EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0453

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001.
Courage Ltd vs Bernard Crehan u Bernard Crehan vs Courage Ltd et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Kawża C-453/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2001:465

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

ta' l-20 ta' Settembru 2001 (*)

“Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) ─ Kuntratt ta’ xiri esklussiv ta’ birra –Kera ta’ ħanut tax-xorb - Ftehim - Dritt għal danni u interessi ta’ parti fil-kuntratt”

Fil-kawża C-453/99

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE, mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Courage Ltd

u

Bernard Crehan

u bejn

Bernard Crehan

u

Courage Ltd e.a.,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) u ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, M. Wathelet (Relatur) u V. Skouris, Presidenti ta' Awla, D. A. O. Edward, P. Jann, L. Sevón, F. Macken u N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mischo,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati;

–       għal Courage Ltd, minn N. Green, QC, inkarigat minn A. Molyneux, solicitor,

–       għal M. Crehan, minn D. Vaughan, QC, u M. Brealey, barrister, inkarigati minn R. Croft, solicitor,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn K. Parker, QC,

–       għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn L. Nordling u I. Simfors, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner, bħala aġent, assistit minn N. Khan, barrister,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Courage Ltd, irrappreżentata minn N. Green u M. Gray, barrister, ta' B. Crehan, irrappreżentat minn D. Vaughan u M. Brealey, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins u K. Parker, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn K. Wiedner u N. Khan, fis-seduta tas-6 ta' Frar 2001,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta' Marzu 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’digriet tas-16 ta’ Lulju 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 1999, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) u ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.

2       Dawn id-domandi kienu mqajjma fi proċeduri bejn Courage Limited (iktar ‘il quddiem “Courage” u B.Crehan, sid ta' pub, dwar fornimenti ta’ birra li ma tħallsux minn B. Crehan.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3       Fl-1990, Courage, birrerija li għandha sehem ta’ 19 % tas-suq tar-Renju Unit tal-bejgħ tal-birra, u Grand Metropolitan (iktar ‘il quddiem “Grand Met”), kumpannija li għandha interessi varji fis-settur tal-lukandi u tar-ristoranti għamlu ftehim sabiex jgħaqqdu l-ħwienet tax-xorb tagħhom (iktar ‘il quddiem il-“pubs”), li huma kienu jikru. Għal dan il-għan, il-pubs rispettivi tagħhom ġew trasferiti lil Inntrepreneur Estates Ltd (iktar ‘il quddiem “IEL”), kumpannija li hija proprjetà f’partijiet indaqs ta’ Courage u Grand Met. Akkordju konkluż bejn IEL u Courage kien jipprovdi li l-kerrejja kollha ta’ IEL kellhom jixtru esklussivament l-birra mingħand Courage. Courage kienet marbuta li tissupplixxi l-kwantitajiet ta’ birra ordnati bil-prezzijiet iffissati fil-lista ta' prezzijiet applikabbli għall-pubs mikrija minn IEL.

4       IEL issottomettiet kuntratt standard ta’ kera lill-kerreja tagħha. Għalkemm il-livell ta’ kera seta' jkun negozjat mal-kerrej potenzjali, l-obbligu ta’ xiri esklużiv u l-klawżoli l-oħra tal-kuntratt ma kinux negozjabbli.

5       Fl-1991, B.Crehan ikkonkluda żewġ kuntratti ta’ kiri, ta’ għoxrin sena l-wieħed ma’ IEL, bl-obbligu li jixtri mingħand Courage. Il-kera, li kienet suġġetta għal reviżjoni ’il fuq kull ħames snin, kellha tkun l-ogħla fost il-kera applikabbli għal perijodu preċedenti jew l-ogħla valur tas-suq ottenibbli għal bqija tat-terminu tal-kera. Il-kerrej kellu jixtri ammont minimu ta’ birer speċifikati u IEL qablet li t-tipi ta’ birra specifikati kellhom ikunu fornuti lill-kerrej minn Courage bil-prezzijiet indikati fil-lista ta’ prezzijiet ta’ din l-aħħar.

6       Fl-1993 Courage, rikorrenti fil-kawża prinċipali, fetħet kawża kontra B. Crehan, il-konvenut fil-kawża prinċipali, intiża sabiex dan jigi kkundannat iħallas l-ammont ta’ GBP 15 266 għall-fornituri ta’ birra mhux imħallsa. Minn naħa B. Crehan ikkontesta l-fondatezza ta' din l-azzjoni billi sostna li l-obbligu ta’ xiri jmur kontra l-Artikolu 85 tat-Trattat. Min-naħa l-oħra huwa ressaq kontrotalba għad-danni u l-interessi.

7       B. Crehan sostna li Courage kienet tbiegħ il-birra tagħha lill-kerreja indipendenti ta' pubs bi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk mniżżla fil-lista ta’ prezzijiet applikati fir-rigward tal-kerreja ta’ IEL u marbuta magħha permezz ta’ klawżola ta’ esklussività. Huwa allega li din id-differenza fil-prezz kellha l-konsegwenza li tnaqqas il-profitabbiltà ta' l-attività tal-kerreja suġġetti għal klawżola bħal din u ġġiegħlhom itemmu l-attività tagħhom.

8       Il-kuntratt standard ta’ kera użat minn Courage, Grand Met u s-sussidjarji tagħhom kien innotifikat lill-Kummissjoni fl-1992. Fl-1993, din ippubblikat komunikazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19(3) tar-Regolament 17 tas-6 ta’ Frar 1962 tal-Kunsill, l-ewwel regolament dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962 13, p 204) fejn iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tagħti eżenzjoni taħt l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

9       In-notifika ġiet irtirata f’Ottubru 1997 wara li IEL introduċiet kuntratt standard ġdid ta’ kera, kuntratt li kien ukoll innotifikat lill-Kummissjoni. Madankollu, is-suġġett tal-kawża prinċipali m’huwiex il-kuntratt ta’ kera l-ġdid peress li l-azzjonijiet imressqa jikkonċernaw l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ xiri esklussiv taħt il-kuntratt ta’ kera l-qadim.

10     Il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Court of Appeal biex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja huma s-segwenti.

11     Skond il-qorti tar-rinviju, il-liġi Ingliża ma tippermettix li parti f'akkordju illeċitu titlob danni u interessi mill-parti l-oħra. Għalhekk, anki jekk jiġi ammess li l-eċċezzjoni mressqa minn B. Crehan biex isostni d-difiża tiegħu - jiġifieri li l-kuntratt ta’ kera li hu kkonkluda jmur kontra l-Artikolu 85 tat-Trattat - hija fondata, taħt il-liġi Ingliża t-talba tiegħu għad-danni u interessi m’hijiex ammissibli.

12     Minbarra minn dan, il-Court of Appeal kienet iddeċidiet, f’sentenza preċedenti għad-deċiżjoni ta’ rinviju u mingħajr ma qiset li kien neċessarju li titlob deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat kien intiż sabiex jipproteġi lit-terzi, kompetituri jew konsumaturi, u mhux lill-partijiet f'akkordju illeċitu. Dawn ta’ l-aħħar huma infatti l-kawża u mhux il-vittmi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

13     Il-Court of Appeal tinnota li, fis-sentenza Perma Life Mufflers Inc. vs International Parts Corp. 392 [U.S. 134 (1968)], il-Qorti Suprema ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika kienet iddeċidiet li parti f'akkordju li jmur kontra l-kompetizzjoni ġusta tista’, sakemm hija f’sitwazzjoni ta’ inferjorità ekonomika, tagħmel kawża għad-danni u interessi kontra l-parti l-oħra.

14     Il-Court of Appeal tistaqsi wkoll jekk l-inammissibbiltà tat-talbiet ta' B. Crehan, deskritti fil-punt 6 ta' din il-kawża, skond il-liġi Ingliża hijiex kompattibli mad-dritt Komunitarju.

15     F’każ li d-dritt Komunitarju jagħti lil parti f’kuntratt li jista' jirrestrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni l-istess protezzjoni ġuridika li għandha taħt il-liġi ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Court of Appeal tirrileva li jkun jeżisti kunflitt eventwali bejn il-prinċipju ta’ awtonomija proċesswali u dak ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju.

16     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)       L-Artikolu 81 KE (qabel l-Artikolu 85) għandu jiġi interpretat fis-sens li parti f’kuntratt illeċitu ta’ kiri ta’ ħanut tax-xorb li fih klawżola ta’ esklussività, tista’ tuża l-istess Artikolu 81 KE sabiex tikseb protezzjoni ġurisdizzjonali (“relief”) fil-konfront tal-parti kontraenti l-oħra?

2)       F’każ li t-tweġiba għall-ewwel domanda hija affermattiva, il-parti li titlob protezzjoni ġurisdizzjonali (“relief”) għandha dritt li tingħata danni u interessi għal ħsara li allegatament tirriżulta mill-adeżjoni tagħha għall-klawżola tal-kuntratt li jmur kontra l-Artikolu 81?

3)       Regola tad-dritt nazzjonali li tistipula li l-qrati m’għandhomx jippermettu lil persuna tinvoka u/jew tibbaża ruħha fuq l-azzjonijiet illegali tagħha stess bħala pass neċessarju għall-kumpens ta’ danni u interessi, hija kompattibli mad-dritt Komunitarju?

4)       Jekk it-tweġiba għad-domanda Nru 3 hija li, f’ċerti ċirkustanzi, tali regola tista’ tkun inkompattibli mad-dritt Komunitarji, liema huma ċ-ċirkustanzi li qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni?”

 Fuq id-domandi

17     Permezz ta’ l-ewwel, it-tieni, u t-tielet domandi tagħha, li huwa opportun li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk parti f’kuntratt li jista’ jirrestrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni, skond l-Artikolu 85 tat-Trattat, tistax tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni quddiem qorti nazzjonali sabiex tikseb protezzjoni ġurisdizzjonali (“relief”) fil-konfront tal-parti kontraenti l-oħra u, b’mod partikolari, il-kumpens għal dannu li din il-parti tallega li jirriżulta mill-assuġġettament tagħha għal klawżola kuntrattwali li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85 u, b’konsegwenza, jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tirrifjuta lil persuna d-dritt li tibbaża ruħha fuq l-azzjonijiet illeċiti tagħha stess sabiex tikseb danni u interessi.

18     Fil-każ li d-dritt Komunitarju jipprekludi regola nazzjonali ta’ dan it-tip, permezz tar-raba’ domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi liema ċirkustanzi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ talba għal danni u interessi bħal din.

19     Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-Trattat ħoloq ordni legali għalih, li huwa integrat fis-sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati Membri u li l-qrati tagħhom huma marbuta li japplikaw u li għandu bħala suġġetti tiegħu mhux biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom u li anki jekk jimponi obbligi fuq l-individwi, id-dritt Komunitarju huwa intiż ukoll sabiex jagħtihom drittijiet li huma parti mill-patrimonju ġuridiku tagħhom; dawn id-drittijiet ma jitnisslux biss f’dawk il-każijiet fejn it-Trattat issemihom espressament iżda wkoll b’riżultat ta’ l-obbligi li l-istess Tratta jimponi, b’mod definit tajjeb, kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Komunitarji (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend & Loos, 26/62, Ġabra p 1, 23; tal-15 ta’ Lulju 1964 Costa, Ġabra p 1141, 1158-1160 u tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p I-5357, punt 31).

20     Fit-tieni lok, skond l-Artikolu 3(g) tat-Trattat [li wara l-emendi sar l-Artikolu 3(1)(g)], l-Artikolu 85 tat-Trattat jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali li hija indispensabbli għat-twettiq ta' l-inkarigi fdati lill-Komunità u, b’mod partikolari għall-funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p I-3055, punt 36).

21     Tabilħaqq, l-importanza ta’ dispożizzjoni bħal din wasslet l-awturi tat-Trattat sabiex fl-Artikolu 85(2), jipprovdu espressament li akkordji u deċiżjonijiet li huma pprojbiti skond dan l-istess Artikolu huma ipso iure nulli (ara s-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36).

22     Din in-nullità, li tista’ tkun invokata minn kullħadd, torbot lill-qorti meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) huma sodisfatti u meta l-akkordju kkonċernat ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat (dwar dan l-aħħar punt, ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1969, Portelange, 10/69, Ġabra p 309, punt 10). Peress li n-nullità li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85(2) hija assoluta, akkordju li hu null b’riżultat ta’ din id-dispożizzjoni m’għandu ebda effett fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti u ma jistax jintuża kontra terzi (ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin, 22/71, Ġabra p. 949, punt 29). Minbarra dan, din in-nullità tista' teffettwa l-effetti kollha, preżenti u futuri, ta' l-akkordju jew tad-deċiżjoni kkonċernata (ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 1973, 48/72, Ġabra p 77, punt 26).

23     Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikoli 85(1) u 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) għandhom effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u jnisslu drittijiet fir-rigward ta' l-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1974, BRT u SABAM, magħrufa bħala “BRT I”, 127/73, Ġabra p 51, punt 16, u tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p I-1503, punt 39).

24     Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jirriżulta li kull individwu għandu dritt li juża ksur ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat quddiem il-qrati nazzjonali, anki jekk huwa parti f'kuntratt li jista' jirrestrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni skond din l-istess dispożizzjoni.

25     F’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn kuntratt jew minn imġieba li jistgħu jirrestrinġu jew jiddistortaw il-kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar l-ewwel nett li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, huma l-qrati nazzjonali, responabbli sabiex japplikaw fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, li għandhom jassiguraw l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u jipproteġu d-drittijiet li l-istess regoli jagħtu lill-individwi (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p 629, punt 16 u tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p I-2433, punt 19).

26     L-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 85(1) tkun ipperikolata jekk ebda persuna ma tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew imġieba li tista’ tirrestrinġi jew tiddistorta l-kompetizzjoni.

27     Dritt bħal dan, fil-fatt, isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u huwa ta’ natura li jiskuraġġixxi l-akkordji jew prattiċi, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirristrinġu jew jiddistortaw il-kompetizzjoni. Minn din il-perspettiva, l-azzjonijiet għal kumpens tad-danni b'interessi quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinjifikanti għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fil-Komunità.

28     F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali azzjoni tkun imressqa minn parti f’kuntratt li jkun ikkunsidrat li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni.

29     Madankollu, fl-assenza ta’ regoli Komunitarji dwar dan is-suġġett, l-ordni legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom b’riżultat ta’ l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendux prattikament impossibli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittjiet mogħtija mill-ordni legali Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p I-4025, punt 27).

30     F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi d-dritt Komunitarju ma jostakolax lill-qrati nazzjonali milli jassiguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet garantiti mill-ordni legali Komunitarju ma twassalx għal arrikiment indebitu ta’ dawk li għandhom tali drittijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 t’Ottubru 1979, Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 238/78, Ġabra p 2955, punt 14; tas-27 ta’ Frar 1980, Just, 68/79, Ġabra p 501, punt 26 u tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p I-7145, punt 31).

31     Bl-istess mod, sakem il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effikaċja jiġu rrispettati (ara Palmisani, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 27), id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali jirrifjuta lil parti, li fir-rigward tagħha huwa kkonstatat li għandha responsabbiltà sinjifikanti għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, id-dritt li tikseb danni u interessi mingħand il-kontraenti tagħha. Infatti, skond prinċipju rikonoxxut fil-biċċa l-kbira tas-sistemi ġuridiċi ta’ l-Istati Membri u li diġà ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 39/72, Ġabra p 101, punt 10), parti f’kawża ma tistax tibbenefika mill-imġieba illeċita tagħha stess, fejn tali mġieba hija ppruvata.

32     F’dan ir-rigward, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali kompetenti, hemm lok li jissemma l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsabu l-partijiet kif ukoll, kif ġustament jirrilleva l-Gvern tar-Renju Unit, il-poter ta’ negozjati u l-imġieba rispettiva taż-żewġ partijiet fil-kuntratt.

33     B’mod partikolari, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-parti li qed tallega li sofriet dannu, b’riżultat tal-konklużjoni ta’ kuntratt li jista’ jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni, kinitx f’pożizzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-parti l-oħra, b'mod li kienet ġiet serjament kompromessa, jew anki mxejjna, il-liberta’ tagħha li tinnegozja l-klawżoli ta' l-imsemmi kuntratt kif ukoll il-kapaċità tagħha li tevita jew tillimita l-preġudizzju jew li tillimita l-estent tiegħu, b’mod partikolari billi tuża fi żmien utli r-rimedji legali kollha disponibbli għaliha.

34     Billi rreferew għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1967, Brasserie de Haecht (23/67, Ġabra p 525, 537) u tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C-234/89, Ġabra p I-935, punti 14 sa 26), il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit ġustament semmew ukoll l-ipoteżi ta’ kuntratt li jirriżulta f’kuntrast ma’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat għall-unika raġuni li l-kuntratt jagħmel parti minn nisġa ta’ kuntratti simili li jipproduċu effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni. F’każ bħal dan, il-parti f'kuntratt mal-persuna li qed tikkontrolla din in-nisġa ta’ kuntratti, ma tistax ikollha responsabbiltà sinjifikanti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85, partikolarment fil-każ li t-termini tal-kuntratt kienu, fil-fatt, imposti fuqha minn min jikkontrolla n-nisġa.

35     Għall-kuntrarju għal dak li ssostni Courage, evalwazzjoni differenzjat ta' l-estent ta’ responsabbiltajiet ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li għal finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, mhuwiex importanti ħafna li l-partijiet f'akkordju jinstabu jew ma jinstabux f'parità f’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni u l-funzjoni ekonomika tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il- Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p 429, 493). Fil-fatt, din il-ġurisprudena tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 filwaqt li d-domandi rinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jikkonċernaw ċerti konsegwenzi fid-dritt ċivili ta' ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

36     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–       parti f’kuntratt li jista’ jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 85 tat-Trattat tista’ tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tikseb protezzjoni ġurisdizzjonali (“relief”) fil-konfront tal-parti kontraenti l-oħra;

–       l-Artikolu 85 tat-Trattat jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lil parti f'kuntratt li jista' jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni skond l-istess dispożizzjoni, milli titlob danni u interessi bħala kumpens għal preġudizzju kkawżat mill-eżekuzzjoni ta' l-istess kuntratt għall-unika raġuni li min qed jagħmel it-talba huwa parti fil-kuntratt;

–       id-dritt Komunitarju ma jipprekludix regola ta' dritt nazzjonali li ċċaħħad lil parti f'kuntratt li jista' jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni, id-dritt li tibbaża ruħha fuq l-atti illeċiti tagħha stess sabiex tikseb danni u interessi, jekk ikun stabbilit li tali parti għandha responsabbiltà sinjifikanti fid-distorzjoni tal-kompetitizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

37     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Franċiż, Taljan u Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali n-natura ta' kwistjoni mqajjma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

bi tweġiba għad-domandi rinvijati lilha mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) permezz ta' digriet tas-16 ta' Lulju 1999, taqta' u tiddeċiedi li:

1)       parti f’kuntratt li jista’ jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 85 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 81 KE) tista’ tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tikseb protezzjoni ġurisdizzjonali (“relief”) fil-konfront tal-parti kontraenti l-oħra;

2)      l-Artikolu 85 tat-Trattat jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lil parti f'kuntratt li jista' jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni skond l-istess dispożizzjoni, milli titlob danni u interessi bħala kumpens għal preġudizzju kkawżat mill-eżekuzzjoni ta' l-istess kuntratt għall-unika raġuni li min qed jagħmel it-talba huwa parti fil-kuntratt;

3)      id-dritt Komunitarju ma jipprekludix regola ta' dritt nazzjonali li ċċaħħad lil parti f'kuntratt li jista' jirristrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni, id-dritt li tibbaża ruħha fuq l-atti illeċiti tagħha stess sabiex tikseb danni u interessi, jekk ikun stabbilit li tali parti għandha responsabbiltà sinjifikanti fid-distorzjoni tal-kompetitizzjoni.

Rodríguez Iglesias

Gulmann

Wathelet

Skouris

Edward

Jann

Sevón

Macken

Colneric

Cunha Rodrigues

 

      Timmermans

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta' Settembru 2001.

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top