|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv |
|
Valutazzjoni tal-impatt għal Regolament li jemenda r-Regolament dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ u Regolament li jemenda r-Regolament dwar ir-rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ |
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni |
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? |
|
Il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ huma popolari fl-unitajiet domestiċi tal-UE, b’mod partikolari fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana. Il-penetrazzjoni fis-suq tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ qed tiżdied u mistennija tikber minn 26% tal-unitajiet domestiċi tal-UE fl-2020 għal 35% fl-2040. Minkejja l-iffrankar konsiderevoli tal-enerġija miksub fl-aħħar snin minħabba l-iżvilupp u l-adozzjoni malajr mis-suq ta’ magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ effiċjenti bbażati fuq it-teknoloġija tal-pompi tas-sħana, xi konsumaturi għadhom jixtru mudelli bbażati fuq teknoloġiji skaduti u inqas effiċjenti. Dan il-prodott għadu juża l-elettriku b’mod sinifikanti, u bi tneħħija gradwali tal-inqas magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ effiċjenti b’rekwiżiti riveduti tal-ekodisinn hemm il-potenzjal importanti li jonqsu l-konsum tal-elettriku u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, l-adozzjoni malajr mis-suq tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bil-pompa tas-sħana ħolqot konċentrazzjoni fl-ogħla tliet klassijiet attwali tat-tikkettar enerġetiku (A + sa A+++), u dan għamilha aktar diffiċli għall-konsumaturi biex jiddistingwu bejn il-mudelli aktar effiċjenti u l-mudelli inqas effiċjenti ta’ dan it-tip ta’ prodott. Riklassifikazzjoni tat-tikketti tal-enerġija għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ se tgħin liċ-ċittadini jagħżlu l-aktar prodotti effiċjenti. F’konformità mar-Regolament qafas dwar it-tikketti tal-enerġija, jeħtieġ jiġi adottat att delegat għal riklassifikazzjoni tat-tikketta tal-enerġija attwali għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ sa Awwissu 2023 biex tkun żgurata skala omoġenja minn A sa G. Barra minn hekk, bħalissa l-leġiżlazzjoni ma fiha l-ebda rekwiżit biex il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, b’mod partikolari fir-rigward tad-durabbiltà, ir-riparabbiltà u r-riċiklabbiltà. It-tul tal-ħajja tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ naqas minn 14-il sena għal 12-il sena fl-aħħar 15-il sena. Għalkemm dan it-tqassir tal-ħajja tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ma jistax jiġi attribwit għal xi kawża speċifika, hemm bosta problemi li flimkien jaf wasslu għal sitwazzjoni ta’ obsolexxenza antiċipata. In-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ispare parts, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u n-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ kwalità biżżejjed dwar tmiem il-ħajja huma lkoll aspetti li jeħtieġ jiġu indirizzati. Dan in-nuqqas ta’ miżuri tal-ekonomija ċirkolari jwassal biex jiżdiedu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott. |
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva? |
|
Ir-reviżjoni tar-Regolamenti eżistenti dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija se: ˗tnaqqas il-konsum tal-elettriku mill-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ; ˗tnaqqas l-emissjoni tal-gassijiet serra minħabba t-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku u anki minħabba t-tnaqqis tar-refriġeranti li jistgħu joħorġu fl-arja waqt l-ipproċessar fi tmiem il-ħajja; ˗iżżid id-durabbiltà tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ; ˗tnaqqas kemm jista’ jkun il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż il-produzzjoni u r-riċiklaġġ; ˗tagħmel ir-Regolament aktar konsistenti ma’ Regolamenti oħra dwar l-ekodisinn. |
|
X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? |
|
Mingħajr rekwiżiti armonizzati fl-UE kollha, l-Istati Membri jkunu inċentivati jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika speċifiċi għall-prodotti huma stess bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-ambjent. Dan jista’ jimmina l-moviment liberu tal-prodotti. |
|
B. Soluzzjonijiet |
|
X’alternattivi ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm alternattiva ppreferuta jew le? Għaliex? |
|
Ġew studjati t-tliet alternattivi ta’ politika ewlenin li ġejjin: ˗L-Alternattiva ta’ Politika 1 (PO1) – Kollox kif inhu. Ix-xenarju bażi, ir-Regolament attwali jibqa’ kif inhu; ˗L-Alternattiva ta’ Politika 2 (PO2) – miżuri kalmi: riklassifikazzjoni tat-tikketta tal-enerġija, inkluż klassi A vojta biex trawwem l-innovazzjoni (kif jeżiġi r-Regolament qafas); ˗L-Alternattiva ta’ Politika 3 (PO3) – miżuri ambizzjużi: iffissar ta’ limitu massimu tal-EEI li jneħħi gradwalment il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kollha li mhumiex ibbażati fuq it-teknoloġija tal-pompi tas-sħana. ˗L-Alternattiva ta’ Politika 4 (PO4) – miżuri tal-ekonomija ċirkolari: l-awtorizzazzjoni tad-disponibbiltà tal-ispare parts kritiċi, l-għoti tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u l-għoti tal-informazzjoni għal riċiklabbiltà aħjar. Minbarra l-miżuri deskritti hawn fuq, il-valutazzjoni tal-impatt tqis għadd ta’ rekwiżiti biex tonqos il-kumplessità legali u tiżdied il-konsistenza ma’ miżuri oħra tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija, li l-effett tagħhom ma ġiex ikkwantifikat. Dawn il-miżuri huma: - simplifikazzjoni tat-tikketta tal-enerġija; - introduzzjoni ta’ klassi tal-emissjoni tal-istorbju; - inklużjoni ta’ modalitajiet b’konsum baxx tal-enerġija fil-leġiżlazzjoni dwar il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ u t-tneħħija sussegwenti tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Standby orizzontali. L-alternattiva ppreferuta L-alternattiva ta’ politika ppreferuta hi PO2+PO3+PO4, applikata f’żewġ perjodi tat-tranżizzjoni biex il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-manifatturi, ikunu jistgħu jħejju għar-rekwiżiti l-ġodda. L-ewwel perjodu tat-tranżizzjoni ta’ 18-il xahar għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-PO2 u l-PO4, u t-tieni perjodu tat-tranżizzjoni ta’ 18-il xahar oħra għall-applikazzjoni tal-PO3. Għalhekk b’kollox il-perjodu tat-tranżizzjoni se jtul 3 snin. |
|
Liema alternattiva u min jappoġġaha? |
|
˗Il-PO2 tappoġġaha l-industrija; ˗il-PO3 jappoġġawha l-NGOs u l-maġġoranza tal-Istati Membri. Madankollu, l-industrija jaf taqbel mal-PO3 jekk l-applikazzjoni ta’ dik l-alternattiva ta’ politika tingħata perjodu tat-tranżizzjoni. Din it-talba tal-industrija ġiet aċċettata, kif spjegat hawn fuq. |
|
C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta |
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? |
|
Sal-2040, PO2+PO3+PO4 hi stmata li tikseb ir-riżultati li ġejjin fir-rigward tax-xenarju bażi: ˗iffrankar kumulattiv tal-enerġija ta’ 15,0TWh sal-2040; ˗iffrankar kumulattiv tal-emissjonijiet GHG ta’ 1,7Mt CO2eq. sal-2040; ˗iffrankar kumulattiv tan-nefqa annwali tal-utenti finali ta’ €2,8 biljun sal-2040; ˗żieda fil-fatturat tal-manifatturi (€1,1 biljun sal-2040); ˗żieda fl-impjiegi netti fis-soċjetà kollha (9.303 impjieg); ˗aġġornament xieraq tar-rekwiżiti għall-ekodisinn biex ilaħħqu mal-avvanz teknoloġiku; ˗l-ebda impatt sinifikanti fuq l-SMEs, li ħafna minnhom huma bejjiegħa bl-imnut u sewwejja (l-ebda SME fost il-manifatturi tat-tagħmir). |
|
X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? |
|
Il-kostijiet tal-konformità ġew stmati għal €237 miljun fis-sena fl-2040. Il-kostijiet amministrattivi relatati mal-aġġornament taċ-Ċertifikat tal-Konformità, l-aġġornament tal-informazzjoni tal-EPREL u tikkettar mill-ġdid ġew stmati għal madwar €1 miljun. |
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? |
|
M’hemmx SMEs fost il-manifatturi ta’ dan il-grupp ta’ prodotti, għax ilkoll kumpaniji kbar. Għalhekk SMEs huma lkoll bejjiegħa bl-imnut u sewwejja. Fl-2030, il-fatturat għall-bejjiegħa se jiżdied għax se jogħlew il-prezzijiet tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bil-pompa tas-sħana. Iżda sal-2040, il-fatturat u l-impjiegi se jonqsu bi ftit. Dan minħabba tnaqqis fil-bejgħ ikkawżat mill-miżuri tal-ekonomija ċirkolari li mistennija jtawlu l-ħajja tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ. It-tnaqqis fil-fatturat fuq in-naħa tal-bejgħ tan-negozju se jiġi sa ċertu punt ikkumpensat mit-tkabbir fl-attivitajiet tat-tiswija wara l-bejgħ. |
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? |
|
Ma hemm l-ebda impatt stmat addizzjonali fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali għax is-sorveljanza tas-suq, iżda din se tibqa’ l-istess. |
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? |
|
Ma hu mistenni l-ebda impatt sinifikanti jew negattiv ieħor. |
|
D. Segwitu |
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika? |
|
Klawżola ta’ rieżami se tipproponi rieżami tar-Regolament wara ċirka ħames snin mill-adozzjoni tiegħu. |