR 20 miljun.

305    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni segwiet din il-loġika meta hija imponiet multa lil Microsoft għal ksur serju gravi ħafna. Madankollu, huma jsostnu li meta jitqabblu ż-żewġ każijiet, il-multa ta’ Microsoft kienet tirrappreżenta 1.5 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha, għalkemm il-ksur kien ġie kkunsidrat serju ħafna. Ir-rikorrenti jiddikjaraw li huma tal-opinjoni li dan iwassal għall-konklużjoni illoġika li huwa iktar importanti għall-Kummissjoni li toħloq effett disważiv fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri grupp ta’ kumpanniji li għandhom dħul mill-bejgħ ta’ inqas minn EUR 300 miljun, u dan għall-ksur serju, milli kien li tiddiswadi lil Microsoft, waħda mill-ikbar ħames impriżi fid-dinja, bi dħul mill-bejgħ, fl-2003, ta’ iktar minn EUR 30 biljun, u dan għal ksur serju ħafna. Bl-istess mod, il-Kummissjoni imponiet multa lil AstraZeneca għal żewġt iksur serji, li, wara li ħadet inkunsiderazzjoni n-neċessità li timponi multa li għandha effett disważiv proporzjonali għall-profitti rilevanti, għollietha biss għal madwar 3 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha.

306    Ir-rikorrenti jindikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kull bidla sinjifikattiva ta’ approċċ mill-Kummissjoni teżiġi spjegazzjoni dettaljata. Mandankollu, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx, fid-deċiżjoni kkontestata, għal liema raġuni l-grupp Tomra, impriża li lanqas hija kklassifikata fost l-ikbar 50 impriżi fin-Norveġja, ingħatat multa li tikkorrispondi għall-“perċentwali l-iktar għolja tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ kumpannija li fuqha multa hija imposta għall-ksur ta’ regoli ta’ kompetizzjoni”.

307    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda spjegazzjoni dettaljata sabiex issostni din il-bidla sinjifikattiva tal-approċċ tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi.

308    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-livell tal-multa huwa sporporzjonat, fid-dawl tal-ammont limitat tad-dħul mill-bejgħ li huma kisbu fis-swieq ġeografiċi inkwistjoni. Ir-rikorrenti jqisu li inqas minn 25 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa ġġenerat fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fl-Isvezja u fin-Norveġja, u inqas minn 34 % fi ħdan iż-ŻEE fl-intier tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-prinċipju ta’ proporzonalità jista’ jinkiser jekk il-Kummissjoni tinjora r-rabta bejn id-dħul mill-bejgħ dinji u d-dħul mill-bejgħ “li jirrappreżenta l-prodotti li fir-rigward tagħhom seħħ il-ksur”. Il-Kummissjoni ma setgħetx biss, għalhekk, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur ma kienx kontinwat matul il-perijodu fis-swieq nazzjonali kollha.

309    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

1.     Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

310    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ffissat il-multa għal 8 %, għandu, qabel kollox, jiġi mfakkar li fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li, skont ġurisprudenza stabbilita, jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00 , Ġabra p. II‑2473, punt 104).

311    Mandankollu, għandu jiġi enfassizat, f’dan ir-rigward, li l-prassi ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l‑Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax iċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tgħolli l-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109).

312    Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tagħha u l-effett disważiv tal-multi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33). Issa, l‑informazzjoni rilevanti, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati jvarjaw skont il-każ. Konsegwentement, il‑Kummissjoni ma tistax tkun obbligata timponi multi li jirrappreżentaw l‑istess proporzjon tad-dħul mill-bejgħ fil-każijiet kollha li huma simili fuq il-livell ta’ gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, Ġabra p. II-49, punti 187 sa 189).

313    Peress li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, din għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 53).

314    F’dan il-każ, għandu mill-ewwel jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq tqabbil bejn il-multa imposta fuq ir-rikorrenti u dawk imposti mill-Kummissjonijiet f’deċiżjonijiet oħra, peress li, kif ġie mfakkar, il-prassi deċiżjonali tal-Kummisjoni ma tistax fiha nfisha isservi bħala qafas legali tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax, fil-fatt, tkun obbligata tiffissa multi b’koerenza perfetta ma’ dawk iffissati f’każijiet oħra.

315    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata għamlet bidla ta’ politika li kellha tiġi spjegata b’mod speċifiku, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Kummissjoni, billi ffissat l-multa kkontestata, ikkonformat ruħha mal-obbligi taħt ir-Regolament Nru 1/2003 u l-linji gwida proprji tagħha dwar il-kalkolu tal-multi, ċirkustanzi li, barra minn hekk, ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti. Il-livell tal-multa ffissata mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix għaldaqstant bidla tal-politika tagħha fil-qasam tal-multi, iżda, għall-kuntrarju, applikazzjoni klassika ta’ din il‑politika.

316    Fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata tal-multa minħabba l‑ammont limitat tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tar-rikorrenti fis-swieq ġeografiċi kkonċernati, għandu jiġi mfakkar li, bla ħsara għall-ħarsien tal-limitu superjuri li jipprevedi l-Artikolu 23(2) u li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali (ara, b’analoġija, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119), huwa possibbli għall-Kummissjoni li tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda madankollu ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil din iċ-ċifra meta mqabbla ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu evalwati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 257).

317    F’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-linji gwida, li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, li fosthom hemm b’mod partikolari n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu meta jista’ jitkejjel, il-portata ġeografika tas-suq affettwat u l‑portata disważiva neċessarja tal-multa. Għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, dawn ma jipprekludux li l-imsemmija ċifri tad-dħul mill-bejgħ jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ‑ċirkustanzi jeżiġu dan (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 258 u 260).

318    Minn dan jirriżulta li, għalkemm ma jistax jiġi nnegat, li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-prodotti inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġu evalwati l-preġudizzji lill-kompetizzjoni fis-suq tal-imsemmija prodotti fi ħdan iż‑ŻEE, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element ma jikkostitwixxix l-uniku kriterju li bih il-Kummissjoni għandha tevalwa, u effettivament evalwat f’dan il-każ, il-gravità tal-ksur.

319    Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostnu ir-rikorrenti, meta tirrestrinġi l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-ammont tal-multa stabbilita mill-Kummissjoni għall-korrelazzjoni bejn dak l-ammont u d-dħul mill-bejgħ marbut mal-prodotti inkwistjoni, tkun qed tagħti importanza eċċessiva lil dan tal-aħħar. In-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu meta jista’ jitkejjel, il-portata ġeografika tas-suq affettwat u l‑portata disważiva neċessarja tal-multa huma elementi oħra, f’dan il-każ meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, li jistgħu jiġġustifikaw l‑ammont tal-multa.

320    F’kull każ, hekk kif il-Kummissjoni tirrileva ġustament, għandu jiġi kkonstatat li d-dħul mill-bejgħ li nkiseb fis-swieq kkonċernati mill-ksur mir-rikorrenti jirrapreżenta parti relattivament sinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, jiġifieri madwar 25 %. Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat li r-rikorrenti kisbu parti limitata tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom fis-swieq inkwistjoni.

321    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq trattament sproporzjonat u/jew diskriminatorju li r-rikorrenti semmew, fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u tad-dħul mill-bejgħ li nkiseb fis-swieq kkonċernati, għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda wkoll it-talbiet intiżi għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa.

322    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

323    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB u Tomra Butikksystemer AS għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2009.

Firem






















Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Is-suq inkwistjoni

B –  Pożizzjoni Dominanti

C –  Aġir abbużiv

D –  Multa

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-użu ta’ provi manifestament ineżatti u mhux affidabbli sabiex tiġi kkonstatata l-istrateġija ta’ esklużjoni u sabiex tiġi pprovata l-eżistenza u jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ ċerti ftehim bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħhom.

1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ provi affidabbli li jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ strateġija ta’ esklużjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-użu ta’ provi ineżatti u mhux affidabbli sabiex tintwera l-eżistenza u sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ ċerti ftehim bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħhom

a)  Fuq il-ftehim ta’ esklużivitŕ qabel l-1998

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq il-ftehim li jinnominaw lir-rikorrenti bħala “fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq l-impenji ta’ kwantitajiet individwalizzati u l-mekkaniżmi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

d)  Fuq l-evalwazzjoni ta’ ċerti kuntratti konklużi fit-territorju tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Isvezja u tan-Norveġja

Il-Ġermanja

–  Edeka Bayern-Sachsen-Thüringen (1998-1999)

–  Edeka Handelsgesellschaft Hessenring (1999)

–  Edeka Baden-Würtemberg (2000)

–  COOP Schleswig-Holstein (2000)

–  Netto

–  Rewe Wiesloch and Rewe-Hungen (1997)

–  Rewe Hungen (2000)

Il-Pajjiżi l-Baxxi

–  Albert Heijn (1998-2000)

–  Royal Ahold (2000-2002)

–  Lidl (1999-2000)

–  Superunie (2001)

L-Isvezja

–  ICA Handlares (l-Isvezja) et Hakon Gruppen (in-Norveġja) (2000-2002)

–  Rimi Svenska (2000)

–  Spar, Willys u KB Exonen (grupp Axfood) (2000)

–  Axfood (2001)

–  Axfood (2003-2004)

In-Norveġja

–  Køff Hedmark u Rema 1000 (1996), AKA/Spar Norge (1997)

–  NorgesGruppen, Hakon Gruppen, NKL (COOP) u Rema 1000 (1999-2000)

–  NorgesGruppen (2000-2001)

–  NKL (COOP) u Rema 1000 (2000-2001)

B –  Fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim setgħux ineħħu l-kompetizzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  Fuq l-illegalità allegata “per se” tal-ftehim tar-rikorrenti u fuq in-nuqqas ta’ spjegazzjoni ta’ test jew kriterju użati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk il‑ftehim setgħux jirrestrinġu l-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-“kopertura insuffiċjenti” tad-domanda totali tar-RVM mill-prattiki tar-rikorrenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-provi u ipoteżi allegatament ineżatti u żbaljati li għalihom hija rrikorriet sabiex tevalwa l-kapaċitŕ tal-iskontijiet retroattivi li jeskludu l-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kinux fil-fatt jeliminaw il‑kompetizzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq l-iżball manifest imwettaq mill-Kummissjoni billi qieset li l-impenji mhux vinkolanti fuq il-kwantitajiet setgħu jiksru l‑Artikolu 82 KE

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

A –  L-argumenti tal-partijiet

1.  Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top