EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0087

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-10 ta' Ġunju 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi jew privati - Proġett "Lotto zero".
Kawża C-87/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:363

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

10 ta' Ġunju 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi jew privati – Proġett "Lotto zero""

Fil-kawża C-87/02,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u R. Amorosi, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn M. Massella Ducci Teri, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala għan li jiġi kkonstatat li, peress li r-reġjun ta' l-Abruzzo ma vverifikax jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' triq (ring-road) madwar Teramo (proġett magħruf bl-isem ta' "Lotto zero-Variante, tra Teramo e Giulianova, alla strada statale S.S. 80"), li jaqa' fost il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kienx jeħtieġ stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, skond l-Artikoli 5 sa 10 ta' din id-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmija Direttiva, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (relatur), A. La Pergola, Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D . Ruiz-Jarabo Colomer,

Registratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef relatur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet, skond l-Artikolu 226 KE, rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi r-Reġjun ta' l-Abruzzo ma vverifikax jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' triq (ring-road) madwar Teramo (l-Italja) (proġett magħruf bl-isem ta' "Lotto zero – Variante, tra Teramo e Giulianova, alla strada statale S.S. 80", iktar 'il quddiem il-proġett "Lotto zero"), li jaqa' fost il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kien jeħtieġ stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, skond ma' l-Artikoli 5 sa 10 ta' din id-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2) ta' l-istess Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Id-Direttiva 85/337 tapplika, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, għall-istima ta' l-effetti fuq l-ambjent ta' dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

3       Skond l-Artikolu 1(2) ''proġett" tfisser:

"–      l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni jew ta' istallazjonijiet jew skemi oħra,

–      interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta' riżorsi naturali".

4       L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li:

"Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta' l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4."

5       L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 jiddisponi li:

"1.      Bla ħsara għal Artikolu 2 (3), proġetti tal-klassijiet elenkati [fl-]Anness I għandhom ikunu suġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10.

2.      Proġetti tal-klassijiet elenkati f'L-Anness II għandhom ikunu suġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta' proġetti bħala li huma suġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati [fl-]Anness II huma suġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10."

6       L-Anness II tad-Direttiva 85/337, li jirrigwarda l-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) tagħha, jindika fil-punt 10 intitolat "Proġetti ta' infrastruttura", inċiż (d), li:

"Kostruzzjoni ta' triqat, portijiet, inklużi portijiet tas-sajd, u ajruporti (proġetti mhux elenkati fl-Anness I)"

7       L-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/377 essenzjalment jippreċiża l-informazzjoni minima li l-iżviluppatur għandu jforni. L-Artikolu 6 jimponi lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-awtoritajiet u l-pubbliku kkonċernati jiġu infurmati u jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom qabel ma jinbeda l-proġett. L-Artikolu 8 jimponi lill-awtoritajiet kompetenti li jqisu l-informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5 u 6. L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jinfurmaw il-pubbliku bid-deċiżjoni li ġiet meħuda u l-kundizzjonijiet mehmużin magħha.

8       Id-Direttiva 85/377 tipprevedi, fl-Artikolu 12 tagħha, li l-Isistati Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw rwieħhom mad-Direttiva f’terminu ta’ tliet snin min-notifika tagħha. Hija ġiet nnotifikata lill-Istati Membri fit-3 ta' Lulju 1985.

9       Din id-Direttiva ġiet emendata mid-Direttiva 97/11/KE, tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5), l-Artikolu 3(1) ta’ liema jipprevedi t-traspożizzjoni sa mhux aktar tard mill-14 ta' Marzu 1999. Għalhekk id-Direttiva 97/11 ma kinitx applikabbli fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni f'din il-kawża.

10     L-Artikolu 4(2) et seq. tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 97/11, jiddisponi:

"2.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':

a) eżami każ b'każ,

jew

b) l-għetiebi [il-limiti] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.       Meta jiġi mwettaq eżami każ b'każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi [il-limiti] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Id-digriet tal-President tar-Repubblika tat-12 ta' April 1996 intitolat "Atto di indirizzo e coordinamento per l’attuazione dell’art. 40, comma 1, della L. 22 febbraio 1994, n. 146, concernente disposizioni in materia di valutazione di impatto ambientale" ("Att ta' orjentazzjoni u koordinament għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru 146, tat-22 ta' Frar 1994, dwar id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' stima ta' l-effetti ambjentali" (GURI Nru 210, tas-7 ta' Settembru 1996, p. 28, iktar 'il quddiem id-"digriet tat-12 ta' April 1996") jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu li:

"1.      Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta' Trento u Bolzano għandhom jiżguraw li, għall-proġetti msemmija fl-Annessi A u B, l-applikazzjoni tal-proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent titwettaq skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttva 85/337/KEE, konformement mal-linji gwida f'dan l-att.

[…]

4.      Il-proġetti msemmija fl-Anness B li jinsabu, anki parzjalment, fiż-żoni naturali protetti ddefiniti bil-Liġi Nru 394 tas-6 ta' Diċembru 1991 huma suġġetti għall-proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent.

[…]

6.      Għall-proġetti elenkati fl-Anness B li ma jinsabux f’żoni naturali protetti, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika, konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 10 u fuq il-bażi ta' l-elementi indikati fl-Anness D, jekk il-karatteristiċi tal-proġett jirrikjedix li tinfetaħ il-proċedura ta' l-istima ta' l-effetti fuq l-ambjent."

12     L-Artikolu 10(1) u (2) tad-digriet tat-12 ta' April 1996 jiddisponi li:

"1.      Għall-proġetti msemmija fil-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 1, l-iżviluppatur jew l-awtorità li ppreżentat il-proposta, għandha titlob il-verifika prevista f'dan l-istess paragrafu. L-informazzjoni li l-iżviluppatur jew l-awtorità li tkun qed tipproponi l-proġett għandha tforni għal din il-verifika għandha tinkludi deskrizzjoni tal-proġett u d-data neċessarja biex ikunu magħrufa u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett jista' jkollu fuq l-ambjent.

2.      L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi fi żmien sittin jum fuq il-bażi ta' l-elementi msemmija fl-Anness D, billi jidentifikaw id-dispożizzjonijiet potenzjali li jippermettu li jitnaqqsu l-effetti u jiġu kkontrollati x-xogħolijiet u/jew l-installazzjonijiet. Meta jgħaddi t-terminu indikat hawn fuq, fil-każ li l-awtorità kompetenti ma tagħtix deċiżjoni, il-proġett huwa kkunsidrat bħala eskluż mill-proċedura. Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta' Trento ta' Bolzano għandhom jieħdu l-miżuri neċċessarji sabiex tiġi ppubblikata l-lista [ta’ proġetti] li għaliha ġiet mitluba l-verifika u r-riżultati ta’ tali verifika."

13     L-Anness B tad-digriet tat-12 ta' April 1996, dwar it-tipi ta' proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(4), jindika fil-punt 7(g) u (h):

"g)      Toroq sekondarji barra miż-żona urbana,

h)               Kostruzzjoni ta' toroq sekondarji biex iħaffu l-konġestjoni ta’ traffiku f’toroq prinċipali f'żoni urbani jew ir-rinfurzar ta' toroq eżistenti b'erba jew aktar lejns, ta' tul, f'żoni urbani, ta' aktar minn 1 500 metru."

14     L-Anness D tad-digriet tat-12 ta' April 1996 jindika l-elementi li l-awtorità kompetenti għandha tqis waqt l-eżami tal-karatteristiċi u tas-sit tal-proġett fil-kuntest tal-verifika prevista fis-sitt paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' dan l-istess digriet.

15     Ir-reġjun ta' l-Abruzzo ttraspona d-digriet tat-12 ta' April 1996 bil-liġi reġjunali Nru 112 tat-23 ta' Settembru 1997 intitolata "Norme urgenti per il recepimento del decreto del Presidente della Repubblica 12 aprile 1996" ("Regoli urġenti għat-traspożizzjoni tad-Digriet tal-President tar-Repubblika tat-12 ta' April 1996").

 Il-Proċedura prekontenzjuża

16     Mir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta li, fil-11 ta' Mejju 1998, din talbet lill-awtoritajiet Tajani li jipprovdulha informazzjoni fuq il-proġett Lotto zero. Skond l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha f'dan iż-żmien, dan il-proġett kien ġie awtorizzat mingħajr ma għadda mill-proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent u mingħajr ma kien is-suġġett ta’ verifika minn qabel intiża sabiex tistabbilixxi jekk kienx hemm bżonn ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

17     Il-Kummissjoni kienet ġiet infurmata, fil-kuntest ta' domanda magħmula minn Membru tal-Parlament Ewropew, li l-għan tal-proġett kien li tinbena triq li tikkonsisti in parti fi triq sekondarja biex tħaffef il-konġestjoni tat-traffiku għal traffiku li jgħaġġel wiesgħa 10.50 metri, li tinkludi erba' vjadotti u erba' mini. It-triq, li kellha taqsam żona qrib residenzi ftit metri ‘l bogħod miċ-ċentru storiku tal-komun ta' Teramo, fl-Abbruzzo (l-Italja), kienet ser ikollha effett fuq il-qiegħ il-baħar tax-xmara Tordino, is-suġġett ta’ proġett ta' titjib ambjentali, magħruf bħala "Fiume Tordino medio corso", iffinanzjat mill-Komunità. Din iż-żona kienet ġiet proposta mir-Repubblika Taljana bħala sit ta' importanza Komunitarja fil-proċedura intiża sabiex tistabbilixxi netwerk ekoloġiku Ewropew magħruf bħala "Natura 2000", skond id-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7).

18     B’ittra tat-23 ta' Lulju 1998, ir-Repubblika Taljana kkonfermat lill-Kummissjoni li l-proġett kien effettivament jikkonċerna l-kostruzzjoni ta' triq b'żewġ lejns ta' wisa ta' 10.50 metri u ta' tul mhux preċiżat, bil-parti li taqsam it-territorju tal-komun ta' Teramo li kienet taffettwa l-parti tal-lemin taż-żona fejn jinġabar l-ilma tax-xmara Tordino u li kellha kejl ta’ 5 440 metru tul, li minnu 2 260 metru kienu jikkonsistu f'vjadotti u 930 metru f'mini.

19     Mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni, il-Ministeru ta' l-Ambjent Taljan u r-Rappreżentanza Permanenti jirriżulta li, fit-12 ta' Marzu 1999, ir-reġjun ta' l-Abruzzo kienet tat il-kunsens tagħha għat-twettiq tal-proġett u li l-kummissarju speċjali, innominat għal dan il-proġett, kien iddeċieda li ma jassuġġettax dan l-intervent la għal stima ta' l-effetti fuq l-ambjent u lanqas għal verifika preliminari.

20     B'ittra tal-21 ta' Mejju 1999, il-Ministru fakkar ir-rekwiżiti stabbiliti mid-digriet tat-12 ta' April 1996 u stieden lill-kummissarju speċjali għat-twettiq tal-proġett u r-reġjun ta' l-Abruzzo biex jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjoni li la jassoġġettaw dan il-proġett għal stima ta' l-effetti u lanqas għal verifika preliminari. Il-kummissarju speċjali imbagħad staqsa lir-reġjun ta' l-Abruzzo sabiex jiftaħ il-proċeduri reġjonali previsti għall-verifika tal-kumpatibbiltà ambjentali, skond id-digriet tat-12 ta' April 1996.

21     Il-proġett kien suġġett għall-proċedura intiża sabiex tivverifika jekk kellux ikun suġġett għal stima ta' l-effetti fuq l-ambjent. Billi kkunsidra, b'mod partikolari, li ż-żona kkonċernata ma kinitx tagħmel parti miż-żoni protetti fis-sens tal-liġi Nru 394/91 u tal-liġi reġjunali Nru 38/96, ir-reġjun ta' l-Abruzzo ddeċieda, permezz tad-digriet reġjunali Nru 25/99, prot. Nru 3624 tal-15 ta' Novembru 1999, li tagħti opinjoni favorevoli fuq il-verifika tal-kumpatibbiltà ambjentali u li b’hekk jeskludi l-proġett mill-proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent.

22     B’ittra tat-30 ta' Mejju 2000, mibgħuta lill-Kummissjoni permezz ta’ nota tas-16 ta' Ġunju 2000 tar-Rappreżentanza Permanenti, il-Ministeru ta' l-Ambjent ippreċiża li d-digriet reġjunali Nru 25/99 kien ittieħed fuq opinjoni favorevoli tal-Comitato di Coordinamento Regionale sulla Valutazione di Impatto Ambientale (kumitat ta' koordinazzjoni reġjunali ta' l-istima ta' l-effetti ambjentali, iktar 'il quddiem il-"kumitat ta' koordinazzjoni") Nru 3/76, tat-22 ta' Ottubru 1999 li, min-naħa tagħha, kienet tirreferi għal opinjoni ta' inġinier ċivili, li ma kinitx imsemmija fid-digriet Nru 25/99. Id-digriet ma spjega din l-ommissjoni bl-ebda mod u ma jagħti l-ebda argument li jsostni d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni reġjunali.

23     Fl-24 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, li tindika li mill-elementi li kellha ma kienx jidher li r-reġjun ta' l-Abruzzo kien issuġġetta l-proġett in kwistjoni, li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, għal verifika intiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-karatteristiċi tiegħu kienu jeħtieġu stima skond l-Artikoli 5 sa 10 ta' din id-Direttiva.

24     Peress li r-risposti differenti ta' l-awtoritajiet Taljani għal din l-intimazzjoni ma ġewx ikkunsidrati bħala sodisfaċenti mill-Kummissjoni, b'ittra tat-18 ta' Lulju 2001, din bagħtet opinjoni motivata li stabbiliet terminu ta' xahrejn għar-Repubblika Taljana sabiex tadotta l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha ma’ l-istess organi.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25     Il-Qorti ddeċidiet li tqiegħed numru ta' domandi lir-Repubblika Taljana u lill-Kummissjoni u li tistaqsihom jipproduċu numru ta' dokumenti. B'mod partikolari, hija talbet lir-Repubblika Taljana tipproduċi l-opinjoni ta' l-inġinier ċivili msemmi fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Wara eżami tar-risposti u tad-dokumenti, hija ddeċidiet, skond l-Artikolu 44A tar-Regolament ta' proċedura li tiddeċiedi mingħajr seduta.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

26     Il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, il-proġetti li jaqgħu fil-klassijiet elenkati fl-Anness II huma suġġetti għal stima, konformement ma' l-Artikoli 5 sa 10 ta' din l-istess Direttiva, meta l-Istati Membri jikkunsidraw li l-karatteristiċi tagħhom jeżiġu dan. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jawtorizza lill-Istati Membri, b'mod partikolari, li jiffissaw kriterji jew limiti sabiex jiġu stabbiliti liema, fost il-proġetti li jaqgħu fil-klassijiet elenkati fl-Anness II, għandhom ikunu suġġetti ta' stima skond l-Artikoli 5 sa 10 ta' l-istess Direttiva.

27     Il-Kummissjoni tippreċiża li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tas-16 ta' Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613), fin-nuqqas ta' miżura ta’ att leġiżlattiv li jispeċifika, a priori u globalment, il-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom biss is-setgħa li jeskludu proġett speċifiku minn din il-proċedura wara eżami konkret ta' dan il-proġett li jispjega, fuq il-bażi ta’ stima kompleta r-raġunijiet li għalihom m'għandux ikollu effett fuq l-ambjent.

28     Bid-digriet tat-12 ta' April 1996, ir-Repubblika Taljana ma ppreċiżatx, a priori u globalment, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, liema proġetti kellhom ikunu suġġetti għal stima ta' l-effetti fuq l-ambjent. Hija tillimita ruħha li tagħżel dawk li jistgħu jkunu suġġetti għal verifika intiża li tistabbilixxi l-bżonn li ssir stima ta' l-effetti fuq l-ambjent. Dan huwa l-każ tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness B tad-digriet tat-12 ta' April 1996, b'mod partikolari taħt il-punt 7(g) (rotot sekondarji barra miż-żona urbana) jew 7(h) (kostruzzjoni ta' toroq sekondarji jħaffu l-konġestjoni tat-traffiku jew tkabbir ta’ toroq eżistenti b'erba’ jew aktar lejns, ta' tul, f'żoni urbana, ta' aktar minn 1 500 metru), li jikkorrispondu għall-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/337, b'mod partikolari, fil-punt 10(d) u (e) (il-bini ta' ajrudrom, ta’ toroq, ta’ portijiet, inklużi menqiet għall-bastimenti tas-sajd).

29     Billi l-proġett Lotto zero jikkorrispondi għall-proġetti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, huwa kellu jiġi suġġett għal verifika u d-deċiżjoni li ma ssirx stima skond l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337 kellha tkun motivata fi kliem ċari u preċiżi. Issa, id-deċiżjoni li l-proġett ma jiġix suġġett għal stima ma ssemmi l-ebda kriterju ta' stima stabbilit minn qabel u ma tispjega jekk il-verifika prevista fis-sitt paragrafu ta' l-Artikolu 1 tad-digriet tat-12 ta' April 1996 kinitx twettqet u lanqas, jekk twettqet, kif kienet twettqet. Il-mod kif id-digriet reġjunali Nru 25/99 huwa mmotivat għaldaqstant iwassal għall-konklużjoni li r-reġjun ta' l-Abruzzo ma vverifikax jekk kienx neċessarju li jassuġġetta l-proġett għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337. Fir-replika tagħha, l-Kummissjoni ppreċiżat l-opinjoni tal-kumitat ta' koordinazzjoni, li ssir referenza għaliha fid-digriet Nru 25/99, qatt ma ġiet ikkomunikat lilha.

30     Hija tenfasizza li, anki jekk il-kontenut u l-mekkaniżmu ta' verifika msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, ġew biss ifformulati mid-Direttiva 97/11, li emendat id-Direttiva 85/337 iżda li mhijiex applikabbli f’din il-kawża, ma jistax jiġi aċċettat li huma jiġu totalment injorati u li d-deċiżjoni ma jkun fiha l-ebda motivazzjoni.

31     Minbarra dan, it-teżi li r-rifjut, mill-qrati nazzjonali, ta' rikorsi magħmula minn assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-ambjent iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tivverfika jekk Stat Membru ssodisfax l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva hija mingħajr ebda bażi u kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt mis-sentenza WWF et, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li hija l-qorti ġurisdizzjoni nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti stmawx korrettament l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Madankollu, dan ma jeskludix li l-Qorti tkun tista' tiddeċiedi fuq l-obbligi ta' l-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, 85/337, u li, għalhekk, il-Kummissjoni għandha fuq il-bażi tas-setgħat lilha mogħtija mill-Artikolu 226 KE, id-dover li tintervjeni biex tiksef il-ksur ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.

32     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li Stat Membru m’għandux biss iwieġeb jirrispondi għan-nuqqasijiet tal-Gvern ċentrali tiegħu, iżda wkoll għal dawk ta' l-amministrazzjoniet lokali u deċentralizzati tiegħu.

33     Ir-Repubblika Taljana tfakkar ċ-ċirkustanzi ta' l-adozzjoni, mir-reġjun ta' l-Abruzzo, tad-digriet reġjunali Nru 25/99 tal-15 ta' Novembru 1999.

34     Fir-rigward tar-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, hija ssostni li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jippermetti li jiġi vverifikat, f'kull każ, jekk il-proġett għandux jiġi suġġett għal stima. L-imsemmija Direttiva b’hekk tipprevedi l-adozzjoni ta' miżura espressa qabel mal-proġett jiġi suġġett għal stima. Konsegwentement huwa ġġustifikat li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew ma jirrispondux fejn m’hemmx bżonn ta' stima u li jiġu obbligati jadottaw miżuri formali biss meta l-proġett irid jigi suġġett għal stima ta' l-effetti.

35     Dan huwa l-każ tal-proċedura prevista mill-Artikolu 10(2) tad-digriet tat-12 ta' April 1996 skond liema, meta l-awtorità kompetenti tikkunsidra li mhuwiex neċessarju li tipproċedi għal stima, hija tista’ ma tirrispondix, li huwa ekwivalenti għal deċiżjoni ta' konklużjoni tal-proċedura ta' verifika.

36     F’kull każ ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-allegat nuqqas, billi l-awtorità nazzjonali kompetenti adottat miżura espressa, jiġifieri d-digriet Nru 25/1999, li ġie motivat permezz ta’ referenza għall-opinjoni tal-kumitat ta' koordinazzjoni.

37     Hija tfakkar li, kif jirriżulta mis-sentenza WWF et, iċċitat iktar il fuq, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti stmawx korrettament kemm huma sinnifikanti l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent. F’din il-kawża, il-proġett Lotto zero ġie suġġett għall-istħarriġ tat-Tribunal amministrattiv tal-Lazio wara li ġie ppreżentat rikors mill-Associazione Italiana Nostra-Onlus u l-Associazione Italiana per il World Wildlife Fund. Din il-qorti, b'digriet tal-21 ta' Ġunju 2000, ċaħdet it-talba ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kkontestati li jirrigwardaw dan il-proġett.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li Stat Membru fada’ lir-relir-reġjuni tiegħu bl-implementazzjoni ta' direttivi m'għandu l-ebda effett fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 226 KE. Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi sitwazzjonijiet li jeżistu fis-sistema legali interna tiegħu sabiex jiġġustifika ksur ta' obbligi u ta' termini li jirriżultaw mid-direttivi Komunitarji. Għalkemm kull Stat Membru huwa liberu li jqassam il-kompetenzi legali interni, kif jidhirlu, xorta waħda, huwa jibqa’ responsabbli, skond l-Artikolu 226 KE fir-rigward tal-Komunità, għar-rispett ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (sentenza tat-13 ta' Diċembru 1991, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-33/90, Ġabra p. I-5987, punt 24; f'dan is-sens ukoll, id-digriet ta' l-1 ta' Ottubru 1997 C-180/97, ir-Reġjun tat-Toskana vs il-Kummissjoni, Ġabra p. I-5245, punt 7). Għalhekk, f’din il-kawża, ftit jimporta, li n-nuqqas li jirriżulta minn deċiżjoni tar-reġjun ta' l-Abruzzo.

39     Barra minn dan, rikors quddiem qorti nazzjonali kontra deċiżjoni ta' awtorità nazzjonali li hija s-suġġett ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu u d-deċiżjoni ta' din il-qorti li ma tissospendix l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, ma jistgħux ikollhom effett fuq l-ammissibbiltà ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu introdott mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta' rimedji oħra quddiem il-qrati nazzjonali ma tistax tippreġudika li jitressaq rikors skond l-Artikolu 226 KE, peress li ż-żewġ azzjonijiet għandhom għanijiet u effetti differenti (ara s-sentenzi tal-Qorti tas-17 ta' Frar 1970, 31/69, il-Kummissjoni vs l-Italja, Ġabra p. 25, punt 9, u tat-18 ta' Marzu 1986, 85/85, il-Kummissjoni vs il-Belġju, Ġabra p. 1149, punt 24).

40     Fir-rigward ta' dan ir-rikors, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, il-proġetti li jaqgħu fil-klassijiet elenkati fl-Anness II huma suġġetti għal stima meta l-Istati Membri jikkunsidraw li l-karatteristiċi tagħhom jirrikjeduha. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) ta' din l-istess Direttiva jiddisponi li l-"[i]Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta' proġetti bħala li huma suġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II huma suġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10".

41     Il-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċidiet li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 isemmi, bħala eżempju, il-metodi li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jistabbilixxu, fost il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II, dawk li għandhom ikunu s-suġġett ta’ stima skond id-Direttiva 85/337 (sentenza WWF et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42).

42     Konsegwentement, f'dan ir-rigward id-Direttiva 85/337 tagħti lill-Istati Membri marġni ta' diskrezzjoni u ma twaqqafhomx milli jużaw metodi oħra, sabiex jispeċifikaw il-proġetti li jeħtieġu stima ta' l-effetti fuq l-ambjent skond id-Direttiva. Id-Direttiva għalhekk ma teskludi bl-ebda mod minn fost dawn il-metodi dak li jikkonsisti f’dikjarazzjoni, fuq il-bażi ta' eżami individwali ta' kull proġett ikkonċernat jew bis-saħħa ta’ att leġiżlattiv nazzjonali, li proġett speċifiku, li jaqa taħt l-Anness II tad-Direttiva, mhuwiex suġġett għall-proċedura ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent (sentenza WWF et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

43     Madankollu, il-fatt li l-Istat Membru għandu l-marġni ta' diskrezzjoni msemmija fil-punt preċedenti, mhuwiex minnu nnifsu biżżejjed biex jeskludi proġett partikolari mill-proċedura ta' stima fis-sens tad-Direttiva. Kieku dan ma kienx il-każ, marġni ta' stima ta’ l-Istati Membri taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jista' jkun użat minn dawn ta' l-aħħar biex proġett partikolari ma jiġix suġġett għall-obbligu ta' stima, meta minħabba fin-natura, id-daqs jew is-sit tiegħu, huwa jista' jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent (sentenza WWF et, punt 44).

44     Konsegwentement, ikun liema jkun il-metodu adottat minn Stat Membru sabiex jistabbilixxi jekk proġett speċifiku għandux bżonn jew le ta' stima, jiġifieri l-għażla ta’ proġett speċifiku permezz ta' leġiżlazzjoni jew b’riżultat ta’ eżami individwali tal-proġett, dan il-metodu m'għandux jippreġudika l-għan tad-Direttiva, li huwa li l-ebda li jista’ jkollu effetti notevoli fuq l-ambjent, fis-sens tad-Direttiva, ma jiġi eskluż mill-istima, ħlief jekk il-proġett speċifiku eskluż jista' jiġi kkunsidrat fuq il-bażi ta' stima globali bħala li ma jistax ikollu effetti notevoli fuq l-ambjent (sentenza WWF et, punt 45).

45     F’din il-kawża, in-nuqqas ta' l-Istat huwa rigward proġett ta' kostruzzjoni ta' triq li, skond il-liġi Taljana li tittrasponi d-Direttiva 85/337 u skond din l-istess Direttiva, kellu jkun suġġett għal verifika preliminari tal-bżonn li tiġi suġġett għal stima. Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Taljana essenzjalment naqset milli tati l-motivi għad-deċiżjoni tar-Reġjun ta' l-Abruzzo li ma jipproċedix għal stima ta' l-effetti, fatt li jħalli ‘l wieħed jissupponi li ma ġietx mwettqa verifika preliminari.

46     Mill-eżami tad-dokumenti ppreżentati jirriżulta li d-digriet Nru 25/99 li bih ir-Reġjun ta' l-Abruzzo jesprimi opinjoni favorevoli fuq ir-riżultat tal-proċedura ta' verifika preliminari u jiddeċiedi li jeskludi l-proġett mill-proċedura ta' stima, huwa mmotivat b’mod superfiċjali u hu llimitat biss sabiex jirreferi għall-opinjoni favorevoli tal-kumitat ta' koordinazzjoni. Din l-aħħar opinjoni, li tirriżulta mill-minuti, miktubin bl-id, tal-laqgħa ta’ dan il-kumitat tat-22 ta' Ottubru 1999, jinkludi s-sentenza li tesprimi opinjoni favorevoli u li tindika li sabiex tadotta din l-opinjoni, il-kumitat kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-opinjoni Nru 8634 tas-6 ta' Lulju 1999, ta' l-inġinier ċivili.

47     Kif ġustament jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-opinjoni tad-Dipartiment ta’ l-Inġinerija Ċivili ta' Teramo, ippreżentata fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhijiex opinjoni fuq l-effett ambjentali tal-proġett, iżda biss awtorizzazzjoni "għal skopijiet idrawliċi biss" biex tiġi traversata x-xmara Tordino u għat-twettiq ta' ċertu xogħolijiet. Fir-rigward tad-dokument anness mir-Repubblika Taljana mar-risposta tagħha, l-ewwel paġna ta’ liema dokument li tagħti l-preċiżazzjonijiet neċessarji fuq in-natura tad-dokument, ġiet ippreżentata fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li dan huwa previst mil-liġi, fil-kuntest tal-proċedura ta' verifika preliminari. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex elementi li jippermettulha li tikkonkludi li dan ġie użat mill-awtorità kompetenti sabiex tibbaża fuqu d-deċiżjoni tagħha.

48     Minn dawn l-elementi jirriżulta li ma twettqitx il-verifika preliminari tal-bżonn li l-proġett Lotto zero jiġi soġġett għal studju fuq l-effetti u li n-nuqqas ta' l-Istat kif ifformulat mill-Kummissjoni fit-talbiet tagħha huwa stabbilit.

49     Madankollu għandu jiġi nnotat li, kieku din l-opinjoni ta' l-inġinier ċivili ma kinitx ġiet ippreżentata fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx ikun possibbli li jiġi mistħarreġ dwar jekk il-verifika preliminari kinitx twettqet jew le. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li deċiżjoni li biha awtorità nazzjonali kompetenti tqis li l-karatteristiċi ta' proġett ma jirrikjedux li jkun suġġett għal stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent għandha tinkludi jew tkun akkumpanjata mill-elementi kollha li jippermetti li jiġi mistħarreġ dwar jekk hijiex ibbażata fuq verifika preliminari adegwata, mwettqa skond l-eżiġenzi tad-Direttiva 85/337.

50     Bħala konklużjoni hemm lok li jiġi kkonstatat li billi r-Reġjun ta' l-Abruzzo ma vverifikax jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' triq (ring-road) madwar Teramo (proġett magħruf bl-isem ta' "Lotto zero – Variante, tra Teramo e Giulianova, alla strada statale S.S. 80"), li jaqa' fost il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill, kienx jeħtieġ stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, skond l-Artikoli 5 sa 10 ta' din id-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmija Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

51     Taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Ghal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi r-Reġjun ta' l-Abruzzo ma vverifikax jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' triq (ring-road) madwar Teramo (proġett magħruf bl-isem ta' "Lotto zero – Variante, tra Teramo e Giulianova, alla strada statale S.S. 80"), li jaqa' fost il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kienx jeħtieġ stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, skond l-Artikoli 5 sa 10 ta' din id-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmija Direttiva.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Jann

Rosas

La Pergola

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Ġunju 2004.

R. Grass

 

P. Jann

Reġistratur

 

President ta' l-Ewwel Awla


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top