This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0347
Judgment of the Court (Second Chamber) of 17 July 2008.#ASM Brescia SpA v Comune di Rodengo Saiano.#Reference for a preliminary ruling: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - Italy.#Articles 43 EC, 49 EC and 86 EC - Concession for a public gas-distribution service - Directive 2003/55 - Early cessation at the end of a transitional period - Principles of the protection of legitimate expectations and legal certainty.#Case C-347/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
ASM Brescia SpA vs Comune di Rodengo Saiano.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE - Konċessjoni ta’ servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass - Direttiva 2003/55 - Waqfien antiċipat fit-tmiem ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni - Prinċipji ta’ ħarsien ta’ l-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali.
Kawża C-347/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
ASM Brescia SpA vs Comune di Rodengo Saiano.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE - Konċessjoni ta’ servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass - Direttiva 2003/55 - Waqfien antiċipat fit-tmiem ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni - Prinċipji ta’ ħarsien ta’ l-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali.
Kawża C-347/06.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:416
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )
“Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Konċessjoni ta’ servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass — Direttiva 2003/55 — Waqfien antiċipat fit-tmiem ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni — Prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali”
Fil-Kawża C-347/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura
ASM Brescia SpA
vs
Comune di Rodengo Saiano,
fil-preżenza ta’:
Anigas — Associazione Nazionale Industriali del Gas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, J.-C. Bonichot (Relatur) u C. Toader, Imħallfin
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal ASM Brescia SpA, minn V. Salvadori, A. Salvadori, G. Caia u N. Aicardi, avvocati, |
— |
għal Anigas — Associazione Nazionale Industriali del Gas, minn M. Zoppolato u D. Gazzola, avvocati, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, B. Schima u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE, 43 KE, 49 KE u 86(1) KE, tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, p. 57). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ASM Brescia SpA (iktar ’il quddiem “ASM Brescia”) kontra l-Comune di Rodendo Saiano rigward id-deliberazzjoni Nru 19 tal-kunsill muniċipali ta’ dan il-komun, tad-19 ta’ Lulju 2005, li tikkonferma l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2005 tal-konċessjoni li dan ta lil ASM Brescia għas-servizz ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fit-territorju tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 |
Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 2003/55 tipprovdi: “Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxu liċ-ċittadini Ewropej — il-moviment liberu tal-merkanzija, libertà li jiġu provduti servizzi, u l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu — huma biss possibbli f’suq miftuħ għal kollox, li jippermetti lill-konsumaturi kollha liberament li jagħżlu lill-provdituri tagħhom u l-provdituri tagħhom liberament jikkonsenjaw lill-klijenti tagħhom.” |
4 |
It-tmien premessa ta’ din id-Direttiva tipprovdi: “Sabiex jiġi kkompletat is-suq intern tal-gass, l-aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks ta’ l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni huwa ta’ importanza ewlenija. Operatur ta’ sistema tat-trasmissjoni jew tad-distribuzzjoni jista’ jikkonsisti f’impriża waħda jew aktar.” |
5 |
L-għaxar premessa ta’ din id-Direttiva tipprovdi: “Sabiex jiċi aċċertat aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks, huwa xieraq li s-sistemi ta’ trasmissjoni u operazzjoni jitħaddmu minn entitajiet legalment separati fejn jeżistu impriżi integrati vertikalment. Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-miżuri ta’ effett ekwivalenti, żviluppati mill-Istati Membri biex jintlaħaq l-iskop ta’ dan ir-rekwiżit, u, fejn xieraq, tagħmel proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva. Huwa wkoll xieraq li l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom drittijiet effettivi li jieħdu deċiżjonijiet rigward l-assi meħtieġa biex in-netwerks jiġu operati u żviluppati meta l-assi inkwistjoni huma l-proprjetà ta’ u jitħaddmu mill-impriża integrata b’mod vertikali. Madankollu huwa importanti li ssir distinzjoni bejn separazzjoni legali bħal din u unbundling tal-proprjetà. Is-separazzjoni legali ma timplika la tibdil fil-proprjetà ta’ l-assi u xejn ma jrażżan li jkun hemm kondizzjonijiet ta’ impjieg fl-impriża sħiħa integrats vertikalment kolha kemm hi. Madankollu, għandu jiġi aċċertat proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhux diskriminatorju permezz ta’ miżuri ta’ l-organizzazzjoni rigward l-indipendenza tal-persuni responsabbli li jieħdu d-deċiżjonijiet.” |
6 |
It-tmintax-il-premessa tad-Direttiva 2003/55 tipprovdi: “Il-klijenti tal-gass għandhom ikunu jistgħu jagħżlu lill-provditur tagħhom liberament. Madankollu għandu jkun hemm mixi bil-fażijiet lejn il-kompletazzjoni tas-suq intern għall-gass, flimkien ma’ terminu perentorju speċifiku, sabiex jiġi permess li l-industrija taġġusta u taċċerta li hemm miżuri u sistemi xieraq fis-seħħ biex iħarsu l-interessi tal-klijenti u jiġi aċċertat illi għandhom dritt veru u effettiv li jagħżlu lill-provditur tagħhom.” |
7 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-fornitura u l-ħażna tal-gass naturali. Tistabbilixxi r-regoli li jirrelataw għall-organizzazzjoni u l-iffunzjonar tas-settur tal-gass naturali, aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri li japplikaw għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, forniura u l-ħażna tal-gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.” |
8 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
[…].” |
9 |
L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2033/55 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-klijenti eliġibbli huma:
|
Id-dritt nazzjonali
10 |
Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 164, li jimplementa d-Direttiva 98/30/KE li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, b’mod konformi mal-Artikolu 41 tal-Liġi Nru 144 tas-17 ta’ Mejju 1999 (decreto legislativo n. 164, attuazione della direttiva n. 98/30/CE recante norme comuni per il mercato interno del gas naturale, a norma dell articolo 41 della legge 17 maggio 1999, n. 144) tat-23 ta’ Mejju 2000 (GURI Nru 142, tal-20 ta’ Ġunju 2004, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 164/2000”), jipprovdi li l-attività ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali bħala prinċipju hija attività ta’ servizz pubbliku mogħtija mill-komuni lil konċessjonarji magħżula permezz ta’ sejħiet għal offerti, għal perijodu li ma jistax jaqbeż tnax-il sena. |
11 |
Fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fis-seħħ li ma ġewx assenjati permezz ta’ proċedura pubblika, l-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000 jippreċiża: “Għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-gass, il-konċessjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, kif ukoll dawk assenjati lil kumpanniji li jirriżultaw mit-trasformazzjoni tal-operaturi attwali, jibqgħu fis-seħħ sad-data ta’ skadenza ffissata, jekk din isseħħ qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fil-paragrafu 7. Il-konċessjonijiet fis-seħħ li ma jkollhomx data ta’ skadenza, jew li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun tagħlaq wara l-perijodu tranżitorju, jinżammu fis-seħħ sat-tmiem tal-imsemmi perijodu tranżitorju. [… ]” |
12 |
L-Artikolu 15(4) tal-istess Digriet Leġiżlattiv jipprovdi: “It-terminu tal-perijodu tranżitorju stabbilit fil-paragrafu 5 huwa ta’ ħames snin u jibda jiddekorri mill-31 ta’ Diċembru 2000. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ‘l isfel, fil-limitu :
|
13 |
L-Artikolu 15(8) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000 jipprovdi li, meta bosta minn dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, is-snin ta’ differiment tat-tmiem ta’ dan il-perijodu tranżitorju jistgħu jiġu akkumulati. |
14 |
L-Artikolu 1(69) tal-Liġi Nru 239, li jorganizza mill-ġdid is-settur enerġetiku u jimponi fuq il-gvern sabiex jorganizza mill-ġdid id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-enerġija (legge n. 239, riordino del settore energetico, nonche’ delega al Governo per il riassetto delle disposizioni vigenti in materia di energia), tat-23 ta’ Awwissu 2004 (GURI Nru 215, tat-13 ta’ Settembru 2004, p. 3) jipprovdi: “[…] Il-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) [tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000] għandu jintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007 bil-kundizzjoni li l-entità lokali li tagħti l-konċessjoni jkollha l-fakultà li testendi, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu tal-perijodu tranżitorju b’sena fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku. […] L-Artikolu 15(8) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv [164/2000] huwa mħassar.” |
15 |
Id-Digriet-Liġi Nru 273, dwar id-definizzjoni u l-estenzjoni tal-iskadenzi, kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw minnu (decreto-legge n. 273, definizione e proroga dei termini, nonche’ conseguenti disposizioni urgenti), tat-30 ta’ Diċembru 2005 (GURI Nru 303, tat-30 ta’ Diċembru 2005, p. 8), mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-liġi numru 51, tat-23 ta’ Frar 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 49, tat-28 ta’ Frar 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi 273/2005”) jipprovdi, fl-Artikolu 23(1) tiegħu, li t-tmiem tal-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000, minn naħa, huwa estiż sal-31 ta’ Diċembru 2007 u, min-naħa l-oħra, jiġi estiż ukoll sal-31 ta’ Diċembru 2009 meta għall-anqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(7) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv hija ssodisfatta. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
ASM Brescia hija konċessjonarja tas-servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fit-territorju tal-Comune di Rodengo Saiano, skont ftehim konkluż fis-27 ta’ Frar 1984, fejn l-iskadenza kienet inizjalment ġiet iffissata fil-31 ta’ Diċembru 2014. Sussegwentement, l-iskadenza ta’ din il-konċessjoni tressqet sal-31 ta’ Diċembru 2029. |
17 |
Permezz tad-deliberazzjoni Nru 19 tal-kunsill muniċipali tiegħu, fid-19 ta’ Lulju 2005, il-Comune di Rodengo Saiano iffissa skadenza antiċipata tal-konċessjoni assenjata lil ASM Brescia fil-31 ta’ Diċembru 2005 sabiex ikun jista’ jagħmel seħja għal offerti u jaħtar operatur ġdid għal dan is-servizz. ASM Brescia kienet barra minn hekk irrikonoxxuta d-dritt għal ħlas lura tal-valur residwali tad-deprezzament, stmat, fuq il-bażi ta’ perizja, għal EUR 926000. |
18 |
ASM Brescia ippreżentat rikors kontra din id-deliberazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
19 |
Sussegwentement, id-Digriet-Liġi 273/2005, li jipprovdi, fl-Artikolu 23 tiegħu, id-differiment awtomatiku tat-tmiem tal-perijodu tranżitorju imsemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000 mill-31 ta’ Diċembru 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-differiment awtomatiku ta’ dan il-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009, daħal fis-seħħ. |
20 |
It-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia, filwaqt li jistaqsi dwar il-konformità ta’ dan it-test mad-dritt Komunitarju, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u jistaqsi d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
21 |
ASM Brescia tqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli peress li huma bbażati fuq l-analiżi, mhux preċiża, li tgħid li d-dritt Taljan jorganizza proroga tat-tul tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni ta’ gass ikkonċernati. |
22 |
ASM Brescia tqis li d-dritt nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali ma jipprovdix il-proroga legali ta’ dawn il-konċessjonijiet iżda jimponi bil-kontra l-waqfien antiċipat tagħhom meta huma għal żmien indeterminat jew meta l-iskadenza kuntrattwali tagħhom tiġi wara l-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000. |
23 |
Anigas — Associazione Nazionale Industriali del Gas — ukoll issostni li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq premessa żbaljata safejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprovdix estensioni awtomataika u ġġeneralizzata tal-konċessjonijiet ikkonċernata iżda tillimita ruħha sabiex tiddifferixxi d-data tal-iskadenza antiċipata tagħhom. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Prim’Istanza
24 |
Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-proroga, permezz tal-Artikolu 23 tad-Digriet-Liġi 273/2005, tal-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000. |
25 |
Fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, X, 14/86, Ġabra p. 2545, punt 15). Madankollu, mill-kliem tad-domandi fformulati mill-qorti nazzjonali, u fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija minnha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex tkun tista’ ssolvi l-problema legali li titressaq quddiema (sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). |
26 |
Peress illi d-deċiżjoni ta’ rinviju fiha indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ natura li jirrispondu għal dawn ir-rekwiżiti, il-qorti tar-rinviju indikat li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 49 KE, 86(1) KE, kif ukoll 23(1) tad-Direttiva 2003/55 hija neċessarju għaliha sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-Artikoli 23 tad-Digriet Leġiżlattiv u 15(5) u (7) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000. |
27 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita stabbilita bl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża, u li hija responsabbli sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior, C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605, punt 18). |
28 |
Għandu wkoll jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih tinsab id-domanda preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35). |
29 |
L-argument li d-domandi preliminari huma inammissibbli peress li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Taljan ma jistax jiġi milqugħ. |
30 |
Isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Fuq it-tielet domanda
31 |
Permezz tat-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk l-Artikolu 10 KE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55 kif ukoll ir-raba’, it-tmien, l-għaxar u t-tmintax-il premessa ta’ din id-direttiva jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tapplika b’mod awtomatiku t-tul tal-perijodu tranżitorju li fit-tmiem tiegħu jseħħ il-waqfien antiċipat ta’ konċessjoni ta’ distribuzzjoni tal-gass bħal dik in kwisjtoni fil-kawża prinċipali, assenjata mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
— Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
32 |
ASM Brescia ssostni li la d-Direttiva 98/30, trasposta permezz tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000, u la d-Direttiva 2003/55 ma jipprovdu l-obbligu li jitqassar il-perijodu tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali li kienu ġew assenjati lilhom mingħajr sejgħa għal offerti. Hija tikkunsidra li b’hekk kien b’mod liberu li l-leġiżlatur nazzjonali, minn naħa, iddeċieda li dawn il-konċessjonijiet jieqfu qabel l-iskadenza kuntratwalment prevista, u min-naħa l-oħra, stabbilixxa għal dan il-għan perijodu tranżitorju u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħha. |
33 |
Hija żżid tgħid li l-waqfien antiċipat tal-konċessjonijiet ikkonċernati u l-bidu konsekuttiv ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet ġodda ma jippermettux li jiġi ggarantit livell aktar għoli ta’ kompetizzjoni fid-distribuzzjoni tal-gass naturali peress illi kull distributur ġdid li jidħol fis-suq jista’, skont il-każ, jiffavorixxi l-impriża ta’ bejgħ li magħha jkun marbut. Hija tikkunsidra li din id-diffikultà ma tistax tiġi riżolta ħlief permezz tal-osservazzjoni tal-obbligi ta’ imparzjalità u ta’ newtralità tal-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni previsiti mid-Direttiva 2003/55 u, b’mod partikolari, id-dritt għal aċċess tat-terzi għan-netwerk ta’ distribuzzjoni, kif ukoll is-separazzjonijiet legali, amministrattivi, funzjonali u ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-bejjiegħa tal-gass naturali li jagħmlu parti mill-istess impriża integrata vertikalment. |
34 |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li d-Direttiva 2003/55 ma tipprovdix obbligu ta’ waqfien antiċipat tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali assenjati bi ksur tar-rekwiżiti Komunitarji. |
35 |
Hija żżid tgħid li, anki jekk id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikoli 13(1) u 33(2) tad-Direttiva 2003/55 jawtorizzaw l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali sabiex jeżerċita wkoll l-attività ta’ fornitur ta’ gass sal-1 ta’ Lulju 2007, madankollu dan għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-Direttiva, li jitratta b’imparzjalità l-operaturi differenti fis-suq tal-gass naturali. |
36 |
Anigas issosnti li l-aħħar terminu tal-liberalizzazjoni tas-suq tal-gass naturali, iffissat għall-1 ta’ Lulju 2007 mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55, jimponi sempliċement għall-Istati Membri li x-xerrejja kollha ta’ gass naturali jkunu klijenti eliġibbli u jikkonsidra li din id-direttiva ma timponix it-terminazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali li kienu ġew assenjati mingħajr reklami minn qabel. |
— Ir-risposta tal-Qorti tal-Prim’Istanza
37 |
Jirriżulta kemm mit-termini kemm mill-istruttura tad-Direttiva 2003/55 li din għandha bħala għan li tasal għal suq intern fis-settur tal-gass naturali. Għal dan il-għan, kif jipprovdi l-ewwel frażi tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-fornitura u l-ħażna tal-gass naturali. |
38 |
L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55 jippreċiża l-kalendarju ta’ ftuħ għall-provvista tal-gass naturali u jipprovdi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijenti eliġibbli, jiġifieri dawk li għandhom id-dritt li jużaw il-fornitur tal-għażla tagħhom huma, sa mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha. |
39 |
Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-provvista tal-gass naturali u mhux id-distribuzzjoni tiegħu. B’hekk ma jistax jiġi dedott minnha obbligu fuq l-Istati Membri sabiex itemmu l-kuntratti ta’ distribuzzjoni assenjati fin-nuqqas ta’ kull proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
40 |
Minbarra dan, id-Direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni fuq il-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fis-seħħ. |
41 |
B’hekk it-tielet domanda għandha tiġi risposta li d-Direttiva 2003/55 ma tipprekludix li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi proroga, għall-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, tat-tul tal-perijodu tranżitorju li skont dan fih għandu jseħħ il-waqfien antiċipat ta’ konċessjoni ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10 KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ukoll ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
42 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86(1) KE kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-estenzjoni, fil-kundizzjonijiet li hija tiffissa, tat-tul tal-perijodu tranżitorju li fit-tmiem tiegħu jseħħ il-waqfien antiċipat ta’ konċessjoni ta’ distribuzzjon tal-gass naturali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
— Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
43 |
ASM Brescia tqis li t-terminazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija miżura li tista’ tiġi deċiża, b’mod diskrezzjonarju u awtonomu, mil-leġiżlatur nazzjonali. Hija żżid li din il-miżura tippermetti lir-Repubblika Taljana li tikkonforma b’mod antiċipat mad-Direttiva 2003/55 permezz tal-ħatra ta’ konċessjonarji ġodda mis-servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali. |
44 |
ASM Brescia ssostni li l-iffissar tal-perijodu tranżitorju, li fit-tmiem tiegħu jseħħ il-waqfien antiċipat tal-konċessjonijiet ikkonċernati, huwa ddestinat sabiex jikkonċilja t-twettiq ta’ dan l-għan ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni fis-settur tal-gass naturali mas-salvagwarda neċessarja tal-aspettattivi leġittimi tal-proprjetarji tal-konċessjonijiet fis-seħħ. |
45 |
L-istess kumpannija tfakkar li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-eżerċizzju tas-setgħat li huma jimplementaw sabiex japplikaw id-direttivi Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 1998, Krücken, 316/86, Ġabra p. 2213, punt 22) u li, matul ir-riforma leġiżlattiva ta’ ċerti istituzzjonijiet jew sistemi legali, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi tagħmel neċessarja l-istabbiliment ta’ miżuri tranżitorji jew perijodi tranżitorji ta’ adattament, fin-nuqqas ta’ interessi pubbliċi imperattivi li jipprekludu dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533, punt 44). |
46 |
ASM Brescia tippreċiż li, sad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000, id-dritt Taljan ma jissottomettix l-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali għar-reklamar u minbarra dan jippermetti l-adozzjoni ta’ konċessjonijiet għal perijodu twil ħafna. |
47 |
Hija żżid tgħid li, sa l-intervent tal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju (ĠU 2000, C 121, p. 2) kif ukoll tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Teleaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745), id-dritt Komunitarju ma jinkludix indikazzjonijiet li obbligi ta’ trasparenza u ta’ pubbliċità huma imposti fuq l-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet tas-servizz pubbliku skont id-dritt Komunitarju. |
48 |
ASM Brescia tfakkar, sussegwentement, li d-Digriet-Liġi 273/2005 kull ma għamel kien li ressaq għal sentejn il-perijodu finali tal-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000, mill-31 ta’ Diċembru 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007 u, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-31 ta’ Diċembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009. Hija tikkunsidra li tali relazzjoni hija, minnha nfisha u minħabba l-effetti tagħha, ta’ proroga limitata, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-perijodi kuntrattwali residwali ta’ spiss twal ħafna tal-konċessjonijiet ikkonċernati u ma taffettwax l-ekwilibriju tal-interessi tal-partijiet b’mod sproporzjonali. Hija ssostni li din il-proroga tikkostitwixxi wkoll, f’kull każ, miżura diskrezzjonali. |
49 |
ASM Brescia tfakkar, fl-aħħar nett, li l-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali li l-iskadenza tagħhom hija preċedenti għat-tmiem ta’ dan il-perijdou tranżitorju mhumiex estiżi, ħlief, taħt id-Digriet Leġiżlattiv 164/2000, it-tmiem tal-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ dan id-Digriet setgħa jkun sussegwenti għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-Digriet-Liġi 273/2005 u li l-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar ippermetta li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali billi kkjarifikat is-sistema legali ta’ dan il-perijodu tranżitorju. |
50 |
Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-kawża prinċipali tikkonċerna konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku u li dawn huma suġġetti għar-regoli fundamentali tat-Trattat KE, b’mod partikolari għall-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll għall-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u ta’ trattament ugwali bejn offerenti li jimplikaw, b’mod partikolari, obbligu ta’ trasparenza li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tiżgura li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati (sentenza tas-6 ta’ April 2006, ANAV, C-410/04, Ġabra p. I-3303, punt 21). |
51 |
Hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan l-obbligu ta’ trasparenza jikkonsisti fil-garanzija, għal kull offerenti potenzjali, ta’ grad ta’ reklamar adegwat li jippermetti ftuħ tal-konċessjoni ta’ servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll tal-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri tal-għoti (sentenza ANAV, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
52 |
Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ terminazzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku assenjata mingħajr proċedura ta’ reklamar preliminari wkoll imur kontra l-Artikolu 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza. |
53 |
Hija żżid li l-Artikolu 86(1) KE jipprekludi regoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu ż-żamma fis-seħħ ta’ konċesjonijiet ta’ servizzi pubbliċi assenjati bi ksur tar-rekwiżiti ta’ reklamar imposti mid-dritt Komunitarju. |
54 |
Anigas issostni, min-naħa tagħha, li l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86(1) KE kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza, ma jipprekludux li d-differiment tal-perijodu tranżitorju bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
55 |
Hija ssostni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(7) tad-Digriet Leġiżlattiv 164/2000 li jippermettu li l-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ dan id-digriet jiġi estiż, jidħu fil-miżuri kollha li għandhom bħala għan il-ħolqien ta’ suq kompetittiv tal-gass naturali. |
56 |
Anigas tikkunsidra li l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi timponi f’kull każ li l-waqfien antiċipat tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iseħħ biss fi tmiem perijodu tranżitorju. |
— Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
57 |
Konċessjoni ta’ servizz pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kategoriji differenti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 16). |
58 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-obbligu, meta jkollhom l-intenzjoni li jassenjaw tali konċessjoni, li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, b’mod partikolari (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60; Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 46, kif ukoll ANAV, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18). |
59 |
B’mod aktar partikolari, sa fejn tali konċessjoni tippreżenta interess transkonfinali ċert, l-assenjazzjoni tagħha, fin-nuqqas ta’ kull trasparenza, lil impriża li tinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità kontraenti tikkostitwixxi differenza ta’ trattament għad-dannu tal-impriżi li jistgħu jkunu interessati fiha li jinsabu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-507/03, Ġabra p. I-9777, punt 30). |
60 |
Sakemm ma tkunx iġġustifikata minħabba ċirkustanzi oġġettivi, tali differenza ta’ trattament li, peress li teskludi l-impriżi kollha li jinsabu fi Stat Membru ieħor, taħdem prinċipalment għad-dannu ta’ dawn tal-aħħar, u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba ċittadinanza, li hija pprojbita taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). |
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 86(1) KE jipprekludi li l-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. |
62 |
Madankollu, minn naħa, bl-ebda mod mhuwa eskluż li l-konċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżenta, fir-rigward tal-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-post ta’ eżekuzzjoni u l-interess ekonomiku tagħha, interess trankonfinali ċert (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso, C-147/06 u C-148/06, Ġabra p. I-3565, punt 31). Dan huwa wkoll peress illi l-leġiżlazzjoni nazzonali tista’ tapplika indistintament u għall-konċessjonijiet kollha. |
63 |
Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipal, permezz tad-differiment li hija timplika tal-assenjazzjoni ta’ konċessjoni ġdida permezz ta’ proċedura pubblika, tikkostitwixxi, għall-anqas matul il-perijodu ta’ dan id-differiment, differenza ta’ trattament għad-dannu tal-impriżi li jistgħu jkunu interessati minn tali konċessjoni, li jinsabu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tal-awtorità kontraenti. |
64 |
Din id-differenza ta’ trattament tista’ madankollu tkun iġġustifikata minħabba ċirkustanzi oġġettivi, bħan-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
65 |
Dan il-prinċipju jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkonktor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 30) u hija suġġetta għalih kull awtorità nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika d-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1979, Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri, 230/78, Ġabra p. 2749, punt 31). |
66 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, f’konfigurazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li jittieħdu inkunsiderazzjoni tlett serje ta’ elementi. |
67 |
Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2003/55 ma tipprovdix il-kontestazzjoni tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni tal-gass eżistenti. |
68 |
Fit-tieni lok, jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-konċessjoni assenjata fl-1984 kellha tapplika sal-2029. B’hekk, it-terminazzjoni antiċipata skont id-Digriet-Liġi 273/2005, li kellu bħala effett li l-Comune di Rodengo Saiana kellu jissottometti għal sejħa għal offerti l-assenjazzjoni ta’ konċessjoni ġdida, jista’ jersaq f’dan is-sens għal osservanza ikbar tad-dritt Komunitarju. |
69 |
Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jistgħu jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEME et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-konċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet assenjata fl-1984, filwaqt li matul dan iż-żmien il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha ddeċidiet li rriżulta mid-dritt Komunitarju primarju li l-kuntratti li ppreżentaw interess transkonfinali ċert jistgħu jiġu suġġetti għal obbligi ta’ trasparenza fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza. |
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jistaqsi fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali mhux biss jippermetti iżda jimponi wkoll li t-terminazzjoni ta’ tali konċessjoni jkollha perijodu tranżitorju li jippermetti lill-kontraenti sa biex iħollu r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom f’kundizzjonijiet aċċettabbli kemm mill-aspett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku kif ukoll mill-aspett ekonomiku. |
72 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, b’mod partikolari, il-proroga tat-tul tal-perijodu tranżitorju, applikat minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax jiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
73 |
B’hekk l-ewwel u t-tieni domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86(1) KE ma jipprekludux li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipal, tipprovdi l-proroga, għall-kundizzjonijiet li hija tiffissa, tat-tul tal-perijodu tranżitorju li fih għandu jsir il-waqfien antiċipat ta’ konċessjoni ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tali proroga tista’ tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex tippermetti lill-kontraenti li jħollu r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom f’kundizzjonijiet aċċettabbli kemm mill-aspett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku kif ukoll mill-aspett ekonomiku. |
Fuq l-ispejjeż
74 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.