Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0309

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Frar 2002.
J. C. J. Wouters, J. W. Savelbergh u Price Waterhouse Belastingadviseurs BV vs Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, fil-preżenza ta' Raad van de Balies van de Europese Gemeenschap.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Kawża C-309/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2002:98

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

19 ta’ Frar 2002(*)

“Entità professjonali ─ Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali ─ Regolamentar ta’ l-eżerċizzju tal-professjoni mill-Kamra ta’ l-Avukati ─ Projbizzjoni ta’ kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji bejn l-avukati u l-kontabilisti ─ Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) ─ Assoċjazzjoni bejn impriżi ─ Restrizzjoni tal-kompetizzjoni ─ Ġustifikazzjonijiet ─ Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) ─ Impriża jew grupp ta’ impriżi ─ Artikoli 52 u 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati, saru l-Artikoli 43 u 49 KE) ─ Applikabbilità ─ Restrizzjonijiet ─ Ġustifikazzjonijiet ”

Fil-kawża C-309/99,

li għandha bħala suġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mir-Raad van State (l-Olanda) intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

J. C. J. Wouters,

J. W. Savelbergh,

Price Waterhouse Belastingadviseurs BV

u

Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten,

fil-preżenza ta’:

Raad van de Balies van de Europese Gemeenschap,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(g) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat sar l-Artikolu 3(1)(g) KE), 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE), 52 u 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati saru l-Artikoli 43 KE u 49 KE), kif ukoll 85, 86 u 90 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken, N. Colneric, u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, M. Wathelet (Relatur), R. Schintgen, V. Skouris u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijet bil-miktub ippreżentati :

–        għal J. C. J. Wouters, minn H. Gilliams u M. Wladimiroff, advocaten,

–        għal J. W. Savelbergh u Price Waterhouse Belastingadviseurs BV, minn D. van Liedekerke u G. J. Kemper, advocaten,

–        għall-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, minn O. W. Brouwer, F. P. Louis u S. C. van Es, advocaten,

–        għall-Raad van de Balies van de Europese Gemeenschap, minn P. Glazener, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich u W. D. Plessing, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger, R. Loosli-Surrans u F. Million, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Stix-Hackl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Gvern tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein, minn C. Büchel, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u B. Mongin, bħala aġenti,

wara li kkunsidrat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ J.C.J. Wouters, irrappreżentat minn H. Gilliams, ta’ M. Savelbergh u ta’ Price Waterhouse Belastingadviseurs BV, irrappreżentati minn D. van Liedekerke u G. J. Kemper, ta’ l-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, irrappreżentat minn O. W. Brouwer u W. Knibbeler, advocaat, tar-Raad van de Balies van de Europese Gemeenschap, irrappreżentat minn P. Glazener, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. S. van den Oosterkamp, bħala aġent, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn A. Dittrich, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn F. Million, tal-Gvern Lussemburgiż, irrappreżentat minn N. Mackel, bħala aġent, assistit minn J. Welter, avocat, tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn I. Simfors, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn W. Wils, fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’sentenza ta’ l-10 ta’ Awwissu 1999, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Awwissu 1999, ir-Raad van State ressqet, skond l-Artikolu 234 KE, disa’ domandi għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(g) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat sar l-Artikolu 3(1)(g) KE), 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE), 52 u 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati saru l-Artikoli 43 KE u 49 KE), kif ukoll 85, 86 u 90 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE),

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża miġjuba, inter alia, minn avukati kontra r-rifjut ta’ l-Arrondissementsrechtbank te Amsterdam li tannulla ċerti deċiżjonijiet tal-Nederlandse Orde van Advocaten (il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda) li rrifjutaw li jannullaw id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ Superviżjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ Amsterdam u ta’ dik ta’ Rotterdam li pprojbixxewhom milli jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat f’kollaborazzjoni multi-dixxiplinarja ma’ kontabilisti.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        L-Artikolu 134 tal-Kostituzzjoni tar-Renju ta’ l-Olanda jirrigwarda l-ħolqien ta’ u s-sitema legali li tirregola l-entitajiet pubbliċi. Huwa jipprovdi li:

“1.      Entitajiet pubbliċi professjonali jew entitajiet pubbliċi oħra jistgħu jiġu stabbiliti u xolti minn jew permezz ta’ liġi.

2.       Il-liġi għandha tirregola l-kompiti u l-organizzazzjoni ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi, il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-kunsilli ta’ l-amministrazzjoni tagħhom, kif ukoll l-aċċess pubbliku għal-laqgħat tagħhom. Is-setgħa tal-kunsilli ta’ l-amministrazzjoni biex jadottaw regolamenti tista’ tingħata lilhom minn jew permezz ta’ liġi.

3.      Il-liġi għandha tirregola s-superviżjoni ta’ dawn il-kunsilli ta’ l-amministrazzjoni. Id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu annullati biss minħabba ksur ta’ liġi jew fl-interess pubbliku.”

 L-Advocatenwet

4        B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fit-23 ta’ Ġunju 1952 ġiet adottata liġi li ħolqot il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda u li stabbilixxiet ir-regolamenti interni u r-regoli dixxiplinarji applikabbli għall-avukati u għall-prokuraturi (iktar ’il quddiem l“Advocatenwet”).

5        L-Artikolu 17(1) u (2) jipprovdi li :

“1.      Il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, li hija bbażata fl-Aja, u li hija entità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 134 tal-Kostituzzjoni, għandha tkun komposta mill-avukati kollha rreġistrati fl-Olanda.

2.       L-avukati kollha rreġistrati ma’ l-istess qorti jiffurmaw il-Kamra ta’ l-Avukati tad-Distrett ikkonċernat”

6        L-Artikoli 18(1) u 22(1) ta’ l-Advocatenwet jipprovdu li l-kunsilli ta’ l-amministrazzjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda u tal-Kmamar ta’ l-Avukati tad-Distretti għandhom ikunu l-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten (il-Kunsill Ġenerali tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, iktar ’il quddiem il-“Kunsill Ġenerali”) u r-raden van toezicht van de Orden in de arrondissementen (Bordijiet ta’ Superviżjoni tal-Kmamar ta’ l-Avukati tad-Distretti, iktar ’il quddiem “Bordijiet ta’ Superviżjoni”) rispettivament.

7        L-Artikoli 19 u 20 ta’ l-Advocatenwet jirregolaw l-elezzjoni tal-membri tal-Kunsill Ġenerali. Dawn ta’ l-aħħar jiġu eletti mill-College van Afgevaardigden (iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ tad-Delegati”), li l-membri tiegħu stess jiġu eletti fil-laqgħat tad-diversi Kmamar ta’ l-Avukati tad-Distretti.

8        Skond l-Artikolu 26 ta’ l-Advocatenwet:

“Il-Kunsill Ġenerali u l-Bordijiet ta’ Superviżjoni għandhom jassiguraw li l-professjoni tiġi ppratikata b’mod xieraq u għandhom is-setgħa li jieħdu kull miżura li tista’ tikkontribwixxi għal dan. Huma għandhom jiddefendu d-drittijiet u l-interessi ta’ l-avukati bħala tali, jiżguraw li l-avukati jwettqu l-obbligi tagħhom u jwettqu l-kompiti imposti fuqhom mir-regolamenti.”

9        Skond l-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet:

“1.      Il-Kulleġġ tad-Delegati jista’ jadotta regolamenti fl-interess tal-prattika kif xieraq tal-professjoni, inklużi regolamenti fir-rigward ta’ assistenza lil avukati ta’ età avvanzata jew li jintlaqtu b’xi inkapacità għax-xogħol totali jew parzjali, kif ukoll fir-rigward tal-qraba ta’ l-avukati li jiġu nieqsa. Minbarra dan il-Kulleġġ għandu jadotta r-regolamenti meħtieġa fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda.

2.      Il-Kunsill Ġenerali, jew għallinqas ħames delegati, għandu jibgħat l-abbozzi tar-regolamenti lill-Kulleġġ tad-Delegati. Il-Kunsill Ġenerali jista’ jistieden lill-Bordijiet ta’ Superviżjoni biex jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq abbozz ta’ regolament qabel ma jippreżentah lill-Kulleġġ tad-Delegati.

3.       Malli jiġu adottati, ir-regolamenti għandhom jintbagħtu lill-Ministeru tal-Ġustizzja u għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċċjali”

10      L-Artikolu 29 ta’ l-Advocatenwet jipprovdi:

“1.      Ir-regolamenti jivvinkolaw lill-membri tal-Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali u lill-avukati viżitaturi [...].

2.      Huma ma jistgħu jinkludu ebda dispożizzjoni relattiva għal kwistjonijiet irregolati minn jew permezz ta’ liġi u lanqas ma jistgħu jinkludu suġġetti li, minħabba s-sitwazzjonijiet differenti f’kull distrett, m’għandhomx ikunu suġġetti għal dispożizzjonijiet ġenerali.

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti li jitrattaw suġġett rregolat minn jew permezz ta’ liġi, isiru invalidi ipso jure. ”

11      Mill-Artikoli 16b u 16c ta’ l-Advocatenwet jirriżulta li l-kliem “avukati viżitaturi” għandu jirreferi għall-persuni li mhumiex reġistrati bħala avukati fl-Olanda, imma li huma awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea bit-titolu ta’ avukat jew b’titolu ekwivalenti.

12      L-Artikolu 30 ta’ l-Advocatenwet jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ tad-Delegati, tal-Kunsill Ġenerali jew ta’ l-organi l-oħra tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda jistgħu jiġu sospiżi jew annullati permezz ta’ digriet Irjali, safejn dawn imorru kontra l-liġi jew l-interess pubbliku.

2.      Is-sospensjoni jew l-annullament għandu jsir fi żmien sitt xhur mill-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3), jew, meta d-deċiżjoni tkun ġiet adottata mill-Kunsill Ġenerali jew minn organu ieħor tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, fi żmien sitt xhur minn meta tiġi nnotifikata lill-Ministru tal-Ġustizzja, b’digriet motivat li, jekk ikun il-każ, jiddetermina ż-żmien tas-sospensjoni.

3.       Is-sospensjoni tinterrompi immedjatament l-effetti tad-dispożizzjonijiet sospiżi. Iż-żmien tas-sospensjoni ma jistax jeċċedi sena, anki wara estensjoni.

4.       Jekk id-deċiżjoni ma tiġix annullata permezz ta’ digriet Irjali fiż-żmien stabbilit għas-sospensjoni, id-deċiżjoni sospiża għandha tiġi kkunsidrata valida.

5.      L-annullament iġib miegħu l-annullament ta’ l-effetti kollha annullabbli tad-dispożizzjonijiet annullati, sakemm id-digriet Rjali ma jipprovdix mod ieħor”.

 Is-Samenwerkingsverordening 1993

13      Skond l-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet, il-Kulleġġ tad-Delegati adotta s-Samenwerkingsverordening 1993 (regolament ta’ l-1993 dwar il-kollaborazzjoni)

14      L-Artikolu 1 tal-Samenwerkingsverordening 1993 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ kollaborazzjoni” bħala “kwalunkwe kollaborazzjoni li permezz tagħha l-parteċipanti jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-interess ta’ xulxin u b’riskju kollettiv, jew billi jaqsmu bejniethom il-kontroll jew ir-responsabbilità finali għal dan il-għan.”

15      L-Artikolu 2 tal-Samenwerkingsverordening 1993 jipprovdi:

“1.       Avukat mhuwiex awtorizzat jassumi jew iżomm fis-seħħ obbligi li jistgħu jippreġudikaw il-libertà jew l-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, inklużi d-difiża ta’ l-interessi ta’ parti u r-relazzjoni ta’ fiduċja korrispondenti bejn avukat u l-klijent tiegħu.

2.      Id-dispożizzjoni tas-sub-artikolu (1) hija applikabbli wkoll għall-avukati li ma jaħdmux f’relazzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ kollegi jew ma’ terzi persuni.”

16      Skond Artikolu 3 tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“Avukat huwa awtorizzat jifforma jew iżomm fis-seħħ relazzjoni ta’ kollaborazzjoni biss jekk l-għan prinċipali tal-professjoni ta’ kull parteċipant ikun il-prattika tal-liġi”.

17      Skond Artikolu 4 tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“Avukat huwa awtorizzat jifforma jew iżomm fis-seħħ relazzjoni ta’ kollaborazzjoni biss ma’:

a)      avukati oħra rreġistrati fl-Olanda;

b)      avukati oħra mhux reġistrati fl-Olanda, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5;

c)      membri ta’ kategorija professjonali oħra awtorizzata mill-Kunsill Ġenerali għal dan il-għan, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6.”

18      Skond Artikolu 6 tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“1.      L-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(c) tista’ tingħata bil-kundizzjoni li:

a)      il-membri ta’ dik il-kategorija professjonali l-oħra jeżerċitaw professjoni liberali; u

b)      l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni teħtieġ lawrja universitarja jew kwalifika ekwivalenti; u

c)      il-membri ta’ dik il-kategorija professjonali l-oħra jkunu suġġetti għal regoli dixxipplinarji paragunabbli ma’ dawk imposti fuq l-avukati; u

d)      l-iffurmar ta’ relazzjoni ta’ kollaborazzjoni mal-membri ta’ dik il-kategorija professjonali l-oħra ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3.

2.      L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata wkoll lil parti speċifika ta’ kategorija professjonali. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1(a) sa (d) japplikaw mutatis mutandis, bla preġudizzju għas-setgħa tal-Kunsill Ġenerali li jistipula kundizzjonijiet addizzjonali.

3.      Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkonsulta lill-Kulleġġ tad-Delegati qabel ma jieħu kwalunkwe deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-paragrafi preċedenti ta’ dan l-Artikolu”.

19      Skond l-Artikolu 7(1) tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“Meta jikkomunikaw ma’ persuni oħra, l-avukati għandhom jevitaw li jagħtu impressjoni ineżatta, inkompleta jew li tqarraq rigward in-natura ta’ kwalunkwe forma ta’ kollaborazzjoni li jipparteċipaw fiha, inkluża relazzjoni ta’ kollaborazzjoni.”

20      Skond l-Artikolu 8 tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“1.      Kull relazzjoni ta’ kollaborazzjoni għandu jkollha isem kollettiv għall-komunikazzjonijiet kollha ma’ terzi.

2.      L-isem kollettiv ma jistax ikun wieħed li jista’ jqarraq. [...]

3.      L-avukati li jagħmlu parti minn relazzjoni ta’ kollaborazzjoni għandhom, jekk jiġu mitluba, jagħtu lista ta’ l-ismijiet tal-persuni li jipparteċipaw fir-relazzjoni ta’ kollaborazzjoni in kwistjoni, il-professjoni tagħhom u l-post fejn dawn ikunu stabbiliti.

4.      Kull dokument bil-miktub prodott minn relazzjoni ta’ kollaborazzjoni għandu jinkludi l-isem, il-kwalità u l-post ta’ stabbiliment tal-persuna li tiffirmah.”

21      Finalment, skond l-Artikolu 9(2) tal-Samenwerkingsverordening 1993:

“L-avukati m’għandhomx jipparteċipaw fil-kostituzzjoni jew it-tibdil ta’ kollaborazzjoni qabel ma jiġi deċiż mill-Bord ta’ Superviżjoni li l-mod li bih il-kollaborazzjoni ġiet ikkostitwita jew mibdula, inkluż ukoll il-mod kif tiġi rrappreżentata fil-konfront ta’ terzi persuni, jissodisfa d-dispożizzjonijiet imposti minn jew bis-saħħa ta’ dan ir-regolament.”

22      Mill-premessi tas-Samenwerkingsverordening 1993 jirriżulta li l-kollaborazzjoni man-nutara, konsulenti fiskali u prokuraturi għall-privattivi diġà ġiet awtorizzata fil-passat u li l-awtorizzazzjoni għal dawk it-tliet kategoriji professjonali tibqa’ valida. Min-naħa l-oħra, il-kontabilisti huma msemmija bħala eżempju ta’ kategorija professjonali li magħha l-avukati ma jistgħux jikkollaboraw.

Id-Direttivi dwar ir-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni bejn l-avukati u professjonisti (awtorizzati) oħra

23      Minbarra s-Samenwerkingsverordening 1993, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda adottat direttivi dwar ir-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni bejn l-avukati u professjonisti (awtorizzati) oħra. Dawn id-Direttivi jipprodvu dan li ġej:

1.      Osservanza tar-regoli ta’ etika u ta’ kondotta professjonali

Regola Nru 1

Avukat ma jistax, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’relazzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ membru ta’ professjoni oħra, jillimita jew jikkomprometti l-osservanza tar-regoli ta’ etika u ta’ kondotta professjonali applikabbli fil-konfront tiegħu.

2.      Fajls separati u amministrazzjoni separata tal-fajls u ta’ l-arkivji

Regola Nru 2

L-avukat li jipparteċipa f’relazzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ membru ta’ professjoni oħra huwa marbut, għal kull każ li jintervjeni fih flimkien ma’ dan il-membru l-ieħor, li jiftaħ fajl separat u li jiżgura, fir-rigward tar-relazzjoni ta’ kollaborazzjoni nfisha :

–        li jissepara l-amministrazzjoni tal-fajl mill-amministrazzjoni finanzjarja;

–        li jassigura li l-fajls jinżammu f’arkivji separati minn dawk tal-membri ta’ professjoni oħra.

3.      Kunflitti ta’ interess

Regola Nru 3

L-avukat li jipparteċipa f’relazzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ membru ta’ professjoni oħra ma jistax jiddefendi l-interessi ta’ parti meta dawn l-interessi jmorru kontra dawk ta’ parti li kienet jew li hija assistita minn dan il-membru l-ieħor, jew jekk hemm ir riskju li kunflitt ta’ interess bħal dan jista’ jirriżulta.

4.      Sigriet professjonali u reġistrazzjoni ta’ dokumenti

Regola Nru 4

L-avukat huwa marbut, f’kull każ li fih jintervjeni ma’ membru ta’ professjoni oħra, jirreġistra bir-reqqa l-ittri u d-dokumenti kollha li jkun għadda lill-imsemmi membru ta’ professjoni oħra.”

 Il-kawżi prinċipali

24      Fl-1991, J.C.J. Wouters, membru ta’ l-avukatura ta’ Amsterdam, issieħeb ma’ l-uffiċċju Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs (konsulenti fiskali). Fi tmiem is-sena 1994 J.C.J. Wouters informa lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati tad-Distrett ta’ Rotterdam bl-intenzjoni tiegħu li jiġi rreġistrat mal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ dik il-belt u li jipprattika hemmhekk taħt l-isem “Arthur Andersen & Co., advocaten en belastingadviseurs”.

25      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 1995, dan il-Bord ikkunsidra li l-imsieħba ta’ l-uffiċċju Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs kellhom relazzjoni ta’ kollaborazzjoni fis-sens tas-Samenwerkingsverordening 1993 mal-membri ta’ l-uffiċċju Arthur Andersen & Co. Accountants, jiġifieri ma’ membri tal-professjoni tal-kontabilisti. Għaldaqstant, J.C.J. Wouters kien qed jisker l-Artikolu 4 tas-Samenwerkingsverordening 1993. Minbarra dan, il-Bord ikkunsidra li J.C.J. Wouters kien jikser l-Artikolu 8 tas-Samenwerkingsverordening 1993 li kieku jidħol f’kollaborazzjoni li l-isem kollettiv tagħha jsemmi l-isem tal-persuna fiżika “Arthur Andersen”.

26      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 1995, il-Kunsill Ġenerali ċaħad bħala infondati r-rikorsi amministrattivi li J.C.J. Wouters, Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs u Arthur Andersen & Co. Accountants kienu ressqu kontra din id-deċiżjoni.

27      Fil-bidu ta’ l-1995, J.W. Savelbergh, membru ta’ l-avukatura ta’ Amsterdam informa lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati tad-Distrett ta’ Amsterdam bl-intenzjoni tiegħu li jidħol f’kollaborazzjoni mal-kumpannija Price Waterhouse Belastingadviseurs BV, sussidjarja ta’ l-impriża internazzjonali Price Waterhouse, li tinkludi mhux biss konsulenti fiskali imma wkoll kontabilisti.

28      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 1995, dan il-Bord ikkonstata li l-kollaborazzjoni proposta kienet tmur kontra l-Artikolu 4 tas-Samenwerkingsverordening 1993.

29      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 1995, il-Kunsill Ġenerali ċaħad bħala infondat ir-rikors amministrattiv magħmul minn J.W. Savelbergh u l-kumpannija Price Waterhouse Belastingadviseurs BV kontra din id-deċiżjoni.

30      Għalhekk, J.C.J. Wouters, Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs u Arthur Andersen & Co. Accountants, minn naħa, u J.W Savelbergh u Price Waterhouse Belastingadviseurs BV, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors quddiem l-Arrondissementsrechtbank te Amsterdam (iktar ’il quddiem ir-“Rechtbank”). B’mod partikolari, huma sostnew li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ġenerali tal-21 u tad-29 ta’ Novembru 1995 kienu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

31      B’sentenza tas-7 ta’ Frar 1997 ir-Rechtbank iddikjarat inammissibbli r-rikorsi ppreżentati minn Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs u Arthur Andersen & Co. Accountants u ċaħdet bħala infondati dawk ippreżentati minn J.C.J. Wouters, J.W. Savelbergh u l-kumpannija Price Waterhouse Belastingadviseurs BV.

32      Ir-Rechtbank ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma kinux applikabbli għall-kawża prinċipali. Din il-Qorti rrilevat li Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda hija entità rregolata mid-diritt pubbliku mwaqqfa mil-liġi sabiex tippromwovi l-interess pubbliku. Għal dan il-għan, hija tuża inter alia s-setgħa regolatorja mogħtija lilha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet. Fl-interess pubbliku hija marbuta li tiggarantixxi l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovdi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu. Għaldaqstant, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda mhijiex assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikoku 85 tat-Trattat. Lanqas ma’ tista’ tiġi kkunsidrata bħala impriża jew grupp ta’ impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti kollettiva fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

33      Minbarra dan, skond ir-Rechtbank, l-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet ma jitrasferixxi ebda poteri lill-operaturi privati b’tali mod li jippreġudika l-effikaċja ta’ l-Artikoli 85 u 86. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni mhijiex inkompatibbli mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(g), 85 u 86 tat-Trattat.

34      Ir-Rechtbank irrespinġa wkoll l-argument ta’ l-appellanti li s-Samenwerkingsverordening 1993 huwa inkompatibbli mad-dritt ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikoli 52 u 59 tat-Trattat. L-aspett trans-konfinali huwa nieqes fil-kawżi prinċipali u għalhekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat mhumiex applikabbli. Fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn avukati u kontabilisti hija ġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u mhijiex restrittiva b’mod sproporzjonat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi f’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ l-Olanda jista’ leġittimament jissuġġetta l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju tiegħu għal regoli intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovdi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu.

35      Il-ħames appellanti appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State.

36      Ir-Raad van de Balies van de Europese Gemeenschap (Kunsill tal-Kmamar ta’ l-Avukati tal-Komunità Ewropea), li huwa assoċjazzjoni rregolata mil-liġi Belġjana tħalliet tintervjeni quddiem ir-Raad van State in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill Ġenerali.

37      B’sentenza mogħtija fl-10 ta’ Awwissu 1999, ir-Raad van State ikkonfermat l-inammissibbilità ta’ l-appelli magħmula minn Arthur Andersen & Co. Belastingadviseurs u Arthur Andersen & Co. Accountants. Fir-rigward ta’ l-appelli l-oħra, hija kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali kienet tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

38      Minn naħa, ir-Raad van State tistaqsi jekk bl-adozzjoni tas-Samenwerkingsverordening 1993, bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet, il-Kulleġġ tad-Delegati kisirx l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, u min-naħa l-oħra, jekk, bl-għoti tas-setgħa, permezz ta’ l-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet, lill-imsemmi Kulleġġ li jadotta regolamenti, il-leġiżlatur nazzjonali kisirx l-Artikoli 5, 85 u 86 tat-Trattat. Minbarra dan, hija tistaqsi jekk is-Samenwerkingsverordening 1993 huwiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikolu 52 tat-Trattat u mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 59 tat-Trattat.

39      B’hekk, ir-Raad van State ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin :

“1)      a) Il-kliem assoċjazzjonijiet bejn impriżi li jinsab fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li tali assoċjazzjoni teżisti biss jekk, u safejn, hija taġixxi fl-interess ta’ impriżi, u għalhekk, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li l-assoċjazzjoni tagħmel fl-interess pubbliku u l-attivitajiet l-oħra, jew il-fatt waħdieni li assoċjazzjoni tista’ wkoll taġixxi fl-interess ta’ l-impriżi huwa biżżejjed biex tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha tagħha? Il-fatt li r-regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali huma adottati mill-entità in kwistjoni bis-saħħa ta’ setgħa mogħtija mil-liġi u fil-kwalità tagħha ta’ leġiżlatur speċjali huwa rilevanti għall-appplikazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni ?

b)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) hija li teżisti assoċjazzjoni bejn l-impriżi biss jekk, u safejn, assoċjazzjoni taġixxi fl-interessi ta’ impriżi, id-dritt Komunitarju jirregola wkoll il-kwistjoni meta assoċjazzjoni taġixxi fl-interess pubbliku u meta ma tkunx qegħda tagħmel hekk ?

c)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1(b) hija li d-dritt Komunitarju huwa rilevanti f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsdirat li jekk entità bħall-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] tadotta, bis-saħħa ta’ setgħa mogħtija mil-liġi intiża li tiggarantixxi l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovdi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu, regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali li jirregolaw il-formazzjoni ta’ kollaborazzjonijiet bejn avukati u professjonijiet oħra, dan ikun sar fl-interess pubbliku?

2)      Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija lill-ewwel domanda, hemm lok li jiġi deċiż li regolament bħas-[Samenwerkingsverordening 1993] ukoll għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE), hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali deċiżjoni, safejn tadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali li jirregolaw il-formazzjoni ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni f’din il-kawża intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovdi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu, għandha bħala għan jew riżultat tagħha r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni bir-riżultat li jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri? Liema huma l-kriterji li jitnisslu mid-dritt Komunitarju li huma rilevanti biex tingħata risposta għal din id-domanda?

3)      Il-kelma impriża li tinsab fl-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) għandha tiġi interpretata fis-sens li jekk entità bħall-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] għandha tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi, tali entità għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala impriża jew grupp ta’ impriżi għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni anki jekk hi ma teżerċita ebda attività ekonomika?

4)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija waħda affermattiva u jekk, għaldaqstant, entità bħall-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] għandha tiġi kkunsidrata bħala li tinsab f’pożizzjoni dominanti, ikun hemm abbuż ta’ din il-pożizzjoni jekk, fis-suq tal-provvista ta’ servizzi legali, din l-entità tobbliga lill-avukati li huma affiljata magħha li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ persuni oħra, jaġixxu b’mod li jirrestrinġi l-kompetizzjoni?

5)      Jekk, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, entità bħall-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] għandha tiġi kkunsidrata kollha kemm hi bħala assoċjazzjoni bejn impriżi, l-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86(2) KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll entità bħall-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] li tadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali dwar il-kollaborazzjoni bejn avukati u professjonisti oħra intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu?

6)      Jekk il-Kamra [ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda] għandha tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi, jew bħala impriża jew grupp ta’ impriżi, l-Artikolu 3(g) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat sar l-Artikolu 3(1)(g) KE), it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 KE), u l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE (li saru l-Artikolu 81 u 82 KE) għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jipprekludu lil Stat Membru milli jagħti lil din l-entità (jew lill-organi tagħha) is-setgħa li tadotta regoli dwar, inter alia, il-kollaborazzjoni bejn l-avukati u professjonisti oħra, meta l-istħarriġ mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti ta’ dawn ir-regoli huwa limitat biss għall-annullamnent ta’ dawn ir-regoli mingħajr ma jistgħu jissostitwixxu r-regoli annullati b’regoli oħra?

7)      Projbizzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn l-avukati u l-kontabilisti, bħal dik f’dan il-każ, għandha tkun suġgetta kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll għal dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, jew hemm lok li t-Trattat jiġi interpretat fis-sens li tali projbizzjoni għandha tissodisfa jew id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment jew id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, skond, pereżempju, il-mod li bih il-partijiet interessati jixtiequ effettivament jikkollaboraw?

8)      Projbizzjoni fuq relazzjoni ta’ kollaborazzjoni multi-dixxiplinarja bejn avukati u kontabilisti bħal dik f’dan il-każ għandha tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, jew għat-tnejn li huma?

9)      Jekk mir-risposta għad-domanda preċedenti jirriżulta li teżisti waħda miż-żewġ restrizzjonijiet imsemmija fiha, jew it-tnejn li huma, hemm lok li l-imsemmija restrizzjoni tiġi ġġustifikata minħabba li hija sempliċiment “modalità ta’ bejgħ” fis-sens tas-sentenza [ta’ l-24 ta’ Novembru 1993] Keck u Mithouard [(C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097] u għalhekk mhijiex diskriminatorja, jew minħabba li tissodisfa l-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat f’dan ir-rigward f’sentenzi oħra, speċjalment fis-sentenza [tat-30 ta’ Novembru 1995], Gebhard [C-55/94, Ġabra p. I 4165)]?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

40      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2001, l-appellanti fil-kawża prinċipali talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      In sostenn ta’ din it-talba, l-appellanti fil-kawża prinċipali jsostnu li fil-punti 170 sa 201 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali ta’ l-10 ta’ Lulju 2001 dan ta’ l-aħħar ta l-opinjoni tiegħu fuq domanda li ma kinitx tqajjmet espliċitamnent mill-qorti tar-rinviju.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hi tqis li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tinqata’ fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18).

43      F’dan il-każ, madankollu, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet li saru quddiemha.

 Fuq id-domanda 1(a)

44      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk regolament dwar il-formazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn avukati u membri ta’ professjonijiet liberali oħra, bħas-Samenwerkingsverordening 1993, adottat minn entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandux jiġi kkunsdirat bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. B’mod partikolari hija tistaqsi jekk il-fatt li l-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda ngħatat is-setgħa tadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali kemm fir-rigward ta’ avukati reġistrati fl-Olanda kif ukoll fir-rigward ta’ avukati awtorizzati jipprattikaw fi Stati Membri oħra li jipprovdu servizzi fl-Olanda għandux effett fuq l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt waħdieni li hija tista’ taġixxi fl-interess tal-membri tagħha huwiex biżżejjed biex tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha tagħha jew jekk, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, l-attivitajiet li tagħmel fl-interess pubbliku għandhomx jingħataw trattament speċjali.

45      Sabiex jiġi deċiż jekk regololament bħas-Samenwerkingsverordening 1993 għandux jiġi kkunsidrat deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk l-avukati humiex impriżi fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

46      Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità, u l-mod kif tiġi ffinanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et, C-244/94, Ġabra p. I 4013, punt 14, u tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre, magħrufa bħala “Job Centre II”, C-55/96, Ġabra p. I-7119, punt 21).

47      F’dan ir-rigward, u wkoll skond ġurisprudenza kostanti, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs l-Italja, 118/85, Ġabra p. 2599, punt 7 u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36).

48      L-avukati joffru bi ħlas servizzi ta’ assistenza legali li jikkonsistu fl-għoti ta’ pariri, preparazzjoni ta’ kuntratti u ta’ atti oħra, kif ukoll ir-rappreżentanza ta’ klijenti fi proċedimenti legali. Minbarra dan, huma jassumu r-riskji finanzjarji relattivi għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, peress li f’każ ta’ żbilanċ bejn l-infiq u d-dħul, huma stess ikollhom ibatu d-defiċit.

49      F’dawn il-kundizzjonijiet l-avukati rreġistrati fl-Olanda jeżerċitaw attività ekonomika u, għaldaqstant, huma kkunsidrati impriżi fis-sens ta’ l-Artikoli 85, 86 u 90 tat-Trattat. In-natura kumplessa u teknika tas-servizzi li huma joffri u l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom huwa rregolat ma jbiddlux din il-konklużjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tat-tobba, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra. p. I 6451, punt 77).

50      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat safejn organizzazzjoni professjonali bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandha tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat meta hija tadotta regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993 (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ organizzazzjoni professjonali ta’ aġenti tad-dwana, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

51      L-appellat fil-kawża prinċipali jsostni li, safejn il-leġiżlatur Olandiż waqqaf lill-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda bħala entità rregolata mid-dritt pubbliku u taha setgħat regolatorji biex taħdem fl-interess pubbliku, din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, speċjalment meta teżerċita s-setgħa regolatorja tagħha.

52      L-intervenjent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż, Awstrijak u Portugiż iżidu li entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda teżerċita awtorità pubblika u, għaldaqstant, ma tistax tkun suġġetta għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

53      L-intervenjent fil-kawża prinċipali jirrileva li entità tista’ tiġi kkunsidrata bħala awtorità pubblika meta l-attività li twettaq hija attività fl-interess pubbliku li tagħmel parti mill-attivitajiet essenzjali ta’ l-Istat. L-Istat ta’ l-Olanda ta lill-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda r-responsabbilità li tiggarantixxi li l-individwi jkollhom aċċess xieraq għal-liġi u għall-ġustizzja, li hija waħda mill-funzjonijiet essenzjali ta’ l-Istat.

54      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ifakkar li huwa l-kompitu ta’ l-organi leġiżlattivi kompetenti ta’ l-Istat li, fil-qafas tas-sovranità nazzjonali, jiddeċiedu dwar il-mod kif il-poteri u d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu eżerċitati. Id-delegazzjoni lil entità li tgawdi mil-leġittimità demokratika tas-setgħa li tadotta regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali taqa’ fil-limiti ta’ dan il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali.

55      Skond il-Gvern Ġermaniż, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jiġi ppreġudikat jekk entitajiet li għandhom dmirijiet regolatorji bħal dawn jiġu kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat. L-argument li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija valida biss jekk tiġi eżentata mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat huwa kuntradittorju fih innifsu. Il-konsegwenza tiegħu tkun li jitqajjmu dubji dwar il-validità tar-regolamenti professjonali kollha.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi deċiż jekk, meta tadotta regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993, entità professjonali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn l-impriżi jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala awtorità pubblika.

57      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma japplikawx għal attività li, fir-rigward tan-natura tagħha, ta’ l-għan tagħha u tar-regoli li hija suġġetta għalihom, ma tagħmilx parti mill-isfera ta’ l-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C-159/91 u C-160/91, Ġabra p. I-637 punti 18 u 19 dwar l-amministrazzjoni tas-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali) jew li hija marbuta ma’ l-eżerċizzju ta’ poteri ta’ awtorità pubbika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 30, dwar il-kontroll u s-superviżjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, u tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C-343/95, Ġabra p. I-1547, punti 22 u 23, dwar is-sorveljanza tat-tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu).

58      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li meta tadotta regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993, entità professjonali bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda la teżerċita funzjoni soċjali bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà għall-kuntrarju ta’ ċerti entitajiet tas-sigurtà soċjali (ara s-sentenza Pouchet u Pistre, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18) u lanqas ma teżerċita poteri tipiċi ta’ awtorità pubbika (ara s-sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30). Hija taġixxi bħala organu li jirregola professjoni, li l-eżerċizzju tagħha tikkostitwixxi attività ekonomika.

59      F’dan ir-rigward, il-fatt li skond l-Artikolu 26 ta’ l-Advocatenwet il-Kunsill Ġenerali huwa wkoll inkarigat jiddefendi d-drittijiet u l-interessi ta’ l-avukati, m’għandux jeskludi a priori lil din l-entità professjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, anki meta din l-entità tirregola l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tat-tobba, is-sentenza Pavlov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

60      Minbarra dan, jeżistu kunsiderazzjonijiet oħra favur il-konklużjoni li organizzazzjoni professjonali b’poteri regolatorji, bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, xorta waħda taqa’ taħt il-portata ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat.

61      Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-Advocatenwet li l-kunsilli ta’ l-amministrazzjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda huma komposti esklużivament minn avukati, li jiġu eletti biss mill-membri tal-professjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jintervjenu fil-ħatra tal-membri tal-Bordijiet ta’ Superviżjoni, tal-Kulleġġ tad-Delegati u tal-Kunsill Ġenerali (ara, fir-rigward ta’ entità professjonali ta’ aġenti tad-dwana, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; fir-rigward ta’ entità professjonali tat-tobba, is-sentenza Pavlov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

62      Min-naħa l-oħra, meta tadotta atti bħas-Samenwerkingsverordening 1993, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda mhijiex marbuta tirrispetta kriterji speċifiċi ta’ interess pubbliku. L-Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet, li jawtorizzaha tadotta regolamenti, jirrikjedi biss li dawn jiġu adottati fl-interess ta’ “l-eżerċizzju xieraq tal-professjoni” (ara, fir-rigward ta’ entità professjonali ta’ aġenti tad-dwana, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

63      Finalment, meta jiġi kkunsidrat l-effett tas-Samenwerkingsverordening 1993 fuq l-aġir tal-membri tal-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda fis-suq tas-servizzi legali b’riżultat tal-projbizzjoni ta’ ċerti kollaborazzjonijiet inter-professjonali, is-Samenwerkingsverordening 1993 mhuwiex eskluż mill-isfera ta’ attività ekonomika.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li entità professjonali bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandha tiġi kkunsidrata bħala assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat meta tadotta regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993. Fil-fatt, dan ir-regolament jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tar-rappreżentanti tal-membri tal-professjoni li dawn ta’ l-aħħar jaġixxu b’ċertu mod meta jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom.

65      Minbarra dan, il-fatt li l-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda hija rregolata mid-dritt pubbiku mhuwiex rilevanti.

66      Fil-fatt, skond il-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 85 tat-Trattat japplika għal akkordji bejn impriżi u għal deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Il-qafas legali li fih jiġu konklużi tali akkordji u jittieħdu tali deċiżjonijiet, kif ukoll il-mod kif id-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jikklassifikaw lil dan il-qafas legali hu irrilevanti għall-applikabbiltà tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair, 123/83, Ġabra p.391, punt 17 u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjopni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

67      Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma twassalx għall-ksur tal-prinċipju ta’ l-awtonomija istituzzjonali invokat mill-Gvern Ġermaniż (ara l-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza). F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni.

68      Jew meta jagħti poteri regolatorji lil assoċjazzjoni professjonali, Stat Membru joqgħod attent li jiddefinixxi l-kriterji ta’ interess pubbliku u l-prinċipji essenzjali li għandhom jirrispettaw ir-regoli ta’ din l-assoċjazzjoni professjonali u jirriżerva wkoll id-dritt tiegħu li jadotta deċiżjonijiet bħala l-aħħar rimedju. F’dan il-każ, ir-regoli adottati mill-assoċjazzjoni professjonali jibqgħu ta’ natura Statali u ma jaqgħux taħt il-portata tar-regoli tat-Trattat applikabbli għall-impriżi.

69      Inkella, ir-regoli adottati mill-assoċjazzjoni professjonali huma attribwibbli lilha biss. Kjarament, jekk japplika l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, huwa d-dmir ta’ din l-assoċjazzjoni professjonali li tinnotifika r-regoli adottati lill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-obbligu mhuwiex ta’ natura li jipparalizza wisq l-attività regolatorja ta’ assoċjazzjonijiet professjonali kif isostni l-Gvern Ġermaniż, peress li l-Kummissjoni dejjem għandha l-possibbilità tadotta regolament ta’ eżenzjoni ġenerali skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

70      Il-fatt li kull sistema deskritta fil-punti 68 u 69 ta’ din is-s-sentenza għandha konsegwenzi differenti għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju bl-ebda mod ma jippreġudika l-libertà ta’ l-Istati Membri li jagħżlu sistema waħda jew oħra.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(a) hija li regolament dwar il-formazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn avukati u membri ta’ professjonijiet liberali oħra, bħas-Samenwerkingsverordening 1993, adottat minn entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

 Fuq id-domanda 1(b) u (ċ)

72      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lid-domanda 1(a), m’hemmx għalfejn tingħata risposta għad-domanda 1(b) u (ċ).

 Fuq it-tieni domanda

73      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993, li, sabiex jiggarantixxi l-indipendenza u l-lealtà ta’ l-avukat li jipprovdi assistenza legali lejn il-klijent tiegħu, flimkien ma’ membri ta’ professjonijiet liberali oħra, jimponi regoli vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali li jirregolaw il-formazzjoni ta’ kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji, għandux bħala l-għan jew ir-riżultat tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u jekk huwiex ta’ tali natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri

74      L-appellanti fil-kawża prinċipali ppruvaw juru li s-Samenwerkingsverordening 1993 kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni billi ddeskrivew il-verżjonijiet suċċessivi tar-regoli dwar il-kollaborazzjoni.

75      Inizjalment, taħt is-Samenwerkingsverordening 1972, l-avukati kellhom jissodisfaw tliet kundizzjonijiet biex jiġu awtorizzati jipparteċipaw f’assoċjazzjoni multi-dixxipplinarja. L-ewwel nett, l-asoċjati kellhom ikunu membri ta’ professjonijiet liberali oħra b’edukazzjoni universitarja jew edukazzjoni ta’ livell ekwivalenti. It-tieni nett, kellhom jagħmlu parti minn assoċjazzjoni jew grupp li l-membri tiegħu kienu suġġetti għal regoli dixxiplinarji paragunabbli ma’ dawk applikabbli għall-avukati. Finalment, il-proporzjon ta’ avukati li jagħmlu parti mill-imsemmija assoċjazzjoni professjonali u l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħhom lejn din l-assoċjazzjoni kellu jkun għall-inqas daqs dak ta’ l-assoċjati li jappartjenu għal professjonijiet oħra, kemm fir-rigward tar-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-assoċjati, kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ terzi persuni.

76      Fl-1973, il-Kunsill Ġenerali approva lill-membri ta’ l-assoċjazzjoni Olandiża tal-prokuraturi għall-privattivi u lill-membri ta’ l-assoċjazzjoni Olandiża tal-konsulenti fiskali bħala persuni li setgħu jidħlu f’assoċjazzjonijiet professjonali multi-dixxiplinarji ma’ l-avukati. Iktar tard, in-nutara wkoll ġew inklużi. Skond l-appellanti fil-kawża prinċipali, għalkemm, f’dak iż-żmien, il-membri ta’ l-isititut Olandiż tal-kontabilisti ma kinux formalment approvati mill-Kunsill Ġenerali, bħala prinċipju, ma kienet teżisti ebda oġġezzjoni għal dan.

77      Fl-1991, ikkonfrontata għall-ewwel darba b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ kontabilista, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, fi tmiem proċedura mħaffa, emendat lis-Samenwerkingsverordening 1972, bl-għan waħdieni li jkollha bażi legali biex tipprojbixxi l-assoċjazzjonijiet professjonali bejn l-avukati u l-kontabilisti. Wara din id-data, l-avukati kienu awtorizzati jipparteċipaw f’assoċjazzjonijiet multi-dixxiplinarji biss meta “l-libertà u l-indipendenza fl-eżeċizzju tal-professjoni tagħhom, inkluża d-difiża ta’ l-interessi tal-klijenti tagħhom u r-relazzjoni korrispondenti ta’ fiduċja bejn l-avukat u l-klijient ma jistgħux jiġu ppreġudikati”.

78      Fil-fehma ta’ l-appellanti, ir-raġuni għalfejn l-assoċjazzjonijiet bejn l-avukati u l-kontabilisti mhumiex awtorizzati hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-uffiċċji ta’ kontabilisti żviluppaw u saru, minn dak iż-żmien ’l hawn, organizzazzjonijiet ġiganteski, b’tali mod li l-kollaborazzjoni ta’ uffiċċju ta’ avukati ma’ tali uffiċċju tispiċċa biex tixbah iktar, skond il-kliem ta’ l-Algemene Deken (Dekan Ġenerali), “żwieġ bejn ġurdien u iljunfant milli unjoni bejn imsieħba ta’ l-istess kalibru”.

79      Wara dan, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda adottat is-Samenwerkingsverordening 1993. Dan ir-regolament irriproduċa l-emenda li ddaħħlet fl-1991 u żied kundizzjoni oħra li kienet tipprovdi li l-avukati huma awtorizzati jagħmlu parti minn assoċjazzjoni professjonali biss jekk “il-professjoni ta’ kull membru jkollha bħala l-għan prinċipali tagħha l-prattika tal-liġi” (l-Artikolu 3 tas-Samenwerkingsverordening 1993). Skond l-appellanti fil-kawża prinċipali, dan juri l-għan anti kompetittiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

80      Sussidjarjament, l-appellanti fil-kawża prinċipali jsostnu li anki indipendentament mill-għan tiegħu, is-Samenwerkingsverordening 1993 joħloq effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

81      Fil-fatt, huma jostnu li l-kollaborazzjonijiet bejn l-avukati u l-kontabilisti, jagħmluha possibbli li jiġu sodisfatti b’mod aħjar il-bżonnijiet ta’ klijenti li joperaw f’ambjent ekonomiku u ġuridiku li kulma jmur qiegħed isir iktar kumpless u internazzjonali.

82      L-avukati, li għandhom reputazzjoni ta’ esperti f’diversi oqsma, huma fl-aħjar pożizzjoni li joffru lill-klijenti tagħhom firxa wiesgħa ta’ servizzi legali u, bħala membri ta’ assoċjazzjoni multi-dixxiplinarja, ikunu attraenti speċjalment għall-persuni l-oħra attivi fuq is-suq tas-servizzi legali.

83      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni professjonali, il-kontabilisti huma msieħba attraenti għall-avukati. Fil-fatt, huma għandhom esperjenza f’oqsma bħal-leġiżlazzjoni dwar il-kontijiet tal-kumpanniji, is-sistema fiskali, l-organizzazzjoni u l-irristrutturar ta’ l-impriżi u l-konsulenza fil-qasam ta’ l-immaniġġjar. Bosta klijenti jkunu interessati jirċievu servizz integrat, ipprovdut minn impriża waħda, li jkopri kemm l-aspetti legali, kif ukoll l-aspetti finanzjarji, fiskali, u tal-kontabbilità ta’ kwistjoni partikolari.

84      Il-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprekludi kull forma ta’ arranġament kuntrattwali bejn l-avukati u l-kontabilisti li jipprovdi, bi kwalunkwe mod, għat-tqassim tas-setgħa deċiżjonali, għall-impenn li jiġu ċeduti, f’ċerti każijiet, il-profitti jew għall-użu ta’ isem komuni, liema fatt jagħmel kwalunkwe forma ta’ kollaborazzjoni effettiva diffiċli.

85      Kuntrarjament għal dan l-argument, matul il-proċedura orali, il-Gvern tal-Lussemburgu sostna li l-projbizzjoni ta’ kollaborazzjonijiet multi-dixiplinarji, bħal dik imposta mis-Samenwerkingsverordening 1993 kellha effetti pożittivi fuq il-kompetizzjoni. Billi l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tipprekludi lill-avukati milli joħolqu assoċjazzjoni ma’ kontabilisti, hija kienet tnaqqas il-possibbilità li s-servizzi legali pprovuti mill-avukati jaqgħu f’idejn numru żgħir ta’ uffiċċji internazzjonali u, għaldaqstant, tippermetti li jinżamm numru kbir ta’ operaturi fis-suq.

86      F’dan ir-rigward, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tippreġudika l-kompetizzjoni u tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

87      F’dak li jirrigwarda l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-oqsma ta’ kompetenza ta’ l-avukati u tal-kontabilisti jistgħu jkunu kumplimentari. Peress li kulma jmur is-servizzi legali, speċjalment fil-qasam tal-liġi dwar in-negozju, jeħtieġu l-intervent ta’ kontabilista, kollaborazzjoni multi-dixxiplinarja bejn l-avukati u l-kontabilisti tippermetti li tiġi pprovduta firxa ta’ servizzi iktar wiesgħa, u saħansitra li jiġu proposti innovazzjonijiet. Għalhekk, il-klijent ikollu l-possibbilità li juża struttura waħda għal parti kbira tas-servizzi meħtieġa għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-funzjonament ta’ l-impriża tiegħu (l-hekk imsejjaħ vantaġġ tal-“one stop shop”).

88      Minbarra dan, kollaborazzjoni multi-dixxipplinarja bejn l-avukati u l-kontabilisti tista’ tissodisfa l-bżonnijiet li jinħolqu minħabba ż-żieda fl-inter-penetrazzjoni tas-swieq nazzjonali u bħala konsegwenza ta’ dan, il-ħtieġa kontinwa ta’ adattament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali.

89      Finalment, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-ekonomiji fil-kobor li jirriżultaw minn tali kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji jistgħu jagħtu lok għal effetti pożittivi fuq il-prezz tas-servizzi.

90      Għaldaqstant, projbizzjoni fuq il-kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji bejn l-avukati u l-kontabilisti bħal dik imposta mis-Samenwerkingsverordening 1993 tista’ tagħti lok għal-limitazzjoni tal-produzzjoni u ta’ l-iżvilupp tekniku fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1)(b) tat-Trattat.

91      Għalkemm huwa minnu li s-suq tal-kontabilisti huwa kkaratterizzat minn konċentrazzjoni qawwija, sa tali punt li l-impriżi li jiddominawh huma magħrufa bħala l-“big five” u li l-konċentrazzjoni proposta bejn tnejn minnhom, Price Waterhouse u Coopers & Lybrand tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/152/KE, ta’ l-20 ta’ Mejju 1998, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u ma’ l-operat tal-ftehim ŻEE [traduzzjoni mhux uffiċċjali] (Każ IV/M.1016 ─ Price Waterhouse/Coopers & Lybrand) (ĠU L 50, 1999, p. 27), adottata b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1).

92      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ kunflitti ta’ interess li għaliha huma suġġetti l-avukati fl-Istati Membri kollha tista’ tkun limitu strutturali għal konċentrazzjoni kbira wisq ta’ uffiċċji ta’ avukati u, konsegwentament, tista’ tnaqqas il-possibbiltà għalihom li jibbenefikaw minn ekonomiji fil-kobor jew li jidħlu f’kollaborazzjonijiet strutturali ma’ persuni li jipprattikaw professjonijiet li huma kkonċentrati ħafna.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorizzazzjoni mingħajr kundizzjonijiet u bla ebda limitu ta’ kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji bejn il-professjoni legali, li n-natura ġeneralment deċentralizzata tagħha hija marbuta mill-qrib ma’ ċerti karatteristiċi fundamentali tagħha, u professjoni daqstant ikkonċentrata daqs dik tal-kontabilisti tista’ tagħti lok għal tnaqqis globali fil-livell ta’ kompetizzjoni li teżisti fuq is-suq tas-servizzi legali, minħabba t-tnaqqis sostanzjali tan-numru ta’ impriżi preżenti f’dan is-suq.

94      Madankollu, safejn iż-żamma ta’ livell adegwat ta’ kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi legali tista’ tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri anqas estremi minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija s-Samenwerkingsverordening 1993, li tipprojbixxi, b’mod assolut, kwalunkwe forma ta’ kollaborazzjoni multi-dixxiplinarja indipendentament mid-daqs ta’ l-uffiċċji ta’ avukati u ta’ kontabilisti kkonċernati, leġiżlazzjoni bħal din tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

95      Fir-rigward ta’ l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, biżżejjed li jiġi mfakkar li akkordju li jestendi għat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jirrinforza t-tqassim tas-swieq fuq bażi nazzjonali, u b’hekk jipprevjeni l-interpenetrazzjoni ekonomika li jrid joħloq it-Trattat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 22, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

96      Dan l-effett huwa iktar evidenti fil-kawża preżenti minħabba li s-Samenwerkingsverordening 1993 japplika wkoll fir-rigward ta’ l-avukati viżitaturi rreġistrati ma’ Kamra ta’ l-Avukati ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li iktar ma’ jgħaddi ż-żmien iktar id-dritt ekonomiku u kummerċjali jirregola tranżazzjonijiet trans-nazzjonali u, finalment, minħabba li l-kumpanniji ta’ kontabilisti li jfittxu msieħba fost l-avukati huma ġeneralment gruppi internazzjonali li joperaw f’diversi Stati Membri.

97      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mhux kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta' assoċjazzjoni bejn impriżi li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom jaqgħu neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih id-deċiżjoni ta’ l-assoċjazzjoni bejn l-impriżi in kwistjoni ttieħdet jew tipproduċi l-effetti tagħha, u iktar partikolarment l-għanijiet tagħha, li f’dan il-każ huma relatati mal-ħtieġa li jiġu adottati regoli dwar l-organizzazzjoni, il-kwalifiki, l-etika professjonali, is-superviżjoni u r-responasabbilità, li jiżguraw li l-konsumaturi finali tas-servizzi legali jkollhom il-garanziji meħtieġa ta’ integrità u esperjenza u ma’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C-3/95, Ġabra p. I-6511, punt 38). Wara dan, għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għall-imsemmija għanijiet.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest ġuridiku applikabbli fl-Olanda, minn naħa, għall-avukati u għall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, magħmula mill-avukati kollha rreġistrati f’dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, għall-kontabilisti.

99      Fir-rigward ta’ l-avukati, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skond ġurisprudenza kostanti, fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji speċifiċi f’dan il-qasam, bħala regola, kull Stat Membru jibqa’ ħieles li jirregola l-mod kif il-professjoni ta’ avukat tiġi eżerċitata fit-territorju tiegħu (ara, s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Klopp, 107/83, Ġabra. p. 2971, punt 17, u Reisebüro Broede, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Minħabba dan, jista’ jkun hemm differenza kbira fir-regoli applikabbli għal din il-professjoni minn Stat Membru għall-ieħor.

100    Skond l-approċċ adottat fl-Olanda, fejn il-Kamra ta’ l-Avukati nazzjonali hija inkarigata, skond Artikolu 28 ta’ l-Advocatenwet, li tadotta regolamenti intiżi li jiggarantixxu li l-professjoni tiġi eżerċitata b’mod xieraq, ir-regoli essenzjali adottati għal dan il-għan huma, b’mod partikolari, id-dmir li l-avukat jirrappreżenta lill-klijent tiegħu b’indipendenza sħiħa u fl-interess esklużiv tiegħu, id-dmir, imsemmi iktar ‘il fuq, li jiġi evitat kull riskju ta’ kunflitt ta’ interess u d-dmir li jiġi mħares b’mod rigoruż is-sigriet professjonali.

101    Dawn l-obbligi ta’ kondotta professjonali għandhom implikazzjonijiet li mhumiex negliġibbli fuq l-istruttura tas-suq tas-servizzi legali u, b’mod iktar partikolari, fuq il-possibilitajiet li l-professjoni ta’ avukat tiġi eżerċitata konġuntament ma’ professjonijiet liberali oħra li joperaw f’dan is-suq.

102    Għalhekk huma jeħtieġu li avukat ikun f’sitwazzjoni ta’ indipendenza vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi l-oħra u terzi persuni u li m’għandux ikun influwenzat minnhom. F’dan ir-rigward huwa għandu jagħti garanziji li kull azzjoni meħuda minnu f’każ partikolari tkun ittieħdet fl-interess esklużiv tal-klijent.

103    Min-naħa l-oħra, b’mod ġenerali u b’mod iktar partikolari fl-Olanda, il-professjoni tal-kontabilisti mhijiex suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ kondotta professjonali paragunabbli.

104    F’dan ir-rigward, hekk kif ġustament irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 185 u 186 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jkun hemm ċerta inkompatibbilità bejn l-atttività ta’ l-għoti ta’ “pariri” mill-avukat u l-attività ta’ “kontroll” imwettqa mill-kontabilista. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellat fil-kawża prinċipali jirriżulta li fl-Olanda l-kontabilista jeżerċita funzjoni ta’ ċertifikazzjoni tal-kontijiet. Għal dan il-għan huwa jwettaq eżami u verifika oġġettiva tal-kontijiet tal-klijienti tiegħu sabiex jagħti lit-terzi persuni interessati l-opinjoni personali tiegħu fir-rigward ta’ l-affidabbiltà ta’ dawn il-kontijiet. Minn dan jirriżulta li fl-Istat Membru kkonċernat, il-kontabilisti mhumiex suġġetti għal sigriet professjonali paragunabbli ma’ dak ta’ l-avukat, bil-kontra ta’ dak impost, per eżempju, mil-liġi Ġermaniża.

105    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li s-Samenwerkingsverordening 1993 huwa intiż li jiżgura, fl-Istat Membru in kwistjoni, l-osservanza tar-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-avukati applikabbli hemmhekk u li fid-dawl tal-mod kif il-professjoni hi ġeneralment ipperċepita f’dak l-Istat, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda kienet intitolata tikkunsidra li seta’ jagħti l-każ li l-avukati ma jibqgħux f’pożizzjoni li jagħtu pariri u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom b’mod indipendenti u b’ħarsien rigoruż tas-sigriet professjonali jekk huma jagħmlu parti minn organizzazzjoni li hija wkoll responsabbli li tagħti kont tar-riżultati finanzjarji tat-tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom huma jkunu taw is-servizzi tagħhom u li tiċċertifika dawk il-kontijiet.

106    Minbarra dan, it-twettiq fl-istess ħin tal-funzjonijiet ta’ awditur u ta’ l-għoti ta’ pariri, b’mod partikolari l-pariri legali, iqajjem ukoll kwistjonijiet fi ħdan il-professjoni tal-kontabilisti nfisha, hekk ġie rrilevat fil-Karta Ħadra tal-Kummmissjoni 96/C 321/01 intitolata “[i]r-rwol, il-pożizzjoni u r-responsabbilità ta’ l-awditur fl-Unjoni Ewropea”, ĠU C 321, 1996, p.1; ara, b’mod partikolari, il-punti 4.12 sa 4.14).

107    Għaldaqstant, regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993 seta’ raġonevolment jiġi kkunsidrat bħala neċessarju biex jiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fl-Istat Membru kkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost.

108    Minbarra dan, il-fatt li regoli differenti jistgħu jkunu applikabbli fi Stat Membru ieħor, ma jfissirx li r-regoli fis-seħħ fl-ewwel Stat huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 33). Anki jekk f’ċerti Stati Membri l-kollaborazzjonijiet multi-dixxiplinarji bejn avukati u kontabilisti huma aċċettabbli, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandha d-dritt tikkunsidra li, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sistema legali applikabbli għall-avukati u għall-kontabilisti fl-Olanda, l-għanijiet tas-Samenwerkingsverordening 1993 ma jistgħux jintlaħqu permezz ta’ mezzi anqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ liġi li kienet tirriżerva l-attività ta’ rkupru ġudizzjarju tad-djun lill-avukati, is-sentenza Broede, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

109    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx li l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, bħal dawk imposti fuq l-avukati li joperaw fl-Olanda minn regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993 imorru lilhinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-eżerċizzju kif suppost tal-professjoni ta’ avukat (ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C 250/92, Ġabra. p. I 5641, punt 35).

110    Fid-dawl ta’ dak kollu li intqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-Samenwerkingsverordening 1993, adottata minn entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, ma tiksirx l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, peress li din l-entità setgħet raġonevolment tikkunsidra li l-imsemmija leġiżlazzjoni, minkejja l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li huma inerenti fiha, hi neċessarja biex tiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fil-pajjiż ikkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost.

 Fuq it-tielet domanda

111    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda għandhiex tiġi kkunsidrata bħala impriża jew grupp ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

112    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li peress li ma teżerċitax attività ekonomika, il-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda mhijiex impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

113    Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala grupp ta’ impriżi fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, peress li r-rabta bejn l-avukati rreġistrati fl-Olanda mhijiex kbira biżżejjed biex ikunu jistgħu jadottaw l-istess aġir fis-suq bir-riżultat li tiġi eliminata l-kompetizzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, C-96/94, Ġabra p. I-2883, punti 33 u 34).

114    Fil-fatt, il-professjoni ta’ avukat mhijiex ikkonċentrata ħafna, hija eteroġena ħafna, u għandha livell qawwi ta’ kompetizzjoni interna. Fin-nuqqas ta’ rbit strutturali biżżejjed bejn l-avukati, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom pożizzjoni dominanti kollettiva fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, 68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 227, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punti 36 u 42). Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mill-proċess, il-fatturat ta’ l-avukati huwa biss 60 % tal-fatturat tas-settur tas-servizzi legali fl-Olanda. Meta jiġi kkunsidrat in-numru kbir ta’ uffiċċji ta’ avukati, dan is-sehem mis-suq, meħud waħdu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala evidenza konklużiva dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Franza et vs Il-Kummissjoni, punt 226, u Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, punt 42).

115    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda ma hi la impriża u lanqas grupp ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat.

 Fuq ir-raba’ domanda

116    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet domanda, m’hemmx għalfejn tiġi kkunsidrata r-raba’ domanda.

 Fuq il-ħames domanda

117    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tieni domanda, m’hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-ħames domanda.

 Fuq is-sitt domanda

118    Fid-dawl tar-risposti mogħtija lit-tieni u t-tielet domandi, m’hemmx għalfejn tingħata risposta għas-sitt domanda.

 Fuq is-seba’, it-tmien u d-disa’ domandi

119    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kompatibbilità mad-dritt Komunitarju ta’ projbizzjoni fuq il-kollaborazzjoni inter-dixxiplinarji bejn avukati u kontabilisti bħal dik imposta mis-Samenwerkingsverordening 1993 għandhiex tiġi evalwata kemm fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll fid-dawl ta’ dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Permezz tat-tmien u d-disa’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk tali projbizzjoni hijiex restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment u/jew għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u, fl-affermattiv, jekk l-imsemmija restrizzjoni hijiex iġġustifikata

120    Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li r-regolamenti li mhumiex ta’ natura pubblika, iżda li huma intiżi li jirregolaw, kollettivament, ix-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-għoti ta’ servizzi, għandhom josservaw l-Artikoli 52 u 59 tat-Trattat. Fil-fatt, l-abolizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tkun ippreġudikata li kieku l-abolizzjoni ta’ limitazzjonijiet ta’ oriġini statali tista’ tiġi nnewtralizzata b’ostakoli li jirriżultaw mill-użu minn assoċjazzjonijiet jew entitajiet li mhumiex irregolati mid-dritt pubbliku ta’ l-awtonomija legali tagħhom (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, punti 17, 18, 23 u 24; ta’ l-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, punti 17 u 18; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punti 83 u 84, u tas- 6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 32).

121    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi mitluba tiddeċiedi l-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi humiex applikabbli għal regolament bħas-Samenwerkingsverordening 1993.

122    Jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u/jew il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi huma applikabbli għal projbizzjoni ta’ kull forma ta’ sħubija inter-dixxiplinarja bejn l-avukati u l-kontabilisti bħal dik imposta mis-Samenwerkingsverordening 1993, u li din tikkostwixxi restrizzjoni ta’ waħda minn dawn il-libertajiet jew tat-tnejn li huma, fi kwalunkwe każ, jidher li din ir-restrizzjoni hi ġġustifikata minħabba r-raġunijiet mogħtija fil-punti 97 sa 109 ta’ din is-sentenza.

123    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’, it-tmien u d-disa’ domandi hija li l-Artikoli 52 u 59 tat-Trattat ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-Samenwerkingsverordening 1993 li tipprojbixxi kull kollaborazzjoni inter-dixxiplinarja bejn l-avukati u l-kontabilisti, peress li din il-leġiżlazzjoni tista’ raġonevolment tiġi kkunsidrata bħala neċessarja biex tiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fl-Istat Membru kkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost.

 Fuq l-ispejjeż

124    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta’ l-Olanda, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Lussemburgu, ta’ l-Awstrija, tal-Portugall, ta’ l-Iżvezja u tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma qudddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi magħmula lilha mir-Raad van State, permezz ta’ sentenza ta’ l-10 ta’ Awwissu 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Regolament dwar il-formazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn avukati u membri ta’ professjonijiet liberali oħra, bħas-Samenwerkingsverordening 1993 (Regolament ta’ l-1993 dwar il-kollaborazzjoni), adottat minn entità bħan-Nederlandse Orde van Advocaten (Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda), għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE).

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-Samenwerkingsverordening 1993, adottata minn entità bħall-Kamra ta’ l-Avukati ta’ l-Olanda, ma tiksirx l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, peress li din l-entità setgħet raġonevolment tikkunsidra li l-imsemmija leġiżlazzjoni, minkejja l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li huma inerenti fiha, hi neċessarja biex tiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fil-pajjiż ikkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost.

3)      Entità bħan-Nederlandse Orde van Advocaten ma hi la impriża u lanqas grupp ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE).

4)      L-Artikoli 52 u 59 tat-Trattat (li, wara li ġew emendati, saru l-Artikoli 43 KE u 49 KE) ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħas- Samenwerkingsverordening 1993 li tipprojbixxi kull kollaborazzjoni inter-dixxiplinarja bejn l-avukati u l-kontabilisti, peress li din il-leġiżlazzjoni tista’ raġonevolment tiġi kkunsidrata bħala neċessarja biex tiżgura li l-professjoni ta’ avukat, kif organizzata fl-Istat Membru kkonċernat, tiġi eżerċitata kif suppost.

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Skouris

Cunha Rodrigues

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Frar 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Top