EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0008

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Ottubru 2004.
Banque Bruxelles Lambert SA (BBL) vs Stat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de première instance de Bruxelles - il-Belġju.
Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 4 u 9(2) (e) - Kunċett ta' persuna taxxabbli - Post fejn jingħataw is-servizzi - SICAV.
Kawża C-8/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:650

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta' Ottubru 2004(*)

"Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 4 u 9(2) (e) – Kunċett ta' persuna taxxabbli – Post fejn jingħataw is-servizzi – SICAV"

Fil-kawża C-8/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mit-Tribunal de première instance de Brussell (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Diċembru 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Jannar 2003, fil-kawża:

Banque Bruxelles Lambert SA (BBL)

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta S. von Bahr (Relatur), u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Banque Bruxelles Lambert SA (BBL), minn B. de Duve, S. Houx u F. Herbert, avocats,

–       għar-Renju tal-Belġju, minn E. Dominkovitis, bħala aġent, assistit minn G. Vandersanden u E. De Plaen, avocats,

–       għar-Repubblika Ellenika, minn D. Kalogiros u S. Spyropoulos, bħala aġenti, assistit minn M. Tassopoulou,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u C. Giolito, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4, 9(2)(e) u l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Banque Bruxelles Lambert SA (BBL) (aktar 'il quddiem il-"BBL") u l-Istat Belġjan fir-rigward tad-determinazzjoni, għall-finijiet ta' ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT"), tal-post fejn jingħataw is-servizzi mill-BBL lill-kumpanniji ta' investiment Lussemburgiżi b'kapital varjabbli (aktar 'il quddiem is-"SICAV").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT, "il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali".

4       Skond l-Artikolu 4(1) u (2) ta' din id-direttiva:

"1.      "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta' dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika."

5       L-Artikolu 9(1) u t-tielet u l-ħames inċiżi ta' l-Artikolu 9(2) ta' din l-istess direttiva jipprovdi li:

"1.      Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta' post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.      Iżda:

[...]

(e)      il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta' post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[...]

–       servizzi ta' konsulenti, enġiniera, uffiċ[ċ]ji ta' konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta' data u l-għoti ta' informazzjoni,

[…]

–       operazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta' assigurazzjoni li jinkludu ri-assigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' kiri ta' kaxxiforti."

6       L-Artikolu 13B(d)(5) u (6) tas-Sitt Direttiva jipprovdu, min-naħa tagħhom, li l-Istati Membri jeżentaw:

"5.      transazzjonijet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f'kumpanniji jew assoċjazzjonijet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi […];

6.      maniġġjar ta' fondi speċjali ta' investiment kif definiti mill-Istati Membri."

7       L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, ta' l-20 ta' Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 375, p. 3), jiddefinixxi l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (aktar 'il quddiem "UCITS") bħala impriżi li:

"–      li l-iskop uniku tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju,

u

–      li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi.[...]"

8       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(3) dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti permezz ta’ kuntratt (bħala fondi komuni amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-"trusts" (bħala unitajiet ta’ trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment)."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       L-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi li:

"Persuna taxxabbli tfisser kull persuna li, normalment u indipendentement, fl-eżerċizzju ta' attività ekonomika, kemm jekk prinċipali jew anċillari, kemm jekk bl-intenzjoni li tagħmel qliegħ jew le, tipprovdi oġġetti jew servizzi msemmija f'dan il-kodiċi, ikun liema jkun il-post fejn tiġi eżerċitata l-attività ekonomika."

10     Skond l-Artikolu 21(2) ta' l-istess kodiċi:

"Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta' post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti."

11     L-Artikolu 21(3)(7)(d) u (e) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan jippreċiża li, permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, il-post fejn jingħata servizz għandu jitqies li huwa:

"7.      il-post fejn hija stabbilita s-sede ta' l-attività ekonomika tal-persuna li tirċievi s-servizz jew stabbiliment fiss li fih huma pprovduti s-servizzi, jew, fin-nuqqas ta' dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, meta s-servizzi huma pprovduti lil persuna stabbilita barra mill-Komunità jew, għall-bżonnijiet ta' l-attività ekonomika tagħha, lil persuna taxxabbli stabbilita fil-Komunità iżda barra mill-pajjiż tal-fornitur, sakemm dan is-servizz jikkonsisti:

[…]

(d)      f'xogħlijiet ta' natura intellettwali pprovduti fl-eżerċizzju ta' l-attività normali tagħhom mill-konsulenti legali jew konsulenti oħra, mill-kontabbli (accountants), mill-inġiniera, mill-uffiċċji ta' konsulenza u mill-fornituri l-oħra li jeżerċitaw attività simili, kif ukoll l-ipproċessar tad-data u l-għoti ta' informazzjoni, […];

(e)      f'operazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta' assigurazzjoni, inklużi dawk ta' riassigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' kiri ta' kaxxiforti".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li, matul il-perijodu in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-BBL ipprovda servizzi lis-SICAV Lussemburgiżi [BBL Renta Fund, BBL Renta Cash, BBL Patrimonial, International Aviation Fund, BBL Capital Cash, BBL Portfolio u BBL (L) Invest]. Skond il-ftehim ta' konsulenza ffirmat minn kull waħda minn dawn is-SICAV, il-BBL kien inkarigat li:

–       jassisti lis-SICAV fl-amministrazzjoni ta' l-assi tagħhom, billi jassigura li l-pariri tiegħu jkunu strettament konformi mal-linji ta' gwida ġenerali dwar l-amministrazzjoni u l-politika ta' investiment adottata mis-SICAV;

–       lill-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum tas-SICAV jipprovdilhom id-dokumenti, l-informazzjoni u l-pariri verbali jew bil-miktub li dawn iqisu neċessarji sabiex jaqdu l-missjoni tagħhom;

–       jgħin lis-SICAV fl-akkwist, fis-sottoskrizzjoni, fit-trasferiment u fl-aljenazzjoni ta' azzjonijiet, obbligazzjonijiet, u titoli oħra li jistgħu jiġu nnegozjati kif ukoll fir-rigward ta' operazzjonijiet li jikkonċernaw il-munita jew it-teżor.

13     Fi Frar 1998, il-BBL kien suġġett għal kontroll mill-ispezzjoni speċjali tat-taxxa ta' Liège għall-perijodu bejn l-1 ta' Mejju 1993 u l-31 ta' Diċembru 1997. Fl-aħħar tal-kontroll, ġie stabbilit proċess verbal fit-28 ta' Mejju 1998, li fih ġie indikat li l-BBL ma kienx ġabar VAT għall-pariri mogħtija lis-SICAV Lussemburgiżi, peress li huwa kkunsidra li dawn is-servizzi kienu ġew ipprovduti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu skond l-Artikolu 21(3)(7)(d) u (e) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan.

14     Dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-proċess verbali jirriżulta li l-Artikolu 21(3)(7) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan mhuwiex applikabbli peress li, taħt il-liġi Lussemburgiża, is-SICAV Lussemburgiżi mhumiex ikkunsidrati bħala persuni taxxabbli.

15     Barra minn hekk, skond il-proċess verbal, il-BBL aġixxa bl-intenzjoni li jevita jew li jippermetti li tiġi evitata l-VAT, peress li huwa ma setax jinjora li l-VAT dovuta fuq il-prezz tas-servizzi pprovduti lis-SICAV Lussemburgiżi la kienet ġiet imħallsa fl-Istat tal-Belġju u lanqas kienet ġiet imħallsa fl-Istat tal-Lussemburgu.

16     Fit-8 ta' Ġunju 1998, saret l-aħħar talba lill-BBL għal, inter alia, EUR 45 491 373.03 bħala VAT dovuta għall-perijodu bejn l-1 ta' Mejju 1993 u l-31 ta' Diċembru 1997, għal EUR 90 982 746.07 bħala multa b'rata ta' 200 % u għal EUR 1 819 654.49 bħala interessi għad-dewmien fil-ħlas mill-1 ta' Jannar sa l-20 ta' Ġunju 1998.

17     Il-BBL ressaq appell quddiem it-Tribunal de première instance ta' Brussell li fih ikkontesta din it-talba.

18     Il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk jiġi kkunsidrat li kull Stat Membru huwa liberu li jikkunsidra jew le, li persuna stabbilita fit-territorju tiegħu jew li topera hemmhekk, hija persuna taxxabbli, id-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-VAT ikunu qed jiġu applikati ħażin peress li dawn jippreċiżaw li l-għan tagħhom huwa li jarmonizzaw il-kunċett ta' persuna taxxabbli u jaqsmu bejn l-Istati Membri s-setgħa li jintaxxaw ċerti operazzjonijiet billi jipprovdu definizzjoni uniformi tal-post fejn jingħataw l-oġġetti u s-servizzi.

19     Peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu interpretati in konformità mad-dritt Komunitarju, l-Artikolu 21(3)(7) tal-Kodiċi tal-VAT Belġjan, li ttraspona l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva fid-dritt Belġjan, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kliem u ta' l-għan ta' din id-direttiva, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt Lussemburgiż.

20     Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni dwar jekk is-SICAV jeżerċitawx attività ekonomika fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva u, konsegwentement, jekk humiex persuni suġġetti għall-VAT, għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

21     Jekk is-SICAV Lussemburgiżi ma jiġux irrikonoxxuti bħala persuni suġġetti għall-VAT, bil-konsegwenza li s-servizzi pprovduti mill-BBL jiġu kkunsidrati bħala li ġew ipprovduti fil-Belġju, il-qorti tar-rinviju tosserva li tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn is-servizzi jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva.

22     Fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal de première instance ta' Brussell iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiem u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:

"–      Il-kumpanniji ta' investiment b'kapital varjabbli (SICAV) stabbiliti fi Stat Membru, li l-għan esklużiv tagħhom huwa l-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/611, ta' l-20 ta' Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) huma persuni suġġetti għall-VAT fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, b'mod illi, is-servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) ta' l-istess direttiva, li jiġu pprovduti lil dawn il-persuni, huma meqjusa bħala li jingħataw fil-post fejn l-imsemmija SICAV għandhom is-sede tagħhom?

–      Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domanda preċedenti, is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali timplika li jiġu ddeterminati liema tipi ta' servizzi mogħtija lis-SICAV jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva: huwa neċessarju, f'dan il-kuntest, li ssir distinzjoni, minn naħa, bejn is-servizzi ta' assistenza u ta' konsulenza dwar l-amministrazzjoni, u min-naħa l-oħra, is-servizzi ta' amministrazzjoni proprji, li huma distinti minn dawk ta' l-ewwel minħabba l-fatt li jinvolvu setgħa ta' deċiżjoni ta' l-amministratur fir-rigward ta' l-amministrazzjoni u l-aljenazzjoni ta' l-assi li jkunu qed jiġu amministrati?"

 Fuq l-ewwel domanda

23     Permezz ta' l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-SICAV li l-għan esklużiv tagħhom huwa l-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku skond id-Direttiva 85/611 humiex persuni taxxabbli fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva b'mod illi l-post fejn jingħataw is-servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) ta' din l-istess direttiva, li huma pprovduti lil tali SICAVs li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-fornitur, huwa l-post fejn dawn is-SICAV stabbilixxew is-sede tagħhom.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

24     Il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom huma ta' l-opinjoni li s-SICAV stabbiliti skond id-Direttiva 85/611 jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jagħmluhom persuni taxxabbli skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva.

25     F'dan ir-rigward, il-BBL jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' strumenti finanzjarji li tagħmel distinzjoni bejn l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi fis-sens tas-Sitt Direttiva u dawk li jaqgħu barra minnhom, b'mod partikolari s-sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C-60/90, Ġabra p. I-3111); tat-22 ta' Ġunju 1993, Sofitam (C-333/91, Ġabra p. I-3513), u ta' l-20 ta' Ġunju 1996, Wellcome Trust (C-155/94, Ġabra p. I-3013).

26     L-analiżi ta' l-attivitajiet ta' l-UCITS f'dan ir-rigward għandha ssir fuq żewġ livelli: min-naħa, ir-relazzjoni bejn l-UCITS u l-holding companies u, min-naħa l-oħra, dik bejn l-UCITS u s-suq.

27     Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-UCITS u l-holding companies, il-BBL isostni li l-UCITS, meta mqabbla ma' operaturi ekonomiċi oħra preżenti fis-swieq finanzjarji, jidhru li jistgħu jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-unitajiet tagħhom b'mod aktar attiv. Meta jikkummerċjalizzaw l-unitajiet tagħhom, l-UCITS jirċievu remunerazzjoni magħrufa bħala dritt ta' dħul jew dritt ta' ħruġ, skond il-każ. Dawn id-drittijiet huma l-kontroparti ta' dritt ta' aċċess jew ta' rtirar min-naħa ta' min huwa sottoskritt fl-UCITS u tal-provvista tas-servizzi inerenti f'dan l-aċċess jew irtirar.

28     Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-UCITS u s-suq, il-BBL isostni li l-UCITS huma intiżi sabiex joffru servizz lill-pubbliku ġenerali li jkun simili għal servizzi li l-banek privati joffru lill-klijenti privileġġati tagħhom fir-rigward ta' l-amministrazzjoni patrimonjali.

29     Filwaqt li kkunsidra li s-SICAV, li l-attivitajiet tagħhom huma rregolati mid-Direttiva 85/611, huma persuni taxxabbli skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, il-BBL ikkonkluda li l-Artikolu 9(2)(e) ta' l-istess direttiva huwa applikabbli.

30     Il-Gvern Belġjan isostni li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi akkwist u s-sempliċi żamma ta' l-azzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi fis-sens tas-Sitt Direttiva, li jikkonferixxu l-kwalità ta' persuna taxxabbli lill-awtur tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Polysar Investments Netherlands, punt 13, iċċitata aktar 'il fuq, u tas-6 ta' Frar 1997, Harnas & Helm, C-80/95, Ġabra p. I-745, punt 15).

31     Madankollu, l-attivitajiet tas-SICAV huma msemmija fl-Artikolu 13B(d)(4) u (5) tas-Sitt Direttiva u l-operazzjonijiet imsemmija f'dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT, b'mod partikolari meta jsiru fil-kuntest ta' attività kummerċjali ta' negozju ta' titolu (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Polysar Investements Netherlands, punt 14, u Harnas & Helm, punt 16).

32     Il-Gvern Grieg isostni li l-operazzjonijiet li saru mis-SICAV ma jikkostitwixxux attività ta' sempliċi investitur li jakkwista azzjonijiet sabiex iżommhom biex jagħmel qliegħ, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Polysar Investments Netherlands, iċċitata aktar 'il fuq, iżda jikkostitwixxu sfruttament organizzat tal-kapital li jikkonsisti fix-xiri u l-bejgħ ta' titoli trasferibbli. Dan il-Gvern jirrileva wkoll li l-fatt li, skond l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, l-amministrazzjoni tal-fondi komuni ta' investiment hija eżenti mill-VAT ifisser li l-persuni li jeffettwaw din l-amministrazzjoni huma, fil-prinċipju, persuni suġġetti għal din it-taxxa.

33     Preliminarjament, il-Kummissjoni tirrileva li, apparti fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-kwistjoni dwar jekk is-SICAV humiex suġġetti għall-VAT mhijiex perfettament riżolta fl-Istati Membri. Fl-Olanda, b'riferiment għall-ġurisprudenza Polysar Investments Netherlands, iċċitata aktar 'il fuq, is-SICAV huma, bħal fil-Lussemburgu, ikkunsidrati li mhumiex persuni taxxabbli. Fil-Belġju, fil-Ġermanja, fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza, fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Portugall u fir-Renju Unit, is-SICAV huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli iżda eżenti.

34     Sussegwentement, il-Kummissjoni tosserva li l-kumpannija ta' amministrazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 85/611, hija ġeneralment impriża li tipprovdi servizzi li għalihom tirċievi ħlas ta' amministrazzjoni. Il-fatt li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva jipprovdi espressament għall-eżenzjoni ta' l-amministrazzjoni tal-fondi komuni ta' investiment juri li l-operazzjonijiet ikkonċernati jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT.

35     Il-kumpannija ta' amministrazzjoni jew is-SICAV li tamministra fondi żgur li teżerċita attività li twassal għall-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli sabiex tkun tista' takkwista dħul fuq bażi kontinwa fis-sens ta' l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva u b'hekk hija differenti minn holdings li ma jagħmlu xejn aktar ħlief li jżommu l-azzjonijiet. Jekk l-amministraturi tal-fondi jiġu ttrattati b'mod differenti, skond jekk il-funzjoni hijiex eżerċitata minn kumpannija ta' amministrazzjoni esterna għal fondi jew minn SICAV stess, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta' newtralità tal-VAT.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu. Il-kunċett ta' "attivitajiet ekonomiċi" huwa ddefinit fl-imsemmi paragrafu 2 bħala li jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produttur, kummerċjant jew fornitur ta' servizzi, b'mod partikolari, l-operazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta' dħul minnha fuq bażi kontinwa. Dan il-kunċett ta' "sfruttament" jirreferi, skond l-eżiġenzi tal-prinċipju ta' newtralità tas-sistema komuni tal-VAT, għal dawn l-operazzjonijiet kollha, tkun xi tkun il-forma legali tagħhom (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1990, Van Tiem, C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18; tal-11 ta' Lulju 1996, Régie dauphinoise, C-306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15, u tad-29 ta' April 2004, EDM, C-77/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

37     Skond l-għan tas-Sitt Direttiva, li fost l-oħrajn huwa li twaqqaf is-sistema tal-VAT fuq definizzjoni uniformi tal-persuni taxxabbli, din il-kwalità għandha tiġi evalwata esklużivament fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' din id-direttiva (ara s-sentenza Van Tiem, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

38     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita s-sempliċi akkwist u s-sempliċi żamma ta' azzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi, fis-sens tas-Sitt Direttiva, li jikkonferixxu l-kwalità ta' persuna taxxabbli lill-awturi tagħhom. Fil-fatt, is-sempliċi holdings finanzjarji f'impriżi oħra ma jikkostitwixxux sfruttament ta' proprjetà li jħalli dħul fuq bażi kontinwa peress li d-dividend eventwali, il-frott ta' dan il-holding, jirriżulta mis-sempliċi proprjetà ta' l-oġġett u mhuwiex il-kontroparti ta' ebda attività ekonomika fis-sens ta' l-istess direttiva (ara s-sentenzi Harnas & Helm, iċċitata aktar 'il fuq, punt 15, u tas-26 ta' Ġunju 2003, KapHag, C-442/01, Ġabra p. I-6851, punt 38). Għalhekk jekk dawn l-attivitajiet ma jikkostitwixxux, fihom infushom, attività ekonomika fis-sens ta' l-imsemmija direttiva, l-istess huwa minnu fir-rigward ta' l-attivitajiet li jikkonsistu fil-bejgħ ta' tali holdings (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Wellcom Trust, punt 33, u KapHag, punt 40).

39     Bl-istess mod, is-sempliċi akkwist u s-sempliċi bejgħ ta' titoli negozjabbli ma jistgħux jikkostitwixxu sfruttament ta' proprjetà li jista' jħalli dħul fuq bażi kontinwa, peress li l-unika kunsiderazzjoni għal dawn l-operazzjonijiet tikkonsisti fil-possibbiltà ta' qliegħ minn fuq il-bejgħ ta' dawn it-titoli (ara s-sentenza EDM, iċċitata aktar 'il fuq, punt 58).

40     Fil-fatt, operazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux, bħala prinċipju, jikkostitwixxu, fihom infushom, attivitajiet ekonomiċi fis-sens tas-Sitt Direttiva.

41     Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, l-operazzjonijiet li jirrigwardaw it-titoli jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-operazzjonijiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni huma dawk li jikkonsistu fl-irtirar ta' dħul fuq bażi kontinwa minn attivitajiet li jmorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi akkwist u tal-bejgħ tat-titoli, bħalma huma l-operazzjonijiet li saru fl-eżerċizzju ta' attività kummerċjali ta' tranżazzjoni tat-titoli (ara s-sentenza EDM, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59).

42     Mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611 jirriżulta li l-operazzjonijiet tas-SICAV jikkonsistu fl-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku. Fil-fatt, flimkien mal-kapital li jitħallas mis-sottoskriventi meta jixtru l-azzjonijiet, is-SICAV jikkostitwixxu u jiġġeneraw, għan-nom tas-sottoskriventi u għal ħlas, portafolli komposti minn titoli trasferibbli.

43     Attività bħal din, li tmur lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi akkwist u tas-sempliċi bejgħ tat-titoli u li hija intiża sabiex tħalli dħul fuq bażi kontinwa, tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta' l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

44     Minn dan isegwi li l-SICAV huma persuni taxxabbli fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva.

45     B'hekk, il-post fejn is-servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva jingħataw lil SICAV, stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-fornitur jew ta' dawn is-SICAV, huwa dak fejn huma jkunu stabbilixxew is-sede ta' l-attività ekonomika tagħhom.

46     F'dan il-kuntest, il-Gvern Belġjan, li jammetti li s-servizzi ta' konsulenza, ta' l-ipproċessar ta' data u ta' l-għoti ta' informazzjoni pprovduti lis-SICAV jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, madankollu jsostni li s-servizzi ta' amministrazzjoni li jingħatawlhom, li jistgħu jiġu kkaratterizzati mill-fatt li jinvolvu setgħa, de jure jew de facto, li jittieħdu deċiżjonijiet, m'humiex, min-naħa l-oħra, koperti minn din id-dispożizzjoni.

47     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġie mfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tielet u l-ħames inċiżi ta' l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva jkopru s-servizzi ta' konsulenza kif ukoll l-operazzjonijiet bankarji u finanzjarji.

48     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-SICAV, li l-għan esklużiv tagħhom huwa l-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku skond id-Direttiva, huma persuni suġġetti għall-VAT fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, b'mod illi, is-servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) ta' l-istess direttiva, li jiġu pprovduti lil dawn il-persuni, huma meqjusa bħala li jingħataw fil-post fejn l-imsemmija SICAV għandhom is-sede ta' l-attività ekonomika tagħhom.

 Fuq it-tieni domanda

49     Peress li t-tieni domanda ġiet magħmula biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq l-ispejjeż

50     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

Il-kumpanniji ta' investiment b'kapital varjabbli (SICAV) li l-għan esklużiv tagħhom huwa l-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli ta' kapital realizzat mill-pubbliku skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/611, ta' l-20 ta' Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) huma persuni suġġetti għall-VAT fis-sens ta' l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, b'mod illi, is-servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) ta' l-istess direttiva, li jiġu pprovduti lil dawn il-persuni, huma meqjusa bħala li jingħataw fil-post fejn l-imsemmija SICAV għandhom is-sede ta' l-attività ekonomika tagħhom.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top