Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0029

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-10 ta' Novembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 8, 11(1) u 15(2) tad-Direttiva 92/50/KEE - Proċedura għall-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi - Kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart - Nuqqas ta' sejħa għall-offerti.
Kawża C-29/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:670

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

10 ta' Novembru 2005 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 8, 11(1) u 15(2) tad-Direttiva 92/50/KEE – Proċedura għall-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi – Kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart – Nuqqas ta' sejħa għall-offerti"

Fil-kawża C-29/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-28 ta' Jannar 2004,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata mis-Sur K. Wiedner, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata mis-Sur M. Fruhmann, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Schiemann (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi l-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart tal-belt ta' Mödling kien ġie konkluż bla ma ġew irrispettati r-regoli ta' proċedura u ta' reklamar previsti fid-dispożizzjonijiet ikkumbinati ta' l-Artikoli 8, 11(1) u 15(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta['] servizz[i] pubbli[ċi] (ĠU L 209, p. 1), ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

"(a)      kuntratti ta' servizz[i] pubbli[ċi] għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, [...]

[...]

(b)      l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

         [...]

(ċ)      dak li jipprovdi servizz għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi. [...]

(d)      proċeduri miftuħa għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom dawk kollha interessati li jipprovdu servizz jistgħu jissottomet[t]u offerta;

(e)      proċeduri ristretti għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom dawk biss li jipprovdu servizz mistiedna mill-awtorità jistgħu jissottomettu offerta;

(f)      proċeduri negozjati għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom awtoritajiet jikkonsultaw lil dawk li jipprovdu servizz bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw il-kondizzjonijiet tal-kuntratt ma' wieħed jew iktar minnhom;

[...]"

3       L-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva jiddisponi:

"Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI."

4       L-Artikolu 11(1) ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"Fl-għoti ta' kuntratti ta['] servizz[i] pubbli[ċi], l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), adattati għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva."

5       Skond l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/50:

"L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt ta' servizz[i] pubbliku bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta' notifika."

 Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

6       Fl-20 ta' Mejju 1999, waqt il-laqgħa tal-Kunsill Komunali tagħha, il-belt ta' Mödling iddeċidiet li twaqqaf organu ġuridikament indipendenti sabiex jissodisfa l-obbligi tagħha skond il-liġi tal-Land ta' l-Awstrija t'Isfel fuq il-ġestjoni ta' l-iskart (Niederösterreichisches Abfallwirtschaftsgesetz) ta' l-1992, (LGB1. 8240) bil-għan, b'mod partikolari, li jipprovdi servizzi fil-qasam tal-ġestjoni ekoloġika ta' l-iskart u jwettaq operazzjonijiet kummerċjali relatati, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-eliminazzjoni ta' l-iskart.

7       Konsegwentement, fis-16 ta' Ġunju 1999, ġie redatt l-att kostituttiv relattiv għall-formazzjoni tal-kumpannija Stadtgemeinde Mödling AbfallwirtschaftsgmbH (iktar 'il quddiem il-"kumpannija Abfall"), li l-kapital azzjonarju tagħha kien kompletament miżmum mill-belt ta' Mödling. Fil-25 ta' Ġunju 1999, il-Kunsill Komunali ta' Mödling iddeċieda li jagħti lill-kumpannija Abfall ir-responsabbiltà esklużiva tal-ġestjoni ta' l-iskart fit-territorju komunali.

8       Fil-15 ta' Settembru 1999, il-belt ta' Mödling għaddiet lill-kumpannija Abfall ir-responsabbiltà esklużiva għall-ġbir u għat-trattament ta' l-iskart tagħha, permezz ta' kuntratt li ġie konkluż għal żmien indefinit u li daħal fis-seħħ retroattivament fl-1 ta' Lulju 1999. Dan il-kuntratt kien jistipula l-ammont tal-ħlas, jiġifieri somma fissa għal kull landa taż-żibel jew kull kontenitur, li l-belt ta' Mödling kellha tħallas lill-kumpannija Abfall.

9       Waqt il-laqgħa tiegħu ta' l-1 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Komunali ta' Mödling iddeċieda li jittrasferixxi 49% mill-ishma tal-kumpannija Abfall lill-kumpannija Saubermacher Dienstleistungs-Aktiengesellschaft (iktar 'il quddiem il-"kumpannija Saubermacher"). Skond il-minuti ta' din il-laqgħa, sussegwentement għad-deċiżjoni meħuda fil-25 ta' Ġunju 1999, kienu saru bosta laqgħat mar-rappreżentanti ta' kumpanniji interessati li jiffurmaw sħubija fil-qasam ta' attività tal-kumpannija Abfall, b'mod partikolari mal-kumpannija Saubermacher.

10     Fis-6 ta' Ottubru 1999, l-att kostituttiv tal-kumpannija Abfall ġie emendat sabiex jippermetti l-adozzjoni, mil-laqgħa ġenerali, tal-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet b'maġġoranza sempliċi u jistabbilixxi l-quorum għal 51% tal-kapital azzjonarju. Ġie wkoll deċiż li, fir-relazzjonijiet interni u esterni tagħha, din il-kumpannija tkun irrappreżentata minn żewġ diretturi, kull wieħed nominat minn soċju, li, flimkien, ikollhom il-poter li jiffirmaw għall-kumpannija.

11     It-trasferiment ta' l-ishma fuq imsemmija ġie effettivament imwettaq fit-13 ta' Ottubru 1999. Madankollu, il-kumpannija Abfall bdiet topera biss fl-1 ta' Diċembru ta' wara, jiġifieri f'data li fiha l-kumpannija Saubermacher diġà kellha parti mill-ishma ta' din il-kumpannija.

12     Mill-1 ta' Diċembru 1999 sal-31 ta' Marzu 2000, il-kumpannija Abfall eżerċitat l-attività tagħha esklussivament għall-belt ta' Mödling. Sussegwentement, wara li beda jitħaddem ċentru ta' trasferiment, hija pprovdiet ukoll servizzi lill-terzi, prinċipalment lil komuni oħra tad-distrett.

13     Wara li intimat lir-Repubblika ta' l-Awstrija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fit-2 ta' April 2003, ħarġet opinjoni motivata li fiha kkonstatat il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 li jirriżulta mill-fatt li l-belt ta' Mödling ma kinitx ħarġet sejħa għall-offerti bl-iskop li jingħata l-kuntratt ta' eliminazzjoni ta' l-iskart in kwistjoni, minkejja li dan il-kuntratt kellu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta' servizzi pubbliku skond it-tifsira ta' din id-Direttiva.

14     B'risposta għall-imsemmija opinjoni motivata, ir-Repppublika ta' l-Awstrija sostniet illi l-konklużjoni ta' l-imsemmi kuntratt mal-kumpannija Abfall ma kinitx taqa' fl-ambitu tad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi billi l-kuntratt kien jirrigwarda operazzjoni interna bejn il-Komun ta' Mödling u l-kumpannija Abfall.

15     Billi ma kinitx issodisfatta b'din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-preżenti rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16     Billi l-Kummissjoni ssostni li billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 huma sodisfatti, ir-regoli ta' proċedura ddefiniti fl-Artikolu 11(1) ta' din id-Direttiva u r-regoli ta' reklamar li jinsabu fl-Artikolu 15(2) tagħha huma pjenament applikabbli.

17     Skond il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Awstrijaku fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, m'hemm ebda prova li tistabbilixxi l-eżistenza ta' relazzjoni interna bejn il-Komun ta' Mödling u l-kumpannija Abfall. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat-18 ta' Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 50), li fiha l-Qorti ddeċidiet li s-sejħa għall-offerti mhijiex obbligatorja fil-każ fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din l-entità twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha.

18     Il-Kummissjoni ssostni li anki jekk l-imsemmija sentenza ġiet mogħtija fir-rigward ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU L 199, p. 1), il-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja hija applikabbli għad-direttivi Komunitarji kollha dwar kuntratti pubbliċi. Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, sabiex issostni l-argument tagħha li skondtu d-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi ma japplikawx biss fil-każ fejn l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll illimitat fuq l-offerent rebbieħ. Skond il-Kummissjoni, meta impriża privata jkollha ishma fil-kumpannija rebbieħa, għandu jiġi preżunt li l-awtorità kontraenti ma tistax teżerċita fuq din il-kumpannija "kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess" fis-sens ta' l-imsemmija sentenza. Għalhekk, sehem minoritarju f'impriża privata huwa biżżejjed sabiex jeskludi l-eżistenza ta' operazzjoni interna.

19     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, f'dan il-każ, is-sehem minoritarju tal-kumpannija Saubermacher jimplika l-eżistenza, għall-benefiċċju ta' din il-kumpannija, ta' drittijiet ta' veto u tad-dritt li tinnomina wieħed miż-żewġ diretturi li jgawdu l-istess drittijiet, ħaġa li teskludi li l-belt ta' Mödling tista' teżerċita fuq il-kumpannija Abfall kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

20     Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Awstrijaku jikkontesta, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni.

21     Huwa jsostni li l-formazzjoni tal-kumpannija Abfall, il-konklużjoni tal-kuntratt rigward l-eliminazzjoni ta l-iskart kif ukoll it-trasferiment ta' l-ishma jikkostitwixxu tlett operazzjonijiet distinti li ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, imma direttament fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. Għaldaqstant, m'għandux ikun ikkunsidrat li sar ksur ta' din id-Direttiva ħlief fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni li jsiru l-imsemmija operazzjonijiet tkun ittieħdet bl-iskop li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 jew fl-ipoteżi fejn it-trasferiment ta' l-ishma in kwistjoni jista' jagħti lok għal operazzjoni li taqa' taħt id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

22     Issa l-Kummissjoni m'għamlet ebda osservazzjoni fuq dawn l-ipoteżijiet waqt li kienu għaddejjin il-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. La fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u lanqas fir-rikors ma ddefiniet is-suġġett tal-kawża u lanqas ma pprovat li l-kuntratt in kwistjoni kien ġie konkluż bi ksur tad-Direttiva 92/50 jew esponiet ir-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li l-eżistenza ta' operazzjoni interna hija essenzjali fil-kawża preżenti.

23     Fit-tieni lok, fil-mertu, il-Gvern Awstrijaku jallega li l-Kummissjoni injorat il-fatt li, fiż-żmien meta ġie konkluz il-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart mal-kumpannija Abfall, il-belt ta' Mödling kellha 100% ta' l-ishma ta' din il-kumpannija. B'hekk, billi din kienet operazzjoni interna, sejħa għall-offerti ma kenitx meħtieġa.

24     Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern jikkunsidra li l-kunċett ta' "kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess" fis-sens tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, ma jimplikax kontroll identiku imma kontroll paragunabbli. Anki wara t-trasferiment ta' 49% ta' l-ishma tal-kumpannija Abfall, il-belt ta' Mödling żammet tali kontroll.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà

25     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jissottometti b'mod utli r-raġunijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti miġjuba mill-Kummissjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23, u tal-15 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 10).

26     Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li s-suġġett ta' rikors imressaq taħt l-Artikolu 226 KE huwa ċċirkoskritt mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti. Jekk ilment ma jkunx tressaq fl-opinjoni motivata, ikun inammissibbli fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza l-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11).

27     Fit-tieni lok, l-opinjoni motivata għandha tikkontieni espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat ikkonċernat naqas li jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1997, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-207/96, Ġabra p. I-6869, punt 18, u tal-15 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12).

28     F'dan il-każ, fil-punt 16 ta' l-opinjoni motivata tagħha kif ukoll fil-punt 13 ta' l-ittra ta' intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni sostniet li s-sekwenza kronoloġika ta' l-avvenimenti, mid-deċiżjoni tal-Kunsill Komunali ta' Mödling li jagħti lill-kumpannija Abfall ir-responsabbiltà esklużiva tal-ġestjoni ta' l-iskart ta' dan il-komun sat-trasferiment ta' 49% ta' l-ishma ta' din il-kumpannija lill-kumpannija Saubermacher, tipprova li l-perijodu li fih il-belt ta' Mödling kellha 100% ta' l-ishma tal-kumpannija Abfall fir-realtà kien jikkostitwixxi biss fażi intermedjarja sa l-akkwist ta' ishma f'din il-kumpannija minn impriża privata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat b'mod ċar waqt il-proċedura prekontenzjuża li hija rrifjutat t-teżi tal-belt ta' Mödling ibbażata fuq l-eżistenza ta' tlett operazzjonijiet distinti.

29     Għaldaqstant, il-Kummissjoni esponiet b'mod koerenti u dettaljat ir-raġunijiet għalfejn, billi qieset li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 kienu applikabbli, il-konklużjoni tal-kuntratt li ta lill-kumpannija Abfall ir-responsabbiltà esklużiva tal-ġbir u tat-trattament ta' l-iskart tal-belt ta' Mödling ma setax jiġi kkunsidrat bħala operazzjoni interna u kien imissha saret permezz ta' proċedura ta' sejħa pubblika għall-offerti.

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tar-rikors kien definit b'mod ċar u li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Awstrijaku għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

31     Fil-kuntest tal-preżenti rikors, il-Kummissjoni essenzjalment tallega li l-awtoritajiet Awstrijaċi ppermettew li komun jagħti kuntratt ta' servizzi pubbliku lil kumpannija legalment distinta minn din l-awtorità lokali u li 49% ta' l-ishma tagħha huma miżmuma minn impriża privata, mingħajr ma ġiet implimentata l-proċedura ta' sejħa pubblika għall-offerti prevista fid-Direttiva 92/50.

32     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva kienu sodisfatti. Fil-fatt, billi hija awtorità lokali, il-belt ta' Mödling hija kkunsidrata bħala "awtorità kontraenti", fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, li kkonkludiet kuntratt b'titolu oneruż mal-kumpannija Abfall, li hija "dak li jipprovdi servizz", fis-sens ta' l-Artikolu 1(c) ta' l-istess Direttiva. Is-servizzi ta' ġbir u ta' trattament ta' l-iskart jikkostitwixxu servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 8 u ta' l-Anness I A ta' din id-Direttiva. Barra minn hekk, skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma ġewx ikkontestati mill-Gvern Awstrijaku, il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, hekk kif emendat mid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1), inqabeż f'dan il-każ.

33     Konsegwentement, l-għoti tal-kuntratt għall-imsemmija servizzi seta' jsir biss, skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, f'konformità mar-regoli stabbiliti fit-Titoli III sa VI ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari, fl-Artikolu 11 u 15(2) tagħha. Issa skond din l-aħħar dispożizzjoni, kienet l-awtorità kontraenti kkonċernata li kellha tippubblika avviż ta' kuntratt.

34     Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, is-sejħa għall-offerti mhijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra hija entità ġurikament distinta mill-awtorità kontraenti, fil-każ fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din l-entità twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (sentenzi Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50, u tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle et u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 49).

35     Il-Gvern Awstrijaku jsostni li hekk kien fil-każ preżenti, b'mod li ma kienx hemm għalfejn jiġu applikati l-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi previsti fid-Direttiva 92/50.

36     Fl-ewwel lok, l-imsemmi Gvern isostni li l-konklużjoni tal-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart mal-kumpannija Abfall, li saret meta l-ishma ta' din il-kumpannija kienu għadhom kompletament miżmuma mill-belt ta' Mödling, ma kellux l-għan li tiġi stabbilita relazzjoni bejn persuni legali awtonomi, billi din l-awtorità lokali setgħet teżerċita fuq il-kumpannija Abfall kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. Konsegwentement, dan il-kuntratt ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u l-belt ta' Mödling ma kellha ebda obbligu li toħroġ sejħa pubblika għall-offerti.

37     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

38     Bla ma huwa meħtieġ li tinqata' l-kwistjoni jekk iż-żamma, mill-Komun ta' Mödling, tal-kapital kollu tal-kumpannija Abfall fid-data ta' l-għoti tal-kuntratt ta' servizzi pubbliku kinitx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din l-awtorità lokali eżerċitat fuq il-kumpannija Abfall kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, għandu jiġi rrilevat li d-data relevanti f'dan il-każ sabiex jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 kellhomx jiġu applikati mhijiex id-data effettiva ta' l-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni. Anki jekk hu veru li għal raġunijiet ta' ċertezza legali l-obbligu eventwali ta' l-awtorità kontraenti li toħroġ sejħa pubblika għall-offerti għandu ġeneralment jiġi eżaminat fid-dawl tal-kundizzjonijiet prevalenti fid-data ta' l-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, iċ-ċirkostanzi partikolari tal-preżenti kawża jirrikjedu li jiġu kkunsidrati l-avvenimenti li ġraw wara.

39     Għandu jiġi mfakkar li t-trasferiment ta' 49% ta' l-ishma tal-kumpannija Abfall sar ftit wara li din il-kumpannija ġiet mogħtija r-responsabbiltà esklużiva u għal żmien indeterminat tal-ġbir u tat-trattament ta' l-iskart tal-belt ta' Mödling. Barra minn hekk, il-kumpannija Abfall bdiet topera biss wara li l-kumpannija Saubermacher akkwistat parti mill-ishma tagħha.

40     Għaldaqstant, huwa paċifiku li, permezz ta' kostruzzjoni artifiċjali li tinkludi diversi fażijiet distinti, jiġifieri l-formazzjoni tal-kumpannija Abfall, il-konklużjoni ma' din il-kumpannija tal-kuntratt ta' eliminazzjoni ta' l-iskart u t-trasferiment ta' 49% ta' l-ishma ta' din il-kumpannija lill-kumpannija Saubermacher, kuntratt ta' servizzi pubbliku ngħata lil impriża semi-pubblika li 49% ta' l-ishma tagħha huma miżmuma minn impriża privata.

41     Għaldaqstant, l-għoti ta' dan il-kuntratt għandu jiġi eżaminat billi jiġu kkunsidrati dawn il-fażijiet kollha kif ukoll l-iskop tagħhom u mhux abbażi ta' l-ordni kronoloġiku tagħhom, kif jipproponi l-Gvern Awstrijaku.

42     L-eżami ta' l-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni billi tiġi kkunsidrata biss id-data li fiha sar dan il-kuntratt, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-effetti tat-trasferiment ta' 49% ta' l-ishma tal-kumpannija Abfall lill-kumpannija Saubermacher li seħħ biss ftit taż-żmien wara, kif jissuġġerixxi l-Gvern Awstrijaku, jippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 92/50. It-twettiq ta' l-għan li din id-Direttiva tfittex li tilħaq, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux iddeformata fl-Istati Membri kollha, tkun kompromessa li kieku l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jirrikorru għal manuvri intiżi sabiex jinħeba l-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi lill-impriżi semi-pubbliċi.

43     Fit-tieni lok, il-Gvern Awstrijaku jsostni li, anki wara li ċediet 49% ta' l-ishma tal-kumpannija Abfall lill-kumpannija Saubermacher, il-belt ta' Mödling żammet kontroll identiku għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fid-dawl tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, din iċ-ċirkustanza kienet teżoneraha milli toħroġ sejħa pubblika għall-offerti minħabba li l-konklużjoni tal-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart kien jikkostitwixxi operazzjoni interna.

44     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, f'dan il-każ, il-kuntratt in kwistjoni, li jirrigwarda servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50, ġie konkluż b'titolu oneruż bejn awtorità kontraenti u kumpannija ta' dritt privat legalment distinta minn din l-awtorità, li fil-kapital tagħha din l-awtorità kontraenti kellha sehem maġġoritarju.

45     Fis-sentenza Stadt Halle et u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kwistjoni jekk, f'tali ċirkustanzi, l-awtorità kontraenti hijiex obbligata tapplika l-proċeduri ta' sejħa pubblika għall-offerti previsti mid-Direttiva 92/50 minħabba s-sempliċi fatt li impriża privata għandha sehem, anki minoritarju, fil-kapital tal-kumpannija li magħha tikkonkludi l-kuntratt.

46     Hija ddeċidiet li s-sehem, anki jekk minoritarju, ta' impriża privata fil-kapital ta' kumpannija li fih għandha sehem ukoll l-awtorità kontraenti kkonċernata jeskludi f'kull każ li din l-awtorità kontraenti tista' teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analagu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (sentenza Stadt Halle et u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

47     Ir-relazzjoni bejn awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, u d-dipartimenti tagħha stess hija rregolata minn kunsiderazzjonijiet u eżiġenzi speċifiċi sabiex jintlaħqu għanijiet ta' interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, kull investiment ta' kapital privat f'impriża josserva kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-interessi privati u jsegwi għanijiet ta' natura differenti (sentenza Stadt Halle et u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

48     L-għoti ta' kuntratt pubbliku lil impriża semi-pubblika mingħajr sejħa għall-offerti jippreġudika l-għan tal-kompetizzjoni ħielsa u mhux iddeformata u l-prinċipju tat-trattament indaqs tal-persuni kkonċernati msemmi fid-Direttiva 92/50, billi tali proċedura toffri lil impriża privata li għandha sehem fil-kapital ta' din l-impriża vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha (sentenza Stadt Halle et u RPL Lochau, ċitata iktar 'il fuq, punt 51).

49     Il-Qorti kkonkludiet li fil-każ fejn awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratt b'titolu oneruż li jirrigwarda servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50 ma' kumpannija legalment distinta minnha, li fil-kapital tagħha l-awtorità għandha sehem flimkien ma' waħda jew diversi impriżi privati, il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi previsti f'din id-Direttiva għandhom dejjem jiġu applikati (sentenza Stadt Halle et u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

50     B'hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li billi l-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart tal-belt ta' Mödling kien ġie konkluż bla ma ġew irrispettati r-regoli ta' proċedura u ta' reklamar previsti fid-dispożizzjonijiet ikkumbinati ta' l-Artikoli 8, 11(1) u 15(2) tad-Direttiva 92/50, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

51     Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi l-kuntratt dwar l-eliminazzjoni ta' l-iskart tal-belt ta' Mödling kien ġie konkluż bla ma ġew irrispettati r-regoli ta' proċedura u ta' reklamar previsti fid-dispożizzjonijiet ikkumbinati ta' l-Artikoli 8, 11(1) u 15(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta['] servizz[i] pubbli[ċi], ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva.

2)      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top