EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0091

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 19 ta' Settembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Artikolu 47 UE - Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Deċiżjoni 2004/833/PESK [PBSK] - Implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK [PBSK] - Ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir - Kompetenza tal-Komunità - Politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.
Kawża C-91/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:528

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2007 ( 1 )

Kawża C-91/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Artikolu 47 UE — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Deċiżjoni 2004/833/PESK [PBSK] — Implementazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK [PBSK] — Ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir — Kompetenza tal-Komunità — Politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp”

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — ll-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

 

A — Il-Ftehim ta’ Cotonou

 

B — L-Azzjoni Konġunta in kwistjoni

 

C — Id-Deċiżjoni kkontestata

 

III — It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV — Analiżi

 

A — Fuq l-ammissibbiltà

 

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata

 

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Analiżi

 

i) Fuq l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn rikorrent privileġġat kontra regolament taħt l-Artikolu 241 KE

 

ii) Fuq l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra azzjoni konġunta adottata fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE

 

B — Fuq il-mertu

 

1. Fuq l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 47 UE

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Analiżi

 

2. Fuq ir-relazzjoni bejn il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-kompetenzi Komunitarji

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Analiżi

 

i) Rimarki introduttorji

 

ii) Kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

 

iii) Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

 

3. Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni

 

V — Fuq l-ispejjeż

 

VI — Konklużjoni

I — Introduzzjoni

1.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/833/PESK [PBSK] tat-2 ta’ Diċembru 2004 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK [PBSK] bil-ħsieb ta’ kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) u li tiddikjara li t-Titolu II tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK [PBSK] tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid [destabilizzanti] ta’ armi żgħar [u ta’ kalibru żgħir] u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1993/34/PESK [PBSK] ( 3 ) (iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta inkwistjoni”) huwa inapplikabbli, minħabba li huwa illegali.

2.

L-interess ewlieni f’din il-kawża jirrigwarda, f’dak li għandu x’jaqsam mal-mertu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 UE u t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea, meta taġixxi fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar politika barranija u ta’ sigurtà komuni” (iktar ’il quddiem il-“PBSK”)], u l-Komunità Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (Titolu XX tat-Trattat KE). Din il-kawża tqajjem ukoll, mill-aspett proċedurali, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, invokata minn rikorrent hekk imsejjaħ “privileġġat”, kontra att ta’ natura ġenerali fil-kuntest oriġinali tar-relazzjonijiet bejn l-ewwel u t-tieni pilastri tal-Unjoni Ewropea.

II — ll-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

A — Il-Ftehim ta’ Cotonou

3.

Fit-23 ta’ Ġunju 2000 ġie ffirmat f’Cotonou (Benin) il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Cotonou”), approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002 ( 5 ). Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003.

4.

L-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, intitolat “Għanijiet tas-sħubija”, jgħid:

“Il-Komunità u l-Istati Membri, fuq naħa waħda, u l-Istati ACP, fuq naħa oħra, hawnhekk iżjed’il quddiem msejħa il-‘Partijiet’ hawnhekk jiffinalizzaw dan il-ftehim sabiex imexxu u jħaffu l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali ta’ l-Istati ACP, bl-għan li jikkontribwixxu għal paċi u sigurtà u biex imexxu ambjent politku stabbli u demokratiku.

Is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq l-għan li jitnaqqas u fl-aħħar jitneħħa l-faqar bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli u integrazzjoni bil-mod tal-pajjiżi ta’ l-ACP fl-ekonomija dinjija.

Dawn l-għanijiet u l-impenni internazzjonali ta’ dawn il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil kull strateġija ta’ żvilupp u għandhom jitweqqu b’approċċ integrat u jikkonsidraw fl-istess waqt l-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali. Is-sħubija għandha tagħti appoġġ koerenti għal kwadru ta’ [tipprovdi qafas koerenti ta’ appoġġ għall-i]strategiji ta’ żvilupp addottati min kull stat ta’ l-ACP.

[…]”

5.

L-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Cotonou, intitolat “Politki li jibnu l-paċi u ma jwasslux għal konflitt imma għal ftehim [u l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti]”, jgħid:

“1.   Il-partijiet għandhom isegwu politika attiva, komprensiva u magħquda fil-tkabbir tal-paċi u li ma jwasslux għal konflitt imma għal ftehim [ta’ bini tal-paċi u ta’ prevenzjoni u riżoluzzjoni ta’ kunflitti] fil-qafas ta’ din is-Sħubija. Din il-politika għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipju tal-pussess [ta’ approprijazzjoni]. Din għandha partikolarment tiffoka fuq it-tkabbir tal-ħiliet reġjonali, subreġjonali u nazzjonali, u li ma tħallix jiġru minn stadju kmieni konflitti vjolenti billi tindirizza l-għeruq tal-kawża tagħhom b’manjiera diretta, u [b]l-għaqda flimkien xierqa ta’ l-istrumenti kollha disponibbli.

2.   L-attivitajiet fil-qasam tat-tkabbir [tal-bini] tal-paċi, li ma jitħalliex isir konflitt, u ftehim [tal-prevenzjoni u tar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti] għandhom partikolarment ikollhom [jinkludu] appoġġ għal bilanċ ta’ opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali f’kull qasam tas-soċjetà, biex tissaħħaħ id-demokrazija legali [il-leġittimità demokratika] u l-effett[ività] ta’ tmexxija tajba, biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi [effettivi] għal konċiljazzjoni paċifika ta’ l-interessi tal-gruppi, biex jingħelbu il-firdiet bejn diversi oqsma tas-soċjetà kif ukoll tigi appoġġjata soċjetà ċivili attiva u organizzata.

3.   Attivitajiet relevanti għandhom ikollhom [jinkludu], fost oħrajn, appoġġ għal sforzi ta’ medjazzjoni, negozjar u rikonċiljazzjoni, għal amministrazzjoni reġjonali effettiva ta’ riżorsi naturali skarsi u mqassma [riżorsi naturali komuni skarsi], għal demobilizzar u integrazzjoni mill-ġdid ta’ ġellieda ta’ qabel fis-soċjetà, biex tiġi milquta [indirizzata] l-problema ta’ suldati taħt l-età, kif ukoll [għal]l-azzjoni adatta biex jitwaqqfu limiti responssabbli fl-ispiża militari u l-kummerċ ta’ l-armi, kif ukoll mill-appoġġ għat-tkabbir [inkluż bl-appoġġ għall-promozzjoni] u applikazzjoni ta’ sistemi maqbula [standards miftiehma] u kodiċi[jiet] ta’ kondotta. F’dan il-kuntest, emfażi partikolari għandha tingħata lil ġlieda kontra l-mini ta’ l-art kontra n-nies kif ukoll jiġi mħares [kif ukoll kontra t-]tixrid eċċessiv u inkontrollabli [mhux ikkontrollat], traffikar illegali u ħażna [akkumulazzjoni] ta’ armi żgħar u aramamenti ħfief [ta’ kalibru żgħir].

[…]”

6.

Skont l-Artikoli 6 sa 10 tal-Anness IV tal-Ftehim ta’ Cotonou, intitolat “Il-Proċeduri tal-Implimentazzjoni u tal-Amministrazzjoni”, ġew stabbiliti strateġija ta’ appoġġ [kooperazzjoni] reġjonali kif ukoll programm indikattiv reġjonali f’dokument iffirmat fid-19 ta’ Frar 2003 mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) ( 6 ) u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (WAEMU), min-naħa l-oħra.

7.

Dan id-dokument jenfasizza, fit-Taqsima 2.3.1, intitolata “Is-sigurtà u l-prevenzjoni tal-konflitti”, “l-importanza tal-kontroll tat-traffiku tal-armi żgħar fejn jeżisti moratorju fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fit-Taqsima 6.4.1, intitolata “Appoġġ għal politika reġjonali ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti u ta’ tmexxija tajba”, dan id-dokument isemmi li ser tkun prevista assistenza b’appoġġ għal dik tan-Nazzjonijiet Uniti għat-twettiq tal-attivitajiet prijoritarji tal-pjan ta’ azzjoni, għall-implementazzjoni tal-Moratorju fuq l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u l-Manifattura ta’ Armi Żgħar.

8.

Fuq talba tal-ECOWAS, il-Kummissjoni tat bidu fl-2004 għat-tħejjija ta’ proposta ta’ finanzjament għall-operazzjonijiet ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti u ta’ bini tal-paċi. Skont il-Kummissjoni, il-parti l-kbira ta’ dan il-finanzjament ser jiġi allokat għall-programm tal-ECOWAS ta’ kontroll tal-armi żgħar.

B — L-Azzjoni Konġunta in kwistjoni

9.

Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, li ħassret u ssostitwiet l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 1999/34/PESK [PBSK] tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid [destabilizzanti] ta’ armi żgħar [u ta’ kalibru żgħir] ( 7 ). F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha, l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni tinkludi, fejn xieraq, il-munizzjon ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, filwaqt li żżomm, minn naħa, fl-Anness tagħha, il-lista tal-armi li tidher fl-Anness tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] ( 8 ) u, min-naħa l-oħra, fil-korp tagħha, il-konvenzjoni ta’ din l-istess Azzjoni Konġunta fis-sens li t-termini “armi żgħar” jintużaw biex jindikaw l-“armi żgħar u ta’ kalibru żgħir”.

10.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, l-għanijiet tagħha huma s-segwenti:

“—

li tiġġieled u tikkontribwixxi lejn it-tmiem ta’ l-akkumulazzjoni […] u t-tixrid [destabilizzanti] ta’ l-armi żgħar,

li tikkontribwixxi lejn in-nuqqas [it-tnaqqis] ta’ akkumulazzjonijiet ġa eżistenti ta’ dawn l-armi u tal-munizzjon tagħhom għal-livelli li huma konsistenti mal-bżonnijiet leġittimi għas-sigurtà tal-pajjiż, u

tgħin f’li [sabiex] tinstab soluzzjoni għall-problemi kawżati minn dawn l-akkumulazzjonijiet.”

11.

It-Titolu I tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, intitolat “Prinċipji fuq aspetti preventivi u reattivi” jistabbilixxi l-prinċipji u l-għanijiet li fuqhom l-Unjoni Ewropea ser timmira sabiex jinħoloq konsensus fil-fora reġjonali u internazzjonali rilevanti. Għal dan il-għan, huwa jelenka l-prinċipji u l-miżuri li għandhom jiġu mwettqa sabiex tiġi evitata iżjed akkumulazzjoni destabilizzanti ta’ armi żgħar (Artikolu 3) u sabiex jitnaqqsu l-akkumulazzjonijiet diġà eżistenti ta’ armi żgħar u l-munizzjon tagħhom (Artikolu 4).

12.

Fost il-prinċipji u l-miżuri li għandhom jiġu mwettqa sabiex tiġi evitata iżjed akkumulazzjoni destabilizzanti ta’ armi żgħar, l-Artikolu 3 tat-Titolu I isemmi l-impenji tal-pajjiżi kollha kkonċernati fir-rigward tal-produzzjoni, tal-esportazzjoni, tal-importazzjoni u taż-żamma tal-imsemmija armi, kif ukoll il-ħolqien u ż-żamma ta’ inventarji nazzjonali ta’ armi u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva.

13.

Fost il-prinċipji u l-miżuri li għandhom jitwettqu sabiex jitnaqqsu l-akkumulazzjonijiet diġà eżistenti ta’ armi żgħar u l-munizzjon tagħhom, l-Artikolu 4 tat-Titolu I isemmi, b’mod partikolari, l-għoti ta’ għajnuna xierqa lill-pajjiżi li jitolbu għajnuna sabiex jikkontrollaw jew jeħilsu mill-armi żgħar u l-ammunizzjon żejda fit-territorju tagħhom, u l-promozzjoni ta’ miżuri li jippromwovu l-fiduċja u inċentivi sabiex jinkoraġġixxu r-rilaxx volontarju ta’ armi żgħar u ammunizzjon żejda jew miżmuma illegalment.

14.

It-Titolu II tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, intitolat “Kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni għall-azzjonijiet speċifiċi”, jipprovdi b’mod partikolari għal assistenza finanzjarja u teknika għal programmi u proġetti li jikkontribwixxu b’mod dirett u tanġibbli għall-prinċipji u miżuri msemmija fit-Titolu I.

15.

Skont l-Artikolu 6(2) tat-Titolu II, fl-għoti ta’ din l-assistenza, l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-impenn tad-destinatarji li jikkonformaw ruħhom mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, il-ħarsien min-naħa tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħarsien tal-Istat tad-dritt, kif ukoll tal-impenji internazzjonali, b’mod partikolari t-trattati ta’ paċi u l-ftehim internazzjonali dwar il-kontroll tal-armi.

16.

L-Artikolu 8 tat-Titolu II jgħid:

“Il-Kunsill jinnota illi l-Kummissjoni ser tmexxi l-azzjoni tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta billi, fejn xieraq, tieħu l-miżuri pertinenti li jolqtu l-Komunità [l-miżuri Komunitarji rilevanti].”

17.

L-Artikolu 9(1) tat-Titolu II jgħid:

“Il-Kunsill flimkien mal-Kummissjoni ser ikun[u] responsabbli milli jaraw li l-azzjonijiet li l-Unjoni ser tieħu fil-qasam ta’ l-armi żgħar ikunu konsistenti, b’mod partikolari [f’dak li jirrigwarda] l-politiki ta’ żvilupp. Għal dan il-għan l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni għandhom jgħaddu kwalunkwe informazzjoni relevanti lill-korpi tal-Kunsill relevanti. Il-Kunsill flimkien mal-Kummissjoni għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet rispettivi tagħhom, skond il-poteri li kull wieħed għandu.”

C — Id-Deċiżjoni kkontestata

18.

Fit-2 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni kkontestata, li timplementa l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni bil-ħsieb ta’ kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir ( 9 ). Bħala bażi ġuridika, id-Deċiżjoni kkontestata ssemmi l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 23(2) UE.

19.

Fil-preambolu tagħha, id-Deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi dawn il-premessi:

“(1)

L-akkumulazzjoni u t-tixrid eċċessiv u mhux kontrollat ta’ armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir huma theddida għall-paċi u s-sigurtà u jnaqqsu l-prospetti għal żvilupp sostenibbli; dan hu partikolarment il-każ fl-Afrika tal-Punent.

(2)

Fit-twettiq ta’ l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ l-Azzjoni Konġunta [in kwistjoni], l-Unjoni Ewropea tikkunsidra topera fil-fora internazzjonali rilevanti sabiex tippromwovi miżuri biex tinħoloq il-fiduċja. F’dan is-sens, din id-Deċiżjoni hija intiża biex timplimenta l-imsemmija Azzjoni Konġunta.

(3)

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li kontribut finanzjarju u assistenza teknika jgħinu sabiex tiġi konsolidata l-inizjattiva tal-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika tal-Punent (ECOWAS) dwar armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir.

(4)

L-Unjoni Ewropea għaldaqstant bi ħsiebha toffri appoġġ finanzjarju u assistenza teknika lill-ECOWAS skond it-Titolu II ta' l-Azzjoni Konġunta [in kwistjoni].”

20.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġetti fil-qafas tal-Moratorju tal-ECOWAS dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-fabbrikazzjoni tal-armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir. Għal dan il-għan, hija għandha toffri kontribut finanzjarju u assistenza teknika biex tiġi stabbilita l-Unità Armamenti Ħfief [Armi Żgħar] fi ħdan is-Segretarjat Tekniku tal-ECOWAS u biex dan il-Moratorju jiġi konvertit f’Konvenzjoni dwar armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir bejn l-Istati Membri tal-ECOWAS.

21.

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata jgħid:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi nkarigata bl-implimentazzjoni finanzjarja ta’ din id-Deċiżjoni. Għal dak il-għan, din għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament ma’ l-ECOWAS dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea, li għandu jkun f’forma ta’ għotja mhux rimborsabbli. […]”

22.

L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jippreżentaw lill-korpi tal-Kunsill rilevanti rapporti regolari dwar il-konsistenza ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji politiċi tagħha fuq l-iżvilupp, skond l-Artikolu 9(1) ta’ l-Azzjoni Konġunta [in kwistjoni]. B’mod iżjed partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3. Din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata, fost affarijiet oħrajn, fuq rapporti regolari li għandhom jiġu mogħtija mill-ECOWAS taħt ir-relazzjoni kontrattwali tagħha mal-Kummissjoni.”

23.

Meta adottat id-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet din id-dikjarazzjoni:

“Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din l-Azzjoni Konġunta ma kellhiex tiġi adottata u li l-proġett kellu jiġi ffinanzjat mid-disa’ [Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF)] taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Din l-opinjoni hija kkonfermata b’mod ċar mill-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Cotonou li jsemmi espressament fost l-attivitajiet rilevanti l-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni ta’ armi ta’ kalibru żgħir u ta’ armi żgħar. Barra minn hekk, jirriżulta mill-kummentarji dwar il-linja tal-baġit [tal-]PBSK korrispondenti (19 03 02) tal-baġit tal-2004 li l-finanzjament ta’ tali proġetti taħt il-PBSK huwa eskluż jekk dawn ikunu diġà koperti mill-Ftehim ta’ Cotonou.

L-Azzjoni Konġunta ffinanzjata taħt il-PBSK setgħet tibbenefika mid-disa’ EDF u kienet tkun perfettament koerenti mal-programm indikattiv reġjonali tal-ECOWAS. Fil-fatt, il-Kummissjoni qed tħejji proposta ta’ finanzjament fl-ammont indikattiv ta’ EUR 1.5 miljun intiż biex isostni l-implementazzjoni tal-moratorju tal-ECOWAS dwar l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

Finalment, l-Azzjoni Konġunta taqa’ taħt il-kompetenza maqsuma li fuqha huma bbażati l-politika Komunitarja tal-iżvilupp u l-Ftehim ta’ Cotonou. L-Artikolu 47 [UE] japplika kemm għall-oqsma ta’ kompetenza maqsuma kif ukoll għall-oqsma ta’ kompetenza esklużiva, għaliex inkella jiġi mċaħħad minn parti kbira mill-utilità tiegħu. Il-Kummissjoni tirriżerva d-drittijiet tagħha f’dan ir-rigward.” ( 10 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III — It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiddikjara illegali, u għaldaqstant inapplikabbli, l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, b’mod partikolari t-Titolu II tagħha.

25.

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata bħala infondata;

tiċħad it-talba tal-Kummissjoni għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26.

B’digriet tas-7 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lill-Parlament Ewropew biex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27.

B’digriet tal-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju tal-Olanda, lir-Renju tal-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju tad-Danimarka biex jintervjeni wkoll insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

28.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill kif ukoll il-partijiet li ġew awtorizzati jintervjenu f’din il-kawża nstemgħu matul is-seduta li saret fil-5 ta’ Diċembru 2006, ħlief għar-Renju tal-Olanda li ma kienx rappreżentat.

IV — Analiżi

A — Fuq l-ammissibbiltà

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata

29.

Mhemm ebda dubju — u l-Kunsill u l-partijiet li intervjenew insostenn tat-talbiet tiegħu ma sostnewx il-kuntrarju — li t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata hija ammissibbli inkwantu tfittex li jiġi kkonstatat li l-att adottat mill-Kunsill fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE (“[d]ispożizzjonijiet dwar [il-PBSK]”) jidħol fuq il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

30.

Fil-fatt, għalkemm id-Deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq l-Artikolu 23 UE u fuq l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni adottata taħt it-Titolu V tat-Trattat UE, mhijiex, bħala regola, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 230 KE, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 46(f) UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju tagħha huma applikabbli, b’mod partikolari, għall-Artikolu 47 UE, li jistabbilixxi li ebda ħaġa fit-Trattat UE m’għandha taffettwa t-Trattat KE.

31.

Fuq il-bażi ta’ dak li ġie dedott mill-Artikoli 46(f) UE u 47 UE dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tat-Titolu VI attwali tat-Trattat UE (“it-tielet pilastru”), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tiżgura li l-atti li, skont il-Kunsill, jaqgħu taħt l-imsemmi Titolu V, ma jidħlux fuq il-poteri li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jagħtu lill-Komunità ( 11 ).

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

32.

Skont il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-Kummissjoni kontra l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni hija inammissibbli inkwantu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att li jaqa’ taħt il-PBSK u, min-naħa l-oħra, rikorrent privileġġat, bħalma hija l-Kummissjoni, ma jistax jeċċepixxi l-illegalità ta’ att li huwa seta’ jitlob direttament l-annullament tiegħu permezz ta’ rikors skont l-Artikolu 230 KE.

33.

Fir-replika tagħha u fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent rispettivi tal-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tirribatti l-oġġezzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità billi tfakkar, fl-ewwel lok, li din tqajmet biss abbażi tal-Artikolu 47 UE, jiġifieri għall-istess raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba prinċipali għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, u, fit-tieni lok, li r-rikorrenti privileġġati għandhom id-dritt li jeċċepixxu l-illegalità ta’ att leġiżlattiv meta l-imsemmija illegalità tirriżulta b’mod sħiħ fil-mument tal-applikazzjoni konkreta tiegħu, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE sabiex jitressaq rikors għall-annullament tal-imsemmi l-att.

b) Analiżi

34.

Għandi nispeċifika fl-ewwel lok li jidhirli li huwa meħtieġ li l-eżami tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jsir f’dan l-istadju tal-osservazzjonijiet tiegħi inkwantu, fir-rigward tal-mertu tal-każ, l-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata ma tistax, fil-fehma tiegħi, tinfired minn dik tad-dispożizzjonijiet tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

35.

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill u l-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit essenzjalment toħloq żewġ tipi ta’ diffikultajiet. Minn naħa, il-kwistjoni jekk, fil-kuntest tat-Trattat KE, rikorrent hekk imsejjaħ “privileġġat” jistax jeċċepixxi l-illegalità ta’ att li huwa seta’ ċertament jikkontesta direttament skont l-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra, jekk ir-risposta għal din id-domanda hija, tal-inqas, parzjalment fl-affermattiv, irid jiġi stabbilit jekk dik is-soluzzjoni tistax tiġi estiża għal sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża preżenti, l-att li l-illegalità tiegħu tiġi eċċepita ġiex adottat fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet ser jiġu indirizzati waħda wara l-oħra.

i) Fuq l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn rikorrent privileġġat kontra regolament taħt l-Artikolu 241 KE

36.

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 241 KE, għalkemm ikun skada l-perijodu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull parti tista’, fil-każ ta’ kontroversja dwar regolament adottat konġuntament mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jew regolament tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, jew tal-Bank Ċentrali Ewropew, tibbaża ruħha fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-inapplikabbiltà ta’ dak ir-regolament ( 12 ).

37.

Fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma tistax tkun limitata għal atti li jkunu fil-forma ta’ regolament fis-sens tal-Artikolu 241 KE, iżda tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi Artikolu, billi tiffoka iktar fuq il-kontenut tal-att li l-illegalità tiegħu tiġi eċċepita, li għandu jkun ta’ “natura ġenerali” ( 13 ).

38.

Din il-kjarifika timplika, bħala l-ewwel konsegwenza, li kull rikorrent, inkluż għalhekk rikorrent privileġġat, ma jistax jeċċepixxi l-illegalità ta’ atti li jkunu formalment indirizzati lilu u li huwa jkun naqas milli jikkontesta direttament fit-terminu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE ( 14 ), ħlief fl-ipoteżi — li fi kwalunkwe każ mhijiex rilevanti f’din il-kawża — fejn l-att tant ikun ivvizzjat b’difetti partikolarment serji u evidenti li jista’ jiġi kkwalifikat bħala att ineżistenti ( 15 ).

39.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 241 KE, minkejja li dan l-Artikolu jgħid li kull parti tista’, għalkemm ikun skada l-perijodu previst fl-Artikolu 230 KE, tinvoka, b’mod inċidentali, l-inapplikabbiltà ta’ regolament — li għandu jinftiehem bħala att ta’ “natura ġenerali” —, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma taħt l-Artikolu 241 KE minn rikorrent privileġġat, bħal istituzzjoni Komunitarja jew Stat Membru, ġiet madankollu diskussa f’diversi okkażjonijiet f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.

40.

Ir-rikorrenza ta’ din il-kwistjoni tidher li hija parzjalment dovuta għar-rifjut repetut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjonijiet ta’ illegalità invokati minn rikorrenti privileġġati kontra regolamenti Komunitarji, jew fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra att ibbażat fuq ir-regolament inkwistjoni, jew inkella bħala mezz ta’ difiża kontra allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ regolament ( 16 ), minkejja l-proposti ta’ diversi avukati ġenerali tagħha li, prinċipalment b’referenza għat-test tal-Artikolu 241 KE, kienu ppronunzjaw ruħhom favur l-ammissibbiltà ta’ dawk it-talbiet inċidentali ( 17 ).

41.

Għandu jiġi osservat li, għalkemm f’uħud minn dawk il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-illegalitajiet eċċepiti tar-regolamenti inkwistjoni ( 18 ) fil-mertu, wara li ġew ippreżentati konklużjonijiet favur l-ammissibbiltà tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma ( 19 ), ir-rifjut li tingħata deċiżjoni espliċita dwar l-imsemmija ammissibbiltà kompliet tagħti lok għal ċerti mistoqsijiet, li jista’ jitqies li taw lok għar-riżerva, espressa mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2002 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-BĊE ( 20 ) — li dwarha ser nittratta iktar ’il quddiem — li jifformola “opinjoni definittiva” dwar il-kwistjoni ( 21 ).

42.

Il-kontroversja tidher li bdiet ukoll b’interpretazzjoni a contrario tal-motivazzjoni ta’ ċerti sentenzi li fihom il-qorti Komunitarja kkunsidrat li l-Artikolu 241 KE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jagħti lil kull parti f’kawża d-dritt li tikkontesta b’mod inċidentali l-validità ta’ regolamenti jew ta’ atti Komunitarji “ta’ natura ġenerali”jekk dik il-parti ma kellhiex id-dritt, taħt l-Artikolu 230 KE, li tressaq rikors dirett kontra dawn l-atti ( 22 ).

43.

Għaldaqstant, din il-motivazzjoni tidher li rabtet id-dritt li jsir stħarriġ inċidentali ta’ regolament man-nuqqas tal-possibbiltà li jitressaq rikors għall-annullament ta’ tali att.

44.

Għandu jiġi osservat ukoll li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Gvern Spanjol jibbażaw ampjament fuq dan ir-raġunament l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħhom kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni invokata mill-Kummissjoni.

45.

Barra minn hekk, il-kontroversja ċertament ma ġietx solvuta bis-sentenza Nachi Europe, li kienet tirrigwarda l-kwistjoni kumplessa tal-impożizzjoni ta’ dazji kontra d-dumping u li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li impriża, li mingħajr dubju kellha d-dritt li tressaq rikors quddiem il-qorti Komunitarja għall-annullament ta’ regolament Komunitarju li jiffissa dazji kontra d-dumping, ma setgħetx tikkontesta b’mod inċidentali, f’kawża quddiem qorti nazzjonali, il-validità ta’ dak ir-regolament, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali ( 23 ).

46.

Għalkemm il-motivazzjoni ta’ din is-soluzzjoni hija bbażata wkoll fuq in-natura ibrida ta’ dan it-tip ta’ regolamenti, jiġifieri atti ta’ natura leġiżlattiva li, fl-istess ħin, jistgħu jirrigwardaw direttament u individwalment lill-individwi ( 24 ), ir-referenza għall-formola stabbilita fis-sentenza Simmenthal vs Il-Kummissjoni ( 25 ), iċċitata fil-punt 42 hawn fuq, kif ukoll l-estensjoni tagħha għall-każ ta’ regolament Komunitarju, mingħajr ma l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li hija limitat għall-każ partikolari tar-regolamenti konta d-dumping, tista’ tikkontribwixxi wkoll biex jibqgħu jissussistu dubji dwar kif għandha tiġi determinata eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn rikorrenti privileġġati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni formali tal-Artikolu 241 KE.

47.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat kjarifiki importanti fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, li jimplikaw li rikorrent privileġġat jista’ jinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, l-inapplikabbiltà ta’ regolament ta’ natura ġenerali jew leġiżlattiva.

48.

F’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet talbet l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il-prevenzjoni ta’ frodi, għar-raġuni li din id-deċiżjoni kienet tmur kontra r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ( 26 ). Fost l-eċċezzjonijiet imqajma mill-BĊE kontra r-rikors għal annullament, dan tal-aħħar sostna li r-Regolament Nru 1073/1999 kien illegali u kellu jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 241 KE, għar-raġuni li kien ġie adottat bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, b’mod partikolari tal-Artikolu 105(4) KE, dwar il-konsultazzjoni mal-BĊE. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dik l-eċċezzjoni kienet inammissibbli, billi l-BĊE ma setax jeċċepixxi l-illegalità ta’ att li seta’ jitlob l-annullament tiegħu skont l-Artikolu 230 KE.

49.

Wara li fakkret, minn naħa, li d-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali ma jistax jeċċepixxi l-illegalità tagħha u, min-naħa l-oħra, li, skont is-sentenza Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq, regolament Komunitarju jista’ jsir definittiv fil-konfront ta’ individwu meta dan ir-regolament ikollu jitqies bħala deċiżjoni individwali fil-konfront tiegħu li huwa mingħajr ebda dubju seta’ jitlob l-annullament tagħha skont l-Artikolu 230 KE ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn il- “prinċipji […] madankollu b’ebda mod ma jaffettwaw ir-regola stabbilita fl-Artikolu 241 KE li jipprovdi li kull parti tista’, fil-każ ta’ kontroversja dwar regolament previst minn din id-dispożizzjoni, tibbaża ruħha fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-inapplikabbiltà ta’ dak ir-regolament” ( 28 ). Peress li, f’dik il-kawża, in-“natura leġiżlattiva” tar-Regolament Nru 1073/1999 ma kinitx ikkontestata u peress li ma kienx ġie allegat li l-imsemmi Regolament kellu jiġi assimilat ma’ deċiżjoni li l-BĊE, f’dan il-każ, kien id-destinatarju tagħha ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u eżaminat l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-BĊE fil-mertu.

50.

Filwaqt li bbażat unikament fuq qari letterali tal-Artikolu 241 KE biex tirrikonoxxi li kull parti għandha d-dritt li tinvoka, b’mod inċidentali, l-inapplikabbiltà ta’ regolament “ta’ natura leġiżlattiva”, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat, din id-darba b’mod espliċitu, il-pożizzjoni ta’ diversi avukati ġenerali tagħha, esposta iktar ’il fuq.

51.

Jekk tabilħaqq jista’ jkun għad hemm xi dubju, wara qari tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-estensjoni, favur ir-rikorrenti privileġġati kollha, tas-soluzzjoni adottata minnha fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-BĊE, fid-dawl tal-fatt li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 230 KE, dan tal-aħħar jista’ jressaq proċeduri biss biex jipproteġi l-prerogattivi tiegħu, argument letterali u loġiku li jimxi fuq il-motivazzjoni tal-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jimmilita favur din l-estensjoni.

52.

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 241 KE jagħti lil kull parti d-dritt li tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ regolament f’kawża li fiha jkun inkwistjoni “għalkemm ikun skada il-perjodu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 [KE]” ( 30 ).

53.

Mhuwiex wisq konvinċenti l-argument li l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta’ regolament tkun irriżervata biss għall-partijiet li ma setgħux jippreżentaw rikors għal annullament jekk, skont l-Artikolu 241 KE, din l-eċċezzjoni tista’ tiġi invokata “għalkemm” ikun skada l-perijodu previst biex jiġi ppreżentat rikors għal annullament ( 31 ).

54.

Għalhekk l-Artikolu 241 KE jagħti inkontestabbilment lir-rikorrenti privileġġati l-possibbiltà li jeċċepixxu, b’mod inċidentali, l-illegalità ta’ regolament “ta’ natura leġiżlattiva”, anki meta huma setgħu kkontestaw dak ir-regolament direttament fil-perijodu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

55.

Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk din il-konklużjoni tistax tiġi estiża għal sitwazzjoni fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità titqajjem mill-Kummissjoni kontra azzjoni konġunta adottata fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE.

ii) Fuq l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra azzjoni konġunta adottata fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE

56.

Fl-ewwel lok, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill, li hija fformulata b’mod ġenerali u li tallega li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, għandha tiġi miċħuda għal raġunijiet simili għal dawk spjegati fil-punt 31 iktar ’il fuq.

57.

Fil-fatt, billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju tagħha, li l-Artikolu 241 KE ċertament jifforma parti minnhom, japplikaw għall-Artikolu 47 UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa teżamina, b’mod inċidentali, jekk azzjoni konġunta tal-Kunsill, adottata taħt it-Titolu V tat-Trattat UE, li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, hijiex inapplikabbli inkwantu l-Kunsill, bl-adozzjoni tal-imsemmija azzjoni konġunta, ikun daħal fuq il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità mit-Trattat KE.

58.

Kif jirriżulta mill-punt preċedenti, l-Artikolu 47 UE naturalment jimponi limiti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ att adottat fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE, bħal-limiti li jimponi fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE għal dawn l-istess atti. Għaldaqstant, l-argumenti invokati insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, bħal dawk imqajma insostenn tat-talba prinċipali għal annullament, għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu limitati għall-kontestazzjoni tal-kompetenza tal-Kunsill biex jadotta l-att li l-illegalità tiegħu tkun eċċepita għar-raġuni li dan l-att ikun daħal fuq il-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE lill-Komunità.

59.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, mingħajr ma tinnega l-portata ġenerali tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fis-sottomissjonijiet tagħha fis-sens li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, il-Kummissjoni madankollu speċifikat fin-noti tagħha li t-Titolu I tal-imsemmi att (jiġifieri l-Artikoli 2 sa 5) jaqa’ taħt il-PBSK, ħlief għal “ċerti elementi” tal-Artikolu 4 tiegħu ( 32 ).

60.

Din il-pożizzjoni għandha twassal biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa l-eċċezzjoni ta’ illegalità inkwantu din tirrigwarda l-Artikoli msemmija iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni madankollu ma tfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu l-imsemmija Artikoli inkunsiderazzjoni meta teżamina l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ċ-ċitazzjoni waħdanija fil-preambolu ta’ din tal-aħħar tirreferi għall-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

61.

Fit-tieni lok, jidhirli li l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità f’din il-kawża tiddependi inqas mill-istatus tal-Kummissjoni bħala rikorrent privileġġat milli min-natura tal-att li l-illegalità tiegħu ġiet eċċepita.

62.

Fil-fatt, jekk l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni hija ta’ natura leġiżlattiva jew ġenerali, skont it-tifsira mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk hija simili għal regolament, fis-sens tal-Artikolu 241 KE, il-Kummissjoni, bħal kwalunkwe parti, tista’ tuża l-mezz previst minn din id-dispożizzjoni biex tikkontesta, b’mod inċidentali, il-kompetenza tal-Kunsill biex jadotta dan l-att. Min-naħa l-oħra, kieku l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala deċiżjoni indirizzata lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tkunx tista’ teċċepixxi l-illegalità ta’ dan l-att.

63.

 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) UE, azzjoni konġunta tindirizza sitwazzjoni fejn azzjoni operattiva mill-Unjoni Ewropea titqies li hija meħtieġa u tistabbilixxi l-obbjettivi tagħha, il-portata, il-mezzi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, jekk meħtieġ it-tul ta’ żmien tagħha, u l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(3) UE, l-azzjonijiet konġunti għandhom jikkommettu lill-Istati Membri fil-pożizzjonijiet li huma jadottaw u fit-tmexxija tal-attività tagħhom.

64.

F’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jiddefinixxi l-għanijiet relattivi għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir filwaqt li t-Titoli I u II tagħha jispeċifikaw rispettivament il-prinċipji li jirregolaw l-aspetti preventivi u reattivi u l-kontribut tal-Unjoni Ewropea biex jintlaħqu dawn il-prinċipji. Skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, il-Kunsill għandu b’mod partikolari jiddeċiedi dwar il-prinċipji, l-arranġamenti u l-iffinanzjar tal-proġetti li jikkontribwixxu b’mod dirett u tanġibbli għall-prinċipji stabbiliti fit-Titolu I tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni ser tmexxi l-azzjoni tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni. Finalment, l-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jipprovdi li hija għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, mingħajr ma jispeċifika lil min hija indirizzata.

65.

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, u minkejja li ma jistax jiġi nnegat li l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, tal-inqas fir-rigward tat-Titolu II tagħha, għandha aspett operattiv inerenti fin-natura nfisha ta’ tali att, bl-ebda mod ma jidher li din għandha, inkluż fir-rigward tat-Titolu II tagħha, in-natura ta’ deċiżjoni fil-konfront tal-Kummissjoni b’mod li din tal-aħħar tista’ titqies bħala d-destinatarja tagħha.

66.

Barra minn hekk, ma ġiex allegat, insostenn tal-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità, li l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni kellha, fil-konfront tal-Kummissjoni, in-natura ta’ deċiżjoni individwali u la l-Kunsill u lanqas il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit ma kkontestaw in-natura ġenerali tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni asserita ġustament mill-Kummissjoni.

67.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-Kummissjoni kontra l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni hija ammissibbli, tal-anqas fir-rigward tat-Titolu II tal-imsemmi att.

68.

Din il-konklużjoni ma titpoġġiex fid-dubju bl-argument tal-Kunsill li s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni juru li l-allegata illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni kienet evidenti meta ġiet adottata, b’mod li l-Kummissjoni hija prekluża milli teċċepixxi l-illegalità tagħha.

69.

Fil-fatt, bħalma tali ċirkustanza mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra regolament, fis-sens tal-Artikolu 241 KE, din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att ta’ natura ġenerali bħall-Azzjoni Konġunta inkwistjoni adottata fuq il-bażi tat-Titolu V tat-Trattat UE.

70.

Barra minn hekk, il-fatt li din iċ-ċirkustanza tiġi miċħuda bħala irrilevanti ma jfissirx li l-Kummissjoni tista’ ddur mat-terminu obbligatorju previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE għat-tressiq ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, it-talba ppreżentata mill-Kummissjoni tikkostitwixxi biss dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni f’din il-kawża, skont l-Artikolu 241 KE, u ma twassalx għall-annullament ta’ dan l-att jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu f’każ li din it-talba tintlaqa’.

71.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, hemm lok li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit u li tiġi accettata l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jew, tal-anqas, tat-Titolu II tagħha, imqajma mill-Kummissjoni.

72.

Għalhekk, it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata u t-talba tal-Kummissjoni biex tiġi ddikjarata inapplikabbli l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jew, fi kwalunkwe każ, it-Titolu II ta’ din tal-aħħar, huma ammissibbli.

B — Fuq il-mertu

73.

Kif jenfasizzaw fin-noti rispettivi tagħhom, il-partijiet prinċipali u l-intervenjenti ma jaqblux, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 47 UE u, fit-tieni lok, dwar ir-relazzjoni bejn il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-kompetenzi Komunitarji. Fit-tielet lok, mill-argumenti tagħhom dwar iż-żewġ kwistjonijiet preċedenti huma jaslu għal konklużjonijiet dijametrikament opposti fir-rigward tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u dik tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

74.

Għaldaqstant ser neżamina dawn it-tliet punti fil-paragrafi li ġejjin.

1. Fuq l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 47 UE

a) L-argumenti tal-partijiet

75.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, hija tal-fehma li d-Deċiżjoni kkontestata dwar il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir għandha tiġi annullata minħabba li din tidħol fuq il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u għalhekk tikser l-Artikolu 47 UE.

76.

Skont il-Kummissjoni u l-Parlament, l-Artikolu 47 UE jfittex li jipproteġi l-kompetenzi Komunitarji kontra l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq it-Trattat UE billi jistabbilixxi fruntiera “fissa” bejn il-kompetenzi tal-Komunità u dawk tal-Unjoni Ewropea.

77.

Skont l-Artikolu 47 UE, ir-relazzjoni bejn il-kompetenzi tal-Komunità u dawk tal-Unjoni Ewropea meta din taġixxi fil-kuntest tal-PBSK mhijiex l-istess bħal dik bejn il-kompetenzi tal-Komunità u dawk tal-Istati Membri, fis-sens li, sabiex jiġu delimitati l-kompetenzi tal-Komunità u tal-Unjoni Ewropea, wieħed ma jistax jirrikorri għall-prinċipju ta’ prelazzjoni. Jekk, f’qasam ta’ kompetenzi maqsuma, bħall-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jaġixxu waħedhom, individwalment jew kollettivament, sakemm il-Komunità tkun għadha m’eżerċitatx il-kompetenza tagħha, dan ma japplikax għall-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 47 UE, għandha tirrispetta l-kompetenzi, kemm jekk esklużivi u kemm jekk le, tal-Komunità, minkejja li dawn il-kompetenzi ma jkunux ġew eżerċitati.

78.

Il-Kunsill isostni li għalkemm id-diskussjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Unjoni Ewropea hija ċertament rilevanti, jibqa’ l-fatt li, fil-każ preżenti, il-Komunità m’għandha ebda kompetenza (potenzjali jew attwali) biex tiġġieled kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

79.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 UE, il-Kunsill isostni li din id-dispożizzjoni tfittex li tippreżerva l-bilanċ tal-poteri stabbilit mit-Trattati u ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tfittex li tipproteġi l-kompetenzi mogħtija lill-Komunità għad-detriment ta’ dawk mogħtija lill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 KE, il-Komunità tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u tal-għanijiet assenjati lilha bit-Trattat KE.

80.

Il-Kunsill jgħid ukoll li l-Artikolu 47 UE ma jimpedixxix l-adozzjoni ta’ miżuri fil-kuntest tal-PBSK li jużaw l-istess strumenti bħal dawk użati mill-Komunità fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, meta dawn il-miżuri ma jkunux intiżi biex jilħqu għanijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda dawk li jaqgħu taħt il-PBSK.

81.

Il-Gvern tar-Renju Unit, min-naħa tiegħu, huwa tal-fehma li żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti biex att ibbażat fuq it-Trattat UE jista’ jitqies li jmur kontra l-Artikolu 47 UE.

82.

Fl-ewwel lok, il-Komunità għandha tkun kompetenti biex tadotta att li jkollu l-istess għan u l-istess kontenut. Anki jekk l-att adottat fuq il-bażi tat-Trattat UE jkun relatat ma’ qasam li fih il-Komunità setgħet taġixxi bis-saħħa tal-għanijiet assenjati lilha, ma jkun hemm għalhekk ebda ksur tal-Artikolu 47 UE meta dak l-att ifittex li jilħaq għan għal kollox differenti, b’mod partikolari għan li jaqa’ speċifikament taħt il-PBSK.

83.

Fit-tieni lok, huwa meħtieġ li l-att ibbażat fuq it-Trattat UE jidħol fuq kompetenza mogħtija lill-Komunità billi jimpedixxi jew jillimita l-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza. Tali effett ta’ prelazzjoni huwa eskluż f’qasam bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fejn il-Komunità għandha kompetenzi paralleli. F’qasam ta’ kompetenzi paralleli, is-sempliċi fatt li l-Komunità tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha ma jimpedixxix lill-Unjoni Ewropea milli teżerċita l-kompetenza tagħha. L-unika restrizzjoni li jkollha f’dan il-każ l-Unjoni Ewropea hija dik tal-ħarsien tal-obbligu ta’ konsistenza stabbilit fl-Artikolu 3 UE.

b) Analiżi

84.

In-nuqqas ta’ qbil aħrax bejn, b’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 UE jidher li huwa biss il-parti viżibbli ta’ diverġenza iktar fundamentali dwar l-istruttura tal-Unjoni Ewropea.

85.

Skont il-mudell li favur tiegħu targumenta l-Kummissjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità mhumiex komparabbli ma’ dawk li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri. F’dan il-mudell, li jista’ jissejjaħ “triangolari”, l-Unjoni Ewropea tippossjedi u teżerċita l-kompetenzi tagħha stess li mhumiex sempliċement ekwivalenti għall-eżerċizzju kollettiv tal-kompetenzi li għandhom l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni t-teżi ta’ fruntiera “fissa” bejn il-Komunità u l-Unjoni Ewropea, meta taġixxi fil-kuntest tal-PBSK.

86.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit jargumenta favur mudell li jista’ jissejjaħ “duwalista”, billi jassimila l-fruntiera bejn il-kompetenzi tal-Komunità u dawk tal-Unjoni Ewropea ma’ dik li tissepara lill-Komunità mill-Istati Membri tagħha. Fi kliem ieħor, skont dan l-approċċ, azzjoni tal-Unjoni Ewropea meħuda taħt it-Titolu V tat-Trattat UE, li ssegwi wieħed mill-obbjettivi previsti fl-Artikolu 11(1) UE, fosthom li tiġi ppreżervata l-paċi u li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, qatt ma tidħol fuq il-kompetenzi tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, anki jekk din l-azzjoni jkollha kontenut simili għal dak tal-azzjoni adottata mill-Komunità, peress li, bħall-Istati Membri tagħha, l-Unjoni teżerċita kompetenzi paralleli għal dawk tal-Komunità, u b’hekk ma jkun hemm ebda skop biex wieħed jirrikorri għall-Artikolu 47 UE ( 33 ).

87.

Dan id-dibattitu jista’ jidher a priori retoriku inkwantu la l-Kummissjoni u lanqas l-Gvern tar-Renju Unit ma jiċħdu li l-eżami li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq sabiex tivverifika jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 47 UE għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni tal-għan u tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni. Madankollu jirriżulta wkoll b’mod ċar min-noti tal-Gvern tar-Renju Unit li l-argument tiegħu jimplika li r-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jiġi eżaminat il-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata peress li, fir-realità, huwa biss l-għan li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tfittex li tilħaq li huwa tabilħaqq rilevanti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 47 UE fil-każ preżenti.

88.

Minkejja s-sottiljezza tal-analiżi proposta mill-Gvern tar-Renju Unit, jidhirli li l-argument tiegħu huwa bbażat fuq ċerti premessi żbaljati fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 UE kif jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom iwasslu biex l-argument tiegħu jiġi miċħud.

89.

Bħala osservazzjoni ġenerali, għandu jiġi osservat fl-ewwel lok li l-Gvern tar-Renju Unit ma jallegax li l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta azzjoni, fuq il-bażi tal-PBSK, li tfittex li tilħaq għan soċjoekonomiku ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, mingħajr ma jkun hemm ksur tal-Artikolu 47 UE. Fil-fatt, dan il-Gvern jidher li jaċċetta, billi jsegwi l-pożizzjoni espressa tal-Kunsill fuq dan il-punt, li l-Unjoni Ewropea ma tistax tfittex li tilħaq tali għan fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE. Fi kwalunkwe każ, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li d-Deċiżjoni kkontestata u l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni jfittxu li jilħqu għan li jaqa’ taħt il-PBSK.

90.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, minħabba li l-kompetenzi huma paralleli, il-Komunità qatt ma tkun prekluża milli tadotta azzjoni fuq il-bażi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp anki meta l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-PBSK, tkun adottat azzjoni li jkollha kontenut simili (jiġifieri, f’dan il-każ, għajnuna finanzjarja u/jew teknika lil organizzazzjoni reġjonali Afrikana) iżda li tfittex li tilħaq wieħed mill-obbjettivi tal-Artikolu 11(1) UE, f’dan il-każ, li tiġi ppreżervata l-paċi u li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Din it-teżi hija bbażata parzjalment fuq il-premessa li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ kundizzjonijiet indipendenti għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 47 UE: minn naħa, il-Komunità għandha tkun kompetenti biex tadotta att li l-kontenut iżda b’mod speċjali l-għan tiegħu jkunu simili għal dawk tal-att adottat mill-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra, irid ikun seħħ dħul fuq il-kompetenzi tal-Komunità.

91.

Fl-ewwel lok għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 47 UE, ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tista’ tiġi affettwata minn dispożizzjoni tat-Trattat UE ( 34 ).

92.

Il-funzjoni tal-Artikolu 47 UE hija li l-kompetenzi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jagħtu lill-Komunità jiġu protetti kontra kull dħul fuqhom minn atti li, skont il-Kunsill, jaqgħu taħt it-Titoli V u VI tat-Trattat UE ( 35 ).

93.

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni kontra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/80/ĠAI, adottata taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali ( 36 ), billi kkonstatat li, kemm minħabba l-għan, kif ukoll minħabba l-kontenut tagħhom, l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-ambjent u setgħu ġew validament adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE ( 37 ).

94.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement speċifikat li “[f]'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni Qafas, billi tindaħal fil-poteri li l-Artikolu 175 KE jagħti lill-Komunità, tikser fl-intier tagħha, minħabba li h[uw]a indiviżibbli, l-Artikolu 47 UE.” ( 38 ).

95.

Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern tar-Renju Unit, il-motivi ċċitati iktar ’il fuq tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005 ma jindikawx li l-eżistenza ta’ dħul fuq il-kompetenzi tal-Komunità tista’ tikkostitwixxi kundizzjoni awtonoma minn dik li tinkludi l-eżami tal-kontenut u tal-għan tal-att ikkontestat. Għall-kuntrarju, jidher li, bil-fatt li introduċiet il-punt 53 ta’ dik is-sentenza bl-espressjoni “f’dawn iċ-ċirkustanzi”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li kien hemm dħul fuq il-kompetenzi tal-Komunità u, għalhekk, ksur tal-Artikolu 47 UE, mill-eżami preliminari tagħha tal-għan u tal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. Għalhekk, kien fuq il-bażi ta’ dan l-eżami li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata li kien hemm ksur tal-Artikolu 47 UE, mingħajr ma kellha għalfejn tivverifika jekk kinitx ġiet sodisfatta allegata kundizzjoni addizzjonali dwar id-dħul fuq il-kompetenzi tal-Komunità.

96.

Fit-tieni lok għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li skontu, minħabba n-natura parallela jew komplementari tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 39 ), azzjoni tal-Unjoni Ewropea, li tfittex li tilħaq għan tal-PBSK, qatt ma tista’ tidħol fuq il-kompetenzi tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

97.

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li dan l-approċċ ġenerali jibqa’ tal-inqas suġġett għall-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-natura awtentika tal-għan tal-PBSK li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea taħt it-Titolu V tat-Trattat UE tfittex li tilħaq, peress li din tal-aħħar ma tistax, kif jammettu l-Kunsill u l-Gvern tar-Renju Unit, tfittex li tilħaq għan ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp li ma jkun assenjat lilha minn ebda dispożizzjoni tat-Trattat UE ( 40 ).

98.

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 47 UE ma jintroduċi ebda skala fil-protezzjoni li jagħti lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità u għalhekk skont in-natura tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità. L-Artikolu 47 UE għaldaqstant jidher li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-kompetenzi kollha mogħtija lill-Komunità, indipendentement mit-tqassim li jeżisti bejn il-Komunità u l-Istati Membri, jimmeritaw li jiġu ppreżervati kontra kull dħul fuqhom min-naħa tal-Unjoni Ewropea meta tadotta att ibbażat fuq it-Titoli V u/jew VI tat-Trattat UE.

99.

Jirriżulta wkoll mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-eventwali ksur tal-Artikolu 47 UE b’atti adottati mill-Unjoni Ewropea f’oqsma (il-politika dwar il-viżi u l-politika dwar l-ambjent, rispettivament) li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità iżda li jaqgħu fl-isfera ta’ kompetenza maqsuma bejn il-Komunità u l-Istati Membri u li fihom il-Komunità kienet għadha ma ħaditx azzjoni.

100.

Dawn l-elementi jidhru li huma indikattivi tal-fatt li n-natura tal-kompetenza mogħtija lill-Komunità u t-tqassim tal-kompetenzi bejnha u l-Istati Membri huma irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 47 UE, kemm-il darba tkun teżisti din il-kompetenza. Madankollu, huwa inkontestabbli li l-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp teżisti, kif jixhdu d-dispożizzjonijiet tat-Titolu XX tat-Trattat KE.

101.

Ċertament, huwa minnu li, kif isostni l-Gvern tar-Renju Unit, il-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tikkomplementa dik tal-Istati Membri.

102.

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(r) KE u fit-Titolu XX tat-Trattat KE, għandha, skont l-Artikolu 177(1) KE, “tkun tikkumplimenta kull politika li jkollhom l-Istati Membri”. L-Artikolu 180(1) KE jistabbilixxi wkoll li “[i]l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-linji ta’ politika tagħhom dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-programmi tagħhom ta’ għajnuna” u “jistgħu jieħdu azzjoni konġunta”. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 181 KE jgħid ukoll li “[f]l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti”, filwaqt li t-tieni paragrafu tiegħu jispeċifika li l-kompetenza tal-Komunità f’dan il-qasam “għandha tkun bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jinnegozjaw f’entitajiet internazzjonali u jikkonkludu ftehim internazzjonali”.

103.

Għaldaqstant mhemm ebda dubju, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza tat-2 ta’ Marzu 1994 — li ngħatat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE, iżda li l-fatti tagħha kienu seħħu qabel dan id-dħul fis-seħħ — li, f’dan il-qasam, il-kompetenza tal-Komunità mhijiex esklużiva ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ikkonfermat din l-evalwazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE, fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill ( 42 ).

104.

Fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet min-natura mhux esklużiva tal-kompetenza tal-Komunità li l-Istati Membri kellhom id-dritt li jidħlu f’impenji huma stess ma’ Stati terzi, kollettivament jew individwalment, jew saħansitra flimkien mal-Komunità ( 43 ).

105.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkwalifikatx b’mod pożittiv il-kompetenza eżerċitata mill-Komunità, għandu jiġi rrilevat li, kif għamel l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mill-Parlament, li kienu jallegaw b’mod partikolari li, billi l-Komunità kienet eżerċitat il-kompetenza tagħha, l-Istati Membri ma kinux iktar awtorizzati li jeżerċitaw tagħhom ( 44 ). Fil-fehma tal-Avukat Ġenerali Jacobs, dan l-argument ma setax jiġi aċċettat f’qasam li fih il-Komunità u l-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli ( 45 ).

106.

F’sentenza li ngħatat fl-istess żmien, li ġiet iċċitata diversi drabi mill-partijiet f’din il-kawża, liema sentenza kienet tirrigwarda l-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni kkontestata mill-Parlament kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li wara li ġie emendat sar l-Artikolu 230 KE), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-għajnuna umanitarja ma kinitx esklużiva u li, għalhekk, l-Istati Membri ma kinux preklużi milli jeżerċitaw kollettivament, fi ħdan jew barra mill-Kunsill, il-kompetenzi tagħhom f’dan ir-rigward ( 46 ).

107.

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni fin-noti tagħha, fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-Istati Membri mhumiex preklużi milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom, anki meta l-Komunità tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha fil-qasam inkwistjoni ( 47 ).

108.

Interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu XX tat-Trattat KE ċċaħħad minn kull effett utli lill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 180 KE u li għalih huma suġġetti l-Komunità u l-Istati Membri, li jikkoordinaw il-linji ta’ politika tagħhom dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u li jikkonsultaw lil xulxin dwar il-programmi tagħhom ta’ għajnuna. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tirrendi diffiċilment komprensibbli l-fakultà mogħtija lill-Komunità u lill-Istati Membri li jadottaw azzjonijiet konġunti, skont l-Artikolu 180(1) KE.

109.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Indja fuq is-sħubija u l-iżvilupp ( 48 ), li ta lok għas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jikkostitwixxi eżempju tan-natura parallela jew komplementari tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Fil-fatt, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-Ftehim, la l-imsemmi Ftehim u lanqas kwalunkwe azzjoni meħuda taħtu m’għandha b’xi mod taffettwa l-poteri tal-Istati Membri li jidħlu għal attivitajiet bilaterali mar-Repubblika tal-Indja fil-qafas tal-kooperazzjoni ekonomika jew li jikkonkludu, jekk ikun il-każ, ftehim ġodda ta’ kooperazzjoni ekonomika magħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni li “is-sempliċi inklużjoni [fil-Ftehim] ta’ dispożizzjonijiet li jipprovdu għal kooperazzjoni f’qasam speċifiku […] ma tippreġudikax […] it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri u lanqas il-bażi ġuridika tal-atti Komunitarji għall-implementazzjoni tal-kooperazzjoni f’tali qasam” ( 49 ).

110.

Madankollu, jibqa’ l-fatt li għandha ssir distinzjoni bejn it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, u t-tqassim, li huwa rregolat mill-Artikolu 47 UE, bejn il-Komunità u l-Unjoni Ewropea meta jaġixxu fil-kuntest tat-tieni u t-tielet pilastri ( 50 ).

111.

Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri huma fil-prinċipju liberi li jaġixxu ( 51 ), l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea taħt it-Titoli V u VI tat-Trattat UE hija fil-prinċipju eskluża meta jkun hemm kompetenzi adegwati previsti mit-Trattat KE, indipendentement mill-kwistjoni dwar x’inhi n-natura (esklużiva, maqsuma jew parallela) tal-imsemmija kompetenzi mogħtija lill-Komunità.

112.

Kieku l-Partijiet Kontraenti Għoljin kellhom l-intenzjoni li jiddelimitaw il-portata tal-Artikolu 47 UE skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, dan l-Artikolu ma kienx ikun ifformulat b’mod li, apparti d-dispożizzjonijiet imsemmija espressament fl-Artikolu 47 UE, “ebda” ħaġa fit-Trattat UE “m’għandha taffettwa” it-Trattat KE.

113.

Il-fatt li l-Istati Membri huma liberi li jaġixxu kollettivament ma jidhirx li huwa f’kontradizzjoni mal-fatt li l-Unjoni Ewropea stess hija pprojbita milli tieħu azzjoni taħt it-Titoli V u VI tat-Trattat UE li tista’ taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Komunità.

114.

Minbarra l-fatt li, kif issostni l-Kummissjoni u kif jammettu l-Kunsill u l-Gvern tar-Renju Unit, l-Istati Membri ma jeżerċitawx il-kompetenza tagħhom b’mod kollettiv meta tiġi adottata azzjoni b’att tal-Kunsill skont it-Titolu V tat-Trattat UE, u wisq inqas meta dak l-att, bħad-Deċiżjoni kkontestata, ikun jista’ jiġi adottat b’maġġoranza kwalifikata ( 52 ), is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, m’eskludewx l-eventwali ksur tal-Artikolu 47 UE mill-Unjoni Ewropea meta din taġixxi fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE — it-tieni sentenza saħansitra kkonkludiet, kif diġà rajna, li kien seħħ dħul fuq il-kompetenzi tal-Komunità — anki meta l-Komunità kienet għadha m’aġixxietx fl-oqsma inkwistjoni u, għaldaqstant, l-Istati Membri kien għad għandhom fil-prinċipju l-kompetenza biex jaġixxu fl-imsemmija oqsma.

115.

Jiena ma nara ebda raġuni għalfejn, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn it-Titolu V tat-Trattat UE u l-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 47 UE għandhom jiddependu fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri skont it-Trattat KE.

116.

Kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq, l-Artikolu 47 UE jfittex li jipproteġi b’mod kważi ermetiku s-supremazija tal-azzjoni Komunitarja taħt it-Trattat KE fuq l-azzjonijiet meħuda fuq il-bażi tat-Titolu V u/jew tat-Titolu VI tat-Trattat UE, b’mod li jekk azzjoni tista’ tittieħed abbażi tat-Trattat KE, din għandha tittieħed taħt l-imsemmi Trattat ( 53 ).

117.

Il-ħarsien tal-azzjoni Komunitarja tirriżulta wkoll minn diversi dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat UE.

118.

Huwa ċertament minnu li, fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-Artikolu 11(1) tat-Trattat UE, jagħti lill-PBSK kamp ta’ applikazzjoni “li [j]kopri l-oqsma [kollha] tal-politika barranija u ta’ sigurtà”, espressjoni li hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi, b’mod partikolari, il-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

119.

Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tinsab fit-Titolu V tat-Trattat UE, ma tistax tinqara b’mod iżolat, iżda, għall-kuntrarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet komuni u finali tal-imsemmi Trattat, li jirreferu għall-Unjoni Ewropea bħala l-“faċċata” tat-tliet pilastri.

120.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minbarra l-Artikolu 47 UE, l-Artikolu 1 UE jispeċifika li l-linji ta’ politika u l-forom ta’ kooperazzjoni stabbiliti mill-imsemmi Trattat, jiġifieri b’mod partikolari l-PBSK, iżidu mal-Komunitajiet Ewropej [jissupplementaw il-Komunitajiet Ewropej], waqt li l-Artikolu 2 UE jispeċifika li l-Unjoni Ewropea għandha b’mod partikolari l-mira [għan] “li timmantjeni [żżomm sħiħ] l-acquis communautaire fl-intier tiegħu u tibni fuqu”, għan li huwa mtenni b’mod kemmxejn differenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 UE.

121.

Għaldaqstant, huwa tabilħaqq il-każ li jridu jiġu protetti l-oqsma ta’ azzjoni tal-Komunità b’mod li l-Unjoni Ewropea għandha tastjeni milli tinterferixxi f’dawk l-oqsma billi tirrikorri għal forom ta’ kooperazzjoni inqas integrati minn dawk previsti fit-Trattat KE, jiġifieri dawk previsti fit-Titolu V u VI tat-Trattat UE. Għalkemm, minn perspettiva sostantiva, ir-referenza għall-kunċett ta’ acquis communautaire tibqa’ impreċiża, din mingħajr dubju tinkorpora l-kompetenzi li ġew attribwiti lill-Komunità.

122.

Fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jiġi suġġerit li l-PBSK tkopri “l-oqsma [kollha] tal-politika barranija u ta’ sigurtà”, ħlief għall-forom ta’ politika barranija li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità, bħall-politika kummerċjali komuni jew il-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, irrispettivament mit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Dan l-approċċ jidher li huwa l-uniku wieħed li jassigura koerenza globali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE.

123.

Din it-teżi hija msaħħa, a contrario, mill-unika rabta speċifikament stabbilita mit-Trattat ta’ Maastricht u li nżammet fil-verżjoni attwali tat-Trattat UE, skont l-Artikolu 47 UE, ( 54 ) bejn l-azzjoni tal-Komunità li tirrigwarda sanzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l-għanijiet tat-Trattat UE, previsti fl-Artikolu 11(1) UE, fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma dispożizzjonijiet assolutament partikolari għat-Trattat KE ( 55 ), espressament jipprevedu, fil-fatt, li l-Unjoni Ewropea, meta taġixxi taħt it-Titolu V tat-Trattat UE, tista’ tipprovdi għal azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, u b’hekk tissubordina l-azzjoni Komunitarja għal dik deċiża fil-kuntest tal-PBSK.

124.

Barra minn hekk, niddubita jekk azzjoni tal-Unjoni Ewropea meħuda skont it-Titolu V tat-Trattat UE tistax qatt tidħol fuq il-kompetenzi Komunitarji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern tar-Renju Unit.

125.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Gvern tar-Renju Unit stess jikkonċedi li dħul fuq il-kompetenzi Komunitarji jista’ jiġi eskluż biss jekk l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea meħuda skont it-Titolu V tat-Trattat UE tfittex li tilħaq għan tal-PBSK. Madankollu, kif diġà ġie indikat qabel, in-natura awtentika ta’ tali għan għandha madankollu dejjem tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi eskluż allegat ksur tal-Artikolu 47 UE.

126.

Barra minn hekk, il-kliem ferm prudenti użat fl-Artikolu 8 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, li jgħid li l-Kunsill “jinnota illi l-Kummissjoni ser [għandha l-intenzjoni li] tmexxi l-azzjoni tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ […] l-Azzjoni Konġunta [in kwistjoni] billi, fejn xieraq, tieħu l-miżuri pertinenti li jolqtu l-Komunità [l-miżuri Komunitarji rilevanti]” ( 56 ), juri b’mod ċar li l-Kunsill huwa tabilħaqq konxju tal-fatt li, fuq livell ġenerali, azzjoni li huwa jadotta skont it-Titolu V tat-Trattat UE tista’ tidħol fuq il-kompetenzi Komunitarji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

127.

Jirriżulta mill-konsiderazzjonijiet preċedenti li l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 47 UE ma jistgħux jiddependu mit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri skont it-Trattat KE.

128.

L-eżami li għandha twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għalhekk għandu jiffoka fuq il-kwistjoni jekk, bis-saħħa tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, id-Deċiżjoni kkontestata, meta wieħed iqis l-għan u l-kontenut tagħha kif ukoll fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni li hija tfittex li timplementa, setgħetx tiġi adottata mill-Komunità taħt it-Titolu XX tat-Trattat KE.

129.

Dan l-eżami madankollu huwa suġġett għall-kwistjoni, li wkoll ġiet dibattuta ħafna bejn il-partijiet, jekk il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir taqax barra l-kompetenzi Komunitarji bħala tali. Jekk dan huwa l-każ, ir-rikors għandu, fil-prinċipju, jiġi miċħud.

2. Fuq ir-relazzjoni bejn il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-kompetenzi Komunitarji

a) L-argumenti tal-partijiet

130.

Skont il-Kummissjoni u l-Parlament, il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, inkwantu din saret parti integrali mill-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, taqa’ taħt il-kompetenzi mogħtija f’dan il-qasam lill-Komunità.

131.

Fil-fatt, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiż tista’ tkun effettiva biss jekk ikun hemm minimu ta’ stabbiltà u ta’ leġittimità demokratika. Billi taqa’ f’din il-perspettiva ta’ stabbiltà, il-politika ta’ tneħħija ta’ mini splużivi u ta’ żmantellament ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir tikkostitwixxi mezz indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

132.

Il-Kummissjoni ssostni li l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fil-politika Komunitarja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ġiet stabbilita fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou, għalkemm huwa ftehim imħallat. Il-fatt li l-iżmantellament ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir jaqa’ taħt il-politika Komunitarja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa kkonfermat mill-integrazzjoni tiegħu fil-pjanifikazzjoni implementata mill-programm indikattiv reġjonali għall-Afrika tal-Punent tad-19 ta’ Frar 2003 u mill-inklużjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2004, fil-kuntest tal-kapitolu dwar il-PBSK, ta’ partita intiża għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u kontra t-traffikar illegali ta’ armi kemm-il darba tali azzjonijiet ma jkunux diġà koperti mill-Ftehim ta’ Cotonou li jipprevedi l-istess tip ta’ azzjonijiet fil-pajjiżi ACP.

133.

Barra minn hekk, ir-rabta bejn il-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-akkumulazzjoni destabilizzanti ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir hija rikonoxxuta mill-Kunsill innifsu kif ukoll mill-komunità internazzjonali. Fir-risposta tagħha għan-noti ta’ intervent, il-Kummissjoni speċifikat li dan ma jeskludix il-possibbiltà li ċerti aspetti tal-ġlieda kontra l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir jistgħu, skont l-għan jew il-kontenut tagħhom, jaqgħu taħt il-PBSK.

134.

Il-Kunsill, sostnut mill-gvernijiet intervenjenti kollha, huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir ma taqax taħt il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità.

135.

La l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u lanqas l-għanijiet iktar ġenerali li tiġi ppreżervata l-paċi u li tissaħħaħ is-sigurtà mhuma inklużi fost l-għanijiet tal-Komunità ċċitati fl-Artikoli 2 KE u 3 KE, iżda jaqgħu esklużivament taħt it-Trattat UE, b’mod partikolari taħt il-PBSK. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 177(1) KE, l-għan prinċipali tal-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa li jitnaqqas il-faqar. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wiesa’ li jimmina l-koeżistenza tal-Unjoni u tal-Komunità bħala sistemi ġuridiċi integrati iżda distinti, kif ukoll l-arkitettura kostituzzjonali tal-pilastri.

136.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Olanda u tar-Renju Unit, jikkunsidra li l-fatt li l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir jista’ jkollha effett inċidentali fuq il-prospetti għal żvilupp sostenibbli ma jimplikax li dan il-qasam kollu jaqa’ taħt il-kompetenzi Komunitarji. Il-Kunsill u l-Gvern tar-Renju Unit jenfasizzaw li, jekk wieħed isegwi l-argument tal-Kummissjoni, il-PBSK tiġi mċaħħda minn kull effett utli.

137.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Iżvezja u tar-Renju Unit, jisħaq li kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Ftehim ta’ Cotonou, meta wieħed iqis, b’mod partikolari, li dan il-Ftehim huwa ta’ natura mħallta, u lanqas mill-istrumenti l-oħra invokati mill-Kummissjoni.

138.

Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż speċifika li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Novembru 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà ( 57 ) jikkonferma li l-għajnuna Komunitarja għall-iżvilupp ma tinkludix appoġġ għal miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

b) Analiżi

i) Rimarki introduttorji

139.

Għandhom isiru żewġ rimarki introduttorji fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni.

140.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, matul din il-kawża, il-Kummissjoni mmodifikat sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha dwar ir-rabta li teżisti, skontha, bejn il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fil-fatt, filwaqt li, fir-rikors tagħha, hija essenzjalment sostniet li l-azzjoni kontra l-proliferazzjoni ta’ dawn l-armi tifforma parti integrali mill-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u saħansitra ta’ kull politika dwar l-iżvilupp ( 58 ), fir-risposta tagħha għan-noti ta’ intervent, hija argumentat li din l-azzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Komunità inkwantu din saret parti integrali mill-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, waqt li ammettiet, konsegwentement, li ċerti aspetti tal-azzjoni jistgħu jaqgħu taħt il-PBSK ( 59 ).

141.

Il-modifika li għamlet il-Kummissjoni fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha mingħajr dubju tagħmel l-analiżi iktar kumplessa, peress li, kieku kellu jiġi segwit, dan l-approċċ ikun ifisser li jkollhom jiġu determinati l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom tista’ ssir distinzjoni bejn dawk l-aspetti tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir li possibbilment jaqgħu taħt il- kooperazzjoni għall-iżvilupp u dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PBSK.

142.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-trattazzjoni orali tagħha, il-Kummissjoni tidher li tiġbed linja ta’ demarkazzjoni fir-rigward tan-natura tal-azzjonijiet inkwistjoni bejn, minn naħa, l-azzjonijiet ta’ tip politiku, bħall-missjonijiet militari jew ta’ pulizija mibgħuta biex jiddiżarmaw milizzji lokali jew id-deċiżjoni li jiġu żmantellati fabbriki tal-produzzjoni ta’ armi żgħar, azzjonijiet li jaqgħu taħt il-PBSK, u, min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet tekniċi u finanzjarji ta’ appoġġ għal inizjattivi lokali fil-qasam inkwistjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

143.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-Kunsill u l-gvernijiet intervenjenti jopponu kategorikament l-argument li l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir taqa’, imqar parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

144.

Fit-tieni lok, nosserva li, fin-noti tagħha, il-Kummissjoni allegat b’mod partikolarment sporadiku, li d-Deċiżjoni kkontestata u l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni daħlu wkoll fuq il-kompetenzi li l-Komunità għandha abbażi tal-Artikolu 181a KE, l-Artikolu waħdani tat-Titolu XXI tat-Trattat KE li jirrigwarda l-“kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi” ( 60 ).

145.

It-Titolu XXI iddaħħal fit-Trattat KE fir-reviżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta’ Nizza. L-Artikolu 181a KE jistabbilixxi, b’mod partikolari, li mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, u b’mod partikolari għal dawk tat-Titolu XX, il-Komunità għandha twettaq, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi.

146.

Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu, u safejn l-istrumenti Komunitarji ma kinux jaqgħu fl-ambitu ta’ politiki oħra, il-Komunità adottat miżuri u kkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li ma kinux pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq il-bażi tal-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika speċifika ( 61 ).

147.

L-inserzjoni fit-Trattat KE tat-Titolu XXI il-ġdid għalhekk joħloq bażi ġuridika speċifika għal din il-kooperazzjoni u jissemplifika l-proċedura għall-adozzjoni ta’ inizjattivi Komunitarji f’dan il-qasam billi jissostitwixxi r-rekwiżit ta’ unanimità stabbilit fl-Artikolu 308 KE bil-maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill.

148.

Inkwantu l-Artikolu 181a KE japplika mingħajr preġudizzju għat-Titolu XX dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, dan l-Artikolu ma jestendix għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif fil-fatt ammettiet il-Kummissjoni fin-noti tagħha ( 62 ).

149.

Għalkemm il-kunċett ta’ “pajjiżi li qed jiżviluppaw”, li jintuża diversi drabi fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, mhuwiex definit f’dawn id-dispożizzjonijiet, huwa ferm ċar f’din il-kawża li l-Istati li huma partijiet fl-ECOWAS, li hija l-benefiċjarja tad-Deċiżjoni kkontestata, huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ta’ Cotonou u huma fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, indipendentement mill-kriterji u l-indiċi użati għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ( 63 ). Fil-fatt, fil-komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ April 2000 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-iżvilupp tal-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni b’mod partikolari inkludiet fil-kategorija ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-perspettiva ekonomika, soċjali u strutturali, il-pajjiżi kollha li fil-passat kienu bbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lomé (li, minn dak iż-żmien, ġiet issostitwita bil-Ftehim ta’ Cotonou) ( 64 ).

150.

Għaldaqstant, huwa biss fir-rigward tal-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li għandha tiġi eżaminata r-rabta bejn din tal-aħħar u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

ii) Kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

151.

Qabel ma tiġi ezaminata din il-kwistjoni, għandha ssir referenza, l-ewwel nett, għat-termini tal-Artikolu 177 KE.

152.

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, “[i]l-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, […]tiffavorixxi:

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari ta’ dawk li huma l-iktar żvantaġġati;

l-integrazzjoni b’mod armonjuż u gradwali tal-pajjizi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija tad-dinja;

il-kampanja kontra l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.”

153.

L-Artikolu 177(2) KE jispeċifika li l-politika Komunitarja f’dan il-qasam għandha tagħti kontribut għall-fini ġenerali tal-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u r-regola tal-liġi [l-istat ta’ dritt], u tar-rispett tad-drittijiet umani u l-libertajiet fondamentali.

154.

Skont l-Artikolu 177(3) KE, il-Komunità għandha tonora l-impenji tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni l-miri approvati fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti.

155.

L-Artikolu 177(1) KE juri li l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp huma fuq kollox ta’ natura ekonomika u soċjali. Fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-fini ġenerali, ta’ natura politika, stabbilit fl-Artikolu 177(2) KE.

156.

Ċertament, fid-dawl tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 177 KE, jista’ jiġi ssuġġerit li l-lista mogħtija fil-paragrafu 1 mhijiex eżawrjenti inkwantu l-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-miri approvati fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari dawk fil-kuntest tan-Nazzjonjiet Uniti.

157.

Madankollu, minbarra l-fatt li l-Komunità għandha “tieħu inkonsiderazzjoni” biss il-miri approvati fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, din l-epressjoni ma tfissirx, fi kwalunkwe każ, li l-imsemmija miri jistgħu jikkontribwixxu b’mod validu biex jiġu mwessa’ dawk mogħtija lill-Komunità skont it-Titolu XX tat-Trattat KE, sa tali punt li kull inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u/jew tal-Komunità destinata għal Stati li qed jiżviluppaw issa taqa’ taħt il-politika Komunitarja tal-iżvilupp ( 65 ).

158.

Interpretazzjoni differenti ċertament tmur kontra l-Artikolu 5 KE, li skontu, għandu jiġi mfakkar, il-Komunità tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi u tal-għanijiet assenjati lilha bit-Trattat KE.

159.

Madankollu, il-preżervazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali la jistgħu jintrabtu ma’ xi wieħed mill-għanijiet assenjati espressament lill-Komunità bl-Artikoli 2 KE u 3 KE u lanqas, b’mod iktar wiesa’, mal-preambolu tat-Trattat KE. Għalkemm il-preżervazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali għandhom jispiraw l-azzjoni tal-Komunità, dawn ma jaqgħux taħt it-Trattat KE, iżda taħt l-għanijiet tat-Trattat UE, b’mod partikolari tal-PBSK, skont l-Artikolu 11(1) UE ( 66 ).

160.

In-natura soċjo-ekonomika tal-għanijiet li l-politika Komunitarja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tfittex li tilħaq ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

161.

F’dik is-sentenza, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 130 U KE (li sar l-Artikolu 177 KE) huma wesgħin fis-sens li l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu jistgħu jikkonċernaw diversi materji speċifiċi ( 67 ). Madankollu, hija speċifikat, minn naħa, li biex jiġu adottati validament fuq il-bażi tal-Artikolu 130 Y (li sar l-Artikolu 181 KE), il-klawżoli ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni f’dawn id-diversi materji speċifiċi ma jistgħux jinkludu obbligi li fir-realtà jkunu jikkostitwixxu għanijiet distinti minn dawk tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 68 ) u vverifikat, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami ta’ waħda mill-klawżoli tal-imsemmi ftehim dwar il-kooperazzjoni tal-partijiet kontraenti fil-qasam tal-ġlieda kontra d-droga, jekk din il-klawżola kinitx baqgħet fil-limiti meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ “l-iżvilupp ekonomiku u soċjali” imsemmija fl-Artikolu 130 U tat-Trattat KE jew tal-għanijiet “soċjo-ekonomiċi” tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, mingħajr ma jkun meħtieġ ir-rikors għal kompetenza u bażi ġuridika speċifiċi għas-suġġett inkwistjoni ( 69 ).

162.

Dan l-approċċ jista’ jidher li huwa relattivament strett fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-għanijiet li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tfittex li tilħaq.

163.

Madankollu, din ir-rigorożità relattiva hija kkontrobilanċjata, kif turi s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, bil-possibbiltà li fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiġi inkluża firxa wiesgħa ta’ materji, kemm-il darba dawn tal-aħħar jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 177 KE.

164.

Kien għalhekk li l-Komunità adottat ir-Regolament (KE) Nru 1724/2001 rigward azzjoni kontra l-[mini] splużivi tal-art anti-personnel fil-pajjiżi terzi [li qed jiżviluppaw] ( 70 ), li, skont l-Artikolu 2 tiegħu, għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi li jbatu l-konsegwenzi ta’ dawn il-mini splużivi biex “jinħolqu [joħolqu] l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom”, filwaqt li jfakkar, fil-ħmistax-il premessa tiegħu, li huwa neċessarju li jkun assigurat li l-azzjonijijiet adottati mill-Komunità fuq il-bażi tal-imsemmi Regolament ikunu konsistenti mal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha, u b’mod partikolari mal-PBSK.

165.

L-eżempju ta’ proġetti ta’ tneħħija ta’ mini splużivi juri li miżuri relatati mas-sigurtà jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp sakemm dawn iservu biex iwettqu l-għanijiet ta’ żvilupp soċjoekonomiku msemmija fl-Artikolu 177 KE.

166.

Din id-delimitazzjoni tal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, mingħajr ma l-materji li jistgħu jkunu s-suġġett tal-imsemmija kooperazzjoni jaqgħu a priori ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi żgurata n-natura dinamika ta’ din il-politika, filwaqt li jiġi żgurat li l-Komunità tirrispetta l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u l-assenjazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 KE.

167.

Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll, fil-fehma tiegħi, mal-iskema ġenerali tat-Trattat KE, li jfittex li jilħaq għanijiet limitati permezz ta’ mezzi estensivi u mhux bil-maqlub.

168.

Madankollu, tibqa’ l-kwistjoni dwar il-grad tar-rabta li jrid ikun hemm bejn miżura partikolari u l-għanijiet ta’ żvilupp soċjoekonomiku msemmija fl-Artikolu 177 KE sabiex dik il-miżura tkun tista’ taqa’ fil-kompetenza Komunitarja taħt it-Titolu XX tat-Trattat KE.

169.

Ma jistax jiġi nnegat li teżisti rabta bejn, minn naħa, il-preżervazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 11(1) UE, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ konflitti vjolenti u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp. Barra minn hekk, ebda waħda mill-partijiet f’din il-kawża ma kkontestat dan il-fatt u fil-fatt huwa inkontestabbli li l-konflitti armati li jiddevastaw għadd kbir ta’ pajjiżi fid-dinja u n-nuqqas ta’ sigurtà li jipprevali f’dawn il-pajjiżi huma ostakli għall-iżvilupp tagħhom ( 71 ).

170.

Madankollu, tali rabta ma tistax twassal biex fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu inklużi miżuri li ma jirrispettawx it-tqassim tal-kompetenzi fil-qafas tal-arkitettura f’pilastri tal-Unjoni Ewropea.

171.

Effettivament, ikun żbaljat u eċċessiv jekk jitqies li kull miżura li tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż li qed jiżviluppa taqa’ fil-kompetenza tal-Komunità taħt it-Titolu XX tat-Trattat KE.

172.

Mingħajr dubju, interpretazzjoni differenti ċċaħħad il-politiki Komunitarji l-oħra, bħall-politika kummerċjali komuni, mir-ratio u mill-effettività tagħhom ( 72 ). Tista’ wkoll tippreġudika l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE, minkejja l-limti imposti fuq l-azzjoni tal-Komunità mill-Artikolu 5 KE.

173.

Meta miżura tista’ taqa’ taħt l-għanijiet tal-PBSK u tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għanijiet soċjoekonomiċi tal-politika Komunitarja dwar l-iżvilupp, jeħtieġ, sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ħarsien tal-Artikolu 47 UE u l-ħarsien tal-Artikolu 5 KE, li jiġi ddeterminat l-għan prinċipali ta’ dik il-miżura, fid-dawl tal-kontenut u tal-finalità tagħha.

174.

Dan l-approċċ fil-fatt ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha, għandu jiġi mfakkar, hija b’mod partikolari annullat l-Artikoli 2 sa 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2003/80/ĠAI, minkejja li kienu jinvolvu armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet kriminali tal-Istati Membri ( 73 ), billi l-eżami tal-finalità u tal-kontenut tagħhom wera li dawn kellhom “bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-ambjent” ( 74 ).

175.

Meta l-Artikoli 47 UE u 5 KE jinqraw flimkien, dan għandu jwassal ukoll għall-konklużjoni li jekk l-għan prinċipali ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea jkun li tiġi ppreżervata l-paċi u li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali (u a fortiori jekk dan ikun l-għan esklużiv tagħha) filwaqt li fl-istess ħin din l-azzjoni tikkontribwixxi indirettament għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, kull dħul fuq il-kompetenzi Komunitarji huwa eskluż.

176.

Min-naħa l-oħra, jekk iż-żewġ għanijiet tal-miżura jkunu marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, u mingħajr ma wieħed ikun sekondarju jew indirett meta mqabbel mal-ieħor ( 75 ), in-natura speċjali tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità għandha twassal biex tingħata prijorità lill-bażi ġuridika Komunitarja, billi, fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni, jidhirli li huwa partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibli fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li jkun previst ir-rikors għal bażi ġuridika dupliċi mingħajr ma jseħħ ksur tal-Artikolu 47 UE ( 76 ).

iii) Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

177.

Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew esposti diġà jindikaw li l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir ma tistax tiġi totalment eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

178.

Fil-fatt, dan is-suġġett, bħall-ġlieda kontra d-droga jew it-tneħħija ta’ mini splużivi, mhijiex eskluża a priori mill-ambitu tal-miżuri unilaterali jew tal-ftehim konklużi mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sakemm l-azzjonijiet imwettqa jew previsti jkollhom bħala għan prinċipali l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet soċjoekonomiċi ta’ din il-politika.

179.

Fil-fehma tiegħi, din l-analiżi hija kkonfermata mill-inizjattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

180.

Matul il-perijodu tal-gwerra bierda, għadd kbir ta’ Stati akkumulaw ħażniet ferm sostanzjali ta’ armi konvenzjonali li, fit-tmiem tal-gwerra bierda, u għal diversi raġunijiet relatati, b’mod partikolari, mal-kollass tal-istrutturi statali, issupplixxew il-konflitti armati prinċipali tas-snin 90 ( 77 ).

181.

Fis-26 ta’ Ġunju 1997, ftit jiem wara l-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-ewwel inizjattiva ta’ natura politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fil-forma ta’ “programm għall-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta’ armi konvenzjonali u għall-ġlieda kontra dan it-traffikar” ( 78 ) (iktar ’il quddiem il-“Programm tal-1997”). Il-Programm tal-1997, li kien b’risposta għal diversi riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 79 ), kien jinkludi taqsima interna indirizzata lill-Istati Membri, li kellhom jintensifikaw l-isforzi kollettivi tagħhom għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ dawn l-armi fit-territorju tagħhom ( 80 ), u taqsima esterna li tiddikjara b’mod partikolari li l-Komunità u l-Istati Membri, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, kellhom jieħdu miżuri kollettivi biex jgħinu lil pajjiżi oħra, minn naħa, fil-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta’ armi, u min-naħa l-oħra, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet “ta’ wara l-konflitt” u meta jkun jeżisti livell minimu ta’ sigurtà u stabbiltà, sabiex itemmu ċ-ċirkolazzjoni u t-traffikar illegali ta’ armi ( 81 ). Fost il-miżuri ta’ għajnuna previsti mit-taqsima esterna tal-Programm tal-1997, kien hemm l-adozzjoni jew it-tisħiħ, skont il-każ, ta’ ġabra xierqa ta’ liġijiet u miżuri amministrattivi biex jirregolaw u jikkontrollaw b’mod effettiv it-trasferiment ta’ armi, it-twaqqif ta’ programmi ta’ ġbir, xiri lura u qerda ta’ armi, it-twaqqif ta’ programmi edukattivi maħsuba biex jgħinu sabiex tinħoloq kuxjenza fost il-popolazzjoni lokali dwar il-konsegwenzi negattivi tat-traffikar illegali ta’ armi u l-promozzjoni tal-integrazzjoni fil-ħajja ċivili tal-eks ġellieda.

182.

Il-Programm tal-1997 ġie kkompletat u msaħħaħ permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 1999/34/PESK [PBSK] tas-17 ta’ Diċembru 1998, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid [destabilizzanti] ta’ armi żgħar [u ta’ kalibru żgħir], li ġiet issostitwita, fl-2002, bl-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

183.

Diversi azzjonijiet speċifiċi reġjonali li jimplementaw l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] ġew adottati mill-Unjoni Ewropea ( 82 ), prinċipalment fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji u ta’ assistenza teknika għall-ġbir u l-qerda ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir ( 83 ).

184.

Fil-21 ta’ Mejju 1999, filwaqt li rrefera għall-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar l-armi żgħar li fiha rrileva li l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ kalibru żgħir u n-nuqqas ta’ kontrolli qanqlu konflitti interni jew bejn Stati u ostakolaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali paċifiku ( 84 ) u “rrakkomanda li fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Komunità u l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-miżuri intiżi” b’mod partikolari biex “jinkludu l-kwistjoni tal-armi ta’ kalibru żgħir fid-djalogu politiku mal-Istati ACP u l-imsieħba l-oħra tal-[Unjoni Ewropea] fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jagħtu appoġġ fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi li jixtiequ jibbenefikaw minn għajnuna bil-għan li jiġu llimitati jew eliminati l-armi ta’ kalibru żgħir żejda, u jipprovdu inċentivi oħra li jħeġġu r-rilaxx volontarju ta’ dawn l-armi u l-qerda tagħhom”, kif ukoll biex “jipprevedu, jekk ikun il-każ, appoġġ biex jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet governattivi u l-leġiżlazzjoni kkonċernata bil-għan li jkun hemm kontroll aħjar tal-armi ta’ kalibru żgħir. L-ewwel interventi jistgħu jiffokaw fuq […] l-Afrika tal-Punent (ECOWAS) fejn sar progress sinjifikattiv u fejn ġie żviluppat u adottat qafas għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ kalibru żgħir” ( 85 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kunsill talab ukoll li, sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat u komplementari, tiġi żgurata fuq livell Komunitarju l-koerenza tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea dwar armi ta’ kalibru żgħir, b’mod partikolari fir-rigward tal-PBSK ( 86 ).

185.

Il-Programm tal-1997 u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1999 juru li l-Kunsill m’eskludiex li l-Komunità tista’ twettaq azzjonijiet immirati biex jiġu miġġielda l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

186.

Fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti tal-Kunsill, jidher li mhuwiex koerenti li jiġi sostnut, kif jagħmlu l-Kunsill u l-gvernijiet intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief għall-Gvern Olandiż, li l-materja tal-ġlieda kontra l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir taħt ebda ċirkustanza ma taqa’ taħt il-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

187.

Jidhirli wkoll li l-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Cotonou, li l-interpretazzjoni u l-portata tiegħu ġew dibattuti b’mod estensiv bejn il-partijiet f’din il-kawża, minkejja li ma jispeċifikax b’mod espress it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, ma jistax madankollu jiġi interpretat b’mod li kull azzjoni tal-Komunità intiża biex tappoġġja l-“ġlieda kontra [l-akkumulazzjoni] eċċessiv[a] u inkontrollabbli [mhux ikkontrollata] ta’ armi żgħar u armamenti ħfief [ta’ kalibru żgħir]” hija eskluża.

188.

Min-naħa l-oħra, kif tammetti l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li din il-materja tissemma fil-Ftehim ta’ Cotonou lanqas ma jfisser li l-Unjoni Ewropea m’għandha ebda kompetenza biex tadotta miżuri u azzjonijiet intiżi biex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

189.

Għalhekk, id-delimitazzjoni bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Unjoni Ewropea, fl-aħħar mill-aħħar, tgħaddi mill-identifikazzjoni tal-għan tal-miżura inkwisjtoni skont jekk tfittixx li tilħaq l-għan esklużiv jew prinċipali tal-preżervazzjoni tal-paċi u/jew tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, u b’hekk taqa’ taħt il-PBSK, jew tal-iżvilupp soċjoekonomiku, f’liema każ taqa’ taħt il-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan l-approċċ huwa kkonfermat ukoll min-noti ta’ spjegazzjoni dwar il-kapitolu dwar il-PESK tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2004 li, minkejja li jservu biss ta’ gwida, jindikaw li kemm il-Komunità kif ukoll l-Unjoni Ewropea, li taġixxi skont it-Titolu V tat-Trattat UE, jistgħu jadottaw azzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiġġieldu kontra l-akkumulazzjoni tal-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

190.

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssottometta l-Gvern Franċiż matul is-seduta, ma naħsibx li, f’din il-kawża, wieħed jista’ jinferixxi mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006 l-esklużjoni sistematika tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir mill-qasam tal-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 87 ).

191.

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament jistabbilixxi li l-assistenza teknika u finanzjarja Komunitarja tista’ tingħata b’reazzjoni għal sitwazzjoni ta’ urġenza, ta’ kriżi jew ta’ kriżi emerġenti jew għal sitwazzjoni li tista’ teskala għal konflitt armat jew li tiddestabbilizza serjament lill-pajjiż jew pajjiżi terzi kkonċernati. L-Artikolu 3(2) jelenka l-oqsma fejn tista’ tingħata l-għajnuna teknika u finanzjarja fuq imsemmija. F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(i) jgħid li “appoġġ għal miżuri, fi ħdan il-qafas tal-politika Komunitarja għall-kooperazzjoni u l-obbjettivi tagħhom, li jindirizzaw l-impatt fuq il-popolazzjoni ċivili tal-użu illeċitu u l-aċċess għall-armi tan-nar; appoġġ bħal dan għandu jkun limitat għal attivitajiet ta’ sorveljanza, assistenza għall-vittmi, it-tkattir tal-għarfien pubbliku u l-iżvilupp ta’ abbilta’ legali u amministrattiva u prattika tajba”. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li fuqha jinsisti l-Gvern Franċiż, jispeċifika li “[g]ħandha tingħata assistenza biss safejn ikun meħtieġ biex jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-popolazzjonijiet ikkonċernati f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta’ kriżi emerġenti kif imsemmija f’paragrafu 1. M’għandhiex tinkludi appoġġ għal miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi”.

192.

Għandu jiġi osservat li, meta ġie adottat dan l-att, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw dikjarazzjoni konġunta li skontha dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, ftiehmu li ebda dispożizzjoni tar-Regolament [Nru 1717/2006] ma kellha tiġi “interpretata b’mod li tiġġudika minn qabel pożizzjonijiet adottati fil-kawża [C-]91/05” u li “[s]akemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tat deċiżjoni f’dik il-kawża, il-Kummissjoni mhux ser tfittex li tadotta miżuri fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(i)” tal-imsemmi Regolament, billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu jista’, jekk ikun il-każ, jiġi rivedut fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni u fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ( 88 ).

193.

Fi kwalunkwe każ, jekk ikun meħtieġ li jiġi interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(i) tar-Regolament Nru 1717/2006, dan jidher li jeskludi l-appoġġ għal miżuri kontra l-proliferazzjoni ta’ armi biss fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ kriżi emerġenti, iżda mhux fir-rigward ta’ kull miżura Komunitarja li tikkontribwixxi biex jitwettqu l-obbjettivi soċjoekonomiċi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi, b’mod partikolari, l-assistenza prevista fir-Regolament Nru 1717/2006 tiġi pprovduta biss sakemm din ma tkunx tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ strumenti Komunitarji oħra għall-assistenza esterna, li jinkludu neċessarjament l-istrumenti ġeografiċi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, bħall-Ftehim ta’ Cotonou. Kif diġà ġie spjegat, dan il-Ftehim ma jeskludix li l-Komunità tista’ tadotta miżuri li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir.

194.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir ma taqax’il barra, bħala tali, mill-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda, għall-kuntrarju, tista’ taqa’ taħtha meta miżura li tikkontribwixxi għal din il-ġlieda jkollha bħala għan esklużiv jew prinċipali l-kooperazzjoni għall-iżvilupp billi tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp soċjoekonomiku ta’ din il-kooperazzjoni.

195.

Issa għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

3. Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni

196.

Fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u kif diġà ġie indikat, sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta adotta d-Deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill daħalx fuq il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bi ksur tal-Artikolu 47 UE, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-finalità u tal-kontenut tagħha, din id-Deċiżjoni kellhiex tal-inqas bħala għan prinċipali l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

197.

Fir-rigward tal-finalità tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel premessa tagħha tispeċifika li l-akkumulazzjoni u t-tixrid eċċessiv u mhux kontrollat ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir huma theddida għall-paċi u s-sigurtà u jnaqqsu l-prospetti għal żvilupp sostenibbli.

198.

It-tieni premessa tad-Deċiżjoni kkontestata tgħid li l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li topera fil-fora internazzjonali rilevanti sabiex tippromwovi miżuri biex tinħoloq il-fiduċja. Hija tenfasizza li “f’dan is-sens, din id-Deċiżjoni hija intiża biex timplimenta l-imsemmija Azzjoni Konġunta” inkwistjoni. Din il-premessa għandha tinqara fid-dawl taċ-ċitazzjoni waħdanija fil-preambolu tad-Deċiżjoni kkontestata li tirreferi għall-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, dispożizzjoni li ssemmi wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri biex tinħoloq il-fiduċja.

199.

Skont l-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, “l-Unjoni ser timmira li jinħoloq konsensus fil-fora internazzjonali rilevanti u f’kuntest reġjonali, fejn xieraq, sabiex jintlaħqu l-prinċipji u l-miżuri segwenti li jipprevjenu iżjed akkumulazzjoni [de]stabbilizzanti tal-armi żgħar” ( 89 ). Il-prinċipji u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 jinkludu, fil-paragrafu (a), “[l-]impenn mill-pajjiżi kollha sabiex jimpurtaw u jaħznu l-armi żgħar biss skont il-bżonnijiet tas-sigurtá leġittima tagħhom [il-bżonnijiet leġittimi tagħhom ta’ sigurtà], proporzjonalment mal-bżonnijiet ta’ difiża leġittima u tas-sigurtà”, fil-paragrafu (b), l-“impenn minn pajjiżi li jesportaw l-armi żgħar illi jfornu l-armi żgħar strettament lill-Gvernijiet skont il-kriterji tal-esportazzjoni internazzjonali u reġjonali restrittiv[i]”, fil-paragrafu (ċ), “[l-]impenn mill-pajjiżi kollha sabiex jipproduċu armi żgħar biss għall-bżonnijiet kif imsemmija f’(a) jew għall-esportazzjoni kif imsemmi f’(b)” u, fil-paragrafu (e), “t-twaqqif ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-kunfidenza, inkluż miżuri li jippromwovu iktar trasparenza u mod miftuħ, permezz ta’ reġistri tal-armi żgħar reġjonali u skambji regolari ta’ informazzjoni disponibbli fuq l-esportazzjoni, l-importazzjoni, il-produzzjoni u ż-żamma tal-armi żgħar u fuq leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-armi u permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-partijiet rilevanti għall-iskambju tal-informazzjoni”.

200.

Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni b’ebda mod ma tikkontesta li l-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, bħall-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu I tal-imsemmi att, jaqgħu fl-ambitu tal-PBSK ( 90 ).

201.

Għandu jiġi osservat għal darb’oħra li l-assistenza mogħtija mill-Unjoni Ewropea prevista fid-Deċiżjoni kkontestata essenzjalment tirrigwarda l-konverżjoni tal-Moratorju fuq l-armi żgħar tal-ECOWAS f’konvenzjoni reġjonali ta’ natura vinkolanti.

202.

Il-Moratorju inkwistjoni, li ġie adottat mill-ECOWAS f’Ottubru 1998, jikkonċerna l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-manifattura ta’ armi żgħar fl-Istati Membri tal-ECOWAS. Il-preambolu tal-Moratorju jisħaq li ċ-ċirkolazzjoni ta’ armi żgħar tikkostitwixxi fattur destabilizzanti għall-Istati Membri tal-ECOWAS u theddida għall-paċi u sigurtà tal-popli ( 91 ).

203.

Bil-fatt li tappoġġja l-konverżjoni ta’ din l-inizjattiva politika tal-ECOWAS f’konvenzjoni reġjonali vinkolanti, id-Deċiżjoni kkontestata għalhekk tagħti l-appoġġ tagħha wkoll lill-prevenzjoni ta’ iżjed akkumulazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Afrika tal-Punent li tista’ tiddestabbilizza (saħansitra iktar) dan ir-reġjun, skont l-Artikolu 3 tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni.

204.

Id-Deċiżjoni kkontestata għalhekk tfittex, b’mod konkret u dirett, li tappoġġja l-isforzi tal-ECOWAS biex tiġġieled kontra n-nuqqas ta’ sigurtà li jirriżulta minn iżjed akkumulazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Afrika tal-Punent. Għaldaqstant, l-għan tad-Deċiżjoni kkontestata jidher li huwa prinċipalment, jekk mhux esklużivament, relatat mas-sigurtà.

205.

Ċertament, ikolli naqbel li s-sigurtà hija kundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp ( 92 ). Madankollu, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, is-sempliċi konstatazzjoni, magħmula fl-ewwel premessa tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-akkumulazzjoni u t-tixrid eċċessiv u mhux kontrollat ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir inaqqsu l-prospetti għal żvilupp sostenibbli, ma tfissirx li d-Deċiżjoni kkontestata tfittex li tagħti l-appoġġ tagħha lil proġett li huwa intiż direttament u/jew prinċipalment biex itejjeb il-kundizzjonijiet umani u/jew soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet tal-Istati Afrikani kkonċernati.

206.

Għall-kuntrarju, dan l-aħħar għan jidher pjuttost remot, u, fi kwalunkwe każ, huwa indirett u sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-ħarsien tas-sigurtà reġjonali tal-Istati Membri tal-ECOWAS.

207.

Fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li din tiffissa kontribuzzjoni finanzjarja u assistenza teknika ta’ EUR 515000 għal perijodu ta’ tnax-il xahar bil-għan li tiġi stabbilita l-Unità Armi Żgħar fi ħdan is-Segretarjat Tekniku tal-ECOWAS u li l-Moratorju fuq l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u l-Manifattura ta’ Armi Żgħar tal-ECOWAS jiġi kkonvertit f’konvenzjoni ġuridikament vinkolanti.

208.

Huwa minnu li, kif tisħaq il-Kummissjoni, kontribuzzjoni finanzjarja u assistenza teknika jikkostitwixxu strumenti tipiċi użati fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp.

209.

Madankollu, fil-fehma tiegħi dan l-argument jinjora l-fatt li, biex jaqgħu taħt il-kooperazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp, tali strumenti għandhom jimmiraw preċiżament lejn l-iżvilupp. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li jintuża strument finanzjarju, bħala għajnuna, ma jfissirx awtomatikament li din l-għajnuna taqa’ taħt il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda jeħtieġ li tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għall-iżvilupp”. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tat-Trattat UE ma tipprekludi l-użu ta’ strument finanzjarju jew assistenza teknika fil-kuntest tat-Titolu V tal-imsemmi Trattat. Minbarra dan, il-Kummissjoni stess ammettiet dan il-fatt, u l-prassi deċiżjonali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi għadd kbir ta’ eżempji f’dan ir-rigward ( 93 ).

210.

B’mod ġenerali, jidhirli li, f’sitwazzjoni fejn deċiżjoni tiffissa kontribuzzjoni finanzjarja u assistenza teknika lil Stat terz jew, bħal f’din il-kawża, lil organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni reġjonali, l-eżami tal-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni, kuntrarjament għal dak ta’ miżura ta’ natura leġiżlattiva, jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-verifika tal-għan li dik id-deċiżjoni tfittex li tilħaq.

211.

Fil-fatt, kontribuzzjoni finanzjarja u assistenza teknika huma, fihom infushom, newtrali, u fil-fehma tiegħi huwa biss fl-isfond tal-għanijiet li huma jfittxu li jilħqu li dawn jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew li jaqgħu taħt il-PBSK.

212.

Kif diġà ġie analizzat, l-għan li d-Deċiżjoni kkontestata tfittex li jilħaq, fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni huwa, tal-inqas prinċipalment, relatat mas-sigurtà. Barra minn hekk, il-fatt li, kif sostniet il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni kkontestata tagħti l-appoġġ tagħha lit-tisħiħ istituzzjonali, b’mod partikolari billi tistabbilixxi Unità Armi Żgħar fi ħdan is-Segretarjat Tekniku tal-ECOWAS, ma jinvalidax din l-evalwazzjoni, billi t-tisħiħ tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm jekk ikunu nazzjonali, kemm jekk ikunu reġjonali kif ukoll jekk ikunu internazzjonali, ma jistax jikkostitwixxi għan fih innifsu iżda, biex jaqa’ taħt il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, irid ifittex li jilħaq għan ta’ żvilupp ( 94 ).

213.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni kkontestata ma taqax taħt il-kooperazzjoni għall-iżvilupp iżda tfittex li tilħaq, tal-inqas prinċipalment, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1) UE, b’mod partikolari dawk tal-preżervazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, għanijiet li — ħaġa li l-Kummissjoni ma tikkontestax — ma jikkorrispondu għal ebda wieħed mill-għanijiet assenjati lill-Komunità ( 95 ).

214.

Il-fatt li, skont il-Kummissjoni, hija kienet qed tipprevedi għajnuna (prima facie) simili għal dik adottata mid-Deċiżjoni kkontestata, ma jbiddilx din l-evalwazzjoni. Minbarra l-fatt li tali inizjattiva ma tbiddilx it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Unjoni Ewropea, id-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha ma jurux li l-Komunità impenjat ruħha li tiffinanzja proġett b’kontenut identiku jew simili għal dak previst fid-Deċiżjoni kkontestata.

215.

Għandu jiġi enfasizzat li l-punti rilevanti tal-istrateġija ta’ kooperazzjoni reġjonali u l-programm indikattiv reġjonali għall-Afrika tal-Punent, iffirmati fid-19 ta’ Frar 2003, b’applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari bejn l-ECOWAS u l-Kummissjoni ( 96 ), li ġew iċċitati minn din tal-aħħar insostenn tal-argument tagħha, ifakkru, minn naħa, b’mod sempliċement deskrittiv, l-importanza tal-kontroll tat-trafikkar tal-armi żgħar fir-reġjun fejn jeżisti moratorju fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti ( 97 ) u, min-naħa l-oħra, li “ser tkun prevista assistenza b’appoġġ għal dik tan-Nazzjonijiet Uniti […] għall-implementazzjoni tal-Moratorju fuq l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u l-Manifattura ta’ Armi Żgħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 98 ).

216.

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, u irrispettivament mill-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità fir-rigward tal-finanzjament ta’ tali proġetti, il-fatt li jiġi previst li jingħata appoġġ għall-implementazzjoni tal-Moratorju ma jistax jiġi ekwiparat mal-appoġġ għall-konverżjoni ta’ dan il-Moratorju f’konvenzjoni ġuridikament vinkolanti.

217.

Fil-fatt, daqskemm fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Moratorju, jistgħu raġonevolment jiġu previsti miżuri li jistgħu jfittxu li jilħqu prinċipalment għanijiet ta’ żvilupp uman u soċjoekonomiku, bħall-appoġġ għal inizjattivi lokali relatati mal-ħolqien ta’ kuxjenza fost il-popolazzjonijiet ikkonċernati dwar iċ-ċirkulazzjoni eċċessiva ta’ armi, il-kontribuzzjoni għal proġetti intiżi biex jiskoraġġixxu l-manifattura artiġjanali ta’ armi żgħar u/jew biex din tiġi ssostitwita bil-produzzjoni ta’ prodotti għall-konsum, jew l-appoġġ għal programmi ta’ xiri lura ta’ armi mingħand il-popolazzjonijiet lokali jew għall-iskambju ta’ ikel kontra r-rilaxx ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, daqstant ieħor, għall-kuntrarju, l-appoġġ għall-konverżjoni ta’ moratorju bħal dak tal-ECOWAS f’konvenzjoni vinkolanti jfittex li jilħaq, kif diġà ġie indikat, tal-inqas prinċipalment, għan ta’ tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u internazzjonali.

218.

L-evalwazzjoni magħmula fil-punt 213 iktar ’il fuq lanqas mhija invalidata bil-fatt li fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni kkontestata, li jirriproduċi b’mod kważi identiku t-test tal-Artikolu 9(1) tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni, jingħad li l-Presidenza tal-Unjoni u l-Kummissjoni għandhom jippreżentaw rapporti regolari “dwar il-konsistenza tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-armamenti ħfief [armi żgħar] u ta’ kalibru żgħir, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji politiċi tagħha fuq l-iżvilupp” ( 99 ).

219.

Fil-fatt, minn naħa, din il-konstatazzjoni tidher li hija konformi mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea fil-qasam tal-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, billi tirrikonoxxi li, kif diġà analizzajt iktar ’il fuq, dan il-qasam jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sakemm il-miżuri adottati jew proġettati jkollhom bħala għan prinċipali l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jiġifieri jkunu mmirati lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-popolazzjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, huwa wkoll f’dan is-sens li għandu jinqara l-Artikolu 7(2) tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni li jispeċifika li l-“Kunsill għandu jiddeċiedi [dwar] il-prinċipj[u], l-arranġamenti u l-iffinanzjar ta’ dawn il-proġetti […] mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kontribuzzjoni bilaterali bejn [ta’] l-Istati Membri u l-operat tal-Komunità”, kif ukoll l-Artikolu 8 tagħha li, nerġa’ ngħid, jipprovdi li l-“Kunsill jinnota illi l-Kummissjoni ser tmexxi l-azzjoni tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ […] l-Azzjoni Konġunta [in kwistjoni], billi, fejn xieraq, tieħu l-miżuri pertinenti li jolqtu l-Komunità [l-miżuri Komunitarji rilevanti]” ( 100 ).

220.

Min-naħa l-oħra, mhemm ebda dubju, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-espressjonijiet “Unjoni Ewropea” u “l-linji politiċi tagħha fuq l-iżvilupp” li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 9(1) tal-Azzjoni Konġunta inkwistjoni ma jirreferux għall-Unjoni Ewropea meta taġixxi fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE, iżda, għall-kuntrarju, jikkostitwixxu, fid-dawl ukoll tar-referenza għall-ħtieġa li tiġi żgurata “il-konsistenza tal-attivitajiet”, referenza espressa għall-obbligu ġenerali fformulat fl-Artikolu 3 UE, li, peress li ddaħħal fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE u għalhekk huwa indirizzat lill-Unjoni Ewropea bħala l-“faċċata” tat-tliet pilastri, jeħtieġ li din tiżgura, b’mod partikolari, “l-konsistenza globali fl-attivitajiet esterni tagħha fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ relazzjonijiet barranin, sigurtà, ekonomija u żvilupp” ( 101 ).

221.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li d-Deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi adottata mill-Komunità taħt it-Titolu XX tat-Trattat KE. Barra minn hekk, l-Azzjoni Konġunta inkwistjoni ma tistax tiġi ddikjarata inapplikabbli fil-każ preżenti, peress li dan l-att m’awtorizzax lill-Kunsill biex jadotta d-Deċiżjoni kkontestata bi ksur tal-Artikolu 47 UE. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors.

V — Fuq l-ispejjeż

222.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għandha titlef, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

223.

Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit kif ukoll il-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VI — Konklużjoni

224.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 359, p. 65.

( 3 ) ĠU L 191, p. 1.

( 4 ) ĠU L 317, p. 3.

( 5 ) ĠU 2003, L 65, p. 27.

( 6 ) Din l-organizzazzjoni reġjonali, li twaqqfet fl-1975, hija intiża li tippromwovi l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u attwalment tinkludi 15-il Stat Membru, jiġifieri r-Repubblika ta’ Benin, il-Burkina-Faso, ir-Repubblika ta’ Kap Verde, ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, ir-Repubblika tal-Gambja, ir-Repubblika tal-Gana, ir-Repubblika ta’ Ginea, ir-Repubblika tal-Ginea-Bissaw, ir-Repubblika tal-Liberja, ir-Repubblika ta’ Mali, ir-Repubblika tan-Niġer, ir-Repubblika Federali tan-Niġerja, ir-Repubblika tas-Senegal, ir-Repubblika ta’ Sierra Leone u r-Repubblika ta’ Togo. Ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja ħarġet minn din l-organizzazzjoni fl-2002. Ara http://www.ecowas.int/

( 7 ) ĠU 1999, L 9, p. 1.

( 8 ) L-Anness tal-Azzjoni Konġunta in kwistjoni jelenka l-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir koperti b’dan l-att, bla ħsara għal kwalunkwe definizzjoni ta’ dawn l-armi li tista’ tiġi miftiehma internazzjonalment. Tal-ewwel jikkonsistu f’“armi ħfief [żgħar] li jistgħu jinġarru min-nies”, jiġifieri kanuni, howitzers u mortars, armi li jillanċjaw il-granati, armi ta’ kontra t-tankijiet, missili kontra t-tankijiet u armi li jitfgħu dawn il-missili u missili kontra l-ajruplani, filwaqt li tat-tieni jikkonsistu f’“armi żgħar [ta’ kalibru żgħir] u aċċessorji [tagħhom] ddisinjati speċifikament għall-użu militari”, jiġifieri machine guns, submachine guns, azzarini awtonatiċi, azzarini semiawtomatiċi u moderaturi tal-ħoss.

( 9 ) Dan il-Moratorju ġie ddikjarat solennement mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-Istati Membri tal-ECOWAS matul is-summit f’Abuja, fit-30-31 ta’ Ottubru 1998, għal perijodu ta’ tliet snin, li ġġedded għal tliet snin oħra fl-2001. It-test tad-“Dikjarazzjoni ta’ Moratorju fuq l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u l-Manifattura ta’ Armi Żgħar fl-Afrika tal-Punent” huwa disponibbli fl-indirizz Internet segwenti: http://www.grip.org/bdg/g1650.html

( 10 ) Dok Nru 15236/04 PBSK 1039, tal-25 ta’ Novembru 2004.

( 11 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-170/96, Ġabra p. I-2763, punt 16), u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-176/03, Ġabra p. I-7879, punt 39).

( 12 ) Korsiv miżjud minni.

( 13 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni (92/78, Ġabra p. 777, punti 40 u 41). Ara wkoll b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni (T-6/92 u T-52/92, Ġabra p. II-1047, punt 56), u tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament (T-222/99, T-327/99 u T-329/99, Ġabra p. II-2823, punt 134).

( 14 ) Ara, fir-rigward tar-rikorrenti privileġġati, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (156/77, Ġabra p. 1881, punt 21); tat-30 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (226/87, Ġabra p. 3611, punt 14); tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-183/91, Ġabra p. I-3131, punt 10); u tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-135/93, Ġabra p. I-1651, punti 16 u 17). Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti Komunitarja kkunsidrat li benefiċjarju ta’ għajnuna individwali ma setax jeċċepixxi l-illegalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna billi, minkejja li huwa ma kienx formalment id-destinatarju ta’ dik id-deċiżjoni, huwa seta’ mingħajr dubju jippreżenta rikors ta’ annullament kontriha: ara, fir-rigward tal-eċċezzjoni invokata quddiem il-qorti nazzjonali (sitwazzjoni li fiha l-Artikolu 241 KE mhuwiex applikabbli), is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, Ġabra p. I-833, punti 17 u 18), u quddiem il-qorti Komunitarja, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni (T-244/93 u T-486/93, Ġabra p. II-2265, punt 103).

( 15 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (32/65, Ġabra p. 563); tat-18 ta’ Settembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (116/82, Ġabra p. 2519); tat-12 ta’ Frar 1987, Franza vs Il-Kummissjoni (181/85, Ġabra p. 689, punt 31); tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Greċja vs Il-Kunsill (204/86, Ġabra p. 5323); tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-258/89, Ġabra p. I-3977), u tat-18 ta’ Settembru 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-331/00, Ġabra p. I-9085). Madankollu, f’din il-kawża tal-aħħar, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma tqajmitx b’mod ċar mill-Greċja (ara l-punt 114 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano).

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Roemer ippreżentati fil-kawża L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, p. 600; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gordon Slynn fil-kawża Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, p. 703; il-punt 6 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Il-Greċja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u l-punti 23 sa 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

( 18 ) Dan kien il-każ fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 8), Franza vs Il-Kummissjoni (punti 4, 5 u 31), Il-Greċja vs Il-Kunsill (punt 11), u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (punt 97). Għandu jiġi osservat li, fil-kawża L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bħala inammissibbli għar-raġuni li ma kien hemm ebda konnessjoni bejn ir-regolament li l-illegalità tiegħu ġiet eċċepita u l-att ikkontestat; fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja evitat id-diffikultà proċedurali billi kkunsidrat (punt 6 tas-sentenza) li l-motiv ta’ difiża invokat mill-Gvern Spanjol ma kienx jirrigwarda r-regolament in kwistjoni bħala tali, iżda l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament esposta mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha għal annullament.

( 19 ) Madankollu, għandu jiġi osservat li fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma ngħatat ebda attenzjoni speċifika lil din il-problema proċedurali, waqt li fil-kawża Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Tizzano kien ippropona, fil-punt 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kellha tiġi miċħuda, prinċipalment, bħala inammissibbli għar-raġuni li l-Gvern Grieg ma kienx ikkontesta r-regolament in kwistjoni fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 230 KE.

( 20 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE (C-11/00, Ġabra p. I-7147).

( 21 ) Punti 100 u 190 tal-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq.

( 22 ) Ara s-sentenza Simmenthal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Martinez et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 133), u tal-10 ta’ April 2003, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni (T-93/00 u T-46/01, Ġabra p. II-1635, punt 76) (korsiv miżjud minni).

( 23 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C-239/99, Ġabra p. I-1197, punti 37 u 38).

( 24 ) Punt 37 in fine tas-sentenza.

( 25 ) Sentenza iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).

( 26 ) ĠU L 136, p. 1.

( 27 ) Ara rispettivament il-punti 74 u 75 tas-sentenza.

( 28 ) Punt 76 tas-sentenza (korsiv miżjud minni).

( 29 ) Punt 77 tas-sentenza.

( 30 ) Korsiv miżjud minni.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Avukat Ġenerali Darmon (punt 25).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 52 sa 54 tar-rikors.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 70 sa 72 tan-nota ta’ intervent tal-Gvern tar-Renju Unit.

( 34 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punt 38).

( 35 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punt 16) u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punt 39).

( 36 ) Din id-deċiżjoni qafas kienet ġiet ippubblikata fil-ĠU L 29, p. 55.

( 37 ) Sentenza iċċitata iktar ’il fuq (punt 51) (korsiv miżjud minni). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk applikat, kif ġie ddikjarat ukoll fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza, il-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att Komunitarju li skondha din l-għażla “għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu l-għan u l-kontenut tal-att”.

( 38 ) Idem (punt 53) (korsiv miżjud minni).

( 39 ) Għandu jiġi mfakkar, għal kull bon fini, li l-Artikolu I-12 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa [ĠU (2004) C 310, p. 1] jiddistingwi bejn tliet “kategoriji” ta’ kompetenzi tal-Unjoni (magħquda mal-Komunità), jiġifieri, rispettivament, il-kompetenza esklużiva, il-kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, b’mod li dawn tal-aħħar jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom “sa fejn l-Unjoni ma eżerċitatx, jew iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, l-kompetenza tagħha” u l-kompetenza (mhux iddefinita) f’ċerti oqsma “li [biex] tieħu azzjonijiet biex tagħti sostenn, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, mingħajr b’daqshekk ma tissostitwihom fil-kompetenza tagħhom f’dawn l-oqsma”.

( 40 ) Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan segwit, iżda, kif diġà ġie speċifikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 iktar ’il fuq, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 11), u tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10).

( 41 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-316/91, Ġabra p. I-625, punt 26).

( 42 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-268/94, Ġabra p. I-6177, punt 36). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li l-Komunità għandha kompetenza speċifika biex tikkonkludi ftehim ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

( 43 ) Idem.

( 44 ) Punt 42 tal-konklużjonijiet ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 1993.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 44 u 50 tal-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

( 46 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-181/91 u C-248/91, Ġabra p. I-3685, punt 16) (korsiv miżjud minni).

( 47 ) Naturalment, l-eżistenza ta’ kompetenzi paralleli fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma tfissirx li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, mhumiex suġġetti għall-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 KE. Barra minn hekk, dan l-obbligu huwa ddefinit mill-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-linji ta’ politika Komunitarja u nazzjonali dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp li tinsab fl-Artikolu 180(1) KE. Stat Membru għalhekk ma jistax, pereżempju, fil-kuntest tal-politika bilaterali tiegħu, iżomm jew iġedded programm ta’ għajnuna għall-iżvilupp favur Stat terz li fil-konfront tiegħu l-Komunità tkun iddeċidiet li tissospendi l-kontribuzzjonijiet tagħha b’mod partikolari minħabba ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f’dak l-Istat terz.

( 48 ) ĠU 1994, L 223, p. 35.

( 49 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 58 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2007 (kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-440/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

( 51 ) B’eċċezzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Komunità u s-sitwazzjoni fejn il-Komunità tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha f’qasam li fih hija tkun taqsam il-kompetenza b’mod konkorrenti mal-Istati Membri.

( 52 ) Fil-fatt, skond l-Artikolu 23(2) UE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata b’mod partikolari meta jadotta xi deċiżjoni li timplementa azzjoni konġunta jew pożizzjoni komuni.

( 53 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, iċċitati iktar ’il fuq.

( 54 ) Fil-fatt, jekk skond kif previst f’dan l-Artikolu, ebda dispożizzjoni tat-Trattat UE m’għandha taffettwa t-Trattat KE, dan huwa biss “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-mira li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea”.

( 55 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-306/01, Ġabra p. II-3533, punt 160), u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01, Ġabra p. II-3649, punt 124). Għandu jiġi osservat li kull waħda minn dawn is-sentenzi ġiet appellata. Dawn l-appelli, li attwalment huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew irreġistrati rispettivament bir-referenzi C-415/05 P u C-402/05 P.

( 56 ) Korsiv miżjud minni.

( 57 ) ĠU L 327, p. 1.

( 58 ) Ara l-punti 38 u 40 tar-rikors.

( 59 ) Ara l-punti 16 kif ukoll 9, 11, 12 u 19 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-noti ta’ intervent.

( 60 ) Ara l-punti 52, 60 u 63 tar-rikors.

( 61 ) Ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89, tat-18 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna ekonomika lir-Repubblika tal-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollakk (ĠU L 375, p. 11); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000, tal-5 ta’ Diċembru 2000, dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (ĠU L 306, p. 1); u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 382/01, tas-26 ta’ Frar 2001, rigward l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippromwovu kooperazzjoni u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati tal-Amerka ta’ Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralasja u r-Regolament abrogat [li jħassar ir-Regolament] (KE) Nru 1035/1999 (ĠU L 57, p. 10). Skond il-ġurisprudenza, l-użu tal-Artikolu 308 KE bħala bażi ġuridika ta’ att huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma tkun tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-kompetenza meħtieġa biex jadottaw dak l-att: ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 20 tar-rikors.

( 63 ) Il-Bank Dinji normalment juża l-espressjoni “pajjiżi li qed jiżviluppaw” biex jirreferi għall-pajjiżi bi dħul baxx jew dħul medju fuq il-bażi tad-dħul nazzjonali gross għal kull abitant. Mill-2005, il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD beda jibbaża fuq dawn l-istess kriterji, li ġew adottati mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41) li l-Anness II tiegħu jirrigwarda l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif definiti fil-lista tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, u li jinkludu, b’mod partikolari, l-Istati Membri tal-ECOWAS. Għandu jiġi osservat ukoll li l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) ilha sa mis-snin 70 tħejji lista, li tiġi aġġornata kull tliet snin, tal-pajjiżi l-inqas avvanzati, li l-aħħar waħda hija bbażata fuq tliet kriterji relattivi għad-dħul nazzjonali gross għal kull abitant, għall-kapital uman fuq il-bażi ta’ “human assets index” u għall-vulnerabbiltà ekonomika. Fl-2006, 12 mill-15-il Stat Membru tal-ECOWAS kienu inklużi fil-lista tal-UNCTAD tal-pajjiżi l-inqas avvanzati, bl-eċċezzjoni tal-Kosta tal-Avorju, tal-Liberja u tan-Niġerja: ara http://www.unctad.org/Templates/Page.asp?intItemID=3641&lang=2

( 64 ) COM(2000) 212 finali, p. 5. Ara wkoll l-Artikolu 30 u l-Anness II tar-Regolament Nru 1905/2006, iċċitat iktar ’il fuq.

( 65 ) Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tmien Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp li ġew approvati fl-2000 taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, u li l-Istati Membri u l-Komunità qed jistinkaw biex iwettqu, huma prinċipalment marbuta ma’ li jiġu żgurati l-ħtiġijiet elementari vitali tal-popolazzjonijiet, mal-ġlieda kontra l-faqar u mal-iżvilupp soċjoekonomiku, jiġifieri t-tnaqqis tal-faqar estrem u tal-ġuħ, li tiġi żgurata edukazzjoni primarja għal kulħadd, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-awtonomija tan-nisa, it-tnaqqis fil-mortalità tat-tfal, it-titjib tas-saħħa tal-ommijiet, il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor, li jiġu żgurat ambjent sostenibbli u t-twettiq ta’ sħubija dinjija għall-iżvilupp: ara, f’dan ir-rigward, reċentement, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, intitolata “Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp” (ĠU 2006 C 46, p. 1).

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Prim’Istanza Yusuf u Al Barakaaf International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (punti 152 sa 155) u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (punti 116 sa 119).

( 67 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

( 68 ) Idem (punt 39).

( 69 ) Ibidem (punti 60, 61 u 63).

( 70 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU L 234, p. 1). Wara l-1 ta’ Jannar 2007, dan ir-Regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1717/2006, iċċitat iktar ’il fuq.

( 71 ) Ara, inter alia, il-punt 37 tad-Dikjarazzjoni dwar “Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp”, iċċitata iktar ’il fuq.

( 72 ) Qabel ma l-Komunità ngħatat formalment kompetenza tagħha fil-qasam tal-iżvilupp, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ tariffi preferenzjali ġenerali għal ċerti prodotti li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għalkemm dik is-sistema kienet l-espressjoni ta’ kunċett ġdid fir-relazzjonijiet kummerċjali li fih għanijiet ta’ żvilupp kellhom sehem importanti, ir-“rabta mal-problemi ta’ żvilupp” ma kinitx twassal biex att ikun eskluż mill-qasam tal-politika kummerċjali komuni: ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punti 18 u 20).

( 73 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 74 ) Idem (punt 51) (korsiv miżjud minni).

( 75 ) Skond il-kriterju żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-178/03, Ġabra p. I-107, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-Trattat KE, ir-rikors għal bażi ġuridika dupliċi huwa eċċezzjonali u huwa eskluż meta, minkejja n-natura inseparabbli tal-għanijiet li l-att in kwistjoni jfittex li jilħaq, il-proċeduri previsti għal bażi ġuridika waħda jew l-oħra jkunu inkompatibbli u/jew meta l-akkumulazzjoni ta’ bażijiet ġuridiċi tkun tali li tippreġudika d-drittijiet tal-Parlament: ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’kawża dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn it-tieni u l-ewwel pilastri tal-Unjoni Ewropea, l-akkumulazzjoni ta’ żewġ bażijiet ġuridiċi tidher ukoll li hija impossibbli minħabba r-rekwiżiti proċedurali differenti imposti fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE u f’dak tat-Titolu XX tat-Trattat KE. Fil-fatt, filwaqt li azzjoni konġunta li tfittex li tilħaq għan tal-PBSK hija, fil-prinċipju, adottata unikament mill-Kunsill li jaġixxi unanimament (mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) UE), min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-Artikolu 179(1) KE jistabbilixxi li “l-miżuri meħtieġa biex imexxi ’l quddiem l-oġġettivi msemmija fl-Artikolu 177 [KE]” għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi skond il-proċedura msejħa “ta’ kodeċiżjoni”. Bl-istess mod, wieħed jista’ wkoll jiddubita jekk il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet, li jagħtu appoġġ finanzjarju u/jew tekniku u li huma bbażati fuq atti ta’ natura ġenerali taħt pilastru wieħed jew l-ieħor, jistgħux jiġu rrikonċiljati, peress li, fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE, l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet taqa’ fil-kompetenza tal-Kunsill, filwaqt li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, hija l-Kummissjoni li għandha tadotta miżuri ta’ assistenza finanzjarja u/jew teknika.

( 77 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi magħmula fil-punti 1 sa 8 tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-[armi żgħar u ta’ kalibru żgħir] u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew, imlaqqa’ fil-15-16 ta’ Diċembru 2005 (Dok Nru 5319/06 PBSK 31). Skond dan id-dokument, iktar minn 600 miljun arma ta’ kalibru żgħir jinsabu fiċ-ċirkulazzjoni fid-dinja, u minn 49 konflitt armat prinċipali fis-snin 90, 47 twettqu b’armi żgħar u ta’ kalibru żgħir bħala l-armi prinċipali. Skond studju li sar f’Mejju 2004, bejn 8 u 10 miljuni armi żgħar jiċċirkolaw b’mod illegali fl-Afrika tal-Punent (ara: A. Bah, Implementing the ECOWAS Small Arms Moratorium in Post-War Sierra Leone, dokument ta’ ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Armi Żgħar tal-Kumitat Koordinatur Kanadiż għall-Bini tal-Paċi, Ploughshares, Ontarjo, 2004, p. 3. Dan id-dokument huwa disponibbli fl-indirizz Internet segwenti: www.ploughshares.ca/libraries/WorkingPapers/wp041en.pdf

( 78 ) It-test ta’ dan il-programm huwa disponibbli fl-indirizz Internet segwenti: http://grip.org/bdg/g1599.html

( 79 ) Il-Programm tal-1997 isemmi b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 51/45 F dwar il-“miżuri maħsuba biex irażżnu t-trasferiment u l-użu illegali ta’ armi klassiċi”, 51/45 L dwar “[l-]assistenza lill-Istati għall-waqfien taċ-ċirkolazzjoni illegali u għall-ġbir ta’ armi żgħar” u 51/45 N dwar il-“konsolidazzjoni tal-paċi permezz ta’ miżuri konkreti ta’ diżarmament”, li t-tlieta li huma ġew adottati matul id-79 sessjoni plenarja tal-10 ta’ Diċembru 1996. F’din l-aħħar riżoluzzjoni, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li kienet “konvinta li approċċ globali u integrat fir-rigward ta’ ċerti miżuri konkreti ta’ diżarmament, b’mod partikolari l-kontroll ta’ armi ta’ kalibru żgħir u ta’ armi żgħar, spiss huwa kundizzjoni neċessarja għaż-żamma u għall-konsolidazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà u għalhekk jikkostitwixxi l-bażi ta’ kull proċess effettiv ta’ rijabilitazzjoni u ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali”.

( 80 ) Punt 1 tal-Programm tal-1997.

( 81 ) Punti 2 u 3 tal-Programm tal-1997.

( 82 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/730/PESK [PBSK] tal-15 ta’ Novembru 1999 li timplimenta l-Azzjoni Komuni [Konġunta] 1999/34/PESK [PBSK] dwar is-sehem [il-kontribuzzjoni] tal-Unjoni Ewropea fil-[għall-]ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u ħfief [ta’ kalibru żgħir] fil-Kambodja (ĠU L 294, p. 5); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/845/PESK [PBSK] tas-17 ta’ Diċembru 1999 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fil-Możambik [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 326, p. 73); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/803/PESK [PBSK] tal-14 ta’ Diċembru 2000 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Ossetja t’Isfel [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 326, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/200/PESK [PBSK] tat-12 ta’ Marzu 2001 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Amerika Latina u fil-Karibew [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 72, p. 1); u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/850/PESK [PBSK] tad-29 ta’ Novembru 2001 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK [PBSK] dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Albanija [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 318, p. 1).

( 83 ) Bħad-Deċiżjoni 1999/845/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Unjoni Ewropea tat kontribuzzjoni fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja għal-lokalizzazzjoni, għall-ġbir u għall-qerda ta’ armi fil-Możambik permezz tal-operazzjonijiet transkonfinali mmexxija konġuntament mill-pulizija tal-Afrika t’Isfel u l-pulizija tal-Możambik (operazzjoni Rachel), id-Deċiżjoni 2000/803/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, li tagħti għajnuna, fil-forma ta’ tagħmir, lill-forzi tal-pulizija lokali fl-Ossetja t’Isfel inkarigati mill-kontroll, mill-ġbir u mill-qerda ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir f’dak ir-reġjun u, fi grad iżgħar, id-Deċiżjoni 1999/730/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, li tagħti kontribuzzjoni finanzjarja u assistenza teknika lill-Gvern tal-Kambodja, b’mod partikolari biex jiġu żviluppati leġiżlazzjoni u regolamenti xierqa dwar il-pussess, iż-żamma, l-użu, il-bejgħ u t-trasferiment ta’ armi u ta’ munizzjon, biex jiġu ddefiniti proċeduri għar-rilaxx volontarju ta’ armi ta’ kalibru żgħir u għas-sejba u l-qerda ta’ armi ta’ kalibru żgħir żejda, kif ukoll biex jingħata appoġġ għall-programmi tas-soċjetà ċivili biex tinħoloq kuxjenza fost il-pubbliku dwar il-problemi marbuta mal-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u d-Deċiżjoni 2001/850/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, li tagħti appoġġ finanzjarju għall-programm ta’ kontroll tal-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir fl-Albanija, stabbilit taħt l-awspiċji tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP) li jikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-promozzjoni tal-ġbir ta’ armi f’dak l-Istat. Permezz tad-Deċiżjoni 2001/200/PESK [PBSK], iċċitata iktar ’il fuq, l-Unjoni Ewropea tat kontribut finanzjarju għall-proġetti taċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarmament u l-Iżvilupp fl-Amerika Latina u l-Karibew, li jinsab f’Lima, li huma intiżi għat-taħriġ tal-uffiċjali tad-dwana u tal-pulizija lokali.

( 84 ) Punt 1 tar-riżoluzzjoni. It-test tar-riżoluzzjoni huwa disponibbli fuq is-sit: http://grip.org/bdg/g1786.html

( 85 ) Punt 7 tar-riżoluzzjoni (korsiv miżjud minni).

( 86 ) Punt 9 tar-riżoluzzjoni.

( 87 ) Għandu jiġi osservat li tali argument, għalkemm tressaq biss matul is-seduta u jirrigwarda att Komunitarju li ġie adottat wara li ġie ppreżentat ir-rikors, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, peress li jfittex li jikkontesta l-kompetenza tal-Komunità biex tadotta miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għalhekk setgħet titqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja.

( 88 ) Dokument Nru 14010/06, CODEC 1113, PESC 966, tas-27 ta’ Ottubru 2006, p. 1.

( 89 ) Korsiv miżjud minni. Għandu jiġi mfakkar li l-espressjoni “armi żgħar” użata fil-korp tal-Azzjoni Konġunta in kwistjoni tinkludi “l-armi ta’ kalibru żgħir” (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

( 90 ) Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.

( 91 ) It-tieni premessa tad-Dikjarazzjoni ta’ Moratorju fuq l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u l-Manifattura ta’ Armi Żgħar fl-Afrika tal-Punent, iċċitata iktar ’il fuq.

( 92 ) Kif imfakkar ukoll fil-punti I u III tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-[armi żgħar u ta’ kalibru żgħir] SALW u tal-munizzjon tagħhom, iċċitata iktar ’il fuq, b’referenza għall-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, adottata mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2003.

( 93 ) Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83.

( 94 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2007 (kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-403/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

( 95 ) Ara wkoll il-punt 159 iktar ’il fuq.

( 96 ) Anness IV tar-rikors. Il-modalitajiet ta’ preparazzjoni u ta’ adozzjoni tal-istrateġiji ta’ kooperazzjoni u tal-programmi indikattivi huma speċifikati fl-Anness IV tal-Ftehim ta’ Cotonou. Skond l-Artikolu 10(2) ta’ dan l-Anness, il-programmi indikattivi reġjonali għandhom jkunu adottati bi ftehim komuni bejn il-Komunità u l-Istati ACP ikkonċernati.

( 97 ) Taqsima 2.3, p. 19 tad-dokument.

( 98 ) Taqsima 6.4.1, p. 40 tad-dokument.

( 99 ) Korsiv miżjud minni.

( 100 ) Korsiv miżjud minni.

( 101 ) Korsiv miżjud minni.

Top