EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CC0532

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Stix-Hackl - 14 ta' Settembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Kuntratti pubbliċi - Artikoli 43 KE u 49 KE - Servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza.
Kawża C-532/03.

European Court Reports 2007 I-11353

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:560

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

STIX-HACKL

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 20061(1)

Kawża C-532/03

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Kuntratti pubbliċi – Artikoli 43 KE u 49 KE – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratt bil-miktub – Għoti ta’ kuntratt mingħajr reklamar tal-kuntratt (sejħa għal offerti) – Servizzi ta’ emerġenza – Trasparenza – Ugwaljanza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”





I –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

1.     Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħal rikors ieħor ippreżentat b’mod parallel miegħu (2), jirrigwarda l-kwistjoni dwar liema rekwiżiti fir-rigward tat-trasparenza tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi jistgħu jitnisslu mid-dritt primarju. Din il-kawża tikkonċerna, b’mod partikolari, l-obbligi li jitnisslu mil-libertajiet fundamentali u mill-prinċipji ġenerali fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Finalment, din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Telaustria (3) u Coname (4).

2.     Minkejja l-fatt li d-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”) – sostitwita sadanittant mill-hekk imsejjaħ “pakkett leġiżlattiv” – tinkludi l-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi fil-qasam ta’ sokkors ta’ emerġenza, li huma s-servizzi in kwistjoni f’din il-kawża, hija tinkludi biss il-kuntratti li huma bbażati fuq kuntratt bil-miktub.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

3.     Din il-kawża tikkonċerna primarjament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-Artikolu 49 KE.

4.     Jeħtieġ ukoll li jsir riferiment għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE, li fl-ewwel paragrafu jistipula l-obbligi ta’ l-Istati Membri fil-konfront ta’ impriżi partikolari u fil-paragrafu 2 jirregola l-obbligi ta’ l-impriżi speċifiċi, u preċiżament fuq kollox dawk ta’ l-impriżi responsabbli għall-għoti ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali.

B –    Id-dritt nazzjonali

5.     L-Artikolu 65 (1) tal-Health Act 1953, jipprovdi dan li ġej:

“Bla ħsara għad-direttivi ġenerali tal-Ministru, dipartiment tas-sanità jista’, taħt il-kundizzjonijiet u skond il-modalitajiet meqjusa xierqa, jassisti lil entità li tipprovdi jew li tipproponi li tipprovdi servizzi, simili jew komplementari għal dawk li d-dipartiment tas-sanità jista’ jipprovdi, b’waħda jew iktar mill-modalitajiet li ġejjin:

a) billi jikkontribwixxi għall-ispejjeż sostnuti mill-entità,

[…]”.

6.     L-Artikolu 25 tal-Fire Services Act 1981 jipprovdi dan li ġej:

“Awtorità għall-prevenzjoni ta’ nirien (skond l-Artikolu 9 tal-Liġi, l-awtoritajiet għall-prevenzjoni ta’ nirien huma l-awtoritajiet lokali) tista’, indipendentement mill-eżistenza ta’ periklu ta’ nar, tagħmel l-interventi ta’ emerġenza kollha jew tieħu sehem fihom, u bħala konsegwenza, taddotta dawk il-miżuri għall-għajnuna jew għas-sigurtà ta’ persuni u għall-protezzjoni tal-proprjetà li tqis meħtieġa għal tali skop”.

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.     Wara li sar ilment, il-Kummissjoni saret taf bil-mod kif jingħataw kuntratti għal servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza fl-Irlanda. Peress li kkunsidrat li skond id-Direttiva 92/50, l-imsemmi għoti ta’ kuntratti kellu jingħata pubbliċità, il-Kummissjoni bdiet skambju ta’ korrispondenza ma’ l-Irlanda sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ kuntratt, li kien imissu ġie suġġett għal obbligi partikolari ta’ pubblikazzjoni.

8.     Fit-28 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi informazzjoni fuq ir-rapport bejn id-Dublin City Council (iktar ’il quddiem: id-“DCC”) u l-Eastern Regional Health Authority (iktar ’il quddiem l-“Authority”). Peress li ma rċeviet l-ebda risposta, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE.

9.     Fir-risposta tat-18 ta’ Ġunju 2002, l-awtoritajiet Irlandiżi sostnew li s-servizzi pprovduti mid-DCC u mħallsa mill-Authority skond l-Artikolu 65(1)(a) tal-Health Act 1953, ġiet effettwata mid-DCC b’mod indipendenti bħala “principal” u mhux abbażi ta’ kuntratt ma’ l-Authority u lanqas taħt il-kontroll jew is-superviżjoni tagħha. Barra minn hekk, tali servizzi kienu ilhom jiġu pprovduti għal għexieren ta’ snin.

10.   Fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi d-dokumenti kollha li setgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r-relazzjoni bejn id-DCC u l-Authority.

11.   Fid-19 ta’ Settembru 2002, id-dipartiment tas-sanità u tat-tfal bagħat risposta u sensiela ta’ dokumenti.

12.   Il-Kummissjoni baqgħet iżżomm il-pożizzjoni tagħha li kien hemm ksur tad-dritt Komunitarju u fis-17 ta’ Diċembru 2002 bagħtet lill-Irlanda opinjoni motivata skond l-Artikolu 226 KE. Permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Frar 2003, l-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu lill-Kummissjoni risposta dettaljata, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kienet sodisfaċenti.

13.   Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni titlob li din jogħġobha:

1)         tiddikjara li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond it-Trattat meta ppermettiet li s-servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza jiġu pprovduti mid-Dublin City Council mingħajr ma l-Eastern Regional Health Authority ħadet ebda miżura ta’ reklamar; u

2)         tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

14.   L-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

3)         tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni;

4)         tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV – L-argumenti tal-partijiet u ta’ l-intervenjenti

A –    Il-Kummissjoni

15.   Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-bażi għall-provvista ta’ servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 minħabba n-nuqqas ta’ kuntratt bil-miktub. Madankollu, mil-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt jitnisslu obbligi partikolari. Bla ebda dubju, dawn il-prinċipji jinkludu wkoll il-prinċipju ta’ trasparenza kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjonijiet fil-kawżi Teleaustria u Vestergaard.

16.   L-Istati Membri huma ħielsa jagħżlu proċedura partikolari, iżda meta jagħmlu dan għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. L-istess Stati Membri għandhom, b’hekk, jipprovdu għal forma adegwata ta’ reklamar, skond it-tip ta’ servizz u skond il-grupp ta’ impriżi interessati fiha.

17.   Bħala gwida fuq l-argument, il-Kummissjoni tirreferi għall-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju (6).

18.   Minn diversi ittri, u b’mod partikolari mill-ittra tal-“Finance Officer and Treasurer” tad-DCC tal-15 ta’ Jannar 1999, jirriżulta li f’Ġunju ta’ l-1998 ġew konklużi ċerti ftehim għas-servizzi li kellhom jingħataw, u abbażi tagħhom ġie mfassal ukoll abbozz ta’ kuntratt. Huwa irrilevanti għall-finijiet tad-dritt Komunitarju kif dan il-kuntratt jiġi kklassifikat skond id-dritt nazzjonali.

19.   Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ l-Irlanda, li ssostni li s-servizzi ma ġewx ipprovduti f’isem l-Authority, peress li l-funzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar jinvolvu, fost funzjonijiet oħra, il-kontroll tal-provvista ta’ tali servizzi. Anki jekk id-DCC ma jkollu ebda obbligu li jipprovdi dawn is-servizzi, l-Authority għandha dejjem tiżgurhom, proprju, kif jirriżulta mill-imsemmi abbozz tal-kuntratt.

20.   Kieku l-Irlanda kellha targumenta li l-provvista ta’ servizzi – li saret mingħajr reklamar – hija bbażata fuq l-Artikolu 65(1)(a) tal-Health Act, dan ma jkun ifisser xejn ħlief li l-imsemmija dispożizzjoni tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Authority tilħaq ftehim biss. Ma twaqqafhiex milli tagħmel sejħa għal offerti. It-tip ta’ servizz u l-fatt li ma jkunx popolari fost l-impriżi ma jippermettulhiex li tinjora kull tip ta’ reklamar.

21.   Il-fatt li l-Authority ma tagħtix b’outsourcing is-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors jekk dawn ma jiġux ipprovduti mid-DCC ma jriednix il-proċedura leċita.

22.   Barra minn hekk lanqas ikun ġust li tiġi applikata d-deroga prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50.

23.   Fl-aħħar nett, għandu jiġu miċħud ukoll l-argument li dan huwa każ li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt l-osservanza ta’ l-obbligi li jitnisslu mit-Trattat ma timpedixxix it-twettiq tal-funzjonijiet partikolari assenjati. Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk huwiex id-DCC jew l-Authority li għandu jitqies bħala impriża inkarigata mill-provvista ta’ servizzi.

24.   Meta targumenta li s-servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza huma pprovduti mingħajr ħlas, l-Irlanda tkun qed tikkonfondi s-servizzi li jgawdu minnhom individwi ma’ dawk ipprovduti lill-Authority.

25.   Rigward l-argument ta’ l-Irlanda li d-DCC ma jitħallasx lura l-ispejjeż kollha, il-Kummissjoni, li tikkontesta dan l-argument, tiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ rilevanza tiegħu.

26.   Dwar l-opinjoni tal-Gvern Olandiż li l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali titlob il-preżenza ta’ element transnazzjonali, il-Kummissjoni tosserva li dan l-element jeżisti f’dan il-każ.

27.   Ir-restrizzjoni msemmija mill-Gvern Olandiż fir-rigward tal-prevalenza tad-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li ma fehmx sew il-kawżi ċċitati. Barra minn hekk, l-istess Direttiva 92/50 tipprovdi għal obbligu ta’ non-diskriminazzjoni fl-Artikolu 3(2).

28.   Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li l-obbligu ta’ trasparenza jiddependi mill-eżekuzzjoni volontarja ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u li, f’dan il-każ, jeżistu raġunijiet ġustifikattivi jew ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 86(2) huma sodisfatti.

29.   Fir-rigward tal-grad adegwat ta’ reklamar, il-Kummissjoni ssostni li hi ma titlobx fil-każijiet kollha l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti nazzjonali jew internazzjonali, iżda tista’ tkun biżżejjed anki komunikazzjoni lil impriżi partikolari. Mhemmx bżonn li ssir proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bħal dik prevista mid-direttivi.

B –    L-Irlanda

30.   L-Irlanda tikkontesta l-bżonn ta’ reklamar għas-servizzi in kwistjoni.

31.   Sostanzjalment, il-Kummissjoni qed tikkontesta l-eżistenza ta’ ftehim u mhux l-għoti ta’ kuntratt ġdid. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni mhumiex applikabbli għal dan il-każ, peress li ma tistax tintalab il-modifika ta’ ftehim eżistenti.

32.   Ma jeżisti l-ebda kuntratt jew ftehim ta’ kwalunkwe tip ieħor bejn id-DCC u l-Authority. L-hekk imsejjaħ ftehim ta’ Ġunju ta’ l-1998 jikkonċerna konvenzjoni interistituzzjonali bejn żewġ entitajiet ta’ dritt pubbliku u t-trattattivi dwar il-kontribut għall-ispejjeż magħmula mid-DCC.

33.   Id-DCC jaġixxi bis-saħħa tal-kompetenza tiegħu, mogħtija lilu bil-liġi u f’ismu. Dan lanqas jaqa’ taħt il-kontroll ta’ l-Authority. Il-kontribut għall-ispejjeż mill-Authority ma jirrappreżentax kumpens u ma jagħmilx tajjeb għall-ispejjeż kollha.

34.   L-Irlanda tosserva li s-servizzi in kwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Anness I B tad-Direttiva 92/50. Anki li kieku ġie ffirmat kuntratt bil-miktub, tapplika biss is-sistema iktar semplifikata msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, jiġifieri l-Artikoli 14 u 16. Fil-każ kuntrarju, il-Kummissjoni kien ikollha tipproponi emenda korrispondenti tad-direttiva.

35.   Mill-fatt li fl-Irlanda s-servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza jingħataw mingħajr ħlas, jirriżulta li dawn mhumiex servizzi li normalment jiġu pprovduti bi ħlas. Għaldaqstant, lanqas ma huma applikabbli l-Artikoli 43 u 49 KE. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni kontra l-impriżi privati barranin.

36.   L-Irlanda ssostni wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Telaustria u Bellini (7) iċċitata mill-Kummissjoni mhijiex rilevanti.

37.   L-Artikolu 295 KE jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu liberament is-sistema ta’ proprjetà.

38.   Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet speċjali previsti għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikoli 16 u 86(2) KE.

C –    L-intervenjenti

39.   Ir-Renju ta’ l-Olanda, intervenjenti fil-kawża sabiex isostni lill-Irlanda, josserva li l-prinċipju ta’ trasparenza ma jimponix l-obbligu li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50. Barra minn hekk, teżisti sensiela ta’ derogi għal dan il-prinċipju. Fl-ewwel lok, f’dan il-każ mhemmx fattur ta’ kollegament mas-suq intern. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mhijiex ippreġudikata. Ma teżisti ebda raġuni sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Jekk ma jintlaħaqx il-limitu impost mid-direttivi, lanqas tista’ tiġi kkunsidrata l-applikabbiltà tar-rekwiżit ta’ trasparenza.

40.   Fit-tieni lok, l-obbligu ta’ trasparenza mhuwiex applikabbli jekk id-dritt Komunitarju sekondarju jipprovdi regolament korrispondenti. Bl-istess mod ma japplikax fil-każijiet fejn id-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi jipprevedu deroga, bħal per eżempju, l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 92/50. Minħabba li d-direttivi jipprevedu armonizzazzjoni minima fir-rigward tat-trasparenza, l-Istati Membri jistgħu naturalment imorru lil hinn minn dan.

41.   Fit-tielet lok, Stat Membru huwa obbligat josserva l-prinċipji tat-Trattat biss fil-każ li tkun inbdiet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

42.   Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk jeżistux raġunijiet ġustifikattivi jew ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 86(2) KE humiex sodisfatti.

43.   Għal dak li jikkonċerna l-kontenut tar-rekwiżit tat-trasparenza, il-Gvern Olandiż josserva li jeħtieġ li jiġi ddeterminat x’inhu grad adegwat ta’ reklamar. Tali evalwazzjoni għandha titħalla għall-awtorità kontraenti ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. F’Ottubru ta’ l-2005, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-rekwiżit ta’ trasparenza. Wasal għaldaqstant iż-żmien li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi bi preċiżjoni akbar il-kontenut ta’ tali rekwiżit.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

44.   Jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-talba tal-Kummissjoni hija diretta biss sabiex jiġi aċċertat li l-provvista ta’ servizzi partikolari tikser id-dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam. Dan, minnu nnifsu, jinvolvi aġir ta’ l-Istat Membru konvenut fil-passat u, preċiżament, (ukoll) f’mument speċifiku, jiġifieri wara li ddekorra t-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Għalhekk, bħala regola, anki l-fatt li dan l-aġir ikompli jiġi adottat wara li jkun iddekorra l-imsemmi terminu, inkluża t-tolleranza ta’ dan l-aġir, jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE.

45.   It-talba tal-Kummissjoni ma tirrigwardax il-kwistjoni, daqstant interessanti, jekk u b’liema mod, awtorità kontraenti partikolari jew persuna li tagħti konċessjoni partikolari għandhom l-obbligu li jitterminaw kuntratt diġà ffirmat. Din id-domanda tqum, però, għall-Irlanda safejn, jekk tiġi aċċertata l-illeċità tal-ftehim, hija tkun obbligata skond l-Artikolu 228(1) KE tieħu l-provvedimenti li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (8).

46.   Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa limitat, f’dan il-każ, għal talba sabiex jiġi vverifikat jekk il-proċedura konkreta kellhiex tkun oġġett ta’ sejħa għal offerti. B’dan jidher li l-Kummissjoni trid tfisser forma ta’ avviż ta’ kuntratt.

47.   Din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għalhekk mhijiex diretta sabiex jiġi stabbilit b’liema mod kellu jsir l-għoti tal-kuntratt f’dan il-każ, iżda hi limitata għad-determinazzjoni ta’ l-illeċità tan-nuqqas ta’ avviż ta’ kuntratt.

48.   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 KE jipprojbixxi “r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità barra dawk li lilha jingħataw is-servizzi. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li din id-dispożizzjoni titlob it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha, anki jekk din hija applikata mingħajr distinzjoni kemm lil min jipprovdi servizzi nazzjonali kif ukoll dawk minn Stati Membri oħra, meta hi normali li jiġu pprojbiti jew imfixxklin l-attivitajiet ta’ min jipprovdi servizzi li jkun stabbilit ġo Stat Membru ieħor, fejn ikun qed joffri b’mod legali, servizzi simili” (9).

49.   Fir-rigward tal-bażi legali li l-vjolazzjoni tagħha għandha tiġi eżaminata f’din il-proċedura, għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba l-formulazzjoni wiesa’ tat-talba tal-Kummissjoni, li tilmenta minn nuqqas ta’ twettiq ta’ “obbligi tagħha skond it-Trattat”, mhux biss l-Artikoli 43 KE u 49 KE, iżda anki l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-Artikolu 10 KE. Jista’ jkun li din l-aħħar dispożizzjoni jkollha tiġi eżaminata mill-aspett tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (10).

50.   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju japplikaw meta l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi direttiva. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratt in kwistjoni f’din il-kawża, minħabba li dan ta’ l-aħħar, fin-nuqqas ta’ forma bil-miktub tal-kuntratt, kif ġie osservat korrettament mill-partijiet, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50.

51.   Il-fatti li jiffurmaw il-bażi ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwardaw mekkaniżmu partikolari relattiv għall-użu ta’ fondi pubbliċi għal servizzi partikolari. L-Irlanda stess tammetti l-eżistenza ta’ xi forma ta’ ftehim.

52.   Kif turi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, id-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi jinkludu wkoll ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet pubbliċi l-oħra (12). Il-fatt li l-kawża ċċitata kienet tirrigwarda ftehim bil-miktub huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, peress li din għandha bħala suġġett l-applikazzjoni tad-dritt primarju u mhux l-issodisfar ta’ rekwiżit stipulat fid-direttivi. Ir-rekwiżiti imposti mid-dritt primarju skond it-tip ta’ rapport huma anqas riġidi minn dawk previsti mid-Direttivi. F’kull każ huwa paċifiku li din il-kawża tinvolvi żewġ entitajiet distinti waħda mill-oħra.

53.   Din il-kawża għandha bħala fus l-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Dan jippreżupponi li l-oġġett ta’ l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni huwa “l-għoti ta’ servizzi” skond l-Artikolu 50 KE.

54.   Issa, jista’ jiġi sostnut li t-trasport ta’ morda u/jew it-trasport ta’ emerġenza bħala regola, ma jitħallasx direttament mis-suġġett li juża s-servizz, iżda li l-ispejjeż relattivi jiġu addebitati lill-assigurazzjoni jew jitħallsu direttament mill-fondi pubbliċi. Peress li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja proprju fil-qasam tas-saħħa (13), huwa biżżejjed li l-korrispettiv ta’ servizz jitħallas minn terz, ma tibqax teżisti l-ħtieġa ta’ eżami dettaljat tas-sistema ta’ fatturazzjoni tas-seivizzi in kwistjoni. Huwa f’kull każ paċifiku li l-East Coast Area Heath Board tħallas l-hekk imsejħa “contribution”. Għaldaqstant għall-finijiet ta’ din il-kawża, m’hemmx bżonn li tiġi stabbilita l-perċentwali ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-ispejjeż effettivi.

B –    Prinċipju: rekwiżit ta’ trasparenza

55.   Din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirrigwarda l-kwistjoni jekk ġiex ivvjolat il-prinċipju ta’ trasparenza f’sitwazzjoni speċifika.

56.   Kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Coname, abbażi biss tad-Direttivi, it-trasparenza tinkludi sensiela sħiħa ta’ aspetti (14). Din il-kawża tirrigwarda biss obbligi partikolari ta’ reklamar fir-rigward ta’ l-għoti ta’ servizzi partikolari.

57.   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi ggarantit lil kull offerent potenzjali, “grad ta’ pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tal-konċessjoni ta’ servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll tal-kontroll” (15). Tali eżiġenza ovvjament ma tapplikax biss għall-kuntratti li billi jkunu fil-forma ta’ konċessjoni, ma jaqgħux taħt id-Direttiva 92/50, iżda anki għal dawk li għal raġunijiet oħra ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva jew tad-direttivi l-oħra dwar il-kuntratti. Dwar dan il-punt għandu jingħad ukoll, bħala preċiżazzjoni biss, li mhuwiex possibbli li jiġi applikat l-istess livell lill-għotjiet ta’ kuntratti kollha irrispettivament mill-oġġett u l-valur tagħhom.

58.   Il-kriterju għall-evalwazzjoni tal-leġittimità ta’ l-aġir ta’ l-Istat Membru konvenut jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk ġiex garantit livell adegwat ta’ trasparenza.

59.   B’hekk jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ sejħa għal offerti jikkostitwixxix vjolazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit. Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Coname, jeħtieġ li jiġi vverifikat “jekk l-assenjazzjoni tal-konċessjoni [...] tissodisfax ċerti kundizzjonijiet ta’ trasparenza li, mingħajr ma neċessarjament jimplikaw li jeżisti obbligu li ssir sejħa għal offerti, huma, b’mod partikolari, ta’ natura li jippermettu li impriża li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru [differenti ...] tkun tista’ taċċedi għal informazzjoni adegwata dwar l-imsemmija konċessjoni qabel ma din tiġi assenjata b’mod li, kieku din l-impriża riedet, hija setgħet turi l-interess tagħha sabiex tikseb din il-konċessjoni (16)”.

60.   Għaldaqstant mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-adegwatezza jeħtieġ li jittieħdu bħala riferiment dawk li huma interessati fl-assenjazzjoni konkreta. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-offerenti li huma konkretament interessati, iżda anki ċ-ċirku tal-persuni potenzjalment interessati fl-Istati Membri l-oħra.

61.   Għaldaqstant, jeħtieġ li jintgħażel il-grad ta’ trasparenza li jissodisfa l-imsemmi rekwiżit. Huwa però xieraq li jiġi eżaminat jekk dan għandux iseħħ neċessarjament fil-forma ta’ sejħa għal offerti jew avviż ta’ kuntratt.

1.      Ħtieġa ta’ sejħa għal offerti

62.   Jeħtieġ qabel xejn, li jiġi kkjarifikat jekk id-dritt primarju jitlobx fil-każijiet kollha l-hekk imsejħa sejħa għal offerti.

63.   Jidher li din il-perspettiva hi sostnuta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi Parking Brixen u ANAV, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “l-Istati Membri ma jistgħux iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi mingħajr kompetizzjoni [ohne Ausschreibung] billi tali għoti jikser l-Artikoli 43 KE jew 49 KE jew il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza (17)”.

64.   Madankollu, jista’ jkun il-każ ta’ impreċiżjoni tal-verżjoni Ġermaniża tas-sentenza, peress li l-verżjoni Franċiża, fiż-żewġ kawżi, u b’mod analogu, il-verżjoni Taljana fil-kawża ANAV jitkellmu dwar “mise en concurrence” u “procedura concorrenziale”. Għalhekk ma jsemmux konsapevolment “appel d’offres” jew “bando di gara”, jiġifieri l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti skond id-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

65.   Mill-bqija, fis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Coname, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni espressament li d-dritt primarju ma jitlobx, fil-każijiet kollha, sejħa għal offerti bħala forma ta’ pubblikazzjoni għall-għoti tal-kuntratt (18).

66.   Din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni li tistabbilixxi prinċipju u tikkostitwixxi għalhekk il-bażi għall-analiżi li ġejja. Dan jirriżulta wkoll minn kunsiderazzjoni ta’ prinċipju, indipendentement mill-fatt li s-sentenza fil-kawża Coname ngħatat mill-Awla Manja u li s-sentenzi l-oħra juru impreċiżjonijiet lingwistiċi.

67.   L-argument li mhuwiex permess, bħala regola, li jingħata kuntratt mingħajr reklamar (sejħa għal offerti) u jsir kuntatt direttament ma’ impriżi partikolari ma jistax jiġi milqugħ minħabba l-fatt li derogi għal tali obbligu ta’ pubblikazzjoni huma previsti anki mid-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Anki l-Kummissjoni tosserva espressament li, fil-fehma tagħha, mhuwiex il-każ li l-obbligi ta’ reklamar previsti mid-Direttiva 92/50 jiġu ttrasferiti għad-dritt primarju. Jekk skond id-dritt primarju dejjem tintalab sejħa għal offerti, l-amministrazzjonijiet kontraenti jkunu suġġetti għal regoli iktar stretti fil-kuntesti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi milli f’dawk li jaqgħu taħtu.

68.   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza relattiva għall-kawża Coname, irrikonoxxiet ukoll ċerti derogi mill-osservanza ta’ l-obbligi imposti mid-dritt primarju. Dawn id-derogi ser jiġu eżaminati separatament.

69.   Għaldaqstant wieħed għandu jżomm f’moħħu li jista’ jkun hemm kuntratti li ma jeħtiġux sejħa għal offerti, jew li tingħata pubbliċità għall-għoti tal-kuntratt.

70.   F’dan il-kuntest, jidhirli li hu neċessarju li nfakkar l-opinjoni tiegħi diġà mogħtija fil-konklużjonijiet relattivi għall-kawża Coname (19), fejn sostnejt li ma teżistix sistema unitarja tad-dritt primarju fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti; huwa minflok xieraq li ssir distinzjoni skond iċ-ċirkustanzi tal-kuntratt in kwistjoni. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibiltà li tipprovdi l-preċiżazzjonijiet neċessarji.

2.      Distinzjoni abbażi ta’ l-għoti tal-kuntratt partikolari

71.   Għalhekk jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-kriterji tar-rekwiżit ta’ trasparenza jiddependu miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

72.   L-argumenti żviluppati iktar ’il quddiem jirrigwardaw, konformement mas-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-kriterji li jippermettu li ma ssirx sejħa għal offerti u huma intiżi sabiex jaċċertaw jekk tali kriterji kinux sodisfatti f’dan il-każ.

73.   Minn naħa waħda, il-prinċipju li għandu jkun hemm possibbiltà ta’ stħarriġ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dak ta’ trattament ugwali jistgħu jkunu ta’ gwida. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu kkunsidrati l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha dwar il-kuntratti, bħall-garanzija tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, kif ukoll l-“effet utile” tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

74.   Il-kontenut ta’ l-obbligu ta’ trasparenza f’kull każ jiddependi minn fatturi differenti, bħas-suġġett tal-kuntratt – jiġifieri jekk huwiex il-każ ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ xogħlijiet – u l-valur stmat tal-kuntratt.

75.   Peress li din il-kawża tirrigwarda servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50, jiġifieri servizzi mhux prijoritarji, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-distinzjoni magħmula mid-direttiva bejn servizzi prijoritarji u servizzi li mhumiex prijoritarji tagħmilx sens fid-dritt primarju wkoll.

76.   Tali kategorizzazzjoni li tinsab fid-direttivi tidher li hi bbażata fuq il-kunċett, ġeneralment applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti, li ċerti għotjiet ta’ kuntratti huma iktar importanti minn oħrajn għas-suq intern, jiġifieri jqajmu l-interess ta’ ċirku akbar ta’ operaturi ekonomiċi, u preċiżament anki ta’ l-impriżi ta’ l-Istati Membri l-oħra. Dan l-aspett jista’ jkun importanti b’mod partikolari għall-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali, peress li dawn ta’ l-aħħar jitolbu, bħala fatt, element transkonfini (20).

77.   Minkejja li l-leġiżlatur Komunitarju ssuġġetta għas-sistema sħiħa tad-Direttiva 92/50 ċerti kategoriji ta’ servizzi biss, jiġifieri dawk prijoritarji, minn dan ma jistax jiġi konkluż li s-servizzi l-oħra, u għalhekk is-servizzi mhux prijoritarji, mhumiex rilevanti għas-suq intern, jiġifieri essenzjalment li ma jistgħux jiġi pprovduti minn Stat għal ieħor. Għalkemm il-leġiżlatur Komunitarju żamm din id-distinzjoni fit-test emendat, jiġifieri fid-Direttiva 2004/18 – u ta, fuq kollox, l-istess motivazzjoni (21) –, dan xorta waħda ma jeskludix, bħala regola, l-applikazzjoni tad-dritt primarju.

78.   Li kieku kellu jiġi preżunt li s-servizzi mhux prijoritarji ma jinteressawx lill-offerenti ta’ l-Istati Membri l-oħra, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tkun marbuta turi li l-kuntratt in kwistjoni jista’ fil-fatt iqajjem interess transnazzjonali potenzjali.

79.   Huwa veru li, bħala regola, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni hija marbuta tagħti prova ta’ l-osservazzjonijiet tagħha de jure u de facto. Minn dan jista’ jiġi dedott obbligu fuq il-Kummissjoni li turi, abbażi ta’ analiżi tas-suq, liema operaturi ekonomiċi jistgħu, fid-dawl tal-kompetizzjoni potenzjali, ikunu interessati fl-għoti tal-kuntratt propost; f’dan ir-rigward il-valur u s-suġġett tal-kuntratt jassumu rwol ċentrali.

80.   La’ l-osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas l-osservazzjonijiet orali tal-Kummissjoni ma jissodisfaw l-imsemmija rekwiżiti. Abbażi ta’ tali kriterju riġidu ta’ l-oneru tal-prova, ir-rikors tal-Kummissjoni jkollu jiġi miċħud bħala infondat.

81.   F’dan ir-rigward, ma jistax madankollu jiġi injorat li l-Qorti tal-Ġustizzja, sa llum għadha ma applikatx kriterji daqshekk riġidi fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti (22). Bil-kontra, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, jista’ jiġi sostnut li l-għoti ta’ kuntratti ta’ ċertu daqs, għandhom, fil-każ ta’ dubju, jitqiesu li huma ta’ interess potenzjali għall-impriżi ta’ l-Istati Membri l-oħra.

82.   Għal din il-kawża, jibqa’ għalhekk validu l-prinċipju li għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha neċessarja għall-impriżi li huma potenzjalment interessati, sabiex jiddeċiedu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ għoti u fil-preżentazzjoni ta’ offerta. Id-dritt primarju f’ebda każ ma jeħtieġ dawk l-indikazzjonijiet li l-mudelli ta’ sejħiet għall-offerti previsti fid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi jippreskrivu għar-reklamar (23).

83.   Mill-atti jew mis-seduta ma jirriżultax li l-għoti speċifiku ta’ kuntratt jiġġustifika, wara li wieħed jara l-karatteristiċi tal-kontenut tiegħu, l-omissjoni ta’ xi tip ta’ reklamar. La l-valur annwali tas-servizzi u lanqas is-suġġett tagħhom ma jwasslu biex wieħed jaħseb li din l-omissjoni hija konformi mad-dritt Komunitarju.

84.   Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din l-omissjoni setgħetx tiġi bbażata fuq derogi espressament previsti mid-dritt primarju u jew fuq raġunijiet ġustifikattivi rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ libertà fundamentali b’mod ġenerali jew fil-qasam ta’ kuntratti.

85.   Peress li, bħala fatt, ma sar proprju l-ebda reklamar tas-servizzi previsti, huwa inutli li jsir eżami dettaljat sabiex jiġi individwat il-mezz ta’ pubblikazzjoni li kien imissu ġie addotat u li jiġi ddeterminat il-kontenut minimu tas-sejħa għal offerti.

C –    Eċċezzjonijiet u raġunijiet ġustifikattivi

86.   Iktar ‘il quddiem, jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk, minħabba l-effetti limitati tar-restrizzjonijiet, il-libertajiet fundamentali jiġux ippreġudikati jew le, jekk l-Istat Membru konvenut jistax jinvoka waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jeskludu, b’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri mill-applikazzjoni tad-dritt primarju, jekk hijiex sodisfatta xi waħda mir-raġunijiet ġustifikattivi previsti espressament mit-Trattat jew rikonoxxuti mill-ġurisprudenza jew jekk japplikax l-Artikolu 86(2) KE. Fl-aħħar jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-eċċezzjonijiet previsti mid-direttivi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50, japplikawx bħala tali jew b’analoġija.

1.      Effetti limitati ta’ l-għoti tal-kuntratt

87.   Fis-sentenza tagħha fil-kawża Coname, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija, li tgħid li “minħabba f’xi ċirkustanzi partikolari, bħal per eżempju interessi ekonomiċi pjuttost żgħar, jista’ raġonevolment jingħad li impriża li tinsab fi Stat Membru [differenti ...] ma tkunx interessata fil-konċessjoni in kwistjoni u li l-effetti fuq il-libertajiet fundamentali kkonċernati għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala inċerti u indiretti [wisq] biex eventwalment jiġi konkluż li dawn il-libertajiet ġew ivvjolati (24)”.

88.   Indipendentement mill-fatt li mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza l-limitu għall-irrilevanza, il-kuntratt in kwistjoni ma jissodisfa bl-ebda mod l-imsemmija rekwiżiti, peress li huwa ta’ valur ekwivalenti għal xi miljuni sterlina Irlandiża fis-sena. Jidher li, fis-sena 2001, il-valur tas-servizzi fis-sena kien diġà jammonta għal iktar minn 7 miljun sterlina, u b’hekk qabeż b’ħafna l-valur limitu stabbilit mid-Direttiva 92/50.

2.      Raġunijiet ġustifikativi espressament regolati mit-Trattat

89.   Qabel xejn jeħtieġ li jiġu mfakkra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jeskludu b’mod ġenerali – għalkemm fil-preżenza ta’ ċerti rekwiżiti – il-miżuri adotati mill-Istati Membri, mill-applikazzjoni tad-dritt primarju. Fil-qasam tal-kuntratti, huma rilevanti, fl-ewwel lok, id-derogi li jirrigwardaw is-sigurtà, u preċiżament l-Artikoli 296 KE u 297 KE. Madankollu, fin-nuqqas ta’ bażi għalihom, l-imsemmija derogi ma jistgħux jiġu applikati f’dan il-każ.

90.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jinvokaw ir-raġunijiet ġustifikativi previsti espressament fit-Trattat mill-Artikolu 46 flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE, li huma l-ordni pubbliku jew is-sanità. F’dan il-każ għandu, madankollu, jiġi osservat li l-Istat Membru konvenut ma ddefendiex ruħu billi wera l-eżistenza ta’ raġuni ġustifikattiva ta’ dan it-tip (25).

91.   Raġuni ġustifikattiva relattiva għall-awtorità pubblika, jiġifieri bbażata fuq l-Artikolu 45 KE, tippreżupponi min-naħa tagħha li jkunu ġew sodisfatti ċerti rekwiżiti. Skond ġurisprudenza kostanti, “billi jidderogaw mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikoli 45 KE u 55 KE għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-iskop tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istati Membri jipproteġu (26)”.

92.   Skond ġurisprudenza kostanti, ir-regolamentazzjoni tad-derogi previsti minn dawn l-Artikoli għandha tiġi limitata għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika (27).

93.   F’dan il-każ, madankollu, mhumiex sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati tali raġunijiet ġustifikattivi espressament regolati.

3.      Raġunijiet ġustifikattivi mhux espressament previsti fit-Trattat jew motivi ta’ interess ġenerali

94.   Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), applikata bħala regola, anki fil-qasam ta’ kuntratti (29), ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw ċerti rekwiżiti.

95.   Skond din il-ġurisprudenza, l-imsemmija restrizzjonijiet iridu jkunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, iridu jkunu adatti sabiex jiggarantixxu l-kisba ta’ l-iskop imfittex u m’għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ biex jiksbuh. F’kull każ, għandhom ikunu applikabbli b’mod mhux diskriminatorju.

96.   F’dan ir-rigward, jeħtieġ madankollu li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istat Membru konvenut ma weriex li raġunijiet ġustifikattivi rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja jew raġunijiet ta’ interess ġenerali, bħal per eżempju, il-protezzjoni tal-konsumaturi, kienu jiġġustifikaw l-aġir magħżul.

97.   Fl-aħħar nett, għandha tiġi mfakkra r-raġuni ġustifikattiva taċ-“ċirkustanzi oġġettivi (30)” stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma jeħtieġx li ssir iktar diskussjoni dwar din il-possibiltà, mhux spjegata f’iktar dettall mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tippermetti li ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu ġġustifikati. B’mod partikolari, m’hemmx bżonn li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tagħha, peress li l-Irlanda ma ppreżentat ebda argument f’dan is-sens.

4.      L-Artikolu 86 KE

98.   F’din il-kawża, ġie diskuss ukoll l-Artikolu 86 KE.

99.   Fir-rigward ta’ l-għoti tal-kuntratt f’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li, fir-realtà, dan huwa każ ta’ għoti ta’ drittijiet esklużivi, u preċiżament fil-kuntest ta’ servizzi ta’ emerġenza, jew is-servizz ta’ ambulanza ta’ emerġenza.

100. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni jekk jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(1) KE anki l-għoti ta’ drittijiet simili fih innifsu u mhux biss il-miżuri ulterjuri nazzjonali li jirrigwardaw lill-impriżi, li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet esklużivi jew partikolari. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiġu dedotti indikazzjonijiet li l-għoti stess ta’ drittijiet esklużivi, u preċiżament bħall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti, ukoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 82 KE. Madankollu, dan ma jfissirx li tali għoti huwa pprojbit wkoll (31). Il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ tali għoti, jiġifieri tad-dritt għall-provvista ta’ servizzi ta’ emerġenza mid-DCC, għandha tiġi aċċertata abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra u mhux abbażi ta’ l-Artikolu 86(1) KE. Fil-fatt anki l-Artikolu 86(2) KE jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv li huma rilevanti għal dan il-każ. Tali dispożizzjoni, li tirrigwarda l-miżuri adottati mill-impriżi kkonċernati, b’hekk tikseb rilevanza anki fir-rigward ta’ miżuri adottati mill-Istat.

101. Però, din il-kawża m’għandhiex bħala suġġett it-trasferiment tad-drittijiet lill-Authority, iżda l-operat tagħha fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għoti ta’ dawn ta’ l-aħħar b’kuntratt, jiġifieri ċ-ċessjoni tas-servizzi awtoambulanza ta’ emerġenza lid-DCC. L-Artikolu 86(2) KE jikseb importanza ġuridika b’relazzjoni ma’ l-operat ta’ l-entitajiet, li lilhom ġew ittrasferiti drittijiet partikolari.

102. Fir-rigward ta’ l-għoti ta’ servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza lid-DCC, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Authority tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 86(2) KE, jiġifieri jekk huwiex il-każ ta’ impriża konċessjonarja ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju kinitx tostakola t-twettiq, fid-dritt u fil-fatt, tal-funzjonijiet mogħtija lilha.

103. Jeħtieġ jiġi rikonoxxut, bħala regola, li l-fatt li ssir proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt permezz ta’ sejħa għal offerti jista’, f’każijiet partikolari, tkun ta’ ostaklu għat-twettiq tal-funzjonijiet minħabba ż-żmien ta’ implementazzjoni involut u t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti. Dan jista’, per eżempju, iseħħ fil-każ ta’ impriża ta’ utilità pubblika, jekk tali proċedura tipprovoka interruzzjoni jew dewmien fid-distribuzzjoni tad-dawl jew ta’ l-ilma.

104. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi vverifikat b’liema mod kien meħtieġ li tiġi limitata l-kompetizzjoni jew li tiġi eskluża kull tip ta’ kompetizzjoni mill-operaturi ekonomiċi l-oħra, sabiex sid ta’ dritt esklużiv jiġi permess jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ interess ġenerali f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (32).

105. Minkejja li mhuwiex meħtieġ li l-fatt li ssir sejħa għal offerti jwassal għal theddida għas-sopravivenza ta’ impriża, jeħtieġ li mill-anqas jintwera li dan jostakola l-issodisfar, fid-dritt jew fil-fatt, ta’ l-obbligi speċifiċi imposti fuq tali impriża (33).

106. F’dan ir-rigward, l-Istat Membru konvenut ma kienx f’pożizzjoni li juri li l-aġir adottat kien meħtieġ biex jippermetti lid-DCC twettaq il-funzjonijiet tagħha f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

107. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li jiġi aċċertat jekk id-DCC hijiex fil-verità impriża li lilha ġew assenjati funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali.

108. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 86(2) KE, bħala dispożizzjoni li tippermetti eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, għandu jiġi interpretat restrittivament (34). F’din il-kawża l-Artikolu 16 KE ma jbiddel xejn.

5.      L-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjonijiet imsemmija fid-direttivi

109. L-aħħar kunsiderazzjoni tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, previsti fid-direttivi.

110. Jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-prinċipju li fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju, ma jistgħux jiġu applikati eżattament l-istess dispożizzjonijiet previsti mid-direttivi għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti. Naturalment, dan ma jeskludix li xi dispożizzjonijiet bħal, per eżempju, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, jistgħu japplikaw barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi wkoll – għalkemm skond bażi legali oħra, bħal prinċipju ġenerali tad-dritt.

111. Kif diġà ġie osservat ħafna drabi (35), fid-dritt primarju għandhom għall-inqas jiġu rrikonoxxuti d-derogi korrispondenti għal dawk regolati mid-direttivi (36). B’hekk m’għandux jiġi eskluż li hemm ukoll xi każijiet li fihom proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’ ssir mingħajr proċedura ta’ pubblikazzjoni minn qabel, jiġifieri mingħajr ma ssir sejħa għal offerti.

112. Fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ eċċezzjonijiet hawnhekk huwa xieraq li jiġi osservat li l-Istat Membru konvenut ma invoka l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 92/50 biex issir proċedura negozjata mingħajr avviż tal-kuntratt.

6.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50

113. Matul il-proċedura, ġiet diskussa ħafna drabi l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50. Din id-dispożizzjoni teskludi l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet – wieħed minnhom huwa li l-appaltatur jibbenefika minn dritt esklużiv.

114. Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja, jeħtieġ li jiġi rilevat, bħala regola, li din tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk l-għoti tal-kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Madankollu, peress li mhuwiex ikkontestat li r-rekwiżiti l-oħra għall-applikabbiltà tad-Direttiva 92/50 mhumiex sodisfatti, mhemmx għalfejn jiġi aċċertat jekk f’dan il-każ jeżistix dritt esklużiv.

115. F’kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istat konvenut għandu jagħti l-eventwali raġunijiet sabiex isostni l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. F’dan il-każ, id-diskussjoni, madankollu, kienet limitata għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50 fis-sens strett.

116. Il-partijiet ma daħlux iktar fid-dettal dwar jekk fid-dritt primarju teżistix eċċezzjoni simili, possibbilment bħala raġuni ġustifikattiva jew “ċirkustanza oġġettiva” skond is-sentenza Coname, li għandha l-effett li teżenta dawn it-tipi ta’ prattika mill-applikazzjoni tad-dritt primarju wkoll.

D –    Konklużjoni

117. Kollox ma’ kollox, mill-eżami tal-fatti li dwarhom ilmentat il-Kummissjoni rriżulta li ma kinux jeżistu ċirkustanzi li kienu jippermettu li s-servizzi in kwistjoni jiġu pprovduti mingħajr ma tingħata xi tip ta’ reklamar.

118. Għalkemm jistgħu jeżistu proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jippermettu li ma jsir ebda reklamar, f’dan il-każ ma kinux jeżistu tali ċirkustanzi, jew għall-anqas ma ġewx ipprovati.

VI – Fuq l-ispejjeż

119. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minnha. ir-Renju ta’ l-Olanda, parti intervenjenti fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli ta’ Proċedura.

VII – Konklużjoni

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċfedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1.      tiddikjara li l-Irlanda, billi ppermettiet li s-servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza jiġu pprovduti mid-Dublin City Council, mingħajr ma’ l-Eastern Regional Health Authority ħadet ebda miżura ta’ reklamar, għalkemm ma kienet teżisti ebda ċirkustanza li kienet tippermetti lill-Irlanda taġixxi b’dan il-mod, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond it-Trattat;

2.      tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni;

3.      tordna li r-Renju ta’ l-Olanda jbati l-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati llum, fil-kawża C-507/03, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda.


3 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C-324/98 (Ġabra p. I‑10745).


4 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C-231/03 (Ġabra p. I‑7287).


5 – ĠU L 209, p. 1.


6 – ĠU 2000, L 121, p. 2.


7 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, SA Constructions et entreprises industrielles et, kawżi magħquda 27/86 sa 29/86 (Ġabra p. 3347).


8 – Sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-126/03 (Ġabra p. I-11197, punt 26) u tat-3 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-414/03 (mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 11).


9 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-264/03 (Ġabra p. I-8831, punt 66).


10 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-12 ta’ April 2005 fil-kawża C-231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 81 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


11 – Sentenzi fil-kawżi C-231/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 16 u C-264/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9) punt 32.


12 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-84/03 (Ġabra p. I-139, punti 38 et seq).


13 – Sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C-158/96 (Ġabra p. I-1931), tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel, C-368/98 (Ġabra p. I-5363); tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99 (Ġabra p. I-5473); u tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré, C-385/99 (Ġabra p. I-4509).


14 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 88 et seq.


15 – Sentenzi tas-6 ta’ April 2006, ANAV, C-410/04 (Ġabra p. I-3303, punt 21); u tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03 (Ġabra I-8612, punt 49).


16 – Sentenza fil-kawża C-231/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 21.


17 – Sentenzi fil-kawża C-410/04 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 23, u fil-kawża C‑458/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 52.


18 – Sentenza fil-kawża C-231/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 21. Anki l-verżjoni Franċiża turi dan (un appel d’offres).


19 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’C-231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) punti 69 et seq.


20 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) punt 78.


21 – Id-dsatax-il premessa.


22 – Ara, per eżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, C-158/03, Il-Kummissjoni vs Spanja (mhux ippublikata fil-Ġabra, ĠU C 330, p.1).


23 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 97.


24 – Sentenza fil-kawża C-231/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 20.


25 – Sentenza fil-kawża C-264/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), punt 69.


26 – Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 147/86 (Ġabra p. 1637, punt 7); tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97 (Ġabra p. I-6717, punt 34), kif ukoll tat-30 ta’ Marzu, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti C-451/03 (Ġabra p. I-2941, punt 45).


27 – Sentenzi tal-21 ta' Ġunju 1974, Reyners, 2/74 (Ġabra p. 631, punt 45); tat-13 ta' Lulju 1993, Thijssen, C-42/92 (Ġabra p. I-4047, punt 8); C-114/97 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26), punt 35, tal-31 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/99, (Ġabra p. I-4363, punt 20), kif ukoll is-sentenza fil-kawża C-451/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26), punt 46.


28 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92 (Ġabra p. I‑1663, punt 32), tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94 (Ġabra p. I‑4165, punt 37) kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01 (Ġabra p. I‑13031, punti 64 et seq).


29 – Ara, per eżempju, is-sentenza fil-kawża C-158/03 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), punt 35.


30 – Sentenza fil-kawża C-231 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 23: “Għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw tali differenza ta’ trattament, għandu jiġi rrilevat li l-fatt waħdu li l-Komun ta’ Cingia de’ Botti jżomm 0.97% tal-kapital tal-Padania ma jikkostitwixxix waħda miċ-ċirkustanzi oġġettivi.”


31 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90 (Ġabra p. I‑1979, punt 29), ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Merci Convenzionali Porto di Genova, C-179/90 (Ġabra p. I‑5889, punt 16) u tas-17 ta’ Novembru 1992, Spanja et vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda C-271/90, C-281/90 u C‑289/90 (Ġabra p. I‑5833, punti 35 et seq).


32 – Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91 (Ġabra p. I‑2533, punt 16) u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99 (Ġabra p. I‑8089, punt 57).


33 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-157/94 (Ġabra p. I‑5699, punt 43).


34 – Sentenza fil-kawża C-157/94 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33), punt 37.


35 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-231/03 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 93, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs, li ngħataw wara, tat-2 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-525/03, sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005 (Ġabra p. I‑9405), punt 47.


36 – Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18.

Top