EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0242

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Settembru 2009.
Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie vs T. Sahin.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Moviment liberu tal-ħaddiema - Introduzzjoni ta’ ħlas sabiex jinkiseb permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti- Ksur tal-klawsola ta’ ‘standstill’ stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.
Kawża C-242/06.

European Court Reports 2009 I-08465

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:554

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-ħaddiema — Introduzzjoni ta’ taxxi sabiex jinkiseb permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti — Ksur tal-klawżola ta’ ‘standstill’ stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”

Fil-Kawża C-242/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie

vs

T. Sahin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

Komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits u J.-J. Kasel (relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Sahin, minn D. Schaap, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr kif ukoll minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Ward, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Boelaert u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2

Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Sahin u l-Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie (Ministru tal-Immigrazzjoni u tal-Integrazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Minister”) fir-rigward tal-obbligu taċ-ċittadini Torok li jħallsu taxxi sabiex l-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza jew għal estensjoni tal-validità tiegħu tiġi eżaminata.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

— Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 13 tal-imsemmi Ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 14 tal-istess Ftehim), bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u tiġi ffaċilitata sussegwentment l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ dan il-Ftehim).

4

Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorjali li matulha jiġu żgurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (l-Artikolu 4 tal-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (l-Artikolu 5 tal-istess Ftehim).

5

L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li ġej:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll provviżorju, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikoli 12 sa 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinsabu wkoll fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”.

8

L-Artikolu 12 jipprovdi li:

“Il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex jinkiseb gradwalment bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 13 jiddisponi li:

“Il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] u l-Artikolu [48 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 14 jistipula li:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [45 KE], [46 KE] u [48 KE] sa [54 KE] sabiex jeliminaw bejniethom ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Skont l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet. Kull waħda miż-żewġ partijiet hija marbuta tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

— Il-Protokoll Addizzjonali

12

Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim.

13

Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, bit-titolu “Moviment ta’ persuni u servizzi” u l-Kapitolu I ta’ dan it-titolu jkopri “Il-Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II jirrigwarda “Id-dritt ta’ l-istabb[i]liment, tas-servizzi u tat-trasport”.

14

L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jifforma parti mill-Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jinkiseb gradwalment b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi l-modalitajiet neċessarji għal dan il-għan.

15

L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu II, jipprovdi s-segwenti:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi [il-libertà li jiġu pprovduti servizzi]”.

16

L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità.”

— Id-Deċiżjoni Nru 1/80

17

Fid-19 ta’ Settembru 1980, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kompost, minn naħa, minn membri tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork, adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80.

18

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, bit-titolu “Dispożizzjonijiet soċjali”, bis-sezzjoni I li tittratta l-“Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li tinsab fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi li:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20

Skont l-Artikolu 30 tagħha, id-Deċiżjoni Nru 1/80 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1980. Madankollu, skont l-Artikolu 16 ta’ din id-deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli mill-1 ta’ Diċembru 1980.

Id-Direttiva 68/360/KEE

21

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kien jipprovdi li:

“Id-dokumenti ta’ residenza mogħtija lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE […] għandhom jinħarġu u jkunu mġedda mingħajr ħlas jew fuq ħlas ta’ ammont li ma jaqbiżx id-drittijiet u taxxi mitluba għall-ħruġ ta’ karti ta’ l-identità lil ċittadini”.

22

Id-Direttiva 68/360 ġiet imħassra, b’effett mit-30 ta’ April 2006, bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, ĠU 2005, L 197, p. 34, u ĠU 2007, L 204, p. 28).

Id-Direttiva 2004/38

23

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri jistgħu, għal perijodi ta’ residenza itwal minn tliet xhur, jitolbu r-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mal-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ residenza, din il-proċedura hija miksuba permezz ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ għal dak il-għan. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-obbligu tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu titolari ta’ karta ta’ residenza meta l-perijodu ta’ residenza previst huwa itwal minn tliet xhur. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji. Skont l-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva, il-karta ta’ residenza għandha tkun valida għal ħames snin mid-data tal-ħruġ jew tkun valida għal perijodu ta’ residenza previst miċ-ċittadin ta l-Unjoni, jekk dan il-perijodu hu inqas minn ħames snin.

24

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar id-dokument ta’ residenza” jipprovdi s-segwenti:

“1.   Il-pussess ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kif imfisser fl-Artikolu 8, ta’ dokument li jiċċertifika residenza permanenti, ta’ ċertifikat li juri l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza għall-membru tal-familja, ta’ karta ta’ residenza jew ta’ karta ta’ residenza permanenti, ma jista’ taħt l-ebda ċirkostanzi jkun ikkondizzjonat minn qabel għall-eżerċizzju ta’ dritt jew għat-tlestija ta’ formalità amministrattiva, peress li l-jedd għad-drittijiet jista’ jiġi vverifikat minn mezzi oħra ta’ evidenza.

2.   Id-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinħarġu b’xejn jew kontra piż [bi ħlas] li ma jaqbiżx dak impost fuq ċittadini [nazzjonali] għall-ħruġ ta’ dokumenti simili.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

25

Skont l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, fl-1 ta’ Diċembru 1980, data li fiha d-dispożizzjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 1/80 — li fosthom huwa inkluż l-Artikolu 13 ta’ din tal-aħħar — daħlu fis-seħħ fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan l-Istat Membru ma kienx jitlob it-taxxi meta ssir applikazzjoni għal permess ta’ residenza u huwa lanqas kien jitlob tali taxxi f’każ ta’ applikazzjoni għal estensjoni tal-validità ta’ tali permess.

26

Huwa biss mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ April 2001, tal-Liġi li għamlet reviżjoni ġenerali tal-Liġi fuq il-Barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), tad-Digriet fuq il-Barranin tas-sena 2000 (Vreemdelingenbesluit 2000, Stb. 2000, Nru 497) kif ukoll tar-Regolament fuq il-Barranin (Voorschrift Vreemdelingen), li l-barranin għandhom iħallsu t-taxxi għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza.

27

Barra minn hekk, skont emenda tar-Regolament fuq il-Barranin, applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2002, il-ġbir ta’ tali taxxi kien ukoll previst fil-każ ta’ applikazzjoni għal estensjoni tal-validità tal-permess ta’ residenza. F’dan il-każ, l-ammont tat-taxxi miġbura żdied.

28

Skont l-Artikolu 24(2) tal-Vw 2000, il-konsegwenza għal nuqqas ta’ pagament fit-terminu stabbilit tat-taxxi relatati mal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza hija li l-applikazzjoni tista’ ma tiġix eżaminata mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, it-taxxi mħallsa ma jiġix rimborsat fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li T. Sahin huwa ċittadin Tork li kiseb, fit-13 ta’ Lulju 2000, awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza li bis-saħħa tagħha huwa daħal fit-territorju Olandiż fit-12 ta’ Settembru ta’ wara.

30

Fit-2 ta’ Ottubru 2000, filwaqt li kien jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza sabiex ikun jista’ jgħix ma’ martu ta’ ċittadinanza Olandiza.

31

Fl-14 ta’ Diċembru 2000, il-Minister tah dan il-permess ta’ residenza li kien validu sat-2 ta’ Ottubru 2001. Din l-awtorizzazzjoni ma kienet tinkludi l-ebda restrizzjoni rigward l-eżerċizzju ta’ attività professjonali

32

B’applikazzjoni ta’ T. Sahin, fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Minister estenda l-validità ta’ dan il-permess ta’ residenza sat-2 ta’ Ottubru 2002.

33

Madankollu kien biss fl-10 ta’ Frar 2003 li T. Sahin talab estensjoni ġdida tal-validità ta’ dan il-permess.

34

Fit-23 ta’ April 2003, il-Minister, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, irrifjuta li jeżamina din l-applikazzjoni tal-aħħar, għar-raġuni li T. Sahin ma kienx ħallas it-taxxi relatati magħha, li kienu jammontaw għal EUR 169.

35

Madankollu wara li ħallas l-imsemmi ammont, iżda wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan, T. Sahin, fis-26 ta’ Mejju 2003, ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal-Minister tat-23 ta’ April 2003, ilment li dan tal-aħħar ċaħad bħala infondat fl-20 ta’ April 2004.

36

Fis-16 ta’ Mejju 2004, T. Sahin ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2004, billi annullat id-deċiżjoni tal-Minister tal-20 ta’ April 2004 u billi ordnat lil din tal-aħħar sabiex jadotta deċiżjoni ġdida.

37

Fis-17 ta’ Settembru 2004, il-Minister ċaħad għal darb’oħra l-ilment ta’ T. Sahin bħala infondat.

38

Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Mejju 2005, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage laqgħet ir-rikors ta’ T. Sahin ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2004 kontra din it-tieni deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Minister, billi qieset li l-obbligu impost fuq ir-rikorrent li jħallas taxxi meta ssir applikazzjoni għal estensjoni tal-validità tal-permess ta’ residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi kien kuntrarju għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

39

Insostenn tal-appell ippreżenta kontra din is-sentenza quddiem ir-Raad van State, il-Minister isostni li l-qorti tal-ewwel istanza żbaljat meta qieset li s-sitwazzjoni ta’ T. Sahin taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 13.

40

Skont ir-Raad van State, T. Sahin ma għamilx fi żmien raġonevoli it-taxxi dovuti, b’tali mod li, skont id-dritt nazzjonali, il-Minister kien obbligat li ma jeżaminax l-applikazzjoni ta’ T. Sahin.

41

Huwa paċifiku li, mill-14 ta’ Diċembru 2000 sat-2 ta’ Ottubru 2002, T. Sahin kien jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li, matul dan il-perijodu kollu, huwa kien fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu. Matul dan l-istess perijodu, huwa seta’ wkoll jeżerċita attività professjonali fit-territorju Olandiż. Minn Mejju 2000, T. Sahin kien jokkupa diversi impjiegi li l-ebda wieħed minnhom madankollu ma kien jeċċedi l-perijodu ta’ sena mingħajr interruzzjoni fis-servizz tal-istess prinċipal, b’tali mod li huwa ma jistax jinvoka d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

42

Għaldaqstant tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni oħra tal-leġiżlazzjoni stabbilita fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija tipprekludiex l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża li tirrigwarda l-obbligu li jitħallsu taxxi sabiex jinkiseb titolu ta’ residenza u għar-rifjut mill-Minister li jeżamina l-applikazzjoni ppreżentata għal dan il-għan fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ tali taxxi.

43

Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan il-kuntest li kien biss fl-10 ta’ Frar 2003, jiġifieri wara l-iskadenza tal-validità tal-permess ta’ residenza tiegħu, li T. Sahin ippreżenta applikazzjoni għal estensjoni tiegħu, b’tali mod li, skont id-dritt nazzjonali, huwa ma kienx għadu f’sitwazzjoni ta’ residenza legali matul il-perijodu bejn it-2 ta’ Ottubru 2002 sal-10 ta’ Frar 2003 u li ma kellux iktar id-dritt li jeżerċita attività bi ħlas fit-territorju Olandiż sakemm din l-applikazzjoni tibqa’ pendenti. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti, l-impjiegi li T. Sahin okkupa matul dan il-perijodu ta’ żmien kienu illegali mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali Olandiż.

44

Min-naħa l-oħra, minn wara li T. Sahin ippreżenta l-applikazzjoni għal estensjoni tal-validità tal-permess ta’ residenza tiegħu, jiġifieri mill-10 ta’ Frar 2003, ir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi kellha, skont il-liġi Olandiża, titqies mill-ġdid bħala legali. Barra minn hekk, peress li din l-applikazzjoni tardativa kienet ippreżentata fit-terminu raġonevoli ta’ sitt xhur mill-iskadenza tar-residenza legali, hija għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali mitluba għall-estensjoni tar-residenza u mhux fid-dawl ta’ dawk stabbiliti għall-finijiet tal-ewwel dħul fit-territorju Olandiż.

45

F’din il-kawża, għandu b’mod iktar partikolari jiġi stabbilit jekk ċittadin Tork li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punti 29 sa 44 ta’ din is-sentenza jistax, b’mod raġonevoli, jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, jekk ma jkunx hemm dubju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala “ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, peress li hija għandha l-konsegwenza li tiggrava s-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mir-regoli li kienu japplikaw għalihom fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi Artikolu 13 fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jeħtieġ madankollu jiġi stabbilit jekk l-obbligi li timponi fuq dan l-Istat jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet” fis-sens tal-istess artikolu, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ taxxi mħallsa għall-imsemmija applikazzjoni jeċċedi b’ħafna dak impost fuq iċ-ċittadini Komunitarji u fuq il-membri tal-familja tagħhom.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Fid-dawl tal-punti 81 u 84 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C-317/01 u C-369/01, Ġabra p. I-12301), l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat […] fis-sens li barrani, ċittadin Tork, li osserva r-regoli applikabbli fil-qasam tal-ewwel dħul u ta’ residenza fit-territorju li, mill-14 ta’ Diċembru 2000 sat-2 ta’ Ottubru 2002, eżerċita legalment attività professjonali b’kuntratt ta’ xogħol ma’ diversi prinċipali, iżda ma talabx fit-termini previsti għal estensjoni tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza tiegħu, b’tali mod li fl-iskadenza ta’ dan il-permess u fil-mument tal-applikazzjoni għal estensjoni tiegħu, huma ma kienx għadu, skont id-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni ta’ residenza legali u li huwa lanqas kien awtorizzat li jeżerċita attività bi ħlas fil-pajjiż, jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni?

b)

Ir-risposta għall-ewwel domanda 1a) tkun differenti jekk l-applikazzjoni ppreżentata minn barrani wara l-iskadenza tat-termini, iżda riċevuti fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess ta’ residenza, minkejja li hija titqies, skont id-dritt nazzjonali, bħala applikazzjoni ta’ ħruġ tal-ewwel permess ta’ residenza, tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijet imposti għall-awtorizzazzjoni ta’ kontiwazzjoni ta’ residenza u li l-barrani jista’ jistenna fit-territorju tal-pajjiż li tittieħed id-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tiegħu?

2)

a)

It-terminu ‘restrizzjoni’ tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan it-terminu jkopri l-obbligu li jitħallsu taxxi fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal estensjoni tal-perijodu ta’ validità ta’ permess ta’ residenza, impost fuq ċittadin Tork, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li fin-nuqqas ta’ tali ħlas, l-applikazzjoni tiegħu ma tiġix eżaminata, skont l-Artikolu 24(2) tal-Vw 2000?

b)

Ir-risposta għat-tieni domanda 2a) tkun differenti jekk l-ammont ta’ taxxi ma jaqbiżx l-ispiża tal-eżami tal-applikazzjoni?

3)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex jimplementa l-Protokoll Addizzjonali għall-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni], moqri flimkiem mal-Artikolu 59 ta’ dan il-Protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ taxxi (li fi żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża kien ta’ EUR 169) impost fuq iċ-ċittadini Torok li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew tal-estensjoni tiegħu, li ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ taxxi (EUR 30) li jista’ jintalab lura miċ-ċittadini Komunitarji fil-kuntest tal-eżami għal talba ta’ kontroll fid-dawl tad-dritt Komunitarju u tal-ħruġ tad-dokumenti ta’ residenza relatati miegħu (ara l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [68/360], kif ukoll tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [2004/38])?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

47

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, minn naħa, jekk ċittadin Tork bħal T. Sahin huwiex persuna li tinsab fi Stat Membri ospitanti f’sitwazzjoni legali b’tali mod li taqa’ taħt il-kamp tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-imsemmi artikolu tipprekludiex leġiżlazzjoni f’dan l-Istat Membru li tipprovdi li ċittadin Tork għandu l-obbligu li jħallas taxxi għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal kisba ta’ permess ta’ residenza jew għal estensjoni tal-validità tiegħu, b’mod partikolari meta dawn it-taxxi huma partikolarment ogħla minn dawk mitluba minn ċittadini Komunitarji li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

48

Bil-għan li tingħata risposta utli lill-imsemmija qorti li tippermittilha li taqta’ l-kawża quddiemha, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ aspetti.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80

49

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ċittadin Tork bħal T. Sahin jissodisfax ir-rekwiżit ta’ legalità fir-rigward ta’ residenza u ta’ impjieg stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija kkonstatat effettivament li l-persuna kkonċernata kienet osservat, minn naħa, mhux biss ir-regoli rilevanti li jirrigwardaw l-ewwel dħul fit-territorju Olandiż, iżda wkoll dawk li jirrigwardaw ir-residenza sat-2 ta’ Ottubru 2002, u, min-naħa l-oħra, li dan iċ-ċittadin Tork kien ġie impjegat hemmhekk b’mod legali mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali sa din l-istess data. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk, sussegwentement, T. Sahin jistax xorta waħda jibbaża ruħu b’mod validu fuq l-imsemmi Artikolu 13 peress li, skont id-dritt nazzjonali, il-fatt li l-permess ta’ residenza tiegħu skada u li huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal estensjoni tal-permess wara l-iskadenzi tat-termini stabbiliti tat-talba tiegħu għal estensjoni tal-permess tiegħu minħabba pagament tardiv tat-taxxi dovuti f’dan ir-rigward ikkawżaw in-nonkonformità tas-sitwazzjoni tiegħu mar-regoli nazzjonali għal dawk li jikkonċerna kemm ir-residenza kif ukoll l-impjieg, u li, barra minn hekk, huwa lanqas kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika minn drittijiet konkreti fil-qasam ta’ impjieg u ta’ residenza fl-Istat Membri ospitanti abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni.

50

F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jitfakkar li, fil-punti 75 sa 84 tas-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin Tork ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni u li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex limitata għall-migranti Torok li jeżerċitaw attività bi ħlas.

51

Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirreferu għal ipoteżi differenti, peress li l-Artikolu 6 jirregola l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ impjieg li jippermetti l-integrazzjoni progressiva tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-Artikolu 13 jikkonċerna miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess għall-impjieg, filwaqt li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lill-membri tal-familja li d-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ma jiddependix mill-eżerċizzju ta’ impjieg. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fl-istess sentenza Abatay et, li l-imsemmi Artikolu 13 mhuwiex intiż li jipproteġi ċ-ċittadini Torok diġà integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, iżda huwa intiż li japplika speċifikament għaċ-ċittadini Torok li għadhom ma jibbenefikawx minn drittijiet fil-qasam ta’ impjieg u, korrelattivament, ta’ residenza, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li T. Sahin ma jissodisfax ir-rekwiżiti biex ikun intitolat għal drittijiet konkreti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar mhuwiex tali li ċċaħdu mill-possibbiltà li jinvoka utilment l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

53

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “sitwazzjoni legali” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, skont il-ġurisprudenza dan ifisser li ħaddiem Tork jew il-membru tal-familja tiegħu jridu jkunu osservaw ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti fil-qasam tad-dħul, ta’ residenza u, skont il-każ, ta’ impjieg, b’tali mod li huwa jinsab legalment fit-territorju tal-imsemmi Stat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ukoll dan l-artikolu ma jistax japplika għal ċittadin Tork li jkun f’sitwazzjoni illegali (sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

54

F’dan ir-rigward mill-proċess jirriżulta li T. Sahin kien legalment ammess li jidħol u li jirrisjedi fit-territorju Olandiż u li, barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tawh id-dritt inkundizzjonali li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti attività professjonali tal-għażla tiegħu, dritt li huwa barra minn hekk effettivament eżerċitata.

55

Għalhekk huwa paċifiku li T. Sahin osserva r-regoli nazzjonali rilevanti kollha fil-qasam tal-kontroll tal-barranin kif ukoll tal-impjieg, mid-dħul legali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-12 ta’ Settembru 2000 sat-2 ta’ Ottubru 2002, id-data li fiha skada l-perijodu ta’ validità ta’ permess ta’ residenza tiegħu. B’mod partikolari, huwa kien jinsab f’sitwazzjoni legali f’dan l-Istat Membru sad-data li fiha daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida li timponi l-ġbir ta’ taxxi għall-kisba jew għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza u li, skont il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-uniku suġġett tal-kawża prinċipali.

56

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa biss mit-3 ta’ Ottubru 2002 li s-sitwazzjoni ta’ T. Sahin, f’dak li jirrigwarda r-residenza u l-impjieg, saret temporanjament mhux konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm, inqas minn sitt xhur wara d-data ta’ skadenza tal-validità tal-permess ta’ residenza tiegħu, il-persuna kkonċernaa ma kinitx applikat, kif meħtieġ u billi osservat l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi previsti għal dan il-għan, għall-estensjoni tal-imsemmi permess.

57

Fil-fatt, kif ukoll speċifikat il-qorti tar-rinviju, mid-data ta’ din l-applikazzjoni, ir-residenza ta’ T. Sahin fil-Pajjiżi l-Baxxi kellha, skont id-dritt nazzjonali, titqies mill-ġdid bħala legali. Barra minn hekk, skont l-istess dritt, din l-applikazzjoni għal tiġdid tardiv kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali meħtieġa għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza u mhux ta’ dawk li jirregolaw il-ħruġ ta’ dan il-permess.

58

Għandu jingħad li mhux ikkontestat li T. Sahin kien jikseb l-estensjoni tat-titolu ta’ residenza tiegħu li kieku ħallas fi żmien raġonevoli it-taxxi relatati mal-applikazzjoni tiegħu. Il-fajl ma fih ebda element ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom l-intenzjoni li jtemmu r-residenza ta’ T. Sahin jew li jedduh bl-espulsjoni.

59

F’kull każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali għandu biss valur dikjaratorju u probatorju u li, għalkemm l-Istati Membri ċertament għandhom il-fakultà li jeżiġu li l-barranin preżenti fit-territorju tagħhom ikollhom titolu ta’ residenza validu u li jippreżentaw fi żmien raġonevoli applikazzjoni għall-estensjoni tiegħu u li huma jibqgħu, bħala prinċipju, kompetenti li jissanzjonaw il-ksur ta’ tali obbligi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Istati ma jistgħux jadottaw f’dan ir-rigward miżuri sproporzjonati rigward sitwazzjonijiet nazzjonali simili (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punti 52, 55, 56, 61 u 62).

60

Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi partikolari kollha li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, jekk is-sitwazzjoni ta’ T. Sahin fl-Istat Membru ospitanti għandhiex titqies bħala waħda li ma għadhiex iktar legali, f’dak li jirrigwarda r-residenza u l-impjieg, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

61

Fil-każ fejn l-imsemmija kundizzjoni ta’ legalità tiġi sodisfatta f’din il-kawża, għandha tingħata deċiżjoni fuq it-tieni domanda li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, stabbilita fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, dwar it-tifsira eżatta tal-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

Fuq il-portata tal-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jiġi invokat validament quddiem il-qrati tal-Istati Membri miċ-ċittadini Torok li japplika għalihom sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra tiegħu (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C-192/89, Ġabra p. I-3461, punt 26, kif ukoll Abatay et, iċċitata iktar’il fuq, punti 58, 59 u 117, l-ewwel inċiż).

63

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-imsemmi Artikolu 13 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura nazzjonali ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 117, it-tieni inċiż, kif ukoll b’anoloġija, f’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ “standstill” fil-qasam ta’ dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C-228/06, Ġabra p. I-1031, punt 47).

64

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod iktar partikolari li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi l-adozzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti tal-att legali li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-liberità li jiġu pprovduti servizzi, inkluż dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mill-imsemmija libertajiet ekonomiċi (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C-16/05, Ġabra p. I-7415, punt 69, kif ukoll Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 49).

65

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija tal-istess natura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li dawn iż-żewġ klawżoli għandhom għan identiku (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C-37/98, Ġabra p. I-2927, punt 50, kif ukoll Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 sa 74), l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ statu quo li jikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmi Artikolu 13 fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

66

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li hija ġiet adottata wara dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar.

67

Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll f’dan ir-rigward li l-adozzjoni ta’ regoli ġodda li japplikaw bl-istess mod fir-rigward taċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini Komunitarji mhuwiex inkontradizzjoni ma’ waħda mill-klawżoli ta’ “standstill” stabbiliti fl-oqsma koperti mill-Assoċjazzjoni KEE-Turkija (ara b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, sentenza Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fl-istess punt tal-imsemmija sentenza, li jekk dawn ir-regoli japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati Membri mingħajr ma jiġu applikati għaċ-ċittadini Torok, dawn tal-aħħar qegħdin f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik taċ-ċittadini Komunitarji, li dan huwa manifestament kuntrarju għar-rekwiżit tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jgħid li r-Repubblika tat-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri japplikaw bejniethom skont it-Trattat KE.

68

Issa, fil-kawża prinċipali, mill-proċess jirriżulta li, minn naħa, fil-Pajjiżi l-Baxxi l-ħruġ tad-dokumenti li jiċċertifikaw l-identità taċ-ċittadini nazzjonali huwa suġġett għal ħlas ta’ taxxa ta’ ċertu ammont. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2004/38, id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, fosthom dawk li jirrigwardaw iċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu jew jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak li fih għandhom iċ-ċittadinanza kif ukoll id-dokumenti ta’ residenza relatati mal-membri tal-familja tagħhom, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom, li qed jakkumpanjawhom jew li se jingħaqdu magħhom, għandhom jinħarġu bi ħlas ta’ taxxa li ma tkunx iktar minn dik imposta fuq ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għall-ħruġ ta’ dokumenti simili.

69

Minn dan isegwi li l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom ma jistgħux b’mod validu jibbażaw ruħhom fuq waħda mir-regoli ta’ statu quo stabbiliti fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, bħall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sabiex jeżiġu li l-Istat Membru ospitanti jeżenthom mill-pagament ta’ kwalunkwe taxxa qabel l-eżami ta’ applikazzjoni għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew l-estensjoni tal-validità tiegħu, anki meta, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, dan l-Istat Membru ma ssuġġettahomx għal ebda obbligu tali. Fil-fatt, interpretazzjoni differenti ma tkunx konformi mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jipprojbixxi lill-Istati Membri li jagħtu liċ-ċittadini Torok trattament iktar favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini Komunitarji li qegħdin f’sitwazzjoni komparabbli.

70

Għaldaqstant, il-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tipprekludix, bħala tali, l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip li tagħmel il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew l-estensjoni tal-validità tiegħu jiddependi fuq il-ħlas tat-taxxi imposti fuq barranin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

71

Xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali leġiżlazzjoni ma għandiex tirriżulta fil-ħolqien ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, moqri flimkien mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, dan l-Artikolu 13 jimplika li ċittadin Tork li japplikaw għalih dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm ċertament ma għandux jitqiegħed f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik taċ-ċittadini Komunitarji, min-naħa l-oħra ma jistgħux jiġu imposti fuqu obbligi ġodda sproprozjonati meta mqabbla ma’ dawk previsti għal dawn tal-aħħar.

72

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadini Torok kienu obbligati, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, jħallsu somma għall-ammont ta’ EUR 169 għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew l-estensjoni tal-validità tiegħu, filwaqt li l-ammont li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, seta’ jintalab miċ-ċittadini Komunitarji sabiex tiġi eżaminata talba simili kien ta’ EUR 30 biss. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-perijodu ta’ validità tat-titolu inkwistjoni huwa f’ċerti każi iktar qasir meta huma jinħarġu għal ċittadini Torok, b’tali mod li dawn tal-aħħar huma mġiegħla li jitolbu t-tiġdid ta’ dawn it-titoli iktar frekwentement miċ-ċittadini Komunitarji u li, għaldaqstant, l-impatt finanzjarja huwa sinjifikattiv għall-imsemmija ċittadini Torok, u iktar u iktar meta, f’każ ta’ ċaħda tat-talba, is-somma mħallsa mhijiex rimborsata.

73

F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż ma invoka, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu rreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fir-risposta għad-domandi magħmula lilu waqt is-seduta, l-ebda argument rilevanti li jiġġustifika differenza daqshekk sinjifikattiva tal-ammont tat-taxxi imposti fuq iċ-ċittadini Tork meta mqabbla ma’ dawk previsti għaċ-ċittadini Komunitarji. Għandu jingħad li f’dan il-kuntest ma tistax tintlaqa’ t-teżi tal-Gvern Olandiż, li tipprovdi li r-riċerki u l-kontroll preliminari għall-ħruġ ta’ titolu ta’ residenza għal ċittadin Tork huma iktar ikkumplikati u iktar onerużi minn dawk neċessarji għal ċittadin Komunitarju, peress li, skont l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża, il-ħlas tat-taxxa jikkostitwixxi tranżazzjoni preliminari għall-eżami stess tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal estensjoni tal-validità tiegħu u li, barra minn hekk, xejn ma jipprekludi lill-Istat Membru milli jeżiġi li l-applikant innifsu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti fajl li jinkludi d-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu.

74

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni projbita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sa fejn, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew għall-estensjoni tal-validità tiegħu, hija timponi l-ħlas, li għandu jiġi sostnut miċ-ċittadini Torok li japplika għalihom l-imsemmi Artikolu 13, ta’ taxxi ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub f’ċirkustanzi simili miċ-ċittadini Komunitarji.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew l-estensjoni tal-validità tiegħu għal ħlas ta’ taxxi, meta l-ammont ta’ dawn it-taxxi mħallas miċ-ċittadini Torok huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini Komunitarji.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew l-estensjoni tal-validità tiegħu għal ħlas ta’ taxxi, meta l-ammont ta’ dawn it-taxxi mħallas miċ-ċittadini Torok huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini Komunitarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top