EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61979CJ0044

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1979.
Liselotte Hauer vs Land Rheinland-Pfalz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Neustadt an der Weinstraße - il-Ġermanja.
Kawża 44/79.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:1979:290

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

13 ta' Diċembru 1979 (*)

"Projbizzjoni ta' tħawwil ġdid ta' dwieli"

Fil-kawża C-44/79,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva) ta' Neustadt an der Weinstraße u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Liselotte Hauer, li tirrisjedi f'Bad Dürkheim,

vs

Land Rheinland-Pfalz,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1162/76 tas-17 ta' Mejju 1976 dwar miżuri intiżi sabiex il-potenzjal għall-produzzjoni ta' l-inbid jiġi adattat għall-ħtiġijiet tas-suq [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2776/78 tat-23 ta' Novembru 1978, fir-rigward ta' l-Artikolu 1 tal-Gesetz über Maßnahmen auf dem Gebiete der Weinwirtschaft – Weinwirtschaftsgesetz (il-liġi Ġermaniża dwar miżuri fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-inbid),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn H. Kutscher, President, A. O’Keeffe u A. Touffait, Presidenti ta' Awla, J. Mertens de Wilmars, P. Pescatore, A. J. Mackenzie Stuart, G. Bosco, T. Koopmans u O. Due, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. Capotorti,

Reġistratur: A. Van Houtte

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digriet ta' l-14 ta' Diċembru 1978, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Marzu 1979, il-Verwaltungsgericht ta' Neustadt an der Weinstraße ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1162/76 tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1976 dwar miżuri intiżi sabiex il-potenzjal tal-produzzjoni ta' l-inbid jiġi adattat għall-ħtiġijiet tas-suq (ĠU Nru L 135, p. 32), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2776/78 tat-23 ta' Novembru 1978 (ĠU Nru L 333, p. 1).

2        Jirriżulta mill-proċess li fis-6 ta' Ġunju 1975 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Land Rheinland-Pfalz għall-awtorizzazzjoni sabiex tħawwel dwieli f'biċċa art proprjetà tagħha fir-reġjun ta' Bad Dürkheim. Din l-awtorizzazzjoni ġiet oriġinarjament miċħuda għar-raġuni li, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli f'dan il-qasam, jiġifieri l-Liġi dwar il-produzzjoni ta' l-inbid (Weinwirtschaftsgesetz) ta' l-10 ta' Marzu 1977, il-biċċa art in kwistjoni ma kinitx ikkunsidrata bħala adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli. Fit-22 ta' Jannar 1976, il-persuna kkonċernata ressqet oġġezzjoni għal din id-deċiżjoni. Waqt li l-proċeduri relattivi għal din l-oġġezzjoni kienu pendenti quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, ġie adottat ir-Regolament Nru 1162/76 tas-17 ta' Mejju 1976 li l-Artikolu 2 tiegħu jipprojbixxi t-tħawwil ġdid ta' dwieli għal perijodu ta' tliet snin. Fil-21 ta' Ottubru 1976, l-awtorità amministrattiva ċaħdet l-oġġezzjoni għal żewġ motivi: min-naħa, il-fatt li l-art ma kinitx adattata, u min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tat-tħawwil li tirriżulta mir-Regolament Komunitarju ċċitat iktar 'il fuq.

3        Il-persuna kkonċernata ressqet appell quddiem il-Verwaltungsgericht. Wara li saru rapporti minn esperti fuq l-għeneb li jitkabbar fl-istess reġjun, u wara li ttieħed in kunsiderazzjoni ftehim milħuq ma' diversi sidien oħra ta' biċċiet art li jmissu ma' dik tar-rikorrenti, l-awtorità amministrattiva kompetenti aċċettat li l-art tar-rikorrenti tista' tiġi meqjusa bħala adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli skond ir-regoli minimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għaldaqstant, l-awtorità amministrattiva ddikjarat li kienet disposta tagħti l-awtorizzazzjoni hekk kif jintemm il-perijodu ta' projbizzjoni fuq tħawwil ġdid impost mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Jidher għalhekk li minn issa 'l quddiem il-kontroversja bejn il-partijiet tirrigwarda biss punti relattivi għad-dritt Komunitarju.

4        Min-naħa tagħha, r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-awtorizzazzjoni mitluba għandha tingħatalha għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1162/76 mhumiex applikabbli fil-każ ta' talba mressqa sew qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament. Anke jekk jitqies li r-Regolament huwa applikabbli fil-każ ta' talbiet imressqa qabel ma daħal fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet tiegħu xorta waħda ma jistgħux jiġu invokati kontra r-rikorrenti, billi dawn imorru kontra d-dritt tagħha ta' proprjetà u d-dritt tagħha li teżerċita l-professjoni tagħha liberament, liema drittijiet huma garantiti bl-Artikoli 12 u 14 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

5        Bil-għan li tiġi riżolta din il-kontestazzjoni, il-Verwaltungsgericht ifformula zewġ domandi li jaqraw kif ġej:

1.      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1162/76 tas-17 ta' Mejju 1976, emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2776/78 tat-23 ta' Novembru 1978, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 2(1) tiegħu japplika wkoll għat-talbiet għall-awtorizzazzjoni għat-tħawwil ġdid ta' dwieli li ġa kienu tressqu qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament?

2.      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1162/76 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta' l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għal tħawwil ġdid prevista fih – mingħajr ma jitqiesu l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament – tapplika b'mod ġenerali, jiġifieri, b'mod partikolari, indipendentement mill-kwistjoni tan-natura mhux adatta ta' l-art, li hija rregolata bit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 1(1) u bl-Artikolu 1(2) tal-Weinwirtschaftsgesetz (il-liġi Ġermaniża dwar miżuri fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-inbid)?

 Fuq l-ewwel domanda (l-applikazzjoni fiż-żmien tar-Regolament Nru 1162/72)

6        F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li t-talba tagħha, imressqa lill-awtorità amministrattiva kompetenti fis-6 ta' Ġunju 1975, kellha normalment twassal għal deċiżjoni favur tagħha qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Komunitarju li kieku l-proċedura amministrattiva mxiet bħas-soltu u li kieku l-awtorità amministrattiva rrikonoxxiet, mingħajr dewmien, il-fatt li l-biċċa art tagħha hija adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli skond ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali. Din is-sitwazzjoni għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni fiż-żmien tar-Regolament Komunitarju, iktar u iktar billi l-produzzjoni ta' l-għalqa dwieli in kwistjoni ma kien ikollha ebda effett sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, fid-dawl taż-żmien li jgħaddi bejn it-tħawwil ta' għalqa dwieli u meta din tibda tipproduċi.

7        L-argumenti li ressqet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1162/76 jipprovdi espressament li l-Istati Membri m'għandhomx jagħtu iżjed awtorizzazzjonijiet għal tkabbir ġdid "mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bil-fatt li tirreferi għall-att ta' awtorizzazzjoni, din il-dispożizzjoni teskludi l-possibbiltà li jittieħed in kunsiderazzjoni l-mument li fih tkun tressqet talba. Hija tindika l-intenzjoni li jiġi assigurat li r-Regolament ikollu effett immedjat, tant li anki l-eżerċizzju ta' drittijiet għat-tħawwil jew għat-tħawwil mill-ġdid miksuba qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament huwa sospiż matul il-perjodu ta' projbizzjoni b'effett ta' l-Artikolu 4 ta' l-istess Regolament.

8        Kif jingħad fis-sitt premessa tal-preambolu fir-rigward ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, il-projbizzjoni ta' tħawwil ġdid hija meħtieġa minn "interess pubbliku ta' l-ikbar importanza" [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jikkonsisti f'li titwaqqaf il-produzzjoni żejda ta' inbid fil-Komunità, li jiġi stabbilit mill-ġdid l-ekwilibriju fis-suq u li tiġi evitata l-produzzjoni żejda strutturali. Jidher għalhekk li l-għan tar-Regolament Nru 1162/76 huwa l-prevenzjoni immedjata ta' kull estensjoni ta' l-għelieqi dwieli eżistenti. Għalhekk ma tista' ssir ebda eċċezzjoni għal talba mressqa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ.

9        Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1162/76 tas-17 ta' Mejju 1976, kif emendat bir-Regolament Nru 2776/78 tat-23 ta' Novembru 1978, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 2(1) tiegħu japplika wkoll għat-talbiet għall-awtorizzazzjoni għat-tħawwil ġdid ta' dwieli mressqa qabel ma daħal fis-seħħ l-ewwel Regolament.

 Fuq it-tieni domanda (il-portata sostantiva tar-Regolament Nru 1162/76)

10      Permezz tat-tieni domanda tiegħu, il-Verwaltungsgericht jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk il-projbizzjoni ta' l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ġdid prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1162/76 tapplikax b'mod ġenerali, jiġifieri jekk tinkludix ukoll artijiet rikonoxxuti bħala adattati għall-kultivazzjoni tad-dwieli, skond il-kriterji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

11      F'dan ir-rigward, it-test tar-Regolament huwa espliċitu, billi l-Artikolu 2 jipprojbixxi "kull tħawwil ġdid" [traduzzjoni mhux uffiċjali] mingħajr ma jagħmel distinzjoni skond il-kwalità ta' l-art ikkonċernata. Joħroġ ċar kemm mit-test kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1162/76 li l-projbizzjoni għandha tinkludi kull tkabbir ġdid indipendentement min-natura ta' l-art u mill-klassifikazzjoni tagħha skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament huwa intiż, kif jirriżulta mit-tieni premessa tal-preambolu tiegħu, sabiex iġib fit-tmiem il-produzzjoni żejda ta' l-inbid Ewropew u sabiex jerġa' jistabbilixxi ekwilibriju fis-suq kemm fuq medda qasira kif ukoll fuq medda twila ta' żmien. Huwa biss l-Artikolu 2(2) tar-Regolament li jipprovdi xi eċċezzjonijiet għall-portata ġenerali tal-projbizzjoni imposta bil-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu, iżda mhuwiex ikkontestat li ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tapplika fil-każ preżenti.

12      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1162/76 għandu jkun interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta' l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għal tħawwil ġdid prevista fih – mingħajr ma jitqiesu l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament – tapplika b'mod ġenerali, jiġifieri, b'mod partikolari, indipendentement mill-kwistjoni jekk art hijiex adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli jew le, skond id-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali.

 Fuq id-domanda dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Komunitarja

13      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Verwaltungsgericht jesponi li f'każ li r-Regolament Nru 1162/76 kellu jkun interpretat fis-sens li jipprovdi projbizzjoni ta' portata ġenerali, b'mod li tinkludi anki art adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli, din id-dispożizzjoni għandha eventwalment tiġi kkunsidrata inapplikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba fid-dubji li jeżistu dwar l-inkompatibbiltà tagħha mad-drittijiet fundamentali garantiti bl-Artikoli 12 u 14 tal-Liġi Fundamentali, relattivi għad-dritt ta' proprjetà u għall-eżerċizzju liberu ta' l-attivitajiet professjonali rispettivament.

14      Kif stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (Ġabra 1970, p. 1125), il-kwistjoni dwar eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali b'att ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji tista' tiġi kkunsidrata biss fil-kuntest tad-dritt Komunitarju nnifsu. L-introduzzjoni ta' kriterji ta' evalwazzjoni speċjali, li joħorġu mil-leġiżlazzjoni jew mid-dritt kostituzzjonali ta' Stat Membru partikolari jkollu l-effett inevitabbli, minħabba li jippreġudika l-unità sostantiva u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju, li jkisser l-unità tas-suq komuni u jippreġudika l-koeżjoni tal-Komunità.

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fis-sentenza ċċitata, u sussegwentement, fis-sentenza ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold, (Ġabra 1974, p. 491), li d-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, li hija tiżġura li jiġu rispettati; li meta tħares dawn id-drittijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, b'mod li fil-Komunità ma jistgħux jiġu aċċettati miżuri inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Kostituzzjonijiet ta' dawn l-Istati; li l-istrumenti internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, li fihom l-Istati Membri jkunu kkollaboraw jew li magħhom ikunu aderixxew, jistgħu wkoll jipprovdu indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tad-dritt Komunitarju. Sussegwentement, dan il-kunċett ġie rikonoxxut mid-dikjarazzjoni komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 1977 li, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tirreferi, minn naħa, għad-drittijiet garantiti mill-Kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri, u min-naħa l-oħra, għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-5 ta' Novembru 1950 (ĠU 1977, Nru C 103, p. 1).

16      F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-dubji mqajma mill-Verwaltungsgericht dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1162/76 mar-regoli relattivi għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu mifhuma li jqajmu dubji dwar il-validità tar-Regolament fid-dawl tad-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, eventwali ksur tad-dritt ta' proprjetà, u, min-naħa l-oħra, eventwali restrizzjoni fuq il-libertà ta' l-eżerċizzju ta' professjoni.

 Fuq il-kwistjoni dwar id-dritt ta' proprjetà

17      Id-dritt ta' proprjetà huwa ggarantit fis-sistema legali Komunitarja konformement mal-kunċetti komuni għall-Kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri li huma riflessi wkoll fl-Ewwel Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

18      L-Artikolu 1 ta' dan il-Protokoll jipprovdi kif ġej:

"Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Iżda d-dispożizzjonijiet ta' qabel ma għandhom b'ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni."

19      Wara li tiddikjara li l-proprjetà għandha tiġi rispettata, din id-dispożizzjoni tikkontempla żewġ forom possibbli ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju, skond jekk il-ksur huwiex intiż li jippriva lill-proprjetarju mid-dritt tiegħu jew li jirrestrinġi l-użu ta' dan id-dritt. F'din il-kawża huwa inkontestabbli li l-projbizzjoni ta' tħawwil ġdid ma tistax titqies bħala att li jippriva lill-proprjetarju mill-proprjetà tiegħu, billi huwa jibqa' liberu li jiddisponi minnha, jew li jagħmel użu minnha bil-modi kollha li mhumiex ipprojbiti. Min-naħa l-oħra, m'hemmx dubju li din il-projbizzjoni tirrestrinġi l-użu tal-proprjetà. F'dan ir-rigward, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll jagħti indikazzjoni importanti fis-sens li jirrikonoxxi d-dritt ta' Stat li "jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali". Għalhekk, il-Protokoll jaċċetta fil-prinċipju l-legalità ta' restrizzjonijiet fuq l-użu tal-proprjetà filwaqt li, fl-istess ħin, jillimita dawn ir-restrizzjonijiet għal dak li l-Istat jidhirlu "xieraq" għall-ħarsien ta' l-"interess ġenerali". Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tingħata risposta suffiċjentement preċiża għad-domanda mqajma mill-Verwaltungsgericht.

20      Għaldaqstant, bil-għan li tkun tista' tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll l-indikazzjonijiet li joħorġu mir-regoli u prassi kostituzzjonali tad-disa' Stati Membri. L-ewwel konstatazzjoni li għandha ssir f'dan ir-rigward hija li dawn ir-regoli u prassi jippermettu lil-leġiżlatur jikkontrolla l-użu tal-proprjetà privata fl-interess ġenerali. Għal dan il-għan, xi kostituzzjonijiet jirreferu għall-obbligi inerenti għall-proprjetà (Liġi Fundamentali Ġermaniża, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 14(2)), għall-funzjoni soċjali tagħha (Kostituzzjoni Taljana, l-Artikolu 42(2)), għas-subordinazzjoni tal-użu tagħha għal-ħtiġijiet tal-ġid komuni (Liġi Fundamentali Ġermaniża, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 14(2), u l-Kostituzzjoni Irlandiża, l-Artikolu 43.2.2), jew tal-ġustizzja soċjali (Kostituzzjoni Irlandiża, l-Artikolu 43.2.1). Fl-Istati Membri kollha, għadd ta' miżuri leġiżlattivi taw espressjoni konkreta lill-imsemmija funzjoni soċjali tad-dritt ta' proprjetà. Għalhekk, fl-Istati Membri kollha hemm leġiżlazzjoni dwar l-agrikoltura u l-forestrija, il-provvista ta' l-ilma, il-ħarsien ta' l-ambjent, l-ippjanar u l-kontroll ta' l-iżvilupp, li timponi restrizzjonijiet, kultant konsiderevoli, fuq l-użu tal-proprjetà immobbli.

21      B'mod iktar partikolari, fil-pajjiżi kollha tal-Komunità li jipproduċu l-inbid, teżisti leġiżlazzjoni restrittiva, għalkemm tvarja fir-rigorożità, dwar it-tħawwil ta' dwieli, l-għażla tal-varjetajiet, u l-metodi ta' kultivazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet m'huma kkunsidrati f'ebda wieħed mill-pajjiżi kkonċernati bħala inkompatibbli, fil-prinċipju, mar-rispett dovut għad-dritt ta' proprjetà.

22      Għaldaqstant, jista' jiġi ddikjarat, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kunċetti kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-prassi leġiżlattivi konsistenti, fl-iżjed oqsma varji, li l-fatt li r-Regolament Nru 1162/76 jimponi restrizzjonijiet fuq it-tħawwil ġdid ta' dwieli ma jistax jiġi kkontestat fil-prinċipju. Hija tip ta' restrizzjoni li hija rikonoxxuta u aċċettata bħala leġittima, f'forom identiċi u simili, fis-sistemi kostituzzjonali ta' l-Istati Membri kollha.

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma teżawrixxix il-problema mqajma mill- Verwaltungsgericht. Anki jekk, fil-prinċipju, ma tistax tiġi kkontestata l-possibbiltà, għall-Komunità, li tirrestrinġi l-eżerċizzju tad-dritt ta' proprjetàfil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-suq u għall-finijiet ta' politika strutturali, għandu, madankollu, jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet imposti bil-leġiżlazzjoni kkontestata humiex effettivament iġġustifikati minn għanijiet ta' interess ġenerali li l-Komunità tfittex li tilħaq u jekk jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-għan imfittex, interferenza sproporzjonata u intollerabbli mad-drittijiet tal-proprjetarju, li tippreġudika s-sustanza nfisha tad-dritt ta' proprjetà. Dan huwa, fil-fatt, l-ilment imqajjem fil-kawża prinċipali mir-rikorrenti, li tikkunsidra li huwa biss fl-ambitu tat-tfittxija li titwettaq politika kwalitattiva li l-leġiżlatur jista' jirrestrinġi l-użu tal-proprjetà intiża għall-produzzjoni ta' l-inbid, b'mod li r-rikorrenti tgawdi dritt invjolabbli mill-mument li jiġi rikonoxxut li l-proprjetà tagħha hija adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli. Għandu għalhekk jiġi eżaminat l-għan imfittex mir-Regolament ikkontestat u jiġi determinat jekk teżistix relazzjoni raġonevoli bejn il-miżuri previsti bir-Regolament u l-għan imfittex mill-Komunità f'dan il-każ.

23      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1162/76 għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid, li hija marbuta mill-qrib mal-politika strutturali kkontemplata mill-Komunità fil-qasam in kwestjoni. Dawn l-għanijiet jidhru fir-Regolament Nru 816/70 tat-28 ta' April 1970 li jistabbilixxi miżuri addizzjonali dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU Nru L 99, p. 1), li fuqu huwa bbażat ir-Regolament ikkontestat, kif ukoll fir-Regolament Nru 337/79 tal-5 ta' Frar 1979 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU Nru L 54, p. 1), li jikkodifika d-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq. It-Titlu III ta' dan ir-Regolament, li jirrigwarda r-"regoli dwar il-produzzjoni u l-kontroll tat-tħawwil" [traduzzjoni mhux uffiċjali], attwalment jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku f'dan il-qasam. Fattur ieħor li jippermetti li tiġi identifikata l-politika Komunitarja segwita f'dan il-qasam huwa r-Riżoluzzjoni tal-21 ta' April 1975 dwar linji gwida ġodda intiżi sabiex jistabbilixxu l-ekwilibriju fis-suq ta' l-inbejjed tal-mejda [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU Nru C 90, p. 1).

24      Jirriżulta minn dawn l-atti kollha li l-politika mibdija u parzjalment implementata mill-Komunità tikkonsisti f'organizzazzjoni komuni tas-suq marbuta ma' titjib strutturali fis-settur tal-produzzjoni ta' l-inbid. Fil-kuntest tal-linji gwida stabbiliti bl-Artikolu 39 tat-Trattat KEE, din l-azzjoni tfittex li tilħaq għan doppju, li huwa, minn naħa, li jiġi stabbilit ekwilibriju sostenibbli fis-suq ta' l-inbid b'livell ta' prezz li jrendi qligħ lill-produtturi u li jkun ġust għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, li twassal għal titjib fil-kwalità ta' l-inbejjed imqiegħda fis-suq. Sabiex jintlaħaq dan l-għan doppju ta' ekwilibriju kwantitattiv u ta' titjib kwalitattiv, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suq ta' l-inbid ipprovdiet sensiela estensiva ta' miżuri li japplikaw kemm fl-istadju tal-produzzjoni kif ukoll fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni ta' l-inbid.

25      F'dan ir-rigward, għandha ssir referenza b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 816/70, li ġew adottati mill-ġdid f'forma iktar elaborata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 337/79, li jipprovdu għat-twaqqif, mill-Istati Membri, ta' pjanijiet ta' proġettazzjoni ta' tħawwil u ta' produzzjoni, ikkoordinati fil-kuntest ta' pjan Komunitarju obbligatorju. Bil-għan li jiġi implementat dan il-pjan jistgħu jiġu adottati miżuri dwar it-tħawwil, it-tħawwil mill-ġdid, il-qligħ ta' l-uċuħ u l-abbandun ta' l-għelieqi dwieli.

26      Huwa f'dan il-kuntest li ġie adottat ir-Regolament Nru 1162/72. Joħroġ mill-preamblu ta' dan ir-Regolament u miċ-ċirkustanzi ekonomiċi li fihom ġie adottat, li kienu kkaratterizzati minn produzzjoni żejda permanenti mill-ħsad ta' l-1974 'l quddiem, li dan ir-Regolament jaqdi funzjoni doppja: minn naħa, għandu jwassal sabiex tieqaf immedjatament iż-żieda kontinwa tal-produzzjoni żejda; min-naħa l-oħra, għandu jikseb għall-istituzzjonijiet tal-Komunità iż-żmien neċessarju għall-implementazzjoni ta' politika strutturali intiża sabiex tħeġġeġ il-produzzjoni ta' kwalità għolja, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet tad-diversi reġjuni produtturi ta' l-inbid fil-Komunità, u dan permezz tal-għażla ta' l-art għall-kultivazzjoni u tal-varjetajiet tad-dwieli kif ukoll billi jiġu regolati l-metodi ta' produzzjoni.

27      Kien sabiex jintlaħaq dan l-għan doppju li l-Kunsill, permezz tar-Regolament Nru 1162/76, impona projbizzjoni ġenerali fuq it-tħawwil ġdid, mingħajr ma għamel ebda distinzjoni, ħlief għal xi eċċezzjonijiet strettament definiti, abbażi tal-kwalità ta' l-art. Għandu jiġi osservat li, fil-portata ġenerali tagħha, il-miżura adottata mill-Kunsill hija ta' natura temporanja. Hija intiża sabiex tilqa' immedjatament għal sitwazzjoni ta' ċirkustanzi kombinati kkaratterizzata minn produzzjoni żejda, u fl-istess ħin tipprepara miżuri strutturali definittivi.

28      Meqjusa f'dan il-kuntest, il-miżura kkontestata ma twassal għal ebda limitazzjoni indebita fl-eżercizzju tad-dritt ta' proprjetà. Fil-fatt, il-kultivazzjoni ta' għelieqi dwieli ġodda f'sitwazzjoni kkaratterizzata minn produzzjoni żejda għal tul ta' żmien ma jkollha l-ebda effett, mil-lat ekonomiku, ħlief li żżid il-volum tal-produzzjoni żejda; barra minn hekk, tali estensjoni, f'dak l-istadju, iġġib magħha r-riskju li l-implementazzjoni ta' politika strutturali fuq livell Komunitarju ssir iktar diffiċli, fil-każ fejn tali politika tistrieħ fuq l-applikazzjoni ta' kriterji iktar stretti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali attwali f'dak li jirrigwarda l-għażla ta' l-art aċċettata għall-kultivazzjoni tad-dwieli.

29      Għaldaqstant, il-konklużjoni għandha tkun li r-restrizzjoni imposta fuq l-użu tal-proprjetà permezz tal-projbizzjoni ta' tħawwil ġdid ta' dwieli adottata, għal perijodu limitat, bir-Regolament Nru 1162/76, hija ġġustifikata mill-għanijiet ta' interess ġenerali mfittxija mill-Komunità u ma tiksirx is-sustanza tad-dritt ta' proprjetà kif rikonoxxut u garantit fis-sistema legali Komunitarja.

 Fuq il-kwistjoni dwar l-eżerċizzju liberu ta' l-attivitajiet professjonali

30      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra wkoll li l-projbizzjoni ta' tħawwil ġdid imposta bir-Regolament Nru 1162/76 tikser id-drittijiet fundamentali tagħha safejn l-effett ta' dan ir-Regolament huwa li jirrestrinġi l-eżerċizzju liberu tagħha ta' l-attività professjonali tagħha ta' produttur ta' l-inbid.

31      Kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold, iċċitata iktar 'il fuq, għalkemm huwa minnu li l-eżerċizzju liberu ta' l-attivitajiet professjonali huwa garantit mid-dritt kostituzzjonali ta' diversi Stati Membri, id-dritt hekk garantit, mhux talli ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-funzjoni soċjali ta' l-attivitajiet protetti. F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-miżura Komunitarja kkontestata bl-ebda mod ma taffettwa l-aċċess għall-professjoni ta' produttur ta' l-inbid, jew l-eżerċizzju liberu ta' din il-professjoni f'art preżentement allokata għall-produzzjoni ta' l-inbid. Safejn il-projbizzjoni ta' tħawwil ġdid taffettwa l-eżerċizzju liberu tal-professjoni ta' produttur ta' l-inbid, din il-limitazzjoni mhijiex ħlief riżultat tar-restrizzjoni imposta fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta' proprjetà, b'mod li ż-żewġ restrizzjonijiet huma ħaġa waħda. Għalhekk, ir-restrizzjoni fuq l-eżerċizzju liberu tal-professjoni ta' produttur ta' l-inbid, anki jekk jitqies li din teżisti, tkun iġġustifikata mill-istess raġunijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni imposta fuq l-użu tal-proprjetà.

32      Għaldaqstant, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-eżami tar-Regolament Nru 1162/76, fid-dawl tad-dubji mqajma mill-Verwaltungsgericht, ma rrivela l-ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta' dan ir-Regolament minħabba kunflitt mar-rekwiżiti li joħorġu mill-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-Komunità.

 Fuq l-ispejjeż

33      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Verwaltungsgericht ta' Neustadt an der Weinstraße, huwa dan ta' l-aħħar li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi li tressqu quddiemha mill-Verwaltungsgericht ta' Neustadt an der Weinstraße, permezz ta' digriet ta' l-14 ta' Diċembru 1978, taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1162/76 tas-17 ta' Mejju 1976 dwar miżuri intiżi sabiex il-potenzjal għall-produzzjoni ta' l-inbid jiġi adattat għall-ħtiġijiet tas-suq, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2776/78 tat-23 ta' Novembru 1978, li emenda r-Regolament Nru 1162/76 għat-tieni darba, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 2(1) tiegħu japplika wkoll għat-talbiet għall-awtorizzazzjoni għat-tħawwil ġdid ta' dwieli mressqa qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament.

2)      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1162/76 għandu jkun interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta' l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għal tħawwil ġdid prevista fih – mingħajr ma jitqiesu l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament – tapplika b'mod ġenerali, jiġifieri, b'mod partikolari, indipendentement mill-kwistjoni jekk art hijiex adattata għall-kultivazzjoni tad-dwieli jew le, skond id-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali.

Kutscher

O´Keeffe      Touffait

Mertens de Wilmars

Pescatore      Mackenzie Stuart

Bosco

Koopmans

Due

Mogħtija f'Qorti fil-miftuh fil-Lussemburgu, 13 ta' Diċembru, 1979

A Van Houtte

 

      H Kutscher

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top