Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0503

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli billi jissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva

COM/2024/503 final

Brussell, 31.10.2024

COM(2024) 503 final

2024/0281(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli billi jissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta trid tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija dwar l-emenda tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli

Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli 1 (id-Deċiżjoni) għandha l-għan li ttejjeb b’mod progressiv l-arranġamenti preferenzjali bejn il-partijiet għall-kummerċ tagħhom tal-prodotti agrikoli. Id-Deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998.

2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll 3 (l-aktar l-Artikolu 39). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Protokoll 3 (l-att previst).

Il-fini tal-att previst huwa li jemenda l-Protokoll 3 billi jissostitwih bi protokoll ġdid li jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, sabiex dejjem jirreferi għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-partijiet kontraenti. L-UE u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fl-4 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

L-UE u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fl-4 ta’ Diċembru 2013 rispettivament. B’konsegwenza, skont l-Artikolu 10(2), il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-UE u t-Turkija fl-1 ta’ Mejju 2012 u fl-1 ta’ Frar 2014 rispettivament.

Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull parti kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tintroduċi r-regoli tal-Konvenzjoni skont il-Protokoll 3. Dan isir bl-introduzzjoni fil-Protokoll emendat ta’ referenza għall-Konvenzjoni li se tagħmlu applikabbli.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-emenda proposta għandha natura teknika u ma taffettwax il-kontenut tal-protokoll b’rabta mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ bħalissa. Għalhekk, ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta għandu effetti legali. Din la tissupplimenta u lanqas temenda l-qafas istituzzjonali tad-Deċiżjoni.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li għalihom tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jemenda d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli, ikun jixraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2024/0281 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli billi jissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija 3 waqqaf il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”)

(2)Id-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni 4 stabbiliet ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea.

(3)Il-Protokoll 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni 5 , jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u jistabbilixxi metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Skont l-Artikolu 39 ta’ dak il-Protokoll, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll.

(4)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta Deċiżjoni dwar emenda tal-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni waqt il-laqgħa li jmiss tiegħu.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għaliex id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(6)Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE 6 u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-Ftehimiet.

(7)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 7 .

(8)L-emenda tal-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u immedjata tal-emenda tal-Konvenzjoni bejn il-Partijiet, jenħtieġ li tiġi introdotta referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 3, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ. Fin-nuqqas ta’ tali referenza, l-applikazzjoni effettiva tal-emenda tal-Konvenzjoni ma tkunx żgurata u dan jista’ jkollu impatt fuq is-sistema ta’ akkumulazzjoni djagonali.

(9)L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak l-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li jadotta deċiżjoni li tintroduċi referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(3)    ĠU L 361, 31.12.1977, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1964/732/oj.
(4)    ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/223/oj.
(5)    Id-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tad-19 ta’ Diċembru 2006 li temenda l-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tal-25 ta’ Frar 1998 dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli (CE-TR 108/05), disponibbli online fuq st00108.en05.doc (europa.eu) .
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tal-14 ta’ April 2011 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/94(1)/oj).
(7)    ĠU L, 2024/390, 19.2.2024.
Top

Brussell, 31.10.2024

COM(2024) 503 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli billi jissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva


Abbozz 

tad-DEĊIŻJONI Nru ... TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

ta’...

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija
dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, billi tissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu

fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

Il-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tal-25 ta’ Frar 1998 dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 tagħha dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli (“id-Deċiżjoni”), tirreferi għall-Protokoll 3 ta’ dik id-Deċiżjoni li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini.

(2)Il-Protokoll 3 ġie sostitiwit bi protokoll ġdid permezz tad-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija 2 .

(3)L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 3 (il-Konvenzjoni) għandha l-għan li tittrasponi s-sistemi bilaterali eżistenti tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fi ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni f’qafas multilaterali, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

(5)L-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fl-4 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

(6)L-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija ddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fl-4 ta’ Diċembru 2013 rispettivament. Konsegwentement, u f’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija fl-1 ta’ Mejju 2012 u fl-1 ta’ Frar 2014 rispettivament.

(7)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 4 .

(8)Għaldaqstant, il-Protokoll 3 jenħtieġ li jiġi sostitwit bi protokoll ġdid biex jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-wasla ta’ din in-notifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi, li permezz tagħhom il-Partijiet jinfurmaw lil xulxin dwar it-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħhom.

Magħmul fi

   Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

   Il-President

ANNESS

“Protokoll 3

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli ta’ oriġini

1.    Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 5 (il-Konvenzjoni), kif emendati u ppubblikati l-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.    Ir-referenzi kollha għall-“Ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.    Meta b’rabta mal-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Artikolu 34 u 35 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala’ tilwim li ma jkunx jista’ jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta’ din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

2.    Fil-każijiet kollha, is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha sseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi tal-Protokoll

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.    Jekk l-Unjoni jew ir-Repubblika tat-Turkija javżaw bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija għandhom minnufih jidħlu f’negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-fini ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.    Sakemm jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli tal-oriġini nnegozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li hemm fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom jibqgħu japplikaw għad-Deċiżjoni. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għandhom jinftiehmu bħala li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali biss bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija.

.

(1)    ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/223/oj.
(2)

   Id-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tad-19 ta’ Diċembru 2006 li temenda l-Protokoll 3 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tal-25 ta’ Frar 1998 dwar ir-reġim kummerċjali għall-prodotti agrikoli (ara d-dokument CE-TR 108/05 https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-108-2005-INIT/en/pdf )

(3)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4, , ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2013/94/oj
(4)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).
(5)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4, , ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2013/94/oj.
Top