EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0533

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 31 ta' Jannar 2008.
O2 Holdings Limited u O2 (UK) Limited vs Hutchison 3G UK Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 5(1) - Dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark - Użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark f’reklamar komparattiv - Limitazzjoni ta’ l-effetti tat-trade mark - Reklamar komparattiv - Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE - Artikolu 3a(1) - Kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv - Użu tat-trade mark ta’ kompetitur jew ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark.
Kawża C-533/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:63

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008 ( 1 )

Kawża C-533/06

O2 Holdings Limited u O2 (UK) Limited

vs

Hutchison 3G UK Limited

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 5(1) — Dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark — Użu ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark f’reklamar komparattiv — Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark — Reklamar komparattiv — Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE — Artikolu 3a(1) — Kundizzjonijiet għal-legalità tar-reklamar komparattiv — Użu tat-trade mark ta’ kompetitur jew ta’ sinjal li jixbah lil din it-trade mark”

1. 

B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Court of Appeal (England & Wales) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ), u fid-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi ( 3 ), kif emendata mid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997 ( 4 ).

2. 

Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ kawża bejn impriżi li joperaw fil-qasam tat-telefonija mobbli, O2 Holdings Limited u O2 (UK) Limited (iktar ’il quddiem, flimkien: “O2”), minn naħa, u Hutchison 3G Limited (iktar ’il quddiem: “H3G”), min-naħa l-oħra, dwar kampanja ta’ reklamar televiżiva magħmula minn din tal-aħħar fir-Renju Unit sabiex tippromwovi s-servizzi ta’ telefonija mobbli tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklużivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbah it-trade mark u l-identità jew xebh tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

(a)

li jitwaħħal is-simbolu mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

(ċ)

jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

(d)

jużaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

4.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jipprovdi:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ;

(a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu [tagħha];

(b)

indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

(ċ)

it-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm [t]użahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”.

5.

Id-Direttiva 97/55 daħħlet fid-Direttiva 84/450, li fil-bidu kienet tirrigwarda biss ir-reklamar qarrieqi, numru ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv.

6.

L-Artikolu 2(2)a tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55 (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva 84/450”) ( 5 ), jiddefinixxi r-“reklamar komparattiv”, għall-finijiet ta’ din l-istess direttiva, bħala “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.

7.

L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jipprovdi:

“Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma jkunx qarrieqi skond l-Artikoli 2(2), 3 u 7 (1);

b)

jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop;

ċ)

jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew iktar ta’ dawk l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

d)

ma joħloqx konfużjoni fil-post tas-suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet tad-ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta' kompetitur;

e)

ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it-trade marks, ismijiet ta’ ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta’ kompetitur;

f)

għall-prodotti b’deskrizzjoni ta’ oriġini, jirrelata f’kull każ ma’ prodotti bl-istess deskrizzjoni;

ġ)

ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;

h)

ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protett.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.

Għall-għanjiet ta’ promozzjoni, b’mod partikolari, tas-servizzi ta’ telefonija mobbli tagħha, O2 tuża stampi ta’ bżieżaq ta’ tipi diversi. Fost oħrajn, O2 hija proprjetarja ta’ trade marks magħmula billi jingħaqdu l-ittra O u numru 2 (iktar ’il quddiem: it-“trade marks O2”) kif ukoll taż-żewġ trade marks figurattivi li t-tnejn jirrappreżentaw stampa statika ta’ bżieżaq, irreġistrati fir-Renju Unit għal tagħmir u servizzi ta’ telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem: it-“trade marks bil-bżieżaq”). Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li saret il-prova li l-konsumaturi jassoċjaw esklużivament ma’ O2 l-istampi ta’ bżieżaq fl-ilma (b’mod partikolari fuq skont blu fi gradi differenti) użati f’kuntest ta’ telefonija mobbli.

9.

H3G ilha toffri servizzi ta’ telefonija mobbli fir-Renju Unit, bis-sinjal “3”, minn Marzu 2003 biss, mentri erba’ operaturi oħra, fosthom O2, kienu stabbiliti sew fis-suq. F’Marzu 2004 H3G nediet servizz imħallas minn qabel imsejjaħ “Threepay” u, fl-istess sena, kampanja ta’ reklamar komparattiv, li fil-kuntest tiegħu kienu mxandra reklami fuq it-televiżjoni li għamlu tqabbil fil-prezz mas-servizzi tal-operaturi kompetituri.

10.

O2 fetħet kawża quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, għal użu kontravvenjenti tat-trade marks O2 u t-trade marks bil-bżieżaq kontra H3G, b’riferiment għar-reklamar televiżiv mxandar minn din tal-aħħar fejn ġie użat it-terminu “O2” u stampi ta’ bżieżaq jiċċaqalqu, barra l-istampa stilizzata u tiċċaqlaq tan-numru 3, u li minnu rriżulta, fis-sustanza, li s-servizz “Threepay” kien orħos mis-servizz analogu offert minn O2 (iktar ’il quddiem: ir-“reklamar ikkontestat”).

11.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża O2 waqqfet milli ssostni l-kontravvenzjoni tat-trade marks O2 ( 6 ) u aċċettat li t-tqabbil dwar il-prezzijiet kien veru u li, ikkunsidrat kollu fl-intier tiegħu, ir-reklamar ikkontestat ma kienx qarrieqi mill-ebda lat u, b’mod partikolari, ma kien jissuġġerixxi ebda tip ta’ konnessjoni, mil-lat kummerċjali, bejn O2 u 3. Il-pubbliku ordinarju jikkunsidra l-użu tas-sinjal O2 u tal-bżieżaq bħala riferement għal O2 u l-istampa tagħha u jifhem li dan huwa reklamar ta’ kompetitur, 3, li jiddikjara li l-prezz tas-servizz tiegħu huwa orħos ( 7 ).

12.

Il-kawża għal kontravvenzjoni, li issa saret biss kontra l-użu tal-istampi ta’ bżieżaq fir-reklamar ikkontestat, ġiet miċħuda b’sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006. Essenzjalment, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ddeċidiet li l-użu msemmi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, iżda li r-reklamar kien konformi mal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450, b’tali mod li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tapplika l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 89/104.

13.

O2 ippreżentat appell mill-imsemmija sentenza quddiem il-Court of Appeal, fejn ikkontestat l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni. H3G min-naħa tagħha ikkontestat is-sentenza fil-parti fejn ġie ddikjarat li r-reklamar ikkontestat kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 89/104, u talbet fi kwalunkwe każ li jiġi miċħud l-appell ta’ O2.

14.

Sabiex taqta’ l-kontroversja, il-Court of Appeal, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2006, iddeċidiet li huwa meħtieġ li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta kummerċjant, f’reklam dwar il-prodotti jew servizzi tiegħu, juża trade mark reġistrata ta’ kompetitur sabiex iqabbel il-karatteristiċi (u, b’mod partikolari, il-prezz) ta’ prodotti jew servizzi kkumerċjalizzati minnu mal-karatteristiċi (u, b’mod partikolari, mal-prezz) tal-prodotti jew servizzi kkumerċjalizzati mill-kompetitur taħt din it-trade mark, b’tali mod li ma joħloqx konfużjoni jew b’mod ieħor jagħmel ħsara lill-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, dan l-użu jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104?

2)

Meta kummerċjant juża, f’reklamar komparattiv, it-trade mark reġistrata ta’ kompetitur, dan l-użu, sabiex ikun konformi mal-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, kif emendata, irid ikun “indispensabbli” u, jekk dan hu l-każ, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-indispensabbiltà?

3)

B’mod partikolari, jekk hemm kundizzjoni ta’ indispensabbiltà, din il-kundizzjoni tipprekludi kwalunkwe użu ta’ sinjal li mhuwiex identiku għat-trade mark irreġistrata iżda li jixbaha ħafna?”

Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja O2, H3G u l-Kummissjoni ppreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li r-rappreżentanti tagħhom għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom matul is-seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru 2007.

Analiżi ġuridika

Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.

Bl-ewwel domanda preliminari l-qorti tar-rinviju fis-sustanza trid tkun taf jekk l-użu tat-trade mark reġistrata (iktar ’il quddiem, iktar sempliċement: tat-“trade mark”) ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv sabiex jiġu mqabbla l-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi tal-operatur li jagħmel ir-reklamar u dawk tal-prodotti jew servizzi tal-kompetitur jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104, fl-ipoteżi li dan l-użu ma joħloqx konfużjoni u lanqas ma jagħmel xi ħsara għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz.

17.

Il-kwistjoni tqajmet peress li l-qorti nazzjonali tal-ewwel grad iddeċidiet li r-reklamar ikkontestat kien jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmija direttiva u li huwa legali biss safejn, peress li huwa konformi mal-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, kien kopert bl-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 89/104, filwaqt li H3G issostni li dan bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ din l-aħħar direttiva.

18.

Lanqas ma hu kważi l-każ li jiġi mfakkar, bħala premessa, li, skont ġurisprudenza kostanti, direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi għal individwu u ma tistax għalhekk tiġi sostnuta bħala tali fil-konfront tiegħu, iżda li, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, independentement mill-fatt jekk humiex normi li saru qabel jew wara d-direttiva, il-qorti nazzjonali li għandha tinterpretaha għandha tagħmel dan kemm jista’ jkun fid-dawl tal-ittra u l-ispirtu tad-direttiva sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq mid-direttiva u tikkonforma ruħha għalhekk mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE ( 8 ). Huwa f’dan id-dawl li għandhom jinftehmu, f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ir-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 89/104 u 84/450.

19.

Huwa probabbli li, meta qajmet l-imsemmija domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju kienet qed tistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/104, u b’mod partikolari jekk il-projbizzjonijiet li hemm f’dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddux anki meta l-użu f’reklamar ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ta’ ħaddieħor ma jsirx sabiex issir distinzjoni tal-prodotti jew servizzi ta’ min jagħmel ir-reklamar, iżda ta’ dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark ( 9 ).

20.

Risposta dettaljata għad-domanda kif magħmula mill-qorti tar-rinviju teħtieġ eżami tal-ġurisprudenza relattiva għall-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/104, li ma tidhirx, tal-anqas mad-daqqa t’għajn, għal kollox konsistenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Insemmi f’dan ir-rigward b’mod partikolari d-diffikultà li l-metodu użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza BMW ( 10 ), li minnha jidher li jirriżulta li l-użu li jsir minn persuna terza ta’ trade mark ta’ ħaddieħor sabiex tiddistingwi l-prodott jew is-servizz tal-proprjetarju tat-trade mark u mhux dawk tagħha, ma joħroġx minnu nnifsu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, jiġi rrikonċiljat mal-metodu segwit fl-iktar sentenzi reċenti, li jxaqilbu pjuttost għas-soluzzjoni opposta.

21.

Fis-sentenza BMW il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 jew 7 tal-istess direttiva, l-użu f’reklamar ta’ trade mark ta’ ħaddieħor intiż li jiddistingwi l-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark bħala s-suġġett tas-servizzi pprovduti minn min jagħmel ir-reklamar ( 11 ).

22.

Fis-sentenza Hölterhoff ( 12 ) il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-dritt esklużiv tiegħu skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 meta persuna terza, fil-kuntest ta’ negozjati kummerċjali, tirrivela li l-merkaniżja hija produzzjoni tiegħu u li tuża t-trade mark inkwistjoni biss sabiex tiddeskrivi l-karatteristiċi partikolari tal-merkanzija offerta minnha ( 13 ), hekk li jiġi eskluż li t-trade mark użata tinftiehem bħala indikazzjoni tal-azjenda li minnha ġiet l-imsemmija merkanzija.

23.

Fis-sentenza Arsenal Football Club ( 14 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ngħata “bil-għan li jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark iħares l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din tal-aħħar, jiġifieri li jassigura li t-trade mark tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha”, u li “[l]-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun għalhekk riżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal min-naħa ta’ persuna terza jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-funzjonijiet tat-trade mark u, b’mod partikolari, lill-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott” ( 15 ).

24.

Fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li f’dik il-kawża l-użu tas-sinjal inkwistjoni ma kienx manifestament intiż għal għanijiet purament deskrittivi, li inkella kien ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda kien tali li jagħmel kredibbli l-eżistenza ta’ konnessjoni materjali fil-kummerċ bejn il-prodotti tal-persuna terza u l-proprjetarju tat-trade mark u għalhekk seta’ jagħmel ħsara lill-garanzija ta’ oriġini li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għalhekk kien involut użu li għalih il-proprjetarju tat-trade mark seta’ jopponi skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 ( 16 ).

25.

Fis-sentenza Adam Opel ( 17 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[m]inbarra […] il-każ speċifiku tal-użu ta’ trade mark minn terza persuna li tipprovdi servizzi li għandhom bħala suġġett il-prodotti li jġibu din it-trade mark”, bħall-każ eżaminat fl-imsemmija sentenza BMW, “l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva [89/104] għandu jkun interpretat fis-sens li jkopri l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti kkummerċjalizzati jew servizzi pprovduti mit-terza persuna li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata”. Fl-istess sentenza Adam Opel huwa indikat li, għalkemm fis-sentenza BMW il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi li kienu s-suġġett ta’ din l-aħħar sentenza, “l-użu mit-terza persuna tas-sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti kkumerċjalizzati mhux mit-terza persuna, iżda mill-proprjetarju tat-trade mark, kien jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva”, dan kien proprju “fid-dawl [tar-]rabta speċifika u inseparabbli bejn il-prodotti li jġibu t-trade mark u s-servizzi pprovduti mit-terza persuna”.

26.

Għalhekk, l-użu ta’ trade mark ta’ ħaddieħor magħmul minn terza persuna sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi pprovduti mill-proprjetarju tat-trade mark u li ma joħloqx konfużjoni dwar l-oriġini ta’ dawn il-prodotti jew servizzi u ta’ dawk tat-terza persuna jidher li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 abbażi tas-sentenza BMW, jista’ jevita dan abbażi tas-sentenzi Hölterhoff u Adam Opel, filwaqt li, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, ikun għadu meħtieġ li jiġi vverifikat, sabiex jiġi aċċertat jekk dan l-imsemmi użu jaqax jew le f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, jekk dan huwiex tali li jagħmel ħsara lil funzjoni tat-trade mark diversa minn dik essenzjali ta’ garanzija ta’ oriġini.

27.

O2 tinsisti fuq dan l-aħħar punt fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha ppreżentata fil-kuntest tal-preżenti proċedimenti, meta tirreferi b’mod partikolari għall-“funzjoni ta’ reklamar” tat-trade mark u l-ħsara li r-reklamar ikkontestat joħloq lil din il-funzjoni tat-trade marks bil-bżieżaq tagħha.

28.

Nikkunsidra madankollu li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450 dwar ir-reklamar komparattiv, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ tingħata faċilment risposta negattiva mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir eżami diffiċli tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/104.

29.

Qabel xejn għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 97/55 riedet li tagħmel uniformi “id-dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta’ reklamar komparattiv” u tarmonizza “l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ reklamar komparattiv fl-Istati Membri [kollha]” (tieni premessa), b’mod partikolari billi tistabbilixxi “kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess” (tmintax-il premessa).

30.

F’dan ir-rigward, l-imsemmija direttiva tispeċifika, meta ddaħħal l-Artikolu 3a fid-Direttiva 84/450, il-kundizzjonijiet ta’ reklamar komparattiv permess ( 18 ), li fid-dawl tagħhom, kif jirriżulta mis-seba’ premessa tad-Direttiva 97/55, jista’ jiġi stabbilit “liema prattiċi rrelatati mar-reklamar komparattiv jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għal kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, l-għan kien “dak li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom ir-reklamar komparattiv għandu jiġi permess bħala legali fil-kuntest tas-suq intern” ( 19 ). Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-“Direttiva 84/450 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv fl-Istati Membri”, liema “armonizzazzjoni timplika, mit-tifsira tagħha nnifisha, li l-legalità tar-reklamar komparattiv fil-Komunità kollha għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kriterji stabiliti mil-leġiżlatur Komunitarju” ( 20 ).

31.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 jelenka l-kundizzjonijiet ta’ legalità li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv flimkien f’dak li jirrigwarda r-reklamar komparattiv ( 21 ).

32.

Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li mhux inqas minn erbgħa mit-tmien dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 3a(1) huma intiżi li jassiguraw protezzjoni tat-trade mark, tal-isem tad-ditta jew ta’ marki distintivi oħra ta’ kompetitur fil-kuntest tar-reklamar komparattiv. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-“Direttiva 84/450 tippermetti lil min jagħmel ir-reklamar sabiex, f’ċerti kundizzjonijiet, jindika f’reklamar komparattiv it-trade mark tal-prodotti ta’ kompetitur” ( 22 ). B’mod partikolari, huwa previst li r-reklamar komparattiv m’għandux: joħloq konfużjoni fis-suq bejn it-trade marks, l-ismijiet tad-ditta jew marki distintivi oħra, [subparagrafu (d)]; jiskredita jew jimmalafama t-trade marks, l-ismijiet ta’ ditti jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur [subparagrafu (e)]; jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark, tal-isem ta’ ditta jew ta’ marki distintivi oħra ta’ kompetitur [subparagrafu (ġ)]; jirrapreżenta oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protetti [subparagrafu (h)]. Minn dan jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li “meta t-tqabbil m’għandux bħala suġġett jew bħala effett li jipprovoka dawn is-sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali, l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur huwa aċċettat fid-dritt Komunitarja” ( 23 ).

33.

Barra minn dan, fl-erbatax-il premesa tad-Direttiva 97/55 jingħad li, “jista’, b’danakollu, ikun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jidentifikaw l-oġġetti jew servizzi ta’ kompetitur, li jagħmel riferenza għal trade mark jew isem ta’ ditta li tiegħu dan tal-aħħar huwa l-proprjetarju”. Il-premessa ta’ wara żżid li “dan l-użu ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ ħaddieħor, ma jiksirx dan id-dritt esklużiv f’każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati b’din id-Direttiva, l-iskop intenzjonat huwa biss li jiddistingwu bejniethom u hekk li joħorġu aħjar id-differenzi oġġettivament”.

34.

L-użu tat-trade mark ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ reklamar li jqabbel il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkumerċjalizzati minn dan tal-aħħar b’din it-trademark ma’ dawk ta’ min jagħmel ir-reklamar huwa għalhekk irregolat b’mod speċifiku u eżawrjenti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450. Dan huwa pprojbit biss jekk huwa kontrarju għall-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. F’dan il-każ, dan huwa pprojbit minn dan tal-aħħar u mhux mill-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104. Jekk iżda huwa konformi mal-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala pprojbit mid-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104.

35.

Dawn tal-aħħar, bħad-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104, ma jkunux ikkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-imsemmi użu. Ftit hemm lok issaqsi jekk tistax tasal għal din il-konklużjoni anki fin-nuqqas tad-Direttiva 97/55 — għaliex, kif isostnu H3G u l-Kummissjoni, l-imsemmi użu ma jaqax fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/104 ( 24 ) — jew jekk bil-kontra dan jirriżultax mill-introduzzjoni, bl-Artikolu 3a imdaħħal fid-Direttiva 84/450 mid-Direttiva 97/55, ta’ regoli li, maħsuba bħala lex specialis għall-ipoteżi ta’ użu ta’ trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv, jidderogaw minn dak li hemm fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 89/104.

36.

Din l-imsemmija domanda għandha, għall-għanijiet tal-kwistjoni li waslet għand il-qorti tar-rinviju, natura ipotetika, li għaliha m’hemmx bżonn li tingħata risposta f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

37.

Nirrileva għalhekk li, kif enfasizzat minn O2 ( 25 ), l-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirrigwarda l-użu minn min jagħmel ir-reklamar ta’ trade mark ta’ ħaddieħor, (jew, iktar eżatt, ta’ sinjal identiku għat-trade mark ta’ ħaddieħor), meta però l-kwistjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna issa, wara li O2 llimitat is-suġġett tal-kawża tagħha għal kontravvenzjoni kif inizjalment proposta ( 26 ), l-użu min-naħa ta’ min jagħmel ir-reklamar (H3G) mhux ta’ trade marks ta’ ħaddieħor (O2 jew it-trade marks bil-bżieżaq), iżda ta’ sinjali (stampi ta’ bżieżaq) li huma simili ħafna għat-trade marks ta’ ħaddieħor (it-trade marks bil-bżieżaq).

38.

Nikkunsidra madankollu li din il-preċiżazzjoni ma tbiddilx sostanzjalment it-termini tal-problema eżaminata iktar ’il fuq.

39.

L-użu f’reklamar ta’ sinjal li jixbah trade mark ta’ kompetitur jista’ jkun wieħed mill-metodi sabiex tidentifika, għall-inqas b’mod impliċitu, dan il-kompetitur jew il-prodotti jew is-servizzi tiegħu, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 84/450. Ir-reklamar li jagħmel dan l-użu u li huwa intiż li jistabbilixxi tqabbil bejn min jagħmel ir-reklamar u l-kompetitur tiegħu, jew bejn il-prodotti jew is-servizzi relatati, ikun suġġett għar-regoli li hemm fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450. Dan l-artikolu, kif intwera, jipprovdi, fi ħdan sistema iktar wiesgħa ta’ normi li jistabbilixxu, b’mod eżawrjenti, il-kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv, normi speċifiċi intiżi li jassiguraw ħarsien għat-trade mark kontra din il-forma ta’ reklamar. Għalhekk, meta l-proprjetarju ta’ trade mark ikun irid jopponi l-użu, fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv, ta’ sinjal simili għall-imsemmi trade mark, huwa għandu jibbaża l-pretensjoni tiegħu fuq ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 ( 27 ), peress li dan l-użu ma jaqax għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 l-istess bħall-użu ta’ trade mark ta’ ħaddieħor fl-istess kuntest.

40.

Nikkunsidra għalhekk li tista’ tingħata r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda preliminari:

“L-użu ta’ trade mark identika jew simili għal trade mark reġistrata ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ reklamar li jqabbel il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkumerċjalizzati mill-istess kompetitur b’din it-trade mark ma’ dawk ta’ prodotti jew servizzi pprovduti minn min jagħmel ir-reklamar huwa rregolat b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 u mhuwiex suġġet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104”.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

41.

Bit-tieni u t-tielet domanda preliminari l-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk, sabiex ikun legali skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv għandux ikun “indispensabbli”. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata din l-indispensabbiltà u jekk din il-kundizzjoni tipprojbixxix kull użu ta’ sinjal mhux identiku għat-trade mark tal-kompetitur, iżda li jixbaha ħafna.

42.

O2, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-erbatax u fuq il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 97/55, fuq ix-xogħol preparatorju għal din tal-aħħar u fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fuq is-sentenzi Toshiba ( 28 ) u Siemens ( 29 ), issostni li, jekk l-użu f’reklamar komparattiv tat-trade mark ta’ kompetitur ta’ min jagħmel ir-reklamar mhuwiex indispensabbli sabiex jiġi identifikat l-imsemmi kompetitur jew il-prodotti jew servizzi tiegħu, huwa jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark stess bi ksur tal-Artikolu 3a(1)(ġ) tad-Direttiva 84/450. O2 issostni li, peress li H3G għamlet użu, għall-għanijiet tar-reklamar komparattiv inkwistjoni, mit-trade mark O2, perfettament adattata sabiex jiġi identifikat il-kompetitur ta’ min jagħmel ir-reklamar, ma kien hemm ebda bżonn li din tal-aħħar tuża l-istampi ta’ bżieżaq, iktar u iktar meta dawn kienu ppreżentati f’verżjoni distorta tat-trade marks bil-bżieżaq ta’ O2.

43.

Madankollu, naqbel ma’ H3G u mal-Kummissjoni meta nikkunsidra li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 ma jimponix il-kundizzjoni li l-użu tat-trade mark ta’ ħaddieħor ikun indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur jew il-prodotti jew servizzi tiegħu fir-reklamar komparattiv.

44.

Din il-konklużjoni ma tistax però tinltlaħaq sempliċement abbażi ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar il-problema ta’ riproduzzjoni, f’reklam, barra tal-isem tal-kompetitur, tal-logo tal-kompetitur u tal-istampa tal-faċċata tal-ħanut tal-istess, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza Pippig Augenoptik, imfakkra minn H3G. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk ikkonkludiet, minn eżami tal-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 97/55, li “l-Artikolu 3a(1)(e) tad-Direttiva 84/450 ma jipprojbixxix li reklamar komparattiv jirriproduċi, barra l-isem tal-kompetitur, il-logo tiegħu u stampa tal-faċċata tal-ħanut tiegħu, jekk dan ir-reklamar iħares il-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti mid-dritt Komunitarju”.

45.

Konsegwentement, peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża biss li tipprojbixxi r-reklamar komparattiv li “[…] jiskredita[…] jew […] jimmalafama[…]” it-trade marks jew elementi oħra konnessi mal-kompetitur, l-imsemmija konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tfisser biss, oġġettivament, li r-riproduzzjoni, f’reklam, barra l-isem tal-kompetitur, tal-logo u tal-istampa tal-faċċata tal-ħanut tal-istess — jiġifieri ta’ elementi li probabbilment mhumiex indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur diġà indikat b’ismu — ma tiskreditax jew ma timmalafamax fiha nnifisha, lil dan tal-aħħar. Dan ma jbiddilx il-fatt, madankollu, kif ġie osservat minn O2, li kundizzjoni ta’ indispensabbiltà tal-użu tat-trade mark jew ta’ sinjali distintivi oħra ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv tista’ eventwalment tiġi dedotta minn dispożizzjonijiet oħra tal-istess Artikolu 3a. Barra dan, ma nonqosx li nirrileva l-ambigwità u l-impreċiżjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jien semmejt fil-punt 44 iktar ’il fuq fejn jidher li tissuġġetta l-ħarsien tal-Artikolu 3a(1)(e) tad-Direttiva 84/450 għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet l-oħra kollha dwar il-legalità tar-reklamar komparattiv stabbiliti mid-dritt Komunitarju, li ma jirrigwardawx madankollu l-aspett ta’ skreditar u ta’ malafama ta’ dan ir-reklamar meħud inkunsiderazzjoni minn din id-dispożizzjoni.

46.

Sabiex jiġi aċċertat jekk l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 jippreskrivix kundizzjoni ta’ indispensabbiltà għall-użu tat-trade mark ta’ ħaddieħor f’reklamar komparattiv, infakkar qabel xejn li dan l-artikolu joħloq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan it-tqabbil (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) u nosserva li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma tistabbilixxi espressament kundizzjoni ta’ indispensabbiltà għall-użu tat-trade mark jew ta’ sinjal distintiv ieħor ta’ ħaddieħor.

47.

Ma jidhirlix lanqas li, kif sostnut minn O2, tista’ tiġi dedotta impliċitament din il-kundizzjoni mill-Artikolu 3a(1)(ġ) tal-isemmija direttiva, dispożizzjoni li tipprojbixxi li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark jew sinjal distintiv ieħor ta’ kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu.

48.

Ir-riferiment li O2 tagħmel għall-erbatax-il premessa tad-Direttiva 97/55 ma jiswiex sabiex jissostanzja l-interpetazzjoni tagħha tal-imsemmija dispożizzjoni. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, f’din il-premessa l-leġiżlatur Komunitarju jidher li sempliċement ried jgħid li, bħala regola ġenerali, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv huwa inevitabbli r-riferiment għal trade mark jew isem ta’ ditta tal-kompetitur, mingħajr ma’ tiġi b’dan il-mod stabbilita f’dan l-istadju kundizzjoni ta’ legalità tal-imsemmi riferiment. Barra dan, il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan ir-riferiment huma msemmija separatament fil-premessa li jmiss, il-ħmistax-il waħda (“fejn ikun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati b’din id-Direttiva”), li meta ssemmi “dan l-użu ta’ trade mark”, tagħmel riferiment għall-użu tat-trade mark intiż li jidentifika l-prodotti jew servizzi ta’ kompetitur u mhux għal użu tat-trade mark li jirriżulta indispensabbli għal dan il-għan.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tinterpreta l-Artikolu 3a(1)(ġ) tad-Direttiva 84/450.

50.

Fil-kawża Toshiba din intalbet mill-qorti nazzjonali sabiex, fost l-oħrajn, tiċċara l-kriterji li abbażi tagħhom għandu jiġi stabbilit li reklamar komparattiv jieħu vantaġġ inġust mill-fama li jkollu s-sinjal distintiv ta’ kompetitur, skont l-imsemmija dispożizzjoni.

51.

L-Avukat Ġenerali Léger issuġġerixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja raġunament intiż li jidentifika, fil-kuntest tal-Artikolu 3a(1)(ġ) tad-Direttiva 84/450, “il-limitu li lil hinn minnu min jagħmel ir-reklamar għandu jiġi kkunsidrat li aġixxa b’mod inġust”. Huwa indika, l-ewwel nett, li tiżboq dan il-limitu prattika li hija ispirata mill-intenzjoni biss li jittieħed vantaġġ mill-fama tal-kompetitur sabiex tiggwadanja l-attività ta’ min jagħmel ir-reklamar, mentri ma jistax jiġi kkunsidrat li hemm abbuż ta’ fama jekk il-kontenut tar-reklamar komparattiv jista’ jiġi ġġustifikat minn kundizzjonijiet speċifiċi ( 30 ).

52.

F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Léger ikkonkluda mill-erbatax u mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 97/55 li “d-dritt esklużiv ta’ operatur ekonomiku fuq it-trade mark tiegħu jew fuq sinjali distintivi oħra jista’ jiġi użat minn kompetitur jekk ir-riferiment hekk magħmul ikun ġustifikat mir-rekwiżiti ta’ reklamar komparattiv” u li “min jagħmel ir-reklamar għandu d-dritt li juża dawn ir-riferimenti jekk it-tqabbil tal-kwalità u tad-difetti rispettivi tal-prodotti li jikkompetu jkun magħmul impossibili jew, b’mod iktar sempliċi, ikun żvantaġġjat min-nuqqas li jiġi identifikat il-kompetitur”. Dwar il-“metodi li bihom huwa possibli li jintużaw is-sinjali distintivi tal-kompetitur”, huwa osserva li, “peress li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati restrittivament, id-derogi għad-drittijiet mħarsa tal-proprjetarji għandhom jiġu aċċettati biss fil-limiti strettament meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva, li huwa li tagħmel possibili t-tqabbil tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti”. “Għalhekk” — ikompli l-Avukat Ġenerali — “jittieħed vantaġġ inġust mill-fama ta’ kompetitur meta r-riferiment li jsir għal dan tal-aħħar jew il-mod kif isir dan ir-riferiment ma jkunx meħtieġ għall-informazzjoni tal-klijenti dwar il-kwalitajiet rispettivi tal-oġġetti mqabbla. Min-naħa l-oħra, dan l-ilment ma jistax jitlaqa’ meta l-elementi li fuqhom isir it-tqabbil ma jistgħux jiġu deskritti mingħajr ma min jagħmel ir-reklamar jagħmel riferimenti għall-kompetitur, anki fejn jista’ jieħu vantaġġ speċifiku”. “Huwa għalhekk fuq il-kriterju tal-bżonn li [huwa kkunsidra] li għandha tiġi abbażata evalwazzjoni tar-regolarità ta’ reklamar komparattiv taħt l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva” ( 31 ).

53.

Dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet, li jsostnu t-teżi interpretattiva difiża minn O2, ġew fil-fehma tiegħi mwarrba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Toshiba. Il-punt 54 ta’ din is-sentenza, imsemmi minn O2, ma jsostnix fir-realtà din it-teżi, peress li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet f’dan il-punt li “ma jistax jiġi deċiż li min jagħmel reklamar jieħu vantaġġ inġust mill-fama tas-sinjali distintivi tal-kompetitur tiegħu meta riferiment għal dawn is-sinjali jkun kundizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni”, xejn ma jindika li riedet tfisser ukoll li, meta għall-kuntrarju ma jkunx hemm il-kundizzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva fl-imsemmi suq, riferiment għal dawn is-sinjali ifisser bil-fors li min jagħmel ir-reklamar jieħu vantaġġ inġust mill-fama tagħhom. Fis-sentenza Toshiba, il-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost ikkunsidrat li l-użu tas-sinjali distintivi ta’ kompetitur jippermetti lil min jagħmel ir-reklamar “li jieħu vantaġġ inġust mill-fama tiegħu biss meta l-fatt li jissemmew għandu l-effett li joħloq f’moħħ il-pubbliku li għalih ir-reklamar huwa intiż rabta bejn il-produttur li miegħu jkunu identifikati il-prodotti u l-fornitur kompetitur, peress li l-pubbliku jittrasferixxi l-fama tal-prodotti tal-produttur fuq il-prodotti tal-fornitur kompetitur” ( 32 ).

54.

Meta nerġa’ mmur lura għad-deċiżjonijiet li hemm fis-sentenza Toshiba, l-Avukat Generali Tizzano, fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża Pippig Augenoptik ( 33 ), kien sostna li “l-indikazzjoni tat-trade mark tal-prodotti ta’ kompetitur mhijiex kontra l-Artikolu 3a(1)(ġ), meta din l-indikazzjoni tkun iġġustifikata mill-ħtieġa oġġettiva li jiġu identifikati l-prodotti tal- kompetitur u li jitqiegħdu fid-deher il-kwalitajiet ta’ dawk reklamati (eventwalment permezz ta’ tqabbil dirett bejniethom stess) u ma tkunx għalhekk esklużivament intiża sabiex tieħu vantaġġ mill-fama tat-trade mark, tal-isem tad-ditta jew ta’ xi sinjal distintiv ieħor tal-kompetitur”, “sakemm, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża, m’għandux jiġi kkonstatat li l-imsemmija indikazzjoni saret b’tali mod li toħloq rabta fil-pubbliku bejn l-awtur tar-reklamar u l-kompetitur, billi tittrasferixxi l-fama tal-prodotti tat-tieni għal dawk tal-ewwel”.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Pippig Augenoptik, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(g), iżda reġgħet semmietha fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Siemens, li minnha jirriżulta li, sabiex jiġi vverifikat jekk l-użu ta’ trade mark jew sinjal distintiv ieħor ta’ kompetitur minn min jagħmel ir-reklamar f’reklamar komparattiv iwassalx għal vantaġġ inġust meħud mill-fama ta’ din it-trade mark jew sinjal, huwa meħtieġ, minn naħa, li jiġi aċċertat jekk dan l-użu jistax ikollu l-effett li joħloq f’moħħ il-pubbliku li għalih ir-reklamar huwa intiż, rabta bejn il-kompetitur u min jagħmel ir-reklamar, fis-sens li l-imsemmi pubbliku jista’ jestendi l-fama tal-prodotti tal-ewwel għal dawk mibjugħa mit-tieni ( 34 ), u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji li r-reklamar komparattiv inkwistjoni jippreżenta għall-konsumaturi ( 35 ).

56.

Jekk, kif osservat ġeneralment fid-duttrina, ir-reklamar komparattiv, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikollu bħala suġġett it-tqabbil ma’ kompetitur iktar stabbilit u jkollu għalhekk fih innifsu ċertu grad ta’ ‘konnessjoni’ mal-fama tal-istess jew tas-sinjali kkonċernati distintivi, il-vantaġġ miksub permezz ta’ din il-konnessjoni jsir inġust, skont is-sentenzi Toshiba u Siemens, biss meta joħloq, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, rabta bejn min jagħmel ir-reklamar u l-kompetitur tiegħu hekk li l-imsemmi pubbliku jista’ jestendi l-fama tal-prodotti ta’ dan tal-aħħar għal dawk tal-ewwel. Skont dawn is-sentenzi, huwa involut effett li għandu jiġi aċċertat fil-każ konkret, aċċertament li evidentement ma jinkludix kunsiderazzjonijiet dwar l-indispensabbiltà tar-riferiment għas-sinjal distint tal-kompetitur.

57.

Il-kriterju ta’ applikazzjoni magħżul mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi, ibbażat fuq analiżi tal-impressjonijiet li jinħolqu fil-pubbliku dwar ir-relazzjonijiet bejn l-impriżi identifikati fir-reklamar, huwa tali li jiffavorixxi lil min jagħmel ir-reklamar, billi jippermetti r-riferiment għas-sinjal distintiv ta’ ħaddieħor anki meta jidher li dan ir-riferiment ma jaqdi ebda bżonn leġittimu marbur mar-reklamar, sakemm ma tinħoloqx fil-konkret f’moħħ il-pubbliku dik ir-rabta bit-trasferiment ta’ fama imsemmija fl-imsemmija sentenzi. Personalment, nikkunsidra li metodu li jirrikjedi li jkun hemm dan l-imsemmi bżonn, kif anki jidher li l-Avukat Generali Léger jipprevedi fil-bidu tar-raġunament tiegħu msemmi fil-punt 51 iktar ’il fuq, jista’ joħloq rikonċiljazzjoni iktar bilanċjata bejn l-interessi opposti ta’ min jagħmel ir-reklamar u tal-kompetitur tiegħu, in kwantu jippermetti li jiġi kkunsidrat ipprojbit ir-riferiment għas-sinjal distintiv ta’ ħaddieħor meta r-reklamar komparattiv jidher li fir-realtà jkun biss pretest sabiex tiġi sfruttata, l-istess bħal ma tagħmel parassita, il-fama ta’ dak is-sinjal, indipendentement mill-ħolqien tal-imsemmija rabta.

58.

Fi kwalunkwe każ, mingħajr ma hemm bżonn, għall-għanijiet ta’ din il-preżenti proċedura għal deċiżjoni preliminari, li jiġu spjegati b’mod ġenerali l-kriterji li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sentenzi Toshiba u Siemens ma jaċċettawx, anzi impliċitament jeskludu, il-kriterju ta’ indispensabbiltà (jew bżonn) f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ trade mark jew sinjal distintiv ieħor tal-kompetitur f’reklamar komparattiv. Ma jistax għalhekk jiġi sostnut, kif tagħmel O2, li, meta dan l-użu ma jkunx indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur jew il-prodotti jew servizzi relattivi, ir-reklamar komparattiv huwa ipso facto tali li joħloq għal min jagħmel ir-reklamar vantaġġ inġust miksub mill-fama ta’ din it-trade mark jew sinjal. Kif tosserva l-Kummissjoni, dan il-vantaġġ inġust għandu għall-kuntrarju jiġi aċċertat fil-konkret mingħajr ma jista’ jiġi preżunt min-natura mhux indispensabbli tar-riferiment għal din it-trade mark jew sinjal fir-reklamar komparattiv.

59.

Barra dan, kif ġustament josservaw kemm H3G kif ukoll il-Court of Appeal fid-deċiżjoni ta’ rinviju, ir-rekwiżit, enfasizzat b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, li l-kundizzjonijiet ta’ legalità li r-reklamar komparattiv għandu jissodisfa jiġu interpretati bl-iktar mod favorevoli għal dan ir-reklamar, jimmilita kontra l-affermazzjoni li teżisti tali kundizzjoni ta’ indispensabbiltà ( 36 ).

60.

Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kemm ġew magħmula, li jirreferu għall-użu f’reklamar komparattiv tat-trade mark ta’ kompetitur, jgħoddu naturalment anki fir-rigward tal-użu fl-istess kuntest ta’ sinjal mhux identiku, iżda li jixbah lill-imsemmija trade mark. Fil-fehma tiegħi, it-termini tal-kwistjoni ġuridika mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk hemmx, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, kundizzjoni ta’ legalità dwar l-indispensabbiltà tal-użu ta’ sinjal intiż li jidentifika l-kompetitur jibqgħu l-istess, kemm jekk huwa involut l-użu ta’ sinjal identiku jew ta’ sinjal li sempliċement jixbah biss lit-trade mark tal-kompetitur.

61.

Inżid barra dan, fuq livell konkret li iżda jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari ( 37 ), li jidher li huwa diffiċli li jiġi immaġinat li H3G setgħet ħadet vantaġġ inġust mill-użu tar-reklamar komparattiv ta’ stampi ta’ bżieżaq li jixbhu t-trade marks bil-bżieżaq ta’ O2, jekk jiġi kkunsidrat li l-imsemmi reklamar jidentifika l-kompetitur anki espliċitament permezz ta’ riferimenti għat-trade mark O2, peress li l-leġittimità tal-użu tiegħu m’għadux iktar ikkontestat minn O2, u li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, il-konsumaturi, f’kuntest ta’ telefonija mobbli, jorbtu l-istampi ta’ bżieżaq ma’ O2. Jekk għalhekk effett ta’ konnessjoni mal-kompetitur jinħoloq diġà permezz tar-riferiment għat-trade mark O2, mingħajr ma jkun hemm kontestazzjonijiet minn O2 f’dan ir-rigward, ma narax liema vantaġġ inġust għal H3G jista’ jintrabat mal-użu fir-reklamar ikkontestat anki ta’ sinjali li jixbhu t-trade marks bil-bżieżaq li l-istess O2 hija proprjetarja tagħhom.

62.

Peress li nikkunsidra li l-użu tat-trade mark, jew ta’ sinjal li jixbah lit-trade mark, ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv mhuwiex ipprojbit mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 għas-sempliċi raġuni li mhux indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur jew il-prodotti jew servizzi relattivi, m’hemmx bżonn li neżamina t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, u lanqas it-tielet domanda, li jippreżumu soluzzjoni opposta għal dik li għadni kemm indikajt.

63.

Nosseva barra dan, peress li O2 insistiet, b’mod partikolari, speċjalment fis-seduta, fuq il-fatt li r-reklamar ikkontestat kellu stampa mibdula tat-trade marks bil-bżieżaq tagħha, b’tali mod li ppreġudika n-natura distintiva u r-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks, li l-allegat tibdil ma jistax jiġi rrilevat fis-sens li jrendi illegali l-imsemmi reklamar jekk mhux fil-każ li dan ir-reklamar jikser waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450.

64.

Fost dawn hemm kundizzjonijiet intiżi li jħarsu r-reputazzjoni tat-trade mark, bħal dik li hemm fl-Artikolu 3a(1)(e), li tipprojbixxi li tiġi skreditata jew mmalafamata t-trade mark, u dik, li għadni kif eżaminajt, li hemm fl-Artikolu 3a (1)(ġ), li tipprojbixxi li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark. B’mod partikolari, jekk it-tibdil tat-trade mark bil-bżieżaq fir-reklamar ikkontestat kien tali li jippreżenta b’mod negattiv dawn it-trade marks jew l-immaġini tal-proprjetarju tagħhom, O2 tista’ tilmenta dwar dan u tinvoka n-norma nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 3a(1)(e) tad-Direttiva 84/450.

65.

Għall-kuntrarju, fost il-kundizzjonijiet li hemm fl-istess Artikolu 3a mhemmx ir-rekwiżit distint li titħares in-natura distintiva tat-trade mark. Dan ir-rekwiżit, ikkunsidrat fl-aspett doppju tiegħu tal-projbizzjoni li ssir ħsara għal din in-natura tal-projbizzjoni li jittieħed vantaġġ inġust minn din l-istess natura distintiva, kemm fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 kif ukoll fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( 38 ), kif emendat, b’riferiment għat-trade marks magħrufa, ma ġiex riprodott — kuntrarjament għall-ħtieġa ta’ ħarsien tar-reputazzjoni tat-trade mark, li tinsab ukoll fl-imsemmija dispożizzjonijiet dejjem b’riferiment għat-trade marks magħrufa — mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, li, kif intwera (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), għandu jiġi interpretat b’mod strett. Issa, hawnhekk hija kwistjoni biss tal-għażla ħielsa tal-leġiżlatur Komunitarju li evidentement ikkunsidra li għandu jagħti preferenza lill-interess ta’ reklamar komparattiv effettiv li jaqdi l-funzjoni ta’ strument ta’ informazzjoni għall-konsumaturi u ta’ stimolu għall-kompetizzjoni bejn il-fornitur ta’ oġġetti u servizzi (ara, b’mod partikolari t-tieni premessa tad-Direttiva 97/55) fil-konfront tal-ħarsien tan-natura distintiva tat-trade marks.

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari kif ġej:

“L-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 m’għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-użu f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark reġistrata ta’ kompetitur biss meta dan l-użu jirriżulta indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur jew il-prodotti jew servizzi relattivi”.

Konklużjoni

67.

Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) kif ġej:

“1)

L-użu ta’ trade mark identika jew simili għal trade mark reġistrata ta’ kompetitur fil-kuntest ta’ reklamar li jqabbel il-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkumerċjalizzati mill-istess kompetitur b’din it-trade mark ma’ dawk ta’ prodotti jew servizzi pprovduti minn min jagħmel ir-reklamar huwa rregolat b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, li mhuwiex suġġet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

2)

L-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 m’għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-użu f’reklamar komparattiv ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark reġistrata ta’ kompetitur biss meta dan l-użu jirriżulta indispensabbli sabiex jiġi identifikat il-kompetitur jew il-prodotti jew servizzi relattivi”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 1989, L 40, p. 1.

( 3 ) ĠU L 250, p. 17.

( 4 ) ĠU L 290, p. 18.

( 5 ) Id-Direttiva 84/450 ġiet emendata ulterjorment bid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“Direttiva dwar prattiċi żleali”) (ĠU L 149, p. 22). Uħud mill- emendi magħmula mid-Direttiva 2005/29 jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450 li jikkonċernaw ir-reklmar komparattiv, fosthom l-Artikolu 3a. Peress li d-Direttiva 2005/29 hija posterjuri għall-fatti inkwistjoni, f’dawn il-konklużjonijiet ser nieħu inkunsiderazzjoni t-test tad-Direttiva 84/450 kif emandat bid-Direttiva 97/55 u mhux dak li jirriżulta anki mill-emendi imdaħħla mid-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, id-Direttiva 84/450 ġiet reċentement abrogata u ssostitwita, sa mit-12 ta’ Diċembru 2007, mid-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, p. 21), li tikkostitwixxi biss madankollu verżjoni kkodifikata, għall-għanjiet ta’ ċarezza u razzjonalizzjoni, tad-dispożizzjonijiet li ġejjin mid-Direttiva 84/450.

( 6 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 3; in-nota ta’ osservazzjonijiet ta’ O2, p. 14, nota 4, u n-nota ta’ osservazzjonijiet ta’ H3G, punti 5-6.

( 7 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 11.

( 8 ) Ara, b’riferiment partikolari għad-Direttiva 89/104, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C-355/96, Ġabra p. I-4799, punt 36), u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux (C-408/01, Ġabra p. I-12537, punt 21).

( 9 ) Meta neżamina l-ewwel domanda preliminari, mhux ser nikkunsidra l-fatt li r-riferiment għall-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jidher li f’kull każ mhux rilevanti f’din il-kawża, peress li f’din il-kawża qed jiġi diskuss biss l-użu fir-reklamar ikkontestat ta’ sinjali (l-istampi ta’ bżieżaq) mhux identiċi, iżda simili għat-trade marks ta’ O2.

( 10 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 1999 (C-63/97, Ġabra p. I-905).

( 11 ) Sentenza BMW, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38. Is-servizzi inkwistjoni kienu servizzi ta’ bejgħ ta’ karozzi BMW użati u servizz ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ karozzi BMW.

( 12 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2002 (C-2/00, Ġabra p. I-4187, punt 17).

( 13 ) F’dik il-kawża kien paċifiku li t-terza persuna kienet użat l-ismijiet protetti tat-trade mark ta’ ħaddieħor għall-għan biss li tiddeskrivi l-kwalità u, iktar preċiżament, it-tip ta’ qtugħ ta’ ġebel prezzjuż li kienet qegħda toffri għall-bejgħ (ara s-sentenza Hölterhoff, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

( 14 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2002 (C-206/01, Ġabra p. I-10273).

( 15 ) Ibidem, punt 51. Fl-istess sens anki s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch (C-245/02, Ġabra p. I-10989, punt 59); tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C-48/05, Ġabra p. I-1017, punt 21), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline (C-17/06, Ġabra p. I-7041, punti 16 u 26).

( 16 ) Sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar ’il fuq (punti 54-56 u 60).

( 17 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punti 27-28 (il-korsiv huwa tiegħi).

( 18 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/450 li jipprovdi li “[i]l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jipproteġi konsumaturi, persuni eżerċjenti f'sengħa jew negozju jew eżerċjenti f'okkupazzjoni jew professjoni u l-interessi tal-pubbliku in ġenerali kontra reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi inġusti tiegħu u biex jistipula l-kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 19 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 38; ara anki l-punt 43).

( 20 ) Ibidem, punt 44.

( 21 ) In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija enfasizzata fil-ħdax il-premessa tad-Direttiva 97/55 (“il-kondizzjonijiet ta’ reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma”) u tfakkret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54.

( 22 ) Sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 47.

( 23 ) Ibidem, punt 49. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Tizzano tat-12 ta’ Settembru 2002 fil-kawża maqtugħa bis-sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).

( 24 ) F’dan is-sens essenzjalment esprima ruħu l-Avukat Generali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2001 magħmula fil-kawża maqtugħa bis-sentenza Hölterhoff, iċċitata iktar ’il fuq (punti 74-77).

( 25 ) Ara l-punt 52 tan-nota ta’ osservazzjonijiet.

( 26 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

( 27 ) B’riferiment ukoll naturalment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmi Artikolu 3a fid-dritt nazzjonali.

( 28 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001 (C-112/99, Ġabra p. I-7945).

( 29 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006 (C-59/05, Ġabra p. I-2147).

( 30 ) Konklużjonijiet tat-8 ta’ Frar 2001 li saru fil-kawża deċiża bis-sentenza Toshiba, iċċitata iktar ’il fuq (punti 79-80).

( 31 ) Ibidem, punti 82, 84, 85 u 87. Fil-punt 86 l-Avukat Ġenerali Léger wera barra dan, kif għamlet O2 fil-proċedimenti preżenti, li l-kriterju ta’ bżonn huwa aċċettat anki fid-dispożizzjoni li hemm fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 89/104.

( 32 ) Sentenza Toshiba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 (ara wkoll il-punt 57). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 33 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.

( 34 ) Sentenza Siemens, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18-20.

( 35 ) Ibidem, punti 22-24.

( 36 ) Sentenzi Toshiba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium (C-356/04, Ġabra p. I-8501, punt 22), u tad-19 ta’ April 2007, De Landtsheer (C-381/05, Ġabra p. I-3115, punti 35 u 63).

( 37 ) Hija evidentement ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, jekk l-użu fir-reklamar ikkontestat ta’ stampi ta’ bżieżaq jippermettix lil H3G tieħu vantaġġ inġust mill-fama tat-trade marks bil-bżieżaq ta’ O2 (ara, b’analoġija, is-sentenza Adam Opel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

( 38 ) ĠU 1994, L 11, p. 1.

Top