EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0403

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Ottubru 2007.
il-Parlament Ewropew vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Rikors għal annullament - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha jiġi approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri Filippini - Deċiżjoni adottata skond ir-Regolament Nru 443/92 - Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni - Limiti.
Kawża C-403/05.

European Court Reports 2007 I-09045

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:624

Kawża C-403/05

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament − Deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha jiġi approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri Filippini – Deċiżjoni adottata skond ir-Regolament Nru 443/92 – Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni – Limiti”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-Sentenza

Kooperazzjoni u żvilupp – Għajnuna finanzjarja u teknika u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw – Regolament Nru 443/92

(It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 443/92, Artikoli 1, 5, 6, 7, 8 u 15)

Fil-kuntest ta’ dawn il-kompetenzi ta’ implementazzjoni mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE, li l-limitazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu evalwati b’mod partikolari skond l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta kull miżura ta’ applikazzjoni neċessarja jew utli għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika, safejn dawn ma jmorrux kontriha.

Skond il-kliem ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 443/92, dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina, il-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tassigura l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi ta’ żvilupp. Huwa bis-saħħa ta’ din is-setgħa ta’ implementazzjoni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata ta’ proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri fir-Repubblika tal-Filippini intiż li tittejjeb is-sigurtà u l-amministrazzjoni tal-fruntieri tagħha skond ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tikkomporta l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali.

Issa, ir-Regolament Nru 443/92 ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Barra minn hekk, fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dan il-proġett jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi regolament għaliex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-pajjiż ikkonċernat, qasam ta’ azzjoni speċifikament imsemmi kemm fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament, relattivi għall-għajnuna finanzjarja u teknika, kif ukoll fl-Artikoli 7 u 8 ta’ l-istess regolament, relattivi għall-kooperazzjoni ekonomika, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ għajnuna finanzjarja u teknika, is-sostenn għall-istituzzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi fi żvilupp ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda strument sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom tal-politika u tal-pjanijiet ta’ żvilupp fl-oqsma msemmija, li fosthom ma tidhirx dik tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità Internazzjonali, u li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni ekonomika għandu jkollu rabta diretta ma’ l-għan, mogħti lilu mir-regolament, li jsaħħaħ l-investiment u l-iżvilupp, ħaġa li ma tirriżulta minn ebda element tad-deċiżjoni in kwistjoni.

L-imsemmija deċiżjoni tfittex b’hekk għan fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali li jmur lil hinn mill-kuntest politiku ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 443/92, b’mod li l-Kummissjoni qabżet il-kompetenzi ta’ implementazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-Artikolu 15 ta’ l-imsemmi regolament.

(ara l-punti 51-53, 59-62, 66-68)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Rikors għal annullament − Deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha jiġi approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri Filippini – Deċiżjoni adottata skond ir-Regolament Nru 443/92 – Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni – Limiti”

Fil-kawża C‑403/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fis-16 ta’ Novembru 2005,

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn R. Passos kif ukoll minn E. Waldherr u K. Lindahl, wara minn R. Passos, E. Waldherr u G. Mazzini, bħala aġenti b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Tufvesson u A. Bordes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J.-C. Bonichot, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Marzu 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’dan ir-rikors il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li biha ġie approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri fir-Repubblika tal-Filippini ffinanzjat taħt il-linja 19 10 02 tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (“Philippine Border Management Project” Nru ASIA/2004/016-924) (mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) adottata għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lil, u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina (ĠU L 52, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 ta’ l-14 ta’ April 2003 li jadatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità) (ĠU L 122, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 443/92”), safejn il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha ta’ implementazzjoni li ġew mogħtija lilha minn dan ir-regolament.

2       Id-deċiżjoni kkontestata hija konsegwenza ta’ proposta ta’ finanzjament magħmula mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tal-kumitat regolatorju previst mir-Regolament Nru 443/92, li saret fis-17 u fit-18 ta’ Novembru 2004. Peress li, waqt din il-laqgħa, xi Stati Membri kellhom dubju fuq il-bażi legali magħżula, il-proposta ġiet irrinvijata għall-proċedura bil-miktub, li ġiet konkluża fis-7 ta’ Diċembru 2004 b’deċiżjoni favorevoli meħuda b’maġġoranza kkwalifikata min-naħa tal-kumitat imsemmi.

3       Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-21 ta’ Diċembru 2004.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 443/92

4       Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 443/92:

“Il-Komunità għandha tkompli u twessa’ l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-Asja u l-Amerika Latina, minn hawn ’il quddiem irriferuti bħala “l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ AAL”, li m’humiex firmatorji tal-Konvenzjoni ta’ Lomé u ma jibbenefikawx mill-politika ta’ kooperazzjoni tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi Mediterranji. Din il-kooperazzjoni, li għandha tkun b’żieda ma’ l-għajnuna mill-Istati Membri, għandha tinvolvi għajnuna finanzjarja u ta’ żvilupp tekniku u kooperazzjoni ekonomika. F’dan il-kuntest, il-Komunità għandha torbot l-iżjed importanza lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġ għall-proċess ta’ demokratizazzjoni, gvernar tajjeb, protezzjoni ambjentali, liberalizazzjoni fil-kummerċ, u tisħiħ tad-dimensjoni kulturali, permezz ta’ żieda fid-djalogu fuq politika, ekonomija u materji soċjali mnedija fl-interess ta’ xulxin”.

5       Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, “[l]-iskop tal-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni għandu jkun l-iżvilupp uman”.

6       L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 443/92 jipprovdi li:

“Għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkun primarjament indirizzata lejn is-sezzjonijet l-aktar fqar tal-popolazzjoni u l-ifqar pajjiżi fiż-żewġ reġjuni, bl-implementazzjoni tal-programmi u proġetti fi kwalunkwe setturi li l-għajnuna tal-Komunità hija probabli li jkollha rwol importanti. B’mod partikolari, miżuri għandhom ikunu implimentati fl-oqsma fejn ir-riżorsi domestiċi, ekonomiċi, u umani huma diffiċli biex [jiġu mmobilizzati], imma huma ta’ importanza strateġika jew għall-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati jew għall-komunità internazzjonali [kollha]”.

7       L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jgħid li:

“Għajnuna finanzjarja u teknika għandha tagħti prijorità [lill-iżvilupp tas-settur rurali] u [t]tejjeb il-livell ta’ sigurta fl-ikel. […]

[Il-p]rotezzjoni ta’ l-ambjent u r-riżorsi naturali, u żvilupp sostenibbli, għandhom ikunu prijoritajiet fit-tul. […]

[…]

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-miżuri biex tiġi miġġielda d-droga. Kooperazzjoni tal-Komunità mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-ALA biex jippromovu l-ġlieda kontra d-drog[a] għandha tkun imsaħħa fuq bażi ta’ djalogu fil-kuntest iżjed ġenerali ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi produtturi u l-kooperazzjoni tagħhom mal-Komunità Ewropea. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri miżuri involuti kemm umanitarji kif ukoll għajnuna [għal]l-iżvilupp.

Id-dimensjoni umana ta’ l-iżvilupp għandha tkun preżenti fl-oqsma kollha ta’ l-azzjoni, meta [jitqies] il-għan ta’ din il-forma ta’ kooperazzjoni.

Id-dimensjoni kulturali ta' l-iżvilupp [għandha] tibqa’ għan kostanti fl-attivitajiet kollha u l-programmi li magħhom il-Komunità hi assoċjata.

L-għajnuna għalhekk għandha tkun allokata kif mistħoq, inter alia, lill-proġetti speċifiċi għat-tixrid tad-demokrazija, iggvernar tajjeb u drittijiet tal-bniedem.

[Barra] minn hekk, attenzjoni trid tingħata biex tassigura mhux biss li titbdil miġjub mill-proġetti u l-programmi [ma jbiddlux] il-pozizzjoni u r-rwol tan-nisa, imma li, [bil-kontra], miżuri speċifiċi, jew [ukoll] proġetti [jiġu] adottati biex [tiżdied] il-parteċipazzjoni attiva tagħhom, fuq bazi [ta’ ugwaljanza], fil-proċess[i] produttiv[i] u fir-riżultati [tagħhom], u fl-attivitajiet soċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Attenzjoni speċjali għandha wkoll tingħata lill-protezzjoni tat-tfal.

Minoritajiet etniċi jeħtieġu attenzjoni speċjali b’miżuri maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-identità kulturali tagħhom.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-kwistjonijet demografiċi, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu maż-żieda fil-popolazzjoni.

Għajnuna tal-Komunità għall-iżvilupp ta’ proġetti u programmi għandha [tieħu in kunsiderazzjoni problemi makro ekonomiċi] u […] settorali u [ għandha tiffavorixxi inizzjattivi li jkollhom] effett fuq l-istruttura tat-tfassil ta’ l-ekonomija, u l-iżvilupp tal-politika settorali u l-iżvilupp ta’ l-istituzzjonijiet. […]

Appoġġ għall-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex isaħħu il-kapaċità tagħhom biex jimmaniġjaw il-politika ta’ l-iżvilupp u l-proġetti, jirrapreżentaw qasam ta’ azzjoni li x’aktarx jassumi rwol strateġiku fil-proċess ta’ l-iżvilupp. [Iż-żamma] ta’ djalogu sostenibbli bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Komunità huwa element importanti f’dan il-kuntest.

[…]”.

8       Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 443/92:

“Għajnuna finanzjarja u teknika, għandha tkun estiża għal pajjiżi ta’ l-ALA li qed jiżviluppaw relattivament aktar avvanzati, b’mod partikolari f’dawn l-oqsma speċifiċi u każijiet:

–       it-tixrid ta’ demokrazija u drittijiet umani,

–       prevenzjoni ta’ diżastri naturali u r-rikostruzzjoni fl-eventwalità tagħhom,

–       il-ġlieda kontra d-drog[a],

–       ir-riżorsi ambjentali u naturali,

–       tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet, speċjalment awtoritajiet pubbliċi,

–       skemi pilota biex jgħinu partikolarment lill-populazzjoni [mhux] privileġġata biżżejjed speċjalment f’konnurbazzjonijiet kbar,

–       kooperazzjoni reġjonali u integrazzjoni, b’attenzjoni speċjali tingħata lil kooperazzjoni reġjonali u skemi ta’ integrazzjoni li [jippermettu assoċjazzjoni ta’] pajjiżi fqar u [ta’ pajjiżi] relattivament avvanzati”.

9       L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“[Il-k]ooperazzjoni ekonomika, imfassla biex isservi l-interessi reċiproki tal-Komunità u tal-pajjiżi msieħba, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL billi tgħinhom jibnu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom biex jinħoloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment u l-iżvilupp u tagħmel l-iżjed possibli mill-prospetti li jinfetħu bit-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali, inkluż is-suq uniku Ewropew, billi żżid ir-rwol tan-negozjanti, teknoloġija u t-tagħrif mill-[Istati] Membri kollha, partikolarment fis-settur privat u fl-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

[Il-k]ooperazzjoni ekonomika għandha tkun immirata partikolarment lejn l-istabbeliment ta’ klima ta’ kunfidenza tal-pajjiżi li [jimplementaw] politika makro-ekonomika u stutturali li hija miftuħa għall-kummerċ u l-investiment u tikkontribwixxi għal trasferiment teknolġiku, b’mod partikolari billi tipproteġi [d-]drittijiet tal-propjetà intelletwali”.

10     Skond l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi regolament, il-kooperazzjoni ekonomika għandha ssir b’mod partikolari fit-tliet setturi li ġejjin:

“1)      Titjib tal-potenzjal xjentifiku u teknoloġiku u ta’ l-ambjent soċjali, kulturali in ġenerali permezz ta’ skemi ta’ taħriġ u t-trasferiment ta’ “know how” […];

2)      Titjib ta’ l-istruttura istituzzjonali, li għandha tmur id f’id ma’ djalogu iktar fil-qrib mas-sħab, biex tinħoloq klima ekonomika, leġiżlattiva, amministrattiva u soċjali li tikkontribwixxi iżjed għall-iżvilupp;

3)      Appoġġ għall-impriżi, [b’mod partikolari] permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ, it-taħriġ u skemi ta’ għajnuna teknika, billi tistabilixxi kuntatti bejn impriżi u skemi [li jiffaċilitaw] kooperazzjoni bejniethom.

[…]”

11     Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 443/92:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tamministra l-għajnuna finanzjarja u teknika u l-kooperazzjoni ekonomika.

2.      Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn kumitat.

3. Meta jisr riferiment għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

[...]”.

 Id-deċiżjoni kkontestata

12     Id-deċiżjoni kkontestata, miktuba bl-Ingliż, għandha żewġ Artikoli.

13     L-Artikolu 1(1) tagħha jistabbilixxi li l-“Philippine Border Management Project” (iktar ’il quddiem il-“proġett”), skond kif inhu deskritt fit-test tiegħu li huwa anness ma’ l-imsemmija deċiżjoni (iktar ’il quddiem l-“anness deskrittiv”), huwa approvat. L-Artikolu 1(2) jistabbilixxi l-ammont massimu tal-kontribut tal-Komunità bħala EUR 4 900 000, li għandu jiġi ffinanzjat mir-riżorsi disponibbli taħt il-linja tal-baġit 19 10 02 tal-baġit ġenerali tal-Komunità għas-sena 2004.

14     L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna d-dettalji ta’ l-implementazzjoni tal-proġett u l-iskadenza tal-pagamenti.

15     Skond il-punt 3.2 tad-deskrizzjoni annessa mad-deċiżjoni intitolata “Expected results and main activities”, il-proġett huwa maħsub sabiex jassisti lill-awtoritajiet Filippini sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

“1. Promotion of best international border management standards through review/validation of ongoing national policies and practices.

2. Intelligence information is efficiently shared among agencies involved in BM [border management] through a linked and secured IT system […] (analysing and processing the information).

3. Circulation of false identity documents is prevented through increased capacity to detect false documents and public awareness on the importance of holding correct identity documents.

4. Capacity of Border Management senior and technical staff is increased through appropriate training activities (gender and culturally-sensitive)”.

16     B’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet ġenerali” tat-22 ta’ Lulju 2002, il-punt 1 tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jenfasizza r-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea fl-assistenza tal-pajjiżi terzi ladarba dawn ta’ l-aħħar jabbandunaw l-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 1373 (2001) tat-28 ta’ Settembru 2001 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1373”).

17     Il-punt 2 tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jirreferi għall-Istrateġija riveduta għal kull pajjiż għall-perijodu 2002-2006 għall-Filippini u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perijodu 2002-2004 għal dan l-istess pajjiż, li jirrikonoxxi l-prijorità tal-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan il-punt jindika li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tikkonċentra l-appoġġ tagħha prinċipalment fuq l-amministrazzjoni tal-fruntieri, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-immigrazzjoni, u fuq il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

18     Skond il-punt 3 tal-motivazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni “the overall objective of the proposed project is to assist in the implementation of the UNSCR 1373 (2001) in the fight against terrorism and international crime”.

19     Skond il-punt 4 tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, “the purpose of the project is to contribute to the efforts of the Government of the Republic of the Philippines to enhance border security and management in the Philippines in accordance with international norms and protocols”.

 It-talbiet tal-partijiet

20     Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew sussidjarjament bħala infondat;

–       tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond id-dritt.

22     B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2006, ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess jintervjeni fil-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

23     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tal-Parlament tressaq wara li skadew it-termini preskritti. Hija tqis li l-istituzzjoni in kwistjoni setgħet effettivament saret taf dwar id-deċiżjoni kkontestata qabel il-komunikazzjoni uffiċjali li ngħatat fid-9 ta’ Settembru 2005, peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet ikkomunikata b’mod informali b’ittra li ntbagħtet fit-12 ta’ Mejju 2005 mid-delegazzjoni ta’ Manila lis-segretarjat tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament kif ukoll waqt skambju ta’ ittri fid-19 ta’ Lulju 2005 bejn il-membri tas-servizzi legali taż-żewġ istituzzjonijiet.

24     Il-Parlament iwieġeb li t-terminu ta’ żmien sabiex jitressaq rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx ippubblikata u li ma kinitx diretta kontriha, beda jiddekorri biss mill-jum li fih hija ġiet kompletament informata, jiġifieri mid-data li uffiċjalment irċeviet l-ittra li kien fiha kopja ta’ din id-deċiżjoni, jew id-9 ta’ Settembru 2005. Skond il-Parlament, l-ittri preċedenti ma kinux biżżejjed preċiżi sabiex tkun informata dwar il-kontenut eżatt kif ukoll dwar il-motivazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni u skambju informali ta’ ittri bejn kollegi taż-żewġ istituzzjonijiet m’għandhux jitqies li huwa l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

25     Ir-Renju ta’ Spanja ma jesprimix ruħu rigward l-ammissibbiltà tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     Skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.

27     Skond l-Artikolu 254(3) KE, id-direttivi u d-deċiżjonijiet l-oħra li, bis-saħħa tas-subartikoli 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu nnotifikati lil dawk li lilhom kienu indirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika.

28     Huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata la ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u lanqas ma ġiet innotifikata lill-Parlament peress li ma kinitx indirizzata lilha, fejn it-terminu ta’ xahrejn beda jiddekorri fil-konfronti ta’ din l-istituzzjoni biss fil-ġurnata li fiha hija saret taf biha kompletament.

29     Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat minn liema mument il-Parlament sar jaf eżattament il-kontenut u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-elementi ta’ l-inkartament li l-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament, fl-14 ta’ Diċembru 2004, il-minuti fil-qosor tal-laqgħa tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2004 tal-kumitat regolatorju previst mir-Regolament Nru 443/92, fejn jirriżulta li l-opinjoni ta’ l-imsemmi kumitat dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward il-proġett kienet tniżżlet.

31     Permezz ta’ mistoqsijiet bil-miktub fit-8 u l-10 ta’ Frar 2005, żewġ membri tal-Parlament talbu aktar informazzjoni dwar in-natura riżervata ta’ din il-proposta.

32     Fl-ittri tagħha ta’ l-14 ta’ Marzu u t-22 ta’ April 2005, li bagħtet bħala risposta, il-Kummissjoni sempliċement fakkret l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ l-imsemmija proposta, indikat li r-Regolament Nru 443/92 jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ċċitat il-punti 3 u 4 tal-motivazzjonijiet tagħha. Fl-ittra tagħha tat-22 ta’ April 2005, hija rreferiet barra minn hekk għad-dokument ta’ strateġija skond il-pajjiż għall-Filippini għall-perijodu 2002-2006. Madankollu l-ebda waħda mir-risposti ma kienet tinkludi kopja tad-deċiżjoni kkontestata jew ta’ l-anness deskrittiv.

33     Fit-22 ta’ Mejju 2005, il-Parlament, li ma kienx għadu sar jaf eżattament dwar il-kontenut u l-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, talab lill-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu, kopja tat-test ta’ din id-deċiżjoni.

34     Kien biss wara ittra ġdida tas-26 ta’ Awwissu 2005 li l-Parlament finalment irċieva, fid-9 ta’ Settembru 2005, kopja tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr data u firma, kif ukoll l-anness deskrittiv.

35     Għandu jingħad ukoll li jekk il-Kummissjoni ssostni li rrispondiet għat-talba tal-Parlament b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2005, hija madankollu ma tipprovdix il-prova li l-imsemmija istituzzjoni effettivament irċeviet kopja tad-deċiżjoni kkontestata f’din id-data. L-ittri u l-iskambji informali bejn istituzzjonijiet li għalihom tirreferi l-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad l-affermazzjoni tal-Parlament li kienet tgħid li l-informazzjoni li kienet tirriżulta minn dawn il-kuntatti informali ma kinux preċiżi biżżejjed sabiex issir taf eżattament il-kontenut u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

36     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Parlament sar jaf eżattament dwar il-kontenut u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biss permezz tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-test sħiħ ta’ l-imsemmija deċiżjoni fid-9 ta’ Settembru 2005.

37     Għaldaqstant, it-terminu li ngħata lill-Parlament sabiex iressaq ir-rikors tiegħu beda jiddekorri fl-10 ta’ Settembru 2005 u skada fl-20 ta’ Novembru 2005, inkluż it-terminu mogħti minħabba distanza.

38     Peress li r-rikors f’dan il-każ ġie ppreżentat fis-16 ta’ Novembru 2005, ir-rikors għaldaqstant tressaq fit-terminu preskritt.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

39     In sostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iressaq motiv wieħed dovut għall-inkompetenza tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minkejja li din id-deċiżjoni hija kjarament motivata b’kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, hija tmur lil hinn mill-qafas tar-Regolament Nru 443/92 li huwa l-bażi tagħha, u b’mod iktar partikolari l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament relattivi għall-kooperazzjoni ekonomika.

40     Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 443/92 ma jistax jitwessa’ b’interpretazzjoni estensiva, peress li l-inklużjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jippreżupponu tibdil fl-intestatura tiegħu. Il-Parlament isostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kienet għamlet proposta bl-iskop li tinkludi fl-imsemmi regolament, fost oħrajn, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda dan it-tentattiv spiċċa fix-xejn.

41     Anki jekk il-Parlament jammetti li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali jiġi mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp, huwa jqis li s-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma jistgħux jiffurmaw parti integranti ta’ l-għajnuna istituzzjonali skond ir-Regolament Nru 443/92. Fil-fatt, l-għajnuna istituzzjonali ma tikkonċernax għan fiha nnifisha, iżda tikkostitwixxi l-iktar mezz sabiex jitnaqqas il-faqar u sabiex b’hekk jinkisbu l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni u ta’ l-iżvilupp. F’kull każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu mhijiex kompetenza ġenerali tal-Komunità.

42     Sussidjarjament, il-Parlament isostni, fil-kwalità tagħha bħala awtorità tal-baġit, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tidħol fl-ispejjeż meħtieġa għall-iffinanzjar tal-proġett in kwistjoni. Minn naħa, il-baġit ġie mfassal mingħajr att bażiku li jawtorizza l-imsemmija spejjeż. Min-naħa l-oħra, dan jirrigwarda użu indebitu ta’ flus mogħtija lilha għall-qasam tal-kooperazzjoni u żvilupp bi ksur tal-prinċipju ta’ partikolarità tal-baġit.

43     Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali fir-Regolament Nru 443/92 ma jippreġudikax id-deċiżjoni kkontestata bl-illegalità li jsostni l-Parlament. Fil-fatt, motivazzjoni eventwalment insuffiċjenti ta’ din id-deċiżjoni ma taffetwax il-validità ta’ din ta’ l-aħħar. Skond il-Kummissjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-għan imħabbar mid-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsisti fis-sostenn ta’ l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373, u l-għan speċifiku tiegħu, li hi l-promozzjoni, permezz ta’ għajnuna għall-ħarsien tal-fruntieri, tat-tisħiħ istituzzjonali, li huwa previst b’mod espliċitu fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 443/92.

44     L-għan segwit mill-pjan imfassal mid-deċiżjoni kkontestata ma jillimitax ruħu biss għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda huwa intiż ukoll għall-ġlieda kontra l-ittraffikar tad-droga kif ukoll l-ittraffikar tal-bnedmin. B’hekk, il-pjan ikollu impatt pożittiv fil-qasam tas-sigurtà interna, b’mod partikolari fis-settur tat-turiżmu. Il-Kummissjoni żżid li l-pjan jikkontribwixxi sabiex jinħolqu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku u għall-investiment u li għaldaqstant jidħol ukoll fil-kuntest ta’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92.

45     Filwaqt li tistrieħ fuq il-kuntest ġenerali u fuq l-evoluzzjoni tal-politika ta’ l-iżvilupp matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni terġa tesponi li t-tisħiħ istituzzjonali, li jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti orizzontali indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli, minn issa ’l quddiem jifforma parti integranti mill-politika ta’ kooperazzjoni Komunitarja. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikoli 177 KE u 181 A KE, fejn il-kliem li jintużaw fihom juru li għajnuna tista’ tingħata f’oqsma mhux espliċitament imsemmija, bħal, b’mod partikolari, it-tneħħija tan-nases tal-mini jew id-deklassifikazzjoni ta’ armi zgħar.

46     Minkejja li tirrikonoxxi li m’għandhiex kompetenza awtonoma fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament Nru 443/92 jikkostitwixxi strument finanzjarju għall-użu ta’ politika globali, b’mod li, meta jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, wieħed irid juri ċertu flessibbiltà u għandu jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest politiku ġenerali.

47     Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament Nru 443/92, jiġifieri l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), l-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat b’mod estensiv.

48     Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-kompetenzi eżekuttivi tal-Kummissjoni għandhom jiġi ddeterminati billi tittieħed in kunsiderazzjoni s-setgħa wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet Komunitarji mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma li jeħtieġu analiżi ekonomiċi kumplessi. Huwa jqis b’mod iktar partikolari li d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 443/92 ladarba, minn naħa, hija tipparteċipa fit-tisħiħ tas-sistema istituzzjonali ta’ l-Istat benefiċjarju, liema settur jissemma espliċitament fl-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi regolament, u li, min-naħa l-oħra, hija tikkontribwixxi, billi toħloq ċertu livell ta’ sigurtà interna, għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dan l-Istat. Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li r-Regolament Nru 443/92 isemmi fost l-għanijiet tiegħu azzjonijiet marbuta mat-titjib tas-sigurtà, bħall-ġlieda kontra d-droga. Billi jsemmi l-għanijiet segwiti b’manjiera mhux eżawrjenti, l-imsemmi regolament jippermetti, permezz ta’ interpretazzjoni flessibbli, adattament għall-evoluzzjonijiet tas-soċjetà internazzjonali, bl-inklużjoni fl-għanijiet tiegħu tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tar-rispett ta’ l-obbligi li jirriżultaw mir-riżoluzzjoni 1373, għanijiet li, barra minn hekk, mhumiex kompatibbli ma’ l-azzjonijiet tal-politika Komunitarja ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni ekonomika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49     Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) KE, l-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat mogtħija lilhom mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-93/00, Ġabra p. I‑10119, punt 39, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 57).

50     Skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE, sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ l-għanijiet iffissati mit-Trattat u taħt il-kundizzjonijiet li dan jipprovdi, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta, il-kompetenzi għall-implementazzjoni tar-regoli li huwa jistabbilixxi. Il-Kunsill jista’ jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi għal ċerti metodi u jista’ jeżerċita kompetenzi ta’ implementazzjoni huwa nniffsu direttament, f’każijiet speċifiċi.

51     Fil-kuntest ta’ dawn il-kompetenzi, li l-limitazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu evalwati b’mod partikolari skond l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta kull miżura ta’ applikazzjoni neċessarja jew utli għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika, safejn dawn ma jmorrux kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑478/93, Ġabra p. I‑3081, punti 30 u 31, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑159/96, Ġabra p. I‑7379, punti 40 u 41).

52     F’dan il-każ, il-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni, skond il-kliem innifsu ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 443/92, is-setgħa li tassigura l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi ta’ żvilupp ta’ l-Amerika Latina u l-Ażja. Hija bis-saħħa ta’ din is-setgħa ta’ implementazzjoni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

53     Kif jirriżulta mill-punti u mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-istess mod bħall-anness deskrittiv, il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-isforzi tar-Repubblika tal-Filippini intiżi li tittejjeb is-sigurtà u l-amministrazzjoni tal-fruntieri tagħha skond ir-Riżoluzzjoni 1373, li tikkomporta l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali.

54     Għal dan il-għan, il-pjan huwa intiż li jiġu implementati miżuri konkreti f’erba’ oqsma relattivi għall-amministrazzjoni tal-fruntieri, jiġifieri t-titjib tal-metodi ta’ amministrazzjoni, il-ħolqien ta’ sistema informatika, il-kontroll tad-dokumenti ta’ identità kif ukoll it-taħriġ tal-persunal ikkonċernat.

55     Sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tal-Parlament, jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat jekk għan bħal dak segwit mid-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċerna l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 443/92.

56     Ċertament, l-Artikoli 177 KE sa 181 KE, introdotti mit-Trattat ta’ l-UE u li jirreferu għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi li jinsabu f’fażi ta’ żvilupp, jikkomportaw mhux biss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi, l-inklużjoni armonjuża u progressiva tagħhom fl-ekonomija globali kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar, iżda wkoll l-iżvilupp u t-tisħiħ tad-demokrazija u ta’ l-Istat tad-Dritt kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, dejjem b’rispett għall-impenji meħuda fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

57     Barra minn hekk, jirriżulta mid-dikjrarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni fuq il-politika ta’ żvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea intitolata “Il-kunsens Ewropew” (ĠU 2006, C 46, p. 1) li ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli u tneħħija tal-faqar mingħajr paċi u sigurtà u li t-tiftix ta’ l-għanijiet tal-politika l-ġdida għall-iżvilupp mill-Komunità essenzjalment trid tippromwovi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

58     Il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda barra minn hekk, meta ġie mħassar ir-Regolament Nru 443/92 mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1905/2006 tat 18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41), li jsaħħaħ il-qafas tal-politika ta’ żvilupp sabiex tkun iktar effiċjenti. F’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 tal-15 ta’ Novembru 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, p. 1), jistabbilixxi għajnuna Komunitarja, kumplementari għal dik mogħtija bħala għajnuna esterna, billi jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-prevenzjoni fir-rigward tal-fraġilità ta’ l-Istati kkonċernati. B’konformità mas-sitt premessa ta’ dan l-aħħar regolament, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew fuq il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-25 ta’ Marzu 2004, li fiha jintalab li l-għanijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jiddaħħlu fil-programmi ta’ għajnuna esterna. Skond l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni issa tista’ tiżgura l-amministrazzjoni ta’ l-asistenza teknika u finanzjarja fil-qasam tat-tisħiħ tal-kompetenzi ta’ l-awtoritajiet implikati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, billi tagħti prijorità, b’mod partikolari, għall-miżuri ta’ għajnuna li jikkonċernaw l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, tal-liġijiet doganali u tal-liġijiet fuq l-immigrazzjoni.

59     Xorta jibqa’ l-fatt li huwa stabbilit li r-Regolament Nru 443/92 ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li l-proposta ta’ emenda tar-Regolament Nru 443/92, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2002 (KUM 2002/0340 finali, tat-2 ta’ Lulju 2002) intiża li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi regolament, fost oħrajn, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma għaddietx.

60     Il-Kummissjoni tqis madankollu li d-deċiżjoni kkontestata setgħet ittieħdet validament abbażi tar-Regolament Nru 443/92 safejn il-proposta tikkontribwixxi direttament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-pajjiż ikkonċernat u li dan il-qasam ta’ azzjoni jinsab espliċitament kemm fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, relattivi għall-għajnuna finanzjarja u teknika, kif ukoll fl-Artikoli 7 u 8 ta’ l-istess regolament, relattivi għall-kooperazzjoni ekonomika.

61     F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ l-għajnuna finanzjarja u teknika, jirriżulta mil-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92 li s-sostenn għall-istituzzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi fi żvilupp ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda strument sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom tal-politika u tal-pjanijiet ta’ żvilupp fl-oqsma li jingħataw importanza partikolari minn dan ir-regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, is-settur rurali, is-sigurtà ta’ l-ikel, il-protezzjoni ta’ l-ambjent, il-ġlieda kontra d-droga, id-dimensjoni kulturali ta’ l-iżvilupp, il-protezzjoni tat-tfal u l-kwistjonijiet demografiċi. B’hekk, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi ta’ l-awtoritiajiet inkarigati mill-amministrazzjoni tal-fruntieri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala relattivi għall-waħda mill-oqsma msemmija fl-imsemmi regolament.

62     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 443/92, safejn din tikkomporta l-estensjoni, għall-pajjiżi fi żvilupp li huma relattivament iktar avvanzati, ta’ l-għajnuna finanzjarja u teknika msemmija fl-Artikolu 5 fl-oqsma u każijiet speċifiċi, b’mod partikolari t-tisħiħ istituzzjonali ta’ l-amministrazzjoni pubblika, jirriżulta mit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament li din l-għajnuna għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ l-għanijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għall-għajnuna finanzjarja u teknika li din tipprovdi, it-tisħiħ istituzzjonali msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 443/92 lanqas ma jikkostitwixxi għan fih inniffsu.

63     Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant toħroġ argument mill-fatt li l-pjan huwa intiż li jżid l-istabbiltà u s-sigurtà interna tar-Repubblika tal-Filippini.

64     Huwa minnu li l-amministrazzjoni tal-fruntieri hija, bħala prinċipju, tali li żżid l-istabbiltà u s-sigurtà interna tal-pajjiż ikkonċernat fejn tippermetti li jitjiebu l-kontrolli għal dak li jirrigwarda, b’mod partikoari, it-traffikar ta’ l-armi u ta’ drogi kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin, attivitajiet li mingħajr dubju jikkostitwixxu ostakli kbar għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li mhux biss ir-Regolament Nru 443/92 ma jagħmel l-ebda riferiment għall-istabbiltà u s-sigurtà interna, iżda saħansitra li ma jeżisti l-ebda ħjiel li jippermetti li jiġi konkluż li dawn l-għanijiet jaqgħu impliċitament taħt dan ir-regolament, li, fis-seba’ premessa tiegħu, jiddefinixxi, fost il-prijoritajiet ġodda, l-ambjent, id-dimensjoni umana ta’ l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ekonomika fi spirtu ta’ interess reċiproku.

65     Bil-kontra ta’ l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ftit jimporta jekk deċiżjonijiet analogi għad-deċiżjoni kkontestata ttieħdux abbażi tar-Regolament Nru 443/92 jew li din ta’ l-aħħar tinkludi suġġetti, bħall-ġlieda kontra d-droga, li l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà u s-sigurtà interna tal-pajjiż ikkonċernat jista’ jiġi kkumparat ma’ dak li tħalli l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni għandha ssir fid-dawl ta’ l-elementi karatteristiċi ta’ kull deċiżjoni, li, f’dan il-każ, ma jippermettux l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 443/92 u, min-naħa l-oħra, bil-kontra tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, il-ġlieda kontra d-droga hija espliċitament imsemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ l-imsemmi regolament.

66     Għal dak li jirrigwarda t-tisħiħ istituzzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni ekonomika invokata mill-Kummissjoni, jirriżulta mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92 li l-kooperazzjoni ekonomika għandha tikkontribwixxi sabiex l-ambjent ekonomiku, leġiżlattiv, regolamentari u soċjali jiffavorixxi iktar l-investiment u l-iżvilupp. Safejn kull azzjoni ta’ kooperazzjoni, permezz tas-sempliċi finanzjament li għandu jsir, tista’, bħala prinċipju, ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż ikkonċernat, pjan ta’ tisħiħ istituzzjonali għandu, sabiex ikun eliġibbli taħt il-kooperazzjoni ekonomika, jikkaratterizza ruħu bl-eżistenza ta’ rabta diretta ma’ l-għan tiegħu li jsaħħaħ l-investiment u l-iżvilupp.

67     Madankollu, f’dan il-każ, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda element ma jippermetti li jiġi ddeterminat fiex l-għan imfittex minn dan il-pjan jista’ jikkontribwixxi effettivament sabiex l-ambjent ikun iktar favorevoli għall-investiment u għall-iżvilupp ekonomiku.

68     Jirriżulta minn kull ma ntqal li d-deċiżjoni kkontestata tfittex għan fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali li jmur lil hinn mill-kuntest politiku ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 443/92, b’mod li l-Kummissjoni qabżet il-kompetenzi ta’ implementazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-Artikolu 15 ta’ l-imsemmi regolament.

69     Id-deċiżjoni kkontestata għandha għaldaqstant tiġi annullata minħabba din ir-raġuni.

70     F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument, imressaq sussidjarjament mill-Parlament fir-replika tagħha, dwar l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tidħol fl-ispejjeż meħtieġa għall-iffinanzjar tal-proġett.

 Fuq l-ispejjeż

71     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mill-Parlament. Skond l-Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-regoli, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li biha ġie approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri fir-Repubblika tal-Filippini ffinanzjat taħt il-linja 19 10 02 tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (“Philippine Border Management Project” Nru ASIA/2004/016-924) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top