EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0002

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-26 ta' Jannar 2006.
Rijksdienst voor Sociale Zekerheid vs Herbosch Kiere NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeidshof te Brussel - il-Belġju.
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti- Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli - Ħaddiema trasferiti fi Stat Membru ieħor - Skop taċ-ċertifikat E 101.
Kawża C-2/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:69

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla)

tas-26 ta' Jannar 2006 (*)

"Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti– Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Ħaddiema trasferiti fi Stat Membru ieħor – Skop taċ-ċertifikat E 101"

Fil-kawża C-2/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeidshof te Brussel (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Diċembru 2004, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Jannar 2005, fil-kawża

Rijksdienst voor Sociale Zekerheid

vs

Herbosch Kiere NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla),

komposta minn N. Colneric (Relatur), aġent President tar-Raba' Awla, J. N. Cunha Rodrigues u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għar-Rijksdienst voor Sociale Zekerheid, minn P. Derveaux, advocaat,

–       għal Herbosch Kiere NV, minn B. Mergits, advocaat,

–       għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–       għall-Gvern Sloven, minn M. Remic, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Norman, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. van Nuffel u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet – wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali – li tiddeċiedi l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll ta' l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 tal-Kunsill, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħhom permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2001/83 tal-Kunsill, tat-2 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2195/91 tal-Kunsill, tal-25 ta' Ġunju 1991 (ĠU L 206, p. 2, iktar 'il quddiem, "ir-Regolament Nru 1408/71" u "r-Regolament Nru 574/72" rispettivament).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn ir-Rijksdienst voor Sociale Zekerheid (l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, iktar 'il quddiem "ir-Rijksdienst") u l-kumpannija Belġjana Herbosch Kiere NV (iktar 'il quddiem "Herbosch Kiere") dwar il-ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali mħallsa minnha għal ħaddiema Irlandiżi li ġew trasferiti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3       It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jinkludi l-Artikoli 13 sa 17A, jinkludi r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tas-sigurtà soċjali.

4       L-Artikolu 13(2) ta' dan ir-Regolament jiddisponi:

"Bla ħsara għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat saħansitra jekk tkun tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta' l-impriża jew ta' individwu li jimpjegawha jinsab fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

[…]"

5       L-Artikolu 14 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

"L-Artikolu 13(2)(a) għandu japplika bla ħsara għall-eċċezzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi li ġejjin:

1) a) persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru minn impriża li normalment taħdem magħha, u li tiġi trasferita minn din l-impriża lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor sabiex taħdem hemm għal din l-impriża, għandha tibqa' soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-ewwel Stat Membru, basta iżda illi t-tul taż-żmien meqjus bil-quddiem ta' dan ix-xogħol ma jaqbiżx it-tnax-il xahar u li l-persuna ma tintbagħatx biex tieħu post persuna oħra li jkun għalqilha ż-żmien tagħha fuq il-post;

[…]"

 Id-Deċiżjoni Nru 128 tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti

6       Skond l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti (iktar 'il quddiem "il-Kummissjoni Amministrattiva"), istitwita skond it-Titolu IV ta' dan ir-Regolament, li għandha d-dmir li titratta, b'mod partikolari, il-kwistjonijiet amministrattivi jew ta' interpretazzjoni kollha li jitqajmu mill-imsemmi Regolament, ħadet, għal dawn il-finijiet, id-Deċiżjoni Nru 128, tas-17 ta' Ottubru 1985, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 14(1)(a) u 14B(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU 1986, C 141, p. 6), fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali. Din id-deċiżjoni ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni Nru 162, tal-31 ta' Mejju 1996 (ĠU L 241, p. 28), li daħlet fis-seħħ wara li seħħew l-imsemmija fatti, li mbagħad ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni Nru 181, tat-13 ta' Diċembru 2000 (ĠU 2001, L 329, p. 73).

7       Skond il-punt 1 tad-Deċiżjoni Nru 128, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 japplikaw ukoll għal "ħaddiem li jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li jiġi impjegat f'dan l-Istat Membru li fih l-impriża għandha s-sede tagħha jew l-istabbiliment tan-negożju tagħha sabiex jiġi ttrasferit [...] fit-territorju ta' Stat Membru ieħor [...] bil-kundizzjoni li:

a)      teżisti rabta diretta bejn din l-impriża u l-ħaddiem tul il-perijodu tat-trasferiment tiegħu;

b)      din l-impriża normalment teżerċita l-attività tagħha fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru, jiġifieri, fil-każ ta' impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fit-tqegħid ta' persunal għad-dispożizzjoni ta' impriżi oħra b'mod temporanju, li din normalment tqiegħed il-persunal għad-dispożizzjoni ta' utilizzaturi stabbiliti fit-territorju ta' dan l-Istat sabiex jiġu impjegati f'dan it-territorju." (traduzzjoni mhux uffiċjali)

 Ir-Regolament Nru 574/72

8       L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, li jaqa' taħt it-Titolu III ta' dan ir-Regolament intitolat "l-Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli", jiddisponi:

"L-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa' applikabbli għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara li l-persuna impjegata ser tibqa' soġġetta għal din il-leġiżlazzjoni sa data speċifikata:

a)      fuq talba tal-persuna impjegata jew ta' min iħaddimha fil-każi msemmija fl-Artikolu 14(1) [...] tar-Regolament;

[…]"

Iċ-ċertifikat imsemmi fid-dispożizzjoni riprodotta hawn fuq huwa magħruf bl-isem "ċertifikat ta' trasferiment" jew "ċertifikat E 101".

 Il-leġiżlazzjoni Belġjana

9       L-Artikolu 31(1) tal-Liġi ta' l-24 ta' Lulju 1987 dwar ix-xogħol temporanju, ix-xogħol mhux permanenti u t-tqegħid ta' ħaddiema għad-dispożizzjoni ta' utilizzaturi (Moniteur belge ta' l-20 ta' Awwissu 1987, p. 12405) jiddisponi:

"Hija pprojbita l-attività eżerċitata, bla ħsara għar-regoli stabbiliti fil-Kapitoli I u II, minn persuna fiżika jew ġuridika li tikkonsisti fit-tqegħid ta' ħaddiema li jkunu ġew impjegati minnha, għad-dispożizzjoni ta' terzi li jużaw lil dawn il-ħaddiema u jeżerċitaw fuqhom kwalunkwe parti mill-awtorità li normalment tappartjeni għall-ta' min iħaddem , bl-eċċezzjoni ta' ċerti assoċjazzjonijiet li m'għandhomx l-iskop li jagħmlu profitt msemmija permezz ta' Digriet Irjali ddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Tul il-perijodu bejn April u Settembru 1991, Herbosch Kiere ġiet inkarigata twettaq xogħlijiet ta' shuttering (struttura temporanja ġeneralment ta' l-injam, użata biex iżżomm il-konkrit sakemm jagħqad) u ta' kisi bil-konkrit kif ukoll li tinstalla staneg li jsaħħu l-konkrit f'żewġ siti ta' kostruzzjoni fil-Belġju. Sabiex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, din il-kumpannija qabbdet lill-impriża Irlandiża ICDS Constructors Ltd (iktar 'il quddiem "ICDS Constructors"). Ġew konklużi żewġ kuntratti ta' subappalt għas-siti ta' kostruzzjoni in kwistjoni.

11     Herbosch Kiere vverifikat, b'mod partikolari, li l-impjegati ta' ICDS Constructors, impjegati fil-Belġju, kellhom ċertifikat ta' trasferiment validu, maħruġ skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 574/72 mill-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti, u li l-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali dovuti għal dawn l-impjegati kienu tħallsu fl-Irlanda. Skond l-Imħallef tal-Prim'Istanza, il-ħaddiema kkonċernati kollha, b'eċċezzjoni waħda biss, kellhom iċ-ċertifikat E 101.

12     Fit-12 ta' Ottubru 1992, l-ispettur tal-liġijiet soċjali tal-Ministeru Belġjan tax-Xogħol u l-Impjieg ħejja proċess verbal li fih ikkonstata li Herbosch Kiere kienet qed tuża l-ħaddiema Irlandiżi li tqegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn ICDS Constructors u li għaldaqstant ma kinitx din l-aħħar imsemmija kumpannija, iżda Herbosch Kiere li kienet tassew qed tħaddem lill-imsemmija ħaddiema.

13     Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' dan il-proċess verbal, ir-Rijksdienst ikkonkluda li Herbosch Kiere kienet teżerċita fuq il-ħaddiema kkonċernati parti mill-awtorità li tappartjeni lil min iħaddem b'tali mod li dawn kellhom jiġi kkunsidrati bħala li kienu marbutin b'kuntratt tax-xogħol ma' Herbosch Kiere. Konsegwentement, ir-Rijksdienst talab lil Herbosch Kiere tħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti skond l-iskema ta' sigurtà soċjali Belġjana.

14     Herbosch Kiere ħallset, b'mod kundizzjonat, is-somma mitluba mir-Rijksdienst għal dawn il-kontribuzzjonijiet, jiġifieri 3 647 567 BEF (90 420,82 EUR), u talbet il-ħlas lura tagħha permezz ta' rikors ippreżentat quddiem l-Arbeidsrechtbank te Brussel (Tribunal Industrijali ta' Brussell) li laqa' din it-talba kważi għal kollox.

15     Ir-Rijksdienst ressaq appell quddiem l-Arbeidshof te Brussel (Qorti Industrijali ta' Brussell), li għandha xi dubji fir-rigward ta' l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet in kwistjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Fid-dawl tas-sentenzi ta' l-10 ta' Frar 2000, FTS (C-202/97, Ġabra p. I-883), u tat-30 ta' Marzu 2000, Banks et (C-178/97, Ġabra p. I-2005), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-valur li għandu jingħata, fuq il-livell ġuridiku, liċ-ċertifikat E 101, mill-istituzzjoni kompetenti u l-qrati nazzjonali ta' l-Istat Membru li jirċievi l-ħaddiema kkonċernati. Fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Rijksdienst quddiem il-qorti tar-rinviju, skond liema dan iċ-ċertifikat jirrifletti biss is-sitwazzjoni statika li teżisti jew li għandha teżisti fiż-żmien meta jsir it-trasferiment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-eżistenza ta' rabta diretta, tul il-perijodu tat-trasferiment, bejn il-ħaddiem u l-impriża li ttrasferietu, tista' tiġi vverifikata.

16     F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Arbeidshof te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Imħallef ta' l-Istat li jirċievi l-ħaddiema huwa awtorizzat jivverifika u/jew jevalwa l-eżistenza tar-rabta diretta bejn l-impriża li tittrasferixxi ħaddiem u l-ħaddiem trasferit, meta jitqies li l-kunċett ta' "impriża li normalment [j]aħdem magħha" imsemmi fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jirrikjedi (skond id-Deċiżjoni Nru 128 li tkun teżisti rabta diretta tul il-perijodu tat-trasferiment?

2)      Imħallef ta' Stat Membru differenti minn dak li jkun ħareġ iċ-ċertifikat imsemmi qabel (iċ-ċertifikat E 101) huwa awtorizzat jinjora dan iċ-ċertifikat u/jew jannullah jekk iċ-ċirkustanzi ta' fatt li jitressqu għall-evalwazzjoni tiegħu jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta' rabta diretta tul il-perijodu tat-trasferiment bejn l-impriża li ttrasferiet il-ħaddiem u l-ħaddiem trasferit?

3)      L-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat li minnu jkun ġie trasferit il-ħaddiem hija marbuta bid-deċiżjoni ta' l-Imħallef ta' l-Istat li jirċievi l-ħaddiema li tinjora u/jew tannulla ċ-ċertifikat imsemmi qabel (iċ-ċertifikat E 101) fiċ-ċirkustanzi indikati iktar 'il fuq?"

 Fuq id-domandi preliminari

17     Id-domandi magħmula jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Għaldaqstant, mhemmx għalfejn tittieħed in kunsiderazzjoni d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1), li fid-19-il premessa tagħha jingħad li, "mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja, din id-Direttiva ma tinvolvix l-obbligu ta' rikonoxximent legali għall-eżistenza ta’ impriżi ta’ impjieg temporanju, lanqas ma tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet tagħhom dwar l-impjieg ta’ ħaddiema u impriżi ta’ impjieg temporanju u impriżi mhux stabbiliti fit-territorju tagħhom imma joperaw hemmhekk fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi".

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

18     Permezz ta' l-ewwel u t-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u b'liema mod, ċertifikat E 101, maħruġ skond l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, jorbotx is-sistema legali interna ta' l-Istat li jirċievi l-ħaddiema għal dak li jirrigwarda l-eżistenza, tul il-perijodu tat-trasferiment, tar-rabta diretta bejn l-impriża li tittrasferixxi ħaddiem u l-ħaddiem trasferit.

19     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, riprodotta fid-Deċiżjoni Nru 128 tal-Kummissjoni Amministrattiva, iż-żamma ta' rabta diretta bejn l-impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru u l-ħaddiema li hija tkun ittrasferiet fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, tul il-perijodu tat-trasferiment ta' dawn ta' l-aħħar, hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex japplika l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24). Id-dikjarazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat E 101 għandha bħala bażi l-eżistenza ta' tali rabta.

20     Dan iċ-ċertifikat għandu l-għan – bħal-leġiżlazzjoni sostantiva prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 – li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48).

21     Fl-imsemmi ċertifikat, l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża ta' impjieg temporanju tiddikjara li l-iskema ta' sigurtà soċjali tagħha tibqa' applikabbli għall-ħaddiema trasferiti tul il-perijodu tat-trasferiment. B'dan il-mod, minħabba l-prinċipju li l-ħaddiema għandhom ikunu assigurati ma' skema waħda biss ta' sigurtà soċjali, dan iċ-ċertifikat neċessarjament jimplika li l-iskema tal-pajjiż l-ieħor ma tistax tapplika (sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

22     Il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, kontenut fl-Artikolu 10 KE, jimponi fuq l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat id-dmir li tagħmel evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali u, b'hekk, li tiggarantixxi l-eżattezza ta' l-indikazzjonijiet li jidhru fuq iċ-ċertifikat E 101 (sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

23     Għal dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih jiġu ttrasferiti l-ħaddiema, jirriżulta mill-obbligi ta' kooperazzjoni li jitnisslu mill-Artikolu 10 KE li dawn l-obbligi ma jkunux ġew irrispettati – u l-għanijiet ta' l-Artikoli 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ikunu ġew injorati – jekk l-istituzzjonijiet ta' l-imsemmi Stat Membru kellhom jikkunsidraw li huma mhumiex marbutin bl-indikazzjonijiet taċ-ċertifikat u jissuġġettaw lil dawn il-ħaddiema għall-iskema ta' sigurtà soċjali tagħhom ukoll (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

24     Konsegwentement, iċ-ċertifikat E 101, safejn joħloq preżunzjoni ta' regolarità ta' l-assigurazzjoni tal-ħaddiema trasferiti ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru li fih hi stabbilita l-impriża li ttrasferiet lil dawn il-ħaddiema, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li fih huma ttrasferiti dawn il-ħaddiema (ara, f'dan is-sens, is-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

25     Soluzzjoni kuntrarja tkun tali li tikser il-prinċipju ta' assigurazzjoni tal-persuni impjegati ma' skema waħda biss ta' sigurtà soċjali, u tkun ta' ħsara għall-prevedibbiltà ta' l-iskema applikabbli u, b'hekk, għaċ-ċertezza legali. Fil-fatt, f'każijiet fejn ikun diffiċli li tiġi ddeterminata l-iskema applikabbli, kull waħda mill-istituzzjonijiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri kkonċernati jkollha t-tendenza li tikkunsidra, għad-detriment tal-ħaddiema kkonċernati, li l-iskema ta' sigurtà soċjali tagħha tkun applikabbli għalihom (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).

26     Għaldaqstant, sakemm iċ-ċertifikat E 101 ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li fih jiġu ttrasferiti l-ħaddiema għandha tqis il-fatt li dawn ta' l-aħħar huma diġà suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta' l-Istat fejn l-impriża li timpjegahom hija stabbilita u din l-istituzzjoni ma tistax, konsegwentement, tissuġġetta l-ħaddiema in kwistjoni għall-iskema ta' sigurtà soċjali tagħha (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

27     Madankollu, hija l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li tkun ħarġet dan iċ-ċertifikat li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-korrettezza ta' dan il-ħruġ u, jekk ikun il-każ, tirtira ċ-ċertifikat meta l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li fih huma ttrasferiti l-ħaddiema li jkollha xi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi ċertifikat u, b'hekk, ta' l-indikazzjonijiet li jidhru fuqu, b'mod partikolari għar-raġuni li dawn ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).

28     F'każ li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jiftiehmux b'mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni tal-fatti partikolari għal sitwazzjoni speċifika u, konsegwentement, fuq il-kwistjoni jekk din taqax taħt l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni Amministrattiva (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57).

29     Jekk din ta' l-aħħar ma tasalx biex tirrikonċijla l-perspettivi ta' l-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f'dak il-każ, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma ttrasferiti l-ħaddiema kkonċernati dejjem jista', u dan bla ħsara għar-rimedji possibbli ta' natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, jiftaħ proċedimenti għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, skond l-Artikolu 227 KE, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' teżamina, meta jsir tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-imsemmija ħaddiema u, b'hekk, l-eżattezza ta' l-indikazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat E 101 (ara s-sentenza FTS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58).

30     Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti tista', billi tiftaħ proċedimenti quddiem qorti ta' l-Istat Membru li jkun irċieva l-ħaddiem trasferit u li għaliha tappartjeni, tikseb dikjarazzjoni ta' invalidità ta' ċertifikat E 101, dan jista' jikkomprometti s-sistema bbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

31     Sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, iċ-ċertifkat E 101 għandu jiġi rrispettat fis-sistema ġuridika interna ta' l-Istat Membru li fih jiġu ttrasferiti l-ħaddiema kkonċernati u, b'hekk, jorbot l-istituzzjonijiet tiegħu.

32     Minn dan isegwi li qorti ta' l-Istat Membru li jirċievi l-ħaddiema ma tistax tivverifika l-validità ta' ċertifikat E 101 għal dak li jirrigwarda l-attestazzjoni ta' l-elementi li fuq il-bażi tagħhom ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat, b'mod partikolari l-eżistenza ta' rabta diretta bejn l-impriża li tittrasferixxi ħaddiem u l-ħaddiem ittrasferit.

33     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tweġiba għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jkun ħarġu, iċ-ċertifikat E 101, maħruġ skond l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 574/71, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati ta' l-Istat Membru li fih jiġu ttrasferiti l-ħaddiema. Konsegwentement, qorti ta' l-Istat Membru li jirċievi l-imsemmija ħaddiema ma tistax tivverifika l-validità ta' ċertifikat E 101 għal dak li jirrigwarda l-attestazzjoni ta' l-elementi li fuq il-bażi tagħhom ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat, b'mod partikolari l-eżistenza ta' rabta diretta, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt 1 tad-Deċiżjoni Nru 128, bejn l-impriża stabbilita fi Stat Membru u l-ħaddiema li hija tittrasferixxi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, tul il-perijodu tat-trasferiment ta' dawn ta' l-aħħar.

 Fuq it-tielet domanda

34     Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, mhuwiex neċessarju li tingħata tweġiba għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

35     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jkun ħarġu, iċ-ċertifikat E 101, maħruġ skond l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 574/71 tal-Kunsill, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentzzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2001/83 tal-Kunsill, tat-2 ta' Ġunju 1983, kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2195/91 tal-Kunsill, tal-25 ta' Ġunju 1991, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati ta' l-Istat Membru li fih jiġu ttrasferiti l-ħaddiema. Konsegwentement, qorti ta' l-Istat Membru li jirċievi l-imsemmija ħaddiema ma tistax tivverifika l-validità ta' ċertifikat E 101 għal dak li jirrigwarda l-attestazzjoni ta' l-elementi li fuq il-bażi tagħhom ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat, b'mod partikolari l-eżistenza ta' rabta diretta, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu permezz tar-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 2195/91, moqri flimkien mal-punt 1 tad-Deċiżjoni Nru 128 tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti, tas-17 ta' Ottubru 1985, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 14(1)(a) u 14B(1) tar-Regolament Nru 1408/71, bejn l-impriża stabbilita fi Stat Membru u l-ħaddiema li hija tittrasferixxi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, tul il-perijodu tat-trasferiment ta' dawn ta' l-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top