Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0442

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-1 ta' Ġunju 2006.
P & O European Ferries (Vizcaya) SA (C-442/03 P) u Diputación Foral de Vizcaya (C-471/03 P) vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mogħtija mill-Istati - Appell - Rikors għal annullament - Deċiżjoni li ġġib fi tmiem proċedura ta' eżami miftuħa abbażi ta' l-Artikolu 88(2) KE- Kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat - Awtorità assoluta ta' res judicata - Għajnuniet li jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni - Għajnuniet ta' natura soċjali - Kundizzjonijiet.
Każijiet Magħquda C-442/03 P u C-471/03 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:356

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ġunju 2006 (*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istati – Appell – Rikors għal annullament – Deċiżjoni li ġġib fi tmiem proċedura ta’ eżami miftuħa abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE– Kunċett ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat – Awtorità assoluta ta’ res judicata – Għajnuniet li jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni – Għajnuniet ta’ natura soċjali – Kundizzjonijiet"

Fil-kawżi magħquda C-442/03 P u C-471/03 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fiż-17 ta’ Ottubru u fl-10 ta’ Novembru 2003 rispettivament,

P & O European Ferries (Vizcaya) SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata minn J. Lever, QC, J. Ellison, solicitor, u M. Pickford, barrister, assisti minn E. Bourtzalas u J. Forguera Crespo, abogados,

rikorrenti fil-kawża C-442/03 P,

Diputación Foral de Vizcaya, irrappreżentata minn I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, abogados,

rikorrenti fil-kawża C-471/03 P,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u J. Buendía Sierra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Malenovský, J.-P. Puissochet (Relatur), S. von Bahr u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appelli tagħhom, P & O European Ferries (Vizcaya) SA, preċedentement Ferries Golfo de Vizcaya SA (iktar ’il quddiem "P & O Ferries"), u Diputación Foral de Vizcaya (il-kunsill provinċjali ta’ Vizcaya, iktar ’il quddiem "Diputación") jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (T-116/01 u T‑118/01, Ġabra p. II-2957, iktar ’il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din irrifjutat ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/247/KE, tad-29 ta’ Novembru 2000, dwar is-sistema ta’ għajnuna implementata minn Spanja favur il-kumpannija marittima Ferries Golfo de Vizcaya (ĠU 2001, L 89, p. 28, iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2       Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fis-sentenza kkontestata bil-kliem segwenti:

"1      Fid-9 ta’ Lulju 1992, id-Diputación […] u l-Ministeru tal-Kummerċ u tat-Turiżmu tal-Gvern Bask, minn naħa, u Ferries Golfo de Vizcaya, li saret P & O European Ferries (Vizcaya) […], min-naħa l-oħra, iffirmaw ftehim (iktar ’il quddiem ‘ftehim inizjali’) rigward it-twaqqif ta’ servizz ta’ lanċa bejn Bilbao u Portsmouth. Dan il-ftehim kien jipprovdi x-xiri, bejn Marzu 1993 u Marzu 1996, mill-awtoritajiet firmatarji, ta’ 26 000 voucher ta’ l-ivvjaġġar għal użu fuq il-linja marittima Bilbao-Portsmouth. Il-korrispettiv finanzjarju massimu li kellu jitħallas lill-P & O Ferries kien ġie ffissat għal 911 800 000 Pesetas Spanjoli (ESP), u kien ġie miftiehem li t-tariffa għal kull passiġġier kienet titla għal 34 000 ESP għall-1993-1994 u, suġġett għall-modifika, għal 36 000 ESP għall-1994-1995 u għall-38 000 ESP għall-1995-1996. Il-ftehim inizjali ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni.

2      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 1992, il-kumpannija Bretagne Angleterre Irlande, li għal numru ta’ snin ilha topera linja marittima taħt l-isem tan-negozju ‘Britanny Ferries’ bejn il-portijiet ta’ Plymouth fir-Renju Unit u ta’ Santander fi Spanja, qajmet quddiem il-Kummissjoni lment fejn irrappurtat is-sussidji kbar li kellhom ikunu konċessi minn Diputación u mill-Gvern Bask lill-P & O Ferries.

3      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 1992, il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Spanjol sabiex iforniha bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sussidji. Dan irrisponda fl-1 ta’ April 1993.

4      Fid-29 ta’ Settembru 1993, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE). Hija qieset li l-ftehim inizjali ma kienx jammonta għal tranżazzjoni kummerċjali normali, peress li dan kien jitratta x-xiri ta’ numru prestabbilit ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar fuq perijodu ta’ tliet snin, li l-prezz miftiehem kien għola mit-tariffa kummerċjali, li l-voucher ta’ l-ivvjaġġar ikun imħallas anki għall- vjaġġi li ma jseħħux jew li jkunu ddevjati lejn portijiet oħra, li l-ftehim kien jinkludi obbligu li jiġi assorbit it-telf kollu fl-ewwel tliet snin ta’ operat tas-servizz ġdid u li l-element marbut mar-riskju kummerċjali kien għalhekk eliminat għal P & O Ferries. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-P & O Ferries kienet tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

5      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 1993, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni lill-Gvern Spanjol u stednitu jikkonferma li kien ser jissospendi l-ħlasijiet kollha abbażi ta’ l-għajnuna sa l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni finali. F’din l-ittra, il-Gvern Spanjol ġie wkoll mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u sabiex iforni l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ din l-għajnuna.

6      Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 1993, il-Gvern Bask informa lill-Kummissjoni dwar is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim inizjali.

7      Id-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura dwar l-għajnuna konċessa mir-Renju ta’ Spanja lill-P & O Ferries kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri l-oħra u lill-partijiet interessati, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1994, C 70, p. 5).

8      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, P & O Ferries u l-Kummissjoni ddiskutew it-tip ta’ ftehim li jista’ jkun innegozjat bejn il-partijiet. Dawn id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw b’mod partikolari abbozz ta’ emenda għall-ftehim inizjali u l-abbozzi ta’ ftehim ġdid sabiex jissostitwixxi l-ftehim inizjali.

9      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, indirizzata lill-uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Trasport’ responsabbli mill-għajnuniet mogħtija mill-Istat fis-settur tat-trasport, P & O Ferries ikkomunikat lill-Kummissjoni ftehim ġdid (iktar ’il quddiem il-’ftehim ġdid’), li kien ġie konkluż fis-7 ta’ Marzu 1995 bejn Diputación u P & O Ferries u li daħal fis-seħħ mill-1995 sa l-1998. Jirriżulta minn ittra annessa ma’ din il-komunikazzjoni li Diputación kellha tirċievi interessi fuq is-sommom li kienu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-P & O Ferries fil-kuntest tal-ftehim inizjali.

10      Skond dan il-ftehim ġdid, id-Diputación intrabtet li tixtri, għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1995 u Diċembru 1998, total ta’ 46 500 voucher ta’ l-ivvjaġġar għal użu fuq il-linja marittima Bilbao-Portsmouth operata minn P & O Ferries. Il-korrispettiv finanzjarju massimu li jitħallas mill-awtorità pubblika kien iffissat għal 985 500 000 ESP, fejn 300 000 000 kellhom jitħallsu fl-1995, 315 000 000 fl-1996, 198 000 000 fl-1997 u 172 500 000 fl-1998. It-tariffa miftiehma għal kull passiġġier telgħat għal 20 000 għall-1995, 21 000 għall-1996, 22 000 għall-1997 u 23 000 għall-1998. Dawn it-tariffi kienu mnaqqsa sabiex jieħu in kunsiderazzjoni r-rabta għal żmien twil tax-xiri min-naħa ta’ Diputación u kienu ikkalkolati abbażi ta’ tariffa ta’ referenza ta’ 22 000 ESP, jiġifieri t-tariffa kummerċjali ppublikata għall-1994, b’żieda ta’ 5 % kull sena, li tellagħha għal 23 300 ESP fl-1995, 24 500 fl-1996, 25 700 fl-1997 u 26 985 fl-1998.

11      Il-ħames klawżola tal-ftehim ġdid tipprovdi:

‘[...] id-[Diputación] bil-preżenti tikkonferma li ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-liġijiet kollha applikabbli għall-ftehim ikunu osservati u b’mod partikolari li dan ma jiksirx il-leġiżlazzjoni interna, il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-Kompetizzjoni, u lanqas l-Artikolu 92 tat-Trattat ta’ Ruma, u li ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi osservat l-Artikolu 93(3) tat-Trattat ta’ Ruma.’

12      Fis-7 ta’ Ġunju 1995, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha li ġġib fi tmiem il-proċedura ta’ eżami miftuħa fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lil P & O Ferries (iktar ’il quddiem id-'deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995’).

13      Id-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 tirrileva li l-ftehim ġdid introduċa bosta emendi importanti sabiex jiġu sodisfatti l-eżiġenzi tal-Kummissjoni. Il-Gvern Bask ma kienx aktar parti għal dan il-ftehim. Skond l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, in-numru ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar li kellhom jinxtraw minn Diputación kien ġie stabbilit skond il-previżjonijiet dwar l-aċċettar ta’ l-offerta minn ċerti gruppi ta’ persuni bi dħul baxx u minn dawk previsti mill-programmi soċjali u kulturali, inklużi l-gruppi skolastiċi, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-prezz tal-voucher ta’ l-ivvjaġġar kien inqas għoli mill-prezz tal-biljetti li jinsabu fil-fuljett għall-perijodu kkonċernat, skond il-prattika normali ta’ skontijiet minħabba volumi favur konsumaturi li jikkunsmaw kwantitajiet kbar u servizzi kummerċjali. Kien indikat ukoll fid-deċiżjoni li l-punti l-oħra tal-ftehim inizjali li kienu qajmu diskussjonijiet kienu sparixxew bil-ftehim ġdid.

14      Fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-vijabbiltà tas-servizz propost minn P & O Ferries kien ġie muri permezz tar-riżultati kummerċjali mwettqa u li P & O Ferries kienet tista’ tikkonsolida l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tirrikorri għall-għajnuna mogħtija mill-Istat. Skond il-ftehim ġdid P & O Ferries ma kinitx tiddisponi minn ebda dritt speċjali fil-port ta’ Bilbao, u l-prijorità tagħha fuq il-moll kien limitat għas-ħin fiss tat-tluq u tal-wasla tal-bastimenti tagħha, li effettivament jippermetti lill-bastimenti oħra jużaw il-moll f’ħinijiet oħra. Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim ġdid, li l-għan tiegħu kien li jagħti vantaġġ lir-residenti li jużaw is-servizzi tat-trasport lokali tal-lanċa, kien jidher li jikkostitwixxi relazzjoni kummerċjali normali u leali għal iffissar tal-prezz tas-servizzi fornuti.

15      Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim ġdid ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat u ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura li kienet inbdiet fid-29 ta’ Settembru 1993.

16      Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni (T-14/96, Ġabra p. II-139 [...]), il-Qorti tal-Prim’ Istanza annullat id-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 minħabba li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE, meta kkonkludiet li l-ftehim ġdid ma jikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat.

17      Fis-26 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE sabiex ikun possibbli għall-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tas-sentenza [BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq] (ĠU 1999, C 233, p. 22). Hija informat lir-Renju ta’ Spanja permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 1999. Hija rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ ċerti partijiet interessati u bagħtithom lill-awtoritajiet Spanjoli għall-osservazzjonijiet. Dawn esprimew l-argumenti tagħhom permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 1999 u ppreżentaw osservazzjonijiet supplementari fit-8 ta’ Frar u s-6 ta’ Ġunju 2000."

3       Is-sentenza kkontestata ppreżentat id-deċiżjoni kkontestata hekk kif ġej:

"18      Permezz tad-[deċiżjoni kkontestata], […] il-Kummissjoni waqqfet il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE billi ddikjarat l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat lir-Renju ta’ Spanja teżiġi l-irkupru tagħha.

19      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, permezz ta’ xiri tagħha tal-vouchers ta’ l-ivvjaġġar, Diputación ippruvat, minn naħa, tissussidja vjaġġi għall-persuni tat-terza età residenti f’Vizcaya, fil-kuntest ta’ programm ta’ vvjaġġar magħmul speċifikament għall-ħtiġijiet tal-klijent, intitolat ‘Adineko’ u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-trasport tal-persuni u istituzzjonijiet f’Vizcaya li jkollhom bżonn kundizzjonijiet partikolari sabiex jivvjaġġaw (per eżempju, awtoritajiet lokali, assoċjazzjonijiet, skejjel professjonali u universitajiet). Minn dan jirriżulta wkoll li l-programm Adineko kien ġie kkreat mill-awtoritajiet awtonomi Baski sabiex jissostitwixxi, sa mill-1996, il-programm nazzjonali tal-vjaġġi sussidjati msejjaħ ‘Inserso’ u li minnu ċirka 15 000 persuna minn Vizcaya kienu bbenefikaw kull sena (premessi 32 sa 34, 48 sa 51 tad-deċiżjoni).

20      Fl-evalwazzjoni tagħha ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni tosserva li n-numru totali tal-vouchers ta’ l-ivvjaġġar mixtrija minn Diputación ma ġiex iffissat skond il-bżonnijiet reali tagħha. Skond din, kuntrarjament għal dak li Diputación kienet spjegatilha, in-numru ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar mingħand P & O Ferries ma setax ikun stmat permezz taċ-ċifri tal-programm Inserso. Hija tikkonstata (premessa 49):

‘[Diputación] iddeċidiet li tixtri 15 000 voucher ta’ l-ivvjaġġar mingħand [P & O Ferries] fl-1995, għalkemm [hija] kienet għadha tipparteċipa fil-programm Inserso li, fl-1995, kellhom jibbenefikaw minnu xi 15 000 persuna minn Vizcaya. L-awtoritajiet awtonomi Baski ma spjegawx għaliex il-ħtiġijiet ta’ Vizcaya kienu rduppjaw f’dik is-sena. Huma lanqas ma indikaw għalfejn 9 000 u 7 500 voucher ta’ l-ivvjaġġar biss (minflok 15 000) ġew imqassma fil-kuntest tal-programm fl-1997 u fl-1998. Meta [Diputación] iddeċidiet li tidħol għax-xiri ta’ dan in-numru ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar, [hija] ma kinitx taf li l-programm ta’ l-Inserso jkompli jibbenefika lill-abitanti tar-reġjun [għalkemm Diputación kienet waqfet milli tipparteċipa fil-programm] u li l-programm tagħha ma kienx ikun imwettaq skond l-għan tiegħu. L-awtoritajiet awtonomi Baski lanqas ma spjegaw għalfejn in-numru ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar mixtrija jvarja minn xahar għall-ieħor (per eżempju, f’Jannar 1995, 750 voucher ġew mixtrija mentri fi Frar ta’ l-istess sena 3 000 ġew mixtrija).’

21      Għal dak li jikkonċerna n-numru ta’ vouchers imqassma, id-deċiżjoni tipprovdi li, fil-kuntest ta’ Adineko, total ta’ 3 532 voucher ġew imqassma bejn 1996 u 1998 u li 12 520 voucher ta’ l-ivvjaġġar ġew imqassma bejn 1995 u 1998 fil-kuntest tal-programm li kellu jiffaċilita l-aċċess għat-trasport tal-persuni u istituzzjonijiet f’Vizcaya (premessi 50 u 51).

22      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-ftehim ġdid jinkludi bosta dispożizzjonijiet li ftehim kummerċjali normali dwar ix-xiri ta’ voucher ta’ l-ivvjaġġar ma jinkludix. Il-Kummissjoni ssemmi, per eżempju, il-fatt li l-ftehim jispeċifika l-ammont fil-ġimgħa u annwali tal-vjaġġi li P & O Ferries trid tiggarantixxi, il-fatt li l-kunsens ta’ Diputación ikun neċessarju għall-każ fejn P & O Ferries tkun trid tbiddel il-bastiment li jassigura s-servizz u l-fatt li l-ftehim jistabbilixxi kundizzjonijiet preċiżi, bħan-nazzjonalità tal-membri ta’ l-ekwipaġġ, jew l-oriġini ta’ l-oġġetti u tas-servizzi (premessa 52).

23      Il-Kummissjoni kkonkludiet (premessa 53) hekk:

‘[Il-ftehim ġdid] ma kienx jissodisfa l-ħtiġijiet veri soċjali meħtieġa mill-awtoritajiet awtonomi Baski, u ma jikkostitwixxix tranżazzjoni kummerċjali normali iżda pjuttost għajnuna favur il-kumpannija marittima. Il-fatt li s-sommom mogħtija bis-saħħa [tal-ftehim inizjali] u tal-[ftehim ġdid] huma simili ħafna għandu l-effett biss li jikkorabora din l-opinjoni. L-awtoritajiet fasslu programm ieħor li jippermetti lill-kumpannija marittima żżomm l-ammont ta’ għajnuna mwiegħda fl-1992.’

24      Għal dak li jikkonċerna l-applikabbilità tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda minn dawn id-derogi ma tapplika għal dan il-każ in eżami (premessi 56 sa 73).

25      Fir-rigward ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument li dan l-irkupru jnaqqas l-aspettattivi leġittimi ta’ Diputación u ta’ P & O Ferries. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka u tikkwota integralment il-punti 51 sa 54 tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-169/95, Ġabra p. I-135). Hija tinvoka wkoll il-fatt li d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 ġiet ikkontestata fit-terminu u sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li d-deċiżjoni ġiet implementata qabel ma l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward u li l-Istat Membru qatt ma kien ipproċeda sabiex jinnotifika b’mod validu skond l-Artikolu 88(3) KE (premessi 74 sa 78).

26      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

‘L-għajnuna mogħtija mill-Istat mogħtija minn Spanja favur il-[P & O Ferries], fl-ammont ta’ 985 500 000 Pesetas Spanjoli, hija inkompatibbli mas-suq komuni.’

27      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi hekk:

‘1. Spanja għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna prevista fl-Artikolu 1, li ngħatatlu illegalment.

2. L-irkupru jseħħ minnufih b’mod konformi mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sakemm jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti. Flimkien ma’ l-għajnuniet li jridu jiġu mħallsa lura għandhom jiġu miżjuda l-interessi prodotti mid-data li fiha l-għajnuniet tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data ta’ l-irkupru tagħhom. L-interessi huma kkalkulati fuq il-bażi tat-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’għan reġjonali.’"

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

4       Permezz ta’ rikorsi depożitati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 u fil-31 ta’ Mejju 2001, P & O Ferries (Kawża T-116/01) u d-Diputación (Kawża T-118/01) ippreżentaw rikorsi għall-annullament rispettivament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi. P & O Ferries tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet ta’ Diputación fil-kawża T-118/01. Diputación tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet ta’ P & O Ferries fil-kawża T‑116/01.

5       Permezz ta’ Digriet ta’ l-20 ta’ Jannar 2003, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

6       Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ftehim ġdid ma kienx effettwa, fis-sustanza tiegħu, l-għajnuna mogħtija mill-ftehim inizjali u li dawn iż-żewġ ftehim kienu jikkostitwixxu għajnuna waħda, mogħtija u implementata fl-1992 mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

7       Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari, kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta f’każ bħal dan li turi l-effett veru ta’ din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li hi setgħet ġustament, teżiġi l-irkupru ta’ għajnuna bħal din, mingħajr ma dan ikun ta’ ostakolu għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Hija kkunsidrat ukoll li n-nuqqas ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni lill-Kummissjoni tostakola lill-awtoritajiet Spanjoli milli jinvokaw fil-każ in eżami r-regola tat-terminu li toħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471). Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll li peress illi l-imsemmija għajnuna kienet ġiet mogħtija mingħajr ma ġiet notifikata lill-Kummissjoni, din ma kinitx marbuta li tispjega d-deċiżjoni tagħha li tordna l-irkupru.

8       Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-awtorità tar-res judicata marbuta mas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tostakolax l-eżami tal-motivi mqajjma minn P & O Ferries u Diputación, ibbażati b’mod partikolari fuq l-argument li dak il-ftehim ġdid ma setax ikun kklassifikat bħala għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, u li dawn il-motivi ma kinux fondati.

9       Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza skartat il-motivi l-oħra. Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonkludiet li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx mogħtija lill-konsumaturi individwali mingħajr diskriminazzjoni marbuta ma’ l-oriġini tal-prodotti u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(2)(a) KE ma ġewx sodisfatti.

10     Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat ir-rikorsi u ordnat li P & O Ferries u Diputación ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjonijiet tal-partijiet

11     P & O Ferries titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-Appell.

12     Diputación titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       jekk l-istadju tal-kawża jippermetti, li tiddeċiedi hi stess fuq il-kawża u tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija deċiżjoni;

–       sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża fil-prim’istanza u fl-Appell.

13     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiddikjara bħala inammissibbli l-Appell ta’ Diputación jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala mhux fondat;

–       tiċħad l-appell ta’ P & O Ferries;

–       tordna lil P & O Ferries u lill-Diputación jbatu l-ispejjeż.

14     Permezz ta’ Digriet tas-27 ta’ Lulju 2005, il-President tat-Tielet Awla, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 43 tar-Regoli ta’ Proċedura, ordna li dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

15     Fil-kawża C-442/03 P, P & O Ferries qajmet seba’ motivi.

16     Fil-kawża C-471/03 P, Diputación qajmet disa’ motivi. Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan l-appell.

17     Għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ dawn l-appelli, jeħtieġ li jiġu analizzati:

–       il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-appell ta’ Diputación;

–       il-motivi li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuniet mogħtija mill-Istat tas-sommom imħallsa lil P & O Ferries;

–       il-motivi bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet, żbaljatament, ikkunsidrat li l-għajnuna ma ġietx legalment notifikata lill-Kummissjoni;

–       il-motivi li jikkonċernaw il-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet minn nuqqas ta’ notifika, u

–       il-motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ dritt meta qieset li l-imsemmija għajnuna ma kinitx kompatibbli mat-Trattat KE.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-appell ta’ Diputación

 L-argumenti tal-partijiet

18     Il-Kummissjoni ssostni li l-appell sar tard u li għalhekk huwa inammissibbli. Huwa veru li Diputación kienet ikkonfermat li rċeviet, fl-1 ta’ Settembru 2003, is-sentenza kkontestata, ippronunċata fil-5 ta’ Awwissu 2003, fatt li jippermetti li wieħed jaħseb li l-appell sar fit-terminu meħieġ. Madankollu, bosta elementi juru li, billi kkonfermat li rċeviet din is-sentenza daqshekk tard, Diputación naqset serjament milli tieħu ħsieb b’mod diliġenti, jew addirittura tawlet b’mod artifiċjali t-terminu li tiddisponi minnu sabiex tipprepara l-appell tagħha. Il-ħtieġa tar-rispett ta’ terminu raġonevoli, li jkun jista’ jiġi konkluż mill-Artikoli 100(2) u 79(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ġie injorat. Fil-fatt, il-partijiet kienu ġew informati, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2003 tar-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bid-data ta’ l-għoti tas-sentenza kkontestata. Il-Kummissjoni u P & O Ferries kienu kkonfermaw li rċevew din is-sentenza fit-12 u fit-13 ta’ Awwissu 2003 rispettivament. Il-komunikat ta’ l-istampa ppublikat fil-5 ta’ Awwissu 2003 minn Diputación, fejn indikat li hija kienet ser tappella kontra s-sentenza li tiċħad ir-rikors tagħha, juri li r-rikorrenti kienet taf b’din is-sentenza qabel l-1 ta’ Settembru 2003.

19     Għal Diputación, m’hemmx dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ l-appell. Is-sentenza kkontestata kienet innotifikata skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u t-terminu ta’ l-appell, li beda jiddekorri mill-1 ta’ Settembru 2003, kien ġie rrispettat. L-Artikoli 100(2) u 79(2) ta’ l-imsemmija regoli, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, mhumiex applikabbli għan-notifika tas-sentenzi u għalhekk mhumiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, ma ġiex stabbilit li l-konsulenti legali tar-rikorrenti ġew innotifikati permezz tal-faks billi ntbagħtet kopja tas-sentenza kkontestata, b’mod li dawn l-artikoli ma setgħux japplikaw fil-każ in eżami. Barra minn hekk, it-terminu ta’ l-appell ma setax jibda jiddekorri mid-data li fiha l-partijiet kienu jafu bis-sentenza li huma jikkontestaw. Jekk dan hu l-każ, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-jum meta jiġu ppronunċati s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, meta dawn huma disponibbli fuq l-Internet minn dik id-data, li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 101(1)(a) ta’ dawn. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-perijodu li fih huma kellhom, skond il-Kummissjoni, jintroduċu l-appell tagħhom kien dak tal-ferjat annwali tal-konsulenti legali tagħhom, li jikkorrispondi għall-ferjat legali.

20     Fil-kontro-replika tagħha, il-Kummissjoni żviluppat l-argumentazzjoni tagħha dwar id-dewmien ta’ l-appell. Peress illi Diputación ma kellhiex indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, is-sentenza kkontestata kellha tiġi nnotifikata permezz ta’ posta reġistrata b’konferma ta’ irċevuta, skond l-Artikolu 100(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Minbarra dan, Diputación kienet irrikonoxxiet fil-5 ta’ Awwissu 2003, li kienet saret taf bis-sentenza kkontestata permezz tas-sit ta’ l-Internet tal-Qorti u kienet, b’dan il-fatt, ġiet mgħarrfa bin-notifika ta’ din is-sentenza permezz ta’ "mezz tekniku ta’ komunikazzjoni", b’mod konformi ma’ l-Artikolu 100(2) ta’ l-istess regoli. Konsegwentement, kienet applikabbli l-preżunzjoni tan-notifika kif previst fl-imsemmi tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 100(2), fl-għaxar jum wara d-depożitu ta’ l-ittra reġistrata fis-servizz postali Lussemburgiżi. Din il-preżunzjoni ma tistax tiġi kkontestata, bis-saħħa ta’ l-istess dispożizzjoni, ħlief fuq il-motiv ta’ konferma ta’ rċevuta qabel id-data preżunta. Il-fatt li Diputación ikkonfermat li rċeviet l-ittra reġistrata fl-1 ta’ Settembru 2003 għalhekk ma tippermettix li din il-preżunzjoni tiġi kkontestata. Din l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja (Digriet tad-19 ta’ Frar 2004, Forum des Migrants vs Il-Kummissjoni, C‑369/03 P, Ġabra p. I-1981, punti 10 u 11). Peress illi r-rikorrenti huma b’hekk preżunti li ġew innotifikati bis-sentenza kkontestata, l-aktar tard, fis-17 ta’ Awwissu 2003 u t-terminu ta’ l-appell skada fis-27 ta’ Ottubru 2003, l-appell preżenti, magħmul fl-10 ta’ Novembru 2003, huwa inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Bis-saħħa tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, meta r-rikors ma jinkludix indirizz għan-notifika fil-post fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-sede tagħha, għażla prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) ta’ dawn ir-regoli, u meta l-avukat jew l-aġent tar-rikorrenti ma jkunx aċċetta n-notifiki li jkunu sarulu permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, għażla prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) ta’ l-imsemmija regoli, in-notifiki kollha għall-finijiet tal-proċedura għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta reġistrata, in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament, b’deroga għall-Artikolu 100(1), ta’ dan l-istess Regoli ta’ Proċedura, bid-depożitu ta’ l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-sede tagħha.

22     F’din il-kawża, huwa kostanti li Diputación ma tatx indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, hija ma użatx l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) imsemmi iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, hija indikat, fl-ewwel paġna tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-avukati tagħha jagħtu l-kunsens sabiex in-notifiki jkunu indirizzati permezz tal-faks, b’mod konformi mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) ta’ l-imsemmija regoli mhux applikabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il-Parlament, C‑360/02 P, Ġabra p. I-10339, punt 21).

23     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-mezzi ta’ notifika tas-sentenza kkontestata ma jistgħux jirriżultaw biss, fil-każ in eżami, mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 100(2) ta’ l-istess regoli, li bis-saħħa tiegħu s-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma, fin-nuqqas ta’ indirizz għan-notifika tad-destinatarju, innotifikati fl-indirizz ta’ dan jew permezz ta’ posta reġistrata, b’konferma ta’ irċevuta, ta’ kopja awtentikata konformi mir-reġistratur tas-sentenza jew digriet, jew permezz ta’ konsenja ta’ din il-kopja kontra rċevuta (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ripa di Meana vs Il-Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22). Skond l-istess dispożizzjoni, il-posta reġistrata hija għalhekk meqjusa li ġiet notifikata lid-destinatarju tagħha fl-għaxar jum wara d-depożitu ta’ din il-posta fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha sede tagħha.

24     It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 100(2) imsemmi iktar ’il fuq, madankollu jispeċifika li d-destinatarju huwa "avżat" b’din in-notifika jew din il-konsenja "permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni". Jirriżulta mill-kliem użat li dan l-avviż huwa formalità li l-implementazzjoni tiegħu taqa’ biss fuq is-servizz responsabbli min-notifika tas-sentenzi jew digrieti, jiġifieri r-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

25     Minbarra dan, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li r-regola li skond din il-posta reġistrata hija meqjusa li ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha fl-għaxar jum wara d-depożitu ta’ din il-posta fl-uffiċċju postali mhix applikabbli, b’mod partikolari, meta d-destinatarju informa lir-reġistratur, f’terminu ta’ tliet ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, li ma ġiex innotifikat. In-notifika tad-destinatarju permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni għalhekk tikkostitwixxi formalità sostanzjali, li din biss tista’ tiggarantixxi li n-notifika hija regolari. Fil-fatt, jekk ir-reġistru ma jinnotifikax lid-destinatarju fil-kundizzjonijiet kif rikjesti, dan ta’ l-aħħar ma jkunx jista’ jikkontesta d-data preżunta tat-trażmissjoni postali u d-dispożizzjoni li tirrikonoxxi din il-possibbiltà lid-destinatarju tkun nieqsa minn effett.

26     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li fin-nuqqas ta’ avviż bħal din lid-destinatarju mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sentenza jew id-digriet ma jistgħux ikunu preżunti li ġew innotifikati lid-destinatarju tagħhom fl-għaxar jum wara d-depożitu ta’ dawn fl-uffiċċju postali tal-Lussemburgu. F’każ bħal dan, id-data tan-notifika tas-sentenza jew tad-digriet, li jibda t-terminu ta’ l-appell, huwa dak li fih id-destinatarju kkonferma l-irċevuta jew tat-trażmissjoni tal-posta reġistrata li hija indirizzata lilu, jew tan-notifika bir-rilaxx ta’ irċevuta tas-sentenza jew id-digriet.

27     Fil-każ in eżami, minn naħa, huwa kostanti li r-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma avżax lill-Diputación permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li s-sentenza kkontestata kienet ser tkun innotifikata lilu permezz ta’ posta reġistrata, u li konsegwentement, il-posta reġistrata hija għalhekk meqjusa li ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha fl-għaxar jum wara d-depożitu ta’ din il-posta fl-uffiċċju postali fil-Lussemburgu. Huwa veru li, il-pubblikazzjoni, fil-jum ta’ l-għoti tas-sentenza kkontestata, ta’ komunikat ta’ l-istampa fuq is-sit ta’ Diputación tindika li din setgħet issir taf bis-sentenza kkontestata, probabbilment grazzi għas-sit ta’ l-Internet tal-Qorti. Madankollu, din iċ-ċirkustanza mhix ta’ tip li tistabbilixxi, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li Diputación kienet ġiet "avżata" bin-notifika ta’ din is-sentenza skond il-modalitajiet previsti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tipprevali ruħha mill-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija Regoli ta’ Proċedura ritenuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-Digriet Forum des Migrants vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha li tapplika t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 44(2) ta’ dawn ir-regoli, li kif intqal, mhix dispożizzjoni rilevanti fil-kawża preżenti.

28     Min-naħa l-oħra, Diputación sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hi kkonfermat l-irċevuta tas-sentenza kkontestata fil-1 ta’ Settembru 2003. Sabiex tagħmel l-appell tagħha, hija kellha, sa minn dik id-data, terminu ta’ xahrejn, biż-żieda tat-terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, kif previst fl-Artikolu 81(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-terminu ta’ l-appell għalhekk kien jiddekorri sa l-10 ta’ Novembru 2003. L-appell ġie ppreżentat f’din id-data u għalhekk mhux tardiv.

29     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-motivi dwar il-klassifikazzjoni tas-sommom imħallsa lill-P & O Ferries bħala għajnuna mogħtija mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

30     Dawn il-motivi huma ppreżentati minn Diputación sabiex isostnu t-talbiet ta’ l-appell tagħha fil-Kawża C-471/03 P.

31     Permezz ta’ l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi ta’ l-appell tagħha, Diputación tinvoka l-iżbalji ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet meta kkunsidrat li l-ammonti mħallsa lill-P & O Ferries setgħu validament ikunu kklassifikati mill-Kummissjoni bħala għajnuniet mogħtija mill-Istat.

32     L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta ħadet in kunsiderazzjoni, sabiex tevalwa jekk Diputación kinitx aġixxiet bħala investitur privat li jopera fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, kriterju relattiv għan-neċessità ta’ intervent ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

33     Minn naħa, dan il-kriterju, ibbażat fuq eżami suġġettiv ta’ l-oġġettivi ta’ l-intervent pubbliku, m’huwiex konformi mal-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-480/98, Ġabra p. I-8717, punt 16). L-uniku kriterju li fuqu l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tibbaża ruħha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa dak li joħroġ mill-paragun bejn l-imġieba ta’ l-operatur pubbliku kkonċernat u dak ta’ l-investitur privat, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-analiżi ekonomika ta’ l-imġieba ta’ dan l-operatur pubbliku, b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C-83/01 P, C-93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I-6993). Issa, meta hija kwistjoni, bħal fil-każ in eżami, ta’ xiri ta’ servizzi, m’hemm l-ebda element ta’ għajnuna jekk it-tranżazzjoni ssir bil-kundizzjonijiet normali tal-prezz tas-suq. F’dan ir-rispett, il-ftehim ġdid kien komparabbli mal-kuntratti ġeneralment konklużi bejn il-kumpanniji marittimi u l-operaturi.

34     Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ kriterju suġġettiv bħal dan mill-Qorti tal-Prim’Istanza kien wassal lil din sabiex tiġi injorata r-regola li bis-saħħa tagħha l-evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika ta’ l-imġieba ta’ l-Istat kellha tiġi evalwata fil-kuntest taż-żmien li fih il-miżuri kontenzjużi ttieħdu (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 71). Sabiex jiġi evalwat il-bżonn "reali u effettiv" ta’ Diputación li tixtri l-vouchers ta’ l-ivvjaġġar kontenzjużi, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ibbażat ruħha fuq sitwazzjoni posterjuri. Bl-istess mod, fil-punt 118 tas-sentenza kkontestata, huwa irrilevanti l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza li n-neċessità li tiġi murija l-eżistenza ta’ din il-ħtieġa kienet tkun imposta aktar fin-nuqqas tas-sejħa għall-offerti.

35     Kieku l-użu tal-kriterju bbażat fuq il-ħtieġa ta’ l-intervent pubbliku kien aċċettat, kienet tirriżulta differenza inaċċettabbli fit-trattament bejn operaturi pubbliċi u operaturi privati, kif ukoll ma kinitx tkun konsistenti mal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħha. Kieku l-intervent pubbliku kien ikkunsidrat a posteriori bħala mhux neċessarju, il-fornitur tas-servizzi privati kkonċernat kien ikun espost għall-obbligu li jħallas lura s-sommom li rċieva, anki jekk dawn l-aħħar imsemmija jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, u dan f’perijodu twil, kif jirriżulta mit-terminu tal-preskrizzjoni stabbilit għal għaxar snin fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1). Dan il-kriterju jista’ jwassal għal obbligu ġenerali ta’ notifika ta’ l-abbozzi kollha ta’ intervent pubbliku, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tippronunċa ruħha fuq jekk humiex ġustifikati.

36     It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament għamlet applikazzjoni ineżatta ta’ l-Artikolu 87 KE meta kkonkludiet, fil-punt 137 tas-sentenza kkontestata, l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat minħabba li fil-każ in eżami ma kienx hemm neċessità għax-xiri tal-vouchers ta’ l-ivvjaġġar. Il-ħtieġa ta’ xiri ta’ dawn il-vouchers kien ġie muri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-fatt li l-vouchers intużaw jistabbilixxi l-eżistenza ta’ din il-ħtieġa. Is-sommom imħallsa għall-vouchers użati għalhekk ma kellhomx ikunu kklassifikati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-rigward tas-sommom imħallsa għall-vouchers li għadhom ma ntużawx, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, fil-punt 134 tas-sentenza kkontestata, tikklassifikahom bħala għajnuniet mogħtija mill-Istat. Fil-fatt jirriżulta mill-ftehim ġdid li l-vouchers setgħu jintużaw anki wara l-1998. Għalhekk is-sommom imħallsa għall-vouchers kollha jikkorrispondu mas-servizzi ta’ użu għall-awtorità pubblika li kienet iffinanzjathom, P & O Ferries tibqa’ obbligata tipprovdi dawn is-servizzi fir-rigward ta’ Diputación. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami wara l-intervent tas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet il-bażi tad-deċiżjoni li jitwaqqaf l-użu tal-vouchers fl-istess perijodu, bħala miżura ta’ prekawzjoni, sakemm tingħata d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament irrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni dan l-element ta’ prova sabiex tikkonkludi, fil-punt 121 tas-sentenza kkontestata, li l-ftehim ġdid ma kienx ġie konkluż sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet "effettivi". Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw in-numru tal-vouchers użati, għad-destinazzjonijiet magħżula għall-kundizzjonijiet klimatiċi li jidhru fil-punti 128 sa 130 tas-sentenza kkontestata, dawn huma manifestament żbaljati, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat il-provi li ġew fornuti lilha f’mod mhux eżatt.

37     It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet legalment tikklassifika s-sommom kollha mħallsa, inklużi dawk li jikkorrispondu għal vouchers użati, bħala għajnuniet mogħtija mill-Istat. Il-Kummissjoni kellha tipproċedi bl-analiżi ekonomika li kienet imposta u tasal għall-konklużjoni li s-sommom imħallsa bil-prezz tas-suq, għal servizz fornut, ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku u għalhekk ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38     Qabel ma’ jiġi analizzat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE, dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, motiv sub-diviż fit-tliet partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward ta’ dan il-motiv mill-Kummissjoni. Skond il-Kummissjoni, dan il-motiv iqajjem dubji dwar l-awtorità tar-res judicata konnessa mas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u konsegwentement ma tistax tiġi eżaminata.

39     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat l-imsemmi motiv inammissibbli. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija qieset, fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, li l-awtorità tar-res judicata marbuta ma’ sentenza, tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk ir-rikors preċedenti li kien ta lok għas-sentenza kien bejn l-istess partijiet, ittratta fuq l-istess oġġett u kellu l-istess bażi legali. Hija rrilevat ukoll, fil-punti 79 u 80 rispettivament tas-sentenza kkontestata, li r-rikors ta’ Diputación, kontra att differenti minn dak li kien ta lok għas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, m’għandux l-istess għan bħar-rikors li sar fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza u ma kinitx bejn l-istess partijiet.

40     Billi ddeċidiet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata fuq il-portata ta’ l-awtorità tar-res judicata marbuta mas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

41     Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kellha biss awtorità relattiva, li tostakola biss l-introduzzjoni ta’ rikorsi ġodda li għandhom l-istess oġġett, li huma bejn l-istess partijiet u għandhom l-istess bażi legali. Dik is-sentenza kienet taqa' taħt l-awtorità assoluta tar-res judicata u kienet tostakola li kwistjonijiet dwar id-dritt li hija kienet irregolat ikunu mill-ġdid miġjuba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u eżaminati minnha.

42     Fil-fatt, permezz tas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-ftehim ġdid ma jikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat u kienet iddeċidiet, konsegwentement, li ttemm il-proċedura ta’ eżami li kienet saret fir-rigward ta’ l-għajnuniet mogħtija lill-Ferries Golfo de Vizcaya.

43     Issa, dan l-annullament ikkawża l-għejba retroattiva tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 fir-rigward tal-persuni kollha. Sentenza bħal din ta’ annullament b’hekk ikollha effett erga omnes, li tagħtiha l-awtorità assoluta tar-res judicata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 1954, Franza vs L-Awtorità Għolja, 1/54, Ġabra p. 7, 34; Italja vs L-Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra p. 73, 104; tal-11 ta’ Frar 1955, Assider vs L-Awtorità Għolja, 3/54, Ġabra p. 123, u ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 54).

44     Din l-awtorità hija marbuta biss mal-parti operattiva tas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Hija testendi għall-motivi ta’ din is-sentenza li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tal-parti operattiva tagħha u għalhekk huma inseparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 193/86, 99/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27, u Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

45     Minbarra dan, il-kwistjoni dwar l-awtorità assoluta tar-res judicata hija ta’ ordni pubblika u għandha, konsegwentement, tkun imqajma mill-imħallef ex officio.

46     Fil-każ in eżami, sabiex tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha, b’mod partikolari, fil-punt 80 tas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fuq il-konklużjoni li l-ftehim ġdid "ma jikkostitwixxix tranżazzjoni kummerċjali normali", u, fil-punt 81 ta’ l-imsemmija sentenza, fuq il-fatt li "l-għanijiet ta’ tip kulturali u soċjali eventwalment imħaddna mill-awtoritajiet Spanjoli ma għandhom ebda rwol fil-klassifikazzjoni [tal-ftehim ġdid] fir-rigward ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat [li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE]". Il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-aħħar nett ikkunsidrat, fil-punt 82 ta’ l-istess sentenza, li "l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li [l-ftehim ġdid] ma jikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat" u li, "[k]onsegwentement, id-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ eżami li saret fir-rigward ta’ l-għajnuniet mogħtija lill-Ferries Golfo de Vizcaya hija vvizzjata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u għandha tiġi annullata". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

47     Is-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġietx appellata u, konsegwentement, il-parti operattiva u l-motivi msemmija iktar ’il fuq li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, akkwistaw karattru definittiv.

48     Jirriżulta b’mod ċar mill-motivi ta’ din is-sentenza li l-Kummissjoni kellha tikklassifika l-għajnuniet bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, skond l-Artikolu 87(1) KE u li hi kellha, wara l-annullament kif ippronunċat, terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ eżami li tikkonċernahom.

49     Sabiex tkun konformi ma’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, kif hija kienet marbuta, reġgħet fetħet il-proċedura ta’ eżami tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuniet mat-Trattat. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, hija, minn naħa, ikkonfermat il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet irrikonoxxiet fis-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat li l-għajnuniet kienu inkompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni għalhekk tkellmet fuq l-istess miżuri bħal dawk li wasslu għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

50     F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jkun hemm quddiemha r-rikors ta’ Diputación imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax teżamina mill-ġdid xi motivi bbażati fuq l-allegazzjoni li l-għajnuniet ma jikkostitwixxux għal għajnuna mogħtija mill-Istat mingħajr ma tiġi injorata l-portata tas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, billi ddeċidiet hekk kif għamlet, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat l-awtorità assoluta tar-res judicata li kienet tkopri s-sentenza preċedenti tagħha.

51     Konsegwentement, is-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ dritt inkwantu hija eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE, li, fit-tliet partijiet tiegħu, għandu l-għan li jqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna bħala għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu, dan l-iżball m’għandux bħala konsegwenza li jqajjem dubji dwar il-parti operattiva tas-sentenza kkontestata.

52     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li ssemmew li l-ewwel tliet motivi ta’ l-appell ta’ Diputación ma jistgħux, fid-dawl ta’ l-awtorità tar-res judicata konnessa mas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ikunu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-motivi mhumiex relevanti u għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motivi bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li l-għajnuna ma kinitx ġiet innotifikata legalment lill-Kummissjoni

53     Qabel ma pproċediet bl-eżami tal-motivi tar-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset neċessarju li teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ġietx mogħtija b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE u, għalhekk, jekk dan huwiex il-każ ta’ għajnuna legali.

54     Il-Qorti tal-Prim’Istanza wasslet għall-konklużjoni li din l-għajnuna kienet illegali billi bbażat ruħha fuq żewġ serje ta’ kunsiderazzjonijiet, l-ewwel nett dwar il-portata tal-ftehim ġdid, u t-tieni nett dwar in-nuqqas ta’ notifika ta’ dan il-ftehim.

55     Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-għajnuna kienet ġiet implementata fl-1992, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, u li l-ftehim ġdid ma kienx effettwa s-sustanza tagħha. B’hekk hija rrilevat fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li "jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, ikkonfermat mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura preżenti, li l-ftehim inizjali u l-ftehim ġdid jikkostitwixxu għajnuna waħda, imwaqqfa u implementata fl-1992, fil-kuntest tal-konklużjoni tal-ftehim inizjali, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni". Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ukoll fil-punti 59 u 60 tas-sentenza kkontestata, li "l-ftehim ġdid jikkostitwixxi modifika sempliċi tal-ftehim inizjali", li "ġie mfassal bil-għan li jieħu post dan ta’ l-aħħar" u li l-emendi tal-ftehim inizjali, li jirriżultaw mill-ftehim ġdid, "ma jeffettwax fis-sustanza tagħha, l-għajnuna bħal dik stabbilita mill-ftehim inizjali". Fil-punt 74 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza speċifikat li "l-proċedura li nfetħet fid-29 ta’ Settembru 1993 u li ntemmet permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 kienet tikkonċerna biss il-ftehim inizjali".

56     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ftehim ġdid ma kienx ġie debitament innotifikat lill-Kummissjoni, minħabba li, b’mod partikolari, l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 li kienet toriġina mill-avukati tal-P & O Ferries u mhux mill-Gvern Spanjol, ma setgħetx tiġi analizzata bħala notifika ta’ għajnuna ġdida. Fil-punt 70 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fl-istess sens, li "ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni aċċettat il-komunikazzjoni tal-ftehim ġdid mingħajr ebda oġġezzjoni dwar il-validità ġuridika ta’ dan, fl-ebda każ ma timmodifika n-natura illegali ta’ l-għajnuna ".

 Fuq il-motivi dwar il-portata tal-ftehim ġdid ta’ l-1995

57     Permezz tal-ħames motiv ta’ l-appell tagħha, Diputación tqajjem dubju dwar l-ewwel serje ta’ kunsiderazzjonijiet li fuqhom l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ l-għajnuna . Jeħtieġ li dan il-motiv jiġi eżaminat qabel l-ewwel, it-tieni u s-seba’ motivi mqajma minn P & O Ferries fl-appell tagħha, magħmul kontra l-istess parti tas-sentenza kkontestata.

 L-argumenti tal-partijiet

58     Diputación issostni li, sabiex tasal għall-konklużjoni ta’ l-illegalità ta’ l-għajnuna , il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti, id-deċiżjoni kkontestata u l-elementi tal-prova meta kkunsidrat, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li l-għajnuniet li jinsabu fil-ftehim ġdid ta’ l-1995 ġew "imwaqqfa u implementati fl-1992". Il-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament, minħabba din iż-żnaturazzjoni, għamlet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u waslet għall-konsegwenzi ġuridiċi ineżatti ta’ l-analiżi tagħha. Billi ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata, hija ostakolat ukoll l-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-drittijiet tad-difiża.

59     Skond il-Kummissjoni, dan il-motiv jittratta biss kwistjoni ta’ fatt u jillimita ruħu għal repetizzjoni tat-termini tan-noti ppreżentati fil-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex fondat. L-għajnuna qatt ma ġiet innotifikata. L-evalwazzjonijiet kollha magħmula fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma rilevanti, b’mod li din ta’ l-aħħar ġustament tikkonkludi, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li ż-żewġ ftehim jikkostitwixxu l-istess għajnuna waħda, implementata illegalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60     Minn naħa, għal dak li jikkonċerna, l-ammissibbiltà tal-ħames motiv imqajjem fil-kawża C-471/03 P, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Diputación mhix limitata li tirriproduċi t-termini tad-dokumenti li hija ppreżentat fil-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan il-motiv fil-fatt jinkludi kritika preċiża u ċirkustanzjata tal-motivi tas-sentenza kkontestata, b’mod partikolari l-punt 58 ta’ din is-sentenza. Minbarra dan, din tittratta ż-żnaturazzjoni tal-fatti tal-kawża mill-Qorti tal-Prim’Istanza u għalhekk ma setgħetx tiġi mqajjma quddiemha. Min-naħa l-oħra, jekk l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, din ir-regola tapplika salv għall-każ ta’ żnaturazzjoni ta’ l-elementi li kienu ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċċensura t-tgħawwiġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-elementi li huma ppreżentati lilha, b’mod partikolari meta din tissostitwixxi l-motivazzjoni propja tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C‑164/98 P, Ġabra p. I‑447, punti 48 u 49).

61     Għalhekk, l-imsemmi motiv huwa ammissibbli.

62     Huwa wkoll fondat.

63     Kif ġustament tirrileva Diputación, l-għajnuna li fuqha l-Kummissjoni ppronunċat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata hija dik li tirriżulta mill-ftehim ġdid, li l-Kummissjoni analizzat separatament minn dik prevista fil-ftehim inizjali.

64     Fil-fatt jirriżulta minn dawn it-termini tad-deċiżjoni kkontestata li hi ma kellhiex għajnuna waħda, li kienet ġiet implementata fl-1992. Sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament, fil-punti 77 u 78 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, fuq ċirkustanzi ta’ fatt li jirrigwardaw biss il-ftehim ġdid ta’ l-1995, u għalhekk relattivi għall-għajnuna mogħtija u implementata fl-1995.

65     B’hekk il-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li "l-ewwel ftehim konkluż bejn l-awtoritajiet awtonomi Baski u Ferries Golfo de Vizcaya kien ġie sospiż u s-sommom irċevuti minn Ferries Golfo de Vizcaya ġew rimborsati. Minħabba dan il-fatt, il-kawża m’għandhiex aktar suġġett". Il-Kummissjoni kompliet, fil-punt 44 ta’ l-istess deċiżjoni, billi indikat li, "[g]ħal dak li jikkonċerna t-tieni ftehim, il-Kummissjoni tqis li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92 (1) (illum l-Artikolu 87) tat-Trattat". Il-punt 45 ta’ l-imsemmija deċiżjoni jikkonferma l-portata ta’ l-eżami li għalih il-Kummissjoni pproċediet, billi jispeċifika li "[s]abiex jiġi stabbilit jekk il-ftehim ta’ l-1995 jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92 (1) (illum l-Artikolu 87) tat-Trattat, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk jammontax għal ‘transazzjoni kummerċjali normali’". Fl-istess sens, il-punt 67 ta’ l-istess deċiżjoni jinkludi r-referenza li skond din "l-għajnuniet li jinteressawna ġew mogħtija bejn 1995 u 1998".

66     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ l-għajnuna li tirriżulta biss mill-ftehim ta’ l-1995. Diffiċilment setgħet tagħmel mod ieħor peress li d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995, adottata fid-dawl ta’ dan il-ftehim li ġie indikat lill- Kummissjoni permezz ta’ l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, kellha bħala effett li tawtorizza l-implementazzjoni tal-miżuri inklużi f’dan il-ftehim biss.

67     Konsegwentement, billi kkunsidrat, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li "l-ftehim inizjali u l-ftehim ġdid jikkostitwixxu għajnuna waħda, konċessa u implementata fl-1992, fil-kuntest tal-konklużjoni tal-ftehim inizjali, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni", u, fil-punt 74 ta’ l-imsemmija sentenza, li "l-proċedura li nfetħet fid-29 ta’ Settembru 1993 u li ngħalqet permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 ikkonċernat biss il-ftehim inizjali", li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti tal-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, meta ssostitwiet l-motivazzjoni proprja tagħha għal dik kontenuta fl-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

68     Konsegwentement, il-ħames motiv imqajjem fil-kawża C-471/03 P huwa fondat.

69     B’konsegwenza ta’ dan, is-sentenza kkontestata żnaturat il-fatti tal-każ in eżami inkwantu kkunsidrat li l-ftehim ġdid u l-ftehim inizjali jikkostitwixxu għajnuna waħda, implementata sa mill-1992.

70     Konsegwentement, mhemmx lok li jiġu eżaminati t-tliet motivi l-oħra magħmula kontra din il-parti tas-sentenza kkontestata, jiġifieri:

–       l-ewwel motiv imqajjem fil-kawża C-442/03 P, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-ftehim ġdid ma kienx stabbilixxa għajnuna awtonoma fir-rigward ta’ l-għajnuna inizjali;

–       it-tieni motiv invokat fl-imsemmija kawża, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat, fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, li l-modifiki tal-ftehim inizjali ma jeffettwawx, fis-sustanza tiegħu, lil dan l-imsemmi ftehim;

–       is-seba’ motiv ippreżentat fl-imsemmi kawża, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, injorat il-portata doppja tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995, li permezz tagħha l-Kummissjoni mhux biss temmet il-proċedura miftuħa fid-29 ta’ Settembru 1993, iżda ppronunċat espressament ukoll fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehim ġdid, "fis-seħħ mill-1995 sa l-1998".

71     Madankollu, peress illi s-sentenza kkontestata kienet ukoll ibbażata fuq in-nuqqas ta’ notifika tal-ftehim ġdid, jeħtieġ li wieħed ikompli bl-eżami tal-motivi relatati ma’ din id-domanda.

 Fuq il-motivi dwar in-nuqqas ta’ notifika tal-ftehim ġdid

72     Permezz tat-tielet sas-sitt motivi ta’ l-appell tagħha, P & O Ferries tikkontesta l-motivi tas-sentenza kkontestata, li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-għajnuna ma ġietx debitament innotifikata lill-Kummissjoni u, konsegwentement, il-motivi tas-sentenza kkontestata li kienu bbażati direttament fuq din il-kostatazzjoni.

73     Sabiex tasal għall-konklużjoni li l-għajnuna ma kinitx ġiet innotifikata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 62 tas-sentenza kkontestata, li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, mibgħuta lill-uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali "Trasporti" tal-Kummissjoni permezz ta’ l-avukati tal-P & O Ferries, "lil hinn milli tikkostitwixxi notifika formali ta’ għajnuna ġdida prevista, ittemm korrispondenza twila bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rikorrenti, dwar l-emendi magħmula gradwalment lill-ftehim". Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fl-istess sens, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 intbagħtet mill-avukati tal-P & O Ferries minflok mill-Gvern Spanjol, li hija kienet indirizzat lill-uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali "Trasporti", filwaqt li din l-ittra tal-Kummissjoni lill-Istati Membri SG (81) 12740, tat-2 ta’ Ottubru 1981, teħtieġ li tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, u li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma kienet tikkontjeni ebda referenza għall-Artikolu 88(3) KE. Fil-punti 66 u 70 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-imġieba tal-Kummissjoni kienet tikkonferma l-analiżi li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma kinitx att ta’ notifika u hija tispeċifika li ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet aċċettat il-komunikazzjoni tal-ftehim ġdid mingħajr ebda oġġezzjoni li tirrigwarda l-validità ġuridika ta’ dan ma setgħetx timmodifika n-natura illegali ta’ l-għajnuna . Fl-aħħar nett, fil-punt 68 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-partijiet kienu "fornew indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi kkostatat li huma kienu jikkunsidraw l-għajnuna bħala għajnuna mhux notifikata".

74     Qabel ma jiġu eżaminati l-erba’ motivi ta’ l-appell ta’ P & O Ferries magħmula kontra din il-parti tas-sentenza kkontestata, hemm lok li jiġi analizzat l-argument tal-Kummissjoni li l-eżami ta’ dawn il-motivi huwa, fi kwalunkwe każ, inutili, b’mod li dawn għandhom ikunu meqjusa bħala ineffettivi.

 Fuq in-natura ineffettiva tal-motivi ta’ l-appell ta’ P & O Ferries imsemmija iktar ’il fuq

75     Il-Kummissjoni ssostni li l-appell ta’ P & O Ferries għandu natura purament dilatorja. Il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna ġietx innotifikata jew le hija irrilevanti peress li, fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-prinċipju ta’ l-aspettativi leġittimi ma tistax tirnexxi. Fil-fatt, din l-għajnuna ġiet ikkontestata fit-terminu tar-rikors u P & O Ferries ma tistax validament tistenna li żżomm il-benefiċċju. Anki jekk il-Qorti tiddeċiedi li l-imsemmija għajnuna ġiet innotifikata u tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha neċessarjament tiddeċiedi li P & O Ferries hija fi kwalunkwe każ obbligata li tirrestitwixxi l-għajnuna . F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, indipendentement mill-analiżi tal-motivi kkonċernati, tiddeċiedi li l-istatut proċedurali ta’ l-għajnuna ma teffettwax il-legalità ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kawża hija fuq dan il-punt fi stadju li tiġi deċiża u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell ta’ P & O Ferries għal dan il-motiv.

76     Dan l-argument, safejn jirrigwarda n-natura operattiva tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, ma jistax jiġi akkolt.

77     Fil-fatt, dawn il-motivi huma indirizzati kontra l-motivi tas-sentenza kkontestata li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx innotifikata. Hija din il-konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ l-imsemmija għajnuna li wasslet lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, f’każ bħal dan, li turi l-effett veru ta’ din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri u li l-Kummissjoni tista’ ġustament teżiġi l-irkupru ta’ għajnuna bħal din, mingħajr ma tostakola l-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u lanqas taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali. Huwa fuq il-bażi ta’ l-istess konstatazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-awtoritajiet Spanjoli ma setgħux jinvokaw f’dan il-każ partikolari r-regola tat-terminu ttrattata fis-sentenza Lorenz, iċċitata iktar ’il fuq, u li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tinkludi motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li biha ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

78     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi msemmija iktar ’il fuq huma, jekk huma fondati, ta’ tip li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza kkontestata, inkwantu stabbilixxa l-illegalità ta’ l-għajnuna in kwistjoni u konsegwentement skarta l-ilmenti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn il-motivi mhumiex ineffettivi.

79     Iċ-ċirkustanza li l-appell tal-P & O Ferries jista’ jkollu natura dilatorja hija, anki jekk wieħed jissuponi li hija stabbilita, mingħajr effett fuq din l-analiżi. Fir-rigward tal-proposta magħmula mill-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, indipendentement mill-eżami tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, li l-għajnuna in kwistjoni għandha fi kwalunkwe każ tkun irkuprata u li l-appell għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni, hija tistrieħ fuq kunċett żbaljat tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Proposta bħal din fil-fatt twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi direttament fuq il-mertu tal-kawża. Issa, meta quddiemha jkun hemm appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippronunċa ruħha fuq il-mertu tal-kawża, ħlief wara li tkun annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

80     Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, is-sitt motiv ta’ l-appell tal-P & O Ferries huwa espress b’mod ċar u jista’ jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-kwistjoni jekk il-motivi ta’ l-appell ta’ P & O Ferries imsemmija iktar il fuq humiex fondati

81     Dawn l-erba’ motivi huma konnessi mill-qrib u għandhom jiġu eżaminati flimkien.

–       L-argumenti tal-partijiet

82     P & O Ferries ssostni, permezz tat-tielet motiv tagħha, li fil-punt 62 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ta’ l-avukati tar-rikorrenti lill-Kummissjoni ma ammontatx għal notifika formali ta’ għajnuna ġdida prevista. Dan kien ikun l-għan ta’ din l-ittra.

83     Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ibbażat ruħha, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, fuq il-fatt li l-imsemmija ittra toriġina mill-avukati u mhux mill-Gvern Spanjol, ma kinitx intbagħtet lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u ma tikkontjeni l-ebda referenza għall-Artikolu 88(3) KE, sabiex tinnega n-natura ta’ att ta’ notifika għal din l-istess ittra.

84     Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball ta’ dritt, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ittri li r-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni, inkluża l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, kienu kollha jinkludu fihom ir-referenza NN 40/93, użata mill-Kummissjoni fil-fajl dwar il-ftehim inizjali. Referenza bħal din, użata għall-ħtiġijiet tal-komunikazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, ma jkollhiex, fiha nfisha, valur ġuridiku partikolari u ma kienx ikollha ebda effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida jew le tal-ftehim ġdid.

85     Permess tas-sitt motiv tagħha, P & O Ferries issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat l-evalwazzjoni bi żball ta’ dritt meta fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, ikkunsidrat li l-analiżi tagħha kienet korroborata mill-imġieba tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, imġieba bħal din ikkonfermat n-natura suffiċjenti tan-notifika mwettqa permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 1995.

86     Il-Kummissjoni tirrispondi, għal dak li jikkonċerna r-raba’ motiv, li l-ekonomija ġenerali tal-proċedura fil-qasam ta’ l-għajnuniet mogħtija mill-Istat, bħal dawk li jirriżulta mill-Artikolu 88(3) KE, timplika li l-għajnuniet għandhom ikunu nnotifikati mill-Istati Membri u li din il-ħtieġa kienet tipprevali anki qabel l-intervent tar-Regolament Nru 659/1999. Peress illi d-deċiżjonijiet dwar dan is-suġġett ikunu indirizzati lil dawn l-Istati, huma dawn biss li għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 45, u tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I-1101, punti 32 u 84). Ma jkunx normali li n-notifika minn terz tkun tista’ tipproteġi Stat Membru minn deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-obbligu tan-notifika jaqa’ f’kull ipoteżi fuq l-Istati Membri, dan ir-raba’ motiv ikun infondat u l-motivi l-oħra konnessi man-notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni jkunu ineffettivi.

87     Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 68 tas-sentenza kkontestata, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, l-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-partijiet "jikkunsidraw l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna mhux notifikata". Billi tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma kinitx tammonta għal notifika ta’ l-għajnuna, P & O Ferries tqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni tal-fatti li tirriżulta mis-sentenza kkontestata.

88     Għal dak li jikkonċerna l-ħames motiv, il-Kummissjoni tikkontesta li l-użu ta’ l-isem "NN" ġie użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jiġi stabbilit skond il-liġi li l-għajnuna in kwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq dan l-element ta’ prova, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, sabiex tipproċedi għall-kostatazzjoni tal-fatt miġjub fil-punt 68 ta’ l-imsemmija sentenza u din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi ddubitata fil-kuntest ta’ appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89     L-erba’ motivi analizzati hawnhekk għandhom kollha l-għan li jikkontestaw ir-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkunsidra l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 bħala att ta’ notifika.

90     Il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ fatt jew ta’ att imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi imqajma fil-kuntest ta’ appell. Dan japplika wkoll, per eżempju, għall-kwistjoni jekk ittra għandhiex tkun ikkunsidrata bħala lment fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) ta’ l-Istatut ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 26, u tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, C-154/99 P, Ġabra p. I-5019, punt 11).

91     Fil-każ in eżami, fid-dawl tat-tip ta’ argumenti mressqa, li jittrattaw dwar il-kriterji użati mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jiġi kkunsidrat li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx innotifikata, il-kwistjoni dwar jekk l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 tikkostitwixxix jew le att ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni prevista mill-ftehim ġdid hija kwistjoni ta’ dritt, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

92     Skond l-Artikolu 88(3) KE, huma suġġetti għall-obbligu tan-notifika prevista minn din id-dispożizzjoni "kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna".

93     Jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li ftehim bħall-ftehim ġdid, li permezz tiegħu twaqqfet l-għajnuna in kwistjoni, huwa suġġett għall-obbligu tan-notifika stabbilit f’din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, kif issostni ġustament P & O Ferries, l-obbligu ta’ notifika ta’ dan il-ftehim ġdid għandu natura awtonoma fir-rigward ta’ l-obbligu tan-notifika tal-ftehim inizjali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ notifika tal-ftehim inizjali, li għamel lil dan illegali, m’għandux effett fuq l-eżami tal-legalità tal-ftehim ġdid, li jiddependi fuq l-evalwazzjoni tar-rispett tal-ħtieġa ta’ notifika applikabbli għal dan il-ftehim biss.

94     Iċ-ċirkustanza li l-ftehim ġdid ikun ġie indikat lill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami miftuħa fir-rigward tal-ftehim inizjali mhix ta’ natura li tinvalida din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tittratta, kif intqal, fuq l-unika għajnuna mwaqqfa mill-ftehim ġdid; il-kwistjoni dwar jekk din l-għajnuna ġietx innotifikata jew le għandha tiġi evalwata indipendentement mill-fatt li l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ eżami fir-rigward tal-ftehim inizjali.

95     Konsegwentement, il-fatt li l-ittri mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, inkluża l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, kollha kienu jinkludu fihom ir-referenza NN 40/93, użata mill-Kummissjoni fil-fajl dwar il-ftehim inizjali, ma jistax, minnu nnifsu, ikollu effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida jew le għall-ftehim ġdid. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq dan l-element sabiex tistabbilixxi li l-għajnuna in kwistjoni kienet inseparabbli mill-miżuri previsti f’dan il-ftehim inizjali u tikkunsidra, bħala konsegwenza, li l-għajnuna in kwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata.

96     Minbarra dan jirriżulta mid-dokumenti tal-fajl li P & O Ferries kellha l-intenzjoni, permezz tat-trażmissjoni ta’ l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995, li "tinforma fi żmien xieraq" lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza u l-kontenut tal-ftehim ġdid, kif ukoll tax-xewqa tal-partijiet firmatarji li jimplementaw l-għajnuna in kwistjoni.

97     Inizzjalment, kien fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kontenuta f’din l-ittra u fid-dawl ta’ l-"emendi sostanzjali introdotti fi ftehim ġdid" li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 1995, iddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ eżami miftuħa fir-rigward tal-ftehim inizjali. Il-Kummissjoni għalhekk ħadet in kunsiderazzjoni b’mod xieraq l-imsemmija ittra, indirizzata lill-uffiċjal direttament responsabbli li jsegwi l-fajl, għall-ħtiġijiet ta’ l-eżami tal-miżuri ta’ għajnuna in kwistjoni.

98     Imbagħad, jirriżulta mit-termini tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 li dawn l-emendi sostanzjali kienu ġew introdotti fil-ftehim ġdid "sabiex tingħata risposta għall-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni". Minbarra dan, id-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995 ittemm bir-referenza espliċità ħafna li "il-ftehim ġdid, li japplika mill-1995 sal-1998, ma jammontax għal għajnuna mill-Istat". Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax validament tippretendi li ma ġietx informata, fi żmien xieraq sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, bil-miżuri inklużi f’dan il-ftehim ġdid u lanqas ma tista’ issostni li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma poġġithiex f’pożizzjoni li teżerċita normalment il-kontroll tagħha.

99     Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-dokumenti tal-fajl li l-għajnuna in kwistjoni, prevista mill-ftehim ġdid, ma tħalsitx qabel mal-Kummissjoni ddeċidiet fis-7 ta’ Ġunju 1995, li ttemm il-proċedura ta’ eżami miftuħa fir-rigward tal-Ftehim inizjali. L-ewwel ħlasijiet lill-P & O Ferries seħħew biss f’Diċembru 1995. Minbarra dan, fil-punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li "s-sommom tħallsu wara d-deċiżjoni favorevoli tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995". Barra minn hekk, il-ftehim ġdid jinkludi klawsola, li l-portata tagħha ma kinitx is-suġġett ta’ riservi tal-Kummissjoni fl-1995, li tipprovdi li "il-miżuri kollha ttieħdu sabiex jiġi osservat l-Artikolu 93(3) tat-Trattat ta’ Ruma". Fir-rigward tal-fatt li l-ftehim ġdid kien ġie konkluż qabel l-intervent tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 1995, dan ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-għajnuniet ġew implementati qabel l-imsemmija deċiżjoni.

100   Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta fis-sentenza kkontestata qieset li l-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni kienu huma stess jikkunsidraw l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna mhux innotifikata.

101   Għalhekk mhemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha fuq id-disa’ motiv imqajjem minn Diputación, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ma ddeċidietx fuq it-talba għal produzzjoni tad-dokumenti kollha dwar il-ftehim ta’ l-1995 li kienu jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 bħala n-notifika ta’ għajnuna ġdida, injorat id-drittijiet tad-difiża u kisret l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

102   Huwa madankollu mingħajr żball ta’ dritt il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma kinitx tammonta għal att ta’ notifika li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

103   Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 88(3) KE, li jistabbilixxi rapport bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, li l-obbligu tan-notifika jaqa’ biss fuq l-Istati Membri. Dan l-obbligu konsegwentement ma jkunx ikkunsidrat bħala sodisfatt permezz tan-notifika magħmula mill-intrapriżi benefiċjarji ta’ l-għajnuna. Kif il-Qorti diġà ddeċidiet, il-mekkaniżmu tal-kontroll u ta’ eżami ta’ għajnuniet mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 88 KE ma jimponix obbligu speċifiku fuq il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna. Minn naħa, l-obbligu ta’ notifika u l-projbizzjoni minn qabel ta’ implementazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna huma indirizzati lill-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, din xorta hi d-destinatarja tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna u tistedinha li tneħħiha fit-terminu li hija tistabbilixxi (ara, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et C‑39/94, Ġabra p. I-3547, punt 73).

104   F’dan ir-rigward huwa mingħajr effett il-fatt li, fid-data li fiha, fil-każ in eżami, l-abbozz tal-ftehim ġdid ġie trażmess lill-Kummissjoni, peress illi l-ebda test leġiżlattiv ma kien jipprovdi li sabiex notifika tkun regolari, kellha tkun effettwata mill-gvern ikkonċernat. Kieku l-ħtieġa li n-notifika tkun ir-responsabbiltà ta’ dan il-gvern kienet imsemmija fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 659/1999, kull ma jagħmel dan l-artikolu huwa li jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġusitzzja mingħajr ma jżid xejn għall-istat ta’ liġi applikabbli.

105   F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza tagħha bi żball ta’ dritt, tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma kinitx toriġina mill-gvern ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex tiddeċiedi li din ma tammontax għal att ta’ notifika li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

106   Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx applikazzjoni ineżatta ta’ l-Artikolu 88(3) KE, meta kkunsiderat, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma tammontax għal att ta’ notifika tal-ftehim ġdid.

107   Jirriżulta minn dak li ntqal li jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat is-sentenza tagħha minħabba żnaturazzjoni tal-fatti tal-każ in eżami inkwantu qieset li l-ftehim ġdid u l-ftehim inizjali kien jammonta għal għajnuna waħda, implementata sa mill-1992, huwa ġġustifikat li hija ddeċidiet li l-għajnuna in kwistjoni ġiet implementata mingħajr ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Konsegwentement, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-talbiet ta’ l-appelli magħmula kontra din il-parti tas-sentenza kkontestata.

 Fuq il-motivi dwar il-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet min-nuqqas ta’ notifikazzjoni

108   Is-sitt sat-tmien motivi mqajjma minn Diputación għandhom l-għan li jqajjmu dubju dwar il-motivi tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet, b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ notifika ta’ l-għajnuna.

109   Permezz tas-sitt motiv tagħha, Diputación issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat, fil-punti 142 u 143 tas-sentenza kkontestata, li l-għajnuna in kwistjoni kienet illegali u li għalhekk ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tevalwa l-effett veru ta’ din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju.

110   Dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti, jekk il-Kummissjoni għandha turi fid-deċiżjoni tagħha l-effett reali ta’ għajnuna diġà mogħtija, dan isir sabiex jiffavorixxi l-Istati Membri li jħallsu għajnuniet bi ksur tal-ħtieġa tan-notifika imposta fl-Artikolu 88(3) KE, a skapitu ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuniet fl-istadju meta jkunu għadhom qed jiġu pproġettati (ara, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p-I-307, punt 33).

111   Fil-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, validament ikkunsidrat li l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1995 ma tammontax għal att ta’ notifika tal-ftehim ġdid. Konsegwentement hija setgħet tasal għall-konklużjoni, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza tagħha bi żball ta’ dritt, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li turi l-effett reali ta’ l-għajnuna mogħtija fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, is-sitt motiv mhux fondat.

112   Is-seba’ motiv ta’ Diputación huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żnaturat l-argument li hija ppreżentatilha u, konsegwentement, kisret id-drittijiet tad-difiża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fil-fatt irrilevat, fil-punt 203 tas-sentenza kkontestata, li Diputación ma kinitx iġġustifikata sabiex tinvoka "l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ P & O Ferries", peress illi hija invokat il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħha stess, inkwantu parti mill-ftehim ġdid. Anki jekk il-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kienu ġew invokati minn P & O Ferries, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tikkonkludi li Diputación ma setgħetx tippreżenta motiv ibbażat fuq il-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ din l-intrapriża.

113   Il-Kummissjoni ssostni li l-portata tas-seba’ motiv tbiddlet waqt li kienet għaddejja l-kawża. Diputación kienet, fir-risposta tagħha, reġgħet indikat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ l-impriża benefiċjarja ta’ l-għajnuna – li hi kienet qajmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Issa Diputación kienet qajmet fl-appell tagħha motiv ieħor, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħha stess. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi ta’ l-intrapriża benefiċjarja huwa ġdid u, għalhekk, inammisibbli. F’kull każ huwa infondat.

114   L-ewwelnett, hemm lok li tiġi skartata l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra s-seba’ motiv. Kuntrarjament għal dak li ssostni l- Kummissjoni, Diputación qajmet, fir-replika tagħha bħal fl-appell tagħha, l-istess motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żnaturat l-argument tagħha meta ħadet in kunsiderazzjon biss ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-P & O Ferries, filwaqt li Diputación invokat ukoll l-aspettattivi leġittimi tagħha. Il-motiv huwa konsegwentement ammissibbli.

115   Madankollu mhux fondat. Jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 203 tas-sentenza kkontestata, ma semmietx espressament ħlief "l-aspettattivi leġittimi tal-P & O Ferries", hija madankollu rrispondiet għall-argument żviluppat quddiemha minn Diputación fejn iddeċidiet fil-punt 202 ta’ din is-sentenza, li dan jaqa’ mhux fuq l-awtoritajiet Spanjoli, iżda fuq l-impriża benefiċjarja li tinvoka l-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom setgħet tibbaża l-aspettattivi leġittimi tagħha sabiex topponi l-ħlas lura ta’ għajnuna illegali. Konsegwentement, Diputación mhix ġustifikata li ssostni li, permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żnaturat l-argument tagħha.

116   Permezz tat-tmien motiv tagħha, Diputación issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-argumenti tar-rikors ibbażati fuq l-Artikolu 10 KE u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi, fil-punt 211 tas-sentenza kkontestata, qieset li dawn l-argumenti jerġgħu jqajjmu dubju dwar l-illegalità ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Għal kuntrarju, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-Artikolu 10 KE u l-imsemmi prinċipju jopponu l-ħlas lura, ta’ l-għajnuniet, anki dawk illegali. Minħabba din iż-żnaturazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx verament analizzat dan il-motiv u kienet ippreġudikat id-drittijiet ta’ difiża.

117   Madankollu jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li l-argumenti li permezz tagħhom Diputación, b’mod partikolari fil-punti 261 u 272 sa 275 tar-rikors tagħha, kellhom it-tendenza li jqajjmu dubju dwar l-imġieba tal-Kummissjoni, meta invokat l-Artikolu 10 KE u l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba, jirreferu għall-argumenti żviluppati mir-rikorrenti sabiex turi li l-għajnuna in kwistjoni kienet ġiet innotifikata korrettement u kienet fis-sustanza qeda tiġi konfuża ma’ din.

118   F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żnaturat l-argumenti tad-Diputación billi ddeċidiet li dawk li kienu bbażati fuq l-Artikolu 10 KE u fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kienu jidhru, fis-sustanza, li jikkritikaw l-imġieba tal-Kummissjoni waqt l-istruzzjoni tal-fajl u jqajjmu dubju dwar l-illegalità ta’ l-għajnuna in kwistjoni. B’konsegwenza ta’ dan, it-tmien motiv ta’ Diputación għandu jiġi skartat.

 Fuq il-motivi bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-għajnuna in kwistjoni ma kinitx kompatibbli mat-Trattat

119   Ir-raba’ motiv fil-kawża C-471/03 P huwa l-uniku li jqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li d-deroga prevista mill-Artikolu 87(2)(a), KE, mhix applikabbli fil-każ in eżami.

 L-Argumenti ta’ Diputación

120   Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.

121   Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Diputación issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi rrilevat, fil-punt 165 tas-sentenza kkontestata, li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx tibbenefika lill-konsumaturi li jużaw kumpanniji oħra marittimi li jistgħu joperaw bejn Portsmouth u Bilbao. Fil-punti 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fir-realtà kienet qieset li l-Artikolu 87(2)(a) KE ma setax japplika minħabba nuqqas ta’ trasparenza fl-għażla ta’ l-operatur marittimu. Billi b’hekk żnaturat it-termini tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx qiegħdet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tippreżenta korrettement id-difiża tagħha.

122   Permezz tat-tieni parti ta’ l-istess motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 87(2)(a) KE billi bbażat ruħha, fil-punt 166 tas-sentenza kkontestata, fuq l-għoti ta’ l-għajnuna lill-operatur wieħed, bl-esklużjoni ta’ kumpanniji oħra li setgħu jissodisfaw l-għan soċjali mfittex. Safejn operatur wieħed biss kien ser jipprovdi s-servizz fuq il-konnessjoni kkonċernata, in-natura diskriminatorja ta’ l-għajnuna konnessa ma’ l-oriġini tal-prodotti ma tistax tiġi stabbilita. F’każ bħal dan, meta peress li n-natura soċjali ta’ l-għajnuna in kwistjoni kienet ġiet aċċettata mid-deċiżjoni kkontestata (punt 58), l-Artikolu 87(2)(a) KE kien applikabbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

123   Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta’ l-imsemmi motiv, jirriżulta mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata li, sabiex tqis li l-għajnuna in kwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(2)(a) KE li tipprovdi li l-għajnuna għandha tingħata "mingħajr diskriminazzjoni marbuta ma’ l-oriġini tal-prodotti", il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari, minn naħa, fuq il-punt 58 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, fuq iċ-ċirkustanza li "kien hemm xiri ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar mill-Ferries Golfo de Vizcaya, u l-awtoritajiet awtonomi Baski ma setgħux juru li l-impriża ġiet magħżula b’mod trasparenti" u min-naħa l-oħra, fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li "l-awtoritajiet Baski setgħu jistennew l-istess objettivi b’karattru soċjali grazzi għal offerti ta’ vjaġġi diversifikati".

124   Għal dawn il-motivi, il-Kummissjoni kkunsidrat li Ferries Golfo de Vizcaya kienet l-unika intrapriża li tibbenefika mill-għajnuna in kwistjoni u li ma kienx stabbilit li l-għanijiet soċjali mfittxa mill-imsemmija għajnuna ma setgħux ikunu miksuba ħlief permezz tax-xiri ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar mill-istess impriża.

125   Għalhekk, sabiex tirrifjuta li tapplika d-deroga msemmija fl-Artikolu 87(2)(a) KE, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, kuntrarjament għal dak li tallega Diputación, biss fuq in-nuqqas ta’ trasparenza fl-għażla ta’ l-operatur marittimu kkonċernat.

126   Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-motivazzjoin tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma ppreġudikat id-drittijiet ta’ difiża meta kkonstatat, fil-punt 165 tas-sentenza kkontestata, li "Diputación ma allegatx u lanqas ma wriet a fortiori li l-konsumaturi xorta setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna in kwistjoni bl-użu eventwali ta’ kumpanniji oħra marittimi li setgħu joperaw bejn Bilbao u Portsmouth".

127   Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv hija nieqsa minn bażi fattwali, u għalhekk ma jistax jiġi akkolt.

128   Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan ir-raba’ motiv, hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 87(2)(a) KE mhux applikabbli fil-każ in eżami, fil-punt 166 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx ruħha biss fuq iċ-ċirkustanza li l-ftehim ta’ bejgħ tal-vouchers ta’ l-ivvjaġġar ġie konkluż esklużivament bejn Diputación u P & O Ferries.

129   Hija fil-fatt qieset, fl-ewwel frażi ta’ dan il-punt, li, "bis-saħħa tal-ftehim ġdid, P & O Ferries jirċievu ammont annwali stabbilit bil-quddiem, ikun x’ikun in-numru ta’ vouchers ta’ l-ivvjaġġar effettivament użati mill-konsumaturi finali". Permezz ta’ din ir-referenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza riedet tfakkar, kif kienet ikkonstatat b’mod partikolari fil-punti 121 u 137 tas-sentenza kkontestata, li dan il-ftehim ma kienx ġie konkluż minn Diputación sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet effettivi, iżda kien sar bil-għan li jagħti lil P & O Ferries vantaġġ li f’kundizzjonijiet tas-suq normali hija ma kinitx tista’ tibbenefika minnu.

130   F’din il-kawża, fid-dawl ta’ l-evalwazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-tip ta’ vantaġġ ekonomiku attribwit lill-P & O Ferries, ir-referenza li tidher fl-ewwel frażi tal-punt 166 tas-sentenza kkontestata hija suffiċjenti, fi kwalunkwe każ, sabiex tiġġustifika legalment il-konklużjoni, msemmija fil-punt 167 tas-sentenza kkontestata, li l-għajnuna in kwistjoni ma tistax tiġi analizzata bħala li ġiet "mogħtija lill-konsumaturi individwali mingħajr diskriminazzjoni marbuta ma’ l-oriġini tal-prodotti", skond l-Artikolu 87(2)(a) KE.

131   Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ dritt fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

132   Konsegwentement, l-imsemmi motiv meħud fit-tieni parti tiegħu, huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

133   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ dritt u b’żnaturazzjoni tal-fatti tal-każ in eżami minħabba li hija, billi injorat l-awtorità assoluta tar-res judicata marbuta mas-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE, u minħabba li hija qieset li l-ftehim ġdid kif ukoll il-ftehim inizjali kienu jikkostitwixxu għajnuna waħda biss, implementata fl-1992.

134   Peress illi żbalji ta’ dritt bħal dawn ma jeffettwawx il-parti operattiva tas-sentenza kkontestata, m’hemmx lok li din tiġi annullata.

135   B’hekk, l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

136   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li P & O Ferries u Diputación essenzjalment tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      P & O European Ferries (Vizcaya) SA u Diputación Foral de Vizcaya għandhom ibatu l-ispejjeż.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Ispanjol.

Top