Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0439

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-6 ta' Lulju 2006.
Axel Kittel vs Stat Belġjan (C-439/04) u Stat Belġjan vs Recolta Recycling SPRL (C-440/04).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - il-Belġju.
Sitt Direttiva VAT- Tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) - Frodi tat-tip 'carousel' - Kuntratt ta' bejgħ ivvizzjat b'nullità assoluta taħt id-dritt nazzjonali.
Każijiet Magħquda C-439/04 u C-440/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:446

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta' Lulju 2006 (*)

"Sitt Direttiva VAT– Tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) – Frodi tat-tip 'carousel' – Kuntratt ta' bejgħ ivvizzjat b'nullità assoluta taħt id-dritt nazzjonali"

Fil-kawżi magħquda C-439/04 u C-440/04,

li għandha bħala suġġett talbiet għal domandi preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), permezz tad-deċiżjonijiet tas-7 ta' Ottubru 2004, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Ottubru 2004, fil-proċeduri

Axel Kittel (C-439/04)

vs

L-Istat Belġjan,

u

L-Istat Belġjan (C-440/04)

vs

Recolta Recycling SPRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Frar 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Axel Kittel, minn J. Bublot, avocat (C-439/04),

–       għal Recolta Recycling SPRL, minn T. Afschrift u A. Rayet, avocats (C-440/04),

–       għall-Istat Belġjan, minn E. Dominkovits, wara minn L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn B. van de Walle de Ghelcke, avocat,

–       għall-gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M G. De Bellis, avvocato dello stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-P. Keppenne u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 95/7/KE, ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar 'il quddiem is-"sitt Direttiva").

2       Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ kawżi, bejn rispettivament, Kittel u Recolta Recycling SPRL (iktar 'il quddiem "Recolta") u l-Istat Belġjan rigward ir-rifjut ta' l-awtorità Belġjana tat-taxxa li tirrikonoxxi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li huma parti minn frodi tat-tip "carousel".

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 2 ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 67/227/KEE, tal-11 ta' April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU P 71, p. 1301), kif emendata mis-sitt Direttiva (iktar 'il quddiem l-"ewwel Direttiva"), jipprovdi:

"Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud jinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ tranżazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull tranżazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż)."

4       L-Artikolu 2(1) tas-sitt Direttiva jipprovdi:

"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;"

5       Skond l-Artikolu 4(1) u (2) ta' l-imsemmija Direttiva:

"1.      "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika."

6       Skond l-Artikolu 5(1) ta' din l-istess Direttiva, "[p]rovvista ta’ oġġetti" tfisser it-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali."

7       L-Artikolu 17(1) u (2)(a) tas-sitt Direttiva jipprovdi:

"1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.      Sakemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-tranżazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 1131 tal-Kodiċi Ċivili tal-Belġju jipprovdi li "l-obbligu mingħajr kawża jew fuq kawża falza jew fuq kawża illeċita ma jista' jkollu ebda effett."

9       Skond l-Artikolu 1133 ta' l-istess Kodiċi, "il-kawża hija illegali, meta hija pprojbita mil-liġi, meta tmur kontra l-bon ordni jew l-ordni pubblika."

 Il-kawża prinċipali

 Kawża C-439/04

10     Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kumpannija pubblika Ang Computime Belgium (iktar 'il quddiem "Computime") xtrat u biegħet mill-ġdid komponenti informatiċi u li, skond proċess verbali stabbilit mill-awtorità tat-taxxa, din ta' l-aħħar qieset li Computime kienet ipparteċipat xjentement fi frodi tal-VAT tat-tip "carousel" bil-għan li tieħu lura l-ammont tal-VAT dovut minn fornituri, jew dan l-ammont immultiplikat għal diversi drabi, għal merkanzija waħda u li l-kunsinni magħmula lil Computime kienu fittizji. Fuq din il-bażi, l-awtorità tat-taxxa ċaħħdet lil Computime d-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq l-imsemmija kunsinni.

11     Mill-inkartament jirriżulta li l-kollettur tat-TVA ta' Verviers ħareġ ordni għall-ħlas kontra Computime fit-13 ta' Ottubru 1997. L-ammonti mitluba kienu ta' madwar 240 miljun BEF bħala taxxi u kważi 480 miljun BEF bħala ammendi (b'kollox madwar 18-il miljun EUR).

12     Computime ressqet oppożizzjoni kontra dan l-ordni għall-ħlas quddiem it-Tribunal tal-Prim'Istanza ta' Verviers. Permezz ta' sentenza tat-28 ta' Lulju 1999, dan iddikjara l-azzjoni mhux fondata. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata b'sentenza tal-Qorti ta' l-Appell ta' Liège tad-29 ta' Mejju 2002.

13     Kittel, fil-kwalità tiegħu bħala kuratur fil-falliment ta' Computime, ressaq appell kontra din is-sentenza quddiem il-Cour de Cassation.

 Kawża C-440/04

14     Il-qorti tar-rinviju tosserva li Recolta xtrat mingħand ċertu Ailliaud sittax-il vettura ta' lussu li dan innifsu kien xtara mill-kumpannija Auto-Mail. Ix-xiri magħmul minn Ailliaud ma ta lok għal ebda ġbir tal-VAT favur it-Teżor Pubbliku u Ailliaud ma ħallasx lura lill-Istat Belġjan il-VAT imħallsa minn Recolta. Din ta' l-aħħar biegħet mill-ġdid il-vetturi b'eżenzjoni mill-VAT lill-istess kumpannija Auto-Mail skond awtorizzazzjoni ta' bejgħ għall-esportazzjoni.

15     Mill-inkartament jirriżulta li, skond stħarriġ ta' l-ispezzjoni speċjali tat-taxxa, Ailliaud u Auto-Mail kienu waqqfu mekkaniżmu ta' frodi fiskali tat-tip "carousel" li fil-kuntest tiegħu jinsabu t-tranżazzjonijiet konklużi ma' Recolta.

16     Fis-26 ta' Ottubru 1989, il-kollettur tal-VAT ta' Verviers ħareġ ordni għall-ħlas kontra Recolta li jammonta għal aktar minn 4.8 miljun BEF bħala taxxi u ta' ftit iktar minn 9.7 miljun BEF bħala ammendi (b'kollox madwar 360 000 EUR).

17     Recolta ressqet oppożizzjoni kontra dan l-ordni għall-ħlas quddiem it-Tribunal tal-Prim'Istanza ta' Verviers. Permezz ta' sentenza ta' l-1 ta' Ottubru 1996, dan it-tribunal, wara li kkonstata li xejn ma kien jippermetti li jitqies li Recolta u d-diretturi tagħha kienu jafu jew kienu konxji li kienu jinsabu mdaħħla f'mekkaniżmu wiesa' ta' frodi, iddikjara li l-ordni għall-ħlas maħruġ mill-kollettur kien mingħajr bażi legali u għaldaqstant null u bla effett. Il-kawża tat ukoll lok għal proċediment penali, li matulu t-Tribunal correctionnel ta' Brussell ħareġ, fis-7 ta' Jannar 1994, digriet ta' ħelsien mill-osservanza tal-ġudizzju fil-konfront ta' l-amministratur ta' Recolta.

18     L-Istat Belġjan ressaq appell kontra din is-sentenza quddiem il-Qorti ta' l-Appel ta' Liège, li fih sostna li l-kuntratti li servew ta' bażi għall-fatturi ġew ivvizzjati b'nullità assoluta fid-dritt nazzjonali minħabba li l-kawża determinanti, li wasslet lil Ailliaud tinnegozja ma' Recolta, kienet it-twettiq ta' tranżazzjonijiet li jmorru kontra l-mekkaniżmu tal-VAT. Peress li t-tranżazzjonijiet ikkontestati kienu vvizzjati b'kawża illeċita, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 1131 tal-Kodiċi Ċivili, il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dritt għal tnaqqis, u b'mod partikolari l-eżistenza ta' kunsinni ta' oġġetti, mhumiex sodisfatti.

19     Peress li l-Qorti ta' l-Appell ta' Liège kkonfermat is-sentenza riferita, l-Istat Belġjan ressaq appell quddiem il-Cour de cassation.

 Id-domandi preliminari

20     Il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Belġjan dwar il-VAT in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huma traspożizzjoni ta' l-Artikolu 2, ta' l-Artikolu 4(1), ta' l-Artikolu 5(1), u ta' l-Artikolu 17(2) tas-sitt Direttiva fid-dritt nazzjonali.

21     Sussegwentement, hija tfakkar li skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitt Direttiva tistrieħ fuq il-prinċipju ta' newtralità fiskali, li jipprekludi, fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, distinzjoni ġenerali bejn it-tranżazzjonijiet leċiti u t-tranżazzjonijiet illeċiti, ħlief fil-każijiet, nieqsa f'din il-kawża, meta, minħabba karatteristiċi partikolari ta' ċerta merkanzija, il-kompetizzjoni kollha bejn settur ekonomiku leċitu u settur illeċitu hija eskluża.

22     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dritt nazzjonali, kuntratt li għandu bħala għan li jorganizza frodi kontra terzi, f'dan il-każ l-Istat Belġjan, li d-drittijiet tiegħu huma protetti minn leġiżlazzjoni ta' ordni pubblika, għandu kawża illeċita u huwa vvizzjat b'nullità assoluta. Rigward l-interess ġenerali, hija tgħid li biżżejjed li wieħed mill-partijiet ikun ikkuntratta b'għanijiet illeċiti u li mhux meħtieġ li dawn l-għanijiet ikunu magħrufa mill-kokontraent.

23     Fil-kawża C-439/04, il-Cour de cassation tfakkar li l-Qorti ta' l-Appell ta' Liège ddikjarat li kuntratt null ma jistax jipproduċi effetti ġuridiċi, bħal ma huwa t-tnaqqis tal-VAT, meta l-kawża illeċita hija l-frodi tat-taxxa nfisha u li Kittel isostni, in sostenn tal-motiv fil-kassazzjoni, li l-VAT iffatturata minn persuna taxxabbli għal kunsinna ta' oġġetti tista' titnaqqas, anke jekk hija magħmula fil-kuntest ta' kuntratt ivvizzjat, fid-dritt nazzjonali, b'nullità assoluta, u li d-dritt għat-tnaqqis jibqa' minkejja li l-kawża illeċita tikkonsisti fi frodi tal-VAT infisha.

24     Fil-kawża C-440/04, l-Istat Belġjan jafferma, in sostenn tal-motiv fil-kassazzjoni tiegħu, li l-VAT fatturata minn persuna taxxabbli għal kunsinna ta' oġġetti ma tistax titnaqqas meta l-kunsinna, minkejja li fiżikament twettqet, ssir taħt kuntratt ivvizzjat, fid-dritt nazzjonali, b'nullità assoluta, minkejja li x-xerrej ikun bona fede.

25     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

 Fil-kawża C-439/04:

"1)      Meta l-kunsinna ta' oġġetti hija intiża għal persuna taxxabbli li kkuntrattat in bona fede mingħajr ma kienet taf bil-frodi mwettqa mill-bejjiegħ, il-prinċipju ta' newtralità fiskali tal-[VAT] imur kontra li l-annullament ta' kuntratt ta' bejgħ, skond regola ta' dritt ċivili nazzjonali, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta minħabba li huwa kontra l-ordni pubblika għal kawża illeċita tal-bejjiegħ, iwassal sabiex din il-persuna taxxabbli titlef id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa?

2)      Ir-risposta hija differenti meta n-nullità assoluta tirriżulta minn frodi tal-[VAT] infisha?

3)      Ir-risposta hija differenti meta l-kawża illeċita tal-kuntratt ta' bejgħ, li twassal għan-nullità assoluta tiegħu fid-dritt nazzjonali, hija frodi tal-[VAT] magħrufa miż-żewġ kontraenti?"

 Fil-kawża C-440/04:

"1)      Meta l-kunsinna ta' oġġetti hija intiża għal persuna taxxabbli li kkuntrattat in bona fede mingħajr ma kienet taf bil-frodi mwettqa mill-bejjiegħ, il-prinċipju ta' newtralità fiskali tal-[VAT] imur kontra li l-annullament ta' kuntratt ta' bejgħ, skond regola ta' dritt ċivili nazzjonali, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta minħabba li huwa kontra l-ordni pubblika għal kawża illeċita tal-bejjiegħ, iwassal sabiex din il-persuna taxxabbli titlef id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa?

2)      Ir-risposta hija differenti meta n-nullità assoluta tirriżulta minn frodi tal-[VAT] infisha?"

26     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta' Jannar 2005, il-kawżi C-439/04 u C-440/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

27     Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, meta kunsinna ssir lil persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni in kwistjoni kienet parti minn frodi mwettqa mill-bejjiegħ, l-Artikolu 17 tas-sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta' dritt nazzjonali li tgħid li l-annullament ta' kuntratt ta' bejgħ, skond dispożizzjoni ta' dritt ċivili, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta minħabba li huwa kontra l-ordni pubblika għal kawża illeċita tal-bejjiegħ, twassal għat-telf tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imħallsa mill-imsemmija persuna taxxabbli. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk ir-risposta għal din id-domanda tkunx differenti meta n-nullità assoluta tirriżulta minn frodi tal-VAT.

28     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għall-imsemmija domanda tkunx differenti meta l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni li hija parti minn frodi tal-VAT.

 Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29     Kittel tqis li l-prinċipju ta' newtralità fiskali li joħroġ b'mod partikolari mill-Artikolu 2 ta' l-ewwel Direttiva u mill-Artikolu 17(2)(a) tas-sitt Direttiva jipprojbixxi li n-nullità waħedha ta' tranżazzjoni fid-dritt nazzjonali twassal sabiex persuna taxxabbli titlef id-dritt tagħha għat-tnaqqis.

30     Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tas-sitt Direttiva ma jipprojbixxix li titqies bħala kunsinna ta' oġġett, tranżazzjoni li, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, hija parti minn katina ekonomika ta' kompetizzjoni, minkejja li parti minn din il-kunsinna ssir bil-għan li titwettaq frodi tal-VAT. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 17(2) tas-sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza d-dritt għal tnaqqis tax-xerrej li ma jaġixxix bil-għan li jwettaq frodi tal-VAT.

31     Bl-istess mod, l-imsemmi Artikolu jawtorizza d-dritt għal tnaqqis tax-xerrej li ma jaġixxix bil-għan li jwettaq frodi tal-VAT, minkejja li jkun jaf bil-għan frawdolenti li jimmotiva l-fornitur tiegħu, indipendentement mill-fatt jekk jibbenefikax jew le mir-riżultat ta' din il-frodi. Għaldaqstant l-Artikolu 17(2) tas-sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza d-dritt għal tnaqqis tax-xerrej, minkejja li jkun jaf bil-għan frawdolenti li jimmotiva l-fornitur tiegħu, indipendentement mill-fatt li jibbenefika jew le minn din il-frodi.

32     L-Istat Belġjan isostni li, meta t-trasferiment ta' l-oġġetti huwa intiż għal persuna taxxabbli li kkuntrattat in bona fede, mingħajr ma kienet taf bil-frodi mwettqa mill-bejjiegħ, il-prinċipju ta' newtralità fiskali tal-VAT ma jipprojbixxix li l-persuna taxxabbli tiġi mċaħħda minn kull dritt għal tnaqqis sakemm jiġi ppruvat li l-kundizzjonijiet bażiċi mitluba għat-tgawdija ta' dan id-dritt mhumiex sodisfatti mill-persuna taxxabbli.

33     Dan huwa partikolarment il-każ meta l-persuna taxxabbli tkun ipparteċipat fi frodi tat-tip "carousel" mingħajr ma kienet taf inkwantu hija ma tistax titqies bħala benefiċjarja ta' kunsinna ta' oġġetti fis-sens ta' l-Artikolu 5 tas-sitt Direttiva jew li tuża l-oġġetti in kwistjoni għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, jew inkella meta l-persuna taxxabbli ma għandhiex fattura konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 18(1) u 22(3) ta' din id-Direttiva.

34     L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jista' wkoll jiġi miċħud meta huwa stabbilit li dan id-dritt huwa invokat bi frodi jew b'abbuż.

35     Recolta kif ukoll il-gvern Taljan iqisu li l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv u t-tieni waħda fin-negattiv.

36     Madankollu, meta l-kawża illeċita tal-kuntratt ta' bejgħ hija frodi tal-VAT magħrufa miż-żewġ kontraenti, il-gvern Taljan iqis li l-prinċipju li jipprojbixxi l-abbuż tad-dritt Komunitarju jmur kontra l-fatt li jiġi rrikonoxxut id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa liċ-ċessjonarju.

37     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-kunsinna ta' oġġetti intiżi għal persuna taxxabbli li kkuntrattat in bona fede, mingħajr ma kienet taf bil-frodi mwettqa mill-bejjiegħ, tikkostitwixxi kunsinna ta' oġġetti fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tas-sitt Direttiva, li tagħti dritt għal tnaqqis skond l-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmija Direttiva, u li l-prinċipju ta' newtralità ta' din it-taxxa jipprojbixxi li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jiġi miċħud lill-imsemmija persuna taxxabbli minħabba regola ta' dritt nazzjonali li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta bħala wieħed li jmur kontra l-ordni pubblika minħabba kawża illeċita tal-bejjiegħ.

38     Skond il-Kummissjoni, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi tal-qorti tar-rinviju mhix differenti jekk il-kawża illeċita tal-kuntratt ta' bejgħ, li twassal għan-nullità assoluta tiegħu fid-dritt nazzjonali, hija frodi tal-VAT magħrufa miż-żewġ kontraenti, ħlief jekk jiġi stabbilit li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jikkostitwixxi użu abbużiv ta' dan id-dritt mill-bejjiegħ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39     Is-sitt Direttiva tistabbilixxi sistema komuni ta' VAT ibbażata, b'mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2003, MGK-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 38, u tat-12 ta' Jannar 2006, Optingen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

40     Din id-Direttiva talloka kamp ta' applikazzjoni wiesgħa ħafna lill-VAT billi ssemmi, fl-Artikolu 2, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjoni ta' oġġetti, il-kunsinna ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (sentenza Optingen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

41     L-eżami tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta' kunsinna ta' oġġetti magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u ta' attivitajiet ekonomiċi juri li dawn il-kunċetti, li jiddefinixxu t-tranżazzjonijiet taxxabbli skond is-sitt Direttiva, huma ta' natura oġġettiva u huma applikabbli indipendentement mill-għanijiet u r-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Optingen et, iċċitata iktar 'il fuq; punti 43 u 44).

42     Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 24 tas-sentenza tas-6 ta' April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra, p. I-983), obbligu għall-awtorità tat-taxxa li tistħarreġ sabiex tistabbilixxi l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli tmur kontra l-għanijiet tas-sistema komuni ta' VAT li tassigura ċ-ċertezza legali u li tiffaċilita l-atti inerenti għall-applikazzjoni tal-VAT billi tittieħed in kunsiderazzjoni, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni kkonċernata.

43     Ikun a fortiori kontra l-imsemmija għanijiet, obbligu għall-awtorità tat-taxxa, sabiex tistabbilixxi jekk tranżazzjoni partikolari tikkostitwixxix kunsinna magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika, li tieħu in kunsiderazjoni l-intenzjoni ta' operatur ieħor barra l-persuna taxxabbli kkonċernata li pparteċipa fl-istess katina ta' kunsinna u/jew tan-natura frawdolenti possibbli, li biha din il-persuna taxxabbli ma kinitx taf u ma setgħetx issir taf, ta' tranżazzjoni oħra li hija parti minn din il-katina, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli (sentenza Optingen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

44     Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fil-punt 51 tas-sentenza Optingen et, iċċitata iktar 'il fuq, li tranżazzjonijiet li mhumiex minnhom infushom ivvizzjati bi frodi tal-VAT, jikkostitwixxu kunsinni ta' oġġetti magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u attività ekonomika fis-sens ta' l-Artikolu 2, ta' l-Artikolu 4(1) u ta' l-Artikolu 5(1) tas-sitt Direttiva, ladarba jissodisfaw il-kriterji oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-imsemmija kunċetti, indipendentement mill-intenzjoni ta' operatur ieħor barra l-persuna taxxabbli kkonċernata li pparteċipat fl-istess katina ta' kunsinni u/jew tan-natura frawdolenti possibbli, li biha l-persuna taxxabbli ma kinitx taf u ma setgħetx issir taf, ta' tranżazzjoni oħra li hija parti minn din il-katina ta' kunsinni, qabel jew wara t-tranżazzjoni magħmula mill-imsemmija persuna taxxabbli.

45     Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt ta' persuna taxxabbli li tagħmel tali tranżazzjonijiet li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) lanqas ma jista' jiġi affettwat mill-fatt li fil-katina ta' kunsinni li fil-kuntest tagħha jinsabu dawn it-tranżazzjonijiet, mingħajr ma din il-persuna taxxabbli taf jew tista' tkun taf li tranżazzjoni oħra, qabel jew wara dik magħmula minn din ta' l-aħħar, hija vvizzjata bi frodi tal-VAT (sentenza Optigen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

46     Din il-konklużjoni ma tistax tkun differenti meta tali tranżazzjonijiet, mingħajr ma l-persuna taxxabbli tkun tafu jew tista' tkun tafu, isiru fil-kuntest ta' frodi mwettqa mill-bejjiegħ.

47     Fil-fatt, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 7 et seq. tas-sitt Direttiva huwa parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi ristrett. Huwa jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-input (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 18, u tal-21 ta' Marzu 2000, Gabalfrisa et, C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 43).

48     L-iskema tat-tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi għal kollox lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, in-newtralità f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispiża fiskali ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha, indipendentement mill-għanijiet jew ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, fil-prinċipju, huma nfushom suġġetti għall-VAT (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta' Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 24, u tal-21 ta' April 2005, HE, C-25/03, Ġabra p. I-3123, punt 70).

49     Il-kwistjoni dwar jekk il-VAT dovuta fuq tranżazzjonijiet ta' bejgħ li seħħ qabel jew wara fir-rigward ta' l-oġġetti kkonċernati tħallsitx lit-Teżor Pubbliku ma taffettwax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) (ara, f'dan is-sens, id-digriet tat-3 ta' Marzu 2004, Transport Service, C-395/02, Ġabra p. I-1991, ppunt 26). Skond il-prinċipju fundamentali inerenti fis-sistema komuni ta' VAT u li jirriżulta mill-Artikoli 2 ta' l-ewwel u tas-sitt Direttiva, il-VAT hija applikabbli għal kull tranżazzjoni ta' produzzjoni jew ta' tqassim, wara li jsir it-tnaqqis tat-taxxa li ġiet imposta direttament fuq l-ammont tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 29; tas-27 ta' Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, Gabra p. I-14393, punt 37, u Optigen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).

50     F'dan il-kuntest, hekk kif fakkret il-qorti tar-rinviju, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju ta' newtralità fiskali jipprojbixxi distinzjoni ġenerali bejn it-tranżazzjonijiet leċiti u t-tranżazzjonijiet illeċiti. Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta' aġir bħala att punibbli ma twassalx, minnha nfisha, għal eċċezzjoni ta' impożizzjoni. Eċċezzjoni bħal din isseħħ biss f'sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom, minħabba karatteristiċi partikolari ta' ċerta merkanzija jew ta' ċerti servizzi, il-kompetizzjoni kollha bejn settur ekonomiku leċitu u settur illeċitu hija eskluża (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' Ġunju 1999, Coffeeshop "Siberië", C-158/98, Ġabra p. I-3971, punti 14 u 21, kif ukoll tad-29 ta' Ġunju 2000, Salumets et, C-455/98, Ġabra p. I-4993, punt 19). Issa, huwa paċifiku li dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-komponenti informatiċi u lanqas tal-vetturi fil-kawża prinċipali.

51     Fid-dawl ta' dak li ntqal, jidher li l-operaturi li jieħdu kull miżura li tista' raġonevolment tiġi mitluba minnhom sabiex jiġi assigurat li t-tranżazzjonijiet tagħhom ma jkunux imdaħħlin fi frodi, sew jekk hija frodi tal-VAT sew jekk hija frodi oħra, għandhom jafdaw fil-legalità ta' dawn it-tranżazzjonijiet mingħajr ir-riskju li jitilfu d-dritt tagħhom għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri (input VAT) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Mejju 2006, Federation of Technological Industries, C-384/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

52     Għaldaqstant, meta kunsinna ssir lil persuna taxxabbli li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet parti minn frodi mwettqa mill-bejjiegħ, l-Artikolu 17 tas-sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi regola ta' dritt nazzjonali li tgħid li l-annullament tal-kuntratt ta' bejgħ, skond dispożizzjoni ta' dritt ċivili, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta bħala kontra l-ordni pubblika minħabba kawża illeċita tal-bejjiegħ, iwassal għat-telf tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa mill-imsemmija persuna taxxabbli. F'dan ir-rigward mhijiex rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija nullità tirriżultax minn frodi tal-VAT jew minn frodi oħra.

53     Min-naħa l-oħra, il-kriterji oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-kunċetti ta' kunsinni ta' oġġetti magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u ta' attività ekonomika, mhumiex sodisfatti fil-każ ta' frodi fiskali mwettqa mill-persuna taxxabbli nfisha (ara s-sentenza tal-21 ta' Frar 2006, Halifax et, C-255/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

54     Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi possibbli huma għan irrikonoxxut u inkoraġġat mis-sitt Direttiva (ara, s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, Ġabra p. I-5337, punt 76). Il-partijiet ma jistgħux, bi frodi jew b'abbuż, jieħdu vantaġġ min-normi Komunitarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Kefalas et, C-367/96, Ġabra p. I-2843, punt 20; tat-23 ta' Marzu 2000, Diamantis, C-373/97, Ġabra p. I-1705, punt 33, u tat-3 ta' Marzu 2005, Fini H, C-32/03, Ġabra p. I-1599, punt 32).

55     Jekk l-awtorità fiskali tikkonstata li d-dritt għal tnaqqis ġie eżerċitat b'mod frawdolenti, hija għandha s-setgħa titlob, b'effett retroattiv, il-ħlas lura tas-somom mnaqqsa (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 655, punt 24; tad-29 ta' Frar 1996, INZO, C-110/94, Ġabra p. I-857, punt 24, u Gabalfrisa et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46) u huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jiċħad il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta' elementi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat b'mod frawdolenti (ara s-sentenza Fini H, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

56     Bl-istess mod, persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz ta' l-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni li hija parti minn frodi tal-VAT, għandha, għall-ħtiġijiet tas-sitt Direttiva, titqies bħala parteċipant f'din il-frodi, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija tibbenefikax mill-bejgħ mill-ġdid ta' l-oġġetti.

57     Fil-fatt, f'sitwazzjoni bħal din, il-persuna taxxabbli tgħin lill-awturi tal-frodi u ssir kompliċi f'din il-frodi.

58     Barra minn hekk, minħabba li tagħmilhom aktar diffiċli sabiex jitwettqu, interpretazzjoni bħal din timpedixxi tranżazzjonijiet frawdolenti.

59     Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiċħad il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta' l-elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz ta' l-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni li hija parti minn frodi tal-VAT u dan anke jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-kunċetti ta' kunsinni ta' oġġetti magħmula minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali u ta' attività ekonomika.

60     Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għad-domandi għandha tkun li meta kunsinna hija magħmula lil persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet parti minn frodi mwettqa mill-bejjiegħ, l-Artikolu 17 tas-sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi regola ta' dritt nazzjonali li tgħid li l-annullament tal-kuntratt ta' bejgħ, skond dispożizzjoni ta' dritt ċivili, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta bħala kontra l-ordni pubblika għal kawża illeċita tal-bejjiegħ, iwassal għat-telf tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa mill-imsemmija persuna taxxabbli. F'dan ir-rigward, mhijiex rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija nullità tirriżultax minn frodi tal-VAT jew minn frodi oħra.

61     Min-naħa l-oħra, meta huwa stabbilit, fid-dawl ta' l-elementi oġġettivi, li l-kunsinna hija magħmula lil persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni li hija parti minn frodi tal-VAT, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiċħad lill-imsemmija persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis.

 Fuq l-ispejjeż

62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Meta kunsinna ssir lil persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet parti minn frodi mwettqa mill-bejjiegħ, l-Artikolu 17 tas-sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 95/7/KE, ta' l-10 ta' April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi regola ta' dritt nazzjonali li tgħid li l-annullament tal-kuntratt ta' bejgħ, skond dispożizzjoni ta' dritt ċivili, li tivvizzja dan il-kuntratt b'nullità assoluta bħala kontra l-ordni pubblika minħabba kawża illeċita tal-bejjiegħ, iwassal għat-telf tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-imsemmija persuna taxxabbli. F'dan ir-rigward, mhijiex rilevanti l-kwistjoni jekk l-imsemmija nullità tirriżulta minn frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew minn frodi oħra.

Min-naħa l-oħra, meta jiġi stabbilit, fid-dawl ta' l-elementi oġġettivi, li l-kunsinna hija magħmula lil persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni li hija parti minn frodi tal-VAT, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiċħad lill-imsemmija persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top