EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0374

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
Gaye Gürol vs Bezirksregierung Köln.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Sigmaringen - il-Ġermanja.
Ftehim ta' assoċjazzjoni KEE-Turkija - Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill - Effett dirett - Aċċess għat-tagħlim għat-tfal ta' ħaddiem Tork parti mis-suq tal-ħaddiema regolari - Tfal residenti flimkien mal-ġenituri tagħhom - Għajnuna għat-taħriġ.
Kawża C-374/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:435

62003J0374



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-374/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tal-31 ta' Lulju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-8 ta' Settembru 2003, fil-proċedura

Gaye Gürol

vs

Bezirksregierung Köln,

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), E. Juhász u M. Ilei, Mħallfin

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, tal-21 ta' Ottubru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal Gürol, minn I. Baysu, Rechtsanwältin,

- għall-Bezirksregierung Köln, minn R. Bongs u E. Frings-Schäfer, bħala aġenti,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn C.-D. Quassowski u A. Tiemann, bħala aġenti,

- għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Martenczuk u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-assoċjazzjoni (iktar 'il quddiem id-Deċiżjoni Nru 1/80). L-Assoċjazzjoni tal-Kunsill ġiet stabbilita bil-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie iffirmat, fit-12 ta' Settembru 1963, f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa l-oħra, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa, u li ġie kkonkluż, approvat u kkonfermat f'isem din ta' l-aħħar bid-Deċiżjoni 64/732/KEE tal-Kunsill, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar 'il quddiem il-ftehim ta' assoċjazzjoni).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Gürol, ta' nazzjonalità Torka, u l-Bezirksregierung Köln fir-rigward tat-talba ta' għotja għal għajnuna għat-taħriġ taħt il-liġi Federali li tħajjar l-individwi għat-taħriġ (Bundesausbildungsförderungsgesetz, iktar 'il quddiem il-BAföG).

Il-Kuntest Ġuridiku

L-assoċjazzjoni KEE-Turkija

3. L-Artikolu 12 tal-ftehim ta' assoċjazzjoni jistipola:

Il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu mnebbħa mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità biex gradwalment iwettqu l-liberta ta' moviment għall-ħaddiema bejniethom.

4. Taħt l-Artikolu 36 tal-protokoll addizzjonali, li ġie ffirmat fit-23 ta' Novembru 1970 f'Brussell u kkonkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità bir-Regolament (KEE) Nru 2760/72 tal-Kunsill, tad-19 ta' Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar 'il quddiem il-protokoll addizzjonali):

"Il-libertà ta' moviment għall-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ser jitwettaq gradwalment, konformi mal-prinċipji enunċjati fl-Artikolu 12 tal-ftehim ta' assoċjazzjoni, sat-tmiem tat-tnax u tat-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi ftehim.

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsill tiddeċiedi l-mod neċessarju għal dan il-għan."

5. L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa fformulat kif ġej:

"It-tfal Torok, residenti regolarment fi Stat Membru tal-Komunità flimkien mal-ġenituri tagħhom, li huma jew li kienu regolarment impjegati, ikunu aċċettati f'dan l-Istat Membru għall-korsijiet ta' tagħlim ġenerali, ta' apprendistat u ta' taħriġ professjonali fuq il-bażi ta' l-istess kwalifiki għad-dħul, għat-taħriġ rikjest, kif għat-tfal taċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru. Jistgħu jibbenefikaw, f'dan l-Istat Membru, ta' vantaġġji previsti f'dan il-qasam mill-leġislazzjoni nazzjonali."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6. Skond l-Artikolu 1 tal-BAföG:

"Taħt il-liġi preżenti, jeżisti dritt għall-għajnuna individwali għat-taħriġ għal taħriġ li jikkorrispondi għall-interessi, għall-kapaċitajiet u għar-riżultati jekk l-istudent m'għandux min-naħa l-oħra l-mezzi neċessarji għall-manteniment tiegħu u għat-taħriġ tiegħu."

7. L-Artikolu 5 tal-BAföG, intitolat Taħriġ barra mill-pajjiż, jipprevedi fit-tieni paragrafu tiegħu:

"Għajnuna għat-taħriġ hija mogħtija lil kull student li jkollu d-domiċilju permanenti tiegħu fuq it-territorju nazzjonali fejn qiegħed isegwi l-istudji tiegħu fi stabbiliment tat-taħriġ li jinsab barra mill-pajjiż:

- jekk dawn l-istudji huma ta' profitt għat-taħriġ ta' l-interessat fl-istat attwali ta' din il-formazzjoni u jekk għallinqas parti ta' din il-formazzjoni tista' tintgħaraf bħala element tat-terminu meħtieġ jew normali għat-taħriġ, jew

- jekk, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni internazzjonali bejn stabbiliment tat-taħriġ Ġermaniż u stabbiliment barrani, it-tagħlim ta' taħriġ uniku li jingħaqdu bejniethom jistgħu jingħataw alternattivament bejn l-istabbiliment Ġermaniż jew mill-istabbiliment barrani, jew

- jekk l-istudent isegwi taħriġ, wara li attenda stabbiliment ta' taħriġ Ġermaniż, għallinqas għal sena, fi stabbiliment ta' taħriġ ta' Stat membru ta' l-Unjoni Ewropea,

u li l-interessat jiddisponi minn konoxxenzi lingwistiċi suffiċjenti. Għall-istabbilimenti professjonali, il-punt 1 japplika biss meta l-programm ta' l-istudji jeħtieġ din il-waqfa fil-pajjiż sabiex jinkisbu konoxxenzi lingwistiċi. It-taħriġ irid idum għallinqas sitt xhur jew semestru; jekk din iseħħ fil-kuntest ta' kooperazzjoni ma' l-istabbiliment barrani, trid iddum għallinqas tnax-il ġimgħa. Il-punt 1 japplika biss għall-istudenti msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-BAföG meta l-waqfa fil-pajjiż barrani hija nkluża fid-dispożizzjonijiet relativi għat-taħriġ bħala parti tat-taħriġ li jrid neċessarjament iseħħ barra l-pajjiż."

8. L'Artikolu 8(1) tal-BAföG jiddisponi:

"Għajnuna għat-taħriġ tiġi mogħtija:

1. liċ-ċittadini Ġermaniżi skond il-Kostituzzjoni (Grundgesetz);

2. lill-apolidi skond il-liġi dwar l-apolidi fuq it-territorju federali;

3. lill-barranin residenti fil-Ġermanja u li għandhom dritt ta' ażil skond il-liġi fuq il-proċedura ta' ażil;

4. lill-barranin residenti normalment fil-Ġermanja u li għandhom il-kwalità ta' rifuġjati skond l-Artikolu 1 tal-liġi fuq il-miżuri favur ir-rifuġjati milqugħa fil-kuntest ta' l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;

5. lill-barranin residenti normalment fil-Ġermanja u li għandhom il-kwalità ta' rifuġjati u li l-awtorizzazzjoni ta' residenza tagħhom fuq it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhuwiex biss provviżorju;

6. lill-barranin li normalment jgħixu fil-Ġermanja u li huma mħarsa kontra kull tkeċċija skond l-Artikolu 51-I tal-liġi dwar il-barranin;

7. lill-barranin li għandhom id-domiċilju permanenti tagħhom fuq it-territorju ta' applikazzjoni tal-liġi meta wieħed miż-żewġ ġenituri jkun ċittadin Ġermaniż skond il-Kostituzzjoni;

8. lill-istudenti li, bħala tfal, jibbenefikaw, konformament mal-liġi fuq ir-residenza taċ-ċittadini tal-Komunità (Aufenthaltsgesetz/EWG), tad-dritt tal-libertà ta' moviment, li, bħat-tfal, igawdu skond dik il-liġi ta' dritt ta' residenza, jew lill-istudenti li ma jibbenefikawx mid-dritt tal-libertà ta' moviment jew tad-dritt ta' residenza bħala tfal skond din l-istess liġi minħabba li għandhom 21 sena jew iktar, jew li huma dipendenti tal-ġenituri tagħhom jew ta' żwieġhom;

9. lill-istudenti li ġejjin minn Stat membru ieħor tal-Komunità Ewropea jew minn Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea u li kellhom impjieg fil-Ġermanja qabel ma bdew it-taħriġ tagħhom; bħala prinċipju trid teżisti rabta fir-rigward ta' l-attività eżerċitata u tat-taħriġ segwit..

9. Skond il-paragrafu 2, punt 2, ta' l-istess dispożizzjoni:

L-għajnuna għat-taħriġ hija mogħtija biss lill-barranin oħra bil-kundizzjoni li għallinqas wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa residenti fil-Ġermanja u li regolarment ħadem hemm għal tliet snin b'kollox fis-sitt snin ta' qabel ma beda l-parti tal-kors li huwa suxxettibbli li jibbenefika minn għajnuna.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10. Gürol, rikorrent fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Torka mitwielda l-Ġermanja, fejn il-ġenituri tagħha, ukoll ta' nazzjonalità Torka, jgħixu fl-imsemmi Stat Membru, bħal binthom, u huma ħaddiema regolari.

11. Mid-dħul mill-ġdid fl-università tas-sena 1995, Gürol segwiet l-istudji fl-ekonomija politika, b'opzjoni ta' "studji reġjonali", fl-università ta' Tübingen (il-Ġermanja). Biex ttemm iċ-ċiklu ta' l-istudji, hi bbenefikat minn għajnuna għat-taħriġ permezz tal-BAföG.

12. Billi tat bidu għall-istudji universitarji tagħha, Gürol stabbiliet id-domiċilju prinċipali tagħha fi Tübingen, waqt li ddikjarat li d-domiċilju sekondarju tagħha jinsab mal-ġenituri tagħha, li jgħixu f'Philippsburg (il-Ġermanja). Fil-kuntest ta' dan l-istess ċiklu ta' studji, l-interessata segwiet kors universitarju fi Bogazici f'Istanbul (it-Turkija), mix-xahar ta' Ottubru 1999 sax-xahar ta' Settembru 2000. Għat-tul ta' din il-waqfa, iddikjarat bħala domiċilju prinċipali dak tal-ġenituri tagħha. Wara li ġiet lura mill-Ġermanja, hi reġgħet stabbiliet id-domiċilju prinċipali tagħha f'Tübingen u ddikjarat dak tal-ġenituri tagħha bħala d-domiċilju sekondarju.

13. Fit-13 ta' Awwissu 1999, Gürol użat il-Landesamt für Ausbildungsförderung Nordrhein-Westfalen (servizz ta' għajnuna għat-taħriġ tal-Land de Rhénanie-du-Nord-Westphalie), sadattant kienet ħadet post il-Bezirksregierung Köln, għal talba ta' għajnuna għat-taħriġ għall-waqfa ta' studji tagħha f'Istanbul.

14. Bid-deċiżjoni tat-2 ta' Settembru 1999, din it-talba ġiet miċħuda mill-konvenut fil-kawża prinċipali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) tal-BAföG. Din fil-fatt ikkunsidrat li Gürol trid tiġi stmata bħala barranija skond it-tieni punt ta' l-Artikolu 8(2), ta' l-istess liġi, f'mod li, kuntrarjament b'mod partikulari għaċ-ċittadini Ġermaniżi, hi m'għandhiex dritt, skond ir-raba' frażi ta' l-Artikolu 5(2) tal-BAföG, għal għajnuna għat-taħriġ barra l-pajjiż "li meta l-waqfa barra l-pajjiż hija prevista fid-dispożizzjonijiet relativi għat-taħriġ bħala parti tat-taħriġ li trid tkun neċessarjament effettwata barra l-pajjiż". Iżda, dan mhux il-każ f'dak li jirrigwarda ċ-ċiklu prinċipali ta' studji magħżul minn Gürol.

15. Fil-fatt, il-programm ta' l-istudji ta' tali ċiklu jindika biss li waqfa għall-studji f'università barra l-Ġermanja waqt wieħed jew tnejn mis-semestri jikkostitwixxi opportunità tajba għall-istudenti li jkunu għażlu l-opzjoni "studji reġjonali" biex jidħlu fil-fond ta' l-għarfien lingwistiku u kulturali tagħhom tar-reġjun konċernat u li jiksbu esperjenza, b'mod partikulari, fir-rigward ta' l-opportunitajiet futuri fuq livell professjonali. Tirrigwarda sempliċi rakkomandazzjoni u ma ssemmix il-karattru neċessarju tal-waqfa f'università barranija sabiex jinkiseb it-taħriġ in kwistjoni, minkejja li, b'ittra tad-9 ta' Awwissu 1999, l-Università ta' Tübingen iċċertifikat li waqfa barra l-pajjiż kienet mitluba b'awtorità mill-fakultà tax-xjenzi ekonomiċi ta' din l-università. Minbarra dan, ir-regolament ta' l-eżamijiet applikabbli għal dan it-taħriġ ma jsemmix il-waqfa għal studji barra l-pajjiż bħala kundizzjoni biex jinkiseb id-diploma konċernat.

16. It-talba mressqa fid-29 ta' Settembru 1999 minn Gürol fir-rigward tad-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru 1999.

17. Il-Qorti tar-rinviju, li ħadet konjizzjoni tal-kawża permezz tar-rikors ippreżentat fit-2 ta' Frar 2000, hija tal-fehma li, jekk l-ebda dritt għall-għajnuna mitluba ma tirriżulta, b'mod partikulari, mill-BAföG, tali dritt jista, jekk neċessarju, ikun ibbażat fuq l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

18. Huwa f'dawn il-kundizzjonijiet li l-Verwaltungsgericht Sigmaringen iddeċidiet li tissosspendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti id-domandi preliminari li ġejjin:

1) L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 [...] hija b'effett dirett ta' l-ordni ġuridiku intern ta' l-Istati Membri b'mod li t-tfal Torok, residenti regolarment f'Stat Membru tal-Komunità flimkien mal-ġenituri tagħhom, li huma jew li kienu regolarment jaħdmu, għandhom id-dritt, fuq il-bażi ta' l-istess kwalifiki tat-tfal residenti ta' dan l-Istat Membru, għall-istess aċċess għall-korsijiet ta' tagħlim ġenerali, ta' apprendistat jew ta taħriġ professjonali?

2) Fil-każ ta' risposta affermativa għall-ewwel domanda:

Il-kundizzjoni ta' residenza regolari flimkien mal-ġenituri tagħhom' hija bl-istess mod sodisfatta mit-tfal Torok li jistabbilixxu u jżommu d-domiċilju proprju tagħhom fil-post fejn jingħata t-taħriġ professjonali universitarju u li huma biss iddikjaraw ir-residenza tal-ġenituri tagħhom bħala domiċilju sekondarju?

3) Fil-każ ta' risposta affermativa għat-tieni domanda:

L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 [...] timplika, minbarra dritt għal aċċess ugwali għall-istabbilimenti ta' taħriġ favur persuni previsti minn dan l-Artikolu, l-ugwaljanza fir-rigward ta' dritt għal prestazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiffaċilitaw il-partiċipazzjoni f'taħriġ, jew inkella d-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel u t-tieni frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 [...] flimkien iridu jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jħarsu l-possibbiltà li tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet oħra l-għotja lill-persuni kkunsidrati, mill-ewwel frażi, tal-prestazzjonijiet soċjali fil-qasam tat-taħriġ, jew li dawn is-servizzi jiġu ristretti?

4) Fil-każ ta' risposta affermativa għat-tieni u għat-tielet domanda:

Din tapplika ugwalment għall-ipoteżi ta' taħriġ ta' tagħlim superjuri mogħti lill-persuni kkunsidrati mid-dispożizzjoni kkontestata fil-pajjiż tagħhom ta' oriġini, it-Turkija?

Fuq id-omanda preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19. B'din id-domanda, il-Qorti tar-rinviju titlob jekk l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandiex effett dirett fuq it-territorju ta' l-Istati Membri.

20. Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, dispożizzjoni ta' deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill KEE-Turkija trid tiġi kkunsidrata li għandha effett dirett meta, ikkunsidrati t-termini tagħha kif ukoll l-għan u n-natura tad-deċiżjoni li tagħmel parti minnha u tal-ftehim li magħha hija marbuta, din id-dispożizzjoni għandha obbligu ċar u preċiż, min mhuwiex subordinat, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew l-effetti tiegħu, għall-intervent ta' l-ebda att ulterjuri (ara f'dan is-sens, b'mod partikulari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Sevince, C192/89, Ġabra p. I3461, punt 15, u tat-8 ta' Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C171/01, Ġabra p. I-4301, punti 54 u 55).

21. Kif ammettew l-intenvenjenti kollha fil-proċedura preżenti, l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tirrispondi għal dawn il-kundizzjonijiet.

22. Bħal dak li jirrigwarda l-ifformular ta' din id-dispożizzjoni, jinħtieġ jiġi rrilevat li din tagħti d-dritt, lit-tfal Torok regolarment residenti fi Stat Membru tal-Komunità mal-ġenituri tagħhom li huma jew li kienu regolarment jaħdmu, li jkunu ammessi f'dan l-Istat għal kors ta' taħriġ ġenerali, ta' apprendistat u ta' taħriġ professjonali fuq il-bażi ta' l-istess kwalifiki għad-dħul, fir-rigward tat-taħriġ mitlub, bħal dawk tat-tfal taċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru.

23. L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fiha l-obligu ta' trattament ugwali fid-dħul għall-korisijiet ta' taħriġ u tal-formazzjoni professjonali fuq il-bażi ta' l-istess kwalifiki li huma, essenzjalment, suxxettibbli li jkunu invokati minn rikorrent quddiem il-Qorti nazzjonali biex jitlob li din ta' l-aħħar tiskarta d-dispożizzjonijiet diskriminatorji tar-regolament ta' Stat Membru li jissottometti l-għoti ta' dritt bil-kundizzjoni li mhux imposta liċ-ċittadini nazzjonali, mingħajr ma l-adozzjoni ta' miżuri kumplementari jiġu mitluba għal dan il-għan (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-4 ta' Mejju 1999, Sürül, C262/96, Ġabra p. I-2685, punt 63).

24. Din il-konklużjoni hija kkorroborata miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tikkostitwixxi l-bidu fis-seħħ u l-konkretizzazzjoni, fil-qasam partikulari ta' l-aċċess għat-tagħlim u t-taħriġ professjonali fl-Istat Membru li jilqa' (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Novembru 1998, Akman, C210/97, Ġabra p. I-7519, punt 41), tal-prinċipju ġenerali ta' non diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 9 tal-ftehim ta' assoċjazzjoni, dispożizzjoni li topera rinviju għall-Artikolu 7 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 6 tat-Trattat KE, li hu stess sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE) (ara, b'analoġija, is-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).

25. Il-konstatazzjoni li tgħid li l-prinċipju ta' non diskriminazzjoni fformulata fl-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija suxxettibbli li tirregola direttament is-sitwazzjoni ta' l-individwu ma tmurx kontra s-suġġett u n-natura ta' din id-deċiżjoni u l-ftehim ta' assoċjazzjoni li tirrigwarda (ara s-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata ikar 'il fuq, punti 61 sa 65).

26. F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha effett dirett fl-Istati Membri.

Fuq it-tieni domanda

27. Jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni għal rinviju li, b'din id-domanda, il-Qorti tar-rinviju tfittex fis-sustanza li ssir taf jekk il-kundizzjoni ta' residenza mal-ġenituri, fis-sens ta' l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hijiex sodisfatta fis-sitwazzjoni fejn tifel Tork, li wara li kien regolarment residenti mal-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru li laqgħu, stabbilixxa d-domiċilju prinċipali tiegħu fil-post, li jinstab fl-Istat Membru, fejn segwa taħriġ universitarju, meta ddikjara li qed jgħix fid-dar tal-ġenituri tiegħu ħlief bħala ta' domiċilju sekondarju biss.

28. Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi b'mod partikulari jekk il-kundizzjoni tar-residenza stabbilita fl-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tissupponi l-eżistenza ta' kenn familjari komuni jew jekk l-eżistenza ta' domiċilju komuni huwa biżżejjed u jekk, f'dan l-aħħar każ, l-imsemmija kundizzjoni hijiex sodisfatta billi żżomm domiċilju sekondarju mal-ġenituri.

29. It-tifel Tork, li, bħal fil-kawża in kwistjoni, regolarment residenti fl-Istat Membru li laqgħu mal-ġenituri tiegħu u trasferit, fil-mument fejn beda l-istudji tiegħu, id-domiċilju prinċipali tiegħu tal-post fejn hu kien l-aħħar residenti lejn dak fejn kien jinstab l-istabbiliment tat-tagħlim jew ta' taħriġ, sitwat fl-istess Stat Membru, minkejja li jiddikjara d-domiċilju sekondarju tiegħu għand il-ġenituri tiegħu, jissodisfa l-kundizzjoni ta' residenza prevista fl-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

30. Min-naħa, l-imsemmija dispożizzjoni ma tissubordinax il-benefiċċju tad-dritt għal trattament ugwali għall-aċċess għat-tagħlim u għat-taħriġ profesjonali u lanqas għal modalitajiet partikulari ta' residenza għand il-ġenituri tiegħu waqt il-perijodu tat-tagħlim, kif ukoll l-eżistenza ta' kenn ta' komunità bejn it-tfal u l-ġenituri, u lanqas għal mod partikulari ta' residenza fl-imsemmi perijodu, bħal domiċilju prinċipali aktar milli domiċilju sekondarju.

31. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija essenzjali sabiex tiżgura it-twettieq kollu ta' l-għan li jrid jintlaħaq mill-imsemmija dispożizzjoni, li tikkonsisti f'li tippermetti lit-tfal li jibbenefikaw minn tagħlim u minn taħriġ professjonali fil-pajjiz li laqgħa lill-ġenituri tagħhom mingħajr ma tillimita l-għażla ta' l-interessati fir-rigward tat-tip ta' tagħlim jew tat-taħriġ mogħti.

32. Fil-fatt, kull tip ta' tagħlim u ta' taħriġ mhux neċessarjament huwa mogħti viċin id-domiċilju tal-ġenituri ta' l-interessat, b'mod li biss id-dritt għal dan ta' l-aħħar li jistabbilixxi f'post differenti minn dak tad-domiċilju tal-ġenituri tiegħu jista', jekk neċessarju, li jiggarantixxi lit-tfal Torok il-benefiċċju effettiv, bħat-tfal taċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li laqagħhom, li jagħżlu t-tagħlim jew it-taħriġ li jridu jsegwu.

33. B'konsegwenza, ir-risposta lit-tieni domanda hija li l-kundizzjoni ta' residenza mal-ġenituri, skond l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija sodisfatta fis-sitwazzjoni fejn tifel Tork li, wara li kien regolarment residenti mal-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru li laqagħhom, stabbilixxa d-domiċilju prinċipali fil-post, li jinstab fl-istess Stat, fejn qed isegwi taħriġ universitarju, waqt li huwa ddikkjarat li baqa' mal-ġenituri tiegħu fuq il-bażi ta' domiċilju sekondarju.

Fuq it-tielet u r-raba' domanda

34. B'dawn id-domandi, li jinħtieġ jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti tar-rinviju talbet fis-sustanza jekk l-ewwel u t-tieni frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jiggarantixxi favur il-persuni kkunsidrati minn din id-dispożizzjoni dritt ta' aċċess mhux diskriminat għal għajnuna għat-taħriġ, bħal dak previst mir-Regolament fil-kawża prinċipali, u jekk, fil-każ ta' risposta affermativa, dan id-dritt japplika ugwalment fejn jirrigwarda taħriġ f'tagħlim superjuri segwit fit-Turkija.

35. Jinħtieġ li jiġi kkonstatat li l-għajnuna għat-taħriġ mogħti taħt il-BAföG, li, skond l-Artikolu 1 tiegħu, serva lill-istudenti li m'għandhomx il-mezzi neċessarji biex isostnu ruħhom u t-taħriġ tagħhom, mhijiex, skond l-Artikolu 5(2), ta' din l-istess liġi, mogħtija lill-istudenti Torok li jixtiequ jsegwu taħriġ barra l-pajjiż li meta din tkun inkluża fid-dispożizzjonijiet relativi għat-taħriġ bħala parti ta' dan it-taħriġ li għandu neċessarjament ikun effettwat barra l-pajjiż. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini Ġermaniżi għandhom id-dritt għall-istess għajnuna mill-mument li l-istudji barra l-pajjiż huma "ta' profitt" għat-taħriġ tagħhom fl-istat attwali tagħha u jekk parti jew anqas minn din ta' l-aħħar tista' tiġi rrikonoxxuta bħala element tat-terminu mitlub jew solitu għat-taħriġ.

36. L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tagħraf lit-tfal Torok dritt ta' aċċess mhux diskriminatorju lill-korsijiet ta' tagħlim ġenerali, ta' apprendistat u ta' taħriġ professjonali fl-Istat Membru li laqagħhom. L-aċċess ugwali għat-tagħlim fis-sens ta' din id-dispożizzjoni testendi ukoll għal kull forma ta' tagħlim, inklużi l-korsijiet tax-xjenzi ekonomiċi mogħtija fl-università, bħal dawk fil-kawża prinċipali (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-15 ta' Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punti 29 u 30).

37. It-tieni frażi ta' l-istess Artikolu jippreċiża li t-tfal Torok "jistgħu jibbenefikaw, fi [l-Istat Membru li laqagħhom], minn vantaġġji previsti f'dan il-qasam mill-leġislazzjoni nazzjonali".

38. Din il-preċiżazzjoni trid tiftiehem fis-sens li, mill-mument li l-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li laqagħhom jipprevedi vantaġġji fil-qasam tat-tagħlim, bħall-għajnuna kkuntestata, intiża biex tkopri l-ispejjeż ta' aċċess għat-tagħlim u ta' sostenn ta' l-istudent, iċ-ċittadini Torok jistgħu jibbenefikaw bħaċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru.

39. Fil-fatt, l-aċċess mhux diskriminatorju tat-tfal Torok għal korsijiet ta' tagħlim u taħriġ, anki dawk li, bħal fil-kawża prinċipali, huma mogħtija barra l-pajjiż, jirriskjaw li jibqgħu l-parti l-kbira illużjoni jekk dritt ugwali għall-vantaġġji, bħall-għajnuna kkontestata, ma tkunx lilhom iggarantita.

40. Din l-interpretazzjoni hija ukoll l-unika li tippermetti li jitwettaq kompletament l-għan li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li huma li jiggarantixxi l-opportunitajiet indaqs bejn it-tfal Torok u dawk taċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li laqagħhom fir-rigward ta' tagħlim u ta' taħriġ professjonali. Fil-fatt, jekk il-prinċipju ta' trattament ugwali ma japplikax għal studji segwiti barra l-pajjiż, dawn ta' l-aħħar jista' jkollhom aċċess għall-korsijiet ta' profitt għat-taħriġ tagħhom, waqt li t-tfal Torok jirriskjaw li jkunu mċaħħda minn tali korsijiet, li madanakollox huma ugwalment ta' profitt għat-taħriġ tagħhom, għar-raġuni waħdani li dawn mhumiex indispensabbli għat-twettiq tat-taħriġ magħżul.

41. Min-naħa l-oħra, it-tieni frażi ta' l-istess Artikolu 9 jkun mingħajr effett utili jekk, kif issostni il-Bezirksregierung Köln kif ukoll il-gvernijiet Germaniżi u Awstrijaċi, kellhom sempliċiment l-għan li jawtorizzaw l-Istat Membru li jilqagħhom li jagħti l-vantaġġji previsti mill-liġi nazzjonali ta' din ta' l-aħħar għat-tfal Torok, billi dan l-imsemmi Stat m'għandux bżonn bl-ebda mod ta' tali awtorizzazzjoni.

42. L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk fiha, bħal l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni Nru 1/80, obbligu ta' trattament ugwali fil-benefiċċju tal-vantaġġji mogħtija f'dan il-qasam tat-tagħlim u tat-taħriġ professjonali, li huwa, essenzjalment, suxxettibbli li jkunu invokati minn rikorrent quddiem il-Qorti nazzjonali biex jitlob li din ta' l-aħħar tiskarta d-dispożizzjonijiet diskriminatorji tar-regolament ta' Stat Membru li jissottometti l-għoti ta' dritt b'kundizzjoni li mhux imposta liċ-ċittadini nazzjonali, mingħajr ma l-adozzjoni ta' miżuri komplimentari jiġu mitluba għal dan il-għan.

43. F'dawn il-kundizzjonijiet, u meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 24 u 25 tas-sentenza preżenti, it-tieni frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha b'effett dirett fl-Istati Membri.

44. Mill-mument li l-aċċess mhux diskriminatorju għall-miżuri ta' għajnuna għat-taħriġ huwa wkoll iggarantit għat-tfal Torok u li l-Istat Membru li laqagħhom joffri liċ-ċittadini proprji tiegħu l-possibbiltà li jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ għall-istudji mogħtija barra l-pajjiż, it-tfal Torok iridu, fir-rigward ta' l-ifformular tat-tieni frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u sabiex jiġu ppreservati opportunitajiet ugwali bejn l-istudenti, jibbenefikaw mill-istess vantaġġ jekk beħsiebhom ikomplu l-istudji barra minn dan l-Istat Membru. F'dan ir-rigward, xejn ma jiġġustifika li jiġi eskluż il-benefiċċju tat-trattament ugwali tat-tfal Torok għar-raġuni waħdanija li ddeċidew li jsegwu l-imsemmi taħriġ fl-Istat ta' oriġini tal-familja tagħhom.

45. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u r-raba' mistoqsija hija, li t-tieni frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha effet dirett fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tigarantixxi, favur it-tfal Torok, dritt ta' aċċess mhux diskriminatorju għal għajnuna għat-taħriġ, kif previst mir-regolament fil-kawża prinċipali, u dawn ta' l-aħħar jibbenefikaw minn tali dritt anki meta huma jsegwu taħriġ ta' tagħlim superjuri fit-Turkija.

Dwar l-ispejjeż

46. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħalsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

1) L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill, Nru 1/80, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-assoċjazzjoni, adottata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsill stabbilit bil-ftehim li jifforma assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandha effett dirett fl-Istati Membri.

2) Il-kundizzjoni ta' residenza mal-ġenituri, skond l-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija sodisfatta fis-sitwazzjoni ta' tifel Tork li, wara li kien jirrisjedi regolarment mal-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru li laqgħu, stabbilixxa d-domiċilju prinċipali tiegħu fil-lok, li jinstab fl-istess pajjiż, fejn segwa t-taħriġ universitarju, waqt li huwa ddikjara li qed jgħix fid-dar tal-ġenituri tiegħu bħala domiċilju sekondarju biss.

3) It-tieni frażi ta' l-Artikolu tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha effet dirett fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi favur it-tfal Torok dritt ta' aċċess mhux diskriminatorju għal għajnuna għat-taħriġ, bħal dik prevista bir-regolament fil-kwistjoni prinċipali, u dawn ta' l-aħħar jibbenefikaw minn tali dritt anki meta jsegwu taħriġ ta' tagħlim superjuri fit-Turkija.

Top