Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0104(02)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2022 li tirrifjuta l-kompetenza tagħha skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU L 24 tad-29.1.2004, p. 1 (hawn aktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) introduċa ċerti bidliet, bħas-sostituzzjoni tat-terminu “Komunità” bit-terminu “Unjoni” u t-terminu “suq komuni” bit-terminu “suq intern”. Tul din id-deċiżjoni kollha se tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.) (Każ C.1886 – Iliad – Stedina biex tittieħed azzjoni abbażi tal-Artikolu 265 TFUE) (Notifikat permezz tad-dokument numru C(2022) 78) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku) 2023/C 2/04

C/2022/78

ĠU C 2, 4.1.2023, p. 19–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 2/19


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Jannar 2022

li tirrifjuta l-kompetenza tagħha skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) (Każ C.1886 – Iliad – Stedina biex tittieħed azzjoni abbażi tal-Artikolu 265 TFUE)

(Notifikat permezz tad-dokument numru C(2022) 78)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2023/C 2/04)

(1)   

Fl-10 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet stedina biex tittieħed azzjoni (“Stedina biex tittieħed azzjoni”) minn Iliad S.A. (“Iliad”, Franza), f’konformità mal-Artikolu 265 TFUE, li titlob lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-ġuriżdizzjoni tagħha fuq il-fużjoni bejn Télévision Française 1 S.A. (“TF1”, Franza) u Métropole Télévision S.A. (“M6”, Franza) (“it-Tranżazzjoni”).

1.   IL-PARTIJIET U T-TRANŻAZZJONI

(2)

TF1 hija kumpannija sussidjarja kkontrollata minn 43,7 % ta’ Bouygues S.A. (“Bouygues”). Bouygues hija attiva fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-telekomunikazzjoni u tal-midja. L-attività prinċipali ta’ TF1, direttament jew permezz tas-sussidjarji tagħha, huwa x-xandir ta’ stazzjonijiet televiżivi. TF1 twettaq ukoll attivitajiet oħra relatati mal-attività ewlenija tagħha bħala xandara ta’ stazzjonijiet televiżivi: il-produzzjoni awdjoviżiva u ċinematografika, l-akkwist ta’ drittijiet awdjoviżivi, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ skrins tar-reklamar, il-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ DVDs u CDs mużikali, l-iżvilupp ta’ prodotti derivati mill-antenna, l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali u interattivi.

(3)

M6 hija kumpannija sussidjarja kkontrollata minn 48,26 % ta’ RTL Group S.A. (“RTL”), li min-naħa tagħha hija kkontrollata minn 76,28 % ta’ Bertelsmann SE &Co. KGaA (“Bertelsmann”). L-attività prinċipali ta’ M6, direttament jew permezz tas-sussidjarji tagħha, huwa x-xandir ta’ stazzjonijiet televiżivi. Barra minn dan, M6 twettaq attivitajiet oħra relatati mal-attività ewlenija tagħha bħala xandara ta’ stazzjonijiet televiżivi: il-produzzjoni awdjoviżiva u ċinematografika, l-akkwist ta’ drittijiet awdjoviżivi, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ skrins tar-reklamar, il-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ DVDs u CDs mużikali, l-iżvilupp ta’ prodotti derivati mill-antenna, l-iżvilupp ta’ servizzi diġitali. Fl-aħħar nett, l-M6 tikkontrolla l-grupp tar-radju RTL France, li għandu diversi awtorizzazzjonijiet biex ixandar programmi tar-radju fi Franza metropolitana u jiżviluppa diversi attivitajiet relatati mal-operat ta’ dawn is-servizzi tar-radju.

(4)

[Deskrizzjoni tat-Tranżazzjoni]. Wara t-Tranżazzjoni, Bouygues se jkollha madwar 30 % tal-kapital tal-Entità l-Ġdida, filwaqt li Bertelsmann, permezz ta’ RTL, se jkollha madwar 16 % tal-kapital tal-Entità l-Ġdida.

2.   FATTI U PROĊEDURA

(5)

Fis-17 ta’ Mejju 2021, TF1, M6, Bouygues u RTL ħabbru l-konklużjoni ta’ memoranda ta’ abbozz ta’ ftehim f’negozjati esklużivi biex jingħaqdu l-attivitajiet ta’ TF1 u M6. Fis-17 ta’ Mejju 2021, Bouygues u RTL iffirmaw żewġ Memoranda ta’ Qbil. Dawn il-Memoranda ta’ Qbil ġew segwiti fit-8 ta’ Lulju 2021 bl-iffirmar ta’ Ftehim Qafas bejn Bouygues u RTL u Ftehim ta’ Kombinament ta’ Negozju bejn TF1 u M6 (“Ftehimiet”). Bouygues u RTL qablu wkoll dwar abbozz ta’ ftehim tal-azzjonisti li għandu jiġi ffirmat meta ġiet konkluża t-tranżazzjoni (“Ftehim tal-azzjonisti”).

(6)

Fid-29 ta’ Ottubru 2021, l-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni (“Autorité de la concurrence, ADLC”) bagħtet kwestjonarju lil diversi atturi tas-suq, inkluża Iliad, fejn talbet il-fehmiet tagħhom dwar it-Tranżazzjoni (2). Fl-introduzzjoni għall-kwestjonarju, l-ADLC tirreferi għall-fatt li “[i]l-kwestjonarju jikkonċerna l-fużjoni prevista bejn il-gruppi ta’ TF1 u [M6] fi ħdan [E]ntità [Ġ]dida. Dik [l-Entità l-Ġdida] tkun ikkontrollata esklużivament minn [Bouygues]”. Għaldaqstant, l-introduzzjoni tat-test tas-suq tindika li “[d]in [it-Tranżazzjoni] hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-[ADLC], li hija, fi Franza, l-awtorità amministrattiva indipendenti inkarigata mir-regolamentazzjoni kompetittiva tas-swieq”.

(7)

Fl-10 ta’ Novembru 2021, Iliad bagħtet lill-Kummissjoni lis-Stedina biex tittieħed azzjoni (3). B’mod partikolari, Iliad issostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-ADLC, l-Entità l-Ġdida se tkun suġġetta għall-kontroll konġunt ta’ Bouygues u Bertelsmann u għalhekk għandha dimensjoni Ewropea.

3.   DIMENSJONI EWROPEA

3.1.   Sfond ġuridiku

(8)

Skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva biex tivvaluta għaqdietb’dimensjoni Ewropea. L-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandu żewġ settijiet ta’ limiti massimi alternattivi biex jiġi ddeterminat jekk għaqda għandhiex dimensjoni Ewropea.

(9)

Skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, għaqda għandha dimensjoni Ewropea meta (i) il-fatturat dinji aggregat tal-impriżi kollha kkonċernati jaqbeż EUR 5 biljun, u (ii) il-fatturat aggregat tal-Unjoni ta’ mill-inqas żewġ impriżi kkonċernati jaqbeż EUR 250 miljun, sakemm kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tiksibx aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħha fl-Unjoni fi ħdan l-istess Stat Membru wieħed.

(10)

Konċentrazzjoni li ma tissodisfax il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandha dimensjoni tal-Unjoni meta: (i) il-fatturat dinji aggregat tal-impriżi kollha kkonċernati jaqbeż EUR 2,5 biljun, (ii) f’kull wieħed minn tal-inqas tliet Stati Membri l-valur tal-bejgħ aggregat tal-impriżi kollha kkonċernati jaqbeż EUR 100 miljun, (iii) f’kull wieħed minn mill-inqas tliet Stati Membri inklużi għall-finijiet tal-punt (ii), il-fatturat aggregat ta’ mill-inqas tnejn mill-impriżi kkonċernati jaqbeż EUR 25 miljun, u (vi) il-fatturat aggregat tal-Unjoni ta’ mill-inqas żewġ impriżi kkonċernati jkun aktar minn EUR 100 miljun, sakemm kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tiksibx aktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħha fl-Unjoni fi Stat Membru wieħed (l-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet).

(11)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni, l-impriżi kkonċernati huma dawk involuti f’konċentrazzjoni, jiġifieri fużjoni jew akkwist ta’ kontroll, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (4).

(12)

Fil-kuntest ta’ akkwist ta’ kontroll esklużiv, l-impriżi kkonċernati huma l-impriża akkwirenti u l-impriża fil-mira (5).

(13)

Fil-kuntest tal-akkwist ta’ kontroll konġunt fuq impriża konġunta maħluqa ġdida wara l-kontribuzzjoni ta’ kumpannija sussidjarja jew attività preeżistenti minn impriża li eżerċitat kontroll esklużiv fuq dik il-kumpannija sussidjarja jew attività preeżistenti, kull waħda mill-impriżi li jeżerċitaw kontroll konġunt għandha titqies bħala impriża kkonċernata. F’dan il-każ, il-valur tal-bejgħ tal-impriża konġunta huwa parti mill-fatturat tal-kumpannija prinċipali oriġinali (6).

3.2.   Il-fatturat

(14)

Bouygues kisbet fatturat dinji ta’ EUR 34,7 biljun fl-2020, fatturat ta’ EUR [fatturat] biljun fl-Unjoni u fatturat ta’ EUR [fatturat] biljun fi Franza. Bouygues għalhekk tikseb aktar minn żewġ terzi tal-fatturat totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(15)

Bertelsmann għamlet dħul mill-bejgħ dinji ta’ EUR 17,3 biljun fl-2020, dħul mill-bejgħ ta’ EUR [dħul mill-bejgħ] biljun fl-Unjoni u EUR [dħul mill-bejgħ] biljun fi Franza. Għalhekk, Bertelsmann ma tiġġenerax iktar minn żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(16)

M6 kisbet fatturat dinji ta’ EUR 1,27 biljun fl-2020, fatturat ta’ EUR [fatturat] biljun fl-Unjoni u fatturat ta’ EUR [fatturat] biljun fi Franza. M6 għalhekk tikseb aktar minn żewġ terzi tal-fatturat totali tagħha fl-Unjoni fi Franza.

(17)

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Bouygues u M6 jew Bouygues u Bertelsmann, ma hemmx dubju li dawn jaqbżu l-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(a) u (b). Madankollu, billi tqis biss il-fatturat ta’ Bouygues u M6, it-Tranżazzjoni ma jkollhiex dimensjoni Ewropea, peress li Bouygues u M6 jiksbu aktar minn żewġ terzi tal-fatturat tagħhom fl-Unjoni fi Franza. B’kunsiderazzjoni tal-fatturat ta’ Bouygues u Bertelsmann, it-Tranżazzjoni għandha dimensjoni Ewropea, peress li Bertelsmann ma tilħaqx aktar minn żewġ terzi tal-fatturat tagħha fl-Unjoni Ewropea fi Franza.

(18)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni.

3.3.   L-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni

(19)

L-ADLC u Bouygues iqisu li l-Entità l-Ġdida se tkun ikkontrollata esklużivament minn Bouygues (7). F’dak il-każ, l-impriżi kkonċernati jkunu Bouygues u M6 u l-għaqda ma jkollhiex dimensjoni Ewropea.

(20)

Għall-kuntrarju, Iliad targumenta li l-Entità l-Ġdida se tkun ikkontrollata b’mod konġunt minn Bouygues u Bertelsmann (8). F’dak il-każ, l-impriżi kkonċernati jkunu Bouygues u Bertelsmann (9) u l-għaqda jkollha dimensjoni Ewropea.

(21)

Sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni, huwa l-ewwel neċessarju li tiġi ddeterminata n-natura tal-kontroll li se jiġi eżerċitat fuq l-Entità l-Ġdida.

3.3.1.   In-natura tal-kontroll fuq l-Entità l-Ġdida

3.3.1.1.   Introduzzjoni dwar il-governanza tal-Entità l-Ġdida

(22)

Wara t-Tranżazzjoni, Bouygues se jkollha madwar 30 % tal-kapital tal-Entità l-Ġdida, filwaqt li Bertelsmann, permezz ta’ RTL, se jkollha madwar 16 % tal-kapital tal-Entità l-Ġdida.

(23)

Fir-rigward tal-Laqgħa Ġenerali tal-Entità l-Ġdida (“Assemblea Ġenerali”), l-Artikolu 2.5 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jistipula li Bouygues u Bertelsmann għandhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni dwar il-punti kollha fuq l-aġenda qabel kwalunkwe Laqgħa Ġenerali. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, Bertelsmann, fil-prinċipju, ikollha tivvota l-istess bħal Bouygues.

(24)

Il-Bord tad-Diretturi tal-Entità l-Ġdida (“il-Bord tad-Diretturi”) se jkun magħmul minn 12-il membru. Bouygues se jkun tista’ taħtar erba’ membri inkluż is-CEO tal-Bord tad-Diretturi (10) u tipproponi żewġ membri indipendenti. Bertelsmann se tkun tista’ taħtar żewġ diretturi, inkluż il-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi u tipproponi [numru ta’ membri indipendenti proposti minn Bertelsmann]. Skont l-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti, id-deċiżjonijiet dwar il-Bord tad-Diretturi għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. F’każ ta’ parità, is-CEO għandu jkollu vot deċiżiv. L-Artikolu 2.1.2 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jirrikjedi li Bouygues u Bertelsmann jaqblu dwar pożizzjoni komuni dwar il-punti kollha fuq l-aġenda tal-Bord tad-Diretturi. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, Bertelsmann, fil-prinċipju, ikollha tivvota l-istess bħal Bouygues.

3.3.1.2.   L-argumenti ta’ Iliad

(25)

Iliad tqis li l-Entità l-Ġdida se tkun ikkontrollata b’mod konġunt minn Bouygues u Bertelsmann.

(26)

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, Iliad issostni, l-ewwel nett, li l-istruttura tat-tranżazzjoni kif prevista minn Bouygues u Bertelsmann tippermetti li jiġi konkluż li Bouygues u Bertelsmann kienu jikkontrollaw b’mod konġunt l-Entità l-Ġdida. Iliad tirrimarka li, wara l-konklużjoni tat-Tranżazzjoni, Bertelsmann (permezz ta’ RTL) se jkollha 16 % tal-kapital tal-Entità l-Ġdida. Bertelsmann għalhekk se tkun it-tieni l-akbar azzjonista tal-Entità l-Ġdida.

(27)

Għalhekk, Iliad issostni li Bertelsmann se tkun attriċi ewlenija fis-sjieda tal-Entità l-Ġdida, b’mod partikolari minħabba l-għarfien espert ta’ RTL fis-settur awdjoviżiv. B’mod partikolari, minn intervista ma’ Thomas Rabe, CEO ta’ Bertelsmann u Olivier Roussat, Direttur Ġenerali ta’ Bouygues, jirriżulta li Bouygues u Bertelsmann iqisu lilhom infushom bħala msieħba fit-tul, b’perspettiva komuni tas-swieq (11). Dan ġie ripetut fi preżentazzjoni lill-investituri li fiha TF1 u M6 sostnew li RTL se jibqa’ azzjonist strateġiku fit-tul (12). Barra minn hekk, Iliad tenfasizza li, sa fejn la Bouygues u lanqas RTL individwalment ma għandhom drittijiet tal-vot suffiċjenti sabiex ikollhom maġġoranza fil-laqgħat ġenerali, huwa biss eżerċizzju konġunt tad-drittijiet tal-vot tagħhom li jista’ jagħtihom maġġoranza (13).

(28)

It-tieni nett, Iliad temmen li Bouygues u RTL se jaġixxu fi sħubija strateġika bħala parti minn azzjoni konġunta. Azzjoni konġunta, fis-sens tal-Artikolu L.233-10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, hija ddefinita bħala ftehim konkluż minn persuni “sabiex jakkwistaw, jiddisponu jew jeżerċitaw drittijiet tal-vot, sabiex jimplimentaw politika komuni fir-rigward tal-kumpannija jew sabiex jiksbu l-kontroll ta’ din il-kumpannija”. L-eżistenza ta’ tali azzjoni hija, barra minn hekk, indikazzjoni użata mill-ADLC sabiex tevalwa n-natura tal-kontroll eżerċitat minn impriża waħda jew iktar fuq impriża oħra (14).

(29)

It-tielet nett, Iliad tqis li Bertelsmann se tkun partikolarment irrappreżentata fil-Bord tad-Diretturi (15). Iliad tinnota b’mod partikolari li l-ewwel CEO tal-Entità l-Ġdida se jkun Nicolas de Tavernost, il-President attwali tal-M6. Iliad tinnota wkoll li n-numru ta’ konsulenti mogħtija lil Bouygues (erbgħa) u lil Bertelsmann (tlieta) individwalment ma jippermettix lil Bouygues jew lil Bertelsmann jaġixxu individwalment (16).

(30)

Fl-aħħar nett, Iliad issostni li Bouygues u Bertelsmann iddefinixxew strateġija komuni, kif issostanzjat fl-istqarrijiet għall-istampa u fil-preżentazzjonijiet lill-investituri (17).

3.3.1.3.   L-argumenti tal-ADLC u ta’ Bouygues

(31)

L-ADLC u Bouygues iqisu li t-Tranżazzjoni hija strutturata b’tali mod li tiżgura li Bouygues ikollha kontroll esklużiv fuq l-Entità l-Ġdida (18).

(32)

Fir-rigward tal-Assemblea Ġenerali, Bouygues enfasizzat li, skont l-Artikolu 2.5 tal-Ftehim tal-Azzjonisti Bouygues u Bertelsmann, qabel kwalunkwe laqgħa ġenerali, se jkollhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jippruvaw jiddefinixxu pożizzjoni komuni dwar kull vot futur. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, il-pożizzjoni proposta minn Bouygues tipprevali u Bertelsmann ikollha tivvota skont id-deċiżjonijiet ta’ Bouygues (19). Analiżi tar-rati storiċi ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali tat-TF1 u tal-M6 twassal għall-konklużjoni li d-drittijiet tal-vot ikkombinati bejn Bouygues u Bertelsmann se jagħtu lil dawn il-kumpaniji maġġoranza de facto tal-laqgħat ġenerali.

(33)

Fir-rigward tal-Bord tad-Diretturi, Bouygues tinnota li l-Artikolu 2.1.1 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jipprevedi li l-Bord tad-Diretturi tal-Entità l-Ġdida se jkun magħmul minn 12-il membru, li minnhom Bouygues se taħtar nofs, inkluż il-president tiegħu b’vot deċiżiv (20).

(34)

B’mod simili għat-tħejjija tal-laqgħat ġenerali, Bouygues tindika li l-Ftehim tal-Azzjonisti jimponi perjodu ta’ ftehim bejn Bouygues u Bertelsmann qabel kull laqgħa tal-Bord tad-Diretturi (21). F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, il-pożizzjoni proposta minn Bouygues tipprevali u Bertelsmann ikollha tivvota skont id-deċiżjonijiet ta’ Bouygues (22). Bertelsmann tista’ tieħu pożizzjoni oħra minn Bouygues biss f’każijiet eċċezzjonali. B’mod partikolari, l-Artikolu 2.1.2 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jipprovdi li Bertelsmann ma tkunx meħtieġa ssegwi l-pożizzjoni ta’ Bouygues jekk Bertelsmann jew wieħed mir-rappreżentanti tagħha fil-Bord tad-Diretturi jqis li d-deċiżjoni tkun illegali jew tmur kontra l-interess soċjali tal-Entità l-Ġdida (23). Barra minn hekk, l-Artikolu 2.1.4 jelenka suġġetti li dwarhom Bertelsmann mhux se tkun meħtieġa tivvota bħal Bouygues, iżda dan għandu jikkonċerna biss deċiżjonijiet eċċezzjonali li x’aktarx jaffettwaw il-valur tal-Entità l-Ġdida (24).

(35)

Fl-aħħar nett, Bouygues tiddikjara li se tikkontrolla d-deċiżjonijiet strateġiċi kollha tal-Entità l-Ġdida, inklużi l-pjan tan-negozju u l-baġit tagħha, l-investimenti u l-ħatra tad-diretturi tagħha. F’dan ir-rigward, Bouygues tenfasizza li l-fatti invokati minn Iliad sabiex tikkonkludi li kien hemm strateġija komuni bejn Bouygues u Bertelsmann huma biss stqarrijiet għall-istampa li ma fihomx il-kontenut sħiħ tal-Ftehimiet u tal-Ftehim tal-Azzjonisti (25).

3.3.1.4.   L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni

(A)   Sfond ġuridiku

(36)

L-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat jistabbilixxi li jeżisti kontroll konġunt meta żewġ impriżi jew persuni jew aktar ikollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq impriża oħra. B’influwenza deċiżiva, il-Kummissjoni normalment tfisser is-setgħa li timpedixxi azzjonijiet li jistabbilixxu l-imġiba kummerċjali strateġika ta’ impriża. Impriżi li jakkwistaw kontroll konġunt ta’ impriża oħra għandhom għalhekk jaqblu dwar il-politika kummerċjali tal-impriża konġunta u huma msejħa biex jikkooperaw (26).

(37)

Il-Kummissjoni tuża diversi kriterji biex tiddetermina l-eżistenza ta’ kontroll konġunt.

(38)

Għalkemm jista’ jkun hemm kontroll konġunt fejn żewġ kumpaniji prinċipali jkunu f’sitwazzjoni ta’ parità tad-drittijiet tal-vot u tar-rappreżentanza fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tqis li din mhijiex kundizzjoni neċessarja. Għalhekk, jista’ jkun hemm ukoll kontroll konġunt fin-nuqqas ta’ tali parità. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-azzjonisti minoritarji jibbenefikaw minn drittijiet addizzjonali, bħal drittijiet ta’ veto fuq deċiżjonijiet strateġiċi għall-Entità l-Ġdida (27). Id-drittijiet ta’ veto li jagħtu lok għal kontroll konġunt normalment ikunu relatati ma’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħall-baġit, il-pjan tal-impriża (business plan), l-investimenti il-kbar jew anke l-ħatra ta’ maniġment superjuri.

(39)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżerċizzju konġunt tad-drittijiet tal-vot jista’ jagħti lok għal kontroll konġunt. Għalhekk, anke fl-assenza ta’ drittijiet tal-veto speċifiċi, żewġ impriżi jew aktar, li jakkwistaw parteċipazzjonijiet minoritarji f’impriża oħra, jistgħu jiksbu kontroll konġunt (28). Dan jista’ jkun il-każ fejn il-parteċipazzjonijiet minoritarji flimkien jipprovdu l-mezzi biex jikkontrollaw l-impriża mmirata. Tali ftehim jista’ jirriżulta minn ftehim legalment vinkolanti jew jintwera abbażi ta’ ċirkustanzi fattwali, b’mod partikolari meta jkun hemm interessi komuni b’saħħithom (29).

(40)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis fatturi oħra, inkluża l-eżistenza ta’ vot deċiżiv (30). L-eżistenza ta’ kontroll konġunt timplika li ma jingħata l-ebda vot deċiżiv lil waħda mill-kumpaniji prinċipali, peress li dan jirriżulta f’kontroll uniku tal-kumpanija b’vot deċiżiv (31). Madankollu, jista’ jkun hemm kontroll konġunt jekk, fil-prattika, ir-rilevanza u l-effettività ta’ dan il-vot deċiżiv ikunu limitati (32).

(B)   Id-drittijiet ta’ veto ta’ Bertelsmann fl-Entità l-Ġdida

(41)

Kif issostanzjat fil-paragrafi (22)-(24) hawn fuq u mingħajr eċċezzjoni, Bertelsmann se jkollha tivvota bħal Bouygues kemm fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi kif ukoll fil-Laqgħat Ġenerali.

(42)

Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti [jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lil Bertelsmann ma tivvutax favur proposta, fuq bażi eċċezzjonali u għal ċerti deċiżjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti] (33). Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta’ eċċezzjoni fl-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti huwa analogu għal dritt ta’ veto ta’ Bertelsmann fuq dawn il-kwistjonijiet. [Dettalji dwar il-funzjonament tal-Ftehim tal-Azzjonisti]. Għalhekk, Bertelsmann se jkollha dritt ta’ veto fuq il-kwistjonijiet elenkati fl-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti.

(43)

L-ewwel nett, l-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jelenka lista ta’ kwistjonijiet li fuqhom Bertelsmann se jkollha b’mod eċċezzjonali dritt ta’ veto. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, l-emendi għall-istatuti, is-sostituzzjoni tal-awdituri, kwalunkwe bidla fil-politika dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi, kwalunkwe bidla fir-regoli ta’ governanza, kwalunkwe żieda fil-kapital, kwalunkwe żieda sinifikanti fid-dejn u l-impenn tal-Entità l-Ġdida għal kwalunkwe attività ġdida li ma taqax taħt l-għanijiet tagħha. Fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ veto, il-Kummissjoni tinnota li, skont il-punt 66 tal-Komunikazzjoni dwar il-kompetenza, dawn il-kwistjonijiet ma jikkonċernawx id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-Entità l-Ġdida. Fil-fatt, id-dritt ta’ veto fuq dawn il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħajja nfisha tal-Entità l-Ġdida ma jistax, bħala tali, jagħti lil Bertelsmann kontroll konġunt fuq l-Entità l-Ġdida. Dawn id-drittijiet tal-veto jikkorrispondu pjuttost għal dawk normalment mogħtija lill-azzjonisti minoritarji biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom bħala investituri fl-impriża konġunta.

(44)

L-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jagħti wkoll lil Bertelsmann drittijiet ta’ veto fuq ċerti tipi ta’ investimenti. B’mod partikolari, Bertelsmann se żżomm id-dritt li ma ssegwix il-proposta ta’ Bouygues dwar (i) kwalunkwe investiment, bejgħ jew akkwist ta’ titoli, attivitajiet jew assi li jaqbżu EUR [ammont limitu] għal kull tranżazzjoni, (ii) l-akkwisti ta’ drittijiet għal kontenut awdjoviżiv li jaqbżu EUR [ammont limitu] għal kull tranżazzjoni fis-sena, (iii) kuntratti ta’ distribuzzjoni ogħla minn EUR [ammont limitu] għal kull tranżazzjoni fis-sena; (iv) il-ħolqien ta’ kwalunkwe impriża konġunta jew sħubija jew kwalunkwe garanzija oħra kull waħda għal ammont annwali ta’ EUR [ammont limitu], u (v) kwalunkwe litigazzjoni li taqbeż EUR [ammont tal-livell limitu]. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-limiti stabbiliti fil-Ftehim tal-Azzjonisti jaqbżu l-valur ta’ kważi l-investimenti kollha magħmula minn TF1 matul l-aħħar għaxar snin (u l-investimenti totali impenjati minn M6) (34). Għaldaqstant, dawn ma humiex ta’ natura li jagħtu veto lil Bertelsmann fuq l-iżvolġiment normali tan-negozju tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fid-dawl tad-daqs tal-ammonti hekk stabbiliti, dawn id-drittijiet ta’ veto jikkorrispondu iktar mad-drittijiet ordinarji ta’ protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji.

(45)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-Entità l-Ġdida minħabba d-drittijiet ta’ veto stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti.

(46)

L-ewwel CEO tal-Entità l-Ġdida se jinħatar minn Bouygues u Bertelsmann (35). Se jkun wieħed mill-erba’ membri tal-Bord tad-Diretturi maħtur minn Bouygues. Matul il-perijodu ta’ żamma, (36)Bouygues tista’, wara diskussjonijiet ma’ Bertelsmann, iżda mingħajr ma din tal-aħħar ikollha dritt ta’ veto fuq id-deċiżjoni finali, tneħħi lis-CEO tal-Entità l-Ġdida mill-kariga. Fir-rigward tal-ħatra ta’ CEOs futuri, Bouygues se jkollha tipproponi lista ta’ [...] kandidati [...] u Bertelsmann se tkun tista’ tagħmel veto fuq wieħed mill-kandidati (37). Bouygues għalhekk se jkollha l-aħħar kelma dwar l-għażla [tas-CEO] sakemm Bertelsmann ma tqisx li hemm dubji serji dwar l-etika tal-kandidat (38). […] (39). Minn dan isegwi li, kemm matul kif ukoll wara l-Perjodu ta’ żamma, Bouygues se jkollha l-aħħar kelma fir-rigward tal-ħatra u r-riżenja tas-CEO tal-Entità l-Ġdida. Bertelsmann se jkollha biss dritt ta’ veto fuq [...] u fuq il-ħatra ta’ kandidat li dwaru Bertelsmann tqis li hemm dubji serji dwar l-etika tiegħu. Min-naħa l-oħra, Bertelsmann ma għandha l-ebda dritt ta’ veto fuq ir-riżenja tas-CEO. Għalhekk, id-drittijiet ta’ veto ta’ Bertelsmann fil-proċess tal-ħatra tas-CEO tal-Entità l-Ġdida huma simili għal dritt ta’ konsultazzjoni, kompatibbli max-xewqa ordinarja li jiġu protetti l-azzjonisti minoritarji. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li Bouygues se tkun tista’ tkeċċi l-ewwel CEO tal-Entità l-Ġdida mingħajr dewmien.

(47)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-Entità l-Ġdida minħabba l-involviment tagħha fil-ħatra u r-riżenja tas-CEO tal-Entità l-Ġdida.

(48)

Fir-rigward tal-pjan tan-negozju u l-baġit, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 2.2.1 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jistabbilixxi kumitat tal-awditjar responsabbli għat-tħejjija tal-baġit u l-pjan tan-negozju, li se jkun magħmul minn membru tal-Bord tad-Diretturi maħtur minn Bouygues u membru tal-Bord tad-Diretturi maħtur minn Bertelsmann (40). [Bouygues u Bertelsmann se jaqblu dwar l-ewwel pjan ta’ direzzjoni tan-negozju] (41). Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju futuri, li Bertelsmann se tkun tista’ topponi biss jekk tqis li jmorru kontra l-interess tal-Entità l-Ġdida, (42) se jkollhom jikkonformaw mal-objettivi ta’ dħul, sinerġiji u investimenti [...] li jkunu qablu dwarhom Bouygues u Bertelsmann (43). Għalhekk, [fir-rigward ta’ pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju futuri, minħabba l-preponderanza tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi, Bouygues se tkun tista’ timponi l-implikazzjoni tal-vot tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi] (44). Madankollu, dawn il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġits futuri huma deċiżjonijiet strateġiċi tal-Entità l-Ġdida.

(49)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bertelsmann mhux se teżerċita kontroll konġunt fuq l-Entità l-Ġdida minħabba l-mekkaniżmu ta’ diskussjoni u adozzjoni tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u l-baġits futuri tal-Entità l-Ġdida.

(50)

Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li ma hemm l-ebda dritt li Bertelsmann tingħata veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-Entità l-Ġdida.

(C)   L-eżerċizzju konġunt ta’ drittijiet tal-vot

(51)

Fir-rigward tal-laqgħat ġenerali, minbarra s-suġġetti riżervati msemmija fl-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti (diskussi fil-punti (43)-(45) hawn fuq), Bertelsmann mhux se tkun tista’ topponi pożizzjoni ta’ Bouygues.

(52)

Madankollu, fi ħdan il-Bord tad-Diretturi, minbarra l-kwistjonijiet riżervati stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti u l-ħatra tas-CEO tal-Entità l-Ġdida (diskussi fil-punti (43)-(47) iktar ’il fuq), Bertelsmann għandha d-dritt li toġġezzjona għal kwalunkwe deċiżjoni li hija tqis illegali jew li tmur kontra l-interess soċjali tal-Entità l-Ġdida (Artikolu 2.1.2 tal-Ftehim tal-Azzjonisti).

(53)

Il-kunċett ta’ interess soċjali mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, kif enfasizzat minn Bouygues, (i) l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2.1.2 tal-Ftehim tal-Azzjonisti hija abitwali u ma hijiex speċifika għas-settur awdjoviżiv, (ii) u hija intiża li tapplika biss f’sitwazzjonijiet estremi, (iii) peress li l-għan tagħha huwa li tiġi evitata r-responsabbiltà ċivili u/jew kriminali tal-membri maħtura minn Bertelsmann (45). F’dan is-sens, il-Kummissjoni tinnota li l-portata tal-eċċezzjoni hija limitata fil-ambitu tagħha.

(54)

Minn dan isegwi li Bertelsmann ma għandhiex, de jure, il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq l-Entità l-Ġdida skont it-termini tal-Ftehim tal-Azzjonisti. Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk l-eżerċizzju konġunt tad-drittijiet tal-vot ma jistax jeżisti wkoll de facto.

(55)

L-ewwel nett, Bertelsmann għandha għarfien espert fis-settur awdjoviżiv li jmur lil hinn mill-attivitajiet tal-Entità l-Ġdida. Barra minn hekk, anki jekk Bertelsmann ma tkunx tista’ timponi l-pożizzjoni tagħha, Bouygues u Bertelsmann se jkollhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jippruvaw jaqblu dwar pożizzjoni ta’ votazzjoni komuni qabel kull laqgħa tal-Bord tad-Diretturi jew tal-Assemblea Ġenerali tal-Entità l-Ġdida. F’dan is-sens, ma jistax jiġi eskluż li Bouygues u Bertelsmann jaġixxu bħala entità waħda fil-korpi deċiżjonali tal-Entità l-Ġdida. Barra minn hekk, is-CEO futur tal-Entità l-Ġdida se jkompli jeżerċita diversi rwoli fi ħdan Bertelsmann (46).

(56)

Madankollu, Bouygues għandha l-għarfien espert tagħha fis-settur awdjoviżiv u bl-ebda mod mhija se tiddependi fuq Bertelsmann bħala tali. Barra minn hekk, Bertelsmann mhux se jkollha relazzjonijiet kummerċjali sinifikanti mal-Entità l-Ġdida (47). Fl-aħħar nett, Bouygues iżżomm id-dritt li tkeċċi lis-CEO tal-Entità l-Ġdida mingħajr ma Bertelsmann tkun tista’ topponi dan.

(57)

Minn dan isegwi li ma teżisti ebda prova li ssostni l-eżistenza ta’ interess komuni qawwi bejn Bouygues u Bertelsmann.

(58)

Fin-nuqqas ta’ tali interess, il-Kummissjoni tqis li l-ħolqien possibbli ta’ alleanzi li jvarjaw bejn azzjonisti minoritarji normalment iwassal biex l-ipoteżi ta’ kontroll konġunt de facto tiġi miċħuda. F’dan il-każ, huwa possibbli li kemm fil-Bord tad-Diretturi kif ukoll fl-Assemblea Ġenerali, Bouygues tkun tista’ tassoċja ruħha ma’ azzjonisti minoritarji oħra fuq kwistjonijiet li dwarhom Bertelsmann ikollha interess li tivvota bil-kontra ta’ Bouygues.

(59)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Bouygues u Bertelsmann, Bertelsmann hija obbligata li żżomm l-parteċipazzjonijiet tagħha biss matul il-Perijodu taż-żamma [tul tal-Perjodu taż-żamma]. Fi tmiem dan il-perjodu, Bertelsmann se tkun tista’ tbigħ l-ishma tagħha, filwaqt li tagħti lil Bouygues jedd ta’ prelazzjoni [għall-ammont tal-parteċipazzjonijiet] tal-parteċipazzjonijiet. Il-kumplament tal-parteċipazzjonijiet jista’ jinbiegħ liberament, [sakemm l-għażla tax-xerrej ma toħloqx diffikultajiet ta’ kompetizzjoni]. Għalhekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Kummissjoni tqis li s-sopravivenza tal-Entità l-Ġdida ma tiġix affettwata.

(60)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ftehimiet u l-Ftehim tal-Azzjonisti ma jagħtux lok għal eżerċizzju komuni tad-drittijiet tal-vot de facto.

(D)   L-eżistenza ta’ vot deċiżiv

(61)

Fi kwalunkwe każ, il-paragrafu 82 tal-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat jipprovdi li l-eżistenza ta’ kontroll konġunt timplika li ma jingħata l-ebda vot deċiżiv lil waħda mill-kumpaniji prinċipali, peress li dan jirriżulta f’kontroll uniku tal-kumpanija b’vot deċiżiv.

(62)

F’dan il-każ, Bouygues se jikkontrolla nofs il-Bord tad-Diretturi, inkluż is-CEO, (48) li se jkollu vot deċiżiv. F’dak is-sens, il-vot ta’ Bertelsmann ma jidhirx li huwa meħtieġ sabiex tiġi adottata pożizzjoni ta’ Bouygues fuq il-Bord tad-Diretturi, sakemm din ma tkunx materja riżervata skont it-tifsira tal-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti (li dwarha ma hemm l-ebda eżerċizzju ta’ pooling tal-voti). Bl-istess mod, fl-Assemblea Ġenerali, Bertelsmann se tkun tista’ topponi l-pożizzjoni ta’ Bouygues biss dwar kwistjonijiet riżervati skont it-tifsira tal-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti (li dwarhom ma hemm l-ebda eżerċizzju ta’ pooling tal-voti).

(63)

Għalhekk, bħala riżultat tal-vot deċiżiv ta’ Bouygues, Bertelsmann mhux se jkollha kontroll konġunt fuq l-Entità l-Ġdida.

(E)   Kontroll esklużiv tal-Entità l-Ġdida

(64)

Kif issostanzjat hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li Bouygues se jkollha s-setgħa li taħtar nofs il-Bord tad-Diretturi tal-Entità l-Ġdida. Minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż, (49) is-CEO tal-Entità l-Ġdida, li se jinħatar minn Bouygues, se jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ qasma. F’dan is-sens, Bouygues se tkun tista’ timponi d-deċiżjonijiet tagħha fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Entità l-Ġdida. Il-Kummissjoni tinnota li dawn id-drittijiet jagħtu lil Bouygues kontroll uniku fuq l-Entità l-Ġdida.

(65)

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.5 tal-Ftehim tal-Azzjonisti u ħlief għal kwistjonijiet riżervati skont it-tifsira tal-Artikolu 2.1.4 tal-Ftehim tal-Azzjonisti (li mhumiex tali li jagħtu kontroll konġunt), Bertelsmann trid tivvota bħal Bouygues fil-laqgħat ġenerali. F’dan is-sens, Bouygues se tikkontrolla b’mod effettiv madwar 46 % tad-drittijiet tal-vot fl-Assemblea Ġenerali tal-Entità l-Ġdida. Skont l-istatistika kkonsolidata storika ppreżentata minn Bouygues, din tirrappreżenta aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot effettivament irrappreżentati fil-laqgħat ġenerali (50). Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li Bouygues se teżerċita wkoll kontroll esklużiv de facto fuq l-Entità l-Ġdida. It-tabella li ġejja turi d-data storika kkonsolidata dwar il-parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali ta’ TF1 u M6 sa mill-2019.

Tabella 1

Data storika kkonsolidata dwar il-parteċipazzjoni ta’ TF1 u M6

Sena

Rati ta’ parteċipazzjoni kkonsolidati

Stima tar-rata tas-sjieda tal-kapital minn Bouygues

Rata ta’ parteċipazzjoni ta’ Bouygues b’rabta mat-total tal-voti kkonsolidati

2021

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs]%

2020

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs]%

2019

[…] %

46  %

[Aktar minn nofs]%

Sors: Tweġiba ta’ Bouygues għat-talba ta’ informazzjoni RFI 2, mistoqsija 3

(66)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Bouygues se jkollha l-kontroll esklużiv tal-Entità l-Ġdida, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt.

(F)   Konklużjoni dwar in-natura tal-kontroll tal-Entità l-Ġdida

(67)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Entità l-Ġdida se tkun ikkontrollata esklussivament minn Bouygues.

3.3.2.   Konklużjoni dwar l-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni

(68)

Il-Kummissjoni tqis li, minħabba n-natura esklużiva tal-kontroll ta’ Bouygues fuq l-Entità l-Ġdida, l-impriżi kkonċernati mit-Tranżazzjoni huma Bouygues (inkluża TF1) bħala l-impriża akkwirenti u M6 bħala l-impriża fil-mira.

3.4.   Konklużjoni dwar id-dimensjoni Ewropea tat-Tranżazzjoni

(69)

Minħabba li kemm Bouygues kif ukoll M6 jiksbu aktar minn żewġ terzi tal-fatturat tagħhom fi Franza, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni ma tikkostitwixxix konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea.

4.   KONKLUŻJONI

(70)

Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza biex tivvaluta t-Tranżazzjoni.

(71)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lil Iliad u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, mingħajr elementi kunfidenzjali jew sigrieti kummerċjali.

(1)  ĠU L 24 tad-29.1.2004, p. 1 (hawn aktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) introduċa ċerti bidliet, bħas-sostituzzjoni tat-terminu “Komunità” bit-terminu “Unjoni” u t-terminu “suq komuni” bit-terminu “suq intern”. Tul din id-deċiżjoni kollha se tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(2)  Stedina biex tittieħed azzjoni, Anness 1.

(3)  Fit-30 ta’ Novembru 2021, bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet (“Osservazzjonijiet ta’ Bouygues”), Bouygues informat lill-Kummissjoni li l-Istedina biex tittieħed azzjoni “hija ffirmata mill-President tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija b’responsabbiltà limitata Iliad, li ma għandu l-ebda setgħa ta’ rappreżentanza u għalhekk ma għandux is-setgħa li jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ Iliad. ” Permezz ta’ ittra ta’ ratifika (fis-sens tal-Artikoli 1156(3) u 1998(2) tal-Kodiċi Ċivili Franċiż) u konfermazzjoni lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2021, Iliad ikkonfermat li d-direttur ġenerali ta’ Iliad kien ta mandat orali lill-president tal-Bord tad-Diretturi ta’ Iliad sabiex jibgħat lill-Kummissjoni l-Istedina biex tittieħed azzjoni (ara, f’dan is-sens, it-tweġiba ta’ Iliad lil RFI 1). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Istedina biex tittieħed azzjoni ġiet ippreżentata b’mod validu minn Iliad.

(4)  Avviż dwar il-Ġuriżdizzjoni Konsolidata tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet, kif ikkoreġut (ĠU C 43, 21.2.2009, p. 10), il-paragrafu 129 (“Avviż ta’ Ġuriżdizzjoni Konsolidata”).

(5)  Avviż dwar il-Ġuriżdizzjoni Konsolidata, il-paragrafu 134.

(6)  Avviż dwar il-Ġuriżdizzjoni Konsolidata, il-paragrafu 139.

(7)  Ara l-analiżi tal-ADLC tal-applikabbiltà tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għat-Tranżazzjoni tat-30 ta’ Novembru 2021, p. 7 u l-Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 10.

(8)  Stedina biex tittieħed azzjoni, pp. 1-3.

(9)  Tinkludi wkoll l-M6.

(10)  L-ewwel CEO tal-Entità l-Ġdida se jkun Nicolas de Tavernost, il-President attwali tal-M6.

(11)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafu 7.

(12)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafu 8.

(13)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafi 10-12.

(14)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafi 16-20.

(15)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafi 22-23.

(16)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafi 24-26.

(17)  Stedina biex tittieħed azzjoni, anness 2, paragrafi 27-33.

(18)  Ara l-analiżi tal-ADLC tal-applikabbiltà tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għat-Tranżazzjoni tat-30 ta’ Novembru 2021, p. 7 u l-Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 10.

(19)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 5.

(20)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 8.

(21)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 5-6.

(22)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 5.

(23)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 6.

(24)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 6 u 9.

(25)  Osservazzjonijiet ta’ Bouygues, p. 9.

(26)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 62.

(27)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 65.

(28)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 74.

(29)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafi 74-76.

(30)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(31)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(32)  Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat, il-paragrafu 82.

(33)  Dan l-obbligu ma jestendix għall-membri indipendenti proposti minn Bouygues u Bertelsmann.

(34)  Bouygues jikkonferma li dawn il-limiti nqabżu biss tliet darbiet mill-2011 minn TF1, u qatt ma nqabżu minn M6. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-RFI 2, Bouygues tikkonferma li, fejn rilevanti, il-konsolidazzjoni tad-data storika bejn il-gruppi TF1 u M6 ma twassalx għal xi eċċess ulterjuri tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2.1.4 (ara RFI 2, tweġiba għall-mistoqsija 2 u l-anness). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-limiti huma għoljin biżżejjed biex ma jagħtux lil Bertelsmann dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-Entità l-Ġdida.

(35)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.3.

(36)  L-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tal-Azzjonisti jipprevedi li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, Bertelsmann trid iżżomm il-parteċipazzjonijiet tagħha fl-Entità l-Ġdida għal [perjodu speċifikat] (“Perjodu ta’ Żamma”).

(37)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.3.

(38)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.1.2.

(39)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.3.

(40)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.2.1.

(41)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.2.1. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għall-RFI 2, Bouygues ikkonfermat li l-Ftehimiet jagħtu lil Bouygues il-possibbiltà li temenda l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju fi żmien qasir u tirrevoka l-ewwel baġit (ara RFI 2, tweġiba għall-mistoqsija 5 (b)).

(42)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.1.2.

(43)  Il-Ftehim tal-azzjonisti, l-Artikolu 2.2.1.

(44)  Ara l-punt (62) hawn taħt.

(45)  Ara RFI 2, it-tweġiba għall-mistoqsija 1.

(46)  Stedina biex tittieħed azzjoni, Anness 2, paragrafu 23.

(47)  Fit-tweġiba tagħha għal RFI 2, Bouygues ikkonfermat li r-relazzjonijiet intragrupp bejn M6 u Bertelsmann huma maħsuba li jieqfu (ara RFI 2, tweġiba għall-mistoqsija 4(b)). Madankollu, Bouygues tenfasizza li l-Entità l-Ġdida tista’, bħal kull operatur ieħor, tkun kapaċi tikseb provvisti mingħand il-kumpanniji sussidjarji ta’ Bertelsmann skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(48)  Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċidiet li, sabiex jiġi applikat ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, in-natura awtonoma ta’ rappreżentant maħtur minn azzjonist ma għandha l-ebda effett fuq il-kapaċità ta’ dan ir-rappreżentant indipendenti li jieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet tal-persuna li taħtarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Frar 2006, fil-Kawża T-282/02 Cementbouw Handel & Industrie / Commission, punt 74). Fin-nuqqas ta’ evidenza kuntrarja, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ membri indipendenti tal-Bord tad-Diretturi tal-Entità l-Ġdida maħtura minn Bouygues se jaġixxu bl-istess mod ta’ Bouygues.

(49)  Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, Artikolu L.225-37.

(50)  Ara RFI 2, it-tweġiba għall-mistoqsija 3.


Top