EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0201

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-23 ta' Frar 2006.
Belgische Staat vs Molenbergnatie NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Antwerpen - il-Belġju.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Irkupru a posteriori ta' dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni - Obbligu ta' komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju dovut malli dan jiddaħħal fil-kontijiet u qabel ma jiskadi t-terminu ta' tliet snin li jibda' jiddekorri mid-data ta' meta nħoloq id-dejn - Kunċett ta' "proċeduri xierqa".
Kawża C-201/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:136

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta' Frar 2006 (*)

"Kodiċi Doganali tal-Komunità – Irkupru a posteriori ta' dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni – Obbligu ta' komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju dovut malli dan jiddaħħal fil-kontijiet u qabel ma jiskadi t-terminu ta' tliet snin li jibda' jiddekorri mid-data ta' meta nħoloq id-dejn – Kunċett ta' "proċeduri xierqa"

Fil-kawża C-201/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (Il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tas-27 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Mejju 2004, fil-proċedura

Belgische Staat

vs

Molenbergnatie NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk (Relatur) u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Molenbergnatie NV, minn E. Gevers u J. Gevers, advocaten,

–       għall-Gvern Belġjan, minn D. Haven, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewisi u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Kodiċi Doganali") li jirregolaw l-irkupru ta' l-ammont tad-dejn doganali.

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Belgische Staat (L-Istat Belġjan) u Molenbergnatie NV, aġent doganali (iktar 'il quddiem "l-aġent"), dwar l-irkupru a posteriori ta' dazji fuq l-importazzjoni u ta' dazji kontra d-dumping.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Il-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali jirrigwarda l-irkupru ta' l-ammont tad-dejn doganali li huwa ddefinit fl-Artikolu 4(9) ta' l-istess Kodiċi bħala l-obbligu ta' persuna li tħallas l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.

4       L-ewwel sezzjoni ta' l-imsemmi Kapitolu 3, li jġib l-isem "Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazju lid-debitur", jinkludi l-Artikoli 217 sa' 221.

5       Skond l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali :

"Kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn 'l isfel imsejjaħ "ammont ta' dazju", għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika:

a)      fejn ikun ġie introdott dazju proviżorju kontra r-roħs eċċessiv jew protettiv;

b)      fejn l-ammont ta' dazju legalment dovut jeċċedi dak stabbilit skond il-bażi ta' informazzjoni tat-tariffa li torbot;

c)       fejn id-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-Kumitat jirrinunzjaw għall-ħtieġa li l-awtoritajiet doganali [jdaħħlu] fil-kotba tal-kontijiet ammonti ta' dazju taħt livell stabbilit.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jnaqqsu ammonti ta' dazju li, taħt l-Artikolu 221(3), ma setgħux jiġu kkomunikati lid-debitur wara l-għeluq taż-żmien permess."

6       L-Artikolu 220 ta' l-imsemmi Kodiċi huwa formulat kif ġej:

"1. Fejn l-ammont ta' dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f'livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta' dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa' biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f'pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta' żmien jista' jiġi estiż skond l-Artikolu 219.

2.      Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m'għandhomx isiru fejn:

a)      id-deċiżjoni oriġinali li ma jiddaħħalx id-dazju fil-kontijiet jew li jiddaħħal fil-kontijiet f'figura anqas mill-ammont ta' dazju legalment dovut tkun ittieħdet skond il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali invalidati aktar tard minn deċiżjoni tal-qorti;

b)      l-ammont ta' dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta' żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta' l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

c)      id-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-Kumitat jeżentaw lill-awtoritajiet doganali milli sussegwentement idaħħlu fil-kontijiet ammonti ta' dazju li jkunu anqas minn ċerta figura."

7       L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

"1.      Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

2.      Fejn l-ammont ta' dazju li għandu jitħallas ikun iddaħħal, bħala gwida, fid-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jispeċifikaw li m'għandux jiġi kkomunikat skond il-paragrafu 1 sakemm l-ammont ta' dazju indikat ma jikkorrispondix ma' l-ammont stabbilit mill-awtoritajiet.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 218(1), fejn isir użu mill-possibbiltà li hemm provdut dwarha fil-paragrafu preċedenti, il-ħelsien tal-merkanziji mill-awtoritajiet doganali għandu jkun ekwivalenti għall-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju mdaħħal fil-kontijiet.

3.      Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perjodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta' att li jista' jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista', sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta' dak il-perjodu ta' tliet snin."

8       Il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali huwa intitolat "Estinzjoni tad-dejn doganali". Dan huwa kompost minn żewġ artikoli, fosthom l-Artikolu 233, li jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta' dazju doganali u nuqqas ta' rkupru ta' dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

a)      bil-ħlas ta' l-ammont ta' dazju;

b)      bir-remissjoni ta' l-ammont ta' dazju;

c)      fejn, fir-rigward ta' merkanziji dikjarati għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għall-ħlas ta' dazji:

–       id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata skond l-Artikolu 66,

–       il-merkanziji, qabel il-ħelsien tagħhom, jew jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati, meqruda fuq l-istruzzjonijiet ta' l-awtoritajiet doganali, meqruda jew abbandunati skond l-Artikolu 182, meqruda jew mitlufa għal kollox b'riżultat tan-natura reali tagħhom jew ta' ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri;

d)      fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma' l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.

Fil-każ ta' qbid u konfiska, d-dejn doganali għandu xorta waħda għall-iskopijiet tal-liġi kriminali applikabbli għal offiżi doganali, jitqies li ma ġiex magħluq fejn, taħt il-liġi kriminali ta' Stat Membru, dazji doganali jipprovdu l-bażi biex jiġu stabbiliti pieni jew l-eżistenza ta' dejn ta' dwana tkun raġuni sabiex jittieħdu proċeduri kriminali."

9       Il-Kodiċi Doganali daħal fis-seħħ, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 253 tiegħu, wara l-1 ta' Jannar 1994.

10     Qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi Kodiċi, dan il-qasam kien irregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1697/79 ta' l-24 ta' Lulju 1979 dwar l-irkupru a posteriori ta' dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni li ma kinux meħtieġa mill-persuna responsabbli għall-ħlas fuq merkanziji mdaħħla għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallsu dawk id-dazji (ĠU L 197, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1980, u permezz tar-Regolament tal-Kumsill (KEE) Nru 1854/89 ta' l-14 ta' Ġunju 1989 dwar id-dħul fil-kontijiet u termini ta' ħlas ta' ammonti ta' dazji fuq l-importazzjoni u dazji fuq l-esportazzjoni li jirriżultaw minn dejn doganali (ĠU L 186, p. 1). Dan ta' l-aħħar japplika għall-ammonti ta' dazji li daħlu fil-kontijiet sa' mill-1 ta' Lulju 1990.

11     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1697/79:

"1.      Meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li parti jew l-ammont kollu ta' dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni legalment dovuti għal merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu ta' ħlas ta' tali dazji ma kinux meħtieġa mill-persuna responsabbli għall-ħlas, huma jibdew azzjoni ta' rkupru għad-dazji mhux imħallsa.

Madankollu, din l-azzjoni ma tistax tittieħed wara li jiskadi t-terminu ta' tliet snin li jibda' jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont oriġinalment meħtieġ mill-persuna responsabbli għall-ħlas, jew, jekk ma kienx hemm dħul fil-kontijiet, li jibda' jiddekorri mid-data ta' meta nħoloq id-dejn doganali li jirrigwarda l-merkanzija in kwistjoni.

2.      Fir-rigward tal-paragrafu 1, l-azzjoni ta' rkupru tinbeda meta l-persuna interessata tiġi nnotifikata bl-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew ta' dazji fuq l-esportazzjoni li hija għandha r-responsabbiltà li tħallas." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1854/89 id-definizzjoni tal-kunċett ta' "dħul fil-kontijiet" hija fformulata kif ġej:

" [...] id-dħul, mill-awtoritajiet doganali, fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti, ta' l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew ta' dazji fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondu ma dejn doganali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     L-Artikolu 2(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi:

"Kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, iktar 'il quddiem "ammont ta' dazju", għandu jiġi kalkulat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji u jiddaħħlu fil-kontijiet mill-imsemmija awtoritajiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14     L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1854/89 huwa fformulat kif ġej:

"Fejn l-ammont ta' dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 3 u 4 jew iddaħħal fil-kontijiet f'livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta' dazju li għandu jiġi rkuprat jew li fadal jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtorità doganali ssir taf bis-sitwazzjoni u tkun f'pożizzjoni li tikkalkula l-ammont legalment dovut u tistabbilixxi l-persuna responsabbli għal ħlas ta' dan l-ammont. Dan it-terminu jista' jiġi pprorogat skond l-Artikolu 4." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15     L-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi:

"L-ammont ta' dazju dovut għandu jiġi kkomunikat, malli jiddaħħal fil-kontijiet, lill-persunna responsabbli għall-ħlas tiegħu, skond il-proċeduri li jkunu xierqa." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16     Il-Kodiċi Doganali ġie emendat, b'mod partikolari, mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2700/2000 tas-16 ta' Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     L-aġent iddikjara fil-Belġju, bejn id-9 ta' April 1992 u t-23 ta' Ġunju 1994, f'isem u għan-nom ta' kumpannija oħra, importazzjonijiet ta' kassetti video (video casettes) li għaddew minn Hong Kong u li kienu ġejjin minn Macao.

18     Fid-dawl tas-sistema ġenerali ta' tariffi preferenzjali applikabbli għall-merkanzija li tkun ġejja minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawn l-importazzjonijiet ġew eżentati mid-dazji tad-dwana.

19     Wara inkjesta li saret f'Macao, il-Kumitat ta' l-Oriġini, imwaqqaf mill-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68 tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta' l-oriġini ta' merkanziji (ĠU L 148, p. 1), iddeċieda li jeskludi din il-merkanzija mit-tariffa preferenzjali minħabba li din kienet fil-verità toriġina miċ-Ċina u kienet konsegwentement suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-pajjiżi terzi, kif ukoll għad-dazji kontra d-dumping. Id-deċiżjoni tal-Kumitat ġiet innotifikata lill-Istati Membri fl-10 ta' Awwissu 1994.

20     Permezz ta' ittra rreġistrata tas-27 ta' Frar 1995, l-ispettorat ta' investigazzjoni tad-dwana u s-sisa ta' Antwerp informa lill-aġent bl-imsemmija inkjesta u kkomunikatlu l-ammonti ta' dazji fuq l-importazzjoni u ta' dazji kontra d-dumping li kienu dovuti.

21     Skond il-Gvern Belġjan, l-ammont ta' l-imsemmija dazji ġie mdaħħal fil-kontijiet fis-7 ta' Marzu 1995.

22     Bl-ittra tad-29 ta' Settembru 1995, id-direttorat reġjonali tad-dwana u s-sisa (iktar 'il quddiem "l-amministrazzjoni"), skond l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, ikkomunika lill-aġent l-irkupru a posteriori ta' dawn l-istess dazji.

23     L-amministrazzjoni, minkejja lment imressaq mill-aġent, baqgħet fuq il-pożizzjoni tagħha u fit-3 ta' Lulju 2000 bdiet proċeduri legali kontra dan ta' l-aħħar. Permezz tas-sentenza tat-22 ta' April 2002, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-prim'istanza ta' Antwerp) iddikjarat it-talba ta' l-amministrazzjoni bħala mhux fondata, billi qieset li din kienet ipproċediet b'mod irregolari għall-irkupru a posteriori tad-dazji tad-dwana in kwistjoni. B'mod partikolari, il-qorti ddeċidiet li t-terminu ta' dekorrenza ta' tliet snin stabbilit fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali kien skada peress li kien ġie kkomunikat lill-aġent ammont ta' dazju dovut għal dejn li nħoloq fid-9 ta' April 1992. L-amministrazzjoni appellat din is-sentenza.

24     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (qorti ta' l-appell ta' Antwerp) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikoli 217 sa' 232 tal-Kodiċi Doganali […], jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 ('irkupru ta' l-ammont ta' dejn doganali'), tat-Titolu VII ('dejn doganali'), li huwa kompost minn Taqsima 1 ('Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazju lid-debitur' – Artikoli 217 sa' 221) u Taqsima 2 ('Limitu ta' żmien u proċeduri għall-ħlas ta' l-ammont ta' dazju' – Artikoli 222 sa' 232), huma applikabbli għall-irkupru ta' dejn doganali li nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994 iżda li l-irkupru tiegħu ma nbediex qabel dik id-data?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, għandha l-komunikazzjoni imposta mill-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […] issir dejjem wara d-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont ta' dazji jew, fi-kliem ieħor, il-komunikazzjoni imposta mill-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […] għandha tkun dejjem ippreċeduta mid-dħul fil-kontijiet ta' l-ammont ta' dazji?

3)      Il-fatt li lid-debitur issir komunikazzjoni tard, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin previst mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali […], fl-ewwel verżjoni tiegħu [fis-seħħ qabel ma ġie mibdul (sa' mid-19 ta' Diċembru 2000) mill-Artikolu 1(17) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tas-16 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 311, p. 17], anki jekk l-awtoritajiet doganali kienu fil-pożizzjoni li jiddeterminaw matul dan l-istess terminu l-ammont eżatt tad-dazji legalment dovuti, jagħmel l-irkupru tad-dejn doganali in kwistjoni impossibbli jew iwassal għall-annullament ta' dan id-dejn doganali jew xi konsegwenza ġuridika oħra?

4)       Għandhom l-Istati Membri jiddefinixxu l-proċedura li biha d-debitur għandu ssirlu komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji kif mitlub mill-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […]?

Jekk ir-risposta hija pożittiva, jista' Stat Membru li naqas milli jiddefinixxi l-proċedura li biha d-debitur għandu jiġi nnotifikat bl-ammont ta' dazji kif meħtieġ mill-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […] isostni li kull dokument li jindika l-ammont ta' dazji u li (wara d-dħul fil-kontijiet) kien ikkomunikat lid-debitur jikkostitwixxi komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazji fis-sens ta' l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […], anke jekk dan id-dokument bl-ebda mod ma jirreferi għall-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali […] u lanqas ma jippreċiża li huwa komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazji?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

25     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju tistaqsi fuq l-applikazzjoni temporali tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 217 sa' 232 tal-Kodiċi Doganali, li jinstabu fil-Kapitolu 3 tat-Titolu VII ta' l-imsemmi Kodiċi u li jirrigwardaw l-irkupru ta' l-ammont tad-dazju doganali, peress li l-Kodiċi Doganali huwa applikabbli, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 253 tiegħu, mill-1 ta' Jannar 1994.

26     L-imsemmija qorti, bit-tielet domanda tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta' rispett tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

27     Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' rinviju, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ewwel domanda, anki jekk il-formulazzjoni tagħha tinkludi globalment l-Artikoli 217 sa' 232 tal-Kodiċi Doganali, prinċipalment tikkonċerna l-Artikolu 221 ta' l-istess Kodiċi, peress li l-qorti ta' rinviju b'mod partikolari tistaqsi jekk dan l-aħħar Artikolu huwiex applikabbli għal dejn doganali, li nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994, li l-irkupru tiegħu nbeda wara din id-data u qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2700/2000.

28     Konsegwentement, fid-dawl tar-rabta' li tgħaqqad l-ewwel u t-tielet domandi dwar l-analiżi frir-rigward ta' l-effetti ta' l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li dawn jiġu kkunsidrati flimkien.

29     F'dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, il-Gvern Belġjan iqis li l-Artikoli msemmija fihom biss regoli sostantivi u mhumiex, konsegwentement, applikabbli għad-djun doganali li nħolqu qabel l-1 ta' Jannar 1994.

30     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-aġent, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat-12 ta' Novembru 1981, (Salumi et., 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), jikkunsidraw li dawn l-istess Artikoli, li fl-istess ħin jinkludu regoli sostantivi u regoli tal-proċedura, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b'mod iżolat f'dak li jirrigwarda l-effett temporali tagħhom safejn dawn jiffurmaw ħaġa waħda li ma tistax tiġi separata. Madankollu, it-talbiet tagħhom huma differenti. Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li huma biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1797/79 li huma applikabbli għall-irkupru a posteriori ta' dejn doganali, li nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994, iżda li l-irkupru tiegħu nbeda biss wara dik id-data. Min-naħa l-oħra l-aġent, min-naħa tiegħu, isostni t-teżi ta' l-applikabbiltà ta' l-Artikoli 217 sa' 232 tal-Kodiċi Doganali għall-irkupru ta' tali dejn.

31     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, bil-kontra tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom [ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Salumi et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 9; tas-6 ta' Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni C-121/91 u C-122/91, Ġabra p. I-3873, punt 22; tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 13, u ta' l-14 ta' Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I-10433, punt 29].

32     Fil-punt 11 tas-sentenza Salumi et., iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b'eċċezzjoni għar-regola mfakkra iktar 'il fuq, li r-Regolament Nru 1697/79, li kien intiż sabiex jistabbilixxi korp ta' regoli għall-irkupru a posteriori tad-dazji tad-dwana, kien fih kemm regoli ta' proċedura kemm regoli sostantivi li kienu jiffurmaw ħaġa waħda indiviżibbli li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom ma setgħux jiġu kkunsidrati b'mod iżolat f'dak li jirrigwarda l-effett temporali tagħhom. Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa' 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eċċezzjoni hija ġġustifikata meta sistema Komunitarja ġdida tissostitwixxi sistemi nazzjonali li kienu diġà jeżistu, bl-għan li tintlaħaq applikazzjoni koerenti u uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja hekk stabbilita.

33     Fil-każ in eżami, safejn id-domanda magħmula tirrigwarda esklużivament l-applikazzjoni temporali tal-Kodiċi Doganali, li l-għan tiegħu huwa li jirripproduċi, u f'ċertu aspetti jemenda, il-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet diġà teżisti fil-kamp tad-dritt doganali, b'mod partikolari r-Regolamenti Nru 1697/79 u Nru 1854/89, preċedentement fis-seħħ, l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta' interpretazzjoni mfakkra iktar 'il fuq fil-punt 31 ta' din is-sentenza mhijiex applikabbli.

34     Għandha ssir, għaldaqstant, distinzjoni bejn ir-regoli sostantivi u r-regoli ta' proċedura. Konsegwentement, hija l-qorti ta' rinviju li għandha, għall-fatti tal-kawża prinċipali li magħhom huma marbutin id-dazji doganali li nħolqu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi, tirreferi, minn naħa, għar-regoli sostantivi li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti għal dik id-data u, min-naħa l-oħra, għar-regoli ta' proċedura li jinsabu fil-Kodiċi Doganali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14, u tat-13 ta' Marzu 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-156/00, Ġabra p. I-2527, punti 35 u 36).

35     Safejn id-domanda tal-qorti ta' rinviju tirrigwarda prinċipalment l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, f'dan l-istadju għandha tittieħed deċiżjoni fuq in-natura tad-dispożizzjonijiet li jikkomponu l-imsemmi Artikolu f'dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn regoli sostantivi u regoli ta' proċedura.

36     Mhuwiex paċifiku li l-paragrafi 1 u 2 ta' l-imsemmi Artikolu jistabbilixxu regoli ta' natura purament proċedurali.

37     F'dak li jirrigwarda l-portata u, għaldaqstant, in-natura tar-regola stabbilita mill-Artikolu 221(3), din hija speċifikament is-suġġett tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Din ta' l-aħħar għalhekk tistaqsi fuq l-effet ta' komunikazzjoni tard ta' l-ammont ta' dazji lid-debitur, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin previst minn din id-dispożizzjoni li essenzjalment tirriproduċi dik li tidher fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1697/79 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 6).

38     F'dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan, l-aġent u l-Kummissjoni jsostnu li l-komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji lid-debitur wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin, kemm jekk taħt il-Kodiċi Doganali kemm jekk taħt il-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ preċedentement, tagħmel l-irkupru tad-dejn impossibbli. Skond dawn, dan il-fatt madankollu m'għandux l-effett ta' l-estinzjoni tad-dejn.

39     Mhuwiex dibattibbli li l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin previst mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, sabiex l-awtoritajiet doganali jikkomunikaw lid-debitur bl-ammont tad-dazju, jirrestrinġi d-dritt ta' dawn l-awtoritajiet li jipproċedu għall-irkupru ta' l-imsemmi dejn, ħlief jekk l-awtoritajiet doganali ma kinux fil-pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont eżatt tad-dazji legalment dovuti minħabba att li jista' jagħti lok għal proċeduri kriminali. Madankollu, id-dispożizzjoni in kwistjoni fl-istess hin tistabbilixxi regola li tirregola d-dejn doganali stess u tistabbilixxi, konsegwentement, regola ta' preskrizzjoni ta' din ta' l-aħħar.

40     Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jippreċiża li l-lista tad-diversi kawżi ta' estinzjoni tad-dejn doganali li tidher fl-inċiżi a) sa' d) ta' dan l-Artikolu huma bla ħsara, b'mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-preskrizzjoni tad-dejn doganali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra p. I-10655, punti 30 u 31).

41     Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, safejn, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, id-dejn jiġi preskritt u għaldaqstant estint, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola sostantiva.

42     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun kif ġej:

–       Huma biss ir-regoli ta' proċedura li jidhru fl-Artikoli 217 sa' 232 tal-Kodiċi Doganali li japplikaw għall-irkupru, mibdi qabel l-1 ta' Jannar 1994, ta' dejn doganali li nħoloq qabel dik id-data.

–       Ma' l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, l-azzjoni ta' rkupru tad-dejn doganali hija preskritta sakemm ma tapplikax l-eċċezzjoni prevista f'dan l-istess Artikolu, li tammonta għall-preskrizzjoni ta' l-istess dejn u, għaldaqstant, għall-estinzjoni tiegħu. Fir-rigward tar-regola hekk stabbilita, l-Artikolu 221(3) għandu jiġi kkunsidrat, bil-kontra tal-paragrafi 1 u 2 ta' l-istess Artikolu, bħala li huwa dispożizzjoni sostantiva u ma tistax, għalhekk, tiġi applikata għall-irkupru ta' dejn doganali li nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994. Peress li d-dejn doganali nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994, l-imsemmi dejn jista' jiġi rregolat biss mir-regoli ta' preskrizzjoni fis-seħħ f'dik id-data, anki jekk il-proċedura ta' rkupru tad-dejn inbdiet wara l-1 ta' Jannar 1994.

 Dwar it-tieni Domanda

43     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju tistaqsi, fl-ipoteżi ta' l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji lid-debitur imposta mill-paragrafu 1 ta' l-imsemmi Artikolu tistax isseħħ qabel "id-dħul fil-kontijiet" stess.

44     Għandu jiġi enfasizzat li l-Kodiċi Doganali essenzjalment jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1854/89 dwar il-kalkolu tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jniedi l-proċedura għall-irkupru tad-dejn doganali, dawk li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-kunċett ta' "dħul fil-kontijiet", kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-ħtieġa ta' komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji, skond proċeduri xierqa, malli dan jiddaħħal fil-kontijiet.

45     Il-Gvern Belġjan jikkunsidra li peress li l-Kodiċi Doganali mhuwiex applikabbli mhemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda. Il-Kummissjoni tirreferi għar-Regolament Nru 1697/79 u tqis li d-dħul ta' l-imsemmi ammont fil-kontijiet mhuwiex kundizzjoni preliminari meħtieġa għall-bidu ta' azzjoni ta' rkupru. L-aġent iqis, min-naħa tiegħu, li l-komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji għandha dejjem issir wara d-dħul fil-kontijiet.

46     Mill-formulazzjoni ta' l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, li, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa nieqes minn kull ambigwità, jirriżulta li d-dħul fil-kontijiet, li jikkonsisti fid-dħul ta' l-ammont ta' dazju, mill-awtoritajiet doganali, fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti, għandu bilfors jippreċedi l-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni.

47     Tali proċess kronoloġiku tal-proċeduri ta' dħul fil-kontijiet u ta' komunikazzjoni ta' l-ammonti ta' dazji, ikkonsakrat fl-istess titolu tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali bħala "Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazju lid-debitur", għandu jiġi rrispettat sabiex ma jikkawżax differenzi ta' trattament bejn il-persuni responsabbli għall-ħlas u, konsegwentement, tkun ta' dannu għall-funzjonament armonjuż ta' l-unjoni doganali. Ir-Regolament Nru 1854/89 jadotta dan l-istess raġunament, li fih ir-raba' premessa tiegħu tirreferi għat-"termini li fihom l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jkunu ddaħlu fil-kontijiet għandhom jitħallsu".[traduzzjoni mhux uffiċjali]

48     Din is-soluzzjoni bl-ebda mod ma tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, li tgħid li n-nuqqas ta' rispett tat-termini previsti għad-dħul, mill-awtorità doganali, ta' l-ammont ta' dazju fil-kotba tal-kontijiet mhuwiex ta' ostakolu għall-irkupru a posteriori, peress li n-nuqqas ta' rispett tat-termini stabbiliti għad-dħul fil-kontijiet jistgħu jagħtu lok biss għall-ħlas ta' imgħax fuq l-arretrati mill-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi propji (ara b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta' Novembru 1998, Covita, C-370/96, Ġabra p. I-7711, punti 36 u 37, u De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Dawn is-sentenzi jiddeċiedu, fil-fatt, biss fuq il-kwistjoni ta' l-effetti marbuta mad-dewmien tad-dħul fil-kontijiet u jikkonċernaw esklużivament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Komunità.

49     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jitlob li l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jkun imdaħħal fil-kontijiet qabel ma jiġi kkomunikat lid-debitur.

 Dwar ir-raba' domanda

50     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istati Membri għandhomx jiddefinixxu l-proċeduri li bihom, skond l-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali, għandha ssir il-komunikazzjoni ta' l-ammont ta' dazji lid-debitur tad-dejn doganali.

51     L-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni jsostnu li l-Istati Membri mhumiex marbuta li jirregolaw, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-proċeduri ta' komunikazzjoni tad-dejn doganali. Skond l-aġent, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawn il-proċeduri u, fil-każ li dawn m'għamlux hekk, huwa biss dokument li jirreferi b'mod ċar u mhux ekwivoku għall-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali li għandu l-istess valur ta' komunikazzjoni fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu.

52     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata l-Komunità u li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, huma l-Istati Membri li għandhom, skond l-Artikolu 10 KE, jassiguraw fuq it-territorju tagħhom it-twettieq tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji. Safejn id-dritt Komunitarju, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu, ma jipprovdux regoli komuni f'dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali, fl-implementazzjoni ta' dawn il-leġiżlazzjonijiet, għandhom isegwu r-regoli sostantivi u r-regoli ta' proċedura tad-dritt nazzjonali tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Novembru 1995, Dominikanerinnen-Kloster Altenhohenau, C-285/93, Ġabra p. I-4069, punt 26, u tal-25 ta' Marzu 2004, Azienda Agricola Giorgio, Giovanni u Luciano Visentin et., C-495/00, Ġabra p. I-2993, punt 39).

53     Fin-nuqqas, fil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja, ta' dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sinjifikat tal-kunċett ta' "proċeduri xierqa" u ta' kull dispożizzjoni li tikkonferixxi kompetenza lil entità oħra, minbarra l-Istati Membri u lill-awtoritajiet tagħhom, sabiex jiddeterminaw l-imsemmija proċeduri, għandu jiġi kkunsidrat li dawn jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta' l-Istati Membri. Fl-ipotezi li dawn m'għamlux regoli ta' proċedura speċifiċi, huma l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li għandhom jiggarantixxu komunikazzjoni li tippermetti li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali tkun mgħarrfa kif jixraq bid-drittijiet tagħha.

54     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar il-fuq, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li l-Istati Membri mhumiex marbuta li jadottaw regoli ta' proċedura speċifiċi li jirrigwardaw il-proċeduri li bihom għandha sseħħ il-komunikazzjoni lill-persuna responsabbli mill-ħlas ta' l-ammonti ta' dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni peress li jistgħu jiġu applikati għall-imsemmija komunikazzjoni regoli ta' proċedura interni ta' portatà ġenerali li jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-persuna responsabbli għall-ħlas u li jippermettulha tiggarantixxi, bl-għarfien kollu tal-fatti, id-difiża tad-drittijiet tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

55     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi:

1)      Huma biss ir-regoli tal-proċedura li jidhru fl-Artikoli 217 sa' 232 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità li japplikaw għall-irkupru, mibdi qabel l-1 ta' Jannar 1994, ta' dejn doganali li nħoloq qabel dik id-data.

2)      L-Artikolu 221(1), tar-Regolament Nru 2913/92 jeħtieġ li l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jkun imdaħħal fil-kontijiet qabel ma jiġi kkomunikat lid-debitur.

3)      Ma' l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 221(3) tar-Regolament Nru 2913/92, l-azzjoni ta' rkupru tad-dejn doganali hija preskritta sakemm ma tapplikax l-eċċezzjoni prevista f'dan l-istess Artikolu, li tammonta għall-preskrizzjoni ta' l-istess dejn u għaldaqstant għall-estinzjoni tiegħu. Fir-rigward tar-regola hekk stabbilita, l-Artikolu 221(3) għandu jiġi kkunsidrat, bil-kontra tal-paragrafi 1 u 2 ta' l-istess Artikolu, bħala li huwa dispożizzjoni sostantiva u ma tistax, għalhekk, tiġi applikata għall-irkupru ta' dejn doganali li nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994. Peress li d-dejn doganali nħoloq qabel l-1 ta' Jannar 1994, l-imsemmi dejn jista' jiġi rregolat biss mir-regoli ta' preskrizzjoni fis-seħħ f'dik id-data, anki jekk il-proċedura ta' rkupru tad-dejn inbdiet wara l-1 ta' Jannar 1994.

4)      L-Istati Membri mhumiex marbuta li jadottaw regoli ta' proċedura speċifiċi li jirrigwardaw il-proċeduri li bihom għandha sseħħ il-komunikazzjoni lill-persuna responsabbli mill-ħlas ta' l-ammonti ta' dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni peress li jistgħu jiġu applikati għall-imsemmija komunikazzjoni regoli ta' proċedura interni ta' portatà ġenerali li jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-persuna responsabbli għall-ħlas u li jippermettulha tiggarantixxi, bl-għarfien kollu tal-fatti, id-difiża tad-drittijiet tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top