EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005FO0123

Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-3 ta' Mejju 2007.
Jean-Marc Bracke vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Uffiċjali - Kompetizzjonijiet - Kompetizzjoni interna.
Kawża F-123/05.

European Court Reports – Staff Cases 2007 I-A-1-00131; II-A-1-00721

ECLI identifier: ECLI:EU:F:2007:76

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

3 ta’ Mejju 2007

Kawża F-123/05

Jean-Marc Bracke

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Kompetizzjonijiet – Kompetizzjoni interna – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Avviż ta’ kompetizzjoni – Kriterju relatat ma’ l-anzjanità fis-servizz – Persunal temporanju – Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Bracke jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, tas-7 ta’ Settembru 2005, li tiċħad l-ilment tiegħu intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ April 2005, li tirrifjuta r-reklutaġġ tiegħu bħala uffiċjal bi prova fi tmiem il-kompetizzjoni COM/PC/04.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjonijiet – Kompetizzjonijiet interni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 27 u Artikolu 29(1))

2.      Uffiċjali – Kompetizzjonijiet – Bord ta’ l-Għażla – Indipendenza – Limiti

1.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 27 u ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa b’mod imperattiv li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ u li l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-kuntest tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti qabel ma jimtela’ post vakanti. Konsegwentement, din il-proċedura għandha dejjem tiġi eżerċitata skont ir-rekwiżiti marbuta mal-postijiet vakanti u, b’mod iktar ġenerali, ma’ l-interess tas-servizz.

Billi teżiġi, bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għal kompetizzjoni interna, anzjanità fis-servizz ta’ ħames snin bħala uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal li jaqa’ taħt il-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra, minbarra perijodi ta’ xogħol li saru fi ħdan l-istituzzjonijiet bħala persunal temporanju, l-Awtorità tal-Ħatra tapplika b’mod korrett l-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din il-kundizzjoni għall-ammissjoni tippermetti li jiġi żgurat mhux biss li l-kandidati jkollhom esperjenza professjonali, imma li jkunu wrew l-kapaċitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjonijiet professjonali previst mir-Regolament tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra, li jvarjaw fis-subordinazzjoni, fl-evalwazzjoni u fid-dixxiplina minn dawk li għalihom huwa suġġett il-persunal temporanju. Hija lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li fid-dawl ta’ l-għan tagħha, il-persuni li ħadmu bħala persunal temporanju minn naħa, u l-persuni li ħadmu bħala uffiċjal jew membru tal-persunal min-naħa l-oħra, mhumiex f’sitwazzjoni simili.

(ara l-punti 45, 46, 49 sa 52 u 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T-214/99, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑1169, punti 53 u 57; 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T-173/05, ĠabraSP p. I-A-2-329 u II‑A-2-1695, punti 37, 41, 42 u 44

2.      L-Awtorità tal-Ħatra hija marbuta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, li tieħu deċiżjonijiet li ma jinkludux illegalitajiet. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun marbuta minn deċiżjonijiet ta’ Bord ta’ l-Għażla li l-illegalità tagħhom tista’, konsegwentement, tivvizzja d-deċiżjonijiet tagħha stess. Konsegwentement, meta l-Bord ta’ l-Għażla, b’mod żbaljat, tagħżel kandidat sabiex jieħu sehem fil-kompetizzjoni u sussegwentement tikklassifikah fil-lista ta’ kandidati xierqa, l-Awtorià tal-Ħatra għandha tirrifjuta li tipproċedi għall-ħatra ta’ dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tippermetti lill-qorti Komunitarja tevalwa l-mertu.

L-Awtorità tal-Ħatra għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla li tagħżel kandidat għal kompetizzjoni biss fil-mument meta tqum il-kwistjoni tar-reklutaġġ effettiv u mhux meta l-Bord ta’ l-Għażla tikkomunika l-lista ta’ kandidati xierqa.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 142/85, Ġabra. p. 3177, punti 19 u 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T-329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 35; 15 ta’ Settembru 2005, Luxem vs Il-Kummissjoni, T-306/04, ĠabraSP p. I‑A‑263 u II‑1209, punti 23 u 24.

Top