EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0418

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 79/409/KEE - Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi - Artikoli 4 u 10 - traspożizzjoni u applikazzjoni - IBA 2000 - Valur - Kwalità tad-data - Kriterji - Marġini ta’ diskrezzjoni - Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-ħabitats u tal-fawna u l-flora selvaġġa - Artikolu 6 - Traspożizzjoni u applikazzjoni.
Kawża C-418/04.

European Court Reports 2007 I-10947

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:780

Kawża C-418/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 79/409/KEE — Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi — Artikoli 4 u 10 — Traspożizzjoni u applikazzjoni — IBA 2000 — Valur — Kwalità tad-data — Kriterji — Marġni ta’ diskrezzjoni — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitats u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Artikolu 6 — Traspożizzjoni u applikazzjoni”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006……….. 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Għażla u delimitazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ protezzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, Artikolu 4(1) u (2))

2.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Klassifikazzjoni f’żona speċjali ta’ protezzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, Artikolu 4)

3.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Miżuri ta’ konservazzjoni speċjali

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 79/409, Artikolu. 4(1) u(2)

4.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala żona speċjali ta’ protezzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 79/409, Artikolu 4(4), u 92/43, Artikoli 6(2) sa (4) u 7)

5.     Ambjent — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

1.     Sabiex jagħżlu t-territorji l-iktar adatti għal klassifikazzjoni f’żoni speċjali ta’ protezzjoni (ŻSP), skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, l-Istati Membri jgawdu minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni, li hija limitata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żoni għandha tissodisfa esklużivament il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mill-imsemmija direttiva. Il-ħtiġijiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-għażla u fid-delimitazzjoni ta’ ŻSP.

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ma tistax tirriżulta minn eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ kull waħda miż-żoni in kwistjoni, imma għandha ssir fuq il-bażi ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-limiti naturali ta’ l-ekosistema niedja u li, min-naħa l-oħra, il-kriterji ornitoloġiċi, li fuqhom għandha tkun ibbażata eżklużivament il-klassifikazzjoni, għandhom ikunu xjentifikament fondati. Fil-fatt, l-użu ta’ kriterji difettużi, allegatament ornitoloġiċi, jista’ jwassal għal definizzjoni żbaljata tal-limiti taż-ŻSP.

(ara l-punti 39, 141-142)

2.     L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa għall-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji li hija ġġustifikata bil-fatt li huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità. Barra minn hekk, jirriżulta mid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva li l-preżervazzjoni, iż-żamma u r-restawrazzjoni ta’ diversità u żoni ta’ habitats suffiċjenti huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi.

Għal dan il-għan, l-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik ta’ l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità sabiex it-territorji l-iktar adatti jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-direttiva, għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-“Inventory of Important Bird Areas in the European Community” (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropea) (IBA 2000), dan l-inventarju jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u l-iktar preċiża għall-identifikazzjoni tas-siti l-iktar adatti f’numru u daqs għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll ta’ l-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness li jirritornaw b’mod regolari.

(ara l-punti 46-47, 66-67)

3.     L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva 97/49, jimponi fuq l-Istati Membri li jikkonferixxu liż-żoni speċjali ta’ protezzjoni (ŻSP) status legali ta’ protezzjoni li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I, kif ukoll ir-riproduzzjoni, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa ta’ l-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I. Il-protezzjoni taż-ŻSP m’għandhiex tkun limitata għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati d-danni kkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, abbażi tas-sitwazzjoni ta’ fatt, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni jew għat-titjib ta’ l-istat tat-territorju.

(ara l-punti 153-154)

4.     L-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva 97/49, kif spjegati fid-disa’ premessa tagħha, ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri jkollhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmija Direttiva fil-każijiet biss fejn żona speċjali ta’ protezzjoni (ŻSP) tkun ġiet indikata minn qabel. It-test ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jippreċiża li l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxi l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmija direttiva 79/409 mid-data ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/43 jew mid-data tal-klassifikazzjoni minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409 meta d-data ta’ l-aħħar tiġi iktar tard. Iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP meta kien imisshom ġew hekk ikklassifikati jkomplu jaqgħu taħt is-sistema rregolata mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409.

(ara l-punti 84, 120, 172-173)

5.     L-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jissuġġetta l-kundizzjoni ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija ta’ sit f’żona speċjali ta’ konservazzjoni għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan il-pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Meta jiġi kkunsidrat b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv Minn dan isegwi li din id-direttiva teħtieġ li kull pjan jew proġett ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-ambjent meta ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Tali evalwazzjoni timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl ta’ l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività fuq is-sit protett biss jekk ikollhom iċ-ċertezza li din m’għandhiex effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti

(ara l-punti 226-227, 243)











SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007 (*)

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva “Għasafar”

Id-Direttiva “Habitat”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-European Communities Act

Il-Wildlife Act

Ir-Regolamenti “Għasafar”

Ir-Regolamenti “Habitats”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-rikors

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ territorji insuffiċjenti fin-numru u daqs bi ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-IBA 2000

Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Fir-rigward tas-siti identifikati fl-IBA 2000

1.  Fuq is-sit Cross Lough

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fir-rigward tat-tliet siti adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fir-rigward ta’ l-għasafar li għandhom jiġu protetti f’siti oħra

1.  1. Fir-rigward tas-siti adatti għall-konservazzjoni ta’ l-Għasfur ta’ San Martin

2.  2. Fir-rigward tas-siti adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar

Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel ilment

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ stabbiliment tas-sistema ġuridika ta’ protezzjoni neċessarja skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għaż-żoni li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni u ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2 sa (4) tad-Direttiva “Habitat”

Osservazzjonijiet preliminari

Fir-rigward tat-traspożizzjoni u ta’ l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tat-traspożizzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” fil-qasam ta’ l-attivitajiet rikreattivi.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-appikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva”Habitat”

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Artikoli 4 u 10 – Traspożizzjoni u applikazzjoni – IBA 2000 – Valur – Kwalità tad-data – Kriterji – Marġni ta’ diskrezzjoni – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6 – Traspożizzjoni u applikazzjoni”

Fil-kawża C-418/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-29 ta’ Settembru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Cogan, barrister, u minn G. Hogan, SC,

konvenuta

sostnuta:

mir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

mir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta u P. Kūris (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset:

–       milli tikklassifika, mill-1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE tad-29 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 223, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‛Għasafar’”, l-aktar territorji kollha adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi inklużi fl-Anness I għall-istess Direttiva (iktar ’il quddiem l-“Anness 1”, kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari

–       milli tistabbilixxi, mill-1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”, is-sistema ġuridika ta’ protezzjoni neċessarja għal dawn it-territorji;

–       milli tigarantixxi, mill-1981, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jiġu applikati għaż-żoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni (iktar ’il quddiem iż-“ŻSP” skond l-imsemmija direttiva;

–       milli tittrasponi u tapplika b’mod sħiħ u korrett id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”;

–       fir-rigward taż-ŻSP ikklassifikati skond id-Direttiva “Għasafar”, milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva "Habitat"”, u, għal dak li jikkonċerna l-użu għal finijiet rikreattivi tas-siti kollha li għandhom jaqgħu taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva, milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 6(2), u

–       milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar”,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli msemmi iktar ’il fuq ta’ l-imsemmija direttivi.

2       Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta’ Spanja tħallew jintervjenu in sosten tat-talbiet ta’ l-Irlanda, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors jew, fl-alternattiva, tillimita l-iskop ta’ kull sentenza mogħtija għall-kwistjonijiet speċifiċi li fir-rigward tagħhom hija tqis li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-direttivi kkonċernati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva “Għasafar”

3       Id-disa’ premessa tad-Direttiva “Għasafar” tistipula li “billi l-preservazzjoni, l-manutenz[j]oni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ habitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar; billi ċerti speċi ta’ l-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw il-habitat tagħhom bil-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom; billi miżuri simili għandhom jieħdu ukoll in kunsiderazzjoni l-ispeċi li jemigraw u għandhom ikunu koordinati bil-għan li jirriżultaw f’ koerenza sħiħa.”

4       Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar”:

“1.      L-ispeċi imsemmija fl-anness i għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

a)       ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

b)       ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

ċ)       ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

2.       L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[…]

4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorament tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-istati membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats”

5       L-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar” jistipola:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixu r-riċerka u kull operat meħtieġ bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-artikolu 1.

2.      Attenzjoni partikolari għandha tkun mogħtija għar-riċerka u l-operat fuq is-suġġetti elenkati fl-anness v. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa biex jgħinuha tieħu l-miżuri xierqa għall-kordinazzjoni tar-riċerka u l-operat imsemmi f’dan l-artikolu.”

6       Is-suġġetti tar-riċerki u tax-xogħlijiet imniżżla fl-Anness V tad-Direttiva “Għasafar” huma s-segwenti:

“a)       listi nazzjonali ta’ l-ispeċi fil-perikolu li jispiċċaw jew partikolarment speċi fil-perikolu, b’kunsiderazzjoni tad-distribuzzjoni ġeografika tagħhom;

b)       elenkar u deskrizzjoni ekoloġika taż-żoni partikolarment importanti tar-rotot migratorji u postijiet tat-trobbija u tal-bejtiet;

ċ)        elenkar tad-data fuq il-livelli tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi li jemigraw dwar ir-rotot tagħhom ta’ l-migrazzjoni u l-postijiet tat-trobbija u tal-bejtiet;

d)       stima ta’ l-influwenza tal-metodi li jieħdu l-għasafar selvaġġi dwar il-livelli tal-popolazzjoni;

e)       żvilupp u raffinar tal-metodi lokali li jipprevjenu t-tip tal-ħsara kawżata mill-għasafar;

f)       stabbiliment ta’ l-irwol ta’ ċerti speċi bħala indikaturi tat-tniġġis;

g)       studju ta’ l-effett ħażin tat-tniġġis kimiku fuq il-livelli tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar.”

 Id-Direttiva “Habitat”

7       L-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitat” jgħid kif ġej:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.       Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jassigura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-European Communities Act

8       Il-liġi ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej (European Communities Act 1972, iktar ’il quddiem il-“European Communities Act”), tawtorizza lill-Ministri jilleġiżlaw indipendentement mill-Parlament nazzjonali meta obbligi tad-Dritt Komunitarju jeħtieġu hekk.

 Il-Wildlife Act

9       L-Artikolu 11(1) u (3) tal-Liġi ta’ l-1976 dwar il-Fawna u l-Flora Selvaġġa (Wildlife Act 1976), kif emendata mil-liġi li temenda ta’ l-2000 [Wildlife (Amendment) Act 2000, iktar ’il quddiem il-“Wildlife Act”], jipprovdi:

“1.      Il-Ministru għandu jiggarantixxi l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u jippromovi l-konservazzjoni tad-diversità bioloġika

[…]

3.      Il-Ministru jista’, jew direttament jew f’assoċjazzjoni ma’ terz jew permezz ta’ l-intermedjarju tiegħu:

a)      iwettaq jew jordna li jiġu mwettqa xogħlijiet ta’ riċerka li huwa jikkunsidra utli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu taħt din il-liġi;

[…]”

10     L-Artikoli 15 sa 17 tal-Wildlife Act jagħtu lill-Ministru kompetenti s-setgħa li joħloq permezz ta’ digriet riżervi naturali fuq artijiet li jiffurmaw parti mid-dominju pubbliku. Din il-liġi tawtorizza wkoll lill-Ministru jirrikonoxxi riżervi naturali stabbiliti fuq artijiet oħra u jindika artijiet bħala rifuġji għall-fawna.

 Ir-Regolamenti “Għasafar”

11     Ir-Regolamenti ta’ l-1985 dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi tal-Komunitajiet Ewropej [European Communities (Conservation of Wild Birds) Regulations 1985, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti ‛Għasafar’”], jipprojbixxu d-depożitu ta’ ikel, ta’ skart u ta’ sustanzi noċivi fiż-ŻSP ikkonċernati.

 Ir-Regolamenti “Habitats”

12     Il-preambolu tar-Regolamenti ta’ l-1997 dwar il-Habitats Naturali tal-Komunitajiet Ewropej [European Communities (Natural Habitats) Regulations 1997, kif emendati mil-liġi li temenda ta’ l-2000 [Wildlife (Amendment) Act 2000, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti ‛Habitats’”], jindika li dawn kienu ġew adottati bil-għan li jagħtu effett, fid-dritt nazzjonali, lid-Direttiva “Habitat”.

13     L-Artikolu 2 tar-Regolamenti “Habitats” jindika bħala sit Ewropew: a) sit notifikat għall-finijiet ta’ l-Artikolu 4 […] ta’ dawn l-istess regolamenti; b) sit adottat mill-Kummissjoni bħala sit ta’ importanza Komunitarja għall-finijiet ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “Habitat”, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 ta’ l-istess Direttiva; c) żona speċjali ta’ konservazzjoni; d) żona kklassifikata taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”.

14     L-Artikolu 4 ta’ dawn ir-Regolamenti jipprovdi:

“1.      Il-Ministru għandu jibgħat kopja tal-lista tas-siti Ewropej kandidati jew lista modifikata skond l-Artikolu 3(3), lill-Ministru ta’ l-Ambjent, lill-Ministru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ikel u tal-Foresterija, lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Marittimi, lill-Ministru tat-Trasport, ta’ l-Enerġija u tal-Komunikazzjonijiet, lill-Commissioners of Public Works in Ireland (Uffiċċju Irlandiż tax-Xogħlijiet Pubbliċi), lill-Environmental Protection Agency (Aġenzija tal-Ħasrien ta’ l-Ambjent) u lil kull awtorità kompetenti fil-qasam ta’ l-ippjannar li taħt il-kompetenza tagħha tinstab l-art jew xi parti mill-art imsemmija fil-lista, u għandu jikkonsulta, fejn meħtieġ, magħhom kollha jew ma’ wħud minnhom.

2.      a) Il-Ministru għandu jinnotifika lil kull proprjetarju u okkupant ta’ kull art li tinstab fuq il-lista ta’ siti Ewropej kandidati u lil kull minn huwa fil-pussess ta’ liċenzja valida ta’ prospett jew ta’ esplorazzjoni maħruġa taħt att uffiċjali li jikkonċerna l-imsemmija art bil-proposta li din ta’ l-aħħar tiġi inkluża fl-imsemmija lista u li jibgħat il-lista lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Habitat;

b)      meta mhuwiex possibbli li jiġi determinat, wara riċerka normali, l-indirizz ta’ persuna li fir-rigward tagħha japplika subparagrafu (a) ta’ dan il-paragrafu, avviżi u mappep li juru s-sit ikkonċernat għandhom jitwaħħlu f’post li huwa viżibbli sewwa:

i)      f’wieħed jew aktar mill-istazzjonijiet tal-Garda Siochana, mill-uffiċċji ta’ l-amministrazzjonijiet lokali, mill-uffiċċji lokali tal-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali, mill-uffiċċji lokali tal-Misteru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ikel u tal-Foresterija u mill-uffiċċji ta’ Teagasc li jinstabu fi jew li jmissu mas-sit ikkonċernat, jew

ii)      jekk ebda stazzjon jew uffiċċju ta’ dan it-tip [ma jinstab] f’dan il-post, f’stazzjon jew uffiċċju wieħed jew aktar li jinstab fil-viċinanzi jew fl-inħawi tas-sit u

riklami għandhom isiru fuq mill-inqas wieħed mill-istazzjonijiet tar-radju li jittrażmetti fiż-żona tas-sit ikkonċernat u għandhom ikunu ppubblikati f’mill-inqas waħda mill-gazzetti li tiċċirkola f’din iż-żona u dawn ir-reklami għandhom jistiednu lil kull persuna affettwata mil-lista tas-siti proposti bħala siti Ewropej tikkuntattja lill-Ministeru ta’ l-Arti, tal-Kultura u tal-Gaeltacht.

[…]

3.      Għal kull wieħed mis-siti, il-lista tas-siti proposti bħala siti Ewropej mibgħuta mill-Ministru taħt il-paragrafu (1) u n-notifika maħruġa mill-Ministru taħt il-paragrafu (2) għandhom:

a)      ikunu akkumpanjati minn mappa ta’ l-akbar reqqa u dettaljata ta’ skala adatta għaċ-ċirkustanzi li fuqha s-sit huwa mmarkat b’mod li jippermetti li jiġu identifikati l-proprjetajiet inklużi fis-sit li għalihom jirrelata l-avviż kif ukoll il-limiti tagħhom;

b)      jindikaw l-operazzjonijiet jew l-attivitajiet li l-Ministru jqis li jistgħu jbiddlu, jikkawżaw ħsara, jiddistruġġu jew jinterferixxu ma’ l-integrità tas-sit;

c)      jindikaw it-tip jew it-tipi ta’ habitat, li s-sit jospita jew l-ispeċi li huwa jospita u li għalihom ir-rikonoxximent tas-sit bħala sit ta’ importanza Komunitarja ġie propost;

d)      jindikaw il-proċeduri ta’ rikors li l-persuni għandhom.

[…]”

15     L-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija Regolamenti jagħtu lil kull destinatarju ta’ notifika taħt l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Regolamenti, id-dritt li jikkontesta l-inklużjoni tas-sit fil-lista tas-siti Ewropej kandidati u jiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tittieħed deċiżjoni fuq dawn l-oġġezzjonijiet.

16     L-Artikolu 7 tar-Regolamenti “Habitats” jipprovdi li l-Ministru jista’ jaħtar “aġenti awtorizzati” sabiex jidħlu fuq l-artijiet u jispezzjonawhom.

17     L-Artikolu 9 ta’ dawn ir-Regolamenti jipprovdi:

“1.      Sa mhux iktar tard minn sitt snin wara d-data ta’ adozzjoni ta’ sit mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva Habitat, il-Ministru għandu jindika dan is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni u jippubblika jew jordna li tiġi ppubblikata fl-Iris Oifigiúil kopja ta’ kull waħda minn dawn l-indikazzjonijiet.

[…]”

18     L-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija Regolamenti jgħid kif ġej:

“1.      Il-Ministru għandu jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni li huwa jqis adatti fir-rigward ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni indikati taħt l-Artikolu 9 u b’mod partikolari, jekk ikun neċessarju, pjanijiet ta’ tmexxija jew espressament indikati għas-siti jew integrati fi pjanijiet adatti.

2.      Il-Ministru għandu jistabbilixxi l-miżuri amministrattivi jew kuntrattwali li jikkorrispondu għall-bżonnijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva Habitat u ta’ l-ispeċi msemmija fl-Anness II ta’ l-imsemmija Direttiva li huma preżenti fis-siti kkonċernati.

3.      Il-Ministru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex tiġi evitata, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni indikati skond l-Artikolu 9, id-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa lill-ispeċi li għalihom dawn iż-żoni ġew indikati, sakemm dan it-tfixkil jista’ jkollu effett sinjifikattiv fir-rigward ta’ l-għanijiet tad-Direttiva “Habitat”

19     Skond l-Artikolu 14 tar-Regolamenti “Habitats”:

“1.      Huwa pprojbit li titwettaq, li tiġi ordnata li titwettaq jew li titkompla, fuq kull art li tifforma parti minn żona speċjali ta’ konservazzjoni jew sit li jinstab fuq lista skond il-Kapitolu I ta’ din il-parti, operazzjoni jew attività msemmija f’avviż maħruġ taħt l-Artikolu 4(2), sakemm l-operazzjoni jew l-attività ma tkunx imwettqa, mitluba, awtorizzata jew tkompluta mill-proprjetarju, l-okkupant jew l- utilizzatur tal-post u li:

a)      wieħed minnhom indirizza lill-Ministru proposta bil-miktub fir-rigward ta’ l-operazzjoni jew l-attività li għandha titwettaq li tippreċizza n-natura tagħhom u l-proprjetà li fuqha qed jiġi propost li din titwettaq, u

b)      waħda mill-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-paragrafu 2 hija sodisfatta.

2.      Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma s-segwenti:

a)      l-operazzjoni jew l-attività hija mwettqa bil-kunsens bil-miktub tal-Ministru, jew

b)      l-operazzjoni jew l-attività hija mwettqa skond il-ftehim ta’ tmexxija previst fl-Artikolu 12.

3.      Kull persuna li, mingħajr skuża raġonevoli, tikser id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 twettaq reat.

4.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għall-operazzjonijiet jew attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2).”

20     L-Artikolu 15(1) ta’ dawn ir-Regolamenti jipprovdi li jekk jiġu ppreżentati b’talba għal awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 14 ta’ l-istess Regolamenti u jekk l-attività proposta jista’ jkollha effetti kunsiderevoli fuq is-sit, l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jevalwaw l-implikazzjonijiet għas-sit fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni li jikkonċernawh. L-Artikolu 15(2) jipprovdi barra minn hekk li jekk l-attività proposta diġà kienet is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni taħt leġiżlazzjoni oħra, il-Ministru kompetenti taħt l-awtorità ta’ min l-awtorizzazzjoni ngħatat għandu jevalwa din l-attività u, skond il-każ, jemenda jew jannulla l-imsemmija awtorizzazzjoni

21     L-Artikolu 16 ta’ dawn ir-Regolamenti jipprovdi li, jekk l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 ta’ dawn tistabbilixxi li l-attività proposta jkollha effett negattiv fuq is-sit, din m’għandhiex tiġi awtorizzata. Madankollu eċċezzjoni hija prevista għal “raġunijiet obbligatorji konnessi ma’ l-interess pubbliku”.

22     L-Artikolu 17 tar-Regolamenti “Habitats” jipprovdi:

“1.      Jekk il-Ministru jqis li qed titwettaq jew tista’ tiġi mwettqa fuq:

a)      sit li jinstab fuq lista skond il-Kapitolu I ta’ din il-parti, jew

b)      sit fejn konsultazzjoni nbdiet skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva Habitat, jew

c)      sit Ewropew,

operazzjoni jew attività, li mhijiex direttament marbuta mat-tmexxija tas-sit iżda li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ operazzjonijiet jew proġetti oħra, il-Ministru għandu jiżgura li ssir evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività fuq is-sit b’kunsiderazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit

2.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, studju ta’ impatt ambjentali jkun ikkunsidrat bħala evalwazzjoni adatta.

3.      Jekk il-Ministru, billi jieħu in kunsiderazzjoni l-konklużjonijet ta’ l-evalwazzjoni mwettqa skond il-parargafu (1), iqis li l-operazzjoni jew l-attività hija ta’ natura li taffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, huwa għandu jressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti sabiex jimpedixxi t-tkomplija ta’ l-operazzjoni jew ta’ l-attività.

4.      Ir-rikors imressaq quddiem il-qorti kompetenti għandu jkun b’mod sommarju u l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tista’ (jekk ikun hemm bżonn) tagħti deċiżjoni provviżorja jew interlokutorja jekk hija tikkunsidra din id-deċiżjoni adatta b’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat kif ukoll tan-neċessità in ġenerali li tiġi ppriżervata l-integrità tas-sit ikkonċernat u li tiġi żgurata l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000.

5.      Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “qorti kompetenti” tfisser Imħallef tas- Circuit Court fiċ-ċirkwitu ta’ liema jinstabu l-artijiet jew il-partijiet ta’ l-artijiet ikkonċernati, jew il- High Court.”

23     L-Artikolu 18 ta’ dawn ir-Regolamenti jgħid kif ġej:

“1.      Jekk titwettaq jew hija proposta fuq art li mhijiex kompriża f’:

a)      sit li jinstab fuq lista skond il-Kapitolu 1 ta’ din il-parti, jew

b)      sit fejn konsultazzjoni saret skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva Habitat, jew

c)      sit Ewropew,

operazzjoni jew attività li tista’ tagħmel ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat, b’mod individwali jew flimkien ma’ operazzjonijiet jew attivitajiet oħra, il-Ministru għandu jiżgura ruħu li ssir evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività għas-sit, fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17(2) sa (5) għandhom japplikaw b’kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni mwettqa taħt il-pararafu (1).”

24     L-Artikolu 34 ta’ l-imsemmija Regolamenti jipprovdi:

“Skond il-każ, id-dispożozzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 7, 13, 14, 15 u 16 japplikaw mutatis mutandis għaż-żoni kklassifikati taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar”.

25     L-Artikolu 35 ta’ dawn l-istess Regolamenti jgħid kif ġej:

“Il-Ministru għandu:

a)      jinkoraġġixxi l-edukazzjoni u l-informazzjoni ġenerali dwar il-bżonn li jiġu protetti l-ispeċi tal-flora u tal-fawna selvaġġi u li jiġu ppriżervati l-habitats tagħhom u l-habitats naturali;

b)      jinkoraġġixxi r-riċerka u x-xogħlijiet xjentifiċi neċessarji sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva Habitat b’ attenzjoni partikolari għax-xogħlijiet xjentifiċi neċessarji għall-implementazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 10 ta’ din id-Direttiva;

c)      jipprovdi, skond il-każ, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-informazzjoni utli għal koordinazzjoni korretta ta’ l-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa fuq livell nazzjonali u Komunitarju.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26     Wara li rċeviet diversi lmenti, il-Kummissjoni bdiet żewġ proċeduri ta’ ksur kontra l-Irlanda u bagħtitilha, bejn il-11 ta’ Novembru 1998 u t-18 ta’ April 2002, erba’ ittri ta’ intimazzjoni dwar, minn naħa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni kompluta u ta’ applikazzjoni korretta tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” u, min-naħa l-oħra, ksur speċifiku li jikkonċerna d-deterjorament tal-habitats permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet rikreattivi.

27     Peress illi l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposti ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi ma kinux ġew meqjusa bħala sodisfaċenti u wara laqgħat bilaterali bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar, fl-24 ta’ Ottubru 2001, bagħtet lill-Irlanda opinjoni motivata kif ukoll, fil-11 ta’ Lulju 2003, opinjoni motivata supplementari u opinjoni motivata dwar l-attivitajiet rikreattivi.

28     Peress illi l-argumenti mressqa fir-risposti ta’ l-Irlanda għall-opinjonijiet motivati ma kinux kollha konvinċenti u, għaldaqstant, peress illi nuqqas ta’ twettiq minn din ta’ l-aħħar ta’ ċerti obbligi li jitnisslu mid-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” baqa’ jippersisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

29     Peress illi l-kawżi huma konnessi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħqqad dawn iż-żewġ ksur f’proċedura waħda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ir-rikors

30     In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka sitt ilmenti dwar in-nuqqas ta’ l-Irlanda milli twettaq ċerti obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 4(1), (2) u (4) u 10 tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll taħt l-Artikolu 6(2) sa (4), tad-Direttiva “Habitat”.

 Osservazzjonijiet preliminari

31     L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn minn-notifika tagħha. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna dan l-Isat Membru, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva “Għasafar” skada fis-6 ta’ April 1981.

32     L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva “Habitat” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn minn-notifika tagħha. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna dan l-Isat Membru, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva “Habitat” skada fl-10 ta’ Ġunju 1994.

33     Mhuwiex ikkontestat li, f’din il-kawża, id-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjonijiet motivati għandu jkun stabbilit għall-11 ta’ Settembru 2003.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ territorji insuffiċjenti fin-numru u daqs bi ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”

34     Il-Kummissjoni ssostni li, mill-1981, l-Irlanda naqset milli tikklassifika, bi ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”, it-territorji kollha l-aktar adatti, fin-numru u daqs, għall-ispeċi inklużi fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness li jirritornaw b’mod regolari. Dan l-ewwel ilment jinkludi żewġ aspetti. Il-Kummissjoni tafferma li, minn naħa, ċerti siti ma kinux is-suġġett ta’ ebda klassifikazzjoni u li, min-naħa l-oħra siti oħra ma kinux is-suġġett ta’ klassifikazzjoni kompluta.

35     L-Irlanda tikkontesta l-ksur allegat. Hija tafferma li, meta hija tinforma lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ŻSP, hija tagħmel dan fil-kuntest tal-kooperazzjoni u tal-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri, kif jipprovdu d-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”. Barra minn hekk, meta hija tinforma lill-Kummissjoni li qed jitwettqu riċerki, ma jistax jiġi dedott minn dan li n-netwerk ta’ ŻSP attwali hija insuffiċjenti jew li l-Irlanda ma wettqitx l-obbligi li hija għandha taħt id-Direttiva “Għasafar”.

 Osservazzjonijiet preliminari

36     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fl-ewwel lok, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” tobbliga lill-Istati Membri jikklassifikaw bħala ŻSP it-territorji li jissodisfaw il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-378/01, Ġabra p. I‑2857, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37     Fit-tieni lok, l-Istati Membri huma obbligati jikklasifikaw bħala ŻSP is-siti kollha li, skond kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-aktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punt 62).

38     Fit-tielet lok, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jikklassifikaw siti bħala ŻSP ma jistax jiġi kkontestat permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri oħra ta’ konservazzjoni speċjali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

39     Fl-aħħar, fir-raba’ lok, għalkemm huwa veru li l-Istati Membri jgawdu minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-għażla taż-ŻSP, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żoni għandha tissodisfa esklużivament il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-Direttiva “Għasafar” (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑355/90, Ġabra p. I‑4221, punt 26). Għaldaqstant il-ħtiġijiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-għażla u fid-delimitazzjoni ta’ ŻSP (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-IBA 2000

40     In sostenn ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qiset l-Inventory of Important Bird Areas in the European Community (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropea) ippubblikat fl-1989 (iktar ’il quddiem l-“IBA 89”) billi kkunsidrat li dan ta’ l-aħħar, għalkemm mhuwiex ġuridikament vinkolanti għall-Istati Membri kkonċernati, jista’ f’dan il-każ, minħabba l-valur xjentifiku tiegħu, jintuża minnha bħala bażi ta’ referenza sabiex jiġi evalwat safejn Stat Membru osserva l-obbligu tiegħu li jindika ŻSP. Skond il-Kummissjoni, f’din il-kawża, inventarju simili huwa eżaminat.

41     L-Irlanda ma taqbilx mal-Kummissjoni fuq ċerti punti tar-Review of Ireland’s Important Bird Areas (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar ta’ l-Irlanda), ippreparat fl-1999 fil-kuntest ta’ inventarju Ewropew u ppubblikat fl-2000 (iktar ’il quddiem l-“IBA 2000”). Skond hija, la l-eżistenza ta’ dan l-inventarju biss u lanqas l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil ma jikkostitwixxu l-prova ta’ nuqqas minn naħa ta’ l-Irlanda ta’ l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva “Għasafar”.

42     Ir-Repubblika Ellenika kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-IBA 2000 mhuwiex komplet u li għaldaqstant mhemmx lok li jingħatalu l-istess valur bħall-IBA 89.

43     Fil-fatt, il-Gvernijiet Grieg u Spanjol jikkunsidraw li l-IBA 2000 jiddistingwi ruħu f’diversi punti mill-IBA 89, Skondhom, l-IBA 2000 fih data speċifika li tista’ ċertament tikkostitwixxi referenza li turi l-eżistenza ta’ speċi f’kull territorju, iżda li hija biss ta’ natura indikattiva u ġenerali f’dak li jikkonċerna l-importanza tal-popolazzjoni tad-diversi speċi kif ukoll id-delimitazzjoni u, għaldaqstant id-daqs tat-territorji li għandhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP. Għall-kuntrarju, l-IBA 2000 ma fihx data xjentifika li tippermetti delimitazzjoni ċerta taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, huwa jinkludi żoni li huma eċċessivament kbar li jippreżentaw biss interess ornitoloġiku limitat u l-lista ta’ dawn iż-żoni għandha tkun attwalizzata skond l-analiżi xjentifiċi l-iktar riċenti. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ l-inventarju in kwistjoni ma jistax jiġi użat f’dan il-każ sabiex jinħarġu konklużjonijiet ċerti fuq il-popolazzjonijiet u l-limiti eżatti taż-ŻSP.

44     Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta’ Spanja minn dan jiddeduċu li l-IBA 2000 ma jikkostitixxix la bażi suffiċjenti u lanqas unika li tippermetti li jiġi stabbilit in-nuqqas li l-Kummissjoni takkuża lill-Irlanda bih.

45     Peress illi l-fondatezza ta’ l-ewwel ilment tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq il-kwistjoni dwar jekk id-diskrepanza bejn l-IBA 2000 u ż-ŻSP effettivament indikati mill-Irlanda tistabbilixxi li dan l-Istat Membru ma ssodisfax suffiċjentement l-obbligu tiegħu li jikklassifika siti bħala ŻSP, għandu jiġi eżaminat jekk l-IBA 2000 għandux valur xjentifiku komparabbli ma’ dak ta’ l-IBA 89 u jekk, għaldaqstant, jistax jintuża bħala element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat in-nuqqas allegat.

46     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa għall-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji li hija ġġustifikata bil-fatt li huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-191/05, Ġabra p. I-6853, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jirriżulta mid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva li l-preżervazzjoni, iż-żamma u r-restawrazzjoni ta’ diversità u żoni ta’ habitats suffiċjenti huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi. (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑235/04, Ġabra p. I‑5415, punt 23).

47     Għal dan il-għan, l-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik ta’ l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità sabiex it-territorji l-iktar adatti jiġu kklassifikati bħala ŻSP. Għalhekk, għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli meta jiskadi t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24)

48     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-inventarji nazzjonali, inkluż l-IBA 2000 ippreparat mill-BirdLife International, irrivedew l-ewwel studju panEwropew imwettaq fl-IBA 89 billi jippreżentaw data xjentifika iktar preċiża u aġġornata. Fil-fatt, mill-IBA 2000 jirriżulta li dan l-inventarju jelenka, f’dan li jikkonċerna l-Irlanda, 48 sit ġdid meta mqabbel ma’ l-IBA 89.

49     Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-Konklużjonijiet tagħha, is-siti elenkati fiż-żewġ inventarji jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kriterji speċifiċi għall-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ għasafar. Il-kriterji ta’ l-IBA 2000 fil-parti l-kbira jikkorrispondu għal dawk ta’ l-IBA 89. Minn dan isegwi li ż-żieda tat-territorji elenkati fin-numru u daqs sostanzjalment tirriżulta minn għarfien aktar profond dwar il-preżenza ta’ għasafar.

50     L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li l-IBA 2000 mhuwiex eżawrjenti. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-IBA 2000 jikkostitwixxi biss referenza għall-istabbiliment korrett ta’ netwerk taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u li studji oħra ornitoloġiċi jistgħu jservu bħala bażi għall-klassifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ ċerti speċi ta’ għasafar.

51     Issa, dan in-nuqqas ta’ kompletezza, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-Konklużjonijiet tagħha, ma jitfax dubji fuq il-valur probatorju ta’ l-IBA 2000. Ikun differenti kieku l-Irlanda kienet ressqet elementi ta’ prova xjentifiċi intiżi b’mod partikolari sabiex juru li setgħu jiġu sodisfatti l-obbligi li jitnisslu mill-Artikolu 4(1)u (2) tad-Direttiva “Għasafar” billi jiġu kklassifikati bħala ŻSP siti oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-imsemmi inventarju u li jkopru żona totali iżgħar minn dawn ta’ l-aħħar (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

52     Fid-dawl tan-natura xjentifika ta’ l-IBA 89 u tan-nuqqas ta’ kull element ta’ prova xjentifika mressqa minn Stat Membru, intiża b’mod partikolari li turi li l-obbligi li jitnisslu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” setgħu jiġu ssodisfati billi jiġu kklassifikati bħala ŻSP siti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-imsemmi inventarju u li jkopru żona totali iżgħar minn dik ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-inventarju, għalkemm mhuwiex ġuridikament vinkolanti, seta’ jintuża minnha bħala bażi ta’ referenza li tippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kienx ikklassifika territorji biżżejjed f’temini ta’ numru u daqs bħala ŻSP skond id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53     F’dan il-każ, huwa kostanti li l-Irlanda ma ppreżentatx kriterji ornitoloġiċi oħra li huma oġġettivament verifikabbli, meta mqabbla ma’ dawk użati fl-IBA 2000, sabiex iservu ta’ bażi għal klassifikazzjoni differenti. L-Irlanda lanqas ma ppreżentat inventarju nazzjonali kompet li jikkontradixxi l-IBA 2000, stabbilit skond metodi xjentifiċi, li jindika t-territorji kollha l-iktar adatti fid-dawl ta’ klassifikazzjoni bħala ŻSP.

54     Hemm lok għalhekk li jiġi kkonstatat li l-IBA 2000 jipprovdi inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fl-Irlanda li, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwiixi element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifikax bħala ŻSP biżżejjed territorji f’termini ta’ numru ta’ daqs sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi ta’ għasafar kollha mniżżla fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness.

55     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddubitata mill-argument tal-Gvern Spanjol li d-diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi involuti fil-konservazzjoni ta’ l-għasafar għażlu li jemendaw unilateralment l-inventarju preċedenti li jikkonċerna id-differenti Stat Membri, mingħajr ma ebda amministrazzjoni pubblika kompetenti fil-qasam ta’ l-ambjent ma kienet issupervizzat il-preparazzjoni tiegħu jew iggarantiet il-preċiżjoni u l-korrettezza tad-data li dan jinkludi.

56     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, l-IBA 2000 ġie ppubblikat mill-BirdLife International, konfederazzjoni ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni ta’ l-għasafar li kienet ipparteċipat fil-preparazzjoni ta’ l-IBA 89 taħt il-kappa ta’ Kunsill Internazzjonali tal-Protezzjoni ta’ l-Għasafar. Il-Grupp Ewropew għall-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar u tal-Habitats, li dak iż-żmien kien ipparteċipa wkoll, kien grupp ta’ esperti ad hoc li kien parti minn dan il-Kunsill. Għalhekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-Konklużjonijiet tagħha, BirdLife International tiżgura l-kontinwità tal-ħidma fil-kuntest ta’ dawn l-inventarji ta’ territorji.

57     It-tieni nett, huwa kostanti li l-Kapitolu li l-IBA 2000 jiddedika lill-Irlanda ġie ppreparat b’konsultazzjoni ma’ Dúchas, id-Dipartiment tal-Patrimonju tal-Ministeru ta’ l-Arti, tal-Patrimonju, tar-Reġjun ta’ l-ilsien Gaelic u tal-Gżejjer [issa n- National Parks and Wildlife (id-Dipartiment tal-Parki Nazzjonali kif ukoll tal-Fawna u tal-Flora Selvaġġa) tal-Ministeru ta’ l-Ambjent, tal-Patrimonju u ta’ l-Amministrazzjonijiet lokali, iktar ’il quddiem in-“National Parks and Wildlife)”. Din il-parti ta’ l-inventarju ġiet ippreparata bl-għajnuna ta’ esperti Irlandiżi ta’ livell għoli fil-qasam ta’ l-ornitoloġija u hija bbażata l-iktar fuq id-data disponibbli fuq numri u distribuzzjoni ta’ għasafar kif ukoll fuq studji mwettqa bl-għajnuna finanzjarja ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Jirriżulta wkoll mil-lista ta’ referenzi xjentifiċi li l-esperti rrokkrew għal użu kbir ta’ studji ppubblikati u mwettqa bil-partiċipazzjoni ta’ xjentisti mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-konservazzjoni.

58     L-Irlanda żammet, waqt is-seduta l-pożizzjoni li n-natura ta’ l-obbligu ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll tal-premessi tagħha għandhom jiġu evalwati fuq il-livell Ewropew u mhux fir-rigward tat-territorju ta’ l-Istat Membru wieħed ikkonċernat. Huwa għalhekk possibbli li territorju speċifiku jkun eliġibbli, iżda ma jkunx l-aktar adatt għall-klassifikazzjoni bħala ŻSP.

59     Issa, anki jekk, kif issostni ġustament l-Irlanda, l-obbligu ta’ l-Istati Membri taħt l-Artikolu 4(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jirrigwarda biss il-klassifikazzjoni tat-territorji l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u li jista’ jkun li territorji li, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ speċi, huma fil-fatt adatti għal din il-konservazzjoni qatt mhuma kklassifikati bħala ŻSP, jirriżulta madankollu mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk it-territorju ta’ Stat Membru jospita speċi msemmija fl-Anness I, dan ta’ l-aħħar huwa b’mod partikolari obbligat jiddefinixxi, għal dawn l-ispeċi, ŻSP (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60     Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-Konklużjonijiet tagħha, fl-Istati Membri li fihom dawn l-isepċi huma frekwenti ħafna, iż-ŻSP jiggarantixxu qabel kollox il-konservazzjoni ta’ partijiet kbar mill-popolazzjoni globali. Iż-ŻSP huma madankollu neċessarji wkoll fejn dan l-ispeċi huma pjuttost rari. Iż-ŻSP iservu f’dan il-każ, fil-fatt, għad-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispeċi.

61     Fil-fatt, jekk kull Stat Membru seta’ jaħrab mill-obbligu li jindika ŻSP sabiex jiżgura l-protezzjoni ta’ speċi msemmija fl-Anness I u preżenti fit-territorju tiegħu biss għar-raġuni li fi Stati Membri oħra jeżistu siti oħra numerużi ħafna li huma ħafna iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ dawn l-istess speċi, ikun hemm riskju li l-għan ta’ stabbiliment ta’ netwerk koerenti ta’ ŻSP, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva “Għasafar” ma jintlaħaqx (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

62     Il-Gvern Grieg isostni li l-impenn meħud mill-Irlanda fil-kuntest tal-kooperazzjoni mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni kif ukoll l-iskeda tad-delimitazzjonijiet il-ġodda u estenzjonijiet taż-ŻSP stabbilita mill-Irlanda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, peress illi dan l-Istat Membru għandu jivverifika l-kontenut ta’ l-IBA 2000, sabiex ikun jista’ jiddelimita ż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u jikklassifikhom bħala ŻSP.

63     F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa veru li kull klassifikazzjoni tippresupponi li l-awtoritajiet kompetenti huma konvinti, billi jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, li s-sit kkonċernat jifforma parti mit-territorji l-iktar adatti għall-protezzjoni ta’ l-għasafar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, Ġabra p. I‑5083, punt 27), dan madankollu ma jfissirx li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni, bħala regola ġenerali, ma jqumx sakemm dawn l-awtoritajiet ma evalwawx u vverifikawx kompletament l-għarfien xjentifiku l-ġdid.

64     Għall-kuntrarju, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet, l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir-rigward tad-Direttiva “Għasafar”, safejn it-tmexxija tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 262/85, Ġabra p. 3073, punt 9, u tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-38/99, Ġabra p. I-10941, punt 53).

65     Meta jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi bħala ŻSP ilu stabbilit fir-rigward ta’ l-Irlanda mis-6 ta’ April 1981, it-talba ta’ dan l-Istat Membru intiża sabiex jikseb terminu ta’ żmien supplementari sabiex jevalwa l-aħjar sors xjentifiku disponibbli ma tistax tiġi aċċettata, għaliex din it-talba mhijiex kompatibbli la ma’ l-għanijiet li d-Direttiva”Għasafar” trid tilħaq u lanqas mar-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri stabbilita fiha f’dak li jikkonċerna t-tmexxija, fit-territorju tagħhom, tal-patrimonju komuni.

66     Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata.

67     Minn dan kollu li ngħad jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 2000, dan l-inventarju jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u l-iktar preċiża għall-identifikazzjoni tas-siti l-iktar adatti f’numru u daqs għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll ta’ l-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness li jirritornaw b’mod regolari.

 Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

68     Il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-proċedura prekontenzjuża, li l-Irlanda kklassifikat bħala ŻSP numru ta’ siti relativament għoli. Madankollu, hija tqis li żoni oħra kellhom wkoll ikunu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni, Wara li enfasizzat li l-IBA 2000 elenka total ta’ 140 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar li jkopru żona ta’ 4 309 km², jiġifieri madwar 6 % taż-żona ta’ art ta’ dan l-Istat Membru (madwar 60 % ta’ dawn iż-żoni huma żoni kostali, peress illi l-Irlanda għandha 7 1000 km ta’ kosta; l-ilmijiet interni jirrappreżentaw 20 % ieħor), il-Kummissjoni ssostni li 42 minn dawn iż-żoni ma kinux ġew ikklassifikati bħala ŻSP. Skond hi, anki kieku dawn iż-żoni kollha kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP, in-netwerk Irlandiż ta’ ŻSP tkun xorta nieqsa fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I u ta’ speċi ta’ għasafar migratorji li jirritornaw b’mod regolari, għaliex dawn mhumiex kompletament koperti mill-klassifikazzjoni mwettqa fl-IBA 2000.

69     Barra minn hekk, hija tosserva li, f’termini ta’ kopertura territorjali, in-netwerk Irlandiż ta’ ŻSP jinstab fil-post ta’ qabel ta’ l-aħħar fil-grupp tal-ħmistax – l-Istat Membru qabel it-tkabbir ta’ l-2004. Il-livell ta’ kopertura territorjali tan-netwek Irlandiż ta’ ŻSP fil-fatt diġà nqabeż minn bosta mill-għaxar Stat Membri l-ġodda.

70     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Irlandiżi pproponew skeda għall-indikazzjoni, għall-“indikazzjoni mill-ġdid” u għall-estenzjoni ta’ ċertu numru ta’ siti. Fir-realta, din l-iskeda ma ġietx irrispettata u l-Irlanda la wettqet u lanqas ikkomunikat ebda klassifikazzjoni.

71     Wara li enfasizzat li hija konxja ħafna li l-obbligu li hija għandha li tikklassifika bħala ŻSP iż-żoni adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi jitnissel mid-Direttiva “Għasafar” u mhux mill-IBA 2000, l-Irlanda twieġeb li x-xogħol ta’ riċerka globali bil-għan li jiġi estiż in-netwerk Irlandiż ta’ ŻSP, jekk ikun hemm bżonn, qiegħed jiġi mwettaq u li t-tlestijja ta’ dan ix-xogħol huwa iminenti.

72     Madankollu, l-Irlanda tikkunsidra li l-Għasfur ta’ San Martin (Alcedo atthis) huwa l-ispeċi l-inqas adatta għal tentattiv ta’ konservazzjoni permezz tal-klassifikazzjoni bħala ŻSP u li hemm raġuni tajba għalfejn ma jiġux indikati ŻSP oħra għall-Gallozz Aħmar (Crex crex). Dan l-Istat Membru jirrimirka wkoll li huwa jista, legalment, iqis li s-sit Cross Lough (Killadoon) (iktar ’il quddiem is-sit “Cross Lough”) mhuwiex wieħed mit-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻSP fuq il-bażi ta’ l-informazjoni li huwa għandu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja


A –  Fir-rigward tas-siti identifikati fl-IBA 2000

73     L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ammettiet, fl-opinjoni motivata supplementari tagħha, li kien hemm żball fit-Tabella 1 li tinstab fl-opinjoni motivata tagħha mibgħuta fl-24 ta’ Ottubru 2001 fir-rigward tas-sit Bull and Cow Rocks, li diġà kien ikklassifikat bħala ŻSP, u li, għaldaqstant, l-imsemmi sit ma jiffurmax iktar parti mis-suppett ta’ dan ir-rikors.

74     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda C‑282/02, Ġabra p. I‑4653, punt 40).

75     Issa, f’din il-kawża, mill-indikazzjonijiet mogħtija f’dak li jikkonċerna l-motivi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Irlanda ma tikkontestax li, fit-terminu ta’ żmien mogħti fl-opinjoni motivata supplementari mibgħuta fil-11 ta’ Lulju 2003, hija ma kinitx ikklassifikat bħala ŻSP 42 mill-140 sit identifikat fl-IBA 2000.

76     B’kunsiderazzjoni għal dak li ngħad fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li l-Irlanda impenjat ruħha f’programm estensiv ta’ klassifikazzjoni u ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ ŻSP ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala ŻSP tas-siti identifikati fl-IBA 2000.

77     Għall-kuntrarju, l-interess li jiġi kklassifikat is-sit Cross Lough kif ukoll it-tliet siti adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar, jiġifieri Falcarragh to Min an Chladaigh, Malin Head u l-Peniżola Fanad Head huwa s-suġġett ta’ kontestazzjoni ddettaljata mill-Irlanda.

78     Għaldaqstant hemm lok li jiġi milqugħ ir-rikors tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna 38 mit-42 sit li huma identifikati fl-IBA 2000 u li jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors f’dak li jikkonċerna l-erba’ siti li l-interess ornitoloġiku tagħhom huwa speċifikament ikkontestat mill-Irlanda.

1.     Fuq is-sit Cross Lough

a)     L-argumenti tal-partijiet

79     Il-Kummissjoni rreferiet għas-sit Cross Lough għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-Irlanda speċifikament ikkontestat il-ħtieġa li dan is-sit jiġi kklassifikat bħala ŻSP, għalkemm dan kien għadu, anki reċentement, żona importanti ta’ riproduzzjoni taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa (Sterna sandvicensis). It-tieni nett, in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni fi żmien xieraq ta’ dan is-sit seta’ kellu konsegwenzi fuq il-protezzjoni tagħha.

80     Fil-fatt, skond l-informazzjoni li hija għandha, il-Kummissjoni ssostni li għejbien tal-kolonja taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa, preżenti, skond l-IBA 2000, f’dan is-sit mill-1937, huwa marbut ma’ l-attività predatriċi tal-mink ta’ l-Amerika (Mustela vison) u li ebda miżura qatt ma ġiet stabbilita sabiex tiġi protetta din il-kolonja. Skond il-Kummissjoni, b’tmexxija adatta, iċ-Ċirlewwa tax-Xitwa tista’ terġa’ tikkolonizza mill-ġdid dan is-sit antik ta’ riproduzzjoni importanti. L-Irlanda m’għandhiex tibbenefika mill-fatt li hija ma żguratx fi żmien xieraq il-klassifikazzjoni u l-protezzjoni tas-sit Cross Lough.

81     L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tibbaża xjentifikament l-allegazzjoni tagħha li dan l-Istat Membru huwa obbligat li jikklassifika bħala ŻSP sit li mhuwiex iktar ta’ interess għall-ispeċi kkonċernata u li m’għadux żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, iżda fejn l-għasafar, wara li jkunu rripproduċew u minkejja li ċċaqalqu, jistgħu jirritornaw. Għalkemm il-Kummissjoni jista’ jkollha raġun li temmen li, skond l-informazzjoni tagħha, is-sit Cross Lough (jew xi ieħor f’dan il-każ) jista’ jiġi kkolonizzat mill-ġdid miċ- Ċirlewwa tax-Xitwa u effettivament igawdi minn klassifikazzjoni bħala ŻSP, hija bl-ebda mod ma stabbilixxiet li l-imsemmi sit huwa wieħed mill-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi in kwistjoni. L-Irlanda żżid li l-Kummissjoni ma ppruvatx li l-għejbien tal-kolonja taċ-Ċirlewwa tax-Xitwa kien ġie pprovokat mill-attività predatriċi tal-mink ta’ l-Amerika f’din iż-żona.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82     Huwa kostanti li l-imsemmi sit kien ġie identifikat kemm fl-IBA 89 kif ukoll fl-IBA 2000 bħala wieħed mit-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni taċ- Ċirlewwa tax-Xitwa, imsemmija fl-Anness I, skond il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti, rispettivament, fl-1984 u fl-1995. Għandu jiġi kkonstatat li dan is-sit jifforma parti mis-siti l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi mis-6 ta’ April 1981. Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, l-Irlanda kellha tikklassifika dan is-sit bħala ŻSP.

83     Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-Konklużjonijiet tagħha, dan l-obbligu ta’ klassifikazzjoni ma jiddekadix jekk is-sit m’għadux issa iktar adatt.

84     Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP filwaqt li kien imisshom ġew hekk ikklassifikati jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema rregolata mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għaliex inkella l-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti minn din id-direttiva, kif imsemmija fid-disa’ premessa tagħha, ma jistgħux jintlaħqu (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, Ġabra p. I‑10799, punti 47 u 57).

85     Minn dan jirriżulta li l-Irlanda kien imissha adottat, għall-inqas, il-miżuri adatti taħt l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” sabiex tevita t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats fis-sit Cross Lough kif ukoll it-tfixkil li jeffettwa liċ-Ċirlewwa tax-Xitwa, safejn dan it-tfixkil kellu effett sinjifikattiv fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.

86     F’din il-kawża, billi naqset milli tieħu tali miżuri għal dan is-sit, dan l-Istat Membru ma ressaqx il-prova li l-imsemmi sit m’għadux iktar adatt, anki jekk miżuri ta’ protezzjoni kienu ttieħdu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14).

87     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skond ir-riżultati ta’ studji xjentifiċi u ta’ osservazzjonijiet ppreżentati mill-Kummissjoni matul il-proċeduri u li ma ġewx ikkontestati mill-Irlanda, miżuri ta’ protezzjoni kienu possibbli. Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq żewġ artikli ta’ naturalista Irlandi, il-Kummissjoni spjegat l-effett predatur tal-mink ta’ l-Amerika fuq il-bejtiet taċ-Ċirlewwi tax-Xitwa li jistgħu jbejtu fuq l-art u, billi rreferiet għall-osservazzjonijiet riċenti mwettqa f’sit tal-Kontea ta’ Donegal, uriet li attività ta’ tmexxija (il-qbid tal-minks) naqset il-problema tal-predaturi u li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni lokali taċ-Ċirlewwi tax-Xitwa tbejjet dejjem fl-istess żona.

88     Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq l-osservazzjonijiet imsemmi iktar ’il fuq, li mhumiex ikkontestati mill-Irlanda, li jikkonfermaw il-potenzjal ta’ kolonizzazzjoni mill-ġdid ta’ siti miċ-Ċirlewwi tax-Xitwa, il-Kummissjoni tindika li l-kolonizzazzjoni mill-ġdid ta’ dan it-territorju miċ-Ċirlewwa tax-Xitwa hija possibbli. Hija żżid li din l-ispeċi għandha jkollha, f’ żona waħda, diversi siti ta’ tibjit, li mhumiex bil-fors dejjem użati kollha matul staġun ta’ riproduzzjoni partikolari.

89     F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors huwa fondat f’dak li jikkonċerna s-sit Cross Lough.

2.     Fir-rigward tat-tliet siti adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar

a)     L-argumenti tal-partijiet

90     Il-Kummissjoni sostni li l-Gallozz Aħmar huwa l-unika speċi ta’ għasfur selvaġġ mhedded fuq il-livell dinji li huwa preżenti fl-Irlanda. Il-popolazzjoni tiegħu tnaqqset ħafna matul l-aħħar għexieren ta’ snin u dan l-għasfur jinstab biss f’xi żoni ġeografiċi. Popolazzjoni mnaqqsa ħafna biss għada teżisti attwalment fl-Irlanda; fatt li jiġġustifika livell għoli ta’ protezzjoni tas-siti.

91     Fl-opinjoni tagħha, Stat Membru ma jistax validament jinvoka n-numra baxx u l-vulnerabbiltà tal-Gallozz Aħmar sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ klassifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li konservazzjoni u tmexxija b’suċċess ta’ żoni prinċipali huma essenzjali sabiex il-Gallozz Aħmar jkun jista’ jistabbilixxi ruħu mill-ġdid u jespandi mill-popolazzjoni prekarja attwali tiegħu.

92     L-Irlanda, min-naħa tagħha, ssostni li l-indikazzjoni eventwali ta’ ŻSP oħra għandha tkun eżaminata fid-dawl ta’ l-informazzjoni disponibbli fuq l-ispeċi ( li hija bosta) u tal-miżuri pożittivi meħuda bil-għan tal-konservazzjoni tagħha min-National Parks and Wildlife. L-applikazzjoni ta’ l-espressjoni “mhedded fuq il-livell dinji” għall-Gallozz Aħmar mhijiex iktar valida fid-dawl ta’ l-informazzjoni disponibbli fuq l-ispeċi u għalhekk huwa qarrieqi li din tiġi deskritta bħala tali. Hija tqis li l-insistenza tal-Kummissjoni li tafferma li territorji oħra adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar għandhom jiġi kklassifikati bħala ŻSP hija inopportuna u f’kull każ mhux ġustifikata minn elementi ta’ prova rilevanti.

93     Wara li rrimarkat li hemm tassew distribuzzjoni żgħira u imprevedibbli tal-Gallozz Aħmar barra miż-ŻSP eżistenti, dan l-Istat Membru jippreċizza li hija n-natura imprevedibbli u mhux il-prekarjetà ta’ l-okkuppazzjoni ta’ sit mill-Gallozz Aħmar li tippreżenta diffikultà. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni ta’ sit bħala ŻSP m’għandhiex tkun ibbażata fuq l-ispekulazzjoni, iżda iktar fuq kriterji ornitoloġiċi adatti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94     F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li studji ġodda fuq il-preżenza tal-Gallozz Aħmar fl-Ewropa bidlu l-kategorija ta’ klassifikazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kategorija “kważi mhedda” li fiha huwa attwalment ikklassifikat daqs il-kategorija “vulnerabbli” li fiha huwa kien ikklassifikat qabel tissodisfa l-kundizzjonijet ta’ identifikazzjoni taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar skond il-kriterju C.1 użat fl-IBA 2000. Dan ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-kriterju C.6 użat f’dan l-istess inventarju. Għalhekk is-siti identifikati fl-IBA 2000 ma jistgħux jiġu kkontestati.

95     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-argument ta’ l-Irlanda li r-rekwiżiti tad-Direttiva “Għasafar” kienu ġew sodisfatti b’kunsiderazzjoni għall-ħtiġijiet tal-Gallozz Aħmar, permezz tal-klassifikazzjoni bħala ŻSP tat-territorji użati minn parti sinjifikattiva tal-popolazzjoni tal-Gallozz Aħmar permezz tal-finanzjament pubbliku ta’ l-Iskema ta’ Konċessjonijiet favur il-Gallozz Aħmar (Corncrake Grant Scheme) li tkopri l-impjieg ta’ tliet ħaddiema ta’ l-għelieqi, spejjeż amministrattivi u konċessjonijiet lill-bdiewa kif ukoll il-finanzjament u l-faċilitazzjoni tar-riċerka u l-introduzzjoni ta’ kapiltolu għall-Gallozz Aħmar fl-aħħar Skema ta’ Protezzjoni Ambjentali tal-Kampanja (Rural Environment Protection Scheme).

96     Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, tali miżuri ta’ konservazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti.

97     L-argument ta’ l-Irlanda li hemm tassew distribuzzjoni żgħira u imprevedibbli tal-Gallozz Aħmar barra miż-ŻSP eżistenti għandu wkoll jiġi miċħud.

98     Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ppreżentat, mingħajr mhija kontradetta mill-Irlanda fuq dan il-punt, pubblikazzjonijiet ornitoloġiċi li jindikaw li, bejn l-1999 u l-2001, medja ta’ 39 % tal-popolazzjoni tal-Gallozz Aħmar preżenti fit-territorji Irlandiżi tinstab barra miż-ŻSP u li, bejn l-2002 u l-2004, din iċ-ċifra kienet tqarreb il-50 %.

99     L-argument ta’ l-Irlanda li bidliet sinjifikattivi affettwaw id-distribuzzjoni ta’ din l-ispeċi fuq perijodi qosra (inqas minn għaxar snin) u li jkun prematur li tiġi rakkomandata l-klassifikazzjoni bħala ŻSP ta’ siti oħra sakemm din is-sitwazzjoni mhijiex stabilizzata għandu wkoll jiġi miċħud.

100   F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkonstatata l-prezenza suffiċjentement stabbli tal-Gallozz Aħmar fis-siti in kwistjoni matul perijodi qosra. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat mill-Irlanda li, skond ir-riżultati ta’ studju tal-BirdWatch Ireland ppreżentati mill-Kummissjoni, matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 1993 sas-sena 2001, il-preżenza mnaqqsa tal-Gallozz Aħmar f’Falcarragh to Min an Chladaigh kienet ta’ 8 % tal-popolazzjoni nazzjonali tiegħu, f’Malin Head, 4 % tal-popolazzjoni nazzjonali tiegħu u fil-Peniżola Fanad Head, 3 % tal-popolazzjoni nazzjonali tiegħu. Skond l-istess sors, ċifri simili jistgħu jiġu osservati għas-snin 2002 sa 2004.

101   F’dak li jikkonċerna l-argument invokat mill-Irlanda li r-rieda t-tajba u l-kooperazzjoni tas-sidien ta’ l-art huma determinanti għas-suċċess tal-proġetti futuri ta’ konservazzjoni u għall-applikazzjoni ta’ strumenti ta’ protezzjoni, huwa biżżejjed li jiġi indikat li, anki jekk dan seta’ kien il-każ, dan il-fatt ma jeħlisx lil Stat Membru mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar”.

102   F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors huwa wkoll fondat f’dak li jikkonċerna s-siti Falcarragh to Min an Chladaigh, Malin Head u l-Peniżola Fanad Head.

B –  Fir-rigward ta’ l-għasafar li għandhom jiġu protetti f’siti oħra

103   Il-Kummissjoni ssostni li għall-Bugħaddâs tal-Maltemp (Gavia stellata), il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus), is-Seqer ta’ Denbu (Falco columbarius), il-Bies (Falco peregrinus), il-Pluviera (Pluvialis apricaria), il-Gallozz Aħmar, l-Għasfur ta’ San Martin, il-Wiżża tal-Maskra Bajda (Anser albifrons flavirostris) u l-Kokka tax-Xagħri (Asio flammeus), speċi protetti msemmija fl-Anness I, kif ukoll għall-Venewwa (Vanellus vanellus), il-Pluverott (Tringa totanus), il-Bekkaċċ (Gallinago gallinago), il-Gurlin (Numenius arquata) u l-Beggazzina tat-Tiżż (Calidris alpina), speċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari, iż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar identifikati fl-IBA 2000 bla dubju ta’ xejn ma joffrux numru ta’ siti suffiċjenti fin-numru jew fid-daqs sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

104   L-Irlanda ssosnti li kienu twettqu studji fuq sitta mid-disa’ speċi msemmija iktar ’il fuq li jinstabu fl-Anness I kif ukoll fuq il-Beggazzina tat-Tiżż, li hija speċi migratorji li tirritorna b’mod regolari. It-twettiq ta’ dan ix-xogħol jippermetti għalhekk li jiġu identifikati s-siti li jistgħu jkunu kklassifikati bħala ŻSP għall-konservazzjoni tal-Bugħaddâs tal-Maltemp, il-Bugħadam Abjad Prim, is-Seqer ta’ Denbu, il-Pluviera, u tal-Beggazzina tat-Tiżż. Matul il-proċedura prekontenzjuża, l-Irlanda indikat li ż-ŻSP li huma proposti għall-konservazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim jippermettu wkoll il-konservazzjoni tal-Kokka tax-Xagħri. Barra minn hekk, attwalment, il-Pluviera tirrappreżenta diġà “interess eliġibbli” fi tliet ŻSP indikati u s-Seqer ta’ Denbu f’erba’ siti li jippreżentaw interessi multispeċi. Il-Bies jista’ jkun speċi eleġibbli fil-biċċa l-kbira taż-ŻSP li jikkonċernaw iċ-Ċawla Qrollija (Pyrrhocorax pyrrhocorax).

105   Għalkemm huwa veru li l-Irlanda tressaq provi ta’ numru ta’ inizjattivi parzjali, dawn ma tlesstewx fit-terminu mogħti fl-opinjoni motivata supplementari nnotifikata fil-11 ta’ Lulju 2003. Issa, peress illi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata biss abbażi tas-sitwazzjoni ta’ Stat Membru fil-mument li fih jintemm it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, hemm lok li jiġi kkonstatat, fid-dawl ta’ l-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha f’dak li jikkonċerna l-indikazzjoni taż-ŻSP sabiex tiżgura l-konservazzjoni tal-Bugħaddâs tal-Maltemp, tal-Bugħadam Abjad Prim, tas-Seqer ta’ Denbu, tal-Bies, tal-Pluviera u tal-Kokka tax-Xagħri, li huma speċi msemmija fl-Anness I, kif ukoll il-protezzjoni tal-Beggazzina tat-Tiżż, li hija speċi migratorja li tirritorna b’mod regolari mhux imsemmija fl-Anness I. L-ilment fuq dan il-punt huwa wkoll fondat.

106   Għall-bqija, ma jidhirx li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-288/02, Ġabra p. I-10071, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha f’dak li jikkonċerna l-indikazzjoni ta’ ŻSP sabiex tiżgura l-konservazzjoni tal-Wiżża tal-Maskra Bajda, speċi msemmija fl-Anness I, kif ukoll il-protezzjoni tal-Venewwa, tal-Pluverott, tal-Bekkaċċ, u tal-Gurlin, speċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari mhux imsemmija fl-Anness I. Għaldaqstant, l-ilment mhuwiex fondat fuq dan il-punt.

107   F’dak li jikkonċerna l-Għasfur ta’ San Martin u l-Gallozz Aħmar, l-Irlanda tikkontesta n-neċessità li jiġu kklassifikati bħala ŻSP siti oħra għall-konservazzjoni tagħhom.

1.     1. Fir-rigward tas-siti adatti għall-konservazzjoni ta’ l-Għasfur ta’ San Martin

108   Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-netwerk Irlandiż ta’ ŻSP għandha tinkludi numru rappreżentattiv ta’ perkorsi ta’ xmajjar li jistgħu jkunu użati mill-Għasfur ta’ San Martin. Issa, l-Irlanda ma ħadet ebda miżura intiża sabiex tikklassifika t-territorji l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-Għasfur ta’ San Martin u lanqas taf il-popolazzjoni attwali ta’ din l-ispeċi.

109   L-Irlanda tikkunsidra li speċi hekk imxerrda bħall-Għasfur ta’ San Martin hija l-ispeċi mxerrda l-inqas adatta għal tentattiv ta’ konservazzjoni permezz tal-klassifikazzjoni ta’ territorji bħala ŻSP. Din hija l-konklużjoni li jimponu l-informazzjoni disponibbli li jinkludu żewġ Atlas ta’ riproduzzjoni mħejjija bejn l-1988 u l-1991. Għalkemm il-popolazzjoni attwali ta’ l-Għasfur ta’ San Martin mhijiex magħrufa, jidher illi BirdWatch għandha l-intenzjoni li twettaq sondaġġ. Jekk dan is-sondaġġ kellu juri popolazzjoni ta’ l-Għasfur ta’ San Martin iktar sinjifikattiva, l-awtoritajiet Irlandiżi jirrikunsidraw il-kwistjoni tal-ħolqien ta’ ŻSP għall-finijiet tal-konservazzjoni tiegħu fil-futur.

110   Issa, kif imfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta t-territorju ta’ Stat Membru jospita speċi msemmija fl-Anness I, dan ta’ l-aħħar huwa b’mod partikolari obbligat jiddefinixxi, għal dawn l-ispeċi, ŻSP. Minn dan jirriżulta li l-Irlanda kien imissha identifikat it-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l- Għasfur ta’ San Martin u tikklassifikom bħala ŻSP.

111   Minn dan jirriżulta li, l-Irlanda li tammetti l-preżenza ta’ l-Għasfur ta’ San Martin fit-territorju tagħha, ma ssodisfatx dan l-obbligu fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplementari notifikata fil-11 ta’ Lulju 2003. Għalhekk ir-rikors huwa wkoll fondat f’dak li jikkonċerna s-siti adatti għall-konservazzjoni ta’ l-Għasfur ta’ San Martin.

2.     2. Fir-rigward tas-siti adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar

112   Il-Kummissjoni sostni li n-netwerk attwali ta’ ŻSP għall-protezzjoni tal-Gallozz Aħmar huwa dgħajjef. Hija tindika li l-IBA 2000 jidentifika wkoll ħames siti supplementari, jiġifieri s-siti Falcarragh to Min an Chladaigh, Malin Head, il-Peniżola Fanad Head, il-Peniżola Mullet u l-Moy valley.

113   Għal dak li jikkonċerna l-ħames siti addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn jikkostitwixxu żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u, min-naħa l-oħra, li għal tlieta minn dawn, jiġifieri s-siti Falcarragh to Min an Chladaigh, Malin Head u l-Peniżola Fanad Head, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie kkonstatat fil-punt 102 ta’ din is-sentenza.

114   Fir-rigward tas-sit il-Peniżola Mullet, il-Kummissjoni tippreċiża, fir-replika tagħha, li parti minn dan is-sit hija suġġetta għall-klassifikazzjoni bħala ŻSP għal finijiet oħra. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat ma’ l-ewwel li dan is-sit huwa eżempju ta’ klassifikazzjoni parzjali

115   Barra minn hekk, il-kriterju C.6 huwa applikabbli għas-sit il-Peniżola Mullet. Issa, dan il-kriterju jindika żona li tikkostitwixxi waħda mill-ħames żoni l-iktar importanti f’kull reġjun Ewropew għal speċi jew sott-speċi msemmija fl-Anness I. Għaldaqstant minn dan jirriżulta, hekk kif jirriżulta mill-kriterji użati fl-IBA 2000, li huwa biżżejjed li s-sit ikkonċernat jilqa’ numru sinjifikattiv ta’ individwi ta’ tali speċi jew ta’ tali sotto-speċi (għall-inqas 1 % tal-popolazzjoni riproduttriċi nazzjonali ta’ speċi msemmija fl-Anness I jew 0,1 % tal-popolazzjoni biogeografika) sabiex ikollu jiġi kklassifikat bħala ŻSP.

116   F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’din is-sentenza, il-Kummissjoni ppreżentat, fir-replika tagħha, ir-riżultati mhux ikkontestati mill-Irlanda ta’ studju tal-BirdWatch skond liema, matul il-perijodu ta’ bejn l-1993 u l-2001, il-preżenza mnaqqsa tal-Gallozz Aħmar f’din iż-żona kienet tirrappreżenta l-4 % tal-popolazzjoni nazzjonali. Skond l-istess sors, ċifri simili jistgħu jiġu osservati għas-snin 2002 sa 2004.

117   Għaldaqstant, għandu jiġi milqugħ ir-rikors tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna s-sit il-Peniżola Mullet.

118   Fir-rigward tas-sit Moy valley, il-Kummissjoni tammetti li d-data taċ-ċensiment juru assenza tal-Gallozz Aħmar matul diversi snin. Issa, iċ-ċifri tal-BirdWatch Ireland juru li dan is-sit kellu numru sinjifikattiv ta’ Gallozz Aħmar fis-snin 80 u sa nofs is-snin 90. B’mod partikolari, sa’ l-1993, din iż-żona kienet tinkludi t-tieni l-akbar konċentrazzjoni ta’ Gallozz Aħmar wara ż-ŻSP River Shannon callows u kienet għalhekk eleġibbli mingħajr dubju ta’ xejn għall-klassifikazzjoni bħala ŻSP fuq il-bażi ta’ kull applikazzjoni raġonevoli tal-kriterji ornitoloġiċi. Kien hemm għaldaqstant elementi li kienu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tas-sit Moy valley bħala ŻSP matul perijodu twil wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva “Għasafar”. L-għejbien tal-Gallozz Aħmar hemmhekk kien ipprovokat mill-bidliet tal-prassi agrikoli u l-Irlanda ma ppruvatx tirrimedja għal dan. Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda m’għandhiex tibbenefika mill-fatt li hija la kklassifikat u lanqas ipproteġiet dan is-sit. L-Irlanda ma wrietx li kien impossibbli li tiġi ristabbilita hemmhekk il-preżenza tal-Gallozz Aħmar.

119   F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċifri tal-BirdWatch, ippreżentati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha u li juru li s-sit Moy Valley kellu numru ta’ Gallozz Aħmar fis-snin 80 u sa nofs is-snin 90, mhumiex ikkontestati mill-Irlanda. Minn dan isegwi li dan is-sit jikkostitwixxi wieħed mit-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-Gallozz Aħmar u, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda kien immisha kklassifikatu bħala ŻSP.

120   Skond ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP meta kien imisshom ġew hekk ikklassifikati jibqgħu jaqaw taħt is-sistema rregolata mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, għaliex jekk le l-għanijiet ta’ protezzjoni fformulati minn din id-direttiva, kif huma spjegati fid-disa’ premessa tagħha, ma jkunux jistgħu jiġu milħuqa. Minn dan isegwi li l-Irlanda kien imissha mill-inqas adottat il-miżuri adatti taħt l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” sabiex tevita, fis-sit Moy Valley, id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-Gallozz Aħmar, safejn dawn għandhom effett sinjifikattiv fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu.

121   Issa, mill-fajl jirriżulta li, fis-sit Moy Valley, li kien imissu ġie kklassifikat bħala ŻSP, l-għejbien tal-Gallozz Aħmar kien ipprovokat minn tibdil fil-prattiċi agrikoli u li l-Irlanda ma ppruvatx tirrimedja għalih.

122   Barra minn hekk, l-Irlanda ma ressqitx il-prova li l-istabbiliment mill-ġdid tal-preżenza tal-Gallozz Aħmar f’dan is-sit ikun impossibbli. Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt jiġi milqugħ.

123   Minn dan isegwi li r-rikors huwa ukoll fondat f’dak li jikkonċerna s-sit il-Peniżola ta’ Mullett u s-sit Moy Valley.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

124   Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligu li hija għandha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” għaliex hija kklassifikat ċerti siti bħala ŻSP biss parzjalment. Fl-opinjoni tagħha, f’diversi każijiet, il-linja tal-limiti taż-ŻSP teskludi żoni ekwivalenti li jmissu magħhom ta’ interess ornitoloġiku u mniżżla fl-IBA 2000. Il-kritika tagħha tikkonċerna b’kollox 37 sit.

125   Wara li sostniet li l-limiti taż-ŻSP għandhom ikunu definiti abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ornitoloġiċi u mhux ekonomiċi, il-Kummissjoni tinnota li, għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Irlandiżi, f’diversi każijiet limitaw iż-ŻSP għal siti tad-dominju pubbliku u naqsu milli jikklassifikaw siti serjament ikkontestati minn interessi ekonomiċi.

126   Il-Kummissjoni żżid li, matul il-proċeduri, l-awtoritajiet Irlandiżi ddikkjaraw l-intenzjoni li jestendu u li jiddefinixxu mill-ġdid numru sinjifikattiv ta’ siti qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2004, iżda ma jidhirx li dawn segwew din l-intenzjoni.

127   L-Irlanda tindika li x-xogħol ta’ riċerka korrispondenti qiegħed isir u li huwa previst li ŻSP ġodda jkunu indikati għall-finijiet tal-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati. Il-klassifikazzjonijiet mill-ġdid u l-klassifikazzjonijet ġodda ser ikunu wettqa skond ir-rekwiżiti tar-Regolamenti “Habitats”. Madankollu, hija tikkontesta l-allegat nuqqas ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq iż-żona taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

128   Filwaqt illi tammetti li ċerti ŻSP għandhom jiġi estiżi, l-Irlanda tirrikonoxxi li naqqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”. Għalhekk għandu jiġi milqugħ ir-rikors tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna 36 mis-37 sit.

129   Wara, għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary.

130   Il-Kummissjoni ssostni li l-linja tal-limiti taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary ma qisitx korrettament l-interessi ornitoloġiċi, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”.

131   Skond hi, elementi ta’ prova jindikaw li l-approċċ adottat mill-awtoritajiet Irlandiżi għad-delimitazzjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary, sit li jikkostitwixxi żona niedja vasta ta’ importanza internazzjoni għall-għasafar akwatiċi, li tinstab fil-Bajja ta’ Dublin u li tilqa’ b’mod regolari iktar minn 20 000 għasfur tax-xitwa, iwassal għall-esklużjoni ta’ żewġ żoni intiżi sabiex ikunu żviluppati fil-kuntest ta’ xogħlijiet pubbliċi kbar; din l-esklużjoni kient ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ dawn iż-żoni filqawt li d-delimitazzjoni taż-ŻSP kien imissha saret billi jitqiesu l-limiti naturali ta’ l-ekosistema niedja.

132   Fir-rigward ta’ l-ewwel żona ta’ 4,5 ettari, li l-inklużjoni tagħha fiż-ŻSP kienet ġiet preċedentement proposta din kienet, skond il-Kummissjoni, ġiet eskluża mill-proġett inizjali ta’ estenzjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary wara l-intervent tad- Dublin Port Company (Awtorità tal-Port ta’ Dublin), li xtaqet timliha sabiex tkabbar il-port.

133   L-Irlanda, min-naħa tagħha, issostni li din iż-żona ma kellhiex tkun inkluża fiż-żona ta’ estenzjoni proposta fl-ewwel istanza u li din l-inklużjoni kienet nieqsa minn bażi xjentifika. L-aġġustament tal-proġett ta’ estenzjoni taż-ŻSP kien eżaminat mill-qrib u kien ġie ammess li l-inklużjoni taż-żona ma kinitx xjentifikament ġustifikata, għaliex biss parti żgħira kienet esposta għal żmien qasir meta l-marea tofrogħ.

134   Dan l-Istat Membru jinnota b’mod partikolari li l-ispeċi akwatiċi komuni adattabbli jistgħu jużaw iż-żona biss meta din hija esposta meta l-marea tofrogħ. Dawn l-ispeċi jsibu banda oħra l-essenzjali ta’ l-ikel tagħhom. Barra minn hekk, iż-żona ma setax ikollha rabta mal-habitats sinjifikattivi li jinstabu fl-inħawi, li jipprovdu kundizzjonijiet aħjar għall-ispeċi kkonċernati. Skond dan l-Istat, il-Kummissjoni ma ppruvatx realment tipprova tikkontesta l-bażi xjentifika ta’ din l-opinjoni.

135   Għal dak li jikkonċerna l-ewwel żona, għandu, qabel kollox, jiġi kkonstatat li l-ilmenti li l-Kummissjoni tagħmel fir-replika tagħha fir-rigward ta’ żoni oħra f’din iż-żona huma inammissibbli fl-istadju tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak illi dawn ma ffurmawx parti mis-suġġett tar-rikors.

136   Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE huwa limitat ukoll mill-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni, b’tali mod li r-rikors irid ikun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk ta’ l-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummisjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137   Wara, kif jirriżulta mill-fajl, il-Kummissjoni ressqet studju ornitoloġiku mwettaq f’Novembru 2002 minn Dublin Bay Watch li, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ evalwzzjoni ta’ l-implikazzjonijiet ornitoloġiċi fuq il-proġett ta’ mili, jirrakomanda l-inklużjoni ta’ dawn it-territorji fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary. Fil-fatt, dan l-istudju, li l-awtoritajiet Irlandiżi ma kkontestawx, jindika, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 72 tal-Konklużjonijiet tagħha, li diversi speċi jużaw, b’mod li jaqbeż il-medja, it-territorju li b’mod eċċezzjonali ma jkunx miksi bl-ilma. Barra minn hekk, f’ċerti partijiet minn dawn iż-żoni jkun hemm perijodi meta ma jkunux miksija bl-ilma f’każ ta’ fenomeni inqas estremi ta’ marea, tant li jistgħu jintużaw mill-għasafar. Fl-aħħarnett, iż-żoni in kwistjoni ma jintużawx biss mill-għasafar akwatiċi, imma anki, pereżempju, minn Ċirlewwi, li m’għandhomx bżonn ta’ żoni mhux miksija bl-ilma.

138   Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel żona in kwistjoni tifforma parti integrali ta’ l-ekosistema niedja kollha u li din kien imissha ġiet ikklassifiakta bħala ŻSP. Minn dan isegwi li r-rikors huwa fondat f’dak li jikkonċerna l-ewwel żona eskluża mill-proġett inizjali ta’ estensjoni taż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary.

139   F’dak li jikkonċerna t-tieni żona, din hija magħmula minn 2.2 ettari ta’ sikek ta’ ramel u ta’ żrar fid-dħul ta’ l-estwrju Tolka meqruda, skond il-Kummissjoni, mal-kostruzzjoni tal-Mina tal-Port ta’ Dublin li l-promotur tagħha hija Dublin Corporation (li maż-żmien saret Dublin City Council [Muniċipalità ta’ Dublin]). Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk żgħira, iż-żona eskluża kellha karatteristiċi simili għal dawk ta’ ekosistema kompluta, jiġifieri dawk ta’ mhedded ta’ art mimlija tajn li jibqgħu mikxufa meta l-marea tkun baxxa, u kienet użata regolarment minn għasafar li jiddependu fuq l-ekosistema globali, jiġifieri l-Gallina tal-Baħar (Haematopus ostralegus) u l-Pluverott. Dawn l-esklużjonijiet bil-biċċa l-biċċa ta’ ċerti elementi ta’ ekosistema niedja integrata jmorru konra l-għanijiet tad-Direttiva “Għasafar”.

140   L-Irlanda ssostni li biss numru żgħir ħafna ta’ Gallina tal-Baħar u ta’ Pluverott jinstab fiż-żona mtajjna miksija bl-ilma meta l-marea timla u mikxufa meta tofrogħ ta’ 2,2 ettari li hija esposta, bħala żona ta’ ikel biss u għal perijodi qosra ħafna, meta l-marea tofrogħ. B’hekk iż-żona mhijiex ikkunsidrata bħala li tista’ tiġi inkluża fiż-ŻSP korrispondenti. Il-kriterji applikabbli, meta ttieħdet din id-deċiżjoni, kienu kriterji ornitoloġiċi xjentifikament adattati. L-Irlanda tikkunsidra li l-fehma tal-Kummissjoni li l-għejbien taż-żona ta’ 2,2 ettari jikkostitwixxi deterjorament sinjifikattiv tal-habitats ta’ l-għasafar kif ukoll sors ta’ tfixkil mhuwiex aċċettabbli u li din ma setgħatx tistabbilixxi ebda element ta’ prova xjentifika jew oġġettivament verifjabbli sabiex issostni l-fehma tagħha.

141   Għal dak li jikkonċerna t-tieni żona, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza indikata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni ta’ territorji bħals ŻSP tissodisfa eżklużivament il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-Direttiva “Għasafar”.

142   Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ġustament issostni li, minn naħa, il-klassifikazzjoni bħala ŻSP ma tistax tirriżulta minn eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ kull waħda miż-żoni in kwistjoni, imma għandha ssir fuq il-bażi ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-limiti naturali ta’ l-ekosistema niedja u li, min-naħa l-oħra, il-kriterji ornitoloġiċi, li fuqhom għandha tkun ibbażata eżklużivament il-klassifikazzjoni, għandhom ikunu xjentifikament fondati. Fil-fatt, l-użu ta’ kriterji difettużi, allegatament ornitoloġiċi, jista’ jwassal għal definizzjoni żbaljata tal-limiti taż-ŻSP.

143   F’din il-kawża, huwa kostanti li ż-żona in kwistjoni hija separata mill-bqija ta’ l-estwarju kklassifikat minn triq li taqsam ix-xmara u li, bħala medda ta’ art mimlija tajn li tibqa’ mikxufa meta l-marea tkun baxxa, għandha l-istess karatteristiċi bħas-sit kollu tal-Bajja ta’ Dublin

144   Barra minnhekk, jirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent ppublikata f’Lulju ta’ l-1998, li fuqha bbażaw ruħhom iż-żewġ partijiet matul il-proċeduri, li din iż-żona hija użata bħala żona ta’ l-ikel minn parti mill-għasafar selvaġġi preżenti fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary.

145   Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni żona hija użata bħala żona ta’ l-ikel minn tlieta mid-disa’ speċi ta’ għasafar li huma determinanti għall-kwalifikazzjoni tal-Bajja ta’ Dublin bħala żona ornitoloġika importanti. Din iż-żona hija użata minn dawn l-ispeċi fil-limiti medji li jistgħu jiġi mistennija, jekk mhux iktar. Għaldaqstant, l-imsemmija żona tifforma parti integrali mill-ekosistema niedja kollha u, għalhekk, din kellha wkoll tiġi kklassifikata bħala ŻSP.

146   Minn dan isegwi li r-rikors huwa wkoll fondat f’dak li jikkonċerna t-tieni żona mhux inkluża fiż-ŻSP Sandymount Strand and Tolka Estuary.

147   Konsegwentement, hemm lok li t-tieni parti ta’ l-ewwel ilment tiġi kkunsidrata bħala fondata.

148   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat, bl-eċċezzjoni tal-punt dwar l-indikazjoni ta’ ŻSP sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-Wiżża tal-Maskra Bajda, speċi msemmija fl-Anness I, kif ukoll il-protezzjoni tal-Venewwa, tal-Pluverott, tal-Bekkaċċ, u tal-Gurlin, speċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari mhux imsemmija fl-Anness I.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ stabbiliment tas-sistema ġuridika ta’ protezzjoni neċessarja skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”

 L-argumenti tal-partijiet

149   Il-Kummissjoni tqis li, mill-1981, il-leġiżlazzjoni Irlandiża ma implementatx biżżejjed id-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” u li, fuq kollox, l-Irlanda ma applikatx dawn id-dispożizzjonijiet fil-prattika bl-istabbiliment ta’ sistema ġuridika ta’ protezzjoni speċifika għaż-ŻSP tali li tiżgura s-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati.

150   L-ewwel nett, skond hi, il-fatt li tiġi żgurata s-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar preżenti fiż-ŻSP tista’ teħtieġ mhux biss miżuri preventivi, iżda wkoll miżuri attivi jew pożittivi li, kważi b’eċċezzjoni waħda, ma ttiħdux mill-Irlanda, It-tieni nett, hemm dubju dwar il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Irlandiża rilevanti tikkostitwixxix verament bażi ġuridika li tippermetti li jiġu adottati tali miżuri.

151   L-Irlanda tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużat. Għal dak li jikkonċerna l-obbligu li tiġi stabbilita sistema ġuridika ta’ protezzjoni effettiva taż-ŻSP, filwaqt li jiġi ammess li l-approċċ preventiv mhuwiex biżżejjed biex jiġu protetti l-għasafar fil-każijiet kollha, hija ssostni li dan l-għan iġġustifika t-twaqqif ta’ l-iskema ta’ konċessjonijiet favur il-Gallozz Aħmar ta’ natura volontarja. Ma’ dan iżżid lista ta’ pjanijiet, taħt il-forma ta’ proġetti, ta’ tmexxija tal-konservazzjoni ta’ l-għasfar f’ċertu numru ta’ ŻSP.

152   Għal dak li jikkonċerna l-iskop tal-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”, dan l-Istat Membru jikkontesta l-fatt li l-uniku għan tar-Regolamenti “Habitats” huwa li tiġi applikata d-Direttiva “Habitat” u jsostni li l-imsemmija Regolamenti jipprovdu bażi ġuridika adatta fid-dritt nazzjoni għall-ħolqien u t-twettiq tal-pjanijiet ta’ tmexxija dwar iż-ŻSP. Skond l-Irlanda, ir-Reoglamenti “Habitats” japplikaw espressament għaż-ŻSP ċertu numru ta’ miżuri ewlenin ta’ protezzjoni u ta’ twettiq, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħhom li huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 34 ta’ l-istess Regolamenti bħala dispożizzjoni li tapplika għaż-żoni kklassifikati taħt id-Direttiva “Għasafar”

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

153   Għandu jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” jimponi fuq l-Istati Membri li jikkonferixxu liż-ŻSP status legali ta’ protezzjoni li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I, kif ukoll ir-riproduzzjoni, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa ta’ l-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I (sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/97, Ġabra p. I-1719, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154   Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, il-protezzjoni taż-ŻSP m’għandhiex tkun limitata għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati d-danni kkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, abbażi tas-sitwazzjoni ta’ fatt, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni jew għat-titjib ta’ l-istat tat-territorju.

155   Huwa kostanti li l-Artikolu 13 tar-Regolamenti “Habitats” ittrasponew biżżejjed l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” jekk din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għaż-ŻSP. Madankollu, kuntrarjament għall-pożizzjoni ta’ l-Irlanda li dan l-Artikolu 13 japplika wkoll għaż-ŻSP essenzjalment bis-saħħa ta’ l-Artikolu 34 ta’ l-istess Regolamenti, il-Kummissjoni ssosnti li l-imsemmija Regolament huma intiżi sabiex jimplementaw biss id-Direttiva “Habitat”.

156   L-Artikolu 34 ta’ l-imsemmija Regolament jipprovdi li “[s]kond il-każ, id-dispożozzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 7, 13, 14, 15 u 16 japplikaw mutatis mutandis għaż-żoni kklassifikati taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar”.

157   Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, id-Direttiva filwaqt li torbot lill-Istati Membri kollha destinatarji, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Minn dan jirriżulta li l-Irlanda bħal kull Stat Membru ieħor, tgawdi mill-għażla tal-forma u metodi ta’ implementazzjoni tad-Direttiva “Għasafar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-296/01, Ġabra p. I-13909, punt 55).

158   Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ Direttiva għandha effettivament tiżgura l-applikazzjoni kompluta tad-Direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-361/88, Ġabra p. I-2567, punt 15).

159   Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet, kif ġie mfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li l-eżattezza tat-traspożizzjoni hija ta’ importanza partikolari f’dak li jirrigwarda d-Direttiva “Għasafar”, safejn it-tmexxija tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorju tagħhom, f’idejn l-Istati Membri rispettivi.

160   Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 34 tar-Regolamenti “Habitats” ma jiggarantixxix, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ dawn ir-Regolamenti għaż-żoni kklassifikati bħala ŻSP taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”

161   Issa, il-qari litterali ta’ l-imsemmi Artikolu 34 jippermetti li jiġi konkluż li, fiha nnifisha, din id-dispożizzjoni ma teskludix mill-kamp ta’ applikazjoni tar-Regolamenti “Habitats” l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 ta’ dawn ir-Regolamenti għaż-żoni kklassifikati taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”.

162   Għaldaqstant, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tal-Kummissjoni li, peress illi r-Regolamenti “Habitats” ma jirreferux għal għan distint li jikkonsisti f’li jingħata wkoll effett lid-Direttiva “Għasafar” u b’kunsiderazzjoni għal-limitazzjonijiet imposti mill-European Communities Act, l-imsemmija Regolamenti ma jistgħux jikkostitwixxu bażi ġuridika li tippermetti l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ tmexxija tal-kosnervazzjoni ta’ l-għasafar fiż-ŻSP.

163   Għall-istess raġuni, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tal-Kummissjoni li r-Regolamenti “Habitats” ma jippermettux l-applikazzjoni għaż-ŻSP ta’ miżuri ta’ tmexxija previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “Habitat”, għaliex dawn ir-Regolamenti huma intiżi biss sabiex jimplementaw l-imsemmija Direttiva. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 82 tal-Konklużjonijiet tagħha, jekk miżuri korrispondenti, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandhom jiġu applikati anki għaż-ŻSP, huwa evidenti li xejn ma jwaqqaf lil-leġiżlatur nazzjonali milli jadotta dispożizzjoni waħda ta’ traspożizzjoni tar-regoli taż-żewġ Direttivi.

164   Ma jistax jiġi milqugħ lanqas l-argument tal-Kummissjoni dwar il-limiti imposti mill-European Communities Act. Fil-fatt, l-Irlanda ssostni, fir-risposta tad-difiża tagħha u mingħajr mhija kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li r-Regolamenti “Habitats” mhumiex liġi, iżda li huma, fl-integralità tagħhom u b’mod inkontestabbli, kompletament fis-seħħ u jipproduċu l-effetti ġuridiċi kollha tagħhom sakemm ma jkunux ikkontestati b’suċċess quddiem qorti kompententi.

165   Fl-aħħar nett, għall-istess motiv bħal dak ritenut fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni għaż-ŻSP ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolamenti “Habitats”, li jikkonċerna l-miżuri ta’ konservazzjoni li l-Ministru għandu jieħu f’dak li jikkonċerna ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, mhijiex awtomatika, għaliex, skond il-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 34 ta’ dawn ir-Regolamenti, ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Regolamenti japplikaw “skond il-każ” u “mutatis mutandis” għaż-żoni kklassifikati taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”.

166   Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi regolamentarji jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni ta’ l-interprezzjoni li jagħtu l-qrati nazzjonali fir-rigward tagħha (sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-300/95, Ġabra p. I-2649, punt 37). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, in sostenn tar-rikors tagħha, ma invokat ebda deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li interpretat id-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata b’mod mhux konformi mad-Direttiva

167   F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jidhirx li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fid-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata supplementari nnotifikata fil-11 ta’ Lulju 2003, ir-Regolamenti “Habitats” kellhom il-portata li l-Kummissjoni tisħaq li kellhom.

168   Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għaż-żoni li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP

 L-argumenti tal-partijiet

169   Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda naqset, mill-1981, milli tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” fir-rigward tas-siti li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻSP bis-saħħa ta’ l-imsemmija Direttiva, iżda li ma ġewx hekk ikklassifikati. Hija tqis li, b’kunsiderazzjoni għall-estent ta’ l-insuffiċjenza ta’ indikazzjoni ta’ ŻSP mill-awtoritajiet Irlandiżi, dan in-nuqqas jista’ jkollu riperkussjonijet sinjifikattivi fuq il-konservazjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar kkonċernati.

170   Skond hi, għalkemm l-Irlanda għandha leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-habitats barra miż-żoni kklassifikati bħala ŻSP, din il-leġiżlazzjoni m’għandhiex l-ispeċifiċità ornitoloġika meħtieġa mid-dispożizzjoni Komunitarja msemmija fil-punt preċedenti. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix, b’mod partikolari, obbligi partikolari fir-rigward tal-habitats ta’ l-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi li għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni li tirriżulta miż-ŻSP, fiż-żoni li ma jifformawx parti minn netwerk ta’ ŻSP eżistenti fl-Irlanda. Il-Kummissjoni, tiċċita l-eżempju speċifiku tad-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-Bugħadam Abjad Prim u żżid li, barra minn hekk, iż-żoni mhux ikklassifikati bħala ŻSP iżda li jeħtieġu tali klassifikazzjoni ma jibbenefikawx fl-Irlanda mill-protezzjoni meħtieġa mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, anki fir-rigward ta’ l-azzjonijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

171   L-Irlanda tirrispondi, essenzjalment, li sondaġġ importanti fuq il-Bugħadam Abjad Prim kważi tlesta u li abbozz ta’ linji gwida dwar l-iżvilupp ta’ l-enerġija mir-riħ għandu jiġi ffinalizzat dalwaqt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

172   Għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie mfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, l-għanijiet ta’ protezzjoni fformulati mid-Direttiva “Għasafar”, kif spjegati fid-disa’ premessa tagħha, ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri jkollhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmija direttiva fil-każijiet biss li ŻSP tkun ġiet indikata minn qabel.

173   Kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja , it-test ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitat” jippreċiża li l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxi l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” mid-data ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva “Habitat” jew mid-data tal-klassifikazzjoni minn Stat Membru skond id-Direttiva “Għasafar” meta d-data ta’ l-aħħar tiġi iktar tard. Huwa ċar għalhekk li ż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻSP meta kien imisshom ġew hekk ikklassifikati jkomplu jaqgħu taħt is-sistema rregolata mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/08, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

174   Issa, f’din il-kawża, l-Irlanda lanqas ma sostniet li żgurat l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” għaż-żoni li għandhom jiġi kklassifikati bħala ŻSP taħt l-imsemmija Direttiva.

175   Għaldaqstant u mingħajr hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eżempji konkreti mressqa mill-Kummissjoni, hemm lok li t-tielet ilment jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni u ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”

 L-argumenti tal-partijiet

176   Il-Kummissjoni takkuża lill-Irlanda li ma trasponietx u lanqas applikat b’mod sħiħ u korrett it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” dwar il-miżuri adatti li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jevitaw it-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats barra miż-ŻSP.

177   In sostenn ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li diversi miżuri ġuridiċi nazzjonali, b’mod partikolari liċenzji dwar il-kontroll integrat tat-tniġġis, l-iskema ta’ Kontroll ta’ Demel tar-Raba’, il-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju u d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, li huma intiżi sabiex jittrasponu t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, m’għandhom ebda kontenut speċifikament ornitoloġiku li jissemma f’dan l-Artikolu. Issa, fin-nuqqas ta’ referenza għal kull kunsiderazzjoni ornitoloġika speċifika, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-entitajiet li għandhom rwol fil-kuntest ta’ miżuri ambjentali jqisu l-interessi ornitoloġiċi. Skond il-Kummissjoni, diversi regoli interni li jittrasponu l-imsemmija t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) huma parzjali u hemm diversi lacunae. In-natura inkompleta tagħhom hija murija mid-deterjorament tal-habitats u, minkejja ċ-ċaħdiet mill-Irlanda, ma jistax jiġi validament ikkontestat, f’din il-kawża, li l-intervent mill-bniedem wassal għal deterjorament tal-habitats.

178   L-Irlanda tirrispondi billi tindika li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” huwa, fil-pratika, traspost minn ċertu numru ta’ skemi u miżuri regolamentari. Hija ssostni wkoll li r-rekwiżiti tat-tieni sentenza ta’ l-imsemmi Artikolu 4(4) huma implementati fil-Wildlife Act li tipprovdi bażi ġuridika solida għall-protezzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar fil-kampanja profonda

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

179   Għalkemm huwa veru li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” ma timponix obbligatorjament il-ksib ta’ ċerti riżultati, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom ikollhom serjament bħala għan li jipproteġu l-habitats barra miż-ŻSP. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-Irlanda għandha tipprova tieħu l-miżuri adatti sabiex tevita t-tniġġis jew it-tfixkil tal-habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

180   Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Irlanda ttrasponietx b’mod kompet u korrett l-imsemmija dispożizzjoni billi ħadet il-miżuri adatti sabiex tevita t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats barra miż-ŻSP.

181   Fid-dawl tad-differenti elementi ta’ prova, evalwati flimkien, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, dan mhuwiex il-każ.

182   Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-liċenzji maħruġa fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ kontroll integrat tat-tniġġis mill-Environmental Protection Agency (Aġenzija għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent), mhuwiex ikkonstestat, hekk kif tindika l-Kummissjoni, li din l-iskema tirrigwarda biss gamma limitata ta’ attivitajiet li jniġġsu u ma tinkludi ebda referenza speċifika għall-kunsiderazzjonijiet ornitoloġiċi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar”. Barra minn hekk, jidher li l-Irlanda tirreferi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, ta’ l-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26), li għandha għanijiet oħra. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-imsemmija liċenzji ma tistax tiġi kkunsidrata bħala traspożizzjoni suffiċjenti tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

183   F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonalità tal-pagament wieħed fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, l-Irlana ssostni li l-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji, l-ewwel element ewlieni ta’ din il-kundizzjonalità, imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1), u li l-lista tagħhom tinstab fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, ser ikunu introdotti progressivament fuq tliet snin, mill-1 ta’ Jannar 2005. Dan l-Istat Membru jippreċiża li l-lista ta’ dawn il-kundizzjonijiet statutorji tinkludi referenza għad-Direttiva “Għasafar”. Issa, għall-istess motivi bħal dawk meqjusa fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, l-introduzzjoni progressiva fid-dritt nazzjonali ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet ma tistax tiġi kkunsidrata.

184   L-istess japplika għal dak li jikkonċerna t-tieni element ewlieni ta’ din il- kundizzjonalità tal-pagament wieħed marbut mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament 1782/2003 u li l-kundizzjonijiet minimi tagħhom għandhom jiġu definiti abbażi tal-kuntest stabbilit fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament, fejn id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ biss mill-1 ta’ Jannar 2005.

185   F’dak li jikkonċerna miżuri meħuda fil-kuntest ta’ l-Iskema ta’ Protezzjoni Ambjentali tal-Kampanja, intiżi sabiex jirrikompensaw lill-bdiewa li jeżerċitaw b’mod ekoloġiku l-attivitatijiet agrikoli tagħhom sabiex jissuxitaw titjib fil-qasam ta’ l-ambjent fil-farms eżistenti, il-Kummissjoni tammetti li dawn jippreżentaw vantaġġi għall-għasafar selvaġġi safejn dawn jippermettu li jiġi evitat it-tniġġis u d-deterjorament tal-habitats. Madankollu, huwa kostanti li din is-sistema mhijiex applikabbli b’mod globali għall-artijiet agrikoli kollha jew għat-territorji mhux ikklassifikati bħala ŻSP. Għaldaqstant, l-imsemmija miżuri ma jistgħux lanqas jiġu kkunsidrati bħala li jittrasponu t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

186   L-argumenti dwar il-Programm ta’ Mmaniġġjar ta’ l-Iskart Agrikolu (Farm Waste Management Scheme)_kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, l-Irlanda ma introduċiet fl-imsemmija testi, ebda kunsiderazzjoni ornitoloġika taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

187   Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-Wildlife Act, għandu jiġi kkonstatat li l-unika dispożizzjoni ta’ din il-liġi, rilevanti f’dan il-kuntest u ċċitat mill-Irlanda matul il-proċdimenti, hija l-Artikolu 11(1). Madankollu, din id-dispożizzjoni mhijex preċiża biżżejjed sabiex tiġi kkunsidrata bħala li tiggarantixxi t-traspożizzjoni tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”.

188   It-tieni nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni urietx li l-Irlanda ma ppruvatx biżżejjed, fil-prattika, tevita t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats barra miż-ŻSP.

189   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju, il-habitats tad-Daqquqa Kaħla (Cuculus canorus), ta’ l-Alwetta (Alauda arvensis), tal-Ħuttafa (Hirundo rustica) u tal-Ħawwiefa tax-Xtut (Riparia riparia), speċi ta’ għasafar mxerrda li jinstabu fuq il-“lista oranġjo” ta’ l-inventarju Birds of Conservation Concern in Ireland ippubblikat fl-1999 mill-BirdWatch Ireland u r-Royal Society for the Protection of Birds. Dan l-inventarju jindika li l-imsemmija speċi jsofru ħafna mill-iżviluppi tal-prattiċi agrikoli. Fuq kollox, il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport Ireland’s Environment 2004 imħejji mill-Environmental Protection Agency li jispjega d-deterjorament ġenerali tal-habitats fl-Irlanda minn numru ta’ żviluppi.

190   Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku fatt li ċertu numru ta’ programmi u ta’ miżuri regolatorji ttieħdu, kif issostni l-Irlanda, ma jisstabbilixxix li dan l-Istat Membru pprova biżżejjed jevita t-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats. Fil-fatt, hekk l-Avukat Ġenerali tirrileva fil-punt 111 tal-Konklużjonijiet tagħha, l-adozzjoni tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq teħtieġ azzjoni orjentata lejn l-għanijiet.

191   F’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-miżuri adottati mill-Irlanda huma miżuri parzjali u mxerda li xi wħud minnhom biss iffavorixxu l-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet ta’ għasafar ikkonċernati, iżda ma jikkostitwixxux totalità koerenti.

192   Din il-konklużjoni hija korraborata mill-fatt li l-Irlanda ma kkontradixxitx il-kontenut ta’ l-inventarju Birds of Conservation Concern in Ireland ippubblikat fl- 1999 u lanqas dak tar-rapport Ireland’s Environment 2004, żewġ studji ornitoloġiċi msemmija iktar ’il fuq, ippreżentati mill-Kummissjoni.

193   Għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ prova mressqa mil-Kummissjoni, hemm li jiġi konkluż li l-Irlanda ma ttrasponietx u lanqas applikat b’mod sħiħ u korrett id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa fondat fir-rigward ta’ dan l-ilment.

 Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2 sa (4) tad-Direttiva “Habitat”

194   F’dak li jirrigwarda ż-ŻSP indikati taħt id-Direttiva “Għasafar”, il-ħames ilment jikkonċerna l-fatt li l-Irlanda ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitat”. Dan l-ilment jikkonċerna wkoll it-traspożizzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva f’dak li jikkonċerna l-użu għal finijiet rikreattivi tas-siti kollha koperti minn din id-dispożizzjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari

195   Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitat”, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ l-istess Direttiva jissostitwixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, f’dak li jikkonċerna ż-żoni kklassifikati taħt l-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, jew rikonoxxuti b’mod simili taħt l-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmija Direttiva b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva “Habitat” jew mid-data tal-klassifikazzjoni tat-territorju in kwistjoni bħala ŻSP jew ta’ rikonoxximent min-naħa ta’ Stat Membru skond id-Direttiva “Għasafar”, meta din tkun aktar tard.

196   Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitat” tapplika għaż-ŻSP fl-Irlanda mill-10 ta’ Ġunju 1994, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva f’dan l-Istat Membru, jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew tar-rikonoxximent tagħhom skond id-Direttiva “Għasafar” meta din tkun aktar tard.

 Fir-rigward tat-traspożizzjoni u ta’ l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”

–       L-argumenti tal-partijiet

197   Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma ttrasponietx u lanqas applikat korrettament, sa’ l-10 ta’ Ġunju 1994 jew wara din id-data, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” għaż-żoni kollha kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Direttiva.

198   Hija ssostni li, skond ir-Regolamenti”Habitat”, li, skond l-affermazzjoni ta’ l-Irlanda, jimplementaw l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, il-kapaċità li jiġu miġġielda l-attivatijiet potenzjalment ta’ ħsara tal-proprjetarji ta’ l-artijiet tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq l-avviżi li huma nnotifikati lilhom fil-mument li fih jiġi propost li żona tiġi kklassifikata bħala sit li jaqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”. L-Artikolu 14 ta’ l-imsemmija Regolamenti jagħti lill-Ministru kompetenti s-setgħa li joħroġ avviżi u li jimponi kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ l-artijiet. Din is-setgħa madankollu għandha żewġ limitazzjonijet

199   L-ewwel waħda minn dawn il-limitazzjonijiet hija limitazzjoni de jure f’dak illi l-Artikolu 14 tar-Regolamenti “Habitat” huwa miktub b’mod li japplika biss għaż-ŻSP indikati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti, b’tali mod li ma japplikax għaż-ŻSP indikati qabel din id-data. Fil-każ taż-ŻSP eżistenti, mhuwiex previst li l-proprjetarji ta’ l-artijiet jiġu nnotifikati b’avviżi li jindikawlhom espressament l-attivitajiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni skond il-leġiżlazzjoni ta traspożizzjoni b’mod li dawn iż-żoni ma jibbenefikawx mis-sistema ta’ kontrolli fuq attivitajiet li jagħmlu l-ħsara.

200   It-tieni hija limitazzjoni de facto f’dak illi l-imsemmija Regolamenti ma kinux applikati għaż-ŻSP kollha.

201   Skond il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ kull użu ta’ avviżi restrittivi fil-leġiżlazzjoni Irlandiża, ma jeżistix dispożittiv li jippermetti li jingħata effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” għall-artijiet ta’ dominju pubbliku li jinstabu ġewwa ŻSP. Hija tqis ukoll li, safejn dawn l-attivitajiet iseħħu fuq artijiet li huma tad-dominju pubbliku jew li fir-rigward tagħhom l-Isat jeżerċita kontroll, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix għal obbligu legali espress li jimponi fuq l-awtoritajiet responsabbli milli jirregolaw dawn l-attivitajiet li jieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija Direttiva.

202   Il-Kummissjoni tiċċita bħala eżempju ta’ attività li tikser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” il-ħsad mekkaniku ta’ molluski mhux awtorizzat fiż-ŻSP Bannow Bay u tinvoka wkoll l-iżvilupp dannuż taż-ŻSP Glen Lough.

203   L-Irlanda tiċħad l-allegazzjonijet kollha tal-Kummissjoni. Hija tirrimarka li, barra d-dispożizzjoni li tinstab fl-Artikolu 14 tar-Regolamenti “Habitat”, l-Artikolu 13(3) ta’ dawn ir-Regolamenti, li japplika kemm għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kif ukoll għaż-ŻSP, jittrasponi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”. L-Irlanda tirreferi wkoll, għall-istess għanijiet, għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolamenti “Habitat” u żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-liġijiet fuq l-Art ta’ mal-Plajja (Foreshore Acts) jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni taż-ŻSP.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

204   Hemm lok li jiġi mfakkar qabel kollox li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, bħall-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4(2), id-deterjorament tal-habitats kif ukoll t-tfixkil li jaffettwa b’mod sinjifikattiv lill-ispeċi li għalihom ġew nominati jew rikonoxxuti ż-ŻSP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑117/00, Ġabra p. I‑5335, punt 26).

205   F’dak li jikkonċerna l-argument ta’ l-Irlanda li l-Aritkolu 13(3) tar-Regolamenti “Habitat” jittrasponi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 13(3) għandu bħala għan biss li jimponi fuq il-Ministru kompetenti l-obbligu li jieħu d-dispożizzjonijiet xierqa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa lill-ispeċi li għalihom dawn iż-żoni ġew indikati, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha effett biss meta dan il-Ministru jeżerċita responsabbiltà diretta fuq iż-ŻSP ikkonċernati. Issa, fl-iskema tar-Regolamenti “Habitat”, l-Artikolu 13(3) ta’ dawn ir-Regolamenti jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4 u 14 ta’ l-imsemmija Regolamenti li jipprevedu skema ta’ responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ l-art ibbażata fuq avviżi. F’din il-kawża, peress illi dawn l-avviżi ma ġewx maħruġa għaż-ŻSP kollha, l-Artikolu 13(3) tar-Regolaementi “Habitat” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiżgura traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”.

206   F’dak li jikkonċerna l-argument li l-Artikolu 14 tar-Regolamenti “Habitat” jipprevedi l-kontroll ta’ l-operazzjonijiet kif ukoll ta’ l-attivitajiet li l-lista tagħhom tidher f’avviż innotifikat mill-Ministru kompetenti skond l-Artikolu 4 ta’ dawn ir-Regolamenti u skond liema l-attivitajiet imniżżla jistgħu jitwettqu biss bl-awtorizzazzjoni tal-Ministru jew bis-saħħa ta’ ftehim ta’ tmexxija pevist fl-Artikolu 12 ta’ l-istess Regolamenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 14 jistrieħ ukoll fuq l-eżistenza ta’ avviż. Għaldaqstant, għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tiżgura t-traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”.

207   Fir-rigward ta’ l-argument li l-Artikolu 17 tar-Regolamenti “Habitat” jawtorizza lill-Ministru kompetenti jitlob lill-qorti timpedixxi l-operazzjonijiet jew l-attivitajiet li jidhru, fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni mwettqa, li jagħmlu ħsara lil sit Ewropew, inkluż ŻSP, u li l-Artikolu 18 ta’ l-imsemmija Regolamenti jagħti setgħa simili lill-Minsitru kompetenti fil-każ fejn operazzjoni jew attività li tagħmel ħsara lil ŻSP titwettaq f’żona li tinstab barra minn din iż-ŻSP, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-Konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil sinjifikattiv li jaffettwa lill-ispeċi li għalihom iż-żoni kkonċernati ġew indikati.

208   Fil-fatt, anki jekk l-Irlanda tindika, fil-kontro replika tagħha, li s-setgħat tal-Minsitru kompetenti, hekk kif huma ppreċiżati fil-punt preċedenti, jistgħu jintużaw fil-kunstest ta’ talba immedjata għal miżuri korrettivi permezz ta’ inġunzjoni, provviżorja, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu neċessarjament japplikaw biss wara li l-attivitajiet in kwistjoni jkunu diġà nbdew u għalhekk wara li d-deterjoramenti eventwali jkunu diġà pproduċew ruħhom. Barra minn hekk, il-Minsitru kompetenti m’għandux id-dritt jipprojbixxi uniteralment attività li tagħmel ħsara u s-setgħat imsemmija iktar ’il fuq jippresupponu li evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent ta’ din l-attività twettqet qabel mhuwa mitlub rimedju ġudizzjarju. Il-protezzjoni reattiva taż-ŻSP tista’ tkun ittardjata kunsiderevolment minn dawn l-istadji ta’ proċedura. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiżgurawx il-protezzjoni taż-ŻSP kontra l-attivitajiet ta’ individwi, għaliex tali protezzjoni teħtieġ li dawn ikunu impediti minn qabel milli jwettqu attivitajiet potenzjalment dannużi.

209   Għadlaqstant, l-Artikoli 17 u 18 ta’ l-imsemmija Regolamenti ma jistgħux lanqas jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”.

210   L-argument ta’ l-Irlanda li l-Liġijiet fuq l-Art ta’ mal-Plajja jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni taż-ŻSP lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija liġijiet jippermettu biss li tiġi żgurata l-protezzjoni taż-żoni kostali u li għaldaqstant ma japplikawx għaż-ŻSP li jinstabu barra minn dawn iż-żoni.

211   Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-ħsad mekkaniku tal-molluski mhux awtorizzat fiż-ŻSP Bannow Bay, iċċitat mill-Kummissjoni bħala attività li tikser l-artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat“, hemm lok li jiġi kkunsidrat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 40 tal-Konklużjonijiet tagħha, li din hija sempliċi spjegazzjoni li mhijiex is-suġġett tar-rikors. F’kull każ, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element ta’ prova tali li jistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq dan il-punt.

212   Minn dan jirriżulta li l-Irlanda ma ttrasponietx korrettament, sa l-10 ta’ Ġunju 1994 jew wara din id-data, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” għaż-żoni kollha kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Direttiva.

213   Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment fuq dan il-punt jiġi kkunsidrat bħala fondat

 Fir-rigward tat-traspożizzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” fil-qasam ta’ l-attivitajiet rikreattivi.

–       L-argumenti tal-partijiet

214   Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma ttrasponietx suffiċjentement l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” f’dak li jikkonċerna l-użu għal finijiet rikreattivi tas-siti kollha koperti minn din id-dispożizzjoni. Hija tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tkopri biss l-attivitajiet tal-proprjetarji ta’ l-artjiet u li din il-leġiżlazzjoni hija nieqsa f’diversi aspetti f’dak li jikkonċerna l-prevenzjoni tad-danni kkawżati lill-habitats mill-utilizzaturi ta’ l-artijiet għal finijiet rikreattivi. L-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 14 u 17 tar-Regolamenti “Habitat” ma tatx lok għall-istabbiliment ta’ listi eżawrjenti ta’ attivitajiet ipprojbiti. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Regolamenti huma ta’ natura reattiva u ebda dispożizzjoni leġiżlattiva oħra ċċitata mill-Irlanda ma tidher li tipproteġi liż-ŻSP kontra l-attivitajiet rikreattivi mwettqa minn utilizzaturi.

215   Minkejja l-indikazzjonijiet dwar il-proposti ta’ emendi leġiżlattivi xierqa, inkluż l-abbozz ta’ liġi ta’ l-2004 dwar is-sigurtà marittima (Maritime Safety Bill), l-Irlanda tikkontesta l-argument li l-leġiżlazzjoni attwali hija insuffiċjenti f’termini ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” fil-kuntest ta’ l-użu għal finijiet rikreattivi ta’ artijiet li jinstabu fiż-ŻSP. Dan l-Istat Membru jispjega li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jikkontrollaw l-attivitajiet rikreattivi kif ukoll l-attivitajiet l-oħra mwettqa f’siti Ewropej minn persuni għajr il-proprjetarju ta’ l-art u li jimponu pieni. F’dan il-kuntest, dan l-Istat jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolamenti “Habitat” kif ukoll għal dawk ta’ l-Artikoli 14, 17 u 18 ta’ dawn ir-Regolamenti, għall-Wildlife Act u għal-liġi ta’ l-1994 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Ordni Pubbliku) [Criminal Justice (Public Order) Act 1994].

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

216   Fir-rigward ta’ l-argument ta’ l-Irlanda li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolamenti “Habitat”, li jillimita t-twettiq ta’ operazzjonijiet jew ta’ attivitajiet, mhumiex riżervati għall-proprjetarji, għall-okkupanti jew għat-titulari ta’ liċenzja imma japplikaw għall-persuni kollha sakemm l-operazzjoni jew l-attività issemmiet f’avviż maħruġ skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmija Regolamenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14(3) ta’ l-istess Regolamenti ma jippermettix li jitressqu proċeduri kontra terza persuni li ma kellhomx konoxxenza ta’ l-imsemmi avviż. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar jistgħu jinvokaw id-difiża ta’ “skuża raġonevoli” li tinstab f’din l-aħħar dispożizzjoni. Għaldaqstant, it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” mhijiex, għall-inqas, preċiża biżżejjed.

217   Fir-rirgward ta’ l-argument ta’ l-Irlanda li l-proċedura prevista fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolamenti “Habitat” hija proċedura separata u distinta li tista’ tinbeda kontra kull persuna u ma tiddipendix mill-kontenut ta’ xi “avviż” partikolari, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex garantit li din tista’ tiġi applikata għall-persuni li ma rċevewx l-avviż previst fl-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija Regolamenti. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 208 u 209 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija proċedura ma tikkostitwixxix miżura reattiva u, għaldaqstant, l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolamenti “Habitat” ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jiżguraw it-traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”.

218   Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-Wildlife Act tipprevedi, fl-Artikoli 22, 23 u 76 tagħha, il-possibbiltà li wieħed jaġixxi meta jkun hemm tfixkil manifest u evidenti tal-postijiet ta’ riproduzzjoni jew ta’ mistrieħ ta’ annimal selvaġġ protett jew fil-każ ta’ tfixkil ta’ l-għasafar protetti fil-perijodu li fih ibejtu u li s-setgħat mogħtija minn din il-liġi jinkludu l-possibbiltà li jiġu maqbuda l-materjal u l-vetturi użati minn dawk li jiksru l-liġi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa kostanti li l-imsemmija liġi ma tkoprix id-danni kollha li jistgħu jiġu kkawżati minn utilizzaturi għal finijiet rikreattivi.

219   Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li d-dħul bla jedd fil-proprjetà privata kien rikklassifikat bħala ksur penali fid-dritt nazzjonali mill-Artikolu 19 A tal-liġi ta’ l-1994 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Ordni Pubbliku) u li l-pieni mogħtija f’każ ta’ kundanna jistgħu jieħdu l-forma ta’ ammendi u ta’ qbil tal-vetturi u tal-materjal. għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-Diretiva “Habitat”, li timponi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tal-liġi dwar l-ambjent, l-Istati Membri huma obbligati b’mod partikolari jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, tkun ċara u preċiża (ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 26).

220   Issa, mill-eżami tad-dispożizzjonijiet penali dwar id-dħul bla jedd fil-proprjetà privata invokati mill-Irlanda jirriżulta li dawn mhumiex espressament marbuta mal-protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ l-ispeċi kontra d-deterjormanet kif ukoll kontra t-tfixkil li jaffettwa lill-ispeċi u li dawn għalhekk mhumiex intiżi sabiex jiġi evitat id-dannu kkawżat lill-habitats minn użu ta’ ŻSP għal finijiet rikreattivi. Għaldaqstant, dawn ma jikkostitwixxux implementazzjoni ċara u preċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Habitat” tali sabiex jiġi sodisfatt kompletament ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

221   Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment fuq dan il-punt jiġi wkoll ikkunsidrat bħala fondat.

 Fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-appikazzjoni insuffiċjenti ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva”Habitat”

–       L-argumenti tal-partijiet

222   Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda ma ttrasponietx u lanqas applikat korrettament l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habtitat”.

223   Fir-rigward tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix dispożizzjonijiet intiżi sabiex jigarantixxu li l-pjanijiet, hekk distinti minn proġetti, huma evalwati skond l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix għall-applikazzjoni adatta ta’ dawn id-dispożizzjonjiet Komunitarji għal proġetti li jinstabu barra minn ŻSP iżda li għandhom effetti sinjifikattivi ġewwa dawn iż-ŻSP.

224   F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Irlanda ma tiżgurax b’mod sistematiku li l-pjanijiet u l-proġetti li jistgħu jaffettwaw ŻSP b’mod sinjifikattiv, b’mod individwali jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni preliminari adatta.

225   L-Irlanda ssosnti li ebda miżura u lanqas ebda proġett taħt ebda pjan ma jista’ jkollu effett la fid-dritt u lanqas fil-fatt mingħajr ma jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni. Għalkemm il-pjanijiet jistgħu jinkoraġixxu ċertu attivitajiet, dawn ma jegħlbux jew jostakolaw il-kontrolli applikabbli għal siti suġġetti għall-iskemi regolamentari korrispondenti. Dawn m’għandhom ebda effett fuq l-aċċettazzjoni jew le ta’ proġett li jista’ jkollu effett fuq sit. Qabel ma pjan jew proġett ikun jista’ jaffettwa sit, huwa jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni kompluta fil-kuntest ta’ l-iskema regolamentari prevista mir-Regolamenti “Habitat”, tas-sistema ta’ ppjanar jew ta’ sistema oħra regolamentari, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Habitat”. Għaldaqstant, ebda pjan jew proġett ma jista’ jaffettwa sit mingħajr ma jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

226   Fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat” għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) ta’ l-imsemmija direttiva jissuġġetta l-kundizzjoni ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan il-pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Meta jiġi kkunsidrat b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Rejnu Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227   Minn dan isegwi li d-Direttiva “Habitat” teħtieġ li kull pjan jew proġett ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-ambjent meta ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv.

228   F’dan ir-rigward, l-Irlanda ssostni li l-pjanijiet huma suġġetti għal evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom fuq sit taħt l-Artikoli 27 sa 33 tar-Regolamenti “Habitat” li jipprevedu evalwazzjoni tad-diversi proġetti ta’ żvilupp (“various development proposals”). Madankollu, l-Irlanda ma wrietx li tali proġetti jikkostitwixxu pjanijiet skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”.

229   Wara, l-Irlanda ssostni li l-Liġi ta’ l-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (Planning and Development Act 2000), introduċiet rekwiżiti dwar it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċerti pjanijiet, b’mod partikolari l-linji gwida dwar l-ippjanar reġjonali, il-pjanijiet ta’ żvilupp u l-pjanijiet lokali li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet sinjifikattivi fuq l-ambjent. Mill-1 ta’ Jannar 2001, kull wieħed mill-imsemmija pjanijiet għandu jinkludi informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet li jistgħu jkunu sinjifikattivi fuq l-ambjent, minħabba l-implimentazzjoni tagħhom. Dan ir-rekwiżit kien inkluż b’antiċipazzjoni tal-kliem tad-Direttva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, p. 30). Issa, minkejja l-eżistenza ta’ tali leġiżlazzjoni ma jistax jiġi aċċettat li l-Irlanda ssodisfat l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”. Fil-fatt l-obbligu li jinstab fl-imsemmija liġi dwar l-ippjanar u l-iżvilupp jirrigwarda biss informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet li jistgħu jkunu sinjifikattivi fuq l-ambjent filwaqt li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat” jeħtieġ evalwazzjoni minn qabel ta’ l-implikazzjonijiet tal-pjanijiet ta’ żvilupp.

230   Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni wkoll li hija tapplika l-evalwazzjonijiet skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif ukoll skond id-Direttiva 2001/42, trasposta wkoll permezz tar-Regolamenti ta’ l-2004 dwar l-Evalwazzjoni Ambjentali ta’ ċerti Pjanijiet u Proġetti tal-Komunitajiet Ewropej [European Communities (Environmental Assessment of certain Plans and Programmes) Regulations 2004], u permezz tar-Regolamenti ta’ l-2004 dwar l-Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika ta’ l-Ippjanar u ta’ l-Iżvilupp (Planning and Development Strategic Environmental Assessment Regulations 2004).

231   Issa, dawn iż-żewġ direttivi jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ deliberazzjoni mingħajr ma jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tad-deċiżjoni u jikkonċernaw biss ċerti proġetti u pjanijiet. Għall-kuntrarju, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”, pjan jew proġett jista’ jkun awtorizzat biss meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti żguraw ruħhom li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit. L-evalwazzjonijiet taħt id-Direttiva 85/337 jew taħt id-Direttiva 2001/42 ma jistgħux għaldaqstant jissostitwixxu l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”.

232   Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tipprevedix l-applikazzjoni adatta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat” għal proġetti li jinstabu barra miż-ŻSP iżda li għandhom effetti sinjifikattivi ġewwa dawn iż-ŻSP, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa kostanti li r-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent, li għandu jkun ikkummissjonat mill-persuni privati kkonċernati li għandhom ibatu l-ispejjeż tiegħu ta’ ammont minimu ta’ EUR 15 000, huwa meħtieġ biss għall-pjantaġġuni ta’ ikbar minn 50 ettaru, filwaqt illi ż-żona medja tal-pjantaġġuni fl-Irlanda hija ta’ madwar 8 ettari

233   Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, għaldaqstant, li peress illi l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tissuġġettax il-pjanijiet għal evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom fuq iż-ŻSP, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat” ma kienx is-suġġett ta’ traspożizzjoni suffiċjenti fis-sistema ġuridika nazzjonali ta’ l-Irlanda

234   Għaldaqstant, ir-rikors fuq dan il-punt għandu jiġi meqjus bħala fondat.

235   Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eżempji tal-proġetti ta’ akwakultura u tax-xogħlijiet ta’ ilqugħ ta’ l-ilma ġewwa ż-ŻSP Glen Lough. Għaldaqstant, hemm lok li dawn jiġu eżaminati suċċessivament.

236   L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-proġetti ta’ akwakultura, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq l-istudju Review of the Aquaculture Licensing System in Ireland li sar fl-2000 minn BirdWatch Ireland sabiex tikkunsidra li l-Irlanda sistematikament naqset milli tevalwa korrettament dawn il-proġetti li jinstabu fiż-ŻSP jew li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet fuq ŻSP, bi ksur ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza l-importanza ta’ evalwazzjoni minn qabel għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoi ta’ l-implikazzjonijiet ta’ proġett fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għaż-ŻSP kkonċernata.

237   Għandu jiġi ppreċiżat li dan l-istudju jeżamina 271 awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ akwakultura maħruġa mill-Ministru tal-Komunikazzjonijiet, ta’ l-Affarijiet Marittimi, u tar-Riżorsi Naturali matul il-perijodu ta’ bejn Ġunju 1998 sa’ Diċembru 1999 u 46 talba li fir-rigward tagħhom ma kinitx għada ttieħdet deċiżjoni. Barra minn hekk, 72 awtorizzazzjoni u 9 talbiet li kienu għadhom qed jistennew deċiżjoni jikkonċernaw proġetti ta’ akwakultura li jinstabu f’ŻSP jew fil-viċinanzi ta’ ŻSP. L-awtorizzazzjonijiet maħruġa jikkonċernaw, f’84 % ta’ l-attivitajiet awtorizzati fiż-ŻSP, farms li jkabbru gajdri u gandoffli

238   Hemm li jiġi mfakkar ukoll li, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”, kull pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-effetti tiegħu fuqu fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li jeffettwa l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 45).

239   Issa, l-imsemmi studju mwettaq minn BirdWatch Ireland jirreferi għal numru ta’ effetti potenzjali dannużi tat-trobbija tal-molluski, fosthom it-telf ta’ żoni għall-ikel kif ukoll it-tfixkil ikkawżat mill-intensifikazzjoni ta’ l-attività mill-bniedem, u jindika li, anki meta l-proġett ta’ akwakultura jinstab ġewwa ŻSP, il-habitats ta’ l-għasafar huma ftit wisq protetti. L-Irlanda, minn naħa tagħha, ma tallegax li l-proġetti kollha ta’ akwakultura m’għandhomx implikazzjonijiet fuq iż-ŻSP.

240   Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kien imissha inkludiet evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet ta’ kull proġett partikolari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Irlanda limitat ruħha tafferma, mingħajr ma tat spejgazzjonijiet preċiżi, li l-proċedura Irlandiża ta’ awtorizzazzjoni tat-tkabbir tal-molluski, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-konsultazzjoni, tipprevedi, fir-realtà, it-teħid in kunsiderazzjoni ddettaljat ta’ l-aspetti kollha ta’ proġett ta’ żvilupp ta’ akwakultura qabel ma jiġi deċiż jekk dan għandux ikun awtorizzat jew le.

241   Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Irlanda ma tiżgurax ruħha b’mod sistematiku li l-proġetti ta’ akwakultura li jistgħu sinjifikattivament jaffettwaw ŻSP, b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ proġetti oħra, jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni minn qabel xierqa.

242   Din il-konklużjoni hija korraborata mill-fatt li l-Irlanda ma ppreżentatx, sabiex tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mqajjem mill-Kummissjoni, evalwazzjonijiet xjentifiċi bil-miktub konkreti li juru li eżami ornitoloġiku preliminari dettaljat tal-proġetti ta’ akwakultura ġie mwettaq.

243   Issa, skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”, evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet fuq is-sit ikkonċernat mill-pjan jew mill-proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl ta’ l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività fis-sit protett biss jekk ikollhom iċ-ċertezza li din m’għandhiex effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara s-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

244   Fir-rigward ta’ l-argument ta’ l-Irlanda li ebda evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent ma kienet ġiet meħtieġa għat-tkabbir tal-molluski, għaliex dawn huma ta’ daqs modest u għandhom biss effett limitat fuq l-ambjent, huwa ġustament li l-Kummissjoni ssostni li dan ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex ma jiġux evalwati l-effetti ta’ tali pjan jew ta’ tali proġett. Fil-fatt l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat” teħtieġ, kif ġie mfakkar fil-punt 238 ta’ din is-sentenza, evalwazzjoni adatta ta’ kull pjan jew proġett flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra.

245   Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effett kumulattiv tal-proġetti għandu fil-prattika bħala riżultat li l-proġetti kollha ta’ ċertu tip jistgħu jevitaw l-obbligu ta’ evalwazzjoni filwaqt illi, meħudin flimkien, dawn jistgħu jkollhom implikazzjonijiet sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 76).

246   Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-argument ta’ l-Irlanda li awtorizzazzjoni ta’ manutenzjoni għall-proġetti ta’ żvilupp li twettqu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel hija kompatibbli mad-Direttiva “Habitat”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni ta’ żvilupp diġà komplut ma tistax tiġi meqjusa bħala ekwivalenti għall-evalwazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”.

247   Għaldaqstant, l-ilment fuq dan il-punt għandu jiġi meqjus bħala fondat.

248   It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna x-xogħlijiet ta’ ilqugħ ta’ l-ilma ġewwa ż-ŻSP Glen Lough, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”, wettqet, fl-1992 u fl-1997, proġett ta’ ilqugħ ta’ l-ilma li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP Glen Lough mingħajr ma wettqet minn qabel evalwazzjoni adatta ta’ dan il-proġett u lanqas applikat proċedura deċiżjonali xierqa, fatt li kkawża deterjorament lill-habitats, bi ksur ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija Direttiva. Barra minn hekk, l-Irlanda ma ressqitx elementi li juru li hija kienet irrimedjat għal dan id-deterjorament.

249   Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, meta seħħew ix-xogħlijiet ilqugħ ta’ l-ilma li l-Office of Public Works (l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi) wettaq fl-1992, id-Direttiva “Habitat” ma kinitx għadha applikabbli. Għaldaqstant, l-imsemmija xogħlijiet ma jiffurmawx parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.

250   Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li pjan jew proġett ġie awtorizzat skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jrendi superfluwa, fir-rigward ta’ l-attività li għandha ssir fis-sit protett skond l-imsemmi pjan jew proġett, applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 6(2). (sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

251   Għaldaqstnat, għal dak li jikkonċerna l-ilment relatat max-xogħlijiet ta’ ilqugħ ta’ l-ilma in kwistjoni, għandu jiġi vverifikat jekk tali attivitajiet jistgħux jiksru l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”.

252   Il-ksur ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) ta’ l-imsemmija Direttiva jippresupponi li x-xogħlijiet ta’ ilqugħ ta’ l-ilma in kwistjoni jikkostitwixxu proġett mhux marbut direttament jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, b’mod individwali jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra.

253   F’dan ir-rigward, huwa kostanti li dawn ix-xogħlijiet jikkostitwixxu proġett u li dawn mhumiex direttament marbuta jew neċessarji għat-tmexxija tas-sit. Minn dan jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 226 ta’ din is-sentenza, dawn għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għaż-ŻSP Glen Lough jekk ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dawn jaffettwaw b’mod sinjifikattiv lill-imsemmi sit, b’mod individwali jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra.

254   Meta jitqies, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li trid tintlaħaq mill-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 174(2) KE, u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata d-Direttiva “Habitat”, fil-każ ta’ dubju fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, għandha ssir evalwazzjoni bħal din (ara s-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

255   Mill-fajl jirriżulta li ŻSP Glen Lough, li hija ta’ madwar 80 ettaru u li ġiet ikklassifikata fl-1995, hija sit fejn l-għasafar iqattgħu x-xitwa li hija importanti għal speċi ta’ għasafar migratorji fir-reġjun ċentrali ta’ l-Irlanda. Din iż-żona tilqa’, b’mod partikolari, numru importanti fuq livell internazzjonali ta’ Ċinji (Cygnus cygnus) u hija ta’ interess partikolari ħafna għall-għasafar minħabba l-ilma tagħha.

256   Issa, f’din il-kawża, l-Irlanda, wara li enfasizzat li x-xogħlijiet in kwistjoni kienu biss xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma eżistenti, fil-kuntest ta’ sistema ta’ ilqugħ ta’ l-ilma preċedenti għall-klassifikazzjoni tas-sit Glen Lough bħala ŻSP, u li ma kellhomx implikazzjonijiet sinjifikattivi fuq il-habitats ta’ l-għasafar selvaġġi f’din iż-ŻSP, tirrikonoxxi, fir-risposta tad-difiża tagħha, li l-manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma tas-Silver River mill-Office of Public Works fl-1997 jidher li naqqas iż-żminijiet ta’ rispons idroloġiku u għaldaqstant l-użu tas-sit miċ-Ċinji

257   Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Irlanda, billi ma evalwatx l-implikazzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻSP Glen Lough qabel ma twettqu, kisret l-l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”.

258   Barra minn hekk, mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat” jirriżulta li, f’każ bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ l-imsemmija xogħlijiet fuq is-sit ikkonċernat fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, setgħu awtorizzaw attività bħal din biss jekk huma kellhom iċ-ċertezza li din ma kellhiex effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit u dan kien ikun il-każ jekk ma kien baqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara s-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

259   Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 182 tal-Konklużjonijiet tagħha, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq is-sit tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma mwettqa fl-1997, awtorizzazzjoni kienet tkun illegali taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”. Is-sottomissjoni ta’ l-Irlanda turi fuq kollox, kif ġie indikat fil-punt 256 ta’ din is-sentenza, li awtorizzazzjoni ma kinitx possibbli għaliex ix-xogħlijiet in kwistjoni setgħu jaffettwaw iż-ŻSP Glen Lough b’mod sinjifikattiv. Peress illi l-konservazzjoni ta’ żoni fejn iċ-Ċinji jqattgħu x-xitwa huwa l-għan esenzjali ta’ din iż-ŻSP, l-integrità ta’ l-imsemmija żona kienet effettivament effettwata skond it-tifsira tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”.

260   Minn dan jirriżulta wkoll li, minkejja konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq is-sit, awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitat” kienet possibbli biss fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u fl-ipoteżi fejn dan il-proġett kellu jkun mwettaq għal raġunijiet obbligatorji konnessi ma’ l-interess pubbliku u bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja sabiex jiżgura li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tkun protetta.

261   F’dan ir-rigward, u jekk jiġi preżunt, hekk l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 183 tal-Konklużjonijiet tagħha, li l-ilqugħ ta’ l-ilma huwa ta’ interess pubbliku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali interess jista’ jiġġustifika deterjorament taż-ŻSP skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitat” biss fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

262   Issa, l-Irlanda tindika hija stess li n-National Parks and Wildlife, wara li nstalla fl-1998 madwar is-Silver River fiż-ŻSP diga li żżomm l-ilma tal-lag filwaqt li tippermetti lil din ix-xmara tissodisfa r-rwol tagħha ta’ ilqugħ ta’ l-ilma permezz ta’ netwerk idrografiku għall-artijiet li jinstabu lejn għajn ix-xmara, ikkonkluda kuntratt sabiex tissewwa, fil-bidu tas-sena 2005, din id-diga u sabiex tiġi installata sieqja idrolika kif ukoll pajp li minnu joħroġ l-ilma żejjed. Dan jippermetti, skond dan l-Istat Membru, regolazzjoni stratta tal-livell tal-lag u s-sistema idroloġika tkun stabbilita sabiex tagħmel l-aħjar użu tal-laġ miċ-Cinji. Madankollu, l-Irlanda ma ressqitx argumenti li juru li tali soluzzjonijiet alternattivi ma setgħux ġew implementati qabel it-twettiq tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fossos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fl-1997.

263   Minn dan jirriżulta li l-Irlanda, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”, implementat fl-1997, proġett ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-ŻSP Glen Lough mingħajr ma wettqet minn qabel evalwazzjoni adatta ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu fuq is-sit u mingħajr ma applikat proċedura deċiżjonali adatta, fatt li kkawża deterjorament tal-habitats, bi ksur ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija Direttiva

264   Għaldaqstant, l-ilment fuq dan il-punt huwa wkoll fondat

265   F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li l-ħames ilment jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar”

 L-argumenti tal-partijiet

266   Il-Kummissjoni ssostni li l-użu tal-preżent fl-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar” jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinkoraġġixxu r-riċerka u kull operat meħtieġ bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija Direttiva. Issa, id-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali rilevanti ma jirreflettux dan l-obbligu. Il-pożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija għal ta’ l-inqas ambigwa.

267   Skond hija, il-kliem tal-Wildlife Act irendi l-promozzjoni tar-riċerki bħala attività fakultattiva għall-Ministru kompetenti.

268   L-Irlanda, għall-kuntrarju, tikkunsidra li hija ma naqsitx mill-obbligu tagħha li tinkoraġġixxi r-riċerki. Hija ssostni li l-leġiżlazzjoni tagħha mhijiex nieqsa, li l-Artikolu 11(3) tal-Wildlife Act jikkostitwixxi traspożizzjoni suffiċjenti ta’ l-imsemmi Artiklu 10 fid-dritt nazzjonali u jirrifletti kompletament, jekk mhux iktar, il-grad ta’ obbligu impost minn din id-dispożizzjoni Komunitarja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

269   Għandu jiġi kkonstatat preliminarjament li qari litterali ta’ l-Artikolu 11 (3) tal-Wildlife Act jippermetti li jiġi affermat li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà għall-Ministru kompetenti jwettaq jew jordna li jiġu mwettqa x-xogħlijiet ta’ riċerka li huwa jikkunsidra neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skond l-imsemmija liġi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tiddefinixxi ebda obbligu għall-Minsitru kompetenti li jinkoraġġixxi tali attivitajiet.

270   Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar” joħloq obbligu għall-Istati Membri li jinkoraġġixxu l-obbligu li jinkoraġġixxu r-riċerka u kull operat meħtieġ bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija Direttiva.

271   Minn dan jirriżulta li l-Irlanda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ttrasponiet l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar” fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħha.

272   Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddubitata mill-argument ta’ l-Irlanda li r-rwol tal-Minsitru kompetenti huwa estiż iktar mill-Artikolu 1(1) tal-Wildlife Act. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tiddikjara biss li huwa dan il-Ministru li għandu jiggarantixxi l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u li jippromwovi l-konservazzjoni tad-diversità bioloġika

273   Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ l-Irlanda li l-użu tat-terminu “may” (jista’), f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, ma jfissirx neċessarjament li l-Ministru kompetenti jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jiddeċiedi li jwettaq jew le x-xogħlijiet ta’ riċerka.

274   F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza nazzjonali li jirreferi għaliha dan l-Istat Membru ma tindikax li tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija sistematika u din lanqas ma tirreferi speċifikament għad-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni.

275   Għaldaqstant, hemm lok li s-sitt ilment jiġi kkunsidrat bħala fondat

276   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqqset:

–       milli tikklassifika, mis-6 ta’ April 1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”, it-territorji kollha l-aktar adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi elenkati fl-Anness I, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-Wiżża tal-Maskra Bajda kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw regolarment mhux imsemmija fl-Anness I, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-Venewwa, il-Pluverott, il-Bekkaċċ, il-Gurlin;

–       milli tiggarantixxi li, mis-6 ta’ April 1981, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”, ikunu applikati għaż-żoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni skond l-imsemmija Direttiva;

–       milli tittrasponi b’mod sħiħ u korrett id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar”;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” b’referenza għaż-żoni speċjali ta’ protezzjoni kollha kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”, jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Direttiva;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, b’referenza għall-użu għal finijiet rikreattivi tas-siti kollha li għandhom jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitat”, b’referenza għall-pjanijiet;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitat”, b’referenza għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitat”, b’referenza għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fiż-ŻSP Glen Lake, u;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva “Għasafar”,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 4(1), (2) u (4) u 10 tad-Direttiva “Għasafar”, kif ukoll taħt l-Artikolu 6( 2) sa (4) tad-Direttiva “Habitat”.

 Fuq l-ispejjeż

277   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Irlanda tilfet fil-biċċa l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

278   Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Ellenika u r-Rejnu ta’ Spanja jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi naqset:

–       milli tikklassifika, mis-6 ta’ April 1981, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, tad-29 ta’ Lulju 1997, it-territorji kollha l-aktar adattati fin-numru u daqs għall-ispeċi elenkati fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-Wiżża tal-Maskra Bajda (Anser albifrons flavirostris) kif ukoll għall-ispeċi migratorji li jirritornaw regolarment mhux imsemmija fl-imsemmi Anness I, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-Venewwa (Vanellus vanellus), il-Pluverott (Tringa totanus), il-Bekkaċċ (Gallinago gallinago) u l-Gurlin (Numenius arquata);

–       milli tiggarantixxi li, mis-6 ta’ April 1981, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, ikunu applikati għaż-żoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni skond l-imsemmija Direttiva;

–       milli tittrasponi b’mod sħiħ u korrett id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, b’referenza għaż-żoni speċjali ta’ protezzjoni kollha kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Direttiva;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, b’referenza għall-użu għal finijiet rikreattivi tas-siti kollha li għandhom jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43, b’referenza għall-pjanijiet;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, b’referenza għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ akwakultura;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43, b’referenza għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-fosos għall-ilqugħ ta’ l-ilma fiż-ŻSP Glen Lake, u;

–       milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 4(1), (2) u (4) u 10 tad-Direttiva 79/409, kif emendata mid-Direttiva 97/49, kif ukoll taħt l-Artikolu 6( 2) sa (4) tad-Direttiva 92/43.

2)      Il-bqija r-rikors huwa miċħud.

3)      L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Ir-Repubblika Ellenika u r-Rejnu ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top