IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.7.2024
COM(2024) 256 final
ANNESS
ta'
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-adozzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-Ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom
ANNESS
FTEHIM
DWAR L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAT-TRATTAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA
BEJN L-UNJONI EWROPEA, IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHOM
IL-PARTIJIET FIRMATARJI TA’ DAN IL-FTEHIM,
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,
L-UNJONI EWROPEA u
IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
FILWAQT LI JQISU t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Liżbona fis-17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU 1994 L 380, p. 24) u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 (ĠU 1998 L 69, p. 1), u kif dan jista’ jiġi emendat minn żmien għal żmien (“it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija”),
FILWAQT LI JQISU r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ikkodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (KVLT),
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-membri ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija hawnhekk jesprimu fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ trattat fir-relazzjonijiet inter se tagħhom,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-ħruġ mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jaffettwax l-istatus bħala membru tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika tal-Parti li hija firmatarja ta’ dan il-Ftehim (Parti Kontraenti), u lanqas ma jipprekludi interess li jiġi espress fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat sakemm dan ikun jista’ jitqies li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dak il-membru u b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija,
FILWAQT LI JQISU t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (EURATOM) u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-liġi tal-EURATOM,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu wkoll bħala referenzi għall-predeċessur tagħha, il-Komunità Ekonomika Ewropea u, sussegwentement, il-Komunità Ewropea, sakemm din tal-aħħar ġiet sostitwita mill-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JFAKKRU li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali (Kwistjoni ta’ Jaworzina (Fruntiera bejn il-Polonja u ċ-Ċekoslovakkja), Opinjoni Konsultattiva, [1923] PCIJ Serje B Nru 8, 37) u l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (Riżervi dwar il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju, Opinjoni Konsultattiva, [1951] Rapporti tal-QIĠ, 15, 20), id-dritt li tingħata interpretazzjoni awtorevoli ta’ regola legali jappartjeni lill-partijiet fi ftehim internazzjonali fir-rigward ta’ dak il-ftehim,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea assenjaw dak id-dritt li jagħtu interpretazzjoni awtorevoli tad-dritt tal-Unjoni u tal-EURATOM lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), kif spjegat mill-QĠUE fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Mox Plant), C-459/03 (EU:C:2006:345, punti 129 sa 137), fejn iddeċidiet li l-kompetenza esklużiva għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-EURATOM testendi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, il-EURATOM u l-Istati Membri huma partijiet, fir-relazzjoni bejn żewġ Stati Membri jew l-Unjoni Ewropea jew il-EURATOM u Stat Membru,
FILWAQT LI JFAKKRU li skont l-Artikolu 344 TFUE u l-Artikolu 193 tal-EURATOM, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ma humiex intitolati jippreżentaw tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-TUE, it-TFUE u l-EURATOM għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fihom,
FILWAQT LI JFAKKRU li fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C-284/16 (EU:C:2018:158), il-QĠUE ddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati Membri, li jipprovdi li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iressaq proċeduri kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal tal-arbitraġġ li dan l-Istat Membru jkun impenja ruħu li jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tiegħu,
FILWAQT LI JFAKKRU fil-pożizzjoni konsistentement imtennija tal-Unjoni Ewropea li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma kienx maħsub li japplika fir-relazzjonijiet intra-UE u li l-intenzjoni tal-Unjoni Ewropea, tal-EURATOM u tal-Istati Membri tagħhom, ma kinitx, u ma setgħetx tkun li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija joħloq kwalunkwe obbligu bejniethom peress li ġie nnegozjat bħala strument tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni fl-enerġija ma’ pajjiżi terzi filwaqt li, b’kuntrast, il-politika interna tal-Unjoni dwar l-enerġija tikkonsisti f’sistema elaborata ta’ regoli mfassla biex jinħoloq suq intern fil-qasam tal-enerġija li jirregola esklużivament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri,
FILWAQT LI JFAKKRU li fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Settembru 2021, Komstroy, C-741/19 (EU:C:2021:655, punt 66) (is-sentenza Komstroy) ikkonfermata fl-Opinjoni 1/20 tagħha (EU:C:2022:485, punt 47), il-QĠUE ddeċidiet li l-Artikolu 26(2)(c) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru,
FILWAQT LI JFAKKRU li, bħala interpretazzjoni mill-qorti kompetenti u li tirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku, l-interpretazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija fis-sentenza Komstroy tapplika mill-approvazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mill-Unjoni Ewropea, Il-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li tippermetti li t-tilwim bejn investitur ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea jew il-EURATOM, min-naħa l-oħra, jiġi solvut quddiem tribunal tal-arbitraġġ (“proċedura ta’ arbitraġġ intra-UE”), u
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, fi kwalunkwe każ, li, meta t-tilwim ma jkunx jista’ jiġi solvut b’mod amikevoli, parti tista’, bħal dejjem, tagħżel li tissottometti f’konformità mal-liġi nazzjonali, tilwim bejn Parti Kontraenti u investitur ta’ Parti Kontraenti oħra għal riżoluzzjoni quddiem il-qrati jew it-tribunali amministrattivi kompetenti, kif iggarantit mill-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, stabbiliti inter alia fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
FILWAQT LI JIKKONDIVIDU l-fehim komuni espress f’dan il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom li, bħala riżultat, klawżola bħall-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma setgħetx fil-passat, u la issa jew fil-futur ma tista’ sservi bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ mibdija minn investitur minn Stat Membru wieħed dwar investimenti fi Stat Membru ieħor,
FILWAQT LI JTENNU d-Dikjarazzjoni Nru 17, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Liżbona, li tfakkar li t-Trattati u l-liġi adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom preċedenza fuq il-liġi tal-Istati Membri, u li l-prinċipju ta’ primazija jikkostitwixxi regola ta’ kunflitt fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom,
FILWAQT LI JFAKKRU, konsegwentement, li, sabiex jiġi solvut kwalunkwe kunflitt ta’ normi, ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali jista’ japplika fir-relazzjonijiet intra-UE biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu kompatibbli mat-Trattati tal-UE,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, anki l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax jestendi, u ma kienx maħsub li jestendi, għal tali proċedimenti,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, fejn il-proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE huma pendenti, il-partijiet għal dan il-Ftehim li huma kkonċernati minn dawk il-proċedimenti, kemm bħala konvenut kif ukoll bħala Stat ta’ domiċilju ta’ investitur, għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw li l-eżistenza ta’ dan il-Ftehim tinġieb għall-attenzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ inkwistjoni, filwaqt li jippermettu l-konklużjoni xierqa dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-tribunal,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li , barra minn hekk, jenħtieġ li ma jiġi rreġistrat l-ebda proċediment ġdid ta’ arbitraġġ intra-UE, u
FILWAQT LI JAQBLU li fejn l-Avviż tal-Arbitraġġ madankollu jingħata, il-Partijiet Kontraenti li huma kkonċernati minn dawk il-proċedimenti, kemm bħala konvenut kif ukoll bħala Stat tad-domiċilju ta’ investitur, jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw li l-eżistenza ta’ dan il-Ftehim tinġieb għall-attenzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ inkwistjoni, li jippermetti li tinġibed il-konklużjoni xierqa li l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax iservi bħala bażi legali għal tali proċedimenti,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, madankollu, li soluzzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ f’każijiet ta’ arbitraġġ ta’ investiment intra-UE li ma jistgħux jiġu annullati jew imwarrba u li ġew irrispettati volontarjament jew infurzati b’mod definittiv jenħtieġ li ma jiġux ikkontestati,
FILWAQT LI JIDDISPJAĊIHOM li d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ diġà ngħataw, għadhom qed jingħataw u għadhom jistgħu jsiru b’mod li jmur kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea u tal-EURATOM, inkluż kif espress fl-interpretazzjonijiet tal-QĠUE, minn tribunali tal-arbitraġġ fi proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE mibdija b’referenza għall-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija,
FILWAQT LI JIDDISPJAĊIHOM ukoll li tali deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ huma s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ infurzar, inkluż f’pajjiżi terzi, li fi proċedimenti pendenti ta’ arbitraġġ intra-UE allegatament ibbażati fuq l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, it-tribunali tal-arbitraġġ ma jirrifjutawx il-kompetenza u l-ġurisdizzjoni, u li l-istituzzjonijiet tal-arbitraġġ ikomplu jirreġistraw proċedimenti ta’ arbitraġġ ġodda u ma jirrifjutawhomx bħala manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta’ kunsens biex jissottomettu ruħhom għall-arbitraġġ,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, għalhekk, li huwa meħtieġ li tiġi mtennija, espressament u mingħajr ambigwità, il-pożizzjoni konsistenti tal-Unjoni Ewropea, il-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom permezz ta’ ftehim li jafferma mill-ġdid il-fehim komuni tagħhom dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, kif interpretat mill-QĠUE, sa fejn jikkonċerna proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, skont is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light and Power Company Limited (il-Belġju vs Spanja) (Rapporti tal-QIĠ 1970, p. 3, il-paragrafi 33 u 35) u kif spjegat mill-QĠUE fis-sentenza Komstroy, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huma maħsuba biex jirregolaw ir-relazzjonijiet bilaterali,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW għalhekk li dan il-ftehim jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea, il-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom, rispettivament, u, b’estensjoni, l-investituri minn dawk il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, u li b’riżultat ta’ dan, dan il-ftehim jaffettwa biss lill-partijiet li huma rregolati mir-regoli tal-Unjoni Ewropea u tal-EURATOM bħala Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u ma jaffettwax it-tgawdija mill-partijiet l-oħra għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tad-drittijiet tagħhom skont dak it-Trattat jew it-twettiq tal-obbligi tagħhom,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni Ewropea u l-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom infurmaw lill-partijiet kontraenti l-oħra għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bl-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu dan il-ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, b’dak il-mod u f’konformità mal-obbligi legali tagħhom skont id-dritt tal-UE u tal-EURATOM, iżda mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jagħmlu tali talbiet kif iqisu xieraq fir-rigward tal-kostijiet imġarrba minnhom bħala konvenuti fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, l-Unjoni Ewropea, il-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom u b’hekk jiżguraw konformità sħiħa u effettiva mas-sentenza Komstroy, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tas-sentenzi eżistenti, l-obbligu tat-tribunali tal-arbitraġġ li jtemmu immedjatament kwalunkwe proċediment pendenti ta’ arbitraġġ intra-UE, u l-obbligu għall-istituzzjonijiet tal-arbitraġġ li ma jirreġistraw l-ebda proċediment futur ta’ arbitraġġ intra-UE, f’konformità mas-setgħat rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 36(3) tal-Konvenzjoni ICSID u l-Artikolu 12 tar-regoli tal-Arbitraġġ tal-SCC, u li t-tribunali tal-arbitraġġ jiddikjaraw li kwalunkwe proċediment ta’ arbitraġġ intra-UE ma għandux bażi legali,
FILWAQT LI JQISU li din il-Ftehim ikopri proċedimenti ta’ arbitraġġ bejn l-investitur u l-Istat li jinvolvu l-Unjoni Ewropea, il-EURATOM jew l-Istati Membri tagħhom bħala partijiet f’tilwim intra-UE bbażat fuq l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija skont kwalunkwe konvenzjoni ta’ arbitraġġ jew sett ta’ regoli, inkluża l-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u Ċittadini ta’ Stati Oħra (il-Konvenzjoni ICSID) u r-regoli tal-arbitraġġ tal-ICSID, ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma (SCC, Stockholm Chamber of Commerce), ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL, United Nations Commission on International Trade Law) u l-arbitraġġ ad hoc,
FILWAQT LI JŻOMMU f’moħħhom li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni Ewropea jew kwalunkwe Stat Membru jressqu azzjoni quddiem il-QĠUE abbażi tal-Artikoli 258, 259 u 260 TFUE,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TAQSIMA 1
FEHIM KOMUNI DWAR IN-NUQQAS TA’ APPLIKABBILTÀ TAL-ARTIKOLU 26 TAT-TRATTAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA BĦALA BAŻI GĦALL-PROĊEDIMENTI TA’ ARBITRAĠĠ INTRA-UE
ARTIKOLU 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija” tfisser it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Liżbona fis-17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU 1994, L 380, p. 24;) u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom, tat-23 ta’ Settembru 1997 (ĠU 1998 L 69, p. 1), u kif dan jista’ jiġi emendat minn żmien għal żmien;
(2)“ir-relazzjonijiet intra-UE” tfisser ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-EURATOM jew bejn Stat Membru, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea jew l-EURATOM, min-naħa l-oħra;
(3)“il-Proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE” tfisser kwalunkwe proċediment quddiem tribunal tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija biex tiġi solvuta tilwima bejn, minn naħa waħda, investitur ta’ Stat Membru wieħed tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea, jew l-EURATOM;
ARTIKOLU 2
Fehim komuni tal-Unjoni Ewropea, l-EURATOM u l-Istati Membri tagħhom dwar l-interpretazzjoni u n-nuqqas ta’ applikabbiltà kontinwa tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u n-nuqqas ta’ bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE
(1)Il-Partijiet Kontraenti b’dan jaffermaw mill-ġdid, għal aktar ċertezza, li jikkondividu fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, li skontu l-Artikolu 26 ta’ dak it-Trattat ma jistax u qatt ma seta’ qatt jservi bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE.
Il-fehim komuni espress fl-ewwel subparagrafu huwa bbażat fuq l-elementi li ġejjin tad-dritt tal-Unjoni:
(a)l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li skontha l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma japplikax, u qatt ma kellu jiġi applikat, bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE; kif ukoll
(b)il-primazija tad-dritt tal-Unjoni, imfakkra fid-Dikjarazzjoni Nru 17, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottatat it-Trattat ta’ Liżbona, bħala regola tad-dritt internazzjonali li jirregola l-kunflitt ta’ normi fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom bir-riżultat li fi kwalunkwe każ l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma japplikax u ma setax japplika bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE.
(2)Il-Partijiet Kontraenti jaffermaw mill-ġdid, għal aktar ċertezza, li huma jikkondividu l-fehim komuni li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE skont l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, l-Artikolu 47, paragrafu 3, tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax jestendi, u ma setax jiġi estiż, għal tali proċedimenti. Għaldaqstant, f’dak ir-rigward, l-Artikolu 47, paragrafu 3 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax jipproduċi effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE meta Stat Membru jkun ħareġ mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija qabel dan il-ftehim, u lanqas mhu se jipproduċi xi effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE jekk sussegwentement Parti Kontraenti tirtira mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.
(3)Għal aktar ċertezza, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li f’konformità mal-fehim komuni espress fil-paragrafi 1 u 2, u mingħajr preġudizzju għalih, l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma japplikax bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE u li, f’dak ir-rigward, l-Artikolu 47, il-paragrafu 3, tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mhux se jipproduċi effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE.
(4)Il-paragrafi 1 sa 3 huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija sa fejn dawn jikkonċernaw ir-relazzjonijiet intra-UE.
TAQSIMA 2
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 3
Depożitarju
(1)Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim.
(2)Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti bi:
(a)id-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5;
(b)id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6, paragrafu 1;
(c)id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għal kull Parti Kontraenti f’konformità mal-Artikolu 6, paragrafu 2.
(3)Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jippubblika l-Ftehim f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinnotifika lid-Depożitarju tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, kif ukoll lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tiegħu. Id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi mistieden jinnotifika l-Ftehim lill-partijiet kontraenti l-oħra għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.
(4)Dan il-Ftehim għandu jiġi rreġistrat mid-Depożitarju mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, f’konformità mal-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
ARTIKOLU 4
Riżervi
Ma għandha ssir l-ebda riżerva għal dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 5
Ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni
Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika, tal-approvazzjoni jew tal-aċċettazzjoni mad-Depożitarju.
ARTIKOLU 6
Dħul fis-seħħ
(1)Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 jum kalendarju wara d-data li fiha d-Depożitarju jirċievi t-tieni strument ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.
(2)Għal kull Parti Kontraenti li tirratifikah, taċċettah jew tapprovah wara d-dħul fis-seħħ tiegħu f’konformità mal-paragrafu 1, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 jum kalendarju wara d-data tad-depożitu minn tali Parti Kontraenti tal-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.
ARTIKOLU 7
Testi awtentiċi
Dan il-Ftehim, imfassal f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, bit-test f’kull wieħed minn dawn il-lingwi jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tad-Depożitarju.
Magħmul fi Brussell fi ……………………..