EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0244

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' Jannar 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Impriża li timpjega ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi - Impriża li tagħti servizzi fi Stat Membru ieħor - Sistema tal-permessi ta' xogħol.
Kawża C-244/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:49

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

19 ta' Jannar 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Impriża li timpjega ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi – Impriża li tagħti servizzi fi Stat Membru ieħor – Sistema tal-permessi ta' xogħol"

Fil-kawża C-244/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-8 ta' Ġunju 2004,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Braun u E. Traversa, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C.-D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

Wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li, billi tirrestrinġi b'mod assolutament disproporzjonali, skond prattika bbażata fuq ċirkolari, il-kollokazzjoni ta' ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi fil-kuntest ta' għoti ta' servizzi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq obbligi tagħha imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg tal-ħaddiema fil-kuntest ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU 1997 L 18, p. 1)

"1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

- skond liġi, regolament jew disposizzjonijiet amministrattiva[i], u/jew

- bi ftehim kollettiv jew sentenza ta' arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness :

[…]

c) ir-rati minimi ta' ħlas, li jinkludu rati ta' sahra [...];

[…]"

3       Il-kollokazzjoni ta' impjegati ċittadini ta' Stati terzi huwa rregolat fil-Ġermanja bil-liġi dwar il-barranin (Ausländergesetz), fil-verżjoni tiegħu tad-9 ta' Jannar 2002 (BGBl. 2002 I, p. 361, aktar il-quddiem il-"AuslG"), ir-regolament ta' applikazzjoni ta' din il-liġi u ċ-ċirkolari tal-15 ta' Mejju 1999 indirizzata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin lir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsolati kollha Ġermaniżi (aktar 'il-quddiem "ċirkolari").

4       Skond l-Artikoli 1 sa 3 ta' l-AuslG, il-persuni li mhumiex ta' nazzjonalità Ġermaniża, għandhom jippreżentaw permess ta' residenza taħt forma ta' viża biex jidħlu u joqogħdu fit-territorju Ġermaniż.

5       L-Artikolu 10 ta' l-AuslG jipprovdi li l-barranin li biħsiebhom joqogħdu aktar minn tliet xhur fit-territorju Ġermaniż u li jeżerċitaw attività bil-paga għandhom ikollhom permess ta' residenza speċifika, konformement mar-regola ta' applikazzjoni ta' l-AuslG.

6       Il-modalitajiet ta' ħruġ ta' din il-viża huma rregolati b'ċirkolari li biha r-rappreżentanza diplomatika Ġermaniża li lilha l-ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi jitolbu viża minħabba l-kollokazzjoni fil-Ġermanja għandha teżamina, minn qabel, it-talba sabiex hija tkun assigurat lilha nfisha li l-kriterji u l-informazzjoni li ġejjin huma sodisfatti:

–       id-data tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta' kollokazzjoni tal-ħaddiem għandhom ikunu determinati b'mod ċar;

–       dan il-ħaddiem għandu jkun impjegat għal mill-inqas sena ma' l-impriża li tagħmel il-kollokazzjoni;

–       il-permess ta' residenza kif ukoll, fejn huwa l-każ, il-permess ta' xogħol ta' l-Istat Membru ta' stabbiliment ta' l-impriża li ser tagħmel il-kollokazzjoni għandu jkun ippreżentat biex jassigura l-kontinwazzjoni ta' l-impjieg ta' dak l-imsemmi ċittadin minn din l-impriża fit-tmiem tal-perijodu ta' attività fil-Ġermanja;

–       iċ-ċittadin ta' Stat terz għandu jkun kopert minn sistema nazzjonali ta' sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li ser tagħmel il-kollokazzjoni jew, jekk l-assigurazzjoni qiegħed fuq bażi volontarja, għandu jkun suffiċjentement kopert minn skema privata ta' assigurazzjoni kontra r-riskji tal-mard u ta' l-inċident. Il-protezzjoni garantita mill-iskema ta' assigurazzjoni għandha, ukoll, tkopri l-attività maħsuba fil-Ġermanja, u

–       l-imsemmi ċittadin għandu jkollu passaport validu għall-perijodu ta' residenza maħsuba.

 Il-proċedura prekontenzjuża

7       Il-Kummissjoni, f'ittra ta' intimazzjoni li bagħtet fit-12 ta' Frar 1997 lill-awtoritajiet Ġermaniżi, qajmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tal-proċedura applikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta' kollokazzjoni fit-territorju tagħha, minn min jippresta servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, ta' ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi.

8       Ir-risposta ta' dawn l-awtoritajiet għal din l-intimazzjoni ma kinitx sodisfaċenti għall-Kummissjoni, u din ta' l-aħħar, fis-7 ta' Awwissu 1998, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanija, fejn sejħet lil din ta' l-aħħar sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu min-notifika ta' l-imsemmija opinjoni.

9       Peress li l-Gvern Ġermaniż kien irrisponda fil-5 ta' Novembru 1998 għall-imsemmija opinjoni motivata billi żamm essenzjalment il-pożizzjoni preċedenti tiegħu, il-Kummissjoni bagħtet talbiet ta' informazzjoni ulterjuri lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-24 ta' Mejju 2000 u fis-17 ta' Settembru 2001. Peress li kkonstatat li l-pożizzjoni ġuridika kienet żviluppat b'mod sinifikanti fuq ċertu punti, hija ddeċidiet li tikkonċentra l-ilmenti tagħha fuq il-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tan-natura ta' qabel tal-kontroll magħmul mill-awtoritajiet diplomatiċi Ġermaniżi kif ukoll il-ħtieġa ta' perijodu ta' sena bħala impjieg preċedenti fi ħdan l-impriża li għandha l-intenzjoni li tagħmel kollokazzjoni ta' ħaddiema.

10     Peress li kkunsidrat li r-risposti mogħtija mill-Gvern Ġermaniż għal dawk it-talbiet ta' informazzjoni ulterjuri, partikolarment b'ittra tat-28 ta' Novembru 2001, ma kinux sodisfaċenti għall-ilmenti in kwistjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

11     Il-Kummissjoni ssostni, li meta ssuġġettat lil dawk li jipprovdu servizzi li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għal rekwiżiti speċifiċi dwar il-kollokazzjoni ta' l-impjegati tagħhom minn Stati terzi, il-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi għamlet diskriminazzjoni bi ħsara għal dawn li jipprestaw servizz meta mqabbel mal-kompetituri tagħhom stabbiliti fit-territorju Ġermaniż li jistgħu jużaw liberament l-impjegati tagħhom biex jagħtu prestazzjoni ta' servizzi fil-Ġermanja.

12     Dawn ir-restrizzjonijiet huma pprojbiti mill-Artiklu 49 KE, sakemm ma jkunux ġustifikati mid-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 46 KE u 55 KE, meta dawn ir-restrizzjonijiet huma diskriminatorji, jew għal raġunijiet imperattivi oħra ta' interess pubbliku żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti, meta dawn mhumiex diskriminatorji.

13     F'dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li kemm il-prattika bbażata fuq il-verifika ta' ċerti kriterji qabel il-kollokazzjoni, kif ukoll ir-restrizzjoni ta' dawn limitatement għal ħaddiema impjegati għall-inqas għal sena ma' l-impriża li tippresta servizz, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ma tistax tkun ġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti.

14     L-ewwel nett, rigward il-ħtieġa dwar il-kontroll qabel il-kollokazzjoni, jekk il-Kummissjoni ma topponix li l-ħaddiema kollokati ċittadini ta' Stat Membru terz ikunu s-suġġett ta' kontroll fuq il-bażi ta' kriterji magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, Ġabra p. I-3803), hija tikkontesta, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kontroll huwa magħmul qabel il-kollokazzjoni tal-ħaddiema fil-Ġermanja.

15     Il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-fatt, li kontroll wara l-kollokazzjoni jkun ukoll għal kollox effikaċi biex jippermetti lill-awtoritajiet Ġermaniżi li jassiguraw ir-ritorn tal-ħaddiema fl-Istat Membru ta' oriġini, minħabba li kontroll bħal dan huwa madankollu inqas restrittiv mill-miżura attwali ta' kontroll minn qabel.

16     It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li impriża tista' tikkolloka biss ħaddiema cittadini ta' Stat terz li jkunu impjegati magħha għall-inqas għal sena jikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

17     Il-Kummissjoni tippretendi, minn naħa waħda, li din ir-restrizzjoni tad-dritt ta' kollokazzjoni ma tirrifletti bl-ebda mod il-kriterji indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, u trendi illużorju d-dritt ta' impriżi ġodda li jgawdu mill-moviment liberu.

18     Dwar dak li jikkonċerna ġustifikazzjoni għal dan it-tieni rekwiżit, il-Kummissjoni indikat, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-445/03, Ġabra p. I-10191), espressament ċaħdet ir-raġuni ta' natura ekonomika marbuta mal-protezzjoni tas-suq nazzjonali ta' l-impjiegi fil-miżura fejn il-ħaddiem kollokat ma jaspirax li jaċċedi għas-suq ta' impjiegi ta' l-Istat Membru li fih is-servizz għandu jsir.

19     Il-Gvern Ġermaniż jiddubita, fl-ewwel lok, mill-karattru sinifikattiv tar-restrizzjoni mdaħħla bil-proċedura attwali, li biha, fil-kuntest ta' kollokazzjoni fil-Ġermanja, il-ħaddiem ċittadin ta' Stat terz għandu jikseb viża, magħrufa bħala "Vander Elst", biex ikun jista' jaħdem fl-imsemmi Stat Membru.

20     Din il-proċedura tissodisfa, fil-fatt, l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju, kif jirriżulta partikolarment mill-ġurisprudenza li ħarġet fis-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, u tikkonċerna biss numru limitat ta' każijiet, f'dan il-każ, dawk dwar, minn naħa waħda, il-ħaddiema li ma jkollhomx viża Schengen u, min-naħa l-oħra, ċittadini ta' Stati terzi li għandhom permess ta' residenza mogħti minn Stat Membru, iżda kollokati għal perijodu ta' aktar minn tliet xhur fit-territorju Ġermaniż. Barra minn dan, l-awtorità kompetenti għall-ħruġ ta' viża "Vander Elst" ma għandha ebda poter diskrezzjonali b'mod, li dak il-ħruġ huwa kważi awtomatiku u jseħħ fi żmien estremament qasir.

21     Fit-tieni lok, waqt li jammetti li hemm restrizzjoni ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Gvern Ġermaniż qed jikkontesta l-bażi legali ta' l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

22     F'dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' kontroll qabel il-kollokazzjoni, il-Gvern Ġermaniż isostni li proċedura bħal din hija intiża biss biex tivverifika li min jippresta servizz igawdi l-privileġġ tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-kollokazzjoni. Dan jippermetti li twaqqaf l-evażjoni ta' rekwiżiti Komunitarji u nazzjonali matul l-impjieg ta' ċittadini ta' Stati terzi.

23     Għaldaqstant, hija miżura adattata u meħtieġa peress illi l-preżentazzjoni biss ta' passaport jew ta' viża sempliċi biex tidħol f'territorju ta' Stat Membru li jilqgħek ma tippermettix liċ-ċittadini ta' Stati terzi li jippruvaw li huma impjegati b'mod regolari fl-Istat Membru fejn hu stabbilit min iħaddimhom.

24     Il-Gvern Ġermaniż sostna, barra minn dan, li kontroll a posteriori, fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-domiċilju, ma jkunx daqshekk effikaċi. Fil-fatt, min-naħa waħda, dan l-obbligu ta' reġistrazzjoni jkun rigward ir-residenza, sitwazzjoni li ma jaspirawx fiha il-ħaddiema kollokati, u min-naħa l-oħra, hija tirrigwarda l-Länder li mhumiex kompetenti f'materja ta' dħul u residenza ta' barranin fuq it-territorju Ġermaniż. Jirriżulta minn dan li kontroll a posteriori tal-legalità tal-kollokazzjoni, fl-istadju tar-reġistrazzjoni tad-domiċilju twassal għal inċertezza legali għall-impriża, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li qed tagħmel il-kollokazzjoni, minħabba li qabel ma jintbagħtu l-ħaddiema tagħha l-Ġermanja, hija ma tkunx taf jekk dawn jistgħux joqogħdu fit-territorju ta' dak l-Istat Membru sat-tmiem tal-prestazzjoni tas-servizzi li għalihom ġew kollokati.

25     Kontrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż jikkonsidra li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, ma tikkostitwixxix eżempju ta' ġurisprudenza rilevanti għal dak li jikkonċerna l-prattika Ġermaniża li hija s-suġġett tar-rikors. Fil-fatt, f'dan il-każ il-kwistjoni ma tirrigwardax permess ta' xogħol fis-sens tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, iżda biss viża li tinvolvi l-eżami ta' ċerti kriterji supplimentari. Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-ħruġ tal-permess ta' xogħol kien suġġett għall-evoluzzjoni ta' l-awtorità kompetenti rigward, b'mod partikolari, kunsiderazzjonijiet relattivi għall-qagħda, għall-iżvilupp jew l-organizzazzjoni tas-suq nazzjonali ta' l-impjiegi. Issa, dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti, għaliex il-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi hija bbażata esklużivament fuq rekwiżiti marbuta ma' l-interess pubbliku.

26     Rigward ir-rekwiżit ta' kuntratt ta' xogħol konkluż għall-inqas sena qabel il-kollokazzjoni, il-Gvern Ġermaniż isostni li dan huwa l-implementazzjoni tal-kriterju relattiv għall-bżonn li jkun hemm impjieg regolari u abitwali kif ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vander Elst, iċċitata iktar 'il fuq.

27     Din il-kundizzjoni tikkostitwixxi mezz adattat u effikaċi biex jinkisbu għanijiet differenti ta' interess pubbliku. Fil-fatt, minn naħa waħda, hija tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema kollokati billi twaqqaf lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jimpjegaw personal bl-għan esklużiv ta' kollokazzjoni. Min-naħa l-oħra, rigward l-aċċess ta' ċittadini ta' Stati terzi għas-suq tax-xogħol ta' Stati Membri, hija tippermetti lil dawn ta' l-aħħar li jissalvagwardjaw il-prerogattivi tagħhom rigward il-kontroll ta' tali aċċess.

28     F'dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jirrileva li s-soluzzjoni miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, mhijiex rilevanti għal dan il-każ. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, dan kien l-effett kumulattiv ta' rekwiżiti differenti previsti mill-leġiżlazzjoni Lussemburgiża li għamlet il-proċedura meta meqjusa kollha flimkien disproporzjonata meta mqabbla ma' l-għanijiet li għandha l-istess leġiżlazzjoni.

29     F'dan ir-rispett, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li hu lest li jnaqqas it-tul tal-perijodu ta' impjieg qabel il-kollokazzjoni għal sitt xhur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fil-konfront ta' dak li jippresta servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta' kull restrizzjoni, ukoll jekk tapplika indistintament għal dawk li jipprestaw servizzi nazzjonali u għal dawk ta' Stati Membri oħrajn, meta hija ta' natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta' min jippresta servizz fi Stat membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (ara, b'mod partikolari, sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Portugaia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 16).

31     Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda qasam li mhuwiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni f'livell Komunitarju u li tapplika indistintament għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat tista', minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sakemm tirrispondi għal raġuni imperattiva ta' interess pubbliku u li dan l-interess mhuwiex diġà salvagwardjat bir-regoli li għalihom min jippresta servizzi huwa suġġett fl-Istat Membru fejn hu stabbilit, u li hija tkun adattata sabiex tiggarantixxi l-ksib ta' l-għan li trid tikseb u ma tmurx oltre minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dan (ara sentenzi tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 et 35, kif ukoll Portugaia Construções, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

32     Peress li s-suġġett relattiv għal kollokazzjoni ta' ħaddiema impjegati ċittadini ta' Stat terz fil-kuntest ta' prestazzjoni ta' servizzi li jaqsmu l-fruntiera, mhuwiex, sa din il-ġurnata, armonizzat fuq livell Komunitarju, huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija fiż-żewġ punti preċedenti li għandha tiġi eżaminata il-kompatibbiltà tar-rekwiżiti tal-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi ma' l-Artikolu 49 KE.

 Dwar dak li għandu x'jaqsam man-natura ta' qabel tal-kontroll skond ir-rekwiżiti meħtieġa mill-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi

33     L-ewwel, għandu jiġi indikat li l-fatt li l-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi rigward il-kollokazzjoni ta' ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi ma tikkonċernax ħlief ċirku ristrett ta' persuni, li l-proċedura għall-ħruġ ta' viża "Vander Elst" ma teċċedix perijodu ta' sebat ijiem u li l-awtorità kompetenti m'għandha ebda poter diskrezzjonali rigward il-ħruġ ta' tali viża mingħajr konsegwenza dwar in-natura restrittiva ta' din il-prattika fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

34     Fil-fatt, rigward il-kollokazzjoni tal-ħaddiema ċittadini ta' Stat terz minn impriża Komunitarja li tippresta servizzi, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta' prestazzjoni ta' servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-ħruġ ta' permess amministrattiv tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE (ara sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Vander Elst, punt 15, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 24).

35     Issa, jekk inhu veru, kif sostna wkoll il-Gvern Ġermaniż, li piżijiet amministrattivi u finanzjarji li jinvolvi l-kontroll minn qabel bħal dak li hu prattikat mill-awtoritajiet Ġermaniżi mhumiex bħal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ċċitata aktar 'il fuq, huwa minnu wkoll li proċedura bħal din hija suxxettibbli li tirrendi aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-eżerċizzju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz ta' ħaddiema kollokati li huma ċittadini ta' Stati terzi, partikolarment meta l-prestazzjoni li għandha tingħata teħtieġ ċerta azzjoni ta' malajr.

36     Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti rrikonoxxiet lill-Istati Membri l-fakultà li jivverifikaw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji fil-materja ta' prestazzjoni ta' servizzi. Bl-istess mod, hija ammettiet il-bażi legali għal miżuri neċessarji biex jivverifikaw ir-rispett tar-rekwiżiti stess iġġustifikati għal raġunijiet ta' interess pubbliku (sentenza Arblade et., iċċitata aktar 'il fuq, punt 38). Madankollu fil-punt 17 tas-sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Rush Portuguesa (C-113/89, Ġabra p. I-1417), iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet li dawn il-kontrolli għandhom jirrispettaw il-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u m'għandhomx irendu illużorja l-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi.

37     Għandu, f'dawn il-kundizzjonijiet jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mill-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi jidhrux ġustifikati mill-għan ta' interess pubbliku u, fil-każ li huma, jekk humiex meħtieġa għall-ksib effettiv b'mezzi adattati ta' dan l-għan (ara sentenzi tal-25 ta' Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C‑52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I-7831, punt 37, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26).

38     F'dan il-każ, ir-raġunijiet relattivi għall-prevenzjoni ta' l-abbuż tal-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi, għall-protezzjoni tal-ħaddiema u ċ-ċertezza legali, huma invokati mill-Gvern Ġermaniż.

39     Fl-ewwel lok, il-Gvern Ġermaniż invoka l-bżonn ta' verifika jekk min jippresta servizz stabbilit fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhuwiex juża libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi għal għan li mhux dak li għalih ġiet stabbilita, per eżempju dak li jġib lill-impjegati tiegħu għall-finijiet ta' kollokazzjoni fis-suq nazzjonali ta' l-impjieg. F'dan ir-rigward, jikkunsidra li l-kontrolli huma ġustifikati minħabba li jimplementaw rekwiżit tad-dritt Komunitarju, li tkun tista' tivverifika jekk il-ħaddiema kkonċernati humiex impjegati "b'mod regolari u abitwali" fl-Istat Membru ta' stabbiliment ta' dak li qed jippresta servizz, fis-sens tas-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, qabel il-kollokazzjoni fit-territorju Ġermaniż.

40     Diġà ġie deċiż li Stat Membru jista' jivverifika li impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka fit-territorju tagħha ħaddiema ċittadini ta' Stat terz, mhux qed tuża l-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi għal għan li mhuwiex dak tat-twettiq tal-prestazzjoni kkonċernata (sentenzi iċċitata aktar 'il fuq Rush Portuguesa, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 39).

41     Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit minn naħa ta' min jippresta servizzi ta' sempliċi dikjarazzjoni minn qabel li tiċċertifika li l-ħaddiema kkonċernati huma f'qagħda regolari, partikolarment fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta' residenza, permess ta' xogħol u ta' sigurtà soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegah, toffri lill-awtoritajiet nazzjonali, b'mod anqas restrittiv u effikaċi daqs il-kontroll qabel il-kollokazzjoni, garanziji dwar ir-regolarità tal-qagħda ta' dawn il-ħaddiema u dwar il-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tippresta servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46). Rekwiżit bħal dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jikkontrollaw l-informazzjoni a posteriori u li jieħdu l-miżuri meħtieġa f'każ ta' irregolarità tal-qagħda ta' dawk il-ħaddiema. Dan ir-rekwiżit jista' wkoll jieħu l-forma ta' notifika qasira tad-dokumenti mitluba speċjalment meta t-tul tal-kollokazzjoni ma jippermettix li teżerċita kontroll bħal dan b'mod effettiv.

42     Jirriżulta li l-miżura ta' kontroll qabel il-kollokazzjoni li tirriżulta mill-prattika Ġermaniża teċċedi dak li hu meħtieġ biex tipprevjeni l-abbużi li jistgħu jsiru mill-implimentazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

43     Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż invoka raġunijiet relattivi għall-protezzjoni tal-ħaddiema biex jiġġustifika l-prattika ta' kontroll qabel il-kollokazzjoni.

44     F'dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, fost ir-raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku li jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi, hemm il-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenza Arblade et, iċċitata aktar 'il-fuq, punt 36), għandu jkun imfakkar li d-dritt Komunitarju mhuwiex kontra li l-Istati Membri jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta' xogħol magħmula mill-partijiet soċjali, għal kull persuna li hija impjegata, anki jekk fuq bażi temporanja, fuq it-territorju tagħhom ikun li jkun il-pajjiż ta' stabbiliment ta' min iħaddem, u li ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jimponu r-rispett ta' dawn ir-regoli bil-mezzi adattati, meta jidher li l-protezzjoni mogħtija lilhom permezz ta' dawn mhijiex garantita minn obbligi identiċi jew essenzjalment komparabbli ma dawk li l-impriża hija diġà suġġetta għalihom fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti (sentenza ċċitata aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburg, punt 29).

45     Madankollu, l-obbligu impost fuq impriża li tippresta servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, parallellament għar-rekwiżit li hemm fil-punt 41 tal-preżenti sentenza, li tirraporta minn qabel lill-awtoritajiet lokali l-preżenza ta' wieħed jew aktar ħaddiema bil-paga, it-tul previst ta' din il-preżenza, u l-prestazzjoni jew prestazzjonijiet ta' servizzi li jiġġustifikaw il-kollokazzjoni, jikkostitwixxu mezz aktar proporzjonat milli l-kontroll qabel il-kollokazzjoni in kwistjoni minħabba li huwa inqas restrittiv u xorta effettiv. Huwa jkun tan-natura li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jikkontrollaw ir-rispett tal-leġiżlazzjoni soċjali Ġermaniża tul il-kollokazzjoni waqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom din l-impriża hija diġà suġġetta skond ir-regoli ta' dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31).

46     Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura ta' kontroll qabel il-kollokazzjoni teċċedi dak li hu neċessarju biex jinkiseb l-għan ta' protezzjoni tal-ħaddiema.

47     Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kontroll qabel il-kollokazzjoni jippermetti lill-impriżi li jipprestaw servizzi, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jkollhom il-garanzija li din il-kollokazzjoni hija effettwata b'mod legali u ċ-ċertezza li tista' tiddisponi mill-impjegati kollha għat-tul kollu tal-prestazzjoni.

48     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw miżuri ta' kontroll li jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal raġunijiet imperattivi ta' interess pubbbliku, meta dan l-interess mhuwiex diġà salvagwardjat bir-regoli li għalihom dak li jippresta huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit (sentenza Portugaia Construções, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

49     Issa, huwa ċertament fl-interess kemm ta' l-Istat Membru li jilqa' kif ukoll ta' l-impriża li tippresta li jkollhom, qabel il-kollokazzjoni, l-assigurazzjoni li l-ħaddiema cittadini ta' Stat terz ikunu kollokati f'kundizzjonijiet legali.

50     Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma l-impriżi li ma jirrispettawx l-imsemmija leġiżlazzjoni li jerfgħu ir-responsabbiltà ta' kollokazzjoni magħmula f'kundizzjonijiet illegali.

51     Jirriżulta minn dan li l-miżura ta' kontroll minn qabel, bħal dik li tirriżulta mill-prattika ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward ta' kollokazzjoni ta' ħaddiema ċittadini ta' Stat terz, ma tistax tkun ġustifikata bil-bżonn li tassigura li din il-kollokazzjoni hija magħmula b'mod legali u, għalhekk, tikkostitwixxi mezz sproporzjonat fir-rigward ta' l-għanijiet imfittxa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Dwar dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' perijodu ta' impjieg minn qabel ta' mill-inqas sena fi ħdan l-impriża li tagħmel il-kollokazzjoni.

52     Il-Gvern Ġermaniz isostni li r-rekwiżit ta' perijodu ta' impjieg minn qabel ta' mill-inqas sena fi ħdan l-impriża li tagħmel il-kollokazzjoni timplementa il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jivverifikaw jekk il-ħaddiema kollokati cittadini ta' Stati terzi għandhomx impjieg regolari u abitwali fl-Istat Membru ta' stabbiliment ta' min iħaddimhom.

53     Mhuwiex ikkontestat, li rekwiżit bħal dan jikkostitwixxi restrizzjoni għall-prestazzjoni libera ta' servizzi. Fil-fatt, din il-kundizzjoni hija speċjalment ta' preġudizzju għal impriżi attivi fis-setturi karatterizzati minn użu frekwenti ta' kuntratti ta' tul qasir jew prestazzjoni definita, jew għal impriżi li ġew maħluqa reċentement (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

54     F'dan il-każ, il-Gvern Ġermaniż allega li dan l-imsemmi rekwiżit jikkostitwixxi mezz adattat u effettiv li jissorvelja l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja fil-qasam ta' protezzjoni ta' ħaddiema, li jissalvagwardja il-prerogattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' kontroll ta' l-aċċess għas-suq nazzjonali ta' impjieg u li jipprevjeni sitwazzjonijiet ta' dumping soċjali.

55     Fl-ewwel lok, għandu jkun indikat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx, f'dan ir-rigward, qed tibbaża ruħha fuq il-formula użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt punt 26 tas-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, billi ssostni li rekwiżit bħal dan ta' impjieg minn qabel jippermetti li jiġi vverifikat li l-ħaddiem kollokat ċittadin ta' Stat terz għandu impjieg regolari u abitwali fl-Istat Membru ta' stabbiliment ta' min iħaddmu. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-formula għandha titqies fil-kuntest tad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza Vander Elst. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma żiditx mal-kunċett ta' "impjieg regolari u abitwali" il-kundizzjoni ta' residenza jew impjieg għal tul determinat fl-Istat ta' stabbiliment ta' l-impriża li tippresta servizzi.

56     Madankollu, hemm lok li jiġi verifikat jekk ir-rekwiżit ta' perijodu ta' impjieg minn qabel ta' mill-inqas sena fi ħdan l-impriża li tagħmel il-kollokazzjoni tikkostitwixxix miżura adattata biex jinkisbu l-għanijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

57     F'dan il-każ, huma invokati raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-ħaddiema, għas-salvagwardja tal-prerogattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' aċċess għas-suq ta' l-impjieg ta' dawn ta' l-aħħar, u l-prevenzjoni ta' dumping soċjali.

58     F'dan ir-rigward, bil-maqlub għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni li timponi kundizzjoni ta' impjieg minn qabel ta' sitt xhur biss teċċedi dak li huwa meħtieġ għall-għan ta' protezzjoni soċjali ta' ħaddiema ċittadini ta' Stat terz (Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

59     Barra dan, f'dak li għandu x'jaqsam mas-salvagwardja tal-prerogattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' aċċess għas-suq tagħhom ta' l-impjieg, għandu jiġi mfakkar li l-ħaddiema kollokati ma jippretendux li jaċċedu għas-suq ta' l-impjieg ta' l-Istat Membru ta' kollokazzjoni (ara sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Rush Portuguesa, punt 15; Vander Elst, punt 21; Finalarte et., punt 22, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburg, punt 38).

60     Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li rekwiżit bħal dan huwa sproporzjonat, fir-rigward ta' l-għan maħsub li jikkonsisti li jassigura ir-ritorn tal-ħaddiema fl-Istat Membru ta' oriġini meta tispiċċa il-kollokazzjoni, (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45).

61     Fl-aħħar nett, rigward il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni ta' dumping soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-ftehim kollettivi dwar il-paga minima għal kull persuna li hija impjegata, anki temporanjament, fit-territorju tagħhom (sentenza Arblade et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41). Prerogattiva bħal din hija wkoll rikonoxxuta abbażi ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71.

62     F'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni minn qabel imsemmija fil-punti 41 u 45 tal-preżenti sentenza, flimkien ma' l-informazzjoni rilevanti fil-qasam ta' pagi u ta' kundizzjonijiet ta' impjieg, tikkostitwixxi miżura anqas restrittiva f'dak li jikkonċerna l-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi, waqt li tippermetti lill-awtoritajiet lokali li jassiguraw li l-ħaddiema kollokati mhumiex suġġetti għal sistema anqas favorevoli minn dik applikabbli fl-Istat Membru ta' kollokazzjoni.

63     Minn dan jirriżulta, li r-rekwiżit ta' perijodu ta' impjieg minn qabel ta' mill-inqas sena fi ħdan l-impriża li tagħmel il-kollokazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala disproporzjonata biex jinkisbu l-għanijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

64     Għalhekk, għandu jkun ikkonstatat li, billi ma llimitatx ruħha li tissuġġetta il-kollokazzjoni ta' ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi sabiex iwettqu prestazzjoni ta' servizzi fit-territorju tagħha, għal dikjarazzjoni sempliċi minn qabel ta' l-impriża, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li biħsiebha tagħmel kollokazzjoni ta' dawn il-ħaddiema u billi teżiġi li dawn ta' l-aħħar ikunu impjegati mill-inqas għal sena minn dik l-impriża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

65     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Billi ma llimitatx ruħha li tissuġġetta il-kollokazzjoni ta' ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi sabiex iwettqu prestazzjoni ta' servizzi fit-territorju tagħha għal dikjarazzjoni sempliċi minn qabel ta' l-impriża, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li biħsiebha tagħmel kollokazzjoni ta' dawn il-ħaddiema u billi teżiġi li dawn ta' l-aħħar ikunu impjegati mill-inqas għal sena minn dik l-impriża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top