EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0004

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
Hasan Güzeli vs Oberbürgermeister der Stadt Aachen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Aachen - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Moviment liberu tal-ħaddiema - Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 1/80 - Ċaħda ta' estenzjoni tal-permess ta' residenza ta' ħaddiem Tork.
Kawża C-4/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:670

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

"Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 1/80 – Ċaħda ta' estenzjoni tal-permess ta' residenza ta' ħaddiem Tork"

Fil-kawża C‑4/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Aachen (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Jannar 2005, fil-kawża

Hasan Güzeli

vs

Oberbürgermeister der Stadt Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Jannar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal H. Güzeli, minn R. Hofmann, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lummma u C. Schulze‑Bahr, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Slovakk, minn R. Procházka, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (iktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni Nru 1/80"). Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni twaqqaf mill-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta' Settembru 1963 f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem din ta' l-aħħar mid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn H. Güzeli, ċittadin Tork u l-Oberbürgermeister der Stadt Aachen (iktar 'il quddiem l-"Oberbürgermeister") dwar iċ-ċaħda ta' dan ta' l-aħħar li jestendi l-permess ta' residenza ta' H. Güzeli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa jgħid hekk:

"1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork li hu parti mis-suq ta' l-impjiegi legali ta' Stat Membru:

–       għandu dritt, f'dan l-Istat Membru, wara li jkun ilu impjegat legalment għal sena, għat-tiġdid tal-permess tiegħu sabiex jaħdem għall-istess prinċipal, jekk ikun hemm impjieg disponibbli;

–       għandu dritt, f'dan l-Istat Membru, wara li jkun ilu impjegat legalment għal tliet snin u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta' l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta' impjieg, fl-istess kategorija ta' xogħol, ma' prinċipal magħżul minnu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mas-servizzi ta' l-impjieg ta' dak l-Istat Membru;

–       jibbenefika minn aċċess liberu, f'dan l-Istat Membru, għal kull impjieg imħallas li jagħżel hu, u dan wara li jkun ilu impjegat legalment għal erba' snin.

2.      Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perijodu qasir, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta' impjieg legali. Il-perijodi ta' qgħad involontarju ċċertifikati kif suppost mill-awtoritajiet kompetenti, u l-assenzi fit-tul minħabba mard, m'għandhomx jiġu meqjusa bħala perijodi ta' impjieg legali, iżda m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta' impjieg." [traduzzjoni mhux uffċjali]

4       Skond l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

"L-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok, li huma parti mis-suq ta' l-impjiegi legali tagħhom, trattament ikkaratterizzat min-nuqqas ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jikkonċerna r-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol." [traduzzjoni mhux uffċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Skond l-Artikolu 284(5) tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniża (Sozialgesetzbuch) applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2004, permess tax-xogħol seta' jinħareġ biss meta l-barrani jkollu permess ta' residenza kif previst mill-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-barranin (Ausländergesetz).

6       Wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-immigrazzjoni (Zuwanderungsgesetz), fl-1 ta' Jannar 2005, dan il-permess tax-xogħol m’għadux neċessarju. Illun il-ġurnata, il-kwistjoni jekk ħaddiem barrani għandux dritt jaħdem hija ddeterminata direttament mill-permess ta' residenza stess.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li H. Güzeli, ċittadin Tork, daħal fit-territorju Ġermaniż fit-13 ta' Settembru 1991.

8       Fis-7 ta' Marzu 1997, huwa żżewweġ ċittadina Ġermaniża u fid-29 ta' Lulju 1997 ingħata, mill-Oberbürgermeister, permess ta' residenza li kien jiswa għal sena. Barra minn hekk, id-Dipartiment tax-xogħol ta' Aachen ħarġitlu, fil-31 ta' Lulju 1997, permess tax-xogħol mingħajr limitu ta' żmien u validu għal kull tip ta' attività professjonali.

9       Fid-19 ta' Ġunju 1998, H. Güzeli talab l-estenzjoni tal-permess ta' residenza tiegħu. Huwa ssepara mill-mara tiegħu fit-8 ta' Lulju 1998 u ddivorzja fl-2002.

10     Fis-6 ta' Jannar 1999, l-Oberbürgermeister estenda l-permess ta' residenza ta' H. Güzeli, għall-ewwel darba sas-6 ta' Diċembru 1999 imbagħad, għal darb'oħra, sad-9 ta' Ottubru 2001, bl-indikazzjoni li H. Güzeli seta' jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-permess ta' residenza kien fih nota li tgħid "Huwa pprojbit li jaħdem għal rasu jew li jeżerċita attivitajiet simili bħala impjegat. L-unika attività professjonali awtorizzata hija dik ta’ wejter fil-kafetterija Marmara f'Aachen".

11     Fil-25 ta' Settembru 2001, H. Güzeli ppreżenta applikazzjoni għall-estenzjoni tal-permess ta' residenza tiegħu.

12     Mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1997, mill-1 ta' Frar 1998 sal-31 ta' Marzu 1999 kif ukoll mill-1 ta' Ġunju 1999 sal-31 ta' Marzu 2000, huwa kien impjegat f'Aachen, fil-kafetterija Marmara, minn impriżi differenti li mexxew dan l-istabbiliment (iktar' il-quddiem, flimkien, il-"kafetterija Marmara"). H. Güzeli kien impjegat hemm bħala wejter.

13     Mill-10 ta' April sa l-14 ta' Diċembru 2000 kif ukoll mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Novembru 2001, H. Güzeli okkupa, f'Aachen, impjieg staġonali ma’ l-impriża Aachener Printen und Schokoladenfabrik Henry Lambertz GmbH & Co KG (iktar 'il quddiem l-"impriża Lambertz"). Bejn dawn il-perijodi ta' impjieg, huwa rċieva benefiċċji mid-Dipartiment tax-xogħol ta' Aachen. Huwa qatt ma bbenefika minn benefiċċji ta' għajnuna soċjali.

14     Mit-2 ta' April 2002 u b'mod partikolari mit-23 ta' Novembru 2002 sal-5 ta' Diċembru 2003 kif ukoll mit-2 ta' Ġunju 2004 sa l-aħħar ta' l-istaġun 2004, huwa kien impjegat mill-impriża Lambertz.

15     Peremzz ta' deċiżjoni ta' l-Amtsgericht Aachen, tas-27 ta' Ġunju 2002, H. Güzeli ġie kkundanat darbtejn iħallas multi għal ksur ta' l-Ausländergesetz minħabba li l-impjieg tiegħu ma' l-impriża Lambertz kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu meta nħareġ il-permess ta' residenza tiegħu.

16     Fit-2 ta' Jannar 2003, l-applikazzjoni ta' H. Güzeli intiża sabiex tinkiseb l-estenzjoni tal-permess ta' residenza tiegħu ġiet miċħuda mill-Oberbürgermeister u ġie mhedded bl-espulsjoni lejn it-Turkija. L-ilment imressaq minn H. Güzeli kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Bezirksregierung Köln (awtorità reġjonali superjuri f'Cologne) permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Lulju 2004. Fid-9 ta' Awwissu 2004, H. Güzeli ressaq appell quddiem il-Verwaltungsgericht Aachen.

17     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Aachen iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domani preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi lil Stat Membru milli jiċħad, għat-tul taż-żmien ta' l-impjieg tiegħu, lil ħaddiem Tork, li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent, id-dritt li jkompli jirrisjedi fit-territorju tiegħu meta dan, fiż-żmien meta skada l-permess ta' residenza inizjali tiegħu, kien għadu parti mis-suq ta’ l-impjiegi legali ta' dan l-Istat Membru u kellu dritt għall-impjieg mingħajr limitazzjoni fiż-żmien?

F'dan ir-rigward, huwa rilevanti li l-permess tax-xogħol maħruġ lill-ħaddiem emigrant Tork,

–       kien ingħata, skond id-dritt nazzjonali, mingħajr limitazzjoni fiż-żmien,

–       kien ingħata, skond id-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-permess ta' residenza inizjali jibqa’ validu, iżda ma jiskadix awtomatikament meta ż-żmien tal-validità tal-permess ta' residenza jiskadi u jibqa' validu sal-mument li fih iċ-ċittadin barrani ma jibqax ikollu dritt li jirrisjedi f'dan l-Istat Membru anki fuq bażi temporanja?

2)      Fid-dawl ta' l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, l-Istat Membru għandu dritt jiċħad lil ħaddiem Tork dritt ta' residenza meta tiskadi l-aħħar awtorizzazzjoni ta’ residenza mogħtiha lilu, meta dan għandu impjieg staġonali, jiġifieri li huwa m'għandux xogħol matul il-perijodi bejn iż-żewġ kuntratti?

3)      Emenda tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw id-dritt Ġermaniż fil-qasam ta' ħruġ tal-permessi tax-xogħol għandha influwenza fuq il-projbizzjoni li jiġi miċħud lill-persuna in kwistjoni dritt għal residenza li jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80?"

 Fuq id-domandi preliminari

18     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tiċħad, mill-ewwel, l-ipoteżi li ċittadin Tork, li jinsab fis-sitwazzjoni ta' H. Güzeli, jista' jirrikorri għad-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Huwa fuq il-bażi ta’ din il-premessa li hija tistaqsi fuq l-applikabbiltà eventwali ta' l-Artikolu 10(1) ta' din l-istess deċiżjoni.

19     Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, mill-ewwel, jekk l-argument li d-dritt ta' H. Güzeli għall-estenzjoni tal-permess ta' residenza tiegħu ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwiex korrett.

 Fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80

20     L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jelenka l-kundizzjonijiet prinċipali li għalihom huwa suġġett l-eżerċizzju ta' l-impjieg miċ-ċittadini Torok li huma parti mis-suq ta' l-impjiegi legali ta' Stat Membru għall-għoti jew l-estensjoni tal-permess tax-xogħol.

21     L-ewwel inċiż ta' din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-ħaddiem Tork ikun ilu impjegat legalment għal sena sabiex ikun jista' jibbenefika mit-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu ma' l-istess prinċipal.

22     It-tieni inċiż ta' l-istess dispożizzjoni jawtorizza, essenzjalment, il-ħaddiem Tork, wara li jkun ilu impjegat legalment għal tliet snin, li jwieġeb għal offerta oħra ta' impjieg, fl-istess kategorija ta' xogħol, ma' prinċipal magħżul minnu.

23     It-tielet inċiż ta' l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti lill-ħaddiem Tork jibbenefika, wara li jkun ilu impjegat legalment għal erba' snin, minn aċċess liberu għal kull impjieg imħallas li jagħżel hu.

24     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti minnha jistgħu jibbenefikaw direttament mid-drittijiet li jagħtuhom it-tliet inċiżi ta' din id-dispożizzjoni progressivament, skond il-perijodu ta' eżerċizzju ta' attività fl-Istat Membru ospitanti (ara b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Sevince, C-192/89, Ġabra p. I‑3461, punt 26 u tad-19 ta' Novembru 2002, Kurz, C‑188/00, Ġabra p. I‑10691punt 26).

25     Id-drittijiet li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-ħaddiem Tork f'dak li jirrigwarda l-impjieg jimplikaw neċessarjament, taħt piena li jiġi pprivat minn kull effett id-dritt ta’ aċċess għas-suq ta’ l-impjiegi u li tiġi eżerċitata attività b’salarju b’mod effettiv, l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv ta’ residenza għall-persuna kkonċernata (sentenza Kurz, iċċitata iktar ’il fuq punt 27).

26     Mill-kliem stess ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippresupponi li l-persuna kkonċernata hija ħaddiem Tork fit-territorju ta' Stat Membru, li hu parti mis-suq ta' l-impjiegi legali ta' l-Istat Membru ospitanti u li fih huwa eżerċita impjieg legali matul ċertu perijodu (sentenza Kurz, iċċitata iktar ’il fuq punt 28).

27     Għaldaqstant, għandu jiġi vverfikat jekk, fid-data ta' l-iskadenza tal-permess ta' residenza tiegħu, jiġifieri fid-9 ta' Ottubru 2001, li hija d-data li fiha H. Güzeli talab l-estenzjoni ta' l-imsemmi permess (iktar 'il quddiem id-"data rilevanti"), il-persuna kkonċernata kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista' tibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-imsemmi Artikolu 6(1).

28     Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-data rilevanti, H. Güzeli kien impjegat ma' l-impriża Lambertz. Din l-attività professjonali kienet bdiet fl-10 ta' April 200, jiġifieri wara li H. Güzeli telaq l-impjieg tiegħu ma' l-ewwel prinċipali tiegħu, il- kafetterija Marmara, impjieg li huwa okkupa, b’interruzzjonijiet, mill-1 ta' Ottubru 1997 sal-31 ta' Marzu 2000.

29     Issa, għandu jiġi mfakkar li l-permess ta' residenza ta' H. Güzeli estiż mill-awtoritajiet Ġermaniżi sas-6 ta' Diċembru 1999, imbagħad għal darb'oħra sad-9 ta' Ottubru 2001, kien jispeċifika li huwa kellu d-dritt jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Għal dan il-għan, il-permess ta' residenza ta' H. Güzeli fih in-nota segwenti "Huwa pprojbit li jaħdem għal rasu jew li jeżerċita attivitajiet simili bħala impjegat. L-unika attività professjonali awtorizzata hija dik wejter fil-kafetterija Marmara f'Aachen".

30     Billi llimitaw, fil-permess ta' residenza tiegħu, l-attivitajiet professjonali ta' H. Güzeli għal dawk imwettqa fl-imsemmija kafetterija Marmara, l-awtoritajiet Ġermaniżi stabbilixxew id-drittijiet li H. Güzeli seta' jirrikorri għalihom, f'dak l-istadju, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Qabel ma seta' jwieġeb għal offerta oħra ta' impjieg (fl-istess kategorija ta' xogħol) ma' prinċipal magħżul minnu, H. Güzeli kien imissu baqa' impjegat ma' l-ewwel prinċipal tiegħu, il-kafetterija Marmara, għal tliet snin, skond it-tieni inċiż ta' l-imsemmija dispożizzjoni, u huwa m'għamilx dan.

31     Mandankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, wara sena bħala impjegat ma' l-impiża Lambertz, H. Güzeli setax kellu, abbażi ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 dritt għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu. Sabiex ikun jista' jibbenefika minn tali dritt abbażi ta' din id-dispożizzjoni, H. Güzeli kellu jkun parti, fid-data rilevanti, mis-suq ta' l-impjiegi legali ta' l-Istat Membru ospitanti.

32     Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta' "suq ta' l-impjiegi legali", previst fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jiġi kkunsidrat li jinkludi l-ħaddiema kollha li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari ta' l-Istat Membru ospitanti fil-qasam tad-dħul fit-territorju tiegħu kif ukoll ta' l-impjieg u li b'hekk għandhom id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali f'dan l-Istat (sentenza Kurz, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

33     Għaldaqstant, il-benefiċċju tad-drittijiet elenkati fit-tliet inċiżi ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa suġġett biss għall-kundizzjoni li l-ħaddiem Tork ikun irrispetta l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ospitanti li tirregola d-dħul fit-territorju tiegħu u l-eżerċizzju ta' impjieg imħallas (sentenza ta' l-10 ta' Frar 2000, Nazli, C-340/97, Ġabra p. I‑957, punt 32).

34     Fir-rigward ta' din il-kundizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jistax jinftiehem fis-sens li ħaddiem Tork jista' jirrikorri għad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih meta huwa jeżerċita impjieg imħallas ma' prinċipal ieħor mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti ta' din l-istess dispożizzjoni.

35     Madankollu, mir-raġunijiet tad-deċiżjoni tar-riviju kif ukoll mit-termini ta' l-ewwel domanda jirriżulta li l-qorti nazzjonali tikkunsidra li, fid-data rilevanti, H. Güzeli "kien parti […] mis-suq ta' l-impjiegi legali" ta' l-Istat Membru ospitanti.

36     Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti, skond l-Artikolu 234 KE, li tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq l-interpretazzjoni tar-regoli relatati mad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tas-26 ta' Settembru 1996, Allain, C‑341/94, Ġabra p. I‑4631, punt 11), hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji f'dan ir-rigward sabiex tiddetermina jekk, fid-data rilevanti, H. Güzeli kienx irrispetta l-kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-eżerċizzju ta' l-impjieg imħallas tiegħu, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-importanza, fid-dritt Ġermaniż, tal-kundizzjoni dwar l-impjieg tiegħu fil-kafetterija Marmara fil-permess ta' residenza tiegħu. Il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk din il-kundizzjoni tipprevalix fuq il-permess tax-xogħol maħruġ f’isem H. Güzeli fil-31 ta' Lulju 1997, permess validu għal kull tip ta' attività professjonali.

37     Jekk, fil-kuntest ta' dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li, fid-data rilevanti, H. Güzeli ma kienx parti mis-suq ta' l-impjiegi legali Ġermaniż, dan ifisser li hija kienet ġustament eskludiet il-possibbiltà għal H. Güzeli li jikseb l-estenzjoni tal-permess ta' residenza tiegħu fuq il-bażi ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

38     Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija qorti kellha tasal għall-konklużjoni li H. Güzeli kien parti, fid-data rilevanti, ta' l-imsemmi suq ta' l-impjiegi, dan jista' jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fid-dawl tal-perijodi ta' impjieg imwettqa ma’ l-impriża Lambertz. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan l-impjieg huwiex "impjieg legali" fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 6(1). F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' "impjieg legali" huwa kunċett ta' dritt Komunitarju u jippresupponi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fis-suq ta' l-impjiegi ta' Stat Membru (ara s-sentenzi Sevince, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30 u tat-30 ta' Settembru 1997, Ertanir, C‑98/96, Ġabra p. I‑5179, punt 59).

39     Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li H. Güzeli kien impjegat ma' l-impriża Lambertz bħala ħaddiem staġonali u li l-attività professjonali tiegħu kienet twettqet b’interruzzjonijiet (b'mod partikolari bejn l-14 ta' Diċembru 2000 u l-1 ta' Marzu 2001). Għandu jiġi eżaminat jekk din iċ-ċirkustanza jistax ikollha riperkussjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg legali ta' H. Güzeli.

40     Sabiex jiġu kkalkulati l-perijodi ta' impjieg legali msemmija fit-tliet inċiżi ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu jipprevedi sistema favur il-ħaddiem Tork li jieqaf jaħdem temporanjament skond it-tip u t-tul ta’ dawn il-perijodi ta’ inattività.

41     Mit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li l-perijodi ta' inattività minħabba mard fit-tul jew qgħad (jiġifieri meta l-inattività tal-ħaddiem ma tistax tiġi attribwita lilu), mingħajr ma huma meqjusa bħala perijodi ta' impjieg legali, m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta' impjieg.

42     Din l-aħħar dispożizzjoni għandha bħala l-uniku għan tagħha li tevita li ħaddiem Tork li jkun reġa' beda jaħdem wara li kellu jieqaf mill-attivitajiet professjonali tiegħu minħabba mard fit-tul jew qgħad involontarju jkollu jerġa’ jibda, bħal fil-każ ta’ ċittadin Tork li għadu ma bediex jeżerċita impjieg imħallas fl-Istat Membru kkonċernat, il-perijodi ta’ impjieg legali previsti mill-ewwel sat-tielet inċiżi ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C-171/95, Ġabra p. I-329, punt 39, u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Sedef, C-230/03, Ġabra p. I-157, punt 52).

43     Mir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha, fir-raġunament tagħha, fuq it-teżi li huma biss il-perijodi ta' impjieg preċedenti li jissodisfaw il-kundizzjoni tat-tul ta’ żmien li tinsab fit-tliet inċiżi ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li mhumiex affettwati mill-interruzzjonijiet fl-attività professjonali previsti fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) ta' l-istess deċiżjoni. Il-ħsieb li abbażi tiegħu twettqet l-analiżi mill-qorti nazzjonali huwa li H. Güzeli kellu jkun impjegat mill-inqas għal sena (perijodu previst fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80) sabiex ikun jista' jibbenefika minn "dritt miksub", fis-sens tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) ta' l-istess Deċiżjoni, li ma jiġix affettwat minn interruzzjoni temporanja.

44     Tali interpratzzjoni hija konformi ma' l-għan tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li hija intiża sabiex tiggarantixxi ż-żamma u l-kontinwità tad-drittijiet li l-ħaddiem Tork diġà kiseb minħabba l-perijodi ta' impjieg preċedenti. Il-kelma "drittijiet" użata hawnhekk timplika li dawn m'għandhom ikunu perijodi ta' kwalkunkwe tul ta’ żmien, anki minini, iżda għandhom ikunu perijodi ta' impjieg preċedenti li t-tul ta’ żmien tagħhom huwa suffiċjenti sabiex joħloq dritt għall-impjieg, dritt li, skond il-loġika ta' l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jkompli jeżisti minkejja l-interruzzjoni temporanja ta' l-attività professjonali għal raġunijiet li l-ħaddiem Tork mhuwiex responsabbli għalihom.

45     Issa, f'dan il-każ, fil-mument ta’ l-interruzzjoni ta' l-impjieġ tiegħu ma' l-impriża Lambertz, H. Güzeli kien għadu ma kisibx tali "dritt" peress li huwa kien ilu jaħdem għal tmien xhur biss (mill-10 ta' April sa l-14 ta' Diċembru 2000), jiġifieri għal żmien insuffiċjenti sabiex jiġġustifika kwalunkwe dritt taħt l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

46     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjoni li d-domandi preliminari mressqa għandhom jiġu eżaminati.

 Fuq l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80

47     Il-qorti tar-rinviju ressqet tliet domandi dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

48     Mill-kliem stess ta' l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li l-benefiċċju tad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tipprevedi huwa suġġett, bħal dawk previsti fl-Artikolu 6(1) ta' l-istess Deċiżjoni, għall-kundizzjoni li l-ħaddiem Tork ikun parti mis-suq ta' l-impjiegi legali ta' l-Istat Membru kkonċernat.

49     Rigward ir-rilevanza, f'dan il-kuntest, tal-fatt li l-ħaddiem Tork kien biddel il-prinċipal qabel l-iskandenza tal-perijodu ta' tliet snin previsti fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jiġi mfakkar, hekk kif ġie osservat fil-punt 36 ta' din is-sentenza, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta r-regoli li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali u li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji f'dan ir-rigward.

50     Jekk, fid-dawl ta' l-eżami mill-qorti nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, kellu jirriżulta li, fid-data rilevanti, H. Güzeli ma ssodisfax il-kundizzjoni li hu kien parti mis-suq ta' l-impjiegi legali, huwa ma jkunx jista’ jirrikori għall-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sabiex jikseb l-estenzjoni tal-permess ta' residenza.

51     Min-naħa l-oħra, jekk kellu jirriżulta li, fid-data rilevanti, H. Güzeli kien effettivament parti mis-suq ta' l-impjiegi legali, tqum il-kwistjoni jekk huwa setax jirrikorri għall-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

52     F'dan ir-rigward, H. Güzeli, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irrifera għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni analoga li tinsab fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonimika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, iffirmat ir-Rabat fis-27 ta' April 1976 u approvat f'isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2211/78 tas-26 ta' Settembru 1978 (ĠU L 264, p.1) interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Marzu 1999, Eddline El-Yassini (C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punti 62 sa 64) li tipprovdi li, għalkemm mhuwiex ipprojbit, bħala regola, li Stat Membru jiċħad l-estenzjoni tal-permess ta' residenza ta' ċittadin Marokkin li kien ġie awtorizzat mill-imsemmi Stat Membru sabiex jidħol fit-territorju tiegħu u hemmhekk jeżerċita attività professjonali, meta r-raġuni inizjali ta' l-għoti tad-dritt ta' residenza ma baqgħetx teżisti fil-mument ta' l-iskadenza taż-żmien ta' validità tal-permess ta' residenza mogħti lill-persuna kkonċernata, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk l-Istat Membru ospitanti kien ta lill-ħaddiem emigrant Marokkin drittijiet speċifiċi fir-rigward ta' l-eżerċizzju ta' impjieg li kienu iktar estensivi minn dawk li kienu ngħatawlu mill-istess Stat fir-rigward tar-residenza.

53     Issa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk kienx hemm tali sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl b'mod partikolari tal-kundanna ta’ H. Güzeli għal ksur tal-kundizzjonijiet li jinsabu fil-permess ta' residenza tiegħu.

54     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem Tork jista' jirrikorri għad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih biss meta l-impjieg imħallas tiegħu ma' prinċipal ieħor ikun konformi mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari ta' l-Istat Membru ospitanti fil-qasam tad-dħul fit-territorju tiegħu u ta' l-impjieg. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex tiddetermina jekk dan huwiex il-każ ta' ħaddiem Tork li jkun biddel il-prinċipal tiegħu qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' tliet snin previst fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-istess Deċiżjoni.

55     It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-perijodi ta' interruzzjoni ta' impjieg legali, minħabba qgħad involontarju jew marda fit-tul, ma jaffettwawx id-drittijiet diġà miksuba mill-ħaddiem Tork bis-saħħa tal-perijodi preċedenti ta' impjieg, perijodi li t-tul ta’ żmien tagħhom huwa stabbilit f’kull wieħed mit-tliet inċiżi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu rispettivament.

 Fuq l-ispejjeż

56     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem Tork jista' jirrikorri għad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħtih biss meta l-impjieg imħallas tiegħu ma' prinċipal ieħor ikun konformi mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari ta' l-Istat Membru ospitanti fil-qasam tad-dħul fit-territorju tiegħu u ta' l-impjieg. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex tiddetermina jekk dan huwiex il-każ ta' ħaddiem Tork li jkun biddel il-prinċipal tiegħu qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' tliet snin previst fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-istess Deċiżjoni.

It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-perijodi ta' interruzzjoni ta' impjieg legali, minħabba qgħad involontarju jew marda fit-tul, ma jaffettwawx id-drittijiet diġà miksuba mill-ħaddiem Tork bis-saħħa tal-perijodi preċedenti ta' impjieg, perijodi li t-tul ta’ żmien tagħhom huwa stabbilit f’kull wieħed mit-tliet inċiżi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu rispettivament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top