EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0026

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Jannar 2005.
Stadt Halle u RPL Recyclingpark Lochau GmbH vs Arbeitsgemeinschaft Thermische Restabfall- und Energieverwertungsanlage TREA Leuna.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Naumburg - il-Ġermanja.
Direttiva 92/50/KEE - Kuntratti pubbliċi għal għoti ta' servizzi - Attribuzzjoni mingħajr sejħa pubblika għal offerti - Attribuzzjoni ta' kuntratt lill-kumpannija semipubblika - Protezzjoni ġudizzjarja - Direttiva 89/665/KEE.
Kawża C-26/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:5

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Jannar 2005 (*)

"Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi – Attribuzzjoni mingħajr sejħa pubblika għal offerti – Attribuzzjoni ta’ kuntratt lill-kumpannija semipubblika – Protezzjoni ġudizzjarja – Direttiva 89/665/KEE"

Fil-kawża C-26/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Naumburg (il-Germanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2003, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2003, fil-proċedura

Stadt Halle,

RPL Recyclingpark Lochau GmbH

vs

Arbeitsgemeinschaft Thermische Restabfall- und Energieverwertungsanlage TREA Leuna,   

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla),

komposta minn M. P. Jann, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, E. Juhász (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

· għall-Stadt Halle, minn U. Jasper, Rechtsanwältin,

·għall-Arbeitsgemeinschaft Thermische Restabfall- und Energieverwertungsanlage TREA Leuna, minn K. Heuvels, Rechtsanwalt,

· għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti,

· għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

· għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2004, 

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (89/665/KEE) (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’] servizz[i] (ĠU L 209, p. 1) li ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KEE tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Direttiva 89/665"). It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 1(2) u 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84) kif emendata mid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU L 101, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Direttiva 93/38").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stadt Halle (Il-belt ta’ Halle) (il-Ġermanja) u l-kumpannija RPL Recyclingpark Lochau GmbH (iktar ’il quddiem "RPL Lochau") kontra l-kumpannija Arbeitsgemeinschaft Thermische Restabfall‑ und Energieverwertungsanlage TREA Leuna (iktar ’il quddiem "TREA Leuna") fir-rigward tal-legalità, mill-perspettiva tar-regoli komunitarji, ta’ l-attribuzzjoni mingħajr proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti ta’ kuntratt għal għoti ta’ servizzi dwar it-trattament ta’ l-iskart minn Stadt Halle lill-RPL Lochau, li fiha parti maġġoritarja tal-kapital tagħha hija miżmuma minn Stadt Halle u parti minoritarja minn kumpannija privata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kif emendata mid-Direttiva 97/52 (iktar ’il quddiem id-Direttiva 92/50) il-"[Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi]" huma "kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti". Skond l-Artikolu 1(b) ta’ l-istess direttiva, huma kkunsidrati bħala "awtoritjiet kontraenti", "l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi rregolati mil-liġi pubblika". Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva tiddefinixxi "dak li jipprovdi servizz" bħala "kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li [t]offri servizzi".

4       Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, "Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI". Dawk id-dispożizzjonijiet essenzjalment jinkludu regoli dwar ftuħ ta’ sejħa għal offerti u dwar pubbliċità. L-Artikolu 11(1) ta’ l-istess direttiva jipprovdi li, sabiex jgħaddu l-kuntratti pubbliċi tagħhom għal għoti ta’ servizzi, "l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), adattati għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva". Il-proċeduri li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni huma, il-"proċeduri miftuħa", il-"proċeduri ristretti" u l-"proċeduri negozjati" rispettivament.

5       Il-kategorija Nru 16 ta’ l-Anness I A ta’ l-imsemmija direttiva tispeċifika "[s]ervizzi ta’ drenaġġ u ta’ skart; iġjene u servizzi simili".

6       L-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50 jpprovdi li d-direttiva tkun applikabbli għall-Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi li l-valur stmat tagħhom, barra l-VAT, "mhuwiex inqas minn ECU 200000".

7       Jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi tad-Direttiva 89/665, li l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli komunitarji fil-qasam tas-sejħa għal offerti permezz ta’ rimedji effettivi u rapidi, b’mod partikolari fi stadju meta l-vjolazzjonijiet ikun jistgħu jiġu rimedjati, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li l-ftuħ ta’ sejħa komunitarja għal offerti teħtieġ żieda sostanzjali tal-garanziji ta’ trasparenza u ta’ non diskriminazzjoni.

8       Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi:

"1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi […] u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni."

9       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665:

"1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

a)      jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt;

b)      jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

ċ)      jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.

[…]"

10     Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/38:

"Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2)      ‘intrapriża pubblika’ għandha tfisser kull intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba d-dritt tal-pussess tagħhom fuqha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jamministrawha. Influwenza dominanti min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha ssir meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fir-rigward ta’ l-intrapriża:

–       ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta’ l-intrapriża,

jew

–       il-kontroll tal-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-intrapriża,

jew

–       jistgħu jappuntaw aktar min-nofs il-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ l-intrapriża;

3)      ‘intrapriża affiljata’: […] kull intrapriża li fuqha l-entità kontraenti tista’ teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti fit-tifsira tal-paragrafu 2 […].

[…]"

11     L-Artikolu 13 tad-Direttiva 93/38:

"1.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ servizz li:

a)      entità kontraenti tagħti lil intrapriża affiljata;

[…]

sakemm ta’ l-anqas 80 % tad-dħul medju ta’ dik l-intrapriża fir-rigward ta’ servizzi fil-Komunità għat-tliet snin preċedenti jkun ġej mill-forniment ta’ servizz bħal dawn lil intrapriżi li magħhom tkun affiljata.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-rikorsi fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi huma rregolati fid-dritt Ġermaniż mill-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-liġi kontra r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni). Skond l-Artikolu 102 ta’ din il-liġi, "l-għoti ta’ kuntratt pubbliku" jista’ jkun l-oġġett ta’ appell. Il-persuna li titfa’ l-offerta jew il-kandidat għandu dritt suġġettiv fir-rigward tad-"dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratti", li jippermettulha tinforza kontra l-awtorità kontraenti d-drittijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 97(7) ta’ din l-istess liġi "dwar l-eżekuzzjoni jew l-ommissjoni ta’ att fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti […]".

13     Id-deċiżjoni tar-rinviju tispeċifika li, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, konformement ma’ l-opinjoni li toħroġ minn parti mill-ġurisprudenza u mid-dutrina fil-Ġermanja, il-preżentata ta’ appell fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa possibbli biss jekk l-applikant ikun qiegħed ifittex li l-awtorità kontraenti ġġib ruħha b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratt li jkun qed iseħħ, li jfisser li l-preżentata ta’ appell huwa impossibbli jekk l-awtorità kontraenti ddeċidiet li ma tibdiex il-proċess ta’ sejħa għal offerti u li ma tinbediex formalment proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Madankollu, din l-opinjoni hija kkontestata minn parti oħra tal-ġurisprudenza u tad-dutrina.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li permezz tad-deċiżjoni tal-kunsill komunali tat-12 ta’ Diċembru 2001, l-iStadt Halle għażlet lill-RPL Lochau sabiex tipprepara proġett għat-trattament minn qabel, għall-irkupru u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart tagħha, mingħajr ma formalment daħlet fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fl-istess waqt, l-iStadt Halle ddeċidiet, ukoll mingħajr ma tibda sejħa għal offerti, li tidħol f’negozjati ma’ RPL Lochau bil-għan li tikkonkludi ma’ din il-kumpannija kuntratt għall-evakwazzjoni ta’ l-iskart residwu urban sa mill-1 ta’ Ġunju 2005. L-imsemmija kumpannija kellha tkun l-investitur fil-bini ta’ l-impjant termiku għall-eliminazzjoni u l-irkupru ta’ l-iskart.

15     RPL Lochau hija kumpannija b’responsabbiltà limitata maħluqa fl-1996. Minn naħa, 75,1 % tal-kapital tagħha huwa miżmum minn Stadtwerke Halle GmbH, li fiha l-unika azzjonista hija l-Verwaltungsgesellschaft für Versorgungs‑ und Verkehrsbetriebe der Stadt Halle mbH, ta’ proprjetà 100 % ta’ Stadt Halle, u, min-naħa l-oħra, 24,9 % tal-kapital tagħha huwa miżmum minn kumpannija privata b’responsabbiltà limitata. Il-qorti tar-rinviju tikklassifika lill-RPL Lochau bħala "kumpannija semipubblika" u tgħid li l-allokazzjoni tal-kapital ta’ din il-kumpannija ġiet miftehma biss fil-kuntest ta’ l-istatut tagħha fl-aħħar tas-sena 2001, meta kienet ġiet prevista l-attribuzzjoni għat-twettiq tal-proġett in kwistjoni.

16     Il-qorti tar-rinviju tgħid ukoll li l-RPL Lochau għandha bħala għan l-operat ta’ impjanti ta’ reċiklaġġ u ta’ evakwazzjoni ta’ l-iskart. Ir-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti huma adottati kemm b’maġġoranza sempliċi kif ukoll b’maġġoranza ta’ 75 % tal-voti. It-tmexxija kummerċjali u teknika ta’ din il-kumpannija hija fil-preżent f’idejn kumpannija terza u l-iStadt Halle hija intitolata tipproċedi bil-verifika tal-kontijiet.

17     Meta saret taf bl-għoti tal-kuntratt li ngħata barra mill-proċedura prevista mir-regoli komunitarji fil-qasam tal-kuntratti publiċi, TREA Leuna, li kienet ukoll interessata li tipprovdi l-imsemmija servizzi, opponiet id-deċiżjoni ta’ Stadt Halle u għamlet appell quddiem il-Bord tal-kuntratti pubbliċi tar-Regierungspräsidium Halle bil-għan li tobbliga lill-iStadt Halle tipproċedi b’sejħa pubblika għal offerti.

18     Stadt Halle qalet fid-difiża tagħha li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fil-punti 12 u 13 tas-sentenza preżenti, l-appell ma kienx ammissibbli minħabba l-fatt li, bħala awtorità kontraenti, hija ma bdietx formalment proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. Min-naħa l-oħra, RPL Lochau kienet pjuttost emanazzjoni ta’ Stadt Halle, peress li hija kkontrollata minnha. Għalhekk kien hemm "operazzjoni interna", li għaliha l-leġiżlazzjoni komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma kinitx applikabbli.

19     Il-bord aċċetta t-talba ta’ TREA Leuna, fuq il-bażi li, anki fin-nuqqas tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti jistgħu jkunu l-oġġett ta’ appell. Hija qalet ukoll li, f’dan il-każ partikolari, ma setgħax ikun każ ta’ "operazzjoni interna", minħabba l-fatt li l-parteċipazzjoni minoritarja prevista kienet taqbeż il-kwota ta’ 10 % li minnha, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, hemm preżenza ta’ minorità li tiddisponi minn ċerti drittijiet stabbiliti. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-attività li RPL Lochau twettaq għal Stadt Halle tippermetti li jiġi mbassar b’ċertezza suffiċjenti użu ta’ 61,25 % tal-kapaċitajiet tagħha, b’tali mod li, sabiex issib impriżi oħra għall-qbija tal-kapaċità tagħha, l-impriża kienet obbligata tikseb ordnijiet fis-suq li topera fih.

20     Mitluba tieħu konjizzjoni ta’ l-appell imressaq quddiema minn Stadt Halle, l-Oberlandesgericht Naumburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      a)     L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [89/665], jimponi fuq l-Istati Membri li jassiguraw il-possibbiltà ta’ appell effikaċi u rapidu kemm jista’ jkun kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li ma tattribwixxix kuntratt pubbliku fil-kuntest ta’ proċedura adattata għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi rigward l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

b)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [89/665] jimponi wkoll fuq l-Istati Membri li jassiguraw il-possibbiltà ta’ appell effikaċi u rapidu kemm jista’ jkun kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kontraenti qabel l-implementazzjoni ta’ sejħa għal offerti formali, b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet preliminari intiżi li jiġi stabbilit jekk operazzjoni ta’ akwiżizzjoni stabbilita taqax, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni personali jew materjali tad-direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jew jekk, eċċezzjonalment, taqax taħt esklużjoni tal-liġi tal-kuntratti pubbliċi?

ċ)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-[ewwel] domanda [(a)] u ta’ risposta negattiva għall-[ewwel] domanda [(b)]:

Stat Membru jissodisfa l-obbligu tiegħu li jassigura possibbiltà ta’ rikors effikaċi u rapidu kemm jista’ jkun kontra d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li ma tattribwixxix kuntratt pubbliku fil-kuntest ta’ proċedura adattata għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-aċċess għall-proċedura ta’ appell hija suġġetta għall-fatt li l-operat ta’ akkwist jintlaħaq għal stadju formali speċifiku, per eżempju l-ftuħ tan-negozjati kuntrattwali verbali jew miktuba ma’ terzi?

2)      a)     Fl-ipoteżi fejn, minn naħa, awtorità kontraenti, bħal awtorità reġjonali, għandha l-intenzjoni li tikkonkludi ma’ entità formalment distinta minnha – iktar ’il quddiem l-‘entità kontraenti’ – kuntratt bil-miktub b’titolu oneruż li jirrigwarda servizzi li jaqgħu taħt id-direttiva [92/50], u fejn, min-naħa l-oħra, dan il-kuntratt ma jammontax eċċezzjonalment għal kuntratt pubbliku għal għoti ta’ servizzi skond l-Artikolu 1(a) tad-direttiva [92/50] b’mod li l-entità kontraenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti mill-amministrazzjoni pubblika jew mid-dipartimenti ta’ l-awtorità kontraenti – iktar ’il quddiem ‘operazzjoni proprja li mhijiex irregolata bħala għoti ta’ kuntratti’ –, il-kwalifika ta’ kuntratt bħal dan bħala operazzjoni proprja li mhijiex irregolata bħala għoti ta’ kuntratti hija dejjem eskluża minħabba l-fatt biss li kumpannija privata għandha sehem fl-entità kontraenti fir-rigward tal-liġi tal-kumpanniji?

b)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-[tieni] domanda [(a)]:

Taħt liema kundizzjonijiet entità kontraenti li għandha bħala azzjonisti persuni privati – iktar ’il quddiem ‘kumpannija semipubblika’ – trid tiġi kkunsidrata bħala toħroġ mill-amministrazzjoni pubblika jew tad-dipartimenti ta’ l-awtorità kontraenti?

B’mod partikolari:

–       Sabiex kumpannija semipubblika tkun ikkunsidrata li taqa’ taħt dipartimenti ta’ l-awtorità kontraenti taħt l-aspett ta’ l-istruttura u l-intensità tal-kontroll, huwa suffiċjenti li din il-kumpannija tkun ‘ikkontrollata’ mill-awtorità kontraenti, per eżempju skond l-Artikoli 1(2) u 13(1) tad-Direttiva 93/38 [...], emendata mill-att [dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u għall-aġġustamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p.1)], kif ukoll mid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998, emendat mid-direttiva 93/38 (ĠU L 101, p. 1)?

–       Kull possibbiltà ġuridika ta’ influwenza ta’ l-azzjonist privat tal- kumpannija semipubblika fuq l-għanijiet strateġiċi ta’ l-entità kontraenti u/jew fuq id-deċiżjonijiet partikolari meħuda fil-kuntest tat-tmexxija ta’ l-impriża teskludi li din tiġi kkunsidrata bħala li toħroġ mis-servizzi ta’ l-awtorità kontraenti?

–       Jekk sabiex kumpannija semipubblika tiġi ikkunsidrata bħala li toħroġ mid-dipartimenti ta’ l-awtorità ġuridika, taħt l-aspett ta’ l-istruttura u ammont ta’ kontroll, hija suffiċjenti setgħa wiesa ta’ tmexxija biss fuq id-deċiżjonijiet għall-konkluzjoni ta’ kuntratt u għall-provvista tal-preżentazzjoni għal dak li jikkonċerna l-operazzjoni ta’ akkwist in kwistjoni?

–       Sabiex kumpannija semipubblika tiġi kkunsidrata bħala li toħroġ mid-dipartimenti ta’ l-awtorità ġuridika taħt l-aspett tat-twettiq ta’ l-essenzjal ta’ l-attività tagħha magħha, huwa suffiċjenti li għall-inqas 80 % tal-fatturat medju ta’ din l-impriża fil-Komunità fl-aħħar tliet snin fis-settur tas-servizzi tal-provvista ta’ dawn is-servizzi lill-awtorità kontraenti jew lill-impriżi marbuta magħhom jew li joħorġu minnhom, jew li – fil-miżura fejn kumpannija semipubblika għadha ma wettqitx tliet snin ta’ attività – il-previżjonijiet jippermettu li jiġi mbassar li dan il-limitu ta’ 80 % ser jintlaħaq?"

 Fuq id-domandi preliminari

21     Sabiex tingħata risposta utili u koerenti lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li ssir distinzjoni u li jiġu eżaminati d-domandi magħmula f’żewġ gruppi, li jsegwi l-kontenut u s-suġġett tagħhom.

 Fuq l-ewwel domanda, sub (a), (b) u (c)

22     Permezz ta’ din l-ewwel serje ta’ mistoqsijiet, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jridx jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw il-possibbiltà ta’ appell effikaċi u rapidu kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti testendi wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda barra minn proċedura formali għal sejħa għal offerti u qabel sejħa pubblika formali, b’mod partikolari għad-deċiżjoni li għandha l-għan li tistabbilixxi jekk kuntratt speċifiku jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni personali jew materjali tad-Direttiva 92/50, u sa minn liema mument fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ akkwist, l-Istati Membri huma marbuta li jiftħu lill-offerent, lill-kandidat, jew lill-parti interessata, l-aċċess għall-proċedura ta’ appell.

23     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad mill-bidu li d-Direttiva 92/50 ġiet adottata, skond l-ewwel u t-tieni premessi tagħha, fil-kuntest tal-miżuri neċessarji għat-twettiq tas-suq intern, jiġifieri żona bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat. Jirriżulta mir-raba’ u l-ħames premessi ta’ l-istess direttiva li perss li l-għan tagħha huwa t-twettiq tal-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizzi, f’kundizzjonijiet ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, id-direttiva trid tiġi applikata mill-awtoritajiet kontraenti kollha.

24     Hemm lok li jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 juru li l-kundizzjonijiet li jagħmlu obbligatorja l-applikazzjoni tar-regoli li jidhru fit-Titoli III sa VI tagħha mill-awtoritajiet kontraenti kollha, filwaqt li l-eċċezzjonijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-direttiva stess.

25     Konsegwentement, meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, u fi kliem ieħor meta tranżazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti pubbliċi in kwistjoni għandhom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, jiġu attribwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI tagħha, jiġifieri jkunu suġġetti għal sejħa għal offerti u tkun riklamata b’mod adegwat.

26     Dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kontraenti mingħajr distinzjoni bejn il-kuntratti pubbliċi konċessi minnhom sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ interess ġenerali u dawk li mhux relatati ma’ dik il-missjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C-44/96, Ġabra p. I‑73, punt 32).

27     Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-kunċett ta’ "deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet [kontraenti]", li jidher fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Peress li dan il-kunċett mhux espressament iddefinit f’din id-direttiva, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-portata tiegħu fuq il-bażi tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha u fid-dawl ta’ l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u rapida li hija tħaddan.

28     Il-kliem ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jassumi, bl-użu tal-kliem "fir-rigward ta’ proċeduri", li d-deċiżjonijiet kollha ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li hija suġġetta li tiksirhom hija suġġetta għal kontroll mill-qorti, previst fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-direttiva (ara, d’dak is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Kawża C-92/00, HI, Ġabra p. I‑5553, punt 37, u tat-23 ta Jannar 2003, Kawża 57/01, Makedoniko Metro u Michaniki, Ġabra p. I-1091, punt 68). Għalhekk hija tirreferi b’mod ġenerali għad-deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-kontenut tagħhom jew fuq il-mument ta’ l-adozzjoni tagħhom.

29     L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 min-naħa l-oħra jipprovdi l-possibiltà ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti meħuda illegalment fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u oħrajn li jidhru mhux biss fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, iżda wkoll f’kull dokument ieħor li jirreferu għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti in kwistjoni. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tista’ tinkludi xi dokumenti li jkollhom deċiżjonijiet meħuda fi stadju qabel ma tinfetaħ is-sejħa għal offerti.

30     Din it-tifsir wiesa tal-kunċett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti. Din l-aħħar imsemmija qorti diġà ddeċidiet li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma tipprovdi l-ebda limitazzjoni għal dak li jirrigwarda n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet previsti minnha, (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et., C-81/98, Ġabra p. I‑7671, punt 35). Limitazzjoni bħal din ma toħroġx mill-kliem użat fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ l-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alcatel Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett tad-deċiżjoni suġġetta għal rikors tkun inkompatibbli mad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 2(1)(a) ta’ l-istess direttiva, li tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu proċeduri ta’ urgenza fir-rigward ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kontraenti (sentenza HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

31     Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni wiesa tal-kunċett ta’ deċiżjoni suġġetta għal appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li permezz tagħha din għażlet l-offerent li lilu jkun konċess il-kuntratt, irid ikun f’kull każ suġġett għal appell, indipendentement mill-possibbiltà li jinkiseb ħlas għad-danni interessi meta l-kuntratt ġie konkluż (sentenza Alcatel Austria et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

32     Meta rreferiet għall-għan ta’ l-abolizzjoni ta’ l-ostakli għall-moviment liberu ta’ servizzi mħaddan mid-Direttiva 92/50, kif ukoll għall-għanijiet, għall-kliem u l-iskema tad-Direttiva 89/665, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li tirrevoka s-sejħa għal offerti għal kuntratt pubbliku għal għoti ta’ servizzi tista’ tkun l-oġġett ta’ proċedura ta’ appell, skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

33     F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat mill-avukat ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li ma tiftaħx proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-ekwivalenti tad-deċiżjoni tagħha li ġġib fi tmiem proċedura bħal din. Meta awtorità kontraenti tiddeċiedi li ma tibdiex proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt peress li s-suq in kwistjoni, fl-opinjoni tagħha ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komunitarji rilevanti, deċiżjoni bħal din tikkostitwixxi l-ewwel deċiżjoni suġġetta għall-stħarriġ ġudizzjarju.

34     Fir-rigward ta’ dik il-ġurisprudenza, kif ukoll għall-għanijiet, għall-istruttura u għall-kliem tad-Direttiva 89/665, u sabiex tiġi ppreservata l-effikacja ta’ dan ta’ l-aħħar, jeħtieġ li jiġi konkluż li jammonta għal deċiżjoni appellabbli kull att, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, ta’ awtorità kontraenti, adottat fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku għall-għoti ta’ servizzi li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50 u li jista’ jkollu effetti ġuridiċi, indipendentement mid-domanda dwar jekk dan l-att huwiex adottat barra minn proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratti jew fil-kuntest tiegħu.

35     Mhumiex suġġetti għal appell l-atti li jammontaw għal sempliċi studju preliminari tas-suq jew li huma purament preparatorji u li jagħmlu parti mir-riflessjonijiet interni ta’ awtorità kontraenti fid-dawl ta’ attribuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku.

36     Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li ma jiġix ikkunsidrat li l-approċċ ta’ Stadt Halle, li skond dan id-Direttiva 89/665 ma teħtieġx protezzjoni ġuridika barra minn proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratti u li d-deċiżjoni ta’ l-awtortità kontraenti li ma tużax proċedura bħal din ma tistax tkun l-oġġett ta’ appell, u lanqas tad-deċiżjoni bil-għan li jiġi stabbilit jekk kuntratt pubbliku jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komunitarji rilevanti.

37     Dan l-approċċ fil-fatt ikollu bħala riżultat li jirrendi diskrezzjonali, fi ħdan kull awtorità kontraenti, l-applikazzjoni tar-regoli komunitarji rilevanti, filwaqt li din l-applikazzjoni hija obbligatorja meta l-kundizzjonijiet previsti hemm huma sodisfatti. Diskrezjoni bħal din tista’ twassal għall-ksur ta’ l-aktar liġi komunitarja importanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minn naħa ta’ awtorità kontraenti. Hija tnaqqas b’mod notevoli l-protezzjoni ġuridika effettiva u rapida meħtieġa mid-Direttiva 89/665 u tippreġudika l-għanijiet imħaddna mid-Direttiva 92/50, jiġifieri l-għanijiet tal-moviment liberu ta’ servizzi u ta’ kompetizzjoni miftuħa u mhux imxekkla f’dan il-qasam fl-Istati Membri kollha.

38     Għal dak li jirrigwarda l-mument li tinfetaħ il-possibbiltà ta’ appell, jeħtieġ li jingħad li mument bħal dan mhuwiex formalment previst mid-Direttiva 89/665. Madankollu, fir-rigward ta’ l-għan tal-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi u rapida, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri provviżorji, imħaddna minn din id-direttiva, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Artikolu 1(1) tiegħu ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-possibbiltà ta’ appell għall-fatt li l-proċedura ta’ kuntratt pubbliku in kwistjoni tkun waslet formalment fi stadju determinat.

39     Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li tgħid li, skond it-tieni premessa ta’ l-imsemmija direttiva, l-osservanza tar-regoli komunitarji trid tiġi assigurata b’mod partikolari għal stadju fejn il-vjolazzjonijiet jistgħu jerġu jkunu inkoraġġati, hemm lok li jiġi konkluż li hija suġġetta għal appell il-manifestazzjoni tar-rieda ta’ awtorità kontraenti fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku, li b’xi mod isir magħruf mill-persuni interessati, b’mod li din il-manifestazzjoni tkun qabżet l-istadju previst fil-punt 35 tas-sentenza preżenti u hija suġġetta li jkollha effetti ġuridiċi. Id-dħul fin-negozjati konkreti kuntrattwali ma’ parti interessata tammonta għal manifestazzjoni ta’ rieda bħal din. Jeħtieġ li f’dan ir-rigward jiġi rrilevat l-obbligu tat-trasparenza li jaqa’ fuq awtorità kontraenti sabiex ikun possibbli li tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli komunitarji (sentenza HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

40     Fir-rigward tal-persuni li għalihom hija miftuħa l-proċedura ta’ appell, huwa suffiċjenti li jiġi kkostatat li, skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-aċċess għall-proċeduri ta’ appell għall-inqas għal kull persuna li għandha jew li jista’ jkollha interess li tikseb kuntratt pubbliku u li kienet ippreġudikata jew li jipperikola dan minħaba allegata vjolazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-212/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 24). Il-kwalità formali ta’ l-offerent jew tal-kandidat għalhekk mhix meħtieġa.

41     Fid-dawl ta’ l-iżviluppi li ssemmew, jeħtieġ li tingħata tweġiba għall-ewwel domanda 1(a)(b) u (c) li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 irid jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw il-possibbiltà ta’ mezzi effikaċi u rapidi ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti testendi wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda barra minn proċedura formali, b’mod partikolari għad-deċiżjoni fuq id-domanda dwar jekk kuntratt stabbilit jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni personali jew materjali tad-Direttiva 92/50. Din il-possibbiltà ta’ appell hija miftuħa għal kull persuna li għandha jew li jista’ jkollha interess li tikseb kuntratt pubbliku in kwistjoni u li kienet ippreġudikata jew li tipperikola dan minħabba allegata vjolazzjoni, mill-mument tal-manifestazzjoni tar-rieda ta’ l-awtorità kontraenti suġġetta li tipproduċi effetti ġuridiċi. L-Istati Membri mhumiex awtorizzati jissuġġettaw il-possibbiltà ta’ appell għall-fatt li l-proċedura tal-kuntratti pubbliċi in kwistjoni tkun laħqet formalment stadju determinat.

 Fuq it-tieni domanda, sub (a) u (b)

42     Permezz tat-tieni serje ta’ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati f’daqqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk fl-ipoteżi fejn awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni li tikkonkludi, ma’ kumpannija rregolata mil-liġi privata ġuridikament distinta minnha li għandha fil-kapital tagħha parteċipazzjoni maġġoritarja u li fuqha hija teżerċita ċertu kontroll, kuntratt b’titolu oneruż li jitratta servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50, huwiex dejjem meħtieġ li tapplika l-proċeduri ta’ sejħa pubblika għal offerti prevista minn din id-direttiva minħabba s-sempliċi fatt li kumpannija privata għandha sehem, anki minoritarja, fil-kapital ta’ din il-kumpannija kontraenti. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi fuq il-baż ta’ liema kriterji hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-awtorità kontraenti mhijiex suġġetta għal obbligu bħal dan.

43     Din id-domanda tikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari ta’ kumpannija msejħa "semipubblika", stabbilita u li topera skond ir-regoli tad-dritt privat, fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ awtorità kontraenti li tapplika r-regoli komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, meta l-kundizzjonijiet previsti hemmhekk jkunu sodisfatti.

44     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi mfakkar l-għan prinċipali tar-regoli komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, kif issemma fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, jiġifieri l-moviment liberu ta’ servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux imxekkla fl-Istati Membri kollha. Dan jimplika l-obbligu ta’ kull awtorità kontraenti li tapplika r-regoli komunitarji rilevanti, meta l-kundizzjonijiet previsti għal dan huma sodisfatti.

45     L-obbligu ta’ applikazzjoni, f’każ bħal dan, ta’ regoli komunitarji hija kkonfermata mill-fatt li fl-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 92/50 il-kunċett ta’ fornitur tas-servizzi, jiġifieri offerenti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jinkludi wkoll "korp pubbliku, li joffri servizzi"(ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, ARGE, C-94/99, Ġabra p. I‑11037, punt 28).

46     Kull eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu huwa konsegwentement ta’ interpretazzjoni stretta. Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet, fir-rigward ta’ appell għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50, li jipprovdi proċedura bħal din, bħala deroga għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effikaċja tad-drittijiet irrikonoxxuti mit-Trattat KE fis-settur tal-Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi, irid ikun l-oġġett ta’ interpretazzjoni stretta u li huwa dak li għandu l-intenzjoni li jinkokaha li jrid iressaq il-provi li effettivament jeżistu ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga (sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I‑3609, punt 58).

47     Fid-dawl ta’ ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-akbar kompetizzjoni possibbli, kif meħtieġ mir-regoli komunitarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), li din id-direttiva hija applikabbli meta awtorità kontraenti tqis li tikkonkludi, ma’ entità ġuridikament distinta, kuntratt b’titolu oneruż, kemm jekk din l-entità tkun hi stess awtorità kontraenti jew le (sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I‑8121, punti 50 u 51). Huwa rilevanti li jiġi kkostatat li l-entità kontraenti f’din il-kawża kienet konsorzju kompost minn bosta awtoritajiet kontraenti, li għaliha kienet tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti in kwistjoni.

48     Awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, għandha l-possibbiltà li twettaq kompiti ta’ interess pubbliku li jaqgħu fuqha billi tuża l-mezzi amministrattivi, tekniċi u oħra tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma jappartjenux għad-dipartimenti tagħha. F’każ bħal dan, ma jistgħax ikun każ ta’ kuntratt b’titolu oneruż konkluż ma’ entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti. B’hekk, mhemmx lok li jiġu applikati r-regoli komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

49     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux eskluż li jista’ jkun hemm ċirkustanzi oħra li fihom is-sejħa għal offerti mhijiex obbligatorja anki jekk l-entità kontraenti hija entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti. Dan huwa l-każ ukoll fis-sitwazzjoni fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċità fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess u dik l-entità twettaq l-essenzjal ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità pubblika jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-każ iċċitat iktar ’il fuq, l-entità distinta kienet interament il-proprjetà ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni, anki minoritarja, ta’ kumpannija privata fil-kapital ta’ kumpannija li għaliha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti in kwistjoni teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċità fuq din il-kumpannija kontroll simili għal dak li hija teżerċità fuq id-dipartimenti tagħha stess.

50     F’dan ir-rigward jeħtieġ li mill-bidu jingħad li r-relazzjoni bejn awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, u d-dipartimenti tagħha hija rregolata minn kunsiderazzjonijiet u minn ħtiġijiet proprji għat-tħaddin ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, kull investiment ta’ kapital privat f’kumpannija jsegwi kunsiderazzjonijiet proprji għall-interessi privati u jħaddnu għanijiet ta’ natura differenti.

51     Fit-tieni lok, l-għoti ta’ kuntratt pubbliku lill-kumpannija semipubblika mingħajr sejħa għal offerti jippreġudika l-għan ta’ kompetizzjoni libera u mhux imxekkla u l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-interessi previsti fid-Direttiva 92/50, li fih, b’mod partikolari, proċedura bħal din toffri lill-kumpannija privata preżenti fil-kapital ta’ din il-kumpannija vantaġġ ikkomparat mal-kompetituri tagħha.

52     Għalhekk, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda 2(a) u (b), li, fl-ipoteżi fejn awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratt b’titolu oneruż għal servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50 ma’ kumpannija ġuridikament distinta minnha, fil-kapital li fih tippossjedi sehem ma’ intrapriża privata jew aktar, il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva għandhom dejjem ikunu applikati.

53     Fid-dawl ta’ din ir-risposta, mhemmx lok li tingħata risposta lid-domandi l-oħra tal-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

54     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (89/665/KEE) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’] servizz[i] li ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KEE tat-13 ta’ Ottubru 1997 irid jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw il-possibbiltà ta’ mezzi ta’ appell effettivi u rapidi kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jestendi wkoll għal deċiżjonijiet meħuda barra minn proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratti u qabel sejħa formali għal offerti, b’mod partikolari għad-deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk kuntratt speċifiku jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-direttiva 92/50, kif emendata. Din il-possibbiltà ta’ appell hija miftuħa għal kull persuna li għandha jew li jista’ jkollha interess li tikseb kuntratt pubbliku in kwistjoni u li kienet ippreġudikata jew li hemm ir-riskju ta’ dan minħabba allegata vjolazzjoni, mill-mument tal-manifestazzjoni tar-rieda ta’ l-awtorità kontraenti suġġetta li tipproduċi effetti ġuridiċi. Għalhekk, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati jissuġġettaw il-possibbiltà ta’ appell għall-fatt li l-proċedura tal-kuntratti pubbliċi in kwistjoni tkun laħqet formalment stadju determinat.

2)      Fl-ipoteżi li fiha awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni tikkonkludi kuntrat b’titolu oneruż rigward servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50, kif emendata mid-Direttiva 97/52, ma’ kumpannija ġuridikament distinta minnha, li għandha sehem fil-kapital tagħha flimkien ma’ intrapriża privata jew aktar, għandhom dejjem jiġu applikati l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti f’din id-direttiva.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top