Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026AR0189

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-benesseri tat-tfal u l-benefiċċji tat-tfal — l-immappjar tas-sistemi tal-benefiċċji tat-tfal fl-Istati Membri tal-UE

COR 2026/00189

ĠU C, C/2026/2604, 20.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2604/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2604/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2604

20.5.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-benesseri tat-tfal u l-benefiċċji tat-tfal — l-immappjar tas-sistemi tal-benefiċċji tat-tfal fl-Istati Membri tal-UE

(C/2026/2604)

Relatur

:

Fauzaya TALHAOUI, President tal-Kunsill Provinċjali ta’ Antwerp

Dokument ta’ referenza

:

Ittra mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta’ Ċipru, Marilena Raouna 29/10/2025 — Referenza uffiċjali fl-Adonis 2025/3330

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KTR)

I.   RIMARKI INTRODUTTORJI

1.

jirrimarka li l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal u l-qerda tal-faqar fost it-tfal huma objettivi fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ankrati sew fl-Artikolu 3(3) tat-TUE, fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

2.

jilqa’ l-impenn qawwi tal-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet tat-tfal u l-benesseri tat-tfal, b’mod partikolari l-enfasi tagħha fuq il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal biex tkompli tavvanza;

3.

jappoġġja l-prijoritajiet tal-Presidenza Ċiprijotta biex tindirizza l-faqar fost it-tfal, ittejjeb l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu affordabbli u ta’ kwalità għolja, ittejjeb il-benesseri diġitali u s-sikurezza online tat-tfal, u ssaħħaħ il-protezzjoni mill-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament, kemm online kif ukoll offline;

4.

jinnota bi tħassib li, minkejja sforzi sinifikanti, il-faqar fost it-tfal fl-UE għadu mifrux u f’xi każijiet qed imur għall-agħar: kważi tifel/tifla minn kull erbgħa (19,5 miljuni fl-2024) jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali;

5.

jissottolinja li t-tfal jirrappreżentaw kważi għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE u, bħala ċittadini fihom infushom, jibqgħu fost il-gruppi l-aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali minħabba ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom, mingħajr l-awtonomija biex jegħlbu l-faqar u l-esklużjoni huma stess; jisħaq, f’dan il-kuntest, fuq l-importanza li jiġi żgurat li t-tfal u l-adolexxenti jkunu involuti fil-proċess tal-iżvilupp u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politiki li jaffettwawhom;

6.

jerġa’ jtenni l-paradigma tal-investiment soċjali, u jfakkar li l-inugwaljanzi fl-opportunitajiet tal-ħajja huma fil-biċċa l-kbira ffurmati fit-tfulija bikrija, inkluż fl-ambjent tal-familja li t-tfal jitwieldu u jikbru fih, u huma trażmessi minn ġenerazzjoni għal oħra; jirrikonoxxi li l-familji huma l-pedament tas-soċjetà u l-ambjent primarju li fih jiżvilppaw it-tfal, fejn iħossuhom protetti u jirċievu sostenn emozzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fil-familji permezz ta’ politiki ta’ appoġġ stabbli u prevedibbli; jissottolinja, f’dan il-kuntest, ir-rwol ċentrali tal-iskejjel biex jippromovu opportunitajiet indaqs permezz tal-edukazzjoni; jenfasizza li l-politiki dwar il-benesseri tat-tfal iridu jinftiehmu bħala investimenti soċjali fit-tul u li l-investiment bikri fis-sigurtà tal-introjtu, fis-servizzi ta’ kwalità u fl-ambjenti tal-familja li jservu ta’ appoġġ, flimkien mal-involviment tat-tfal, huwa essenzjali biex jitkissru ċ-ċikli interġenerazzjonali tal-faqar u tal-inugwaljanza u biex jiġu appoġġjati kundizzjonijiet iktar ekwi mill-bidu tal-ħajja;

7.

jenfasizza li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal flimkien jipprovdu qafas legali u operazzjonali komprensiv biex jiġi żgurat l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tat-tfulija bikrija, appoġġjati minn mekkaniżmi ta’ finanzjament u koordinazzjoni tal-FSE+;

8.

jemmen li l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal għandha redditu soċjali sinifikanti f’termini tat-tisħiħ tal-kapital uman, il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u l-bini ta’ mudell ta’ benesseri aktar sostenibbli bbażat fuq tkabbir ekonomiku aktar inklużiv u ġust;

9.

jisħaq fuq l-importanza ta’ inizjattivi komplementari tal-UE, inklużi miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-vjolenza, it-traffikar u l-abbuż — inkluż f’ambjenti diġitali — kif ukoll l-Istrateġija Ewropea għall-Kura u l-azzjoni reċenti tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, inklużi sforzi biex tiġi miġġielda l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar;

10.

jappella għal approċċ preventiv li jiffoka fuq il-promozzjoni tal-benesseri, il-prevenzjoni tar-riskji u l-intervent bikri, u jirrikonoxxi li appoġġ effettiv għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal jiddependi minn politiki pubbliċi kkoordinati u responsabbiltà kollettiva kondiviża fis-soċjetà u l-awtoritajiet pubbliċi;

11.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea talloka mill-inqas EUR 20 biljun fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, b’enfasi speċifika fuq il-bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza li l-progress fuq il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, m’għandux jiġi kompromess minn riallokazzjonijiet li jaffettwaw programmi oħra tal-UE u jistieden lill-Presidenza Ċiprijotta tappoġġja dan l-objettiv;

12.

jappella għal Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) b’saħħtu, identifikabbli b’mod ċar u ffinanzjat tajjeb bħala l-istrument primarju tal-Unjoni għall-investiment fin-nies, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar; jissottolinja li FSE+ distint u rikonoxxibbli fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni huwa essenzjali biex tiġi ssalvagwardjata l-koeżjoni soċjali u territorjali, tiġi żgurata ġestjoni kondiviża u jkun jista’ jsir investiment soċjali bbażat fuq il-post mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-QFP li jmiss;

13.

jinnota li, minkejja xi progress, ir-rati tal-faqar fost it-tfal għadhom persistentement għoljin u mhux uniformi madwar l-Unjoni; jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Presidenza Ċiprijotta biex jirrikonoxxu li l-mira tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li 5 miljun tifel u tifla ma jibqgħux jgħixu fil-faqar sal-2030 mhux ser tintlaħaq, u jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi mġedda u msaħħa;

14.

jisħaq li l-objettivi fil-livell tal-UE huma kredibbli biss meta jkunu akkumpanjati ma’ impenji ta’ investiment ċari u realistiċi li jirriflettu l-ħtiġijiet fil-prattika;

15.

itenni l-messaġġi minn Opinjonijiet preċedenti tal-KtR dwar il-benesseri tat-tfal, u jenfasizza l-ħtieġa li nimxu mit-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal lejn il-qerda tiegħu permezz ta’ riżorsi adegwati, approċċi integrati u governanza f’diversi livelli b’saħħitha li tawtonomizza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, issaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tat-tfal; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li tingħata prijorità lill-approċċi preventivi minflok reazzjonijiet korrettivi sabiex jinkiseb tnaqqis dejjiemi fil-faqar fost it-tfal u l-effetti tiegħu fit-tul permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, politiki integrati u governanza b’saħħitha f’diversi livelli bbażata fuq ir-responsabbiltà, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u fehim taċ-ċirkostanzi lokali;

II.   IL-FAQAR FOST IT-TFAL BĦALA SFIDA MULTIDIMENSJONALI U TERRITORJALI

16.

iħeġġeġ biex il-faqar fost it-tfal jiġi rikonoxxut bħala fenomenu multidimensjonali li jeħtieġ sett usa’ ta’ risponsi politiċi lil hinn minn miżuri bbażati fuq l-introjtu biss, u huwa marbut mill-qrib mal-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-inugwaljanzi fis-saħħa — minħabba ġeneru, etniċità jew oriġini nazzjonali, orjentazzjoni sesswali (speċjalment fost l-adolexxenti), diżabilità, status ta’ immigrant u/jew sitwazzjoni ekonomika — l-insigurtà tal-ikel, l-esklużjoni diġitali u ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u komunitarja; jenfasizza li huwa essenzjali li l-istrateġija għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal tiffoka fuq il-familji, peress li t-tfal jgħixu f’mikrosistema ta’ familja li minnha jiddipendi primarjament il-benesseri tagħhom; jenfasizza wkoll li l-politiki kollha li jikkonċernaw il-benesseri u l-benefiċċji tat-tfal għandhom jiġu żviluppati, implimentati u valutati mil-lenti tad-drittijiet tat-tfal, u fl-istess waqt jiġu protetti l-aħjar interess tagħhom bħala kwistjoni ta’ prijorità u t-tfal u l-adolexxenti jiġu rikonoxxuti bħala ċittadini attivi bi drittijiet;

17.

jissottolinja li l-faqar fost it-tfal mhuwiex distribwit b’mod uniformi fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali u fi ħdanhom; il-viċinati urbani li qed jiffaċċjaw deprivazzjoni, iż-żoni rurali, remoti u insulari, ir-reġjuni li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjoni u t-territorji esposti għal xokkijiet ekonomiċi huma partikolarment affettwati;

18.

jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss ikunu l-ewwel li jidentifikaw forom emerġenti ta’ faqar fost it-tfal u huma msieħba ewlenin għat-tfal u l-familji; jenfasizza li għandhom jiġu involuti b’mod sistematiku fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri relatati mat-tfal, inklużi l-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal u l-Istrateġija imminenti tal-UE Kontra l-Faqar li hi l-ewwel strateġija ta’ dan it-tip;

19.

jenfasizza li l-faqar fost it-tfal jissawwar kemm miċ-ċirkostanzi tal-familja kif ukoll mill-kuntest komunitarju usa’; jenfasizza wkoll, għalhekk, kemm huwa importanti li jkun hemm appoġġ komprensiv għall-familji, b’mod partikolari dawk li jiffaċċjaw diversi vulnerabbiltajiet, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-tfal u l-koeżjoni soċjali jitwettqu b’mod effettiv fil-livell lokali u reġjonali; għalhekk jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-familji bħala l-ambjent primarju għall-protezzjoni, il-kura u l-iżvilupp tat-tfal, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ politiki pubbliċi li jipprovdu appoġġ għat-trobbija tat-tfal abbażi tal-prevenzjoni, ir-responsabbiltà kondiviża u l-koeżjoni;

III.   IR-RWOL TAS-SISTEMI TAL-BENEFIĊĊJI TAT-TFAL BIEX JIĠI PROMOSS IL-BENESSERI TAT-TFAL

20.

jirrikonoxxi s-sistemi tal-benefiċċji tat-tfal bħala pedament tal-protezzjoni soċjali għall-familji, li għandhom rwol ewlieni biex jitnaqqas il-faqar ta’ introjtu, jiġi stabbilizzat l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u jiġi appoġġjat l-iżvilupp tat-tfal;

21.

jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, jiżguraw li sistemi universali ta’ benefiċċji għat-tfal li jipprovdu appoġġ għall-introjtu adegwat, stabbli u prevedibbli, ikunu kompatibbli ma’ skemi oħra ta’ appoġġ għall-introjtu u jirriflettu l-ispejjeż reali tal-għajxien;

22.

jenfasizza l-importanza li l-benefiċċji universali tat-tfal jiġu kkombinati ma’ appoġġ supplimentari mmirat għal tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi dawk f’unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed, tfal b’diżabilitajiet, tfal f’familji kbar, tfal Rom, tfal minn minoranzi etniċi, partikolari r-Rom bi sfond ta’ migrazzjoni jew ta’ rifuġjati, tfal li jesperjenzaw nuqqas ta’ sigurtà fl-akkomodazzjoni u tfal fil-kura, waqt li jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni strutturali u l-ostakli intersezzjonali li jillimitaw l-aċċess ugwali għall-benefiċċji u s-servizzi, sabiex jiġi żgurat li t-tfal kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom u jibbenefikaw minn opportunitajiet indaqs;

23.

jenfasizza r-rabta qawwija bejn il-faqar fost it-tfal u l-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għan-nisa u ġenituri waħedhom; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ impjieg ta’ kwalità, politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal aċċessibbli, u edukazzjoni mhux formali bħala għodod preventivi kontra l-faqar fost it-tfal;

24.

jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċċji kollha tal-protezzjoni soċjali, lil hinn minn dawk speċifiċi għat-tfal u l-familji, iqisu b’mod adegwat il-preżenza tat-tfal fl-unitajiet domestiċi u jsaħħu l-effett protettiv ta’ dawn il-benefiċċji għall-familji bit-tfal;

IV.   IL-GARANZIJA EWROPEA GĦAT-TFAL U L-GOVERNANZA F’DIVERSI LIVELLI

25.

jissottolinja li l-benefiċċji tat-tfal waħedhom ma jistgħux jeqirdu l-faqar fost it-tfal u jridu jiġu inkorporati f’qafas ta’ politika olistiku li jiżgura aċċess effettiv għal servizzi essenzjali f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal;

26.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-appoġġ għall-introjtu u l-forniment ta’ servizzi, sabiex il-benefiċċji tat-tfal jippermettu l-aċċess għas-servizzi aktar milli jissostitwixxu l-forniment pubbliku;

27.

jerġa’ jafferma r-rwol ewlieni tal-aċċess ugwali u affordabbli għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jiġi indirizzat l-faqar edukattiv mill-aktar età bikrija; jenfasizza l-importanza tal-ewwel 1 000 jum ta’ ħajja għall-benesseri u l-iżvilupp b’saħħtu tat-tfal, waqt li jenfasizza li l-aċċess kontinwu għal edukazzjoni u kura ta’ kwalità għolja matul it-tfulija bikrija huwa essenzjali għall-iżvilupp konjittiv u l-benesseri tat-tfal, l-eżiti edukattivi u l-parteċipazzjoni attiva futura tat-tfal fis-soċjetà; jenfasizza li t-tfulija bikrija tirrappreżenta stadju kritiku għall-iżvilupp u li l-politiki pubbliċi għandhom jassiguraw taħlita adegwata ta’ appoġġ għall-introjtu, edukazzjoni għat-tfulija bikrija u servizzi tal-kura aċċessibbli, kif ukoll miżuri ta’ appoġġ għall-familja mit-tqala ’l quddiem, sabiex jiġu evitati inugwaljanzi u biex jitkissru ċ-ċikli interġenerazzjonali ta’ faqar u esklużjoni;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabbiltà dejjem tikber tal-adolexxenti, u jappella għal approċċi lokali integrati li jikkombinaw l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, is-servizzi taż-żgħażagħ, l-isport u l-gwida għall-karriera;

29.

jenfasizza li l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola hija waħda mill-aktar għodod effettivi biex jittejbu l-prospetti tal-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ, u jenfasizza li d-diżimpenn fit-tul mis-sistema edukattiva jżid b’mod sinifikanti r-riskju ta’ esklużjoni soċjali, qgħad fit-tul u mġiba riskjuża; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw reazzjonijiet imfassla apposta għar-realtajiet territorjali, abbażi tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, is-servizzi soċjali, is-servizzi tal-impjiegi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

30.

itenni r-rwol ċentrali tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u jappella li tiġi implimentata b’mod imsaħħaħ permezz ta’ governanza f’diversi livelli mtejba, monitoraġġ territorjali u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

31.

jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod sistematiku fl-istadji kollha tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, kif ukoll li jippromovu l-parteċipazzjoni tat-tfal, b’mod partikolari permezz ta’ kunsilli jew korpi parteċipattivi simili;

32.

iħeġġeġ il-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ Pjani ta’ Azzjoni lokali integrati għall-Garanzija għat-Tfal, li jrawmu l-kooperazzjoni transsettorjali bejn is-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni u tal-impjiegi, fi sħubija mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, u, fejn adatt, ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, waqt li jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi jżommu r-responsabbiltà primarja għall-forniment u l-koordinazzjoni tas-servizzi;

V.   AĊĊESSIBBILTÀ, MONITORAĠĠ U FINANZJAMENT

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-ostakli persistenti għall-aċċess għall-benefiċċji u s-servizzi tat-tfal, inklużi l-kumplessità amministrattiva, in-nuqqas ta’ informazzjoni, l-ostakli lingwistiċi u l-istigma, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-aktar familji vulnerabbli;

34.

jitlob li jiġu promossi mekkaniżmi stabbli għall-parteċipazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-benesseri u tal-benefiċċji tat-tfal, adattati għall-età, il-livell ta’ maturità u l-isfondi varjati tagħhom;

35.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ oqfsa ta’ monitoraġġ robusti u komparabbli biex jiġu vvalutati l-effettività u l-adozzjoni tas-sistemi tal-benefiċċji tat-tfal u l-Garanzija għat-Tfal, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u bl-użu ta’ indikaturi li jmorru lil hinn mill-faqar ta’ introjtu biex jiġu identifikati l-privazzjoni materjali, l-aċċess għas-servizzi u l-eżiti tal-benesseri tat-tfal;

36.

jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-governanza f’diversi livelli u l-intervent lokali, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw riżorsi stabbli, biżżejjed kapaċitajiet tekniċi u lok għal adattament territorjali biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-benefiċċji u s-servizzi;

37.

iħeġġeġ l-użu ta’ pjattaformi eżistenti tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-Aġenda Urbana għall-UE, URBACT u l-Patt Rurali, biex jiġi appoġġjat l-iskambju ta’ prattiki tajbin u sħubijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal;

38.

huwa impenjat għall-innovazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt;

VI.   KOORDINATUR TAL-UE TAL-GARANZIJA GĦAT-TFAL U INDIKATUR GĦAT-TFAL

39.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni, issaħħaħ il-governanza tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal billi tassenja mandat ta’ koordinazzjoni ddedikat fil-livell politiku lil kummissarju jew viċi president eżekuttiv, b’responsabbiltà ċara għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħha u l-iżgurar ta’ koordinazzjoni transsettorjali fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha. Jappella, barra minn hekk, li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali speċifiku li jlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Presidenza tal-Kunsill, bl-għan li tiġi żgurata tmexxija politika b’saħħitha, tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza, u tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni konsistenti u ż-żieda ta’ soluzzjonijiet effettivi bbażati fuq il-post għat-tfal fl-Unjoni kollha kemm hi;

40.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi “indikatur għat-tfal” fil-baġits tal-UE u dawk nazzjonali biex ittejjeb it-trasparenza, it-traċċar u l-monitoraġġ tal-infiq relatat mat-tfal, u ssaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont għall-impenji pubbliċi għall-benesseri tat-tfal; jenfasizza li tali mekkaniżmu għandu jibni fuq il-ħidma komprensiva ta’ monitoraġġ imwettaq mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u s-Sottogrupp tal-Indikaturi tiegħu, fil-kuntest tal-aġġornar tal-qafas tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, jiżgura koerenza mal-Qafas tal-Konverġenza Soċjali taħt is-Semestru Ewropew, u jsaħħaħ id-dimensjoni territorjali tar-rappurtar, sabiex il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ obbligu ta’ rendikont jaslu b’mod effettiv sal-livelli reġjonali u lokali, fejn is-servizzi għat-tfal qed jitwettqu u fejn l-investiment pubbliku jħalli l-ikbar impatt;

41.

jirrimarka li r-reżiljenza u s-sigurtà soċjali għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet li jsaħħu lil xulxin u li t-tfal spiss ikunu dawk l-aktar affettwati minn kriżijiet ekonomiċi, tas-saħħa, dawk relatati mal-klima u ġeopolitiċi;

42.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi demografiċi li qed jiffaċċjaw ħafna reġjuni Ewropej u jissottolinja li s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika fit-tul tal-Ewropa hija marbuta mill-qrib mal-benesseri, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal u l-familji; jisħaq li l-fiduċja taż-żgħażagħ fil-futur u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu għażliet tal-ħajja, anke li jifformaw familja, tiddependi mill-aċċess għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità, akkomodazzjoni affordabbli, impjieg ta’ kwalità u ambjenti soċjali inklużivi; jenfasizza li t-tisħiħ tal-politiki dwar il-benesseri tat-tfal u l-appoġġ għall-familja jikkostitwixxi element ewlieni tal-approċċ ta’ investiment soċjali, li jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-iżvilupp territorjali sostenibbli;

43.

jitlob li l-benesseri tat-tfal u l-investiment soċjali jsiru komponenti integrali tal-aġenda għat-tħejjija u r-reżiljenza tal-Ewropa, appoġġjati minn data affidabbli u diżaggregata u bini tal-kapaċitajiet immirat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

44.

jisħaq li sistemi ta’ benefiċċji għat-tfal imfassla tajjeb u prevedibbli jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbiltà soċjali u ekonomika fi żminijiet ta’ kriżi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu dan ir-rwol ta’ stabbilizzazzjoni meta jivvalutaw u jadattaw is-sistemi tagħhom ta’ appoġġ għall-familji, f’konformità mal-kapaċitajiet baġitarji tagħhom;

45.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istrateġija tal-UE li jmiss Kontra l-Faqar tqiegħed lit-tfal fil-qalba tagħha billi tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal bħala wieħed mill-pilastri ċentrali tagħha, tistabbilixxi miri ċari u li jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal, u tiżgura azzjoni koordinata fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha; Jappella wkoll għal allokazzjoni speċifika tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal, u b’hekk il-Garanzija għat-Tfal tiġi ankrata bħala prijorità strateġika fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u tissaħħaħ il-governanza f’diversi livelli permezz tal-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri relatati;

46.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkorpora approċċ komprensiv tad-drittijiet tat-tfal fis-Semestru Ewropew billi tivvaluta b’mod sistematiku l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal — inklużi l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali, l-adegwatezza tal-finanzjament u l-eżiti mmirati — u billi tintegra dawn l-elementi, f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi indirizzati lill-Istati Membri. Jitlob ukoll li r-rieżami ta’ ħames snin previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (1) li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal jitwettaq fl-2026 mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, bil-ħsieb li tiġi pprovduta valutazzjoni komprensiva tal-progress, id-disparitajiet territorjali u l-lakuni fl-implimentazzjoni tal-Istati Membri, u li jiġu żgurati segwitu strutturat, trasparenza u obbligu ta’ rendikont fi ħdan il-qafas ta’ monitoraġġ u rapportar tas-Semestru;

Brussell, il-5 ta’ Marzu 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Kata TÜTTŐ


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2604/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top