This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025XC00474
Publication of an approved standard amendment to a product specification of a protected designation of origin or protected geographical indication in the sector of agricultural products and foodstuffs, as referred to in Article 6b(2) and (3) of Commission Delegated Regulation (EU) No 664/2014
Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
PUB/2024/1100
ĠU C, C/2025/474, 22.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/474/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2025/474 |
22.1.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014
(C/2025/474)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA FI STAT MEMBRU
“Formaggio di Fossa di Sogliano”
Nru tal-UE: PDO-IT-0580-AM01 - 30 ta’ Ottubru 2024
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem il-prodott
“Formaggio di Fossa di Sogliano”
2. Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
3. Awtorità nazzjonali jew grupp applikant li jikkomunika l-emenda standard
MASAF
4. Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i
Spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard imsemmija fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012:
L-emendi jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard peress li ma jinkludux bidla fl-isem jew fl-użu tad-denominazzjoni, ma jirriskjawx li jbiddlu r-rabta, u ma jwasslux għal aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
1. |
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku billi tintroduċi razza bovina u żewġ razez ovini.
il-formulazzjoni attwali: Ir-razez tal-ifrat għall-produzzjoni tal-ħalib huma Frisona Italiana, Bruna Italiana, Pezzata Rossa u t-tnissil bejniethom, filwaqt li r-razez tan-nagħaġ huma Sarda, Comisana, Massese, Vissana, Cornella Bianca, Fabrianese, delle Langhe u Pinzirita u t-tnissil bejniethom. Ġiet emendata biex taqra: Ir-razez tal-bovini għall-produzzjoni tal-ħalib huma Frisona Italiana, Bruna Italiana, Pezzata Rossa, Jersey u t-tnissil bejniethom, filwaqt li r-razez tal-ovini huma Sarda, Comisana, Massese, Vissana, Cornella Bianca, Fabrianese, delle Langhe, Lacaune, Assaf, Pinzirita u t-tnissil bejniethom. Raġuni L-introduzzjoni tar-razza Jersey għall-bovini u r-razez Lacaune u Assaf għar-razez tal-ovini, hija ġġustifikata wkoll mill-adattament tagħhom għal akkomodazzjoni semifissa. Fil-fatt, għal madwar għaxar snin, l-azjendi agrikoli kienu soġġetti għal attakki kontinwi u ta’ ħsara mill-ilpup li kienu fiż-żona tal-produzzjoni anke matul il-jum; għalhekk, xi drabi n-nissiela jiġu mġiegħla jnaqqsu l-perjodi tar-ragħa u jippreferu dawk ir-razez li huma adattati aħjar biex jibqgħu fl-istalel. L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
2. |
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-punt 3.3 tad-dokument uniku dwar il-karatteristiċi tal-ħalib.
Dan li ġej tħassar: Il-karatteristiċi tal-ħalib huma kif ġej: ĦALIB TAL-BAQAR Xaħam w/v% = > 3,4 Proteina w/v% = > 3,0 Għadd ta’ batterji UF/ml = < 100 000 Ċelloli somatiċi/ml = < 350 000 Anaerobi sporigens/litru assenti Inibituri assenti Punt krioskopiku °C = < 0,520 ĦALIB TAN-NAGĦAĠ Xaħam w/v% = > 6,0 Proteina w/v% = > 5,4 Għadd ta’ batterji UF/ml = < 1 400 000 Ċelloli somatiċi/ml = < 1 400 000 Inibituri assenti Raġuni Din hija simplifikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li tippermetti lill-produtturi jissimplifikaw il-kontrolli ta’ partijiet terzi u jżidu l-kontrolli mwettqa waħedhom. Barra minn hekk, dawn il-parametri wrew li ma għandhom l-ebda effett fuq il-karatteristiċi tal-kwalità tal-prodott. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li, fi kwalunkwe każ, il-ħalib għandu jikkonforma mal-istandards obbligatorji. L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
3. |
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott dwar il-metodu tal-produzzjoni.
Il-formulazzjoni attwali: Il-ġobon matur għat-tqaddim fil-fossa jrid ikun nadif u ħieles mill-moffa, imgeżwer f’boroż tal-kanvas mhux ikkulurit, marbut bi spag naturali u possibbilment imblukkat b’faxex jew ċineg tajbin għall-użu. Ġiet emendata biex taqra: Il-ġobon matur għat-tqaddim fil-fossa jrid ikun nadif u ħieles mill-moffa, imgeżwer f’boroż tal-kanvas mhux ikkulurit, marbut bi ħbula u/jew faxex u/jew ċineg tajbin għall-użu. Raġuni L-emenda proposta tqis l-esperjenza miksuba matul is-snin, li wriet il-ħtieġa li jkunu jistgħu jintużaw materjali alternattivi li huma aktar faċli biex jiġu mmaniġġjati. L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku. |
DOKUMENT UNIKU
“Formaggio di Fossa di Sogliano”
Nru tal-UE: PDO-IT-0580-AM01 - 30 ta’ Ottubru 2024
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Formaggio di Fossa di Sogliano”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
— |
04 – PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA 0406 – Ġobon u baqta |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Mar-rilaxx għall-konsum, id-DOP “Formaggio di Fossa di Sogliano” tippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin.
Il-parti esterna tal-prodott lest tvarja minn kulur abjad lewn l-avorju għal isfar lewn l-ambra.
Fl-aħħar tal-proċess tat-tqaddim, il-piż tal-forom individwali tal-“Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP ivarja minn 500 gramma għal 1 900 gramma. Il-ġobniet għandhom forom irregolari, karatterizzati minn tumbati u ħofor, il-wiċċ ġeneralment umdu u żejtni u f’ċerti każijiet jista’ jkun mgħotti b’xaħam ikkondensat u moffa li jitneħħew faċilment bi brix ħafif. Il-preżenza ta’ xquq żgħar u tbajja’ possibbli sofor lewn l-okra, ftit jew wisq intensi, fuq wiċċ il-ġobon, huma parti mill-karatterstiċi tal-prodott. Ma hemm l-ebda qoxra jew hemm qoxra kemm kemm tinħass. Il-parti ta’ ġewwa għandha konsistenza semiiebsa, titfarrak faċilment, ta’ kulur abjad bi sfumaturi tal-ambra jew jagħti kemxejn lejn lewn it-tiben. Ir-riħa karatteristika u persistenti, xi drabi qawwija, b’aromi rikki li jfakkru fil-veġetazzjoni li tikber taħt is-siġar, bi ħjiel ta’ moffa u ta’ tartuf.
It-togħma tvajra skont il-kompożizzjoni tal-ġobon imqaddem, skont il-karatteristiċi li ġejjin:
— |
il-ġobon magħmul mill-ħalib tan-nagħaġ (pecorino) għandu togħma aromatika u fragranti, intensa u pjaċevoli, kemxejn punġenti, xi ftit jew wisq qawwija; |
— |
il-ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqar (vaccino) huwa fin u delikat, moderatament mielaħ u kemxejn aċiduż, bi ħjiel ta’ mrar; |
— |
il-ġobon magħmul minn taħlita ta’ ħalib (misto) għandu togħma pjaċevoli u bbilanċjata bejn il-mielaħ u l-ħelu, bi ħjiel ta’ mrar; |
— |
Il-“Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP ma jipreżenta l-ebda distinzjoni bejn il-pasta u l-qoxra, u għalhekk jiġi kkunsmat kollu kemm hu mingħajr ma titneħħa l-parti ta’ barra tal-qoxra; jekk ikun hemm tbajja’ jew densitajiet ovvji tax-xaħam, dawn għandhom jitneħħew bi brix ħafif tal-wiċċ. |
— |
Il-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa huwa ta’ aktar minn 32 %. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-bhejjem jistgħu jew jinżammu fl-istalel jew inkella fil-mergħat. L-għalf bażiku tal-bhejjem tal-istalel jikkonsisti minn ħaxix u legumi miġbura minn mergħat monofiti, oligofiti e polifiti tat-territorji reġjonali, individwati fil-punt 4, li permezz tal-klima u tal-karatteristiċi tal-ħamrija, jiddeterminaw il-kwalità tal-produzzjoni tal-ħalib. L-annimali tal-mergħat jużaw l-istess għalf tal-bhejjem użat biex isir il-ħuxlief u l-mergħat polifiti spontanji mimlijin flora bi speċi veġetali tal-ħaxix, tal-arbuxelli u tas-siġar. L-għalf tal-bhejjem bit-tiben jew bil-ħaxix u r-ragħa jista’ jiġi supplementat b’għalf sempliċi (tip wieħed mill-prodotti tal-qmuħ mitħunin) jew għalf kompost (bosta tipi ta’ prodotti tal-qmuħ mitħunin), b’żidiet eventwali ta’ minerali/vitamini. L-integrazzjoni tal-għalf fid-dieta ma għandhiex taqbeż 30 % tar-razzjon totali ta’ kuljum. L-użu ta’ ħaxix tal-għalf maħżun f’sajlos mhux permess.
Il-materja prima għall-produzzjoni tal-“Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP hija l-ħalib tan-nagħaġ u tal-baqar li jkunu ġejjin minn merħliet li jinsabu fiż-żona ġeografika definita. Ir-razez tal-bovini għall-produzzjoni tal-ħalib huma Frisona Italiana, Bruna Alpina, Pezzata Rossa, Jersey u t-tnissil bejniethom, filwaqt li r-razez tal-ovini huma Sarda, Comisana, Massese, Vissana, Cornella Bianca, Fabrianese, delle Langhe u Pinzirita, Lacaune u Assaf u t-tnissil bejniethom.
Il-ħalib użat jiġi minn 2 ħalbiet li jsiru kuljum. Il-ġobon għandu jiġi prodott bl-użu esklussiv jew it-taħlit tat-tipi ta’ ħalib li ġejjin:
ħalib sħiħ tan-nagħaġ: PECORINO
ħalib sħiħ tal-baqar: VACCINO
taħlita ta’ ħalib sħiħ tal-baqar (mhux iktar minn 80 %) u ta’ ħalib sħiħ tan-nagħaġ (mhux inqas minn 20 %): MISTO
Jintuża ħalib sħiħ mhux ipproċessat jew pasturizzat. L-użu ta’ addittivi huwa pprojbit.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi involuti fil-produzzjoni tal-ħalib, fil-produzzjoni tal-ġobon u t-tqaddim fil-fossa li huma parti mill-produzzjoni tad-DOP “Formaggio di Fossa di Sogliano” għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika indikata fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-“Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP jitqassam imballat sabiex ikunu protetti l-karatterstiċi tal-prodott skont il-modi ta’ imballaġġ li ġejjin:
— |
bejgħ fil-boroż tat-tqaddim; |
— |
bejgħ tal-forom sħaħ jew porzjonijiet f’imballaġġ f’vakwu |
— |
bejgħ tal-forom sħaħ jew porzjonijiet f’kontenituri fondi mdawrin bil-plastik |
— |
bejgħ tal-forom sħaħ jew porzjonijiet imgeżwra f’karta tajba għall-użu alimentari. |
Il-ġobon “Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP imballat b’dawn il-modi, jista’ jiġi ppakkjat f’basktijiet tad-drapp jew tal-karti jew f’kaxxi tal-injam jew tal-kartun.
Il-proċessi tal-qtugħ f’porzjonijiet u tal-imballaġġ għandhom iseħħu fiż-żona indikata fil-punt 4 biex, wara l-perjodu ta’ tqaddim fil-fossa, il-ġobon ma jkollu l-ebda distinzjoni bejn il-pasta ta’ ġewwa u l-qoxra minħabba l-effett tal-fermentazzjoni anerobika li tkun seħħet matul din il-fażi tal-ipproċessar u l-forom ikunu umdi u żejtnija u vulnerabbli għall-proċessi ta’ tnixxif u ta’ twebbis. Għalhekk jenħtieġ li l-prodott jiġi imballat qabel id-distribuzzjoni kummerċjali sabiex tiġi evitata l-formazzjoni ta’ qsim u xquq fil-pasta ta’ ġewwa u biex jitħarsu l-karatteristiċi tal-prodott.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-informazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tidher fuq it-tikketta b’tipa ċara u li tinqara, flimkien mal-logo tal-isem, is-simbolu grafiku Komunitarju u t-termini rilevanti (skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1898/2006 u l-emendi sussegwenti) u l-informazzjoni li tikkorrispondi għar-rekwiżiti legali:
— |
it-tip tal-ħalib użat (Pecorino, Vaccino, Misto); |
— |
il-kliem “da latte crudo” għall-ġobon magħmul minn ħalib mhux pasturizzat; |
— |
l-isem jew l-isem kummerċjali jew it-trademark u l-lokalità tal-produttur tal-ġobon jew ta’ min ħa ħsieb it-tqaddim fil-fossa u l-lokalità tal-imballatur jekk il-prodott kien imballat minn kumpanija differenti minn dawk fil-kategoriji preċedenti; |
— |
in-numru tal-approvazzjoni tal-istabbiliment li ħa ħsieb it-tqaddim fil-fossa li jindika PRM għat-tqaddim tar-rebbiegħa u EST għal dik tas-sajf. |
Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu huwa permess l-użu ta’ referenzi għal ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx tifsira ta’ tifħir jew ma jkunux magħmulin biex iqarrqu bil-konsumatur.
Il-logo tad-DOP “Formaggio di Fossa di Sogliano” huwa magħmul minn forma stilizzata ta’ fossa li l-bordura tagħha, fil-forma ta’ trapezju iżoxxile, tirrappreżenta l-ġebla ramlija u l-bordura interna tagħha tirrappreżenta l-forom tal-ġobon ħerġin mill-bażi miftuħa tat-trapezju iżoxxile. Fin-nofs tal-fossa hemm iljunfant żgħir, li huwa s-simbolu araldiku tad-dominju Malatesta. Id-disinni huma bl-aħmar fuq sfond isfar lewn it-tiben. Taħt in-nofs ċirku li jiddefinixxi l-bażi prinċipali tat-trapezju, l-ewwel linja fiha l-kliem “FORMAGGIO DI FOSSA” u t-tieni linja l-kliem “DI SOGLIANO D.O.P.”
F’nofs ċirku madwar in-naħa ta’ fuq tal-fossa stilizzata, jidher il-kliem: “Sogliano al Rubicone, Talamello e Terre Malatestiane”, li juri l-kontinwità storika u r-rabta maż-żona.
L-erja koperta mil-logo ta’ identifikazzjoni speċifikat hawn fuq għandha tkopri tal-inqas 25 % tal-erja totali tal-wiċċ tat-tikketta.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tad-DOP “Formaggio di Fossa di Sogliano” tinkludi t-territorju kollu tal-provinċji ta’ Forlì-Cesena, Rimini, Ravenna, Pesaro-Urbino; Ancona; Macerata; Ascoli Piceno u parti mit-terrtorju tal-Provinċja ta’ Bologna, limitata għall-muniċipalitajiet ta’: Borgo Tossignano, Casalfiumanese, Castel San Pietro Terme, Castel del Rio, Dozza, Fontanelice, Imola, Loiano, Monghidoro, Monterenzio, Pianoro.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Formaggio di Fossa di Sogliano” DOP tinfirex lejn il-parti ta’ isfel tal-għoljiet u l-għoljiet tal-Appennini bejn ir-Romagna u l-Marche. Il-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi huma s-sedimenti taflin, ramlin u l-alternazzjonijiet ta’ dawn, li jagħmlu parti mid-depożiti tal-Plioċenu inferjuri u tal-Kwaternarju attwali. Is-siti fejn jinsabu l-fosos huma mħaffrin f’formazzjoni li hija magħmula minn sensiela ta’ blat ramli feldespatiku u mikoaċju, ġeneralment bi ftit siment, ta’ lewn isfar fil-kannella jew safrani, f’saffi ta’ ħxuna li tvarja minn 30/40 cm sa madwar 1 m, b’alternazzjonijiet ta’ livelli sottili ta’ tafal tal-lom griż u griż fil-blu.
Speċifiċità tal-prodott:
Il-“Formaggio di Fossa di Sogliano”, jiddistigwi ruħu minn prodotti oħra li jagħmlu parti mill-istess kategorija kummerċjali permezz tar-riħa karatteristika u persistenti, xi drabi qawwija, mimlija aromi li jfakkru fil-veġetazzjoni li tikber taħt is-siġar, bi ħjiel ta’ moffa u ta’ tartuf. Dawn il-karatterstiċi huma marbutin mill-qrib mal-metodu li bih jinkiseb il-ġobon, li l-fażi tat-tqaddim fil-fossa żgur li tirrapreżenta element speċifiku tiegħu. Qabel ma l-ġobon jitqiegħed fil-fossa, il-fosos iridu jkunu preparati b’mod xieraq skont din il-metodoloġija: waqt il-perjodu ta’ mistrieħ, il-fossa tinżamm magħluqa permezz ta’ għata tal-injam, u żieda ta’ ramel u ġebel; biex tintuża, tinfetaħ u titperreċ, imbagħad tiġi iġenizzata bin-nar u d-duħħan billi jitqabbdu kwantitajiet żgħar ta’ tiben tal-qamħ ġo fiha. Wara li n-nar jintefa, il-fossa titnaddaf u jitneħħa kull residwu ta’ rmied; fil-qiegħ titpoġġa pjattaforma mgħollija magħmula minn twavel tal-injam mhux ittrattat u dan jippermetti li joħroġ ix-xaħam likwidu riżultat tal-fermentazzjoni tal-ġobon waqt it-tqaddim; il-ħitan jitgħattew b’faxx irqiq ta’ mill-inqas 10 cm ta’ tiben tal-qamħ, li jżomm wieqaf permezz ta’ stekkat tal-qasab; il-fossa timtela bil-boroż bil-ġobon fihom, impoġġija fuq xulxin, sal-fetħa; wara perjodu ta’ mhux aktar minn 10 ijiem, il-fossa tista’ terġa’ timtela biż-żieda ta’ prodott simili fl-ispazju li jkun inħoloq; wara li l-fossa tkun imtliet, il-fetħa titgħatta b’biċċiet tad-drapp mhux ikkuluriti u tajbin għall-użu alimentari, u/jew tiben, sabiex tiġi evitata t-traspirazzjoni. Imbagħad il-fossa tingħalaq billi jitpoġġa għatu tal-injam issiġġillat bil-ġibs jew b’taħlita ta’ ġir, ramel u ilma. Tista’ wkoll tkompli titgħatta bil-ġebel, trab tal-ġebel ramli, ramel u/jew twavel. Minn dan il-waqt jibda t-tqaddim. Matul il-perjodu kollu tat-tqaddim mhux permess li l-fosos jinfetħu. Iż-żmien tat-tqaddim fil-fossa jvarja bejn tal-inqas 80 jum sa mhux iktar minn 100 jum.
Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
It-talba biex il-“Formaggio di Fossa di Sogliano” jiġi reġistrat hija ġustifikata minħabba l-karatteristiċi uniċi għalkollox tal-proċess tal-produzzjoni, li bla ebda dubju huwa korrelat mal-ambjent ġeoloġiku u klimatiku speċifiku kif ukoll mat-tradizzjoni lokali, leali u konsistenti matul is-sekli, li ta’ dan huma possessuri abbli n-nies li jżommu l-ġobon fil-fosos tal-post li għaddew it-tagħrif u s-“sensibbiltà” minn ġenerazzjoni għall-oħra. It-tradizzjoni tat-tqegħid tal-ġobon fil-fosos inbdiet waqt il-Medjuevu u saret malajr parti integrali miċ-ċiviltà raħlija tat-territorju bejn il-widien ta’ Rubicone u ta’ Marecchia, sax-xmara Esino, bejn ir-Romagna u l-Marche. Naturalment, l-użu tal-fosos kien marbut mal-ħtieġa li l-prodott jiġi konservat, kif ukoll max-xewqa li jkun protett mill-attakki tat-tribujiet u armati li, matul is-sekli, ippruvaw jokkuppaw it-territorju. Il-fosos kienu jitħaffru artifiċjalment fil-blat ramli u jitħallew ħorox. Imbagħad dawn l-operazzjonijiet tant saru frekwenti li bdew jiġu soġġetti għal regoli leġiżlattivi preċiżi. L-ewwel dokumenti dwar il-fosos u t-tekniki għall-użu tagħhom imorru lura għas-seklu 14 u ġejjin mill-arkivji tal-familja Malatesta li kienu s-sidien tal-art. Xi żmien wara l-1350, id-dominju Malatesta waqqaf il-Compagnia dell’Abbondanza fil-ħitan tal-belt, il-proprjetajiet u t-“tumbae”, azjendi agrikoli mferrxa fit-territorju kollu. Il-fosos kienu użati biex jipproteġu, jaħbu, jippreservaw ċereali, u tipi differenti ta’ oġġetti tal-ikel u għat-tqaddim tal-ġobon, fil-każ ta’ assedju, epidemija, u ġuħ u sabiex ma jaqax taħt il-klawżoli ebsin tal-kuntratti li kienu jirregolaw il-kolonji. Matul is-sekli, it-tradizzjoni nżammet b’mod konsistenti u leali, skont ir-regoli stabbiliti mill-kodiċiijiet tal-familja Malatesta.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/474/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)