EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0427

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Settembru 2008.
Birgit Bartsch vs Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol - L-Artikolu 13 KE - Direttiva 2000/78/KE - Skema ta’ pensjoni professjonali li teskludi d-dritt għall-pensjoni ta’ rtirar għas-superstiti tal-konjuġi, 15-il sena iżgħar mill-impjegat illum mejjet - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Rabta mad-dritt Komunitarju.
Kawża C-427/06.

European Court Reports 2008 I-07245

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:517

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Settembru 2008 ( *1 )

“Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Artikolu 13 KE — Direttiva 2000/78/KE — Skema ta’ pensjoni professjonali li teskludi d-dritt għall-pensjoni ta’ rtirar għall-konjuġi superstiti, 15-il sena iżgħar mill-impjegat illum mejjet — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Rabta mad-dritt Komunitarju”

Fil-Kawża C-427/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura

Birgit Bartsch

vs

Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u L. Bay Larsen, Presidenti tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Lindh, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH, minn J. Masling, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 KE tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16) u fuq prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Bartsch kontra Bosch und Siemens Hausgeräte (BSH) Altersfürsorge GmbH (iktar ’il quddiem “BSH Altersfürsorge”), li hija fond ta’ previdenza ta’ kumpannija, fuq ir-rifjut ta’ din li tħallas lil B. Bartsch pensjoni ta’ superstiti.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

5

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, it-traspożizzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandha ssir mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, skond it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu:

“Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. […]”

6

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà kellha issir f’dan l-Istat Membru mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006.

Il-linji gwida ta’ BSH Altersfürsorge

7

L-Artikolu 6(4) tal-linji gwida ta’ BSH Altersfürsorge, tal-ewwel ta’ Jannar 1984, fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ April 1992 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) jipprovdi:

“Kundizzjoni ta’ ħlas tal-pensjoni

[…]

4.   Il-pensjoni [imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b)] għandha titħallas l-armel jew l-armla ta’ ħaddiem li miet waqt li kien impjegat […] li kkompleta l-perijodu ta’ eliġibbiltà (imsemmi fl-Artikolu 2) meta l-assigurazzjoni għall-anzjanità legali Ġermaniża tagħtih/ha dritt għal pensjoni ta’ superstiti (pensjoni ta’ armel jew ta’ armla) u għall-istess tul taż-żmien. Ir-regola korrispondenti tapplika għall-armla jew għall-armel ta’ pensjonant.

Din il-pensjoni ma tistax tingħata:

a)

jekk l-armel jew l-armla huwa/hija iktar minn 15-il sena iżgħar mill-persuna li kienet impjegata u

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li B. Bartsch, li twieldet fl-1965, iżżewġet lis-sur Bartsch fl-1986, li twieled fl-1944 u li miet fil-5 ta’ Mejju 2004. Fit-23 ta’ Frar 1988, is-Sur Bartsch ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol mal-kumpannija Bosch-Siemens Hausgeräte GmbH (iktar ’il quddiem “BSH”), li ġie impjegat magħha fl-1 ta’ Marzu 1988 u li għaliha beda jaħdem bħala bejjieħ sakemm miet.

9

BSH Altersfürsorge, li twaqqfet minn BSH, daħlet f’obbligu, fir-rigward ta’ B. Bartsch, li twettaq obbligi eventwali mill-iskema ta’ pensjoni ta’ kumpannija favur il-mejjet, is-sur Bartsch.

10

Barra minn hekk mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn is-sur Bartsch u BSH kienet irregolata mil-linji gwida u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tagħhom. Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(4) tal-linji gwida, peress li B. Bartsch hija iktar minn 15-il sena iżgħar mir-raġel mejjet tagħha.

11

Wara l-mewt tar-raġel tagħha, B. Bartsch talbet lil BSH Altersfürsorge l-ħlas ta’ pensjon ta’ superstiti abbażi tal-linji gwida.

12

Peress li BSH Altersfürsorge ċaħdet it-talba ta’ B. Bartsch, din talbet lill-Arbeitsgericht tikkonstata li l-imsemmi fond ta’ previdenza għandu jħallasha pensjoni skont il-linji gwida. Peress li l-Arbeitsgericht ma laqgħatx it-talba tagħha, il-parti interessata dehret quddiem il-Landesarbeitsgericht li kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

13

B. Bartsch ressqet proċeduri ta’ “Reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Landesarbeitsgericht quddiem il-Bundesarbeitsgericht li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Il-liġi primarja tal-Komunitajiet Ewropej tipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età b’tali mod li l-protezzjoni taħtha għandha tiġi ggarantita mill-Istati Membri anke jekk it-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju?

b)

Jekk domanda (a) tiġi mwieġba fin-negattiv:

 

Din ir-rabta mad-dritt Komunitarju toħroġ mill-Artikolu 13 KE jew — anki qabel ma jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni — mid-Direttiva 2000/78 […]?

2)

Kwalunkwe projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età li toħroġ mir-risposta għad-domanda 1 hija applikabbli wkoll bejn persuni privati li jimpjegaw nies magħhom minn naħa u l-impjegati jew il-pensjonanti tagħhom u s-superstiti tagħhom min-naħa l-oħra?

3)

Jekk id-domanda 2 hija mwieġba fl-affermattiv:

a)

Dispożizzjoni ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, li tipprovdi li pensjoni tas-superstiti ma tingħatax lil konjuġi superstiti meta s-superstiti jkun/tkun iktar minn 15-il sena iżgħar mill-impjegat li issa ġie nieqes, taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età?

b)

Jekk id-domanda 3(a) tiġi mwieġba fl-affermattiv:

 

Tista’ dispożizzjoni bħal din tkun iġġustifikata mill-fatt li min iħaddem għandu interess li jillimita r-riskji li joħorġu mill-iskema ta’ pensjoni professjonali?

c)

Jekk id-domanda 3(b) tiġi mwieġba fin-negattiv:

 

il-projbizzjoni possibbli ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età għandha effett retroattiv mingħajr limitu fir-rigward tal-liġi dwar l-iskemi ta’ pensjoni professjonali jew hija limitata fir-rigward tal-passat, u jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

14

Permezz taż-żewġ partijiet tal-ewwel domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju fihx projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni tagħha anki meta it-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju. Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk, fil-fatti tal-kawża prinċipali, tali rabta mad-dritt Komunitarju joħroġx mill-Artikolu 13 KE jew mid-Direttiva 2000/78 anki qabel ma jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha.

15

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha titressaq it-talba għal domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-qorti nazzjonali sabiex din tevalwa l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 75).

16

Madankollu la d-Direttiva 2000/78 u lanqas l-Artikolu 13 KE ma jippermettu li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

17

Minn naħa, il-linji gwida ma jikkostitwixxux miżura ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, min-naħa l-oħra, il-mewt tas-sur Bartsch tippreċedi l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-Istat Membru inkwistjoni.

18

L-Artikolu 13 KE, li jippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jieħu, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE, l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq l-età, ma jistax, bħala tali, iqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, għall-finijiet tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, sitwazjonijiet li, bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jidħlux fil-kuntest tal-miżuri adottati abbażi tal-imsemmi Artikolu u, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2000/78 qabel l-iskadenza tat-terminu li din tipprevedi għat-traspożizzjoni tagħha.

19

Għall-kuntrarju tat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni tal-Komunitatjiet Ewropej, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325), ma tistax tiġi invokata insostenn ta’ konklużjoni li hija differenti minn dik esposta fil-punt preċedenti.

20

L-imsemmija sentenza tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE), li jagħti direttament id-dritt għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1993. Phil Collins et, C-92/92 u C-326/92. Ġabra p. I-5145, punt 34) fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

21

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 22 tas-sentenza Saldanha u MTS, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontroversja fil-kawża prinċipali kienet tirrigwarda l-protezzjoni ta’ interessi invokati minn assoċjat, ċittadin ta’ Stat Membru, kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fil-punt 23 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KE,li sar wara emenda, l-Artikolu 44(2)(g) KE, jagħti s-setgħa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, sabiex jimplementaw l-libertà ta’ stabbiliment, li jikkoordinaw, sa fejn neċessarju u sabiex iġibuhom ekwivalenti, il-garanziji li huma meħtieġa, fl-Istati Membri, mill-kumpanniji fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48 KE) sabiex jipproteġu l-interessi kemm tal-assoċjati kif ukoll tat-terzi.

22

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fl-imsemmi punt 23, li regoli li, fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, ifittxu li jipproteġu l-interessi tal-assoċjati jagħmlu parti mill-“kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-Trattat” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6 tiegħu u li għaldaqstant, huma suġġetti għall-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

23

Għaldaqstant, l-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju fil-kawża li tat lok għas-sentenza Saldanha u MTS, iċċitata iktar ’il fuq, ma tirriżultax biss mill-fatt li din hija diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda hija tiddependi fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

24

Barra minn hekk, dan l-aħħar aspett jiddistingwi din il-kawża prinċipali minn dik li tat lok għas-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni ta’ direttiva Komunitarja, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, (ĠU L 175, p. 43), li permezz tagħha l-imsemmija leġiżlazzjoni daħlet b’hekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-linji gwida inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkorrispondux għal miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-dritt Komunitarju ma fihx projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni tagħha meta t-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju. Tali rabta la toħroġ mill-Artikolu 13 KE u lanqas, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, mid-Direttiva 2000/78 qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istat Membru inkwistjoni għat-traspożizzjoni tagħha.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

26

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt Komunitarju ma fihx projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni tagħha meta t-trattament allegatament diskriminatorju ma jkollux rabta mad-dritt Komunitarju. Tali rabta la toħroġ mill-Artikolu 13 KE u lanqas, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istat Membru inkwistjoni għat-traspożizzjoni tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top