EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-7 ta' Diċembru 2006.
Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE) vs Rafael Hoteles SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja.
Dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni - Direttiva Nru 2001/29/KE - Artikolu 3 - Kunċett ta' "komunikazzjoni lill-pubbliku" - Xogħlijiet ikkomunikati permezz ta' apparati ta' televixin installati fil-kmamar ta' lukanda.
Kawża C-306/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:764

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta' Diċembru 2006 (*)

"Dritt ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni – Direttiva Nru 2001/29/KE – Artikolu 3 – Kunċett ta' "komunikazzjoni lill-pubbliku" – Xogħlijiet ikkomunikati permezz ta' apparati ta' televixin installati fil-kmamar ta' lukanda"

Fil-kawża C-306/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Awwissu 2005, fil-kawża

Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE)

vs

Rafael Hoteles SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE), minn R. Gimeno-Bayón Cobos u P. Hernández Arroyo, abogados,

–       għal Rafael Hoteles SA, minn R. Tornero Moreno, abogado,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑C. Niollet, bħala aġenti,

–       għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn K. Murawski, U. Rutkowska u P. Derwicz, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. R. Vidal Puig u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10).

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE) u Rafael Hoteles SA (iktar 'il quddiem il-"kumpannija Rafeal"), dwar il-ksur allegat, minn din ta' l-aħħar, tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali amministrati mis-SGAE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali applikabbli

3       Il-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ, li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kien ġie approvat f'isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu ma' affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 366, p.1).

4       L-Artikolu 9(1) tal-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ jiddisponi:

"Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta' Bern[a] (1971) u l-Appendiċi tagħha. Madankollu, il-Membri ma għandhomx ikollhom id-drittijiet jew l-obbligi taħt dan il-Ftehim dwar id-drittijiet mogħtija taħt l-Artiklu 6bis ta' dik il-Konvenzjoni jew id-drittijiet li joħorġu minnu."

5       Skond l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (Att ta' Pariġi ta' l-24 ta' Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta' Settembru 1979 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Berna"):

"1.      L-awturi ta' xogħlijiet drammatiċi, drammatiko-mużikali u mużikali jiddisponu minn dritt esklużiv li jawtorizzaw:

i)      wirjiet pubbliċi tax-xogħlijiet tagħhom, inklużi l-wirjiet pubbliċi b'kull mezz jew proċess;

ii)      it-trasmissjoni pubblika b'kull mezz tal-wirjiet tax-xogħlijiet tagħhom.

2.      L-istess drittijiet għandhom jingħataw lill-awturi ta' xogħlijiet drammatiċi jew drammatiko-mużikali matul it-terminu kollu tad-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol oriġinali, għal dak li jikkonċerna t-traduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 11bis(1) tal-Konvenzjoni ta' Berna jiddisponi:

"L-awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi jiddisponu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

i)      ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' dawn ix-xogħlijiet b'kull mezz ieħor għax-xandir mingħajr fili tas-sinjali, tal-ħsejjes jew ta' l-immaġni;

ii)      kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni hija magħmula minn korp li mhuwiex l-oriġinali;

iii)      il-komunikazzjoni lill-pubbliku, permezz ta' lawdspiker jew permezz ta' kull strument ieħor simili li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, tax-xogħol imxandar." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f'Ġinevra fl-20 ta' Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi kif ukoll it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur. Dawn iż-żewġ trattati kienu ġew approvati f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/278 tas-16 ta' Marzu 2000 (ĠU L 89, p. 6).

8       L-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur jiddisponi:

"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta' Bern[a], awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta' kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b'mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment."

9       Dikjarazzjonijiet miftiehma dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur kienu ġew adottati mill-Konferenza Diplomatika fl-20 ta' Diċembru 1996.

10     Id-dikjarazzjoni miftiehma dwar l-Artikolu 8 ta' l-imsemmi Trattat hija fformulata kif ġej:

"Huma mifhum illi s-sempliċi provvista ta' faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista' ssir jew issir komunikazzjoni ma tammontax, fiha nnifisha, għal komunikazzjoni fis-sens ta' dan i[t-]Trattat jew tal-Konvenzjoni ta' Bern[a]. Huwa mifhum ukoll illi xejn fl-Artikolu 8 ma jżomm Parti Kontraenti milli tapplika l-Artikolu 11bis(2)."

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

11     Skond id-disa' premessa tad-Direttiva Nru 2001/29:

"Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà."

12     L-għaxar premessa ta' din id-Direttiva hija fformulata kif ġej:

"Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi "fuq talba", huwa kunsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment."

13     Il-ħmistax-il premessa ta' din l-istess Direttiva tipprovdi:

"Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi [tal-WIPO] f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-"Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO" u t-“Trattat dwar [il-Prestazzjonijiet] u l-Fonogrammi WIPO”, li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa "aġenda diġitali" u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. Il-Komunità u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-Komunità u l-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplementa għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda."

14     Skond it-tlieta u għoxrin-il premessa ta' l-imsemmija Direttiva:

"Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor."

15     Is-seba' u għoxrin-il premessa tad-Direttiva Nru 2001/29 tipprovdi:

"Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva."

16     L-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jiddisponi:

"1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

c)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trażmessi bil-fili jew [mingħajr fili], magħduda bil-kejbil jew bis-satellita.

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17     It-test kodifikat tal-liġi fuq il-proprjetà intelletwali, li tirregola, tispeċifika u tarmonizza d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ f'dan il-qasam (iktar 'il quddiem il-"LPI"), kien ġie approvat mid-Digriet Rjali Leġiżlattiv Nru 1/1996, tat-12 ta' April 1996 (BOE Nru 97, tat-22 ta' April 1996).

18     L-Artikolu 17 tal-LPI jipprevedi:

"L-awtur għandu jeżerċita b'mod esklużiv id-drittijiet ta' użu tax-xogħol tiegħu bi kwalunkwe mod, b'mod partikolari d-drittijiet ta' riproduzzjoni, ta' distribuzzjoni, ta' komunikazzjoni lill-pubbliku u ta' trasformazzjoni, li ma jistgħux isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, ħlief fil-każijiet previsti minn din il-liġi."

19     L-Artikolu 20(1) tal-LPI jipprovdi:

""Komunikazzjoni lill-pubbliku" tfisser kull att li bih xogħol isir aċċessibbli għal numru ta' persuni, mingħajr distribuzzjoni minn qabel ta' kopji lil kull waħda minnhom.

Il-komunikazzjoni li ssir f'post strettament privat li mhuwiex integrat jew konness ma' netwerk ta' xandir mhijiex ikkunsidrata pubblika."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20     Is-SGAE hija l-korp inkarigat mill-amministrazzjoni tad-drittijiet ta' proprietà intellettwali fi Spanja.

21     Is-SGAE qieset li l-użu ta' apparati ta' televixin u ta' xandir ta' mużika għall-atmosfera f'lukanda li l-proprejtarju tagħha huwa l-kumpannija Rafael, matul il-perijodu bejn ix-xhur ta' Ġunju 2002 u ta' Marzu 2003, ta lok għal atti ta' komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet li kienu jagħmlu parti mir-repertorju li hija kienet tamministra. Billi qieset li dawn l-atti kienu ġew eżegwiti bi ksur tad-drittijiet ta' proprejtà intellettwali relatati ma' dawn ix-xogħlijiet, is-SGAE ressqet talba għal kumpens kontra l-kumpannija Rafael quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 28 de Barcelona (qorti tal-prim'istanza Nru 28 ta' Barċellona).

22     Permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Ġunju 2003, din il-qorti ċaħdet parzjalment it-talba. Fil-fatt, hija qieset li l-użu ta' apparati ta' televixins fil-kmamar tal-lukanda ma tawx lok għall-atti ta' komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet amministrati mis-SGAE. Din il-qorti qieset, min-naħa l-oħra, li t-talba tagħha hija fondata fir-rigward ta' l-eżistenza notorja, fil-lukandi, ta' partijiet komuni li għandhom apparati ta' televixins u li fihom tindaqq mużika għall-atmosfera.

23     Is-SGAE u l-kumpannija Rafael ressqu t-tnejn kemm huma appell mis-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona, liema qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-installazzjoni, fil-kmamar ta' lukanda, ta' apparati ta' televixin li jiddistribwixxu, bil-kejbil, is-sinjal ta' televixin irċevut minn satellita jew minn fuq l-art tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku li fuqha tittratta l-armonizzazzjoni prevista tar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [Nru 2001/29]?

2)      Il-fatt li kamra ta' lukanda tiġi meqjusa bħala post strettament privat u li, minħabba dan il-fatt, il-komunikazzjoni hemmhekk magħmula permezz ta' apparati ta' televixin li jiddistribwixxu s-sinjal rċevut minn qabel mil-lukanda ma tikkostitwixxix att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, imur kontra l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur prevista mid-Direttiva [Nru 2001/29]?

3)      Għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur fir-rigward ta' l-atti ta' komunikazzjoni lill-pubbliku prevista mid-Direttiva [Nru 2001/29], l-att ta' komunikazzjoni mwettaq permezz ta' apparat ta' televixin installat f'kamra ta' lukanda jista' jiġi meqjus bħala att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku peress illi persuni suċċessivi jkollhom aċċess għal xogħol? "

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

24     B’ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Settembru 2006, il-kumpannija Rafael talbet, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

25     Din it-talba hija motivata mill-inkoerenza allegata tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali. Il-kumpannija Rafael issostni li r-risposta negattiva li wasslu għaliha dawn il-konklużjonijiet għal dak li jikkonċerna l-ewwel domanda timplika inevitabbilment risposti negattivi għat-tieni u t-tielet domandi, filwaqt li l-Avukat Ġenerali tissuġġerixxi li dawn ta' l-aħħar għandhom jingħataw risposta affermattiva.

26     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux għal possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta' Marzu 2006, Emanuel, C-259/04, Ġabra p. I-3089, punt 15).

27      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew fuq anki talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 19, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 12).

28     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi.

29     Għalhekk, mhemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

30     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-kumpannija Rafael, is-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-ko[o]rdinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-kejbil (ĠU L 248, p. 15), iżda taqa' taħt id-Direttiva Nru 2001/29. Fil-fatt, din ta' l-aħħar tapplika għall-komunikazzjonijiet kollha lill-pubbliku ta' xogħlijiet protetti, filwaqt li d-Direttiva Nru 93/83 tipprovdi biss armonizzazzjoni minima ta' ċerti aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati fil-każ ta' komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita jew b'ritrasmissjoni bil-kejbil ta' trasmissjonijiet li jiġu minn Stati Membru oħra. Issa, hekk kif il-Qorti ddeċidiet diġà, għad-differenza tad-Direttiva Nru 2001/29, dawn ir-regoli ta' armonizzazzjoni minima ma jipprovdux elementi sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar sitwazzjoni simili bħal dik imsemmija minn dawn id-domandi preliminari (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta' Frar 2000, Egeda, C-293/98, Ġabra p. I‑629, punti 25 u 26).

31     Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li mill-eżiġenzi kemm ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali, jirriżulta li t-termini ta' dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju li, bħal dawk tad-Direttiva Nru 2001/29, ma jinkludu ebda referenza espliċita għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Memrbi sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 2000, Yiadom, C-357/98, Ġabra p. I‑9265, punt 26 u tas-6 ta' Frar 2003, SENA, C-245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 23). Minn dan isegwi li l-gvern Awstrijak ma jistax isostni li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta' "pubbliku" li għalih tagħmel riferiment id-Direttiva Nru 2001/29 mingħajr ma tagħti definizzjoni tagħha.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

32     Permezz ta' l-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-distribuzzjoni ta' sinjal permezz ta' apparati ta' televixin lill-klijenti fil-kmamar ta' lukanda tikkostitwixxix att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 u jekk l-installazzjoni ta' apparati ta' televixin fil-kmamar ta' tali stabbiliment tikkostitwixxix, fiha nfisha, att ta' din in-natura.

33     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija direttiva ma tispeċifikax it-tifsira tal-kelma "komunikazzjoni lill-pubbliku".

34     Skond ġurisprudenza kostanti, għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50, u tas-6 ta' Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C-53/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

35     Barra minn hekk, it-testi ta' dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati, safejn possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1998, Bettati, C-341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36     Mit-tlieta u għoxrin-il premessa tad-Direttiva Nru 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta' komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jinftiehem fis-sens wiesgħa. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija indispensabbli sabiex jinkiseb l-għan prinċipali ta' l-imsemmija Direttiva, liema għan, hekk kif jirriżulta mid-disa' u l-għaxar premessa, huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta' protezzjoni favur, fost oħrajn, l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b'mod partikolari f'każ ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.

37     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-kuntest ta' dan il-kunċett, il-kelma "pubbliku" tkopri numru indeterminat ta' telespettaturi potenzjali (sentenzi tat-2 ta' Ġunju 2005, Mediakabel, C-89/04, Ġabra p. I‑4891, punt 30, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 31).

38     F'kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, approċċ globali huwa essenzjali, li jirrikjedi, minn naħa, li jittieħdu in kunsiderazzjoni, mhux biss il-klijenti fil-kmamar ta' lukanda, liema klijenti biss jissemmew espliċitament fid-domandi preliminari, iżda wkoll il-klijenti li huma preżenti f'postijiet oħra fl-imsemmi stabbiliment u li għandhom fil-viċinanza tagħhom apparat ta' televixin installat hemmhekk. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, ġeneralment, il-klijenti ta' tali stabbiliment jinbidlu ta' spiss. Ġeneralment, huma involuti numru pjuttost kbir ta' persuni, b'mod li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala pubbliku fir-rigward ta' l-għan prinċipali tad-Direttiva Nru 2001/29, kif imfakkar fil-punt 36 ta' din is-sentenza.

39     Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' xogħlijiet lil tali telespettaturi potenzjali, dan jista' jkollu f'tali kuntest importanza konsiderevoli. Għaldaqstant, mhuwiex daqshekk importanti li l-uniċi destinatarji huma dawk li jokkupaw il-kmamar u li dawn, meħuda separatament, jippreżentaw biss interess ekonomiku limitat għall-lukanda stess.

40     Għandu jiġi osservat ukoll li komunikazzjoni mwettqa fiċ-ċikustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, skond l-Artikolu 11bis(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta' Berna, komunikazzjoni magħmula minn korp ta' ritrasmissjoni li mhuwiex il-korp oriġinali. B'hekk, tali trasmissjoni ssir lil pubbliku differenti mill-pubbliku intiż mill-att ta' komunikazzjoni oriġinali tax-xogħol, jiġifieri pubbliku ġdid.

41     Fil-fatt, kif tispjega l-Gwida għall-Konvenzjoni ta' Berna, dokument interpretattiv maħruġ mill-WIPO li, mingħajr ma għandu s-setgħa vinkolanti tal-liġi, jikkontribwixxi madankollu għall-interpretazzjoni ta' l-imsemmija konvenzjoni, l-awtur, meta jawtorizza x-xandir tax-xogħol tiegħu, jieħu in kunsiderazzjoni biss l-udjenza diretta, jiġifieri dawk li għandhom apparati ta' riċezzjoni li individwalment jew fiċ-ċirkolu privat jew tal-familja tagħhom, jirċievu t-trasmissjonijiet. Skond din il-gwida, fil-mument li din ir-riċezzjoni tkun intiża għall-udjenza ikbar, u xi drabi għal skopijiet ta' qligħ, porzjon ġdid tal-pubbliku li qed jirċievi jitħalla jisma' jew jara x-xogħol u l-komunikazzjoni tat-trasmissjoni permezz ta' lawdspiker jew strument simili ma tikkostitwixxix iktar is-sempliċi riċezzjoni tat-trasmissjoni fiha nfisha, iżda hija att indipendenti li bih xogħol trażmess huwa kkomunikat lil pubbliku ġdid. Hekk kif tispeċifika l-imsemmija gwida, din ir-riċezzjoni pubblika tagħti lok għad-dritt esklużiv ta' l-awtur li jawtorizzaha.

42     Issa, il-klijentela ta' lukanda tikkostitwixxi pubbliku ġdid. Id-distribuzzjoni tax-xogħol imxandar lil din il-klijentela permezz ta' apparati ta' televixin ma tikkostitwixxix sempliċi mezz tekniku sabiex tiġi ggarantita jew imtejba r-riċezzjoni tat-trasmissjoni oriġinali fiż-żona tagħha ta' kopertura. Għall-kuntrarju, il-lukanda hija l-korp li jintervjeni, f'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-imġieba tiegħu, sabiex jagħti aċċess għax-xogħol protett lill-klijenti tiegħu. Fin-nuqqas ta' tali intervent, dawn il-klijenti, għalkemm jinsabu ġewwa l-imsemmija żona, ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar.

43     Sussegwentement, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 u mill-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur jirriżulta li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, li x-xogħol ikun disponibbli lill-pubbliku b'mod li l-persuni li jikkostitwixxuh jistgħu jkollhom aċċess għalih. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta' dak sostnut mill-kumpannija Rafael u mill-Irlanda, il-fatt li l-klijenti li ma jixgħelux l-apparat tat-televixin ma jkollhomx effettivament aċċess għax-xogħlijiet mhuwiex fattur determinanti.

44     Barra minn hekk, mill-provi tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-intervent tal-lukanda li jagħti aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti tagħha għandu jiġi meqjus bħala servizz addizzjonali mwettaq bil-għan li jittieħed benefiċċju. Ma jistax jiġi kkontestat serjament li l-offerta ta' dan is-servizz tinfluwenza l-pożizzjoni tal-lukanda u, għaldaqstant, il-prezz tal-kmamar. Għaldaqstant, anki jekk jiġi kkunsidrat, hekk kif issostni l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-għan li jsir qligħ mhuwiex kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, huwa stabbilit madankollu li n-natura ta' qligħ tal-komunikazzjoni teżisti f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

45     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-installazzjoni ta' apparati fil-kmamar ta' lukanda tikkostitwixxix att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29, għandu jiġi enfasizzat li l-kliem tas-seba' u għoxrin-il premessa ta' din id-direttiva tipprovdi, skond l-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur, li "[i]s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ [l-imsemmija] Direttiva".

46     Issa, jekk is-sempliċi provvista ta' installazzjonijiet fiżiċi, li tkopri ġeneralment, minbarra l-lukandi, impriżi speċjalizzati fil-bejgħ jew il-kirja ta' apparati ta' televixins, ma tikkostitwixxix, bħala tali, komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva Nru 2001/29, xorta jibqa' l-fatt li din l-installazzjoni tista' trendi teknikament possibbli l-aċċess tal-pubbliku għax-xogħlijiet imxandra. Għaldaqstant, jekk, permezz ta' l-apparati tat-televixin hekk installati, lukanda tiddistribwixxi s-sinjal lill-klijenti tagħha li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta' dan l-istabbilment, dan jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, mingħajr ma huwa importanti li wieħed ikun jaf liema teknika intużat għat-trasmissjoni tas-sinjal.

47     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li, filwaqt li s-sempliċi provvista ta' installazzjonijiet fiżiċi ma tikkostitwixxix, bħala tali, komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva Nru 2001/29, id-distribuzzjoni ta' sinjal permezz ta' apparati ta' televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta' lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

48     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk in-natura privata tal-kmamar ta' lukanda tipprekludix il-komunikazzjoni ta' xogħol f'dawn il-postijiet milli tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29.

49     F'dan ir-rigward, l-Irlanda ssostni li għandha ssir distinzjoni bejn l-atti ta' komunikazzjoni jew id-disponibbiltà ta' xogħlijiet magħmula fil-kuntest privat tal-kmamar ta' lukanda u l-istess atti magħmula fil-postijiet pubbliċi fi ħdan dan l-istabbilment. Mandankollu, din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata.

50     Jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-ispirtu ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 u mill-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur, li t-tnejn kemm huma jirrikjedu awtorizzazzjoni ta' l-awtur mhux għar-ritrasmissjonijiet f'post pubbliku jew li huwa miftuħ għall-pubbliku, iżda għall-atti ta' komunikazzjoni li bihom xogħol isir aċċessibbli lill-pubbliku, li l-kriterju privat jew pubbliku tal-post fejn issir il-komunikazzjoni mhuwiex rilevanti.

51     Barra minn hekk, skond dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 2001/29 u tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur, id-dritt ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi d-disponibbiltà għall-pubbliku ta' xogħlijiet b'mod li kull wieħed jista' jkollu aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment. Issa, l-imsemmi dritt ta' disponibbiltà lill-pubbliku u, għaldaqstant, ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jkun nieqes manifestament minn kull sinjifikat jekk huwa ma jkoprix ukoll il-komunikazzjoni magħmula f'postijiet privati.

52     In sostenn tat-teżi dwar in-natura privata tal-kmamar ta' lukanda, l-Irlanda tinvoka wkoll il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, li jipprekludi kull indħil arbitrarju jew sproporzjonat minn awtorità pubblika fl-isfera ta' attività privata. Mandankollu, dan l-argument xorta ma jistax jiġi milqugħ.

53     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Irlanda ma speċifikatx min ikun, f'kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, il-vittma ta' tali indħil arbitrarju jew sproporzjonat. Issa, huwa ferm improbabbli li l-Irlanda qegħda tirreferi għall-klijenti li jibbenefikaw mis-sinjal li huma jirċievu u li m'għandhom l-ebda obbligu li jħallsu lill-awturi. Huwa wkoll ċar li l-vittma lanqas tista' tkun il-lukanda, peress illi, anki jekk hemm lok li jiġi konkluż li dan l-istabbilment għandu jeffettwa l-imsemmi ħlas, huwa ma jistax jallega madankollu li huwa vittma ta' ksur ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali peress illi l-kmamar, ladarba huma disponibbli lill-klijenti tiegħu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqgħu fl-isfera privata tiegħu.

54     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-natura privata tal-kmamar ta' lukanda ma tipprekludix il-komunikazzjoni ta' xogħol permezz ta' apparati ta' televixin milli tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq l-ispejjeż

55     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Filwaqt li s-sempliċi provvista ta' installazzjonijiet fiżiċi ma tikkostitwixxix, bħala tali, komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, id-distribuzzjoni ta' sinjal permezz ta' apparati ta' televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta' lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-direttiva.

2)      In-natura privata tal-kmamar ta' stabbilment ta' lukanda ma tipprekludix il-komunikazzjoni ta' xogħol permezz ta' apparati ta' televixin milli tikkostitwixxi att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top