EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0129

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tt-8 ta' Settembru 2005.
Espace Trianon SA u Société wallonne de location-financement SA (Sofibail) vs Office communautaire et régional de la formation professionnelle et de l'emploi (FOREM).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 89/665/KEE - Proċedura ta' reviżjoni ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi - Persuni li għalihom għandha tkun aċċessibbli l-proċedura ta' reviżjoni - Assoċjazzjoni temporanja li titfa' offerta - Projbizzjoni li membru ta' assoċjazzjoni temporanja jressaq rikors ta' reviżjoni waħdu - Kunċett "ta' interess li takkwista kuntratt pubbliku'.
Kawża C-129/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:521

62004J0129



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-129/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Marzu 2004, fil-kawża

Espace Trianon SA ,

Société wallonne de location-financement SA (Sofibail)

vs

Office communautaire et régional de la formation professionnelle et de l'emploi (FOREM) ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Kluka, Imħallfin

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għal Espace Trianon SA u société wallonne de location-financement SA (Sofibail), minn P. Coenraets u C. Lépinois, avocats ,

- għal Office communautaire et régional de la formation professionnelle et de l'emploi (FOREM), minn Uyttendaele, Mareschal u D. Gerard, avocats ,

- għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-15 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/665").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Espace Trianon SA (aktar 'il quddiem "Espace Trianon") u société wallonne de location-financement SA (aktar 'il quddiem "Sofibail"), membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja "Espace Trianon-Sofibail", kontra l-Office communautaire et régional de la formation professionnelle et de l'emploi (aktar 'il quddiem "FOREM"), fir-rigward ta' proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta' proċeduri ta' għoti ta' kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b'mod partikolari, malajr kemm jista' jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b'mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta' [kuntratti] pubbli[ċi] jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

[...]

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' reviżjoni huma disponibbli [aċċessibbli], taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta' l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta' provvista pubblika jew xogħlijiet pubbliċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f'riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. [...]"

4. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta' reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

[...]

b) jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta' deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta' speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji [fis-sejħa] għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f'kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt;

[...]"

5. L-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħolijiet pubbliċi (ĠU 1993 L 199, p. 54), jipprovdi li:

"L-offerti jistgħu jintbagħtu minn gruppi ta' kuntratturi. Dawn il-gruppi ma jistgħux jintalbu jieħdu forma legali speċifika biex jibagħtu l-offerta; madankollu, l-grupp magħżul jista' jintalab li jagħmel dan meta jingħatalu l-kuntratt."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(1) tal-liġijiet ikkonsolidati, tat-12 ta' Jannar 1973, dwar il-Conseil d'Etat ( Moniteur belge tal-21 ta' Marzu 1973, p.3461), il-Conseil d'Etat għandu kompetenza biex jisma' rikorsi għal annullament imressqa kontra deċiżjonijiet ta' għoti ta' kuntratt pubbliku.

7. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 ta' l-istess liġijiet ikkonsolidati, li jirregolaw, b'mod partikolari, il-kwalità li fiha wieħed jista' jaġixxi sabiex iressaq rikors għal annullament, jipprovdi li:

"Ir-[...]rikorsi għal annullament [...] jistgħu jiġu ppreżentati quddiem is-sezzjoni ta' amministrazzjoni minn kull parti, li turi ħsara jew interess, u għandhom jitressqu quddiem is-sezzjoni bil-miktub taħt il-forom u t-termini stabbiliti mir-Re."

8. Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni li wieħed jirrikorri għall-kawża, l-Artikolu 522(2) tal-Kodiċi dwar il-Kumpanniji jipprovdi li fil-każ ta' kumpanniji pubbliċi:

"Il-kunsill ta' amministrazzjoni jirrappreżenta l-kumpannija fir-rigward ta' terzi u f'kawża, kemm meta rikorrenti u kif ukoll meta konvenuta. Madankollu, l-istatuti jistgħu jattribwixxu l-kwalita' ta' rappreżentant tal-kumpannija lil wieħed jew aktar amministraturi, weħidhom jew kollettivament. Din il-klawsola torbot lil terzi. [...]"

9. L-imsemmi kodiċi jirregola l-istatut tal-konsorzji, li qabel kienu jissejħu "assoċjazzjonijiet temporanji". Il-konsorzju huwa definit fl-Artikolu 47 ta' l-istess kodiċi bħala "kumpannija mingħajr personalità ġuridika li l-għan tagħha huwa li tinnegozja, mingħajr raġuni soċjali, waħda jew aktar attivitajiet kummerċjali partikolari".

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10. Fit-30 ta' Settembru 1997, il-FOREM, bħala awtorità li tiddeċiedi dwar l-għoti, ippubblikat sejħa għal offerta fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għad-"disinjar, il-kostruzzjoni u l-iffinanzjar ta' proprjetà immobbli ta' madwar 6500m 2 " għall-użu ta' l-amministrazzjoni tagħha ta' Liège.

11. Fl-20 ta' Frar 1988 infetħu l-offerti. Ġew ippreżentati ħames offerti u waħda minnhom kienet ta' l-assoċjazzjoni temporanja Espace Trianon-Sofibail.

12. Fit-22 ta' Diċembru 1998, il-kumitat ta' amministrazzjoni tal-FOREM ta l-kuntratt lil assoċjazzjoni temporanja oħra, CIDP-BDC. Fit-8 ta' Jannar 1999, l-istess kumitat ta' amministrazzjoni kkonferma d-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta' Diċembru 1998. Fil-25 ta' Jannar 1999, id-deċiżjoni ta' l-għotja ġiet innotifikata lil Espace Trianon u lil Sofibail.

13. Fid-19 ta' Frar 1999 u fit-8 ta' Marzu 1999, rispettivament, dawn l-aħħar żewġ kumpanniji ppreżentaw rikorsi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-kumitat ta' amministrazzjoni tal-FOREM tat-22 ta' Diċembru 1998 u tat-8 ta' Jannar 1999.

14. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Conseil d'État josserva li d-deċiżjonijiet ta' Espace Trianon li jinbdew proċeduri legali ttieħdu minn tnejn mill-amministraturi tagħha u mhux mill-kunsill ta' amministrazzjoni konformement ma' l-istatuti tagħha. Għalhekk, huma irregolari. Huwa jirrileva li, għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet ta' Sofibail li jinbdew proċeduri legali ma jistgħux jiġu kkontestati.

15. Peress illi dawn il-kumpanniji ppreżentaw l-offerta tagħhom f'isem l-assoċjazzjoni temporanja Espace Trianon-Sofibail u d-deċiżjonijiet ta' Espace Trianon li jinbdew proċeduri legali huma irregolari, il-Conseil d'État iddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti s-segwenti domandi preliminari, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorsi ta' Sofibail humiex ammissibbli peress illi hija l-unika li tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-kumitat ta' amministrazzjoni tal-FOREM tat-22 ta' Diċembru 1998 u tat-8 ta' Jannar 1999:

"1) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 [...] jipprekludi dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19, tal-liġijiet dwar il-Conseil d'État, ikkonsolidati fit-12 ta' Jannar 1973, li hija interpretata bħala li tobbliga lill-membri ta' assoċjazzjoni temporanja mingħajr personalità ġuridika li, bħala tali, ipparteċipat fi proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku u ma ngħatatx l-imsemmi kuntratt, jaġixxu kollha flimkien, bħala assoċjati jew f'isimhom proprju, sabiex iressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-għoti ta' l-imsemmi kuntratt?

2) Ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun differenti jekk il-membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja jaġixxu flimkien u r-rikors ta' wieħed mill-membri tagħha jkun inammissibbli?

3) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 [...] jipprekludi dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 tal-liġijiet dwar il-Conseil d'État, ikkonsolidati fit-12 ta' Jannar 1973, li hija interpretata bħala li tipprojbixxi membru ta' tali assoċjazzjoni temporanja milli jressaq rikors waħdu, kemm jekk bħala membru ta' l-assoċjazzjoni, kemm jekk f'ismu proprju, kontra d-deċiżjoni ta' l-għoti?"

Fuq id-domandi preliminari

16. L-ewwel u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprekludix regola nazzjonali li tipprovdi li, meta assoċjazzjoni temporanja, li m'għandhiex personalità ġuridika, ipparteċipat bħala tali fi proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku u ma ngħatatx l-imsemmi kuntratt, il-membri ta' din l-assoċjazzjoni jistgħu jressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-għoti bil-kundizzjoni li jippreżentawh flimkien. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-risposti għall-ewwel u t-tielet domandi jkunux differenti jekk il-membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja jaġixxu flimkien iżda r-rikors ta' wieħed minnhom ikun inammissibbli.

17. Għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet li jiddeċiedu dwar l-għoti għandhom ikollhom il-possibbiltà li jkunu s-suġġett ta' rikorsi ta' reviżjoni effettivi u li, skond il-paragrafu 3 ta' l-imsemmi artikolu, il-proċeduri tar-rikors ta' reviżjoni għandhom ikunu, mill-inqas, aċċessibbli għall-persuni kollha li għandhom interess jiksbu kuntratt pubbliku.

18. Espace Trianon, Sofibail u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li, f'ċirkostanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, regola nazzjonali ta' proċedura li teħtieġ li l-membri ta' assoċjazzjoni temporanja jibdew proċeduri legali flimkien, u li għaldaqstant jaqblu unanimament sabiex iressqu rikors kontra deċiżjoni ta' għoti ta' kuntratt pubbliku, ma tosservax il-kundizzjoni ta' aċċessibbiltà għal proċeduri ta' rikors ta' reviżjoni stabbilita fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. Fil-fehma tagħhom protezzjoni ġuridika effettiva għandha tippermetti li l-membri ta' tali assoċjazzjoni jkollhom dritt għal rikors individwali.

19. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1, filwaqt li jirreferi għal kull persuna li għandha interess li takkwista kuntratt pubbliku, jirreferi, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għall-persuna li, bil-preżentazzjoni ta' l-offerta tagħha għall-kuntratt pubbliku in kwistjoni, uriet b'mod sodisfaċenti l-interess tagħha li takkwista dan il-kuntratt.

20. Madankollu, f'din is-sitwazzjoni, hija l-assoċjazzjoni temporanja bħala tali li ppreżentat l-offerta, u mhux il-membri tagħha individwalment. Huma wkoll il-membri kollha ta' din l-assoċjazzjoni li, kieku ngħataw il-kuntratt in kwistjoni, kellhom l-obbligu li jiffirmaw il-kuntratt u jeżegwixxu x-xogħolijiet.

21. Kuntrarjament għal sitwazzjonijiet oħra li tressqu quddiem il-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Frar 2004, Grossman Air Service, C-230/02, Ġabra p. I-1829, punt 28, u tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41), fil-kawża prinċipali ma kien hemm xejn li jipprekludi lill-membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja milli, kollha flimkien, bħala assoċjati jew f'isimhom proprju, iressqu rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tat-22 ta' Diċembru 1998 u tat-8 ta' Jannar 1999.

22. Għaldaqstant, regola nazzjonali ta' proċedura li teħtieġ li rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta' awtorità li tiddeċiedi dwar l-għoti li tagħti kuntratt pubbliku għandu jiġi mressaq mill-membri kollha li jiffurmaw l-assoċjazzjoni temporanja, li hija offerent, ma tillimitax l-aċċessibbiltà ta' tali rikorsi b'mod li jmur kontra l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665.

23. Dan huwa aktar u aktar il-każ peress illi, kif jirriżulta mill-proċess, fid-dritt Belġjan, il-membri ta' tali assoċjazzjoni jistgħu, fi kwalunkwe ħin qabel iressqu rikors, jiddeċiedu l-kwistjoni li tikkonċerna l-kapaċità ta' l-assoċjazzjoni li tibda proċeduri legali permezz ta' ftehim intern, mingħajr ebda formalità oħra.

24. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika li l-assoċjazzjonijiet ta' intraprendituri jkollhom jadottaw forma legali partikolari għall-preżentazzjoni ta' l-offerta, tmur kontra l-Artikolu 21 tad-Direttiva 93/37 ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, ir-regola nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita lilha nnifisha għall-kundizzjoni li l-assoċjazzjoni temporanja, sabiex tibda proċeduri legali, għandha tassigura r-rappreżentanza tagħha skond ir-regoli applikabbli għall-forma legali li l-membri tagħha stess jadottaw sabiex ikunu jistgħu jixtħu l-offerta tagħhom.

25. Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-regola ta' proċedura li jsir riferiment għaliha f'din il-kawża tapplika bl-istess mod għar-rikorsi kollha mressqa mill-membri ta' l-assoċjazzjonijiet temporanji b'referenza għall-operazzjonijiet li dawn jeżegwixxu fil-kuntest ta' l-attività tagħhom, mingħajr m'huwa importanti li jsir magħruf jekk it-talbiet humiex ibbażati fuq ksur tad-dritt komunitarju jew tad-dritt nazzjonali, li huma relatati ma' kuntratti pubbliċi ta' xogħolijiet jew ta' operazzjonijiet oħra.

26. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement, ma jistax jiġi aktar ikkunsidrat li regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta' natura li taffettwa l-kundizzjoni ta' rikors ta' reviżjoni effettiv stabbilit fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. Dan il-prinċipju ma jeħtieġx li rikors jiġi ddikjarat ammissibbli meta ma ġewx osservati d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza legali li tirriżulta mill-forma legali adottata għal dak li jikkonċerna il-persuna li tieħu azzjoni.

27. Fl-aħħarnett, fir-rigward tat-tieni domanda, m'hemm xejn li jindika li l-każ fejn ir-rikors kien mill-bidu mressaq minn ċerti membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja biss u dak fejn ir-rikors fil-bidu kien imressaq mill-imsemmija membri kollha iżda r-rikors ta' wieħed minnhom kien, wara, iddikjarat inammissibbli, għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti.

28. Fiż-żewġ każijiet, ir-rikors kien inammissibbli bis-saħħa ta' regoli nazzjonali li ma jagħmlu xejn ħlief jeħtieġu lir-rikorrenti jirrispettaw il-kundizzjonijiet marbuta mar-rappreżentanza legali skond il-forma legali li jagħżlu l-membri stess. Tali kundizzjonijiet huma ta' applikazzjoni ġenerali u ma jillimitawx l-effettività u l-aċċessibbiltà tar-rikorsi ta' reviżjoni għall-offerenti b'mod li jmur kontra d-Direttiva 89/665. Barra minn hekk, l-inammissibbiltà tar-rikors ta' wieħed mill-membri ta' l-assoċjazzjoni temporanja tista' tkun motivata permezz ta' ċirkostanzi li juru b'mod sodisfaċenti li ma kien hemm ebda intenzjoni min-naħa tal-membru in kwistjoni li jibda proċeduri legali.

29. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu li:

- l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, skond id-dritt nazzjonali, huma biss il-membri kollha flimkien ta' assoċjazzjoni temporanja mingħajr personalità ġuridika, li bħala tali, ipparteċipat fi proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku u ma ngħatatx l-imsemmi kuntratt, li jistgħu jressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta' għoti u mhux wieħed biss mill-membri tagħha waħdu;

- l-istess japplika jekk il-membri kollha ta' tali assoċjazzjoni temporanja jaġixxu flimkien iżda r-rikors ta' wieħed mill-membri tagħha huwa ddikjarat inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

30. Peress illi, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, dawn il-proċeduri huma parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata tas-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tiddeċiedi li:

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, skond id-dritt nazzjonali, huma biss il-membri kollha flimkien ta' assoċjazzjoni temporanja mingħajr personalità ġuridika, li bħala tali, ipparteċipat fi proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku u ma ngħatatx l-imsemmi kuntratt, li jistgħu jressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta' għoti u mhux wieħed biss mill-membri tagħha waħdu.

L-istess japplika jekk il-membri kollha ta' tali assoċjazzjoni temporanja jaġixxu flimkien iżda r-rikors ta' wieħed mill-membri tagħha huwa ddikjarat inammissibbli.

Top