This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0543
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 7 June 2005.#Christine Dodl and Petra Oberhollenzer v Tiroler Gebietskrankenkasse.#Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Innsbruck - Austria.#Regulations (EEC) Nos 1408/71 and 574/72 - Family benefits - Child-raising allowance - Entitlement to benefits of the same kind in the Member State of employment and the Member State of residence.#Case C-543/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta' Ġunju 2005.
Christine Dodl u Petra Oberhollenzer vs Tiroler Gebietskrankenkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Benefiċċju għall-edukazzjoni - Dritt għal benefiċċji ta' l-istess natura fl-Istat Membru ta' l-impjieg u fl-Istat Membru tar-residenza.
Kawża C-543/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta' Ġunju 2005.
Christine Dodl u Petra Oberhollenzer vs Tiroler Gebietskrankenkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Benefiċċju għall-edukazzjoni - Dritt għal benefiċċji ta' l-istess natura fl-Istat Membru ta' l-impjieg u fl-Istat Membru tar-residenza.
Kawża C-543/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:364
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
7 ta’ Ġunju 2005(*)
"Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u 574/72 – Benefiċċji tal-familja – Benefiċċju għall-edukazzjoni – Dritt għal benefiċċji ta' l-istess natura fl-Istat Membru ta' l-impjieg u fl-Istat Membru tar-residenza"
Fil-kawża C-543/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-29 ta’ Diċembru 2003, fil-proċedura
Christine Dodl,
Petra Oberhollenzer
vs
Tiroler Gebietskrankenkasse,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, J.‑P. Puissochet, K. Schiemann (Relatur) J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin
Avukat Ġenerali: L.A. Geelhoed,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta’ Diċembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :
– għas-Sinjuri Dodl u Oberhollenzer, minn J. Hobmeier, Rechtsanwalt,
– għat-Tiroler Gebietskrankenkasse, minn A. Bramböck, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi u G. Hesse, bħala aġenti, assistiti minn S. Holzmann, Rechtsanwältin,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,
– għall-Gvern Finlandiż, A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin, H. Kreppe u B. Martenczuk, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta’ Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda interpretazzjoni tar-regolamenti Komunitarji li għandhom x'jaqsmu mall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Hija tirreferi, b'mod partikolari, għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità (ĠU L 149, p. 2), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001, tal-5 ta' Ġunju 2001 (ĠU L 187, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71"), kif ukoll għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) 1408/71 (ĠU L 74, p. 1), fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament (KE) Nru 410/2002 tal-Kummissjoni, tas-27 ta' Frar 2002 (ĠU L 62, p. 17, aktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 574/72").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjuri Dodl u Oberhollenzer u t-Tiroler Gebietskrankenkasse dwar iċ-ċaħda minn din ta' l-aħħar li tagħtihom benefiċċji għat-trobbija tat-tfal.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-Regolament Nru 1408/71
3 L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jistipula li:
"1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom [...] li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta' Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta' nazzjonalità ta' wieħed mill-Istati Membri [...] kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom."
4 L-Artikolu 4(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li:
"Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:
[…]
h) benefiċċji familjari/tal-familja."
5 Skond l-Artikolu 13 ta' l-istess Regolament:
"1. […][il-]persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta' Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu.
2. […]
a) persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta' dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta' Stat Membru ieħor […];
[…]"
6 Skond l-Artikolu 73 tar-regolament Nru 1408/71, li jirrigwarda l-impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familja tagħhom ikunu jirrisjedu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti:
"1. Il-persuna impjegata suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għandha dritt, għall-membri tal-familja li jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-ewwel Stat Membru, daqs li kieku kienu residenti fit-territorju ta' l-ewwel Stat[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 76(1) ta' l-istess Regolament, li jistabbilixxi r-regoli ta' prijorità fil-każ ta' drittijiet mtennija għall-benefiċċji tal-familja bis-saħħa tal-legiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti u tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' residenza tal-membri tal-familja, jipprovdi li:
"Meta, matul l-istess perijodu, jkunu previsti benefiċċji tal-familja għall-istess membru tal-familja u minħabba l-eżerċizzju ta' attività professjonali mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn jirrisjedu l-membri tal-familja, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja, dovuti skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor, jekk ikun il-każ skond l-Artikoli 73 jew 74, huwa sospiż sa l-ammont previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-ewwel Stat Membru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolament Nru 574/72
8 L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom fil-każ ta' drittijiet mtennija għall-benefiċċji jew għas-sussidji tal-familja jipprovdi li:
"a) Id-dritt għall-benefiċċji jew sussidji tal-familja dovuti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, li skondha l-akkwist tad-dritt għal dawn il-benefiċċji jew sussidji mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta' assigurazzjoni, impjieg jew impjieg indipendenti, għandu jiġi sospiż meta, matul l-istess perijodu ta' żmien u għall-istess membru tal-familja, jkunu dovuti benefiċċji jew bis-saħħa ta' l-unika leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru ieħor, jew skond l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sal-limitu tas-somma ta' dawk il-benefiċċji.
b) Madankollu, jekk tiġi eżerċitata attività professjonali fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru:
i) fil-każ ta' benefiċċji dovuti, jew bis-saħħa ta' l-unika leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru ieħor, jew bis-saħħa ta' l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament, lill-persuna li jkollha dritt għall-benefiċċji tal-familja jew mill-persuna li lilha għandhom jiġu mħallsa, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti, jew bis-saħħa ta' l-unika leġiżlazzjoni nazzjonali ta' dan l-Istat Membru l-ieħor, jew bis-saħħa ta' dawn l-Artikoli, huwa sospiż sa l-ammont li ma tal-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih jirrisjedi l-membru tal-familja jirrisjedi. Il-benefiċċji mogħtija mill-Istat Membru li fih jirrisjedi l-membru tal-familja huma a karigu ta' dan l-Istat Membru;
ii) […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka
9 Skond l-Artikolu 2(1) tal-liġi fuq il-kumpens għall-ispejjeż tal-familja (Familienlastenausgleichsgesetz), ta' l-24 ta' Ottubru 1967 (BGBl.I, 376/1967), fil-verżjoni emendata tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:
"Dawk il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju federali għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja […]"
10 L-Artikolu 2 tal-liġi fuq il-benefiċċju għat-trobbija tat-tfal (Kinderbetreuungsgeldgesetz), tat-8 ta' Awwissu 2001 (BGBl. I, 103/2001), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002, tipprovdi li:
"1. Ġenitur […] għandu dritt li jirċievi benefiċċju għat-trobbija ta' wliedu jew uliedha […] sakemm:
1) ikun hemm dritt għall-benefiċċji tal-familja għal dak il-wild skond il-liġi dwar il-kumpens għall-ispejjeż tal-familja jew ma jkunx hemm dan id-dritt minħabba li hemm dritt għal benefiċċju barrani simili,
2) il-wild ikun jgħix fl-istess dar tal-ġenitur; u
3) l-ammont totali tad-dħul tal-ġenitur matul is-sena kalendarja li għandu jitqies (Artikolu 8) ma jkunx jaqbeż l-EUR 14 600.00.
[…]
4. Iż-żewġ ġenituri ma jistgħux jirċievu benefiċċju għat-trobbija għall-istess wild fl-istess ħin. […]"
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
11 Skond l-Artikolu 1 tal-liġi fuq l-għotja tal-benefiċċju u tal-leave għall-edukazzjoni (Bundeserziehungsgeldgesetz), tas-7 ta' Diċembru 2001 (BGB1.2001 I, n 65):
"(1) Kull min
1. għandu r-residenza permanenti jew ordinarja tiegħu fil-Ġermanja;
2. għandu wild li għalih huma responsabbli fid-dar tiegħu;
3. jassigura huwa stess it-trobbija u l-edukazzjoni ta' dan il-wild; u
4. ma jeżerċitax attività professjonali jew ma jeżerċitahiex fuq bażi full-time
jista' jitlob benefiċċju għall-edukazzjoni
[…]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Sinjuri Dodl u Oberhollenzer, għandhom nazzjonalità Awstrijaka u jaħdmu l-Awstrija iżda huma residenti fil-Ġermanja. Huma jgħixu flimkien mar-raġel u s-sieħeb tagħhom rispettivament li t-tnejn li huma għandhom in-nazzjonalità Ġermaniża u jaħdmu full-time fil-Ġermanja.
13 Is-Sinjura Dodl waqfet taħdem mill-21 ta' Ġunju 2002 sas-7 ta' Ottubru 2002 minħabba t-twelid tat-tifel tagħha fil-21 ta' April 2002.
14 Min-naħa tagħha, is-Sinjura Oberhollenzer kellha t-twelid tat-tifel tagħha fl-10 ta' Settembru 2002 u, konsegwentement, waqfet taħdem mit-8 ta' Novembru 2002 sad-9 ta' Settembru 2004.
15 Ir-raġel tas-Sinjura Dodl u s-sieħeb tas-Sinjura Oberhollenzer irċevew, fil-Ġermanja, bħala missirijiet, il-benefiċċji tal-familja li kienu jikkkorrispondu għal dawk Awstrijaċi, iżda huma ma bbenefikawx mill-benefiċċju federali Ġermaniż ta' l-edukazzjoni mogħti minħabba li kienu jeżerċitaw attività professjonali full-time.
16 It-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-Ġermanja sabiex jirċievu l-benefiċċju federali ta' l-edukazzjoni ġew miċħuda, fil-każ tas-Sinjura Dodl, b'deċiżjoni tat-13 ta' Mejju 2003 ta' l-Amt für Versorgung und Familienförderung München I (uffiċju ta' assistenza u ta' sostenn għall-familji ta' Munich I) u, fil-każ tas-Sinjura Oberhollenzer, b'deċiżjonijiet ta' l-Amt für Versorgung und Familienförderung Augsburg (uffiċċju ta' assistenza u ta' sostenn għall-familji ta' Augsburg) ta' l-14 ta' Novembru 2002 u t-22 ta' April 2003. Ir-raġuni ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi kien li kienet ir-Repubblika ta' l-Awstrija li kienet allegatament kompetenti għall-għotja tal-benefiċċju mitlub. Barra minn hekk, fil-każ tas-Sinjura Dodl, kien inqabeż il-limitu tad-dħul stabbilit mil-liġi Ġermaniża.
17 L-imsemmija rikorrenti ppruvaw ukoll jiksbu benefiċċju għat-trobbija tat-tfal fl-Awstrija.
18 It-talbiet tagħhom ġew miċħuda b'deċiżjonijiet tat-28 ta' April u tal-5 ta' Ġunju 2003 rispettivament tat-Tiroler Gebietskrankenkasse, li applikat l-Artikoli 73, 75 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71, meħuda flimkien ma' l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 574/72.
19 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali introduċew rispettivament rikors quddiem il-Landesgericht Innsbruck (qorti reġjonali ta' Innsbruck) kontra l-imsemmija deċiżjonijiet fejn talbu li t-Tiroler Gebietskrankenkasse tiġi ordnata tagħtihom il-benefiċċju għat-trobbija tat-tfal mill-1 ta' Lulju 2002 fil-każ tas-Sinjura Dodl u mit-30 ta Settembru 2002 fil-każ tas-Sinjura Oberhollenzer, skond ir-rata stabbilita mil-liġi. Dawn ta' l-aħħar sostnew, in sostenn tat-talbiet tagħhom, li kellu jiġi applikat il-prinċipju li l-Istat ta' l-impjieg huwa responsabbli għall-ħlas, iżda t-Tiroler Gebietskrankenkasse oġġezzjonat għal dan il-prinċipju u stqarret li fejn ikun hemm żewġ Stati ta' impjieg, huwa l-Istat tar-residenza li għandu l-ewwel responsabbilt] li jħallas il-benefiċċju tal-familja. Huwa biss wara li jingħata l-benefiċċju ta' l-edukazzjoni Ġermaniż li r-Repubblika ta' l-Awstrija tkun obbligata li tagħti benefiċċju intiż sabiex jikkumpensa d-differenza mal-benefiċċju għat-trobbija tat-tfal.
20 B'deċiżjonijiet tas-17 ta' Lulju 2003 u tas-17 ta' Settembru 2003 rispettivament, il-Landesgericht Innsbruck, ċaħdet it-talbiet magħmula mis-Sinjuri Dodl u Oberhollenzer. Din il-Qorti kkunsidrat li, fil-każ ta' ġenituri li jaħdmu fi Stati Membri differenti, huwa l-Istat li fih it-tfal joqgħodu b'mod permanenti, f'dan il-każ il-Ġermanja, li huwa obbligat li primarjament jagħti l-benefiċċji tal-familja. Ir-Repubblika ta' l-Awstrija hija biss obbligata tħallas id-differenza fil-każ fejn il-benfiċċju Ġermaniż ikun inqas mill-benefiċċju Awstrijak.
21 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta' Innsbruck). In sostenn ta' l-appelli tagħhom, huma qegħdin isostnu li, safejn il-benefiċċju għat-trobbija tat-tfal għandu l-għan li jassigura dħul finanzjarju għal dawk il-ġenituri li jkollhom jieqfu mill-attività professjonali tagħhom sabiex jiddedikaw rwieħhom għall-edukazzjoni ta' wildhom u, minħabba dan il-fatt, isofru nuqqas ta' dħul finanzjarju, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' l-Istat ta' l-impjieg. Is-Sinjuri Dodl u Oberhollenzer ifakkru illi, meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huma kienu għadhom f'relazzjoni ta' impjieg, li ġiet sempliċiment sospiża matul il-leave tal-ġenitur tagħhom.
22 It-Tiroler Gebietskrankenkasse kkontestat dawn l-argumenti u talbet li dawn it-talbiet jinċaħdu.
23 L-Oberlandesgericht Innsbruck, wara li għaqqdet iż-żewġ istanzi flimkien sabiex ikun hemm proċedura u deċiżjoni komuni, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) L-Artikolu 73 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [...] meħud flimkien ma' l-Artikolu 13 ta [l-istess] Regolament, hekk kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal persuni impjegati li r-relazzjoni ta' l-impjieg tagħhom għadha ċertament teżisti iżda ma tinvolvix obbligi ta' xogħol u ta' ħlas ta' remunerazzjoni (leave mingħajr ħlas) u, skond id-dritt nazzjonali, ma twassalx għall-obbligu ta' sigurtà soċjali?
2) Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:
F'każ bħal dan, l-Istat ta' l-impjieg huwa responsabbli li jagħti l-benefiċċju anki meta l-ħaddiem u dawk il-membri tal-familja tiegħu li, fil-konfront tagħhom, ikun dovut benefiċċju tal-familja bħall-benefiċċju Awstrijaku għat-trobbija tat-tfal, ma jkunx għexu fl-Istat ta' l-impjieg, b'mod partikolari, matul iż-żmien ta' leave mingħajr ħlas?"
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
24 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tilfux il-karatteristika tagħhom ta' "persuni impjegati" fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 minħabba s-sospensjoni tar-relazzjoni tagħhom ta' l-impjieg li matula, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta' l-Awstrija, huma ma kinux obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Din il-qorti nazzjonali qiegħda tistaqsi, b'mod partikolari, dwar l-impatt ta' sospensjoni bħal din fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, ta' l-Artikolu 73 ta' dan l-istess Regolament.
25 Jidher illi l-biża' prinċipali tal-qorti tar-rinviju, li hija fil-bażi ta' l-ewwel domanda, hija r-riskju, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jitilfu kull protezzjoni soċjali f'dak li jikkonċerna l-għotja tal-benefiċċji tal-familja jekk ir-relazzjoni ta' l-impjieg tagħhom ma tikkwalifikax bħala impjieg minħabba din is-sospensjoni.
26 Peress li l-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub li jaqblu dwar il-fatt illi, minkejja s-sospensjoni temporanja tar-relazzjoni ta' l-impjieg tagħhom, l-imsemmija rikorrenti jaqgħu taħt il-kunċett ta "persuna impjegata" fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
27 Hemm lok li jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li m'hemmx kunċett uniku ta' "persuna impjegata" fid-dritt Komunitarju iżda dan il-kunċett ivarja skond il-qasam ta' applikazzjoni previst (sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, C-85/96 Martínez Sala, Ġabra p. I - 2691, punt 31). Għalhekk għandha tiġi mfakkra l-portata tal-kunċett ta' "persuna impjegata" fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71.
28 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi illi dan japplika għall-persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed jew aktar kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom.
29 Il-kliem "persona impjegata" u "[persuni] li jaħdmu għal rashom" huma mfissra fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Dawn ikopru l-persuni kollha assigurati fil-kuntest ta' waħda mis-sistemi ta' sigurtà soċjali msemmija fl-imsemmi Artikolu 1(a), kontra l-eventwalitajiet u taħt il-kundizzjonijiet indikati f'din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-3 ta' Mejju 1990, Kits van Heijningen, C‑2/89, Ġabra p.I-1755, punt 9, u tal-11 ta' Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p.I - 3419, punt 20).
30 Minn dan jirriżulta li persuna tikkwalifika bħala "persuna impjegata" fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 sakemm tkun assigurata, anke jekk kontra riskju wieħed biss, bis-saħħa ta' assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva, ma' skema ġenerali jew speċjali ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi Regolament, u dan irrispettivament minn jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Martínez Sala, punt 36, u Kuusijärvi, punt 21).
31 Hekk kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 12 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li mhijiex għaldaqstant l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg li tiddetermina jekk persuna tibqax taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 imma l-fatt illi hija tkun assigurata kontra riskji fil-kuntest ta' skema ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi Regolament. Minn dan isegwi illi s-sempliċi sospensjoni, matul perijodu determinat, ta' l-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn relazzjoni ta' impjieg, ma tistax tiċħad lill-impjegat mill-karatteristika tiegħu ta' "persuna impjegata" fis-sens ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.
32 Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta illi, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux, waqt il-perijodu tal-leave tal-ġenitur koperti, minn assigurazzjoni obbligatorja kompleta (li tikkomprendi assigurazzjoni għall-mard, aċċidenti u għall-irtirar), hekk kif teżisti favur ħaddiema li jaħdmu full-time. Bil-kuntrarju, skond l-indikazzjonijiet fformulati mill-Imħallef nazzjonali, wara li l-obbligazzjoni ta' l-assigurazzjoni tispiċċa, ir-rikorrenti għandhom dritt biss għall-benefiċċji li jaqgħu taħt l-assigurazzjoni tal-mard u dan, taħt ċertu kundizzjonijiet. Din il-Qorti tissoponi li, għaldaqstant f'ċerti kundizzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali seta' jkollhom rikors għall-għotja ta' assigurazzjoni tal-mard.
33 F'kull każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk, matul il-perijodi li għalihom ġew mitluba s-sussidji in kwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux affiljati f'qasam tas-skema ta' sigurtà soċjali Awstrijaka u, konsegwentement jekk kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta' "persuna impjegata" fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
34 Għalhekk hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li persuna għandha l-karatteristika ta' "persuna impjegata" fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 jekk tkun assigurata, anke jekk kontra riskju wieħed biss, bis-saħħa ta' assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva, ma' skema ġenerali jew speċjali ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi Regolament, u dan irrispettivament minn jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk, matul il-perijodi li għalihom ġew mitluba s-sussidji in kwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux affiljati f'qasam tas-skema ta' sigurtà soċjali Awstrijaka u, konsegwentement jekk kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta' "persuna impjegata" fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
Fuq it-tieni domanda
35 Fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, il-qorti nazzjonali, qiegħda tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tiegħu, liema Stat Membru għandu r-responsabbiltà primarja li jagħti l-benefiċċju tal-familja in kwistjoni, domanda li tippresupponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar ir-rilevanza eventwali u, jekk ikun il-każ, dwar l-applikazzjoni regoli kontra drittijiet imtennija, jiġifieri l-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, f'sitwazzjonijiet bħal dawn ta' din il-kawża.
Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
36 L-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72 u d-determinazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti sabiex jagħti dawn il-benefiċċji.
37 Għaldaqstant, it-Tiroler Gebietskrankenkasse sostniet li, peress li kull wieħed miż-żewġ ġenituri jeżerċita attività professjonali, wieħed fil-Ġermanja u l-ieħor fl-Awstrija, għandu jiġi kkunsidrat li hemm żewġ Stati ta' l-impjieg. Is-soluzzjoni għall-benefiċċji mtennija li jirriżultaw tinsab fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 li jistabbilixxi li l-Istat tar-residenza għandu r-responsabbiltà primarja, u li, konsegwentement, għandu l-obbligu, li jagħti l-benefiċċji tal-familja, bl-Istat l-ieħor li huwa kompetenti b'mod sussidjarju biss.
38 Il-Gvern Awstrijak isostni wkoll din is-soluzzjoni filwaqt li jippreċiża li, skond ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-10 ta' Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C-245/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895), dwar il-benefiċċji tal-familja, id-determinazzjoni ta' liema wieħed mill-membri tal-familja jagħti lok għad-dritt għall-benefiċċju ma tistax tiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jeħtieġ, pjuttost, li tittieħed in konsiderazzjoni l-familja kollha għandha.
39 Il-gvern Ġermaniż iressaq, min-naħa tiegħu, żewġ argumenti li jsostnu t-teżi kuntrarja. Huwa jsostni fl-ewwel lok li l-prinċipju invokat mill-gvern Awstrijak u stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hoever u Zachow, iċċitata aktar 'il fuq, mhuwiex rilevanti f'din il-kawża minħabba s-sitwazzjoni speċifika li wasslet għall-kawża li tat lok għal dik is-sentenza. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża msemmija għandu fil-fatt ikun irriżervat għal dawk il-każijiet fejn il-persuni kkonċernati jsibu rwieħhom mingħajr dritt fil-konfront ta' l-Istat ta' l-impjieg.
40 Fit-tieni lok, il-gvern Ġermaniż iqis li r-regoli kontra drittijiet imtennija ta' l-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72 ma japplikawx f'dan il-każ peress li ma jikkonċernax drittijiet għal benefiċċji tal-familja simultanji għall-istess tfal. Fis-sitwazzjonijiet li wasslu għall-kawża prinċipali, m'hemmx dritt ta' dan it-tip għall-ġenitur l-ieħor, peress li l-missirijiet tat-tfal ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji taħt il-liġi Ġermaniża.
41 Għaldaqstant, il-gvern Ġermaniż jikkonkludi li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, huwa biss l-Istat ta' l-impjieg, f'dan il-każ, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, li huwa obbligat jagħti l-benfiċċju tal-familja, anke meta l-benefiċċjarju u l-familja tiegħu ma jkunux joqgħodu hemm.
42 Dan ir-riżultat ġie appoġġjat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Din sostniet li peress li l-prinċipju ta' l-Istat ta' l-impjieg hu l-prinċipju fundamentali tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72, huwa biss neċessarju li jinsabu soluzzjonijiet oħra, meta l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju jkollu konsegwenzi inaċċettabbli – b'mod partikolari t-telf tad-dritt għall-benefiċċju tal-familja.
43 Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kienet reġgħet ikkunsidrat il-pożizzjoni tagħha favur ir-responsabbiltà primarja ta' l-Istat tar-residenza u stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis is-sitwazzjoni tal-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skond il-Kummissjoni, id-dispożizzjoni li tirregola s-sitwazzjoni tagħhom hija għaldaqstant l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 574/72, li jissospendi d-dritt previst bis-saħħa ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 meta r-raġel jew il-mara tal-ħaddiem/a impjegat/a jkun jeżerċita jew tkun teżerċita attività professjonali fl-Istat tar-residenza. Approċċ bħal dan ikun jaqbel kompletament mas-sentenza tad-9 ta' Diċembru 1992, McMenamin (C-119/91, Ġabra p. I‑6393), li hija direttament rilevanti għal dan il-każ.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 Sabiex issolvi l-problema ta' l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72 li wasslet għall-kunflitt negattiv ta' kompetenzi f'din il-kawża u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda, li jiġi mfakkar l-iskop ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, li tiġi eżaminata r-relazzjoni tiegħu mad-dispożizzjonijiet kontra d-drittijiet imtennija tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72 u li jiġi ddeterminat liema waħda minnhom hija applikabbli għal dan il-każ.
45 Kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, l-imsemmi Artikolu 73 ikopri preċiżament is-sitwazzjoni fejn il-familja tal-persuna impjegata tkun tirrisjedi fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti, u jiggarantixxi l-għotja tal-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli ta' dan ta' l-aħħar, bħallikieku l-familja tal-persuna impjegata tkun tirrisjedi fit-territorju tiegħu.
46 Din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex twaqqaf Stat Membru milli jissuġġetta l-għotja u l-ammont tal-benefiċċji tal-familja fuq ir-residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji, biex il-ħaddiema Komunitarji ma jiġux disważi milli jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Hoever u Zachow, iċċitati aktar 'il fuq, punt 34, u tas-7 ta' Novembru 2002, Maaheimo, C-333/00, Ġabra p. I-10087, punt 34).
47 L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jinqara flimkien mar-regola msemmija fl-Artikolu 13(2)(a) ta' l-istess Regolamentli tistabbilixxi li l-ħaddiem impjegat fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat anki jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Din is-sistema, li ġejja mill-iskop tar-Regolament Nru 1408/71 li jiggarantixxi lill-ħaddiema kollha li għandhom in-nazzjonalità ta' l-Istati Membri u li jiċċaqilqu fil-Komunità trattament ugwali fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti u l-benefiċċju tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, irrispettivament mill-post ta' l-impjieg jew tar-residenza tagħhom, għandha tiġi interpretata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha irrispettivament mill-arranġamenti stabbilit mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja (sentenza tad-19 ta' Frar 1981, Beeck, 104/80, Ġabra p. 503, punt 7).
48 Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li, fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73 u 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 meħuda flimkien, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirrisjedu mal-familji tagħhom fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta' l-impjieg, jakkwistaw f'dan l-aħħar Stat dritt għall-benefiċċji tal-familja bis-saħħa tad-dritt Komunitarju.
49 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi Artikolu 73, għalkemm jikkostitwixxi regola ġenerali, mhuwiex regola assoluta. Id-dritt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom, taħt l-Artikolu 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71, bħala "persuni impjegati", għandu jiġi mwieżen mar-regoli kontra d-drittijiet imtennija ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament Nru 574/72, peress li hemm riskju li jkun hemm akkumulazzjoni tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza flimkien ma' dawk previsti mil-leġiżlazzjoni ta' Istat ta' impjieg.
50 Issa, dan jidher li huwa l-każ f'din il-kawża. Skond l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, it-twelid tal-wild ta' kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jwassal għal drittijiet għas-sussidji tal-familja kemm fl-Awstrija kif ukoll fil-Ġermanja. Fl-Awstrija, id-dritt għas-sussidju għat-trobbija tat-tfal jinħoloq fil-każ ta' l-omm bħala persuna impjegata f'dan l-Istat membru, skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-Ġermanja, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, wieħed mill-ġenituri għandu d-dritt li jirċievi l-benefiċċju għall-edukazzjoni minħabba l-fatt li huwa u t-tarbija jirrisjedu hemm.
51 Sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista' tagħti lok għal kumpens żejjed għall-ispejjeż tal-familja u għandha, konsegwentement, tiġi ttrattata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kontra d-drittijiet imtennija, jiġifieri l-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72.
52 Għandu mbagħad jiġi eżaminat liema huma l-każijiet possibbli li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirregolaw.
53 Mill-kliem użat fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirregola l-akkumulazzjoni ta' drittijiet għal benefiċċji tal-familja li huma dovuti, minn naħa, bis-saħħa ta' l-Artikolu 73 ta' l-istess regolament u, min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat ta' residenza tal-membri tal-familja li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta' attività professjonali. Huwa stabbilit illi l-imsemmi Artikolu 76 mhuwiex rilevanti f'dan il-każ peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti dritt għall-benefiċċji tal-familja bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji jkunu residenti fil-Ġermanja u li ma jkunux jeżerċitaw attività professjonali jew li ma jkunux jeżerċitaw attività professjonali full-time.
54 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 japplika meta jkun hemm riskju ta' akkumulazzjoni tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 u d-dritt għall-benefiċċji tal-familja skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat ta' residenza, liema dritt ma jkunx suġġett għal kundizzjoni ta' attività professjonali bħal din.
55 Minn dan jirriżulta illi l-Artikolu 10 tar-Regolament 574/72 huwa d-dispożizzjoni kontra d-drittijiet imtennija li hija rilevanti f'dan il-każ. Fil-fatt, l-ipoteżi ta' l-eżerċizzju ta' attività professjonali minn wieħed mill-ġenituri biss u dik ta' l-eżerċizzju ta' attività professjonali miż-żewġ ġenituri, jidħlu t-tnejn li huma fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.
56 L-Artikolu 10(1)(a) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi, b'mod partikolari, li, meta l-benefiċċji tal-familja jkunu dovuti fl-Istat ta' residenza tal-wild, indipendentement mill-kundizzjonijiet ta' l-assigurazzjoni jew ta' l-impjieg, dawn id-drittijiet jiġu sospiżi meta jkunu dovuti benefiċċji skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.
57 Madankollu, jekk tkun eżerċitata attività professjonali fl-Istat ta' residenza tal-wild mill-persuna li jkollha dritt għall-benefiċċji tal-familja jew mill-persuna li tingħata dawn il-benefiċċji, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi għas-sospensjoni tad-drittijiet għal dawn il-benefiċċji tal-familja li jeżistu fl-Istat ta' l-impjieg bis-saħħa ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.
58 Fil-punti 24 u 25 tas-sentenza McMenamin, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat is-sens tal-frażi "[i]l-persuna li jkollha dritt għall-benefiċċji tal-familja jew mill-persuna li lilha għandhom jiġu mħallsa,". Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din għandha tinftiehem bħala li tkopri, b'mod partikolari, minbarra r-raġel jew lill-mara, il-persuna li ma tkunx jew li m'għadhiex miżżewġa mal-persuna intitolata għall-benefiċċji previsti fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jew dik il-persuna stess, fil-każ li l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja tirriżulta mill-fatt li din il-persuna tkun taħdem ukoll fl-Istat ta' residenza. Il-leġiżlatur għażel li jiddefinixxi dan il-grupp ta' persuni permezz tal-karatteristika komuni tagħhom, jiġifieri dik ta' persuni intitolati għal benefiċċji tal-familja fl-Istat ta' residenza, pjuttost milli permezz ta' lista eżawrjenti.
59 Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżerċizzju minn persuna li jkollha l-kura tat-tfal u, b'mod partikolari, mir-raġel jew mill-mara tal-persuna intitolata bis-saħħa ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, ta' attività professjonali fl-Istat Membru ta' residenza tat-tfal jissospendi, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji previsti fl-imsemmi Artikolu 73, sa l-ammont tal-benefiċċji ta' l-istess natura mħallsa mill-Istat Membru ta' residenza, irrispettivament minn min ikun intitolat direttament għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-imsemmi Stat (McMenamin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27).
60 Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 tista' tiġi direttament applikata għal sitwazzjonijiet bħal dawk li huma in kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta' l-eżerċizzju fl-Istat ta' residenza ta' attività professjonali mir-raġel tas-Sinjura Dodl u minn sieħeb is-Sinjura Oberhollenzer. Konsegwentement, hija r-responsabbiltà ta' l-imsemmi Stat, li, f'dan il-każ, huwa l-Ġermanja, li jagħti l-benefiċċji tal-familja in kwistjoni.
61 Hemm lok li jiġi miżjud li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-gvern Ġermaniż, il-fatt li l-missirijiet tat-tfal ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża minħabba l-attività professjonali full-time tagħhom huwa mingħajr rilevanza fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.
62 Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu u sabiex tinbidel il-prijorita' fil-kompetenza favur dik ta' l-Istat ta' residenza, mhuwiex neċessarju li l-attività professjonali tkun eżerċitata mill-persuna li jkollha personalment dritt għall-benefiċċji tal-familja. Huwa biżżejjed li wieħed mill-ġenituri, f'dan il-każ, l-omm, ikun intitolat għad-dritt għall-benefiċċji fl-imsemmi Stat.
63 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ipoteżi, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fejn is-Sinjura Dodl ma tkunx intitolata għad-drittijiet għall-benefiċċju Ġermaniż għall-edukazzjoni minħabba li ġie ssuperat il-massimu tad-dħul stabbilit mil-liġi Ġermaniża u fejn ir-raġel tagħha ma jkunx intitolat minħabba l-eżerċizzju ta' attività professjonali full-time, is-sitwazzjoni tas-Sinjura Dodl għandha tkun biss irregolata mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu applikati r-regoli kontra d-drittijiet imtennija previsti minn dan l-istess Regolament u mir-Regolament Nru 574/72.
64 Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li meta l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-impjieg u dik ta' l-Istat Membru ta' residenza ta' persuna impjegata jipprovdu t-tnejn, għall-istess membru tal-familja u għall-istess perijodu, drittijiet għal benefiċċji tal-familja, l-Istat Membru kompetenti sabiex iħallas dawn il-benefiċċji huwa, fil-prinċipju, l-Istat Membru ta' l-impjieg, bis-saħħa ta' l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Madankollu, meta persuna li jkollha l-kustodja tat-tfal, b'mod partikolari r-raġel jew il-mara jew is-sieħeb jew is-sieħba ta' dan il-ħaddiem, tkun teżerċita attività professjonali fl-Istat Membru ta' residenza, il-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw, skond l-Artikolu 10(1)(b)(i) ta' l-istess Regolament, irrispettivament min hu intitolat direttament għal dawk il-benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-imsemmi Stat. F'din l-ipoteżi, il-ħlas tal-benefiċċji tal-familja mill-Istat Membru ta' l-impjieg huwa sospiż sa l-ammont tal-benefiċċji tal-familja previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Persuna għandha l-karatteristika ta' "persuna impjegata" fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001, tal-5 ta' Ġunju 2001, jekk tkun assigurata, anke jekk kontra riskju wieħed biss, bis-saħħa ta' assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva, ma' skema ġenerali jew speċjali ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi Regolament, u dan irrispettivament minn jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk, matul il-perijodi li għalihom ġew mitluba s-sussidji in kwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux affiljati f'qasam tas-skema ta' sigurtà soċjali Awstrijaka u, konsegwentement jekk kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta' "persuna impjegata" fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
2) Meta l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-impjieg u dik ta' l-Istat Membru ta' residenza ta' persuna impjegata jipprovdu t-tnejn, għall-istess membru tal-familja u għall-istess perijodu, drittijiet għal benefiċċji tal-familja, l-Istat Membru kompetenti sabiex iħallas dawn il-benefiċċji huwa, fil-prinċipju, l-Istat Membru ta' l-impjieg, bis-saħħa ta' l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 410/2002, tas-27 ta' Frar 2002.
3) Madankollu, meta persuna li jkollha l-kustodja tat-tfal, b'mod partikolari r-raġel jew il-mara jew is-sieħeb jew is-sieħba ta' dan il-ħaddiem, tkun teżerċita attività professjonali fl-Istat Membru ta' residenza, il-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw, skond l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, irrispettivament min hu intitolat direttament għal dawk il-benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-imsemmi Stat. F'din l-ipoteżi, il-ħlas tal-benefiċċji tal-familja mill-Istat Membru ta' l-impjieg huwa sospiż sa l-ammont tal-benefiċċji tal-familja previst mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza.
Firem
*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.