Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0239

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2001.
Nachi Europe GmbH vs Hauptzollamt Krefeld.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Politika kummerċjali komuni.
Kawża C-239/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2001:101

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

15 ta' Frar 2001 (*)

“Politika kummerċjali komuni – Projbizzjoni kontra l-prattiċi ta’ dumping – Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2849/92 – Emenda fid-dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun fejn l-akbar dijametru estern jaqbeż it-30 millimetri – Rinviju għal deċiżjoni preliminari preliminari għal evalwazzjoni ta’ validità– Nuqqas ta’ introduzzjoni ta’ rikors għal annullament kontra r-regolament mir-rikorrenti prinċipali”

Fil-kawża C-239/99,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Nachi Europe GmbH

u

Hauptzollampt Krefeld,

deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2849/92 tat-28 ta’ Settembru 1992 li jimmodifika d-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 1739/85 fuq l-importazzjoni ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun, fejn l-akbar djametru estern jaqbeż it-30 millimetri (ĠU L 286, p.2),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, A. La Pergola (Relatur), M. Wathelet u V. Skouris, Presidenti ta' Awla, D. A. O. Edward, J.-P. Puissochet, P. Jann, L. Sevón, R. Schintgen u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għal Nachi Europe GmbH, minn N. Polley u A. Scheffler, Rechtsanwälte,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn S. Marquardt, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u H.-G. Kamann, Rechtsanwälte,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u N. Khan, bħala aġenti,

wara li kkunsidrat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta’ Nachi Europe GmbH, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni matul is-seduta tas-26 ta’ Settembru 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Novembru 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’digriet tal-21 ta’ Ġunju 1999, li wasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju segwenti, il-Finanzgericht Düsseldorf ressqet, skond l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar il-validità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2849/92 tat-28 ta’ Settembru 1992 li jemenda d-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 1739/85 fuq l-importazzjoni ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun fejn l-akbar dijametru estern jaqbeż it-30 millimetru (ĠU 1992 L 286, p.2).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Nachi Europe GmbH (iktar ’il quddiem “Nachi Europe”) u Hauptzollamnt Krefeld (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), wara deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar li jiċħad it-talba ta’ Nachi Europe għar-rifużjoni ta’ dazji antidumping imħallsa skond ir-Regolament Nru 2849/92.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 2849/92

3       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1739/85 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1985, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ball bearings u roller bearings mislutin li joriġinaw mill-Ġappun (ĠU L 167, p.3), stabbilixxa dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjoni ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun fejn l-akbar dijametru estern jaqbeż it-30 millimetri. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1739/85 jimponi fuq il-ball bearings iffabbrikati minn NTN Toyo Bearing Ltd (iktar ’il quddiem “NTN”), Koyo Seiko Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Koyo Seiko”) u Nachi Fujikoshi Corporation (iktar ’il quddiem “Nachi Fujikoshi”), dazji antidumping definittivi li jikkorrispondu rispettivament għal 3.2 %, 5.5 % u 13.9 % tal-prezz nett, fejn il-prezz tal-prodott mingħajr dazju m’għandux imposta fuq il-fruntiera Komunitarja.

4       Dawn id-dazji kienu ġew emendati permezz tar-Regolament 2849/92, adottat fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-projbizzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma suġġetti għal dumping jew għal sussidji min-naħa ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonoimika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), u li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 1992.

5       Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi tar-Regolament Nru 2849/92, li l-Kunsill ikkunsidra li t-tneħħija tal-miżuri antidumping eżistenti wassal għal rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti għall-industrija Komunitarja (punt 39 tal-premessi) u li l-Komunità kellha interess manifest sabiex tkompli tipproteġi l-industrija tagħha ta’ ball bearings kontra l-kompetizzjoni żleali ta’ l-importazzjoni li saret bħala dumping (punt 44 tal-premessi). Wara li qabbel il-livelli ta’ prezz (punti 45 sa 52 tal-premessi), ir-Regolament Nru 2849/92 emenda d-dazji definittivi eżistenti, billi b’mod partikolari ffisshom, fl-Artikolu 1(2) tiegħu għal 11.6 % għal NTN, 13.7 % għal Koyo Seiko u 7.7 % għal Nachi Fujikoshi.

  Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko

6       Meta quddiemha tressaq rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 2849/92 minn NTN u Koyo Seiko, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill (T-163/94 u T-165/94, Ġabra p. II-14381), annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2849/92 “safejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti”.

7       Jirriżulta mis-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko v Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat illi bosta punti tal-premessi tar-Regolament Nru 2849/92 kienu jinkludu konstatazzjonijiet li kienu vvizzjati bi żbalji ta’ fatt jew ta’ dritt li jagħtu impressjoni ħażina minħabba n-natura mhux kompluta tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 39 tal-premessi ta’ dan ir-Regolament, skond liema l-importazzjonijiet bħala dumping jheddu li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-produzzjoni tal-ballbearings tal-Komunità, kienet żbaljata kemm fid-dritt u fil-fatt.

8       Permezz tas-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Kummisjoni vs NTN u Koyo Seiko (C-245/95 P, Ġabra p. I-401), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell magħmul mill-Kummissjoni kontra s-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari rrilevat li l-ommissjoni tal-Kunsill, ikkonstatata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li tistabbilixxi dannu jew theddida ta’ dannu skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2423/88 kienet biżżejjed sabiex twassal għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2849/92.

9       Filwaqt li rreferiet għall-konsegwenzi tas-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitati iktar ’il fuq, fit-3 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni ppubblikat l-Avviż 98/C 168/04, intitolat “Nota dwar l-importazzjonijiet ta’ ball bearings ta’ dijametru estern li jaqbeż it-30 millimetri li joriġinaw mil-Ġappun” (ĠU C 168, p. 6) li fih hija indikat li l-importaturi setgħu jitolbu rifużjoni mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tad-dazji definittivi miġbura wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2849/92, f’dak li għandu x’jaqsam mal-prodotti mmanifatturati minn Koyo Seiko u NTN.

 


 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Nachi Europe, li hija sussidjarja tan-Nachi Fujikoshi, f’Novembru u f’Diċembru 1995 importat ball bearings li oriġinaw mill-Ġappun, iffabbrikati mill-kumpannija parent tagħha, u li rrilaxxathom fl-uffiċċju dognali ta’ Mönchengladbach, li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Hauptzollamt.

11     Nachi Europe ħallset ammont totali ta’ DEM 58 891,51 bħala dazji antidumping li kienu ġiew mitluba lilha permezz ta’ notifika ta’ ħlas tas-17 ta’ Novembru 1995 u tad-29 ta’ Diċembru 1995.

12     B’ittra li wasslet quddiem il-Hauptzollamt fid-19 ta’ Novembru 1998, Nachi Europe talbet ir-rifużjoni tad-dazji antidumping li hija kienet ħallset, billi invokat l-illegalità tar-Regolament Nru 2849/92, kif jirriżulta mis-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitati iktar ’il fuq.

13     Il-Hauptzollamt ċaħad it-talba għal rifużjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 1999. Huwa ċaħad ukoll it-talba mressqa minn Nachi Europe kontra din id-deċiżjoni.

14     In sostenn tar-rikors li hija ressqet quddiem il-Finanzgeticht Düsseldorf, in-Nachi Europe sostniet illi r-Regolament Nru 2849/92 jimponi dazji antidumping fuq ball bearings li hija kienet importat u li, fis-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs il-Kunsill u Il-Kummisjoni v NTN u Koyo Seiko, ir-rikorsi għal annullament ta’ importaturi oħra kienu ġew milqugħa.

15     Il-Finanzgericht irrilevat li, jekk is-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitati iktar ’il fuq, iddikjaraw ir-Regolament Nru 2894/92 bħala invalidu biss fir-rigward tar-rikorrenti f’dawn il-kawżi, u mhux fir-rigward ta’ Nachi Europe, il-motivi ta’ dawn is-sentenzi madankollu jwasslu sabiex jiġi konkluż li l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament huwa totalment invalidu.

16     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq is-sussegwenti domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.       L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2849/92 huwa invalidu?

2.       F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, f’liema data l-invalidità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2849/92 tieħu effett fir-rigward tar-rikorrenti?”

 Fuq l-ewwel domanda

17     Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, peremzz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf mhux jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92 huwiex invalidu kollu kemm hu, iżda biss jekk din id-dispożizzjoni hijiex invalida safejn hija timponi dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi u importati permezz tas-sussidjarja tagħha, Nachi Europe, li huma l-uniċi prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

18     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk is-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitati iktar ’il fuq, kellhomx bħala effett li jaffettwaw il-validità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92, safejn din id-dispożizzjoni tiffissa dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi u, min-naħa l-oħra, jekk fin-nuqqas ta’ tali effett, Nachi Europe tistax tinvoka l-invalidità ta’ dan id-dazju antidumping f’kawża quddiem qorti nazzjonali.

 Dwar l-effett tas-sentenzi NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitati iktar ’il fuq, fuq il-validità tad-dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi.

19     L-ewwel nett għandhom jiġu mfakkra l-kundizzjonijiet li fihom individwu jista’ legalment iressaq rikors għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazji antidumping, bħal ma huwa r-Regolament Nru 2849/92.

20     Ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew legali għall-kundizzjoni li l-att ikkontestat, anki jekk fil-forma ta’ regolament, jirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

21     Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping, għalkemm dawn għandhom, minħabba n-natura u l-portata tagħhom, natura normattiva, huma ta’ natura li jikkonċernaw direttament u individwalment, fost oħrajn, dawk l-impriżi produtturi u estportaturi li jistgħu juru li huma kienu ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew li huma kkonċernati mill-investigazzjonijiet preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, 239/82 u 275/82, Ġabra p. 1005, punt 12) jew ukoll dawk l-importaturi fejn il-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut tal-merkanzija in kwistjoni jiffurmaw il-bażi tal-kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni, f’każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-305/86 u C-160/87, Ġabra p. I-2945, punt 19).

22     Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat illi, meta regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jimponi dazji li huma differenti għal sensiela ta’ kumpanniji, kumpannija mhijiex individwalment ikkonċernata ħlief mill-uniċi dispożizzjonijiet li jimponu fuqha dazju antidumping partikolari u li jiffissaw l-ammont, u mhux dawk li jimponu dazji antidumping fuq kumpanniji oħra, b’mod li r-rikors ta’ din il-kumpannija huwa ammissibbli biss safejn jitlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet tar-regolament li jikkonċernawha esklużivament (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, Toyo vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punti 6 u 7; Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, Ġabra p. 1861, punti 7 u 8; Koyo Seiko vs Il-Kunsill, 256/84, Ġabra p. 1899, punti 6 u 7, u Nippon Seiko vs Il-Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punti 7 u 8).

23     Kien fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza li NTN u Koyo Seiko, impriżi li jipproduċu ball bearings li speċifikatament huma koperti mir-Regolament Nru 2849/92, ressqu individwalment rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex dan ir-Regolament jiġi annullat safejn joqot kull waħda minnhom.

24     Permezz tas-sentenza tagħha NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikorsi ta’ dawn il-kumpanniji, fil-limiti tat-talbiet li tressqu quddiemha, jiġifieri billi annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2849/92 biss safejn jimponi dazju antidumping fuq il-kumpanniji NTN Corpuration u Koyo Seiko, u dan konformement mal-ġurisprudenza skond liema, peress li qorti Komunitarja taġixxi ultra vires hekk tiddeċiedi l-każ ultra petita (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs Haute Autorité, 46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801, u tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il-Kummissjoni, 37/71, Ġabra p. 483, punt 12), l-annullament li hija tiddeċiedi dwaru ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent (sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 52).

25     F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jressq rikors għal annullament, il-qorti Komunitarja tista’ tiddeċiedi biss fuq elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernawh, filwaqt li dawk li jikkonċenraw destinatarji oħra, li ma kinux ġew ikkontestati, ma jidħlux fis-suġġett tal-kawża ħlief jekk il-qorti Komunitarja hija mitluba tiddeċiedi dwarhom (sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

26     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk l-awtorità assoluta li tgawdi minnha sentenza għal annullament ta’ qorti Komunitarja hija marbuta kemm mad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, hija ma tistax tasal għal annullament ta’ att li mhuwiex riferut għall-kunsiderazzjoni tal-qorti Komunitarja iżda li huwa allegat li huwa vvizzjat bl-istess illegalità (sentenza Il-Kummissjoni vs Assi Domän Kraft Products, punt 54).

27     F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi stabbilit li l-annullament mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitata iktar ’il fuq, ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2849/92, safejn jimponi dazju antidumping fuq il-kumpanniji NTN u Koyo Seiko, ma jaffettwax il-validità ta’ l-elementi oħra ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari tad-dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi, peress li dawn l-elementi ma jidħlux fis-suġġett tal-kawża li l-qorti Komunitarja kienet mitluba li tiddeċiedi dwaru.

 Fuq il-possibbilità għal Nachi Europe li tinvoka l-invalidità tad-dazju antidumping f’kawża quddiem qorti nazzjonali

28      Indipendentement mill-effetti ta’ l-annullament parzjali deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk Nachi Europe tistax tinvoka l-invalidità tad-dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi f’kawża quddiem qorti nazzjonali.

29     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji li ma kinitx ġiet ikkontestata mid-destinatarju tagħha fit-terminu ta’ żmien previst mill-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, issir defininttiva fir-rigward tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 156/77, Ġabra p. 1881, punti 20 sa 24; ta’ l-10 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-183/91, Ġabra p. I-3131, punti 9 u 10, u tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggenforf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 13). Tali ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li t-termini ta’ rikors intiżi sabiex iħarsu ċ-ċertezza legali billi jevitaw l-ikkontestar b’mod indefinittiv ta’ l-atti Komunitarji għandhom effetti ta’ dritt (sentenza tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo, C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 19).

30     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istess eżiġenzi ta’ ċertezza legali jwasslu sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, li kien suġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata direttament lejn l-Istat Membru ta’ dan il-benefiċjarju, li seta’ mingħajr ebda dubju jikkontesta din id-deċiżjoni u li jkun ħalla għaddej it-terminu imperattiv previst f’dan ir-rigward mill-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, li jikkontesta l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali f’rikors magħmul kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali (sentenzi ċċitati TWD Textilwerke Deggendorf, punti 17 u 24, u Wiljo, punti 20 u 21). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li jekk tadotta soluzzjoni kuntrarja hija twassal sabiex tirrikonoxxi lill-benefiċjaru ta’ l-għajnuna l-fakultà li jdur man-natura definittiva li, skond il-prinċipju ta’ ċertezza legali, hija marbuta ma’ deċiżjoni wara l-iskadenza tat-termini ta’ rikors (sentenzi ċċitati TWD Textilwerke Deggendorf, punt 18, u Wiljo, punt 21).

31      Għandu jiġi eżaminat jekk, bħal ma jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, is-soluzzjoni li tinsab fis-sentenza TWD Textilwerke Deggenforf, iċċitata iktar ’il fuq, tistax tapplika fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, hija l-invalidità ta’ regolament li hija invokata, f’kawża quddiem qorti nazjonali, minn impriża li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Nachi Europe.

32     Fuq dan il-punt in-Nachi Europe sostniet matul is-seduta li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza TWD Textilweke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, ma setgħetx tiġi applikata fil-każ fejn l-invalidità ta’ regolament hija invokata inċidentalment, peress li l-Artikolu 241 KE jippermetti lil kull parti li tinvoka inċidentalment l-inapplikabbiltà ta’ regolament, minkejja l-iskadenza ta’ terminu ta’ rikors previst fil-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

33     F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jagħti l-Artikolu 241 KE li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ regolament ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali fl-okkażjoni ta’ proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja stess fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni oħra tat-Trattat (sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1962, Wöhrmann u Lütticke, 31/62 u 33/62, Ġabra p. 965, 979; tas-16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 33/80, Ġabra p. 2141, punt 17; tal-11 ta’ Lulju 1985, Salerno et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, Ġabra p. 2523, punt 36, u d-digriet tat-28 ta’ Ġunju 1993, Donatab et vs Il-Kummissjoni, C-64/93, Ġabra p. I-3595, punt 19).

34     Peress illi l-Artikolu 241 KE ma jistax jiġi invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fin-nuqqas ta’ rikors prinċipali li jitressq quddiemha, din id-dispożizzjoni ma tistax, inkwantu tali, tiġi applikata fil-kuntest tal-proċedura għal rinviju preliminari previst fl-Artikolu 234 KE. B’hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 234 jipprovdi proċedura li tippermetti li tiġi deċiża kwistjoni li titqajjem dwar il-validità ta’ att Komunitarju, meta din il-kwistjoni titressaq inċidentalment matul kawża quddiem qorti nazzjonali.

35     Madanakollu, huwa veru illi l-Artikolu 241 KE jesprimi prinċipju ġenerali ta’ dritt li jassigura lir-rikorrent id-dritt, fil-kuntest ta’ rikors imressaq skond d-dritt nazzjonali kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, li jeċċepixxi l-illegalità ta’ att Komunitarju li kien il-bażi għad-deċiżjoni nazzjonali meħuda kontra tiegħu, u l-kwistjoni tal-validità ta’ dan l-att Komunitarju tista’ b’hekk tiġi riferuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas-27 ta’ settembru 1983, Universität Hamburg, 216/82, Ġabra p. 2771, punti 10 u 12).

36     Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li dan il-prinċipju ġenerali jassigura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha, direttament u individwalment, il-validità ta’ l-atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti m’għandhiex id-dritt li tressaq, skond l-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra dawn l-atti li tagħhom hija ssubixxiet il-konsegwenzi mingħajr ma kienet fil-pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p.777, punt 39, u TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

37     Madankollu, dan il-prinċipju ġenerali, intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna għandha jew kellha l-possibbiltà li tikkontesta att Komunitarju li huwa l-bażi għal deċiżjoni kontra tagħha, bl-ebda mod ma jipprekludi li regolament isir definittiv kontra individuwu, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni individwali u li seta’ mingħajr ebda dubju jitlob l-annullament tiegħu skond l-Artikolu 230 KE, fattur li jimpedixxi lil dan l-individwu li jressaq l-illegalità ta’ dan ir-Regolament quddiem il-qorti nazzjonali (ara, għal dak li jikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni, is-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25). Tali konklużjoni tapplika għar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping, minħabba n-natura doppja tagħhom, kif irrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, bħal atti ta’ natura normativa u atti li jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment ċerti operaturi ekonomiċi.

38     Madankollu, fil-kawża preżenti, Nachi Europe, li hija r-rikorrenti prinċipali, setgħet mingħajr ebda dubju titlob l-annullament ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92, safejn dan jiffissa dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi.

39     Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, Nachi Europe hija importatriċi assoċjata ma’ Nachi Fujikoshi u l-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut tal-merkanzija in kwistjoni kienu l-bażi tal-kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni applikat mir-Regolament Nru 2894/92 sabiex jistabbilixxi l-marġni ta’ dumping li jirrigwardaw Nachi Fujikoshi. Madankollu, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, din iċ-ċirkustanza tippermetti li Nachi Europe tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment milquta mid-dispożizzjonjiet ta’ dan ir-Regolament li jimponu dazju antidumping partikolari għall-prodotti ffabbrikati minn Nachi Fujikoshi.

40     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun illi la s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza NTN Corpouration u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u la dik tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, iċċitata iktar ’il fuq, m’għandhom bħala effett li jaffettwaw il-validità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92 safejn dan jiffissa dazju antidumping applikabbli għall-ballbearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi.

41     Importatriċi ta’ dawn il-prodotti, bħal Nachi Europe, li mingħajr ebda dubju kellha dritt għal rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikseb l-annullament tad-dazju antidumping li jolqot dawn il-prodotti, iżda li ma eżerċitax dan ir-rikors, ma tistax sussegwentement tinvoka l-invalidità ta’ dan id-dazju antidumping quddiem qorti nazzjonali. F’każ bħal dan, il-qorti nazzjonali hija marbuta mal-karatteristika definittiva tad-dazju antidumping applikabbli skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92 għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi u importati minn Nachi Europe.

 Fuq it-tieni domanda

42     Peress li t-tieni domanda kienet tressqet biss mill-qorti tar-rinviju f’każ fejn risposta affermattiva kienet tingħata għall-ewwel domanda, m’hemmx li lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq l-ispejjeż

43     L-ispejjeż esposti mill-Kunsill u l-Kummissjoni, li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Filwaqt li tiddeċiedi dwar id-domandi li tressqu lilha mill-Finanzericht Düsseldorf permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Ġunju 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

La s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corpouration u Koyo Seiko vs Il-Kunsill (T-163/94 u T-165/94), u lanqas dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Frar 1998 Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C-245/95 P) m’għandhom bħala effett li jaffettwaw il-validità ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2849/92 tat-28 ta’ Settembru 1992, li jemenda d-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 1739/85 fuq l-importazzjonijiet ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun fejn l-akbar dijametru estern jaqbeż it-30 millimetri safejn jiffissa dazju antidumping applikabbli għall-ball bearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi Corporation.

Importatriċi ta’ dawn il-prodotti, bħal Nachi Europe GmbH, li mingħajr ebda dubju kellha dritt għal rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikseb l-annullament tad-dazju antidumping li jolqot dawn il-prodotti, iżda li ma eżerċitax dan ir-rikors, ma tistax sussegwentement tinvoka l-invalidità ta’ dan id-dazju antidumping quddiem qorti nazzjonali. F’każ bħal dan, il-qorti nazzjonali hija marbuta mal-karatteristika definittiva tad-dazju antidumping applikabbli skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2849/92 għall-ballbearings iffabbrikati minn Nachi Fujikoshi u importanti minn Nachi Europe.

Rodríguez Iglesias

Gulmann

La Pergola

Wathelet

Skouris

Edward

Puissochet

Jann

Sevón

Schintgen

 

      Macken

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Frar 2001.

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur                                                       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top