EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61995TJ0184

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tat-28 ta' April 1998.
Dorsch Consult Ingenieurgesellschaft mbH vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kawża T-184/95.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:1998:74

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

28 ta' April 1998 (*)

"Responsabbiltà mhux kuntrattwali għal att legali – Regolament Nru 2340/90 – Embargo kummerċjali kontra l-Iraq – Vjolazzjoni ta' drittijiet ekwivalenti għal esproprjazzjoni – Responsabbiltà għal att illegali – Dannu"

Fil-kawża T-184/95,

Dorsch Consult Ingenieurgesellschaft mbH, kumpannija stabbilita taħt il-liġi Ġermaniża, stabbilita fi Munich (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. M. Meessen, professur, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' Patrick Kinsch, 100, boulevard de la Pétrusse,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn Yves Cretien, konsulent legali, u wara minn Stephan Marquardt u Antonio Tanca, membri tas-servizz ġuridiku, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' Alessandro Morbilli, Direttur Ġenerali tad-Direttorat ta' l-Affarijiet Legali tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, 100, boulevard Konrad Adenauer,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitàjiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Gilsdorf u Allan Rosas, konsulenti legali prinċipali, u Jörn Sack, konsulent legali, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' Carlos Gómez de la Cruz, membru tas-servizz ġuridiku, Centre Wagner, Kirchberg,

konvenuti

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens għal dannu allegatament subit mill-impriża rikorrenti bħala riżultat ta’ l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2340/90 tat-8 ta’ Awwissu 1990 li jipprojbixxi l-kummerċ mill-Komunità fir-rigward ta’ l-Iraq u l-Kuwajt (ĠU 1990 L 213, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITÀJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla)

komposta minn C. W. Bellamy, President, A. Kalogeropoulos u V. Tiili, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-proċedura orali tad-19 ta' Ġunju 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrenti, Dorsch Consult Ingenieurgesellschaft mbH (iktar 'il quddiem "Dorsch Consult"), hija kumpannija ta' responsabbiltà limitata Ġermaniża stabbilita fi Munich (il-Ġermanja) u li għandha bħala attività prinċipali l-konsulenza fl-inġinerija f’diversi pajjiżi.

2        Fit-30 ta’ Jannar 1975, ir-rikorrenti kkonkluda mal-Ministry of Works and Housing tar-Repubblika ta’ l-Iraq (iktar 'il quddiem il-"Ministeru Iraqin") kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw l-organizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ xogħolijiet marbuta mal-konstruzzjoni ta’ l-Expressway Nru 1 Iraqina. Il-kuntratt, li kien għal perjodu minimu ta’ sitt snin, ġie, sussegwentement, imġedded diversi drabi għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni u sorveljanza tax-xogħolijiet hawn fuq imsemmija. L-Artikolu X ta' dan il-kuntratt jgħid, inter alia, li, f’każ ta’ differenzi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi kuntrattwali, il-partijiet kontraenti kellhom jippruvaw isibu soluzzjoni aċċettabbli permezz ta' azzjoni miftiehma (Artikolu X(1)). Fil-każ li dawn id-differenzi jibqgħu, il-każ kellu jintbagħat lill-Planning Board, li d-deċiżjoni tiegħu kienet finali u vinkolanti. Madankollu, l-ebda deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-kuntratt in kwistjoni ma setgħet twaqqaf lill-partijiet kontraenti li jressqu l-kwistjoni quddiem il-qrati kompetenti Iraqini (Artikolu X(2)).

3        Kif jirriżulta mill-proċess, id-dejn, li kien għandu ma tħallasx, dovut lir-rikorrenti mill-awtoritajiet Iraqini fil-bidu ta’ l-1990 għal servizzi mogħtija taħt il-kuntratt hawn fuq imsemmi ġie rikonoxxut f’żewġ ittri, datati 5 u 6 ta’ Frar 1990, li ntbagħtu mill-Ministeru ta’ l-Iraq lill-bank Iraqin Rafidian Bank (iktar 'il quddiem il-"bank Rafidian") li jitolbu jittrasferixxi s-somom dovuti lir-rikorrenti fil-kont bankarju ta’ din ta’ l-aħħar.

4        Fit-2 ta’ Awwissu 1990, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni Nru 660 (1990), li permezz tagħha huwa kkonstata ksur ta’ paċi u sigurtà internazzjonali minħabba l-invażjoni tal-Kuwajt mill-Iraq, u li teżiġi li l-forzi Iraqini jirtiraw immedjatament u bla kundizzjoni mit-territorju tal-Kuwajt.

5        Fis-6 ta’ Awwissu 1990, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni Nru 661 (1990) li permezz tagħha, billi jiddikjara li kien "jaf bir-responsabbiltajiet tiegħu skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak li jirrigwarda ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali" u billi jikkonstata li r-Repubblika ta’ l-Iraq (iktar 'il quddiem l-"Iraq") ma osservatx ir-Riżoluzzjoni Nru 660 (1990), iddeċidiet li tistabbilixxi embargo kummerċjali kontra l-Iraq u l-Kuwajt.

6        Fit-8 ta’ Awwissu 1990, il-Kunsill, filwaqt li rrefera għas-"sitwazzjoni serja li [rriżultat] mill-invażjoni tal-Kuwajt mill-Iraq" u għar-Riżoluzzjoni Nru 661 (1990) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, adotta, fuq proposta mill-Kummissjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2340/90 tat-8 ta’ Awwissu 1990 li jipprojbixxi l-kummerċ mill-Komunità fir-rigward ta’ l-Iraq u l-Kuwajt (ĠU 1990 L 213, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2340/90").

7        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2340/90 jipprojbixxi, mis-7 ta’ Awwissu 1990, l-introduzzjoni fit-territorju tal-Komunità tal-prodotti kollha li joriġinaw jew li ġejjin mill-Iraq jew il-Kuwajt u l-esportazzjoni lejn dawk il-pajjiżi tal-prodotti kollha li joriġinaw jew li ġejjin mill-Komunità. L-Artikolu 2 ta’ l-istess regolament jipprojbixxi, mis-7 ta’ Awwissu 1990, a) l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha, inklużi l-operazzjonijiet kollha konnessi ma’ tranżazzjonijiet li diġà saru jew li twettqu parzjalment, li għandhom bħala għan jew effett li jiffavorixxu l-esportazzjoni ta’ kull prodott li joriġina jew li ġej mill-Iraq jew mill-Kuwajt; b) il-bejgħ jew fornitura ta’ kull prodott, indipendentement minn fejn joriġina jew minn fejn ġej, lil kull persuna fiżika jew ġuridika fl-Iraq jew fil-Kuwajt jew lil kull persuna oħra fiżika jew ġuridika għall-iskopijiet ta’ kull attività kummerċjali li twettqet fi jew mit-territorju ta’ l-Iraq jew tal-Kuwait; u c) kull attività li għandha bħala għan jew effett li tiffavorixxi dan il-bejgħ jew din il-fornitura.

8        Kif jirriżulta mill-proċess, fis-16 ta’ Settembru 1990, il-"Kunsill Superjuri tar-Revoluzzjoni tar-Repubblika ta' l-Iraq" (Higher Revolutionary Council of the Republic of Iraq), billi jirreferi għad-"deċiżjonijiet arbitrarji ta' ċerti gvernijiet", adotta, b’effett retroattiv mis-6 ta’ Awwissu 1990, il-Liġi Nru 57 dwar il-protezzjoni tal-proprjetà, l-interessi u d-drittijiet Iraqini ġewwa u barra mill-Iraq (iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 57"). L-Artikolu 7 ta’ dik il-liġi ffriża l-beni u l-assi kollha kif ukoll id-dħul minn dawn, li l-gvernijiet, impriżi, kumpanniji u banek ta’ dawn l-Istati kienu jiddisponu minnhom fiż-żmien meta adottaw l-imsemmija "deċiżjonijiet arbitrarji" kontra l-Iraq.

9        Billi ma rċeviet ebda ħlas mill-awtoritajiet Iraqini tas-somom dovuti lilha, liema dejn ġie rikonoxxut mill-Ministeru Iraqin fl-ittri hawn fuq imsemmija tal-5 u 6 ta’ Frar 1990 (ara punt 3 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti, permezz ta' ittri tal-4 ta’ Awwissu 1995, talbet lill-Kunsill u lill-Kummisjoni sabiex jagħtuha kumpens għad-dannu li hija ġarrbet bħala riżultat tal-fatt li d-djun in kwistjoni ma setax jiġi rkuprat minħabba l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 57, safejn din il-liġi kienet ġiet adottata bħala kontromiżura għall-adozzjoni mill-Komunità tar-Regolament Nru 2340/90. F’dawk l-ittri, ir-rikorrenti sostniet li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-obbligu li jagħti kumpens lill-operaturi affettwati mill-embargo kontra l-Iraq u li l-fatt li naqas milli jagħmel dan kellu bħala konsegwenza li l-Komunità tkun responsabbli skond it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 215 tat-Trattat KE. Hija żiedet illi, bħala miżura ta' prekawzjoni, hija rreġistrat it-talbiet tagħha fir-rigward ta' l-Iraq mal-United Nations Iraq Claims Compensation Commission.

10      Permezz ta' ittra datata 20 ta’ Settembru 1995, il-Kunsill ċaħad it-talba għal kumpens tar-rikorrenti.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti, permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim Istanza fis-6 ta’ Ottubru 1995, ressqet din il-kawża.

12      Wara li semgħet ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ebda miżura istruttorja. Madankollu, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura, il-partijiet kienu mitluba jirrispondu għal numru ta’ domandi bil-miktub.

13      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-15 ta' Novembru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti ta’ Prim Istanza sabiex jogħġobha:

–        tordna lill-Komunità tħallasha DM 2 279 859.69, flimkien ma' l-interessi bir-rata ta’ 8% fis-sena mid-9 ta’ Awwissu 1990, bħala korrispettiv għat-trasferiment lill-Komunità tal-bilanċ tad-dejn ta’ l-istess ammont li hija għandha kontra l-Iraq;

–        tordna l-konvenuti jbatu l-ispejjeż;

–        tiddikjara s-sentenza eżegwibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara s-sentenza eżegwibbli proviżorjament fuq preżentazzjoni ta’ garanzija bankarja.

15      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        fin-nuqqas, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Ir-raġunijiet u l-argumenti tal-partijiet

17      Il-Kunsill, mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, isostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress illi l-Komunità ma tistax tkun responsabbli għal kull dannu allegatament subit mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1975, Grands moulins des Antilles vs Il-Kummissjoni, 99/74, Ġabra p. 1531).

18      L-ewwel nett, il-Kunsill isostni illi d-dannu allegat ma rriżultax mir-Regolament Nru 2340/90 iżda mil-Liġi Nru 57. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-adozzjoni ta’ din il-liġi ma kinitx "reazzjoni diretta" għal adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, iżda, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, reazzjoni għad-"deċiżjonijiet arbitrarji" adottati minn "ċerti gvernijiet". Skond il-Kunsill, kienu r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 660 (1990) u 661 (1990) li fil-fatt wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 57. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt illi l-embargo ordnat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iraq kien iġġustifikat minħabba l-imġieba illegali ta’ l-Iraq (l-invażjoni tal-Kuwajt) ma jippermettix li tiġi stabbilita konnessjoni oġġettiva bejn l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 u l-adozzjoni mill-Iraq, bħala kontromiżura, tal-Liġi Nru 57 u, għaldaqstant, li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn ir-regolament Komunitarju u d-dannu invokat milir-rikorrenti.

19      It-tieni nett, il-Kunsill jistaqsi jekk it-talbiet ta’ ir-rikorrenti kontra l-awtoritajiet ta’ l-Iraq jikkostitwixxux "assi" iffriżati skond l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 57 (ara punt 8 iktar 'il fuq). B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma wrietx illi kien b'applikazzjoni tal-Liġi Nru 57 li l-bank Rafidian kien irrifjuta li jeżegwixxi l-ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija mill-Ministeru Iraqin. Il-Kunsill jenfasizza li l-ordnijiet ta’ trasferiment in kwistjoni kienu ngħataw permezz ta' ittri tal-Ministeru Iraqin datati 5 u 6 ta’ Frar 1990, sew qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57 f’Settembru 1990.

20      It-tielet nett, il-Kunsill isostni li, anki kieku r-rifjut ta’ l-awtoritajiet Iraqini li joneraw id-djun tagħhom fir-rigward tar-rikorrent kien ibbażat fuq il-Liġi Nru 57, dik il-liġi biss, fl-assenza ta’ kull miżura nazzjonali jew Komunitarja li tipprojbixxi t-trasferiment ta’ fondi lejn il-Ġermanja mill-Iraq, tagħti lok għad-dannu allegat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija differenti minn dik ta’ kull operatur ieħor Ġermaniż li soffra dannu bħala riżultat ta’ miżuri nazzjonali Ġermaniżi li jipprojbixxu, skond ir-Regolament Nru 2340/90, kull tranżazzjoni kummerċjali ma’ l-Iraq.

21      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà ma tippermettix, bħala prinċipju, li jiġi ppreżentat, abbażi ta' l-Artikoli 178 u tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 215 tat-Trattat, rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal att legali. Madankollu, hija ssostni li għandu jkun hemm bażi legali fit-Trattat li individwu jista' jirrikorri għaliha sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali.

22      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha hija ammissibbli u li l-kunsiderazzjoni ta’ dritt u ta' fatt miġjuba mill-Kunsill u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 u l-impossibbiltà li hija tirkupra d-djun tagħha mill-awtoritajiet Iraqini, jirrigwardaw il-mertu u mhux l-ammissibbiltà tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li r-rikorrenti tagħti deskrizzjoni ċara fir-rikors tagħha tan-natura u l-estent tad-dannu allegat kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90. Għaldaqstant, ir-rikors fih informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti f’dan ir-rigward mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura u mill-ġurisprudenza, billi l-argumenti tal-Kunsill dwar l-eżistenza u n-natura tad-dannu invokat u r-rabta kawżali jirrigwardaw il-fondatezza tar-rikors u għandhom għalhekk jiġi eżaminati f’dak il-kuntest. Minn dan jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' April 1997, Saint u Murray vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-554/93, Ġabra p. II-563, punt 59, u ta' l-10 ta' Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-38/96, Ġabra p. II-1223, punt 42).

 Fuq il-mertu

24      Ir-rikorrenti ssostni li, peress illi l-oriġini tal-Liġi Nru 57 tinsab fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, li stabbilixxa embargo kontra l-Iraq, il-Komunità għandha l-obbligu illi tagħti kumpens għad-dannu li hija sofriet bħala riżultat tar-rifjut ta’ l-awtoritajiet Iraqini li joneraw id-djun tagħhom fir-rigward tagħha. Hija ssostni li r-responsabbiltà tal-Komunità għad-dannu li hija ġarrbet tirriżulta mill-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Komunità għal att legali, peress illi hija kienet suġġetta għal vjolazzjoni tad-drittijiet tagħha ta' proprjetà ekwivalenti għal esproprjazzjoni, u, sussidjarjament, mill-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Komunità għal att illegali, fejn l-illegalità in kwistjoni hija kkostitwita fil-kawża preżenti min-nuqqas tal-leġiżlatur Komunitarju li jipprovdi, meta adotta r-Regolament Nru 2340/90, għal kumpens għad-danni kkawżati minn dan ir-regolament lill-impriżi kkonċernati.

 Fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità għal atti legali

 L-argumenti tal-partijiet

Fuq il-bażi tar-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali

25      Ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li, skond l-Artikolu 1 ta’ l-Ewwel Protokoll Addizzjonali, anness mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB") kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali dwar l-obbligu li jingħata kumpens għal vjolazzjoni ta' drittijiet għal proprjetà, l-Artikolu 14(3) tal-Grundgesestz (Kostituzzjoni Ġermaniża) tipprovdi li esproprjazzjoni deċiża fl-interess ġenerali tista’ titwettaq biss fuq kumpens. Skond ir-rikorrenti, l-istess regola tapplika wkoll f’każ ta’ "vjolazzjoni ta' drittijiet ekwivalenti għal esproprjazzjoni" fejn, skond il-ġurisprudenza Ġermaniża, hemm obbligu li jitħallas kumpens meta atti legali ta’ Stat, għalkemm mhumiex miżuri formali ta’ esproprjazzjoni, għandhom madankollu bħala konsegwenza aċċessorja li jaffettwaw b’mod ħażin id-drittijiet ta' proprjetà.

26      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li d-djun li għandhom jitħallsu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ proprjetà protetta minn vjolazzjoni ta' drittijiet ekwivalenti għal esproprjazzjoni skond l-Artikolu 1 ta’ l-Ewwel Protokol tal-KEDB (sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta’ Diċembru 1994, Raffineriji Griegi Stan u Stratis Andreadis vs Il-Greċja). L-istess soluzzjoni, barra minn hekk, ġiet adottata fil-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt internazzjonali pubbliku kif ukoll fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

27      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt illi d-djun eżistenti u mhux ikkontestati tagħha m'għadhomx jistgħu jiġu rkuprati b'applikazzjoni tal-Liġi Nru 57, adottata bħala kontromiżura għall-impożizzjoni ta' embargo kontra l-Iraq permezz tar-Regolament Nru 2340/90, ikkawżalha dannu "effettiv u attwali" li għalih għandha tingħata kumpens mill-Komunità.

28      Hija ssostni li t-talba tagħha għal kumpens għal vjolazzjoni legali tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħha hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni illi l-kontribuzzjoni tagħha għall-ispejjez tal-politika ta' embargo applikata mill-Komunità m'għandhiex tkun akbar minn dik ta’ persuni taxxabbli Komunitàrji oħrajn li għandhom ukoll iġarrbu dawn l-ispejjez skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1980, Ferwerda, 265/78, Ġabra p. 617, 628).

29      Bħala risposta għall-argument tal-konvenuti li jgħid li l-kawża preżenti tirrigwarda miżura Komunitarja li tirrifletti l-għażliet ta’ politika ekonomika, b'tali mod li d-dannu li hija tinvoka ma taqbiżx il-limiti inerenti fir-riskji li jeżistu f’attivitajiet ekonomiċi fil-qasam ikkonċernat u ma theddidx l-eżistenza tagħha bħala impriża, ir-rikorrenti ssostni li l-kwistjoni dwar jekk l-embargo impost kontra l-Iraq jikkostitwixxix miżura ta’ politika ekonomika jew ta’ politika ta' sigurtà, li thedded l-eżistenza tagħha, hija irrilevanti peress illi l-kawża preżenti ma tirrigwardax telf finanzjarju futur, iżda vjolazzjoni tad-drittijiet għal proprjetà li kienu jeżistu minn qabel. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, billi pprovdiet servizzi fl-Iraq, hija kienet taf li qiegħda tieħu r-risku li wara ma tkunx kapaċi tirkupra d-djun tagħha, hija ssostni li l-kuntratt li hija kkonkludiet fl-1975 ma’ l-awtoritajiet Iraqini jmur lura erba' snin qabel il-bidu tal-ħakma preżenti Iraqina u ħames snin qabel il-gwerra bejn l-Iraq u l-Iran.

30      Il-Kunsill isostni, l-ewwel nett, li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali għandhom ikunu aktar stretti minn dawk li japplikaw fil-kuntest tar-responsabbiltà għal att illegali.

31      Huwa josserva illi, skond il-ġurisprudenza rilevanti, jista’ jkun hemm responsabbiltà awtomatika biss jekk individwu jkollu jġarrab, fl-interess pubbliku, piż finanzjarju li normalment ma jkollux iġarrab (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Développement SA u Clemessy vs Il-Kummissjoni, 267/82, Ġabra p. 1907) jew jekk grupp partikolari ta’ impriżi li jispeċjaliżżaw f’ċerti prodotti għandhom iġarrbu parti mhux proporzjonali tal-piż li jirriżulta mill-adozzjoni mill-Komunità ta’ ċerti miżuri ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677).

32      Issa, skond il-Kunsill, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija sodisfatta f’din il-kawża. Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li mhuwiex aċċettabbli li hija tikkontribwixxi aktar minn operaturi ekonomiċi oħra għall-ispejjez tal-politika ta’ embargo kontra l-Iraq, sempliċiment għaliex id-djun tiegħu kienu għadhom ma tħallsux fil-mument ta’ l-implimentazzjoni ta’ din il-politika, il-Kunsill jirrispondi li mhuwiex l-obbligu tal-Komunità li tagħmel tajjeb għad-"diżgrazzji" ta’ l-operaturi li jkunu qegħdin jagħmlu tranżazzjonijiet li jinvolvu riskji ekonomiċi.

33      Il-Kummissjoni targumenta illi l-kunċett legali Ġermaniż ta’
"sagrifiċċju eċċezzjonali" ("Sonderopfer"), li fuqu r-rikorrenti tibbaża t-talba tagħha għal kumpens, jippresupponi li individwu sofra dannu partikolari u ma jistax jiġi traspost fil-liġi Komunitarja. Minbarra dan, hemm dubju jekk ir-rikorrenti tistax titqies li tifforma parti minn grupp ta’ impriżi li huwa suffiċjentement definit billi għamlet "sagrifiċċju eċċezzjonali", skond din it-teorija.

34      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-referenzi magħmula mir-rikorrenti għall-ġurisprudenza Ġermaniża jikkonċernaw l-effetti ħżiena fuq il-proprjetà immobbli jew kummerċjali li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ l-Istat li jirrigwardaw bini jew tqassim ta’ artijiet u għaldaqstant mhumiex rilevanti għall-kawża preżenti. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-protezzjoni tad-dritt għal proprjetà, iċċitata mir-rikorrenti (ara punt 29 iktar ‘il fuq) tikkonċerna, fil-fatt, it-tneħħija diretta ta’ drittijiet ta’ proprjetà permezz ta’ miżuri ta’ l-awtorità pubblika u mhux il-konsegwenzi indiretti ta’ miżuri legali adottati mill-Komunità, bħal ma ġara f’din il-kawża.

35      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza rilevanti, jista’ jkun hemm ir-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward ta’ att legali biss jekk id-dannu allegat ma setax jiġi previst jew ma setax jiġi evitat minn operatur ekonomiku diliġenti. Issa, il-prevedibbiltà ta’ l-insolvenza u/jew tar-rifjut ta’ l-Iraq li jħallas hija, fil-kawża preżenti, ċara, meta jittieħed in kunsiderazzjoni, minn naħa, il-kuntest ġenerali u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni partikolari ta’ dan il-pajjiż. Skond il-Kummissjoni, impriżi bħar-rikorrenti, li ma kienux kapaċi jirċievu garanziji minn korpi pubbliċi jew kumpanniji ta’ assikurazzjoni intiżi sabiex ikopru r-riskji assoċjati ma’ tranżazzjonijeit kummerċjali ma’ pajjiżi kkunsidrati bħala "pajjiżi ta’ riskju għoli", ikunu aċċettaw kuxjentement ir-riskji għola involuti.

36      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma invokat ebda ċirkustanza li tista’ taffettwa b’mod serju l-ħidma tagħha u li thedded is-sopravivenza tagħha bħala impriża (ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Rau et vs Il-Kummissjoni, 279/84, 280/84, 285/84 u 286/84, Ġabra p. 1069, 1084, 1114).

Fuq ir-rabta kawżali

37      Ir-rikorrenti ssostni li d-dannu invokat kien ikkawżat mill-adozzjoni ta’ Regolament Nru 2340/90 li jimponi embargo kontra l-Iraq, peress illi r-rifjut ta’ l-awtoritajiet Iraqini illi jħallsuha d-djun tagħha kien ibbażżat fuq il-Liġi Nru 57, li ġiet adottata bħala kontromiżura għall-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament. Kuntrarjament għal dak li qal il-Kunsill, l-adozzjoni mill-Iraq tal-Liġi Nru 57 ma tikkostitwixxix konsegwenza "remota" fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Dumortier Frères vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091), iżda konsegwenza tipika u prevedibbli ta’ att li japplika embargo.

38      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li meta r-Regolament Nru 2340/90 ġie adottat, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill fil-fatt ħadu in kunsiderazzjoni l-ispejjez u l-konsegwenzi l-oħra li jirriżultaw mis-sospensjoni eventwali mill-Iraq tal-ħlas tad-djun dovuti minnu lill-impriżi Komunitàrji. Sabiex isaħħaħ dan l-argument, hija tikkwota bħala xhieda lill-ex-President tal-Kummissjoni, Mr Delors, u lill-ex-President tal-Kunsill, Mr De Michelis, u titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipproduċu d-dokumenti kollha li wasslu għal adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ottubru 1995, Carvel u Guardian Newspapers vs Il-Kunsill, T-194/94, Ġabra p. II-2765).

39      Skond ir-rikorrenti, l-argument tal-konvenuti li jgħid li d-dannu invokat ma jistax jiġi attribwit għal adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, imma biss għal fatt li, qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u anki qabel l-invażjoni tal-Kuwajt fit-2 ta’ Awwissu 1990, l-Iraq ma kienx f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu, huwa kkontradett mill-fatt li, f’April u f'Mejju 1990, l-awtoritajiet Iraqini kienu diġa ħallsuha somma ta’ madwar DM 200 000 għal servizzi pprovduti. Bl-istess mod, id-dewmien ta’ l-awtoritajiet Iraqini sabiex jirregola diversi fatturi f’munita barranija jista’ jiġi spjegat biss mid-diffikultajiet burokratiċi li ltaqgħet magħhom l-amministrazzjoni Iraqina u mhux mill-allegat nuqqas ta’ kapaċità ta’ l-awtoritajiet Iraqini li jħallsu.

40      Ir-rikorrenti tirrifjuta l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-impossibbiltà li tirkupra d-djun tagħha ma setgħetx tiġi attribwita għar-Regolament Nru 2340/90, iżda għal kawża aktar remota, jiġifieri l-invażjoni tal-Kuwajt mill-Iraq, bi ksur tad-dritt internazzjonali. Il-fatt li l-embargo Komunitarju kontra l-Iraq kien iġġustifikat mill-imġieba preċedenti u illegali ta' dan l-Istat ma jfissirx li l-Komunità ma għandhiex l-obbligu li tagħti kumpens lill-persuni terzi għal vjolazzjoni ta' drittijiet ekwivalenti għal esproprjazzjoni. L-eżistenza ta’ rabta diretta invokata fil-kawża preżenti lanqas ma hija kkontestata mill-fatt li d-dannu subit huwa r-riżultat ta’ raġuni preċedenti u illegali, jiġifieri l-Liġi Nru 57, li kienet adottata bħala kontromiżura għal att preċedenti u legali, jiġifieri l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539).

41      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill, li jgħid li wara kollox kienu r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li taw lok għad-dannu, ir-rikorrenti twieġeb li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti m'għandhomx effett dirett fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.

42      Għal dak li jirrigwarda l-mistoqsija mqajjma mill-konvenuti dwar jekk, minn naħa, id-djun tar-rikorrenti kienux jikkonstitwixxu effettivament "assi" fis-sens tal-Liġi Nru 57 u, min-naħa l-oħra, jekk dik il-liġi għadhiex fis-seħħ, ir-rikorrenti ssostni li l-unika ħaġa li hija importanti huwa l-fatt li l-awtoritajiet Iraqini jibqgħu jirrifjutaw li jonoraw id-djun tagħhom.

43      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-argument tal-Kunsill, il-fatt li r-Regolament Nru 2340/90 kien jikkonċerna biss l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti, u mhux il-provvista ta’ servizzi, m'għandux effett fuq l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' rabta kawżali peress illi kien minħabba l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament li l-awtoritajiet Iraqini rrifjutaw li joneraw id-djun tagħhom.

44      Il-Kunsill isostni li, anke jekk id-djun tar-rikorrenti kontra l-Iraq kellhom jitqiesu bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati u jekk, għaldaqstant, hija soffriet danni, ma kienx hemm rabta jew, għall-inqas, ebda rabta "suffiċjentement diretta" bejn dan id-dannu u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90.

45      Skond il-Kunsill, ir-rifjut ta’ l-Iraq li jħallas id-djun tar-rikorrenti mhuwiex dovut għall-applikazzjoni tal-Liġi Nru 57, adottata bħala kontromiżura għar-Regolament Nru 2340/90, iżda għal diffikultajiet finanzjarji li kien qiegħed jgħaddi minnhom l-Iraq bħala riżultat tal-politika tiegħu ta’ aggressjoni lejn Stati ġirien. Minbarra dan, peress illi, fil-mument meta l-Liġi Nru 57 ġiet adottata, l-awtoritajiet Iraqini ma kienux għadhom ittrasferew il-fondi f’kont bankarju f'isem ir-rikorrenti, l-ebda "proprjetà" jew "assi" tar-rikorrenti ma kienu ġew iffriżati fis-sens strett tad-dispożizzjonijiet ta’ dim il-liġi.

46      Anki kieku wieħed kellu jassumi li d-dannu invokat mir-rikorrenti kellu jiġi kkunsidrat bħala dovut għall-applikazzjoni tal-Liġi Nru 57, il-Kunsill jikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li qiegħda tgħid ir-rikorrenti, ma kienx ir-Regolament Nru 2340/90 li wassal għall-adozzjoni ta’ din il-liġi imma r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 660 (1990) u 661 (1990), li ordnaw embargo kontra l-Iraq u li l-Komunità kienet marbuta legalment li tapplika. Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57 ma tistax titqies bħala konsegwenza "suffiċjentement diretta" ta’ l-addozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti.

47      Barra minn hekk, ir-rabta kawżali invokata ma teżistix, peress illi, fil-kuntest storiku tagħha, il-Liġi Nru 57 ma tistax titqies bħala "reazzjoni" mill-Iraq għall-miżuri ta' embargo ordnati mill-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijeit Uniti u implimentati mill-Komunità permezz tar-Regolament Nru 2340/90, għaliex il-miżuri kontra l-Iraq kienu ġew adottati wara l-ksur sussegwenti tad-dritt internazzjonali minn dan il-pajjiż.

48      Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li, peress illi l-iskop tar-Regolament Nru 2340/90 kien li jevita l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti u mhux li jipprojbixxi operaturi ekonomiċi tal-Komunità milli jirċievu ħlas ta’ djun li diġà kien dovut lilhom mill-awtoritajiet Iraqini, ma hemmx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u d-dannu invokat.

49      Il-Kummissjoni ssostni li d-dannu invokat mir-rikorrenti jirriżulta biss mil-Liġi Nru 57, u mhux mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, billi dan ta’ l-aħħar ġie sempliċiment użat mill-Iraq bħala skuża sabiex jissospendi l-ħlas tad-djun tiegħu, minħabba d-diffikultajiet li kien qiegħed jiltaqa’ magħhom u s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina li sab ruħu fiha bħala riżultat ta’ l-attivitajiet ta' gwerra tiegħu fir-reġjun u tal-politika ta’ armamenti tiegħu.

50      Minbarra dan, jidher ċar mill-Artikoli 5 u 7 tal-Liġi Nru 57 li l-Iraq ma rrifjutax definitivament li jħallas id-djun tiegħu lir-rikorrenti, u dan jispjega għalfejn ir-rikorrenti ssuġerixxiet li tittrasferixxi d-djun tagħha lill-konvenuti bħala korrispettiv għall-għoti ta’ kumpens, b'tali mod li, għal din ir-raġuni wkoll, mhemm l-ebda rabta kawżali diretta bejn id-dannu invokat u r-Regolament Nru 2340/90. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-eżistenza ta’ rabta kawżali indiretta kienet biżżejjed sabiex tati lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, jibqa’ l-fatt li rabta bħal din hija irrilevanti f’ċirkustanzi, bħal fil-kawża preżenti, fejn din tirrigwarda kondotta legali (l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament Nru 2340/90) illi sussegwentament tat lok għal kondotta illegali minn parti terza (l-adozzjoni mill-Iraq tal-Liġi Nru 57).

51      Il-Kummissjoni żżid illi, permezz ta' ittra indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta’ Frar 1991, l-Iraq irrikonoxxa formalment il-legalità tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 660 (1990) u ta’ riżoluzzjonijiet oħrajn li ġew wara l-Liġi Nru 57, u li dik il-liġi kienet ġiet finalment mħassra fit-3 ta’ Marzu 1991, bir-riżultat illi, sa minn dik id-data, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li titlob lill-awtoritajiet Iraqini l-ħlas tad-djun tagħha.

52      Għal dak li jirrigwarda t-talba ta' smigħ bħala xhieda ta' l-ex President tal-Kummissjoni u ta' l-ex President tal-Kunsill, il-Kummissjoni tenfasizza li dan ikun irrilevanti peress illi l-provi li għandhom jiġu ppreżentati mir-rikorrenti ma jistgħux jikkonsistu f'dikjarazzjonijiet tal-persuni in kwistjoni.

Fuq id-dannu

53      Ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu "effettiv u attwali" fis-sens tal-ġurisprudenza fil-qasam ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, peress illi d-djun tagħha kontra l-Iraq ma setgħux jiġu rkuprati wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90. Il-fatt li hija ssuġerixxiet li tittrasferixxi d-djun tagħha lill-konvenuti bħala korrispettiv għall-kumpens mitlub, bl-ebda mod ma jikkontesta l-eżistenza tad-dannu, iżda huwa intiż biss li jevita kwalunkwe arrikkiment finanzjarju minn naħa tagħha. Jekk il-konvenuti jixtiequ jikkontestaw kemm l-eżistenza tad-dejn tagħha kontra l-Iraq kif ukoll l-impossibbiltà ta’ l-irkupru tagħhom, ir-rikorrenti tipproponi bħala prova dikjarazzjonijiet li jkun jista’ jagħmel id-direttur kummerċjali tagħha, Hartwig von Bredow, u r-rappreżentant tagħha f’Baghdad, Wolfgang Johner. Hija tippreċiża li, jekk hija ma spjegatx għalfejn l-awtoritajiet Iraqini rrifjutaw milli jħallsu id-djun tagħha, dan huwa għaliex hija ma rċeviet ebda spjegazzjoni, b’mod partikolari peress illi l-embargo Komunitarju fuq il-provvista ta’ servizzi fl-Iraq [Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3155/90 tad-29 ta’ Ottubru 1990 li jestendi u jemenda r-Regolament Nru 2340/90, ĠU 1990 L 304, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament Nru 3155/90") kien jipprojbiha milli tagħti kwalunkwe instruzzjonijiet lil rappreżentanti legali fl-Iraq.

54      Ir-rikorrenti tagħti stima ta’ DM 2 279 859.69 għat-telf tagħha, liema somma tikkorrispondi għad-djun li l-Ministeru Iraqin kien irrikonoxxa fl-ittri tiegħu tal-5 u tas-6 ta’ Frar 1990 u li ordna li jitħallsu, għalkemm sa llum ma sar l-ebda ħlas.

55      Hija jsostni li, skond ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-ammont tal-kumpens tagħha għandu jirrifleti bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess ġenerali tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali ta’ l-individwu. Madankollu, dan ma jfissirx li l-kumpens ma jistax ikopri l-ammont sħiħ tad-djun li issa ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba l-adozzjoni ta’ miżura ta’ l-Istat, flimkien ma’ l-interess kollha dovuti mid-data li fiha nħolqu (sentenza Raffineriji Griegi Stan u Stratis Andreadis vs Il-Greċja, iċċitati iktar ‘il fuq). Il-liġi Ġermaniża tippermeti li jinkiseb kumpens għat-telf finanzjarju kollu kkawżat minn "vjolazzjoni ta' drittijiet ekwivalenti għal esproprjazzjoni". L-istess japplika fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, il-Komunità għandha tiġi kkundannata tħallasha, fuq trasferiment tad-djun tagħha kontra l-Iraq, kumpens li jikkorrispondi għall-ammont ta’ dawk id-djun, flimkien ma’ l-interessi dovuti. Madankollu, ir-rikorrenti ma teskludix il-possibbiltà li l-kumpens mitlub jista’ jitnaqqas sabiex jirrifletti ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

56      Il-Kunsill isostni li l-miżuri adottati mill-Iraq, partikolarment il-Liġi Nru 57, kellhom biss bħala effett li jdewwmu il-ħlas tad-djun tar-rikorrenti, b’tali mod li, mill-aspett legali, ir-rikorrenti ma sofrietx dannu "effettiv u attwali" fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, liema pożizzjoni, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mill-fatt li r-rikorrenti hija lesta li tittrasferixxi d-djun tagħha lill-istituzzjonijiet Komunitàrji u tieħu kumpens għad-dannu allegatament subit.

57      Minbarra dan, jidher ċar minn ittra mibgħuta lilu mir-rikorrenti fl-4 ta’ Awwissu 1994 li ir-rikorrenti rreġistrat id-djun tagħha ma’ l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fil-Ġermanja, sabiex tkun tista’ titlobhom quddiem il-Claims Commission, imwaqqaf mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ‘il quddiem l-"ONU") bl-iskop li tirregola l-kwistjoni ta’ telf finanzjarju li sofrew l-operaturi bħala riżultat ta’ l-impożizzjoni ta’ embargo kontra l-Iraq, liema fatt juri li l-eżistenza ta’ dannu fir-rigward tar-rikorrenti ser tiddependi finalment mit-tneħħija eventwali, mill-ONU, ta’ l-embargo kontra l-Iraq.

58      Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont preċiż tad-dannu subit għadu ma ġiex stabbilit, peress illi, mill-aspett legali, id-djun tar-rikorrenti għadhom jeżistu, u tiċħad il-proposta tar-rikorrenti li tittrasferixxi d-djun tagħha bħala korrispettiv għall-għoti ta’ kumpens mill-Komunità.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza

59      Qabel xejn, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, l-ewwel nett, li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal att illegali jew legali tippresupponi, f’kull każ, li tiġi stabbilita r-realtà tad-dannu allegatament subit u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T-484/93, Ġabra p. II-2941, punt 80, tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-0000, punt 54). It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda, bħal fil-kawża preżenti, ir-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li jirriżulta mill-ġurisprudenza rilevanti li, fil-każ illi prinċipju bħal dan jiġi ammess fid-dritt Komunitarju, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà jrid ikun jeżisti, f’kull każ, dannu "mhux normali" u "speċjali" (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1972, Compagnie d'approvisionnement u grands moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, 9/71 u 11/71, Ġabra p. 391, punti 45 u 46, tas-6 ta’ Diċembru 1984, Biovilac vs Il-KEE, 59/83, Ġabra p. 4057, punt 28, Développement SA u Clemessy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33, u De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 16 u 17). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dannu invokat jeżistix, fis-sens li huwa dannu "reali u ċert", jekk dan id-dannu huwiex ir-riżultat dirett ta’ l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament Nru 2340/90, u jekk id-dannu invokat huwiex ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ‘il fuq.

Fuq l-eżistenza tad-dannu invokat

60      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti sofrietx effettivament dannu "reali u ċert", fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9, u De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, Ġabra p. 117, punt 9; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T-108/94, Ġabra p. II-87, punt 54, tat-12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T-99/95, Ġabra p. II-2227, punt 72, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 74), jiġifieri jekk id-djun tagħha kontra l-Iraq ma jistgħux jiġu rkuprati definittivament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar qabel xejn li, skond ġurisprudenza stabbilita, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li tippreżenta l-provi lill-qorti Komunitarja sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tad-dannu li hija tallega li sofriet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-575/93, Ġabra p. II-1, punt 97).

61      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, għalkemm il-partijiet ma jikkontestawx li d-djun tar-rikorrenti għadhom ma tħallsux, jibqa’ l-fatt illi l-provi ppreżentati mir-rikorrenti mhumiex ta’ natura li turi, kif titlob il-liġi, li hija ġiet ikkonfrontat b’rifjut definittiv mill-awtoritajiet Iraqini li jħallsu d-djun tagħhom, minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li juru li hija fil-fatt ikkuntattjat, jew għall-inqas ipprovat tikkuntattja, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Iraqini kkonċernati jew il-bank Rafidian, sabiex tiċċara ir-raġunijiet għalfejn l-ordnijiet ta’ ħlas tad-djun tagħha, mogħtija lill-bank Rafidian permezz ta’ ittri tal-5 u tas-6 ta’ Frar 1990 mill-Ministeru Iraqin, għadhom ma twettqux.

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-korrispondenza bejnha u bejn l-awtoritajiet Iraqini dwar il-ħlas tad-djun tagħha. Fir-risposti bil-miktub tagħha għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti qalet li hija ma kellha ebda korrispondenza ma’ l-awtoritajiet Iraqini, u enfasizzat li ma kienx fl-interess tagħha li "tixħed xi dubju, permezz ta’ aktar korrispondenza, fuq in-natura vinkolanti ta’ l-ordnijiet mogħtija fil-5 u fis-6 ta’ Frar mill-Ministry of Housing and reconstruction lill-bank Rafidian" u li "barra minn hekk, kien ser ikun inammissbli, u għaldaqstant kontroproduttiv, li tipprova tħaffef, billi tikkomunika bil-miktub il-fhemiet tagħha, l-eżekuzzjoni interna ta’ l-ordnijiet tal-Ministeru". Issa, il-fatt li r-rikorrenti ma kkunsidratx bżonnjuz jew xieraq li tipprova "tħaffef l-eżekuzzjoni interna ta’ l-ordnijiet tal-Ministeru Iraqin" mhuwiex biżżejjed, fih nnifsu, sabiex isaħħaħ l-argument tagħha li jġhid li l-awtoritajiet Iraqini irrifjutaw definittivament li jħallsu d-djun tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun tagħha jista’ jkun dovut għal sempliċi dewmien ta’ natura amministrattiva, għal rifjut temporarju ta’ ħlas jew għal insolvenza finanzjarja temporanja jew permanenti ta’ l-Iraq.

63      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ l-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 1990, mibgħuta mill-Ministru Iraqin lir-rikorrenti u li din ta’ l-aħħar ippreżentat fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 1997, li minnha jirriżulta, skond ir-rikorrenti, li l-Ministeru Iraqin taha x’tifhem, "f’lingwaġġ diplomatiku", li d-djun tagħha mhux ser jitħallsu sakemm l-embargo Komunitarju kontra l-Iraq jibqa’ fis-seħħ. Din l-ittra, mibgħuta lir-rikorrenti "meta l-għaqda tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja kienet ġiet iddikjarata" ma tagħmilx referenza għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u l-awtoritajiet Iraqini skond il-kuntratt ta’ l-1975 u lanqas, a fortiori, għad-destin tad-djun tar-rikorrenti, iżda tillimita ruħha għal dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali li jirrigwardaw il-kontribuzzjoni li l-impriżi Ġermaniżi jistgħu jagħtu għall-"iżvilupp ta’ kooperazzjoni bilaterali produttiva" bejn il-Ġermanja u l-Iraq u d-dannu kkawżat lil dawn ir-relazzjonijiet permezz ta’ l-embargo u "it-theddid qawwi kontra l-Iraq".

64      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti għamlet referenza, fir-risposta bil-miktub tagħha għad-domanda hawn fuq imsemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għal ċerti rapporti kunfidenzjali li l-assistent direttur tal-fergħa tagħha fl-Iraq għamel, li minnhom jirriżulta li l-awtoritajiet Iraqini kienu għadhom qegħdin jirrifjutaw li jħallsu d-djun tagħha minħabba ż-żamma ta’ l-embargo, għandu jiġi osservat li hija ma ppreżentatx kopji ta’ dawn ir-rapporti lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

65      Fi kwalunkwe każ, anke jekk wieħed jassumi, kif qiegħda tgħid ir-rikorrenti fir-rikors tagħha, illi r-rifjut ta’ l-Iraq li jħallas id-djun tagħha jirriżulta mill-adozzjoni tal-Liġi Nru 57, li ffriżat l-assi ta’ impriżi stabbiliti fi Stati bi gvernijiet li adottaw "deċiżjonijiet arbitrarji" kontrih, bħar-Regolament Nru 2340/90, dik il-liġi, kif il-konvenuti enfasizzaw b’mod ċar fin-noti tagħhom, ġiet finalment mħassra fit-3 ta’ Marzu 1991. Minn dan jirriżulta li, għall-inqas minn din id-data, ma kellux ikun hemm bħala prinċipju l-ebda ostakoli legali li jżommu l-awtoritajiet Iraqini milli jħallsu d-djun tar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ordnat, stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreċiża jekk ħaditx il-passi neċessarji, wara t-tħassir tal-Liġi Nru 57, sabiex tikseb ħlas għad-djun tagħha u r-raġunijiet għalfejn dawn baqgħu ma tħallsux minkejja dan it-tħassir. Fir-risposta bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża, kif kienet għamlet għall-ewwel darba fir-risposta tagħha, li l-Liġi Nru 57 ma tistax titqies li hija r-raġuni għalfejn l-Iraq irrifjuta li jħallas imma għandha titqies bħala prova ta’ dak ir-rifjut, fis-sens li, bħala debitur, l-Iraq ma kellux bżonn ta' bażi legali sabiex jonqos milli jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Issa, anke jekk wieħed jassumi illi ma kienx minħabba l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57 illi l-Iraq irrifjuta li jħallas id-djun tar-rikorrenti – li, fi kwalunkwe każ, imur kontra l-argument li hija żviluppat fir-rikors tagħha – jibqa’ l-fatt illi d-dikjarazzjoni tagħha mhijiex sostnuta peress illi, kif għadu kif intqal, ir-rikorrenti għadha ma stabbilietx in-natura definittiva tar-rifjut ta' ħlas u ma tispjegax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dan ir-rifjut minkejja t-tħassir tal-Liġi Nru 57.

66      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, kif jirriżulta mill-proċess, ir-rikorrenti lanqas biss ipprovat tagħmel użu mir-rimedji kuntrattwali li kien hemm għal dan l-iskop fil-kuntratt li hija ffirmat mal-Ministeru Iraqin fit-30 ta’ Jannar 1975 sabiex tikseb mill-awtoritajiet Iraqini dikjarazzjoni definittiva dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ħlas tad-djun tagħha. Skond l-Artikolu X ta’ l-imsemmi kuntratt (ara punt 2 iktar 'il fuq), fil-każ ta’ differenzi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ l-obbligi kuntrattwali, il-partijiet kontraenti għandhom jippruvaw isibu soluzzjoni aċċettabbli permezz ta' ftehim, u, fin-nuqqas ta' tali soluzzjoni, jirreferu l-kwistjoni quddiem il-Planning Board, mingħajr ma jitilfu d-dritt tagħhom li jressqu l-imsemmija kwistjoni quddiem il-qrati kompetenti Iraqini (Artikolu X(1) u (2) tal-kuntratt). Hekk kif ir-rikorrenti spjegat fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 1997, l-embargo Komunitarju li jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi fl-Iraq u l-Kuwajt, stabbilita mir-Regolament Nru 3155/90, kienet twaqqafha milli tagħti istruzzjonijiet lil avukati jew lil rappreżentanti legali fl-Iraq. Issa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni interna fl-Iraq wara t-tmiem tal-gwerra tal-Golf, l-użu minn impriżi barranin ta' avukati Iraqini sabiex isolvu kwistjonijiet ma' l-awtoritajiet Iraqini jista’ jkun diffiċli, jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, tali diffikultà ma tirriżultax mir-Regolament Nru 3155/90, peress illi dan ta’ l-aħħar kien sempliċiment jipprojbixxi l-provvista ta’ servizz, fi jew mill-Komunità, lill-persuni fiżiċi fl-Iraq jew lill-impriżi rreġistrati fl-Iraq bl-iskop jew effett li jiffavorixxi l-ekonomija ta’ l-Iraq u mhux il-provvista ta’ servizzi fl-Iraq lil partijiet terzi minn persuni fiżiċi jew legali stabbiliti f’dan il-pajjiż (Artikolu 1 tar-regolament).

67      Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti pproponiet li tittrasferixxi d-djun tagħha kontra l-Iraq lill-konvenuti bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ l-ammont in kwistjoni, jeskludi l-konklużjoni, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji, li dawn id-djun għandhom jitqiesu li ma jistgħux jiġu rkuprati definittivament.

68      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx kapaċi turi, kif titlob il-liġi, li hija sofriet dannu reali u ċert fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq (ara punt 60 iktar 'il fuq).

69      Madankollu, anke jekk wieħed jassumi li d-dannu invokat mir-rikorrenti seta' jiġi kkunsidrat bħala "reali u ċert", kien ikun hemm ir-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali biss jekk kienet teżisti rabta kawżali diretta bejn ir-Regolament Nru 2340/90 u l-imsemmi dannu. Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din l-ipotesi għandha tiġi eżaminata u tivverifika l-eżistenza, fil-kawża preżenti, ta' tali rabta kawżali.

Fuq ir-rabta kawżali

70      Jirriżulta mill-argumenti tar-rikorrenti li, safejn id-djun tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba l-adozzjoni mill-Iraq tal-Liġi Nru 57, bħala kontromiżura prevedibbli u diretta għal adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 li jimponi embargo fuq l-Iraq, id-dannu li hija allegatament sofriet għandu jiġi attribwit lill-Komunità. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk id-djun tar-rikorrenti kontra l-Iraq ma jistgħux jiġu rkuprati bħala riżultat ta’ l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57 u, jekk dan huwa l-każ, jekk l-adozzjoni ta’ din il-liġi kif ukoll ir-rifjut sussegwenti ta’ l-awtoritajiet Iraqini li jħallsu dawn id-djun jirriżultawx direttament mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 (ara s-sentenza International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

71      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnotta li, l-ewwel nett, jirriżulta mill-preambolu tal-Liġi Nru 57 li l-adozzjoni tagħha kienet iġġustifikata mill-adozzjoni minn "ċerti gvernijiet" ta’ "deċiżjonijiet arbitrarji" kontra l-Iraq. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi Nru 57 ma fiha ebda referenza għall-Komunità Ewropea jew għar-Regolament Nru 2340/90. Anke jekk wieħed jassumi li l-Liġi Nru 57 tirreferi indirettament għall-gvernijiet ta’ l-Istati Membri kollha, ma jistax jiġi kkontestata li ma kienux dawn il-gvernijiet iżda l-Komunità li adottat ir-Regolament Nru 2340/90 li jipprojbixxi l-kummerċ bejn il-Komunità u l-Iraq.

72      Anki fil-każ fejn l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament Nru 2340/90 għandha tkun interpretata bħala "deċiżjoni arbitrarja" meħuda minn "ċerti gvernijiet" fis-sens tal-Liġi Nru 57, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti, li fuqha tistrieh l-oneru tal-prova (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Jannar 1976, Produits Bertrand, 40/75, Ġabra p. 1, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Settembru 1996, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, T-485/93, Ġabra p. II-1101, punt 69), ma stabbilietx kif titlob il-liġi li l-adozzjoni ta’ din il-liġi tikkostitwixxi, bħala kontromiżura, konsegwenza li setgħet oġġettivament tiġi prevista, f'sitwazzjoni normali, ta' l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Minbarra dan, anki jekk tali rabta kawżali diretta kienet teżisti bejn id-dannu allegatament subit u l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57, jirriżulta mill-proċess li din il-liġi, li daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Awwissu 1990, ġiet finalment imħassra fit-3 ta’ Marzu 1991. Minn dan jirriżulta li għall-inqas minn din id-data, il-Liġi Nru 57 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala r-raġuni għar-rifjut ta’ ħlas tad-djun tar-rikorrenti.

73      Fi kwalunkwe każ, anke jekk jiġi presuppost li l-Liġi Nru 57 tista' tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza prevedibbli ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90 u/jew li, minkejja t-tħassir ta’ din il-liġi, huwa bħala tpattija għaż-żamma ta’ l-embargo Komunitarju li l-awtoritajiet Iraqini jirrifjutaw li jħallsu d-djun tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-dannu invokat ma jistax, wara kollox, jiġi attribwit għar-Regolament Nru 2340/90, iżda għandu jiġi attribwit, kif fil-fatt sostna l-Kunsill, għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 661 (1990) li ordna l-embargo kontra l-Iraq.

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, skond l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-"[Istati] Membri tan-Nazzjonijiet Uniti" għandhom jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ta’ dik l-organizzazzjoni. Filwaqt li huwa veru li l-Istati Membri ta' l-ONU kienu mitluba, f’din il-kapaċità, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jimplimentaw l-embargo kontra l-Iraq ordnat mir-Riżoluzzjoni Nru 661 (1990), jibqa’ l-fatt li dawk fosthom li kienu wkoll Stati Membri tal-Komunità setgħu jaġixxu biss, għal dan il-għan, skond it-Trattat, peress illi kull miżura ta’ politika kummerċjali komuni taqa’, skond l-Artikolu 113 tat-Trattat, taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Kien abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Regolament Nru 2340/90 ġie adottat, li l-preambolu tiegħu jgħid li "il-Komunità u l-Istati Membri tagħha qabblu li jirrikorru għal strument Komunitarju sabiex jiżguraw implimentazzjoni uniformi fil-Komunità tal-miżuri li jikkonċernaw il-kummerċ ma’ l-Iraq u l-Kuwajt deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti". Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, id-dannu invokat ma jistax jiġi attribwit għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90, iżda għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 661 (1990) li jordna embargo kontra l-Iraq. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tatx prova ta' l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn id-dannu invokat u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2340/90.

75      Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni jekk, fil-każ li l-kundizzjonijiet relatati ma’ l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali diretta ġew sodisfatti, id-dannu jistax jiġi kkwalifikat bħala "speċjali" u "mhux normali", fis-sens tal-ġurisprudenza, iċċitata iktar 'il fuq (punt 59), dwar ir-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali.

Fuq in-natura tad-dannu subit

76      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Compagnie d'approvisionnement u grands moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ċaħdet talba għal kumpens għal dannu "mhux normali u speċjali" imfassla mir-rikorrenti abbażi tar-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali minħabba "tqassim mhux ugwali ta’ obbligi pubbliċi", peress illi "responsabbiltà għal miżura legiżlattiva valida hija inkonċepibbli f’sitwazzjoni bħal din fil-kawża preżenti, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni kienu intiżi biss li jtaffu, fl-interess ekonomiku ġenerali, il-konsegwenzi li jirriżultaw, b’mod partikolari għall-importaturi Franċiżi, mid-deċiżjoni nazzjonali li jitnaqqas il-valur tal-franc" (punti 45 u 46 tas-sentenza).

77      Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha Biovilac vs Il-KEE, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kundizzjoni skond liema l-Komunità tista’ tkun responsabbli għall att leġiżlattiv illegali biss meta d-dannu allegat jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet fis-settur ikkonċernat "għandha a fortiori tiġi applikata li kieku sistema ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija hija aċċettata fid-dritt Komunitarju" (punt 28 tas-sentenza). F'dik il-kawża, ir-rikorrenti ibbażat t-talba tagħha għal kumpens għal att legali fuq il-kunċetti tad-dritt Ġermaniż ta’ "sagrifiċċju eċċezzjonali" (Sonderopfer) u tad-dritt Franċiż ta’ "tqassim mhux ugwali ta’ obbligi pubbliċi", liema prinċipji ġew ukoll invokati mir-rikorrenti f’dawn il-proċedimenti.

78      Fis-sentenza tagħha Développement SA u Clemessy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll talba għal kumpens ibbażata fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà mingħajr ħtija, billi tiddikjara li dan il-prinċipju, kif deskrit mir-rikorrenti, kien jimplika li "individwu għandu jbati, fl-interess pubbliku, piż finanzjarju li normalment ma jkollux iġarrab", li, madanakollu, ma kienx il-każ f'dik il-kawża (punt 33 tas-sentenza).

79      Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet li s-sistema stabbilita mill-istituzzjonijiet Komunitàrji għall-implimentazzjoni ta' ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika rigward il-kummerċ ta' tubi u ta' pajpijiet ta’ l-azzar ma kinitx diskriminatorja fir-rigward tal-produtturi Komunitàrji ta’ dawn il-prodotti meta mqabbla mad-distributuri u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Komunità għal att illegali ma kienux sodisfatti, żiedet, madankollu, li n-nuqqas ta' tali diskriminazzjoni bejn produtturi u distributuri Komunitàrji tal-prodotti in kwistjoni ma jistax jeskludi "grad ta’ responsabbiltà" ta' l-istituzzjonijiet jekk jirriżulta li ċerti impriżi "bħala kategorija, kellhom iġarrbu parti mhux proporzjonali tal-piż" għall-implimentazzjoni ta’ dak il-ftehim kummerċjali. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċirkustanzi bħal dawn, "għandhom ikunu l-istituzzjonijiet Komunitàrji li jipprovdu rimedju" (punti 16 u 17).

80      Jirriżulta mill-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali jiġi rikonoxxut fid-dritt Komunitarju, ikun hemm tali responsabbiltà biss jekk id-dannu invokat, jekk jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi dannu "effettiv u attwali", jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod mhux proporzjonali meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn (dannu mhux normali) u jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet fis-settur ikkonċernat (dannu speċjali), mingħajr ma l-miżura leġiżlattiva li tati lok għad-dannu tkun ġustifikata fl-interess ġenerali ekonomiku (De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Compagnie d'approvisionnement u grands moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, u Biovilac vs Il-KEE, iċċitati iktar 'il fuq).

81      Għal dak li jirrigwarda n-natura mhux normali tad-dannu invokat, fis-sens li jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod mhux proporzjonali meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota, l-ewwel nett, li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 57, li lilha, skond ir-raġunament tar-rikorrenti, għandha tiġi assimilata kull kontromiżura mill-awtoritajiet Iraqini li għandha l-istess effetti, kellha bħala għan li jiġu ffriżati l-"assi" miżmuma fl-Iraq minn impriżi stabbiliti fil-Komunità, flimkien mad-"dħul" li dawn l-"assi" jipproduċu. Min dan jirriżulta li mhux biss id-djun tar-rikorrenti kienu affettwati iżda wkoll dawk ta’ kull impriża Komunitarja oħra li, meta ġie applikat l-embargo kontra l-Iraq permezz tar-Regolament Nru 2340/90, kienet għadha ma tħallsitx. Hekk kif qalet ir-rikorrenti fis-seduta, id-djun ta’ l-impriżi Komunitàrji kontra l-Iraq u li, wara l-impożizzjoni ta' embargo Komunitarju kontra dan il-pajjiż, ma setgħux jiġu rkuprati aktar u kellhom ikunu koperti minn garanziji ta’ l-Istat, jammontaw għal US $18 000 miljun.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti minn kategorija ta’ operaturi ekonomiċi b’interessi fil-proprjetà li kienu affettwati b’mod li jiddistingwihom mill-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha u li d-djun tagħhom ma jistgħux jiġu rkuprati bħala riżultat ta’ impożizzjoni ta' l-embargo Komunitarju. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega li sofriet dannu speċjali jew li għamlet sagrifiċċju eċċezzjonali. Għandu jingħad ukoll li l-fattt li d-djun tagħha ma setgħux jkunu koperti minn garanziji ta' l-Istat, peress illi jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel l-implimentazzjoni fil-Ġermanja ta’ sistema ta’ garanziji kontra riskji kummerċjali f’pajjiżi bħall-Iraq, kif spjegat fir-risposti bil-miktub tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u waqt is-seduta, mhuwiex ta' natura li jiddistingwiha minn impriżi li bbenefikaw minn garanziji bħal dawn. Ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tistabbilixxi li hija kienet l-unika impriża jew li kienet tappartjeni għal grupp ristrett ta’ operaturi ekonomiċi li ma setgħux jibbenefikaw minn polza ta’ assikurazzjoni ta’ dan it-tip.

83      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda n-natura speċjali tad-dannu invokat, fis-sens li dan jaqbeż ir-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet ekonomiċi fis-settur ikkonċernat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fil-kawża preżenti, dawn il-limiti ma nqabżux. Ma ġiex ikkontestat li l-Iraq, minħabba l-involviment tiegħu fi gwarra ma’ l-Iran, ħafna qabel l-invażjoni tal-Kuwait fit-2 ta’ Awwissu 1990, kien diġà meqjus, kif sostnew il-konvenuti mingħajr ma jiġu kontradetti mir-rikorrenti, bħala "pajjiż ta’ riskju għoli". F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskji ekonomiċi u kummerċjali li jirriżultaw minn involviment possibli ta’ l-Iraq f’operazzjonijiet ġodda ta' gwerra mall-pajjiżi ġirien u s-sospensjoni tal-ħlas tad-djun tiegħu għal raġunijiet assoċjati mal-politika barranija tiegħu kienu jikkostitwixxu riskji prevedibbli, inerenti f'kull attività ta' provvista ta’ servizzi fl-Iraq. Il-fatt li l-Iraq irnexxielu, kif issostni r-rikorrenti, li jħallas id-djun tagħha, għalkemm wara dewmien konsiderevoli, ma setax ifisser li r-riskji hawn fuq imsemmija kienu sparixxew.

84      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta b’ittra tat-28 ta’ Novembru 1995 mibgħuta mill-Ministeru Federali tal-Finanzi lill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li s-sistema ta’ garanziji stabbilita fil-Ġermanja bejn l-1980 u l-1990 sabiex ikopru d-djun li jirriżultaw minn esportazzjonijiet Ġermaniżi lejn l-Iraq ġiet sospiża diversi drabi minħabba preċiżament is-sitwazzjoni politika li kienet qiegħda dejjem tmur lura fl-Iraq.

85      Minn dan jirriżulta li r-riskji involuti meta r-rikorrenti offriet servizzi fl-Iraq jifformaw parti mir-riski inerenti fl-attivitajiet tas-settur ikkonċernat.

86      Fl-aħħar nett, u f'kull każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 2340/90, anke jekk wieħed jassumi, kif issostni r-rikorrenti, illi huwa r-raġuni għad-dannu invokat, jikkostitwixxi, kif għadu kif ġie indikat (ara punt 74 iktar 'il fuq), l-implimentazzjoni fil-Komunità ta’ l-obbligu ta’ l-Istati Membri ta’ l-UNO li jagħtu effett, permezz ta’ miżura Komunitarja, lir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 661 (1990), li ordnat embargo kontra l-Iraq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Riżoluzzjoni Nru 661 (1990), l-embargo kummerċjali kontra l-Iraq ġie deċiż fil-kuntest taż-"żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali" u abbażi tad-"dritt naturali għal difiża tiegħu nnifsu, individwali jew kollettiva, b’risposta għall-attakk bl-armi mill-Iraq kontra l-Kuwajt, skond l-Artikolu 51 tal-Karta [tan-Nazzjonijiet Uniti]".

87      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tat-30 ta' Lulju 1996, Bosphorus (C-84/95, Ġabra p. I-3953), għalkemm huwa veru li regoli li huma intiżi, permezz ta' l-impożizzjoni ta' embargo kummerċjali kontra pajjiż terz, għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, għandhom, skond it-tifsira tagħhom stess, effetti fuq il-libertà li wieħed jeżerċita attivitajiet ekonomiċi, u għalhekk joħolqu danni lil persuni li bl-ebda mod ma huma responsabbli għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet, jibqa’ l-fatt madankollu li l-importanza ta’ l-objettivi li dawn ir-regoli jipprovaw jilħqu hija tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anke ta’ natura sostanzjali, għal ċerti operaturi.

88      Għaldaqstant, meta jiġi kkunsidrat l-objettiv ta’ interess ġenerali daqstant fundamentali għall-komunità internazzjonali li tintemm l-invażjoni u l-okkupazzjoni tal-Kuwajt mill-Iraq u li tinżamm l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun, id-dannu invokat mir-rikorrenti, anki jekk huwa sostanzjali, fis-sens tas-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar 'il fuq, ma jistax, fil-kawża preżenti, jinvolvi r-responsabbiltà tal-Komunità (ara wkoll is-sentenza Compagnie d'approvisionnement u grands moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46, u l-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Mayras f'din is-sentenza, Ġabra p. 417, 425 u 426).

89      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità għal att legali, mhijiex fondata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba sussidjarja għal kumpens għal dannu allegatament subit minħabba att illegali

 L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 2340/90

90      Ir-rikorrenti tipprova, sussidjarjament, tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità għal att illegali, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hija intitolata mhux għal kumpens li jikkorrispondi għall-valur kurrenti tad-djun tagħha, iżda għad-determinazzjoni mill-leġiżlatur Komunitarju ta’ kumpens b’rata fissa għad-dannu subit. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, peress illi, meta adotta r-Regolament Nru 2340/90, il-leġiżlatur Komunitarju ma pprovdiex għal mekkaniżmu ta' kumpens għal operaturi ekonomiċi li d-djun tagħhom kontra l-Iraq ma setgħux jiġu rkuprati bħala riżultat ta’ l-impożizzjoni ta’ l-embargo kontra dan il-pajjiż, il-kundizzjoni rikjesta sabiex il-Komunità tkun responsabbli, jiġifieri l-eżistenza ta’ att illegali, hija sodisfatta f’din il-kawża, liema illegalità tikkonsisti, preċiżament, fil-ksur ta’ l-obbligu li tagħti kumpens jew li tipprovdi għal kumpens lil persuni li d-drittijiet ta' proprjetà tagħhom ġew, mingħajr ħtija, affettwati ħażin, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi. Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’din il-kawża naqsu fl-obbligu tagħhom li jeżerċitaw id-diskrezzjoni mogħtija lilhom sabiex jistabbilixxu kumpens ta’ 100%, ta' 50% jew ta' perċentwali oħra, u b’hekk wettqu żball ta’ evalwazzjoni, kif ikkonstatat, barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Carvel u Guardian Newspapers vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq.

91      Il-Kunsill jikkunsidra li l-allegata omissjoni illegali tal-leġiżlatur Komunitarju li jipprovdi, meta adotta r-Regolament Nru 2340/90, mekkaniżmu sabiex jagħti kumpens lill-operaturi ekonomiċi affettwati mill-miżuri ta' embargo kontra l-Iraq tqajjem, essenzjalment, l-istess kwistjoni fuq il-mertu bħat-talba tar-rikorrenti għal kumpens minħabba vjolazzjoni legali tad-drittijiet tagħha ta' proprjetà ekwivalenti għal esproprjazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni tirrigwarda dwar jekk il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, invokat mir-rikorrenti, jikkostitwixxix ksur ta’ regola superjuri tad-dritt li iġġiegħel lill-Komunità tkun responsabbli skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat. Fil-fehma tal-Kunsill, din id-domanda għandha tiġi mwieġba fin-negattiv.

92      Skond il-Kunsill, peress illi r-Regolament Nru 2340/90 huwa miżura leġiżlattiva ta’ natura ekonomika, il-Komunità hija responsabbli biss jekk hemm ksur serju biżżejjed ta’ regola superjuri tad-dritt għall-protezzjoni ta’ individwi, li mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti. Huwa jfakkar li, skond il-ġurisprudenza, l-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm dawn jikkorrispondu ma’ objettivi Komunitarji u ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jmur kontra s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237). Issa, anki jekk id-djun tar-rikorrenti kontra l-awtoritajiet Iraqini ma’ setgħux jiġu rkuprati definittivament, id-dannu li r-rikorrenti sofriet ma jikkostitwixxix vjolazzjoni sproporzjonata u serja tas-sustanza tad-dritt tagħha għal proprjetà.

93      Barra minn hekk, skond il-Kunsill, fil-każ ta’ ħsara ta’ natura ekonomika, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista’ tiġi stabbilita biss jekk, minn naħa, l-istituzzjoni kkonċernata, mingħajr ma invokat interess ekonomiku pubbliku aktar għoli, naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kategorija distinta ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061), u, min-naħa l-oħra, id-dannu invokat jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur ekonomiku kkonċernat. F’din il-kawża, madankollu, l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti kienu ppreġudikati bl-istess mod bħal dawk ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li għandu djun kontra l-Iraq jew kontra kumpannija stabbilita f'dan il-pajjiż. Barra minn hekk, huwa paċifiku li s-sitwazzjoni finanzjarja fl-Iraq dak iż-żmien kienet tali li n-nuqqas ta’ rkupru ta’ djun ġejjin minn tranżazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż kienu jifformaw parti mir-riskji inerenti fl-attivitajiet kummerċjali kkonċernati. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-qasam tal-politika ekonomika tal-Komunità, l-individwi għandhom, f’limiti raġonevoli, jaċċettaw il-konsegwenzi ta' ħsara li miżura leġiżlattiva jista’ jkollha fuq l-interessi ekonomiċi tagħhom, mingħajr kwalunkwe dritt għal kumpens (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Mejju 1978, Bayerische HNL et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76 u 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 6, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305).

94      Il-Kummissjoni ssostni li l-fondatezza ta’ l-argumenti tar-rikorrenti ibbażati fuq l-allegata illegalità tar-Regolament Nru 2340/90 tiddependi fuq l-eżistenza tad-dritt għal kumpens li hija ssemmi fit-talba prinċipali tagħha, b'tali mod li l-ineżistenza ta' dan id-dritt twassal neċessarjament sabiex it-talba sussidjarja tagħha għal danni tiġi miċħuda.

Fuq ir-rabta kawżali u d-dannu subit

95      Ir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqajmu l-istess raġunijiet u argumenti dwar id-dannu invokat u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn dan id-dannu u r-Regolament Nru 2340/90 bħal dawk li qajmu fil-kuntest tat-talba prinċipali għal kumpens għal att legali (ara punti 42 sa 57 u 58 sa 63 iktar 'il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

96      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, qabel kollox, li, kif enfasizzat ir-rikorrenti fir-replika u waqt is-seduta tad-19 ta’ Ġunju 1997, it-talba sussidjarja tagħha għall-kumpens issir biss fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti lil operaturi ekonomiċi bħalha, li d-djun tagħhom ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba l-impożizzjoni ta' l-embargo kummerċjali kontra l-Iraq, biss id-dritt għal kumpens b’rata fissa u mhux dritt għal kumpens li jikkorrispondi għall-valur kurrenti tad-djun tagħhom (ara punt 90 iktar 'il fuq), liema dritt huwa s-suġġett tat-talba prinċipali tagħha għal kumpens minħabba att legali.

97      Fil-kuntest ta' din it-talba sussidjarja, ir-rikorrenti ssostni, partikolarment, li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Komunità tkun responsabbli minħabba n-natura illegali tar-Regolament Nru 2340/90 huma, fil-kawża preżenti, sodisfatti peress illi l-leġiżlatur Komunitarju naqas, meta adotta dan ir-regolament, li jeżerċita d-diskrezzjoni mogħtija lilu sabiex jipprovdi kumpens għad-dannu li l-operaturi ekonomiċi kienu ser isofru bħala riżultat ta’ l-impożizzjoni ta' l-embargo kummerċjali kontra l-Iraq.

98      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din it-talba sussidjarja tar-rikorrenti għall-kumpens, miktuba bit-termini msemmija iktar 'il fuq, tippresupponi, kif barra minn hekk il-konvenuti enfasizzaw, l-eżistenza, fil-konfornt tagħha, ta' dritt għal kumpens, kif isostni fit-talba prinċipali għal kumpens minħabba att legali.

99      Issa, jirriżulta mill-eżami tat-talba prinċipali li r-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija intitolata għal kwalsiasi dritt għal kumpens, peress illi hija ma stabbilietx, b’mod partikolari, li hija sofriet dannu reali u ċert. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun xi tkun ir-rilevanza tad-distinzjoni li saret mir-rikorrenti bejn dritt eventwali għal kumpens li jikkorrispondi għall-valur kurrenti tad-djun tagħha u dritt eventwali għal kumpens b’rata fissa, u safejn iż-żewġ talbiet ifittxu kumpens għall-istess dannu, it-talba sussidjarja għandha tiġi miċħuda wkoll. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dritt għal kumpens, ir-rikorrenti ma tistax tgħid li l-leġiżlatur Komunitarju naqas milli jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu sabiex jadotta miżuri ta' kumpens fir-rigward ta' impriżi fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrenti. Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Carvel u Guardian Newspapers, iċċitata iktar 'il fuq (punt 78) u li saret referenza għalija mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li mhijiex rilevanti peress illi, f’dik il-kawża, kuntrarjament għall-kawża preżenti, id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja Komunitarja kienet titlob espressament lill-Kunsill sabiex jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk huwa kellux jilqa' it-talbiet fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu.

100    Għaldaqstant, it-talba sussidjarja tar-rikorrenti għal kumpens għad-dannu li sofriet minħabba att illegali għandha tiġi miċħuda wkoll.

101    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez, skond it-talbiet tal-konvenuti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Tiċħad ir-rikors;

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Bellamy

Kalogeropoulos

Tiili

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta' April 1998.

E. Coulon

 

      A. Kalogeropoulos

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top