EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0259

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u r-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali

COM/2023/259 final

Brussell, 17.5.2023

COM(2023) 259 final

2023/0157(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u r-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din l-inizjattiva hija, flimkien mal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) 952/2013 (“reviżjoni tal-KDU”) 1 u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“proposta tal-VAT”) 2 , parti minn riforma wiesgħa u komprensiva tal-Unjoni Doganali li l-Kummissjoni adottat illum.

L-Unjoni Doganali hija waħda mill-aktar kisbiet bikrija tal-Unjoni u hija essenzjali għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Hija bbażata fuq Tariffa Doganali Komuni li tistabbilixxi r-rati tad-dazji doganali li jridu jiġu applikati fuq importazzjonijiet ta’ merkanzija minn barra l-Unjoni u fuq proċeduri komuni għal merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni. Id-dazji doganali jirriżultaw minn politiki kummerċjali. Flimkien ma’ dazji oħra fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, dawn jissejħu Riżorsi Proprji Tradizzjonali (RPT) li jammontaw għal 11 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2022. L-Istati Membri huma responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali, skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill li jimplimenta d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji 3 .

F’dawn l-aħħar snin, il-bidla fix-xejriet kummerċjali u ż-żieda fil-kummerċ elettroniku saru sfida ewlenija għall-awtoritajiet doganali. Illum, il-kummerċ elettroniku jirrappreżenta aktar minn darbtejn in-numru ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali għal 0,5 % biss tal-valur 4 . Dan l-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet għal valur baxx jagħmilha diffiċli kemm għall-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw kif xieraq il-flussi kummerċjali online, kif ukoll għall-operaturi biex jikkonformaw ma’ obbligi multipli ta’ rapportar għal kull pakkett.

Pakketti b’valur sa EUR 150 li jintbagħtu direttament minn pajjiż terz lil konsenjatarju fl-UE huma eżentati mid-dazji doganali 5 . L-eżenzjoni mid-dazju doganali għal merkanzija ta’ valur baxx ġiet promulgata fl-1983 u żdiedet fl-1991 u fl-2008. Sal-1 ta’ Lulju 2021, kien hemm ukoll eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija importata ta’ valur negliġibbli (inqas minn EUR 22). Iż-żewġ eżenzjonijiet kienu ġġustifikati fil-piż amministrattiv sproporzjonat tal-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għall-impożizzjoni ta’ dazji doganali baxxi u l-VAT fuq merkanzija ta’ valur baxx.

Madankollu, fl-2017, bl-adozzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, l-Istati Membri qablu li jeliminaw l-eżenzjoni mill-VAT għal merkanzija importata ta’ valur baxx biex jipproteġu d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kkonċernati u biex jimminimizzaw il-piżijiet fuqhom 6 . Id-Direttiva tipprevedi wkoll Punt Uniku ta’ Servizz (IOSS) għall-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku li jbigħu merkanzija minn pajjiżi terzi lil konsumaturi Ewropej, u dan jippermettilhom jiġbru l-VAT fuq l-importazzjoni fil-mument tal-bejgħ minflok ma jiġbruha meta l-merkanzija tidħol fis-suq tal-Unjoni. Biex jiġi vverifikat jekk il-VAT ġietx imposta fil-mument tal-bejgħ jew jekk hemmx bżonn li tinġabar fil-fruntiera, il-pakketti kollha jridu jiġu ddikjarati lid-dwana mal-wasla fl-UE. Għaldaqstant, minn Lulju 2021, il-merkanzija importata kollha hija soġġetta għall-VAT u koperta minn dikjarazzjoni doganali diġitali, inkluż għal merkanzija b’valur sa EUR 150 li għaliha ma huwa dovut l-ebda dazju doganali. Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni 7 tar-regoli tal-VAT, l-eliminazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għal importazzjonijiet ta’ valur baxx kienet suċċess. Fl-ewwel 6 xhur, l-Istati Membri ġabru EUR 1,9 biljun ta’ VAT u kemm l-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll dawk doganali issa għandhom data dwar it-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku.

Madankollu, id-differenza bejn il-VAT u t-trattament doganali tal-merkanzija tal-kummerċ elettroniku tagħmel is-sistema kumplessa ħafna għall-partijiet involuti. L-istampa attwali hija din li ġejja: Il-VAT hija applikabbli fuq il-merkanzija kollha, filwaqt li d-dazji doganali huma applikabbli fuq merkanzija ta’ valur ogħla minn EUR 150; Il-VAT tinġabar u tiġi ddikjarata fil-mument tal-bejgħ minn pjattaformi online iżda tiġi vverifikata mal-wasla meta l-operaturi postali u express jiddikjaraw il-merkanzija lid-dwana.

Barra minn hekk, minkejja l-fatt li minn Lulju 2021 kull pakkett jiġi rrapportat lid-dwana, il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti finanzjarji tibqa’ sfida għall-awtoritajiet doganali. B’mod partikolari, iż-żamma tal-eżenzjoni mid-dazju doganali għall-merkanzija sa EUR 150 ħalliet il-bieb miftuħ għall-abbuż sistematiku ta’ dak il-limitu permezz ta’ sottovalutazzjoni u qsim tal-kunsinni. Hemm evidenza ta’ abbuż bħal dan mil-limitu ta’ EUR 150 permezz ta’ sottovalutazzjoni u qsim tal-kunsinni. Studju mwettaq minn Copenhagen Economics fl-2016 stima li madwar 65 % tal-kunsinni tal-kummerċ elettroniku huma sottovalutati f’termini ta’ dazji doganali 8 . Barra minn hekk, fir-rapport speċjali tagħha dwar il-proċeduri tal-importazzjoni 9 , il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) kkonkludiet li s-sistemi doganali attwali tal-awtorizzazzjoni tal-IT ma humiex kapaċi jipprevjenu l-importazzjoni ta’ merkanzija li ma hijiex eliġibbli għall-eżenzjoni mid-dazju doganali, u dan ma huwiex ikkumpensat minn kontrolli u pjanijiet ta’ investigazzjoni ex post 10 .

Għalhekk, il-kompetizzjoni hija distorta. L-eżenzjoni mid-dazju tiffavorixxi lill-operaturi tal-kummerċ elettroniku ta’ pajjiżi terzi fuq il-kummerċ tradizzjonali u l-bejjiegħa bl-imnut tal-UE, li jridu jħallsu d-dazji doganali meta jimportaw bl-ingrossa, u tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni tal-kummerċ elettroniku barra mill-UE.

Din il-proposta tibni fuq ir-rapport tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief għall-Isfidi li Tiffaċċja l-Unjoni Doganali 11 . Il-Grupp ta’ Persuni Għorrief irrakkomanda, fost l-oħrajn, it-tneħħija tal-limitu doganali ta’ EUR 150 għall-kummerċ elettroniku minħabba li, jekk l-esportaturi lejn l-Unjoni jiġu mġiegħla jaqsmu l-kunsinni f’pakketti iżgħar, dan il-limitu jipprovdi l-inċentivi ħżiena kemm f’termini ta’ kummerċ (kompetizzjoni inġusta) kif ukoll ta’ sostenibbiltà ambjentali (impronta ogħla tal-emissjonijiet).

Sabiex tiġi indirizzata l-isfida speċifika maħluqa mill-merkanzija tal-kummerċ elettroniku, din il-proposta tikkomplementa l-proposta dwar ir-reviżjoni tal-KDU li ġiet adottata llum mill-Kummissjoni billi: 1) telimina l-eżenzjoni mid-dazju għall-importazzjoni ta’ merkanzija b’valur li ma jaqbiżx EUR 150; u 2) tintroduċi trattament tariffarju simplifikat għall-merkanzija importata taħt tranżazzjoni bejn in-negozji u l-konsumaturi (B2C) li tikkwalifika bħala bejgħ mill-bogħod għal finijiet ta’ VAT. Il-proposta dwar ir-reviżjoni tal-KDU tipprevedi aktar simplifikazzjonijiet fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffi, il-valur doganali u l-oriġini għad-determinazzjoni tad-dazju doganali għall-merkanzija importata taħt bejgħ mill-bogħod. It-trattament tariffarju simplifikat għandu jiġi applikat fuq bażi volontarja mill-importatur (meqjus). Għalhekk, jekk l-importatur (meqjus) jixtieq jibbenefika minn rati tariffarji preferenzjali billi jagħti prova tal-istatus oriġinarju tal-merkanzija, jew minn rati ta’ dazju awtonomi aktar baxxi konvenzjonali jew applikabbli, dik il-persuna tista’ tagħmel dan billi tapplika l-proċeduri standard.

Il-faċilitazzjonijiet proposti fil-kalkolu tad-dazju doganali huma mistennija li jikkumpensaw għall-effetti tat-tneħħija tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju fuq il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet doganali u tan-negozji u jissimplifikaw il-proċessi u l-proċeduri għall-operaturi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija konsistenti ma’ u ssegwi l-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-2022 12 fejn il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ azzjonijiet biex tieħu l-Unjoni Doganali fil-livell li jmiss. L-azzjonijiet iffukaw fuq erba’ oqsma prinċipali ta’ intervent: il-ġestjoni tar-riskju, il-kummerċ elettroniku, il-konformità, u l-Unjoni Doganali li taġixxi bħala entità waħda. B’mod partikolari, taħt l-azzjoni 9, il-Kummissjoni għamlet ħilitha biex teżamina l-effetti tal-kummerċ elettroniku fuq il-ġbir tad-dazju doganali u fuq il-kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE, inklużi arranġamenti possibbli għall-ġbir tad-dazju doganali fuq il-linji tal-approċċ il-ġdid għall-ġbir tal-VAT taħt il-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (“IOSS”).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-VAT fil-proposta dwar l-Era Diġitali (ViDA) 13 , li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Diċembru 2022 u li bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Kunsill. Il-proposta ViDA għandha l-għan li timmodernizza u ssawwar mill-ġdid is-sistema tal-VAT tal-UE għall-era diġitali. Din tirrappreżenta pakkett estensiv u multidimensjonali ta’ riformi bi tliet għanijiet primarji ewlenin, li wieħed minnhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT (SRV) fl-UE. Il-kunċett ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT (SRV) fl-UE għandu l-għan li jintroduċi miżuri biex ikompli jnaqqas l-istanzi li fihom persuna taxxabbli trid tirreġistra għall-VAT f’aktar minn Stat Membru wieħed.

Minbarra l-proposta ViDA, it-tielet element tal-pakkett ta’ riforma tal-Unjoni Doganali huwa proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-VAT 14 bil-għan li jiġi eliminat il-limitu ta’ EUR 150 għall-finijiet tar-responsabbiltà tal-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u l-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi u arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. It-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150 għall-eżenzjoni mid-dazji doganali flimkien mat-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150 għall-użu tal-IOSS għandu jgħin biex jiġu mmitigati każijiet ta’ sottovalutazzjoni, u b’hekk jiġi protett id-dħul tal-Istati Membri.

L-inizjattiva tappoġġa l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-UE 15 li tirreferi għal ġbir aħjar tat-taxxa, għal tnaqqis tal-frodi tat-taxxa, għall-evitar u għall-evażjoni tat-taxxa u għat-tnaqqis tal-kostijiet ta’ konformità għan-negozju, għall-individwi u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. It-titjib tas-sistemi tat-tassazzjoni biex tiġi ffavorita attività ekonomika aktar sostenibbli u aktar ġusta huwa wkoll parti mill-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Dan ir-Regolament jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana.

Iż-żewġ programmi huma bbażati fuq l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dak l-Artikolu jipprevedi li d-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tal-unjoni doganali u tas-suq uniku.

Il-proporzjonalità hija żgurata mill-fatt li din l-inizjattiva telimina l-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju għall-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ valur baxx fl-UE u tippromwovi approċċ aktar effettiv u aktar sempliċi għall-ġbir ta’ dazji doganali fir-rigward ta’ merkanzija importata taħt bejgħ mill-bogħod.

Għażla tal-istrument

Il-proposta teħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ir-“Regolament dwar l-Eżenzjoni mid-Dazju”) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (it-“Tariffa Doganali Komuni”).

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni ex post tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87.

Madankollu, ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma rilevanti għal din il-proposta peress li jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-volumi u l-valur tal-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ valur baxx fl-UE. Din id-data kienet kompletament inviżibbli fil-livell tal-UE qabel id-dħul fis-seħħ tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku fl-1 ta’ Lulju 2021, minħabba li l-maġġoranza tal-pakketti ġew rilaxxati fis-suq tal-UE mingħajr formalitajiet doganali. Madankollu, peress li l-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku neħħa l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni għall-merkanzija taħt EUR 22, kien hemm il-ħtieġa li jiġi introdott ir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni doganali formali għall-merkanzija importata kollha minn dik id-data biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-ħlas tal-VAT.

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-ewwel 6 xhur tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Ir-riżultati inizjali huma inkoraġġanti ħafna u huma xhieda tas-suċċess tal-miżuri l-ġodda. Fuq in-naħa tal-importazzjoni, l-ewwel riżultati jenfasizzaw li fl-ewwel 6 xhur, madwar EUR 2 biljun ta’ VAT inġabru speċifikament fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ valur baxx b’valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150. Miż-EUR 2 biljun ta’ VAT li nġabru b’rabta mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija ta’ valur baxx fl-ewwel 6 xhur, kważi EUR 1,1 biljun inġabru permezz tal-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni.

L-implimentazzjoni tal-pakkett għenet ukoll biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. L-analiżi mid-data doganali tindika li l-aqwa tmien negozjanti rreġistrati fl-IOSS kienu jirrappreżentaw madwar 91 % tat-tranżazzjonijiet kollha ddikjarati għall-importazzjoni fl-UE permezz tal-IOSS. Din hija statistika inkoraġġanti ħafna peress li turi l-impatt li d-dispożizzjoni l-ġdida ta’ “meqjusa” għall-postijiet tas-suq kellha fuq il-konformità, sal-punt li s-segwitu u l-awditjar ta’ dan in-numru limitat ħafna ta’ persuni taxxabbli huma biżżejjed biex jiżguraw il-ġbir tal-VAT fuq din it-tip ta’ tranżazzjoni.

Meta jitqies is-suċċess tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-proposta ta’ Riforma tal-Unjoni Doganali tintroduċi obbligazzjonijiet ċari għall-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku bħala “importaturi meqjusa” fir-rigward tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi li huma jbigħu lill-konsumaturi fl-UE. Tali importaturi meqjusa se jsiru responsabbli għall-ġbir u l-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni fuq din il-merkanzija skont il-prinċipji tal-Punt Uniku ta’ Servizz tal-VAT għall-Importazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-isforz ta’ konformità se jkun saħansitra aktar iffukat fuq għadd ferm iżgħar ta’ atturi kbar fis-suq, li se jammontaw għall-maġġoranza tal-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata fl-UE.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Intalab kontribut mill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-kontenut ta’ din l-inizjattiva fil-kuntest tal-istudju dwar “An integrated and innovative overhaul of EU rules governing e-commerce transactions from third countries from a customs and taxation perspective” li sar minn kuntrattur estern 16 . Il-konsultazzjoni saret mis-16 ta’ Diċembru 2021 sal-10 ta’ Marzu 2021 u b’kollox ġabret 69 tweġiba 17 . Il-biċċa l-kbira tal-kontribut ġie pprovdut mill-operaturi ekonomiċi (kumpaniji u organizzazzjonijiet tan-negozju flimkien) bi 33 tweġiba u mill-konsumaturi (b’kollox 26 tweġiba u kontribut addizzjonali minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur). Barra minn hekk, 19-il Stat Membru wieġbu għall-kwestjonarju fil-mira.

L-eżitu wera li madwar 65 % tar-rispondenti tan-negozju (inklużi l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku) jappoġġaw it-tneħħija tal-limitu de minimis doganali mill-inqas sa ċertu punt limitat, filwaqt li l-opinjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ma turix preferenza ċara bejn it-tneħħija jew iż-żieda tal-limitu ta’ EUR 150 fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju (b’44 % tar-rispondenti jappoġġaw it-tneħħija tal-limitu mill-inqas sa ċertu punt limitat u 43 % jippreferu ż-żieda tal-limitu mill-inqas sa ċertu punt limitat). Madankollu, huma ma kkunsidrawx li jnaqqsu l-limitu bħala għażla vijabbli (57 % tat-tweġibiet jindikaw li lanqas biss għandu jitqies bħala għażla).

Minbarra l-feedback ta’ hawn fuq dwar il-konsultazzjoni pubblika, ġiet organizzata firxa ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati matul il-ħidma fuq il-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-riforma tal-Unjoni Doganali biex jinġabru fehmiet tal-partijiet ikkonċernati esperti. Dan kien jinkludi diskussjonijiet fil-kuntest tal-Grupp ta’ Riflessjoni, magħmul mid-diretturi ġenerali tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u mmexxi mill-Kummissjoni u mill-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ li huwa l-forum prinċipali biex jiġu kkonsultati n-negozji fil-livell tal-Unjoni dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-dwana u l-iżviluppi tal-politika doganali.

·Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qieset l-analiżi inkluża fl-istudju msemmi hawn fuq imwettaq minn kuntrattur estern. Dan huwa marbut mal-azzjoni 9 tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali li permezz tiegħu, il-Kummissjoni għamlet ħilitha biex teżamina l-effetti tal-kummerċ elettroniku fuq il-ġbir tad-dazju doganali u fuq il-kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE, inklużi arranġamenti possibbli għall-ġbir tad-dazju doganali fuq il-linji tal-approċċ il-ġdid għall-ġbir tal-VAT taħt il-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (“IOSS”). L-istudju vvaluta l-implikazzjonijiet possibbli tal-bidla tal-limitu ta’ EUR 150 għall-eżenzjoni mid-dazju billi eżamina u qabbel tliet għażliet differenti: 1) it-tneħħija tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju; 2) jiżdied għal EUR 1 000; 3) jitnaqqas għal EUR 22. L-istudju kkonkluda li t-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150 tirriżulta fl-akbar żieda fid-dħul, u twassal bl-akbar mod għal kundizzjonijiet ekwi bejn il-bejjiegħa barranin u s-suq domestiku. Din tneħħi wkoll il-frodi jew l-evażjoni tal-ħlas tad-dazju doganali li jirriżulta mill-qsim tal-kunsinni u tnaqqas l-inċentiv għal sottovalutazzjoni. Għalhekk, il-konklużjoni kienet li t-tneħħija tal-limitu de minimis doganali tirriżulta fl-akbar numru ta’ benefiċċji.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bniet fuq l-analiżi mwettqa minn kuntrattur estern ieħor għall-istudju “Il-VAT fl-Era Diġitali”. Studju bħal dan ipprovda wkoll kontribut għall-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2006/112/KE biex tiġi estiża r-regola tal-fornitur meqjus, l-IOSS u l-arranġamenti speċjali biex ikopru l-importazzjonijiet ta’ merkanzija ta’ aktar minn EUR 150 li tifforma parti mill-pakkett attwali dwar ir-riforma tal-Unjoni Doganali.

L-għan tal-istudju kien li l-ewwel tiġi evalwata s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali, it-trattament tal-VAT tal-ekonomija tal-pjattaforma, u reġistrazzjoni unika tal-VAT u Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni. It-tieni, biex jivvaluta l-impatti ta’ għadd ta’ inizjattivi ta’ politika possibbli f’dawn l-oqsma. Dak l-istudju eżamina b’mod speċifiku l-għażla li jitneħħa l-limitu ta’ EUR 150 li japplika għall-IOSS. L-istudju nnota li l-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata ta’ aktar minn EUR 150 u l-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija soġġetta għal dazji tas-sisa jammontaw għal madwar 10-20 % tal-valur totali tal-importazzjonijiet ta’ bejgħ mill-bogħod tal-kummerċ elettroniku fl-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-riforma tar-regoli doganali dwar il-kummerċ elettroniku ġiet eżaminata fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt tar-riforma tal-Unjoni Doganali, li din il-proposta hija parti minnha. 18 Wara opinjoni negattiva maħruġa fit-28 ta’ Ottubru 2022, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa l-pakkett ta’ riforma tal-Unjoni Doganali fis-27 ta’ Jannar 2023. Il-Bord irrakkomanda li jiżdied aktar dettall fost l-oħrajn dwar kif ġew identifikati l-għażliet dwar il-kummerċ elettroniku, b’mod partikolari x’inhu r-raġunament għat-tneħħija tal-eżenzjoni ta’ EUR 150 u biex il-pjattaformi elettroniċi jitqiesu bħala “importaturi meqjusa” u aktar spjegazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ “sistema ta’ bucketing” għall-kalkolu tad-dazju, speċjalment fir-rigward tal-firxa ta’ għażliet ta’ politika disponibbli għall-Kummissjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata kif xieraq.

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat ħames oqsma prinċipali ta’ problemi li jwasslu għal nuqqasijiet u vulnerabbiltajiet fil-funzjonament tal-unjoni doganali u analizzat diversi għażliet ta’ politika biex jiġu indirizzati dawn il-problemi.

Waħda minn dawn hija ż-żieda tal-kummerċ elettroniku u l-bidliet relatati fix-xejriet kummerċjali (minn merkanzija li tradizzjonalment iddaħħlet fl-UE fi kwantitajiet kbar permezz tal-merkanzija, għal miljuni ta’ kunsinni żgħar mibgħuta direttament lil konsumaturi individwali), li ġabu sfidi ġodda lid-dwana. Id-dwana ma hijiex preparata biex tlaħħaq maż-żieda fil-volumi ta’ merkanzija u dikjarazzjonijiet. Minkejja l-bidliet introdotti mill-pakkett tal-VAT dwar il-kummerċ elettroniku u applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2021 li kellhom l-għan li jindirizzaw il-frodi tal-VAT inerenti għall-użu ħażin tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni, għad hemm xi problemi relatati, u anke problemi dwar is-sottovalutazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-qsim tal-kunsinni biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazju tal-importazzjoni.

Għalhekk, meta ġie analizzat sa liema punt il-proċessi għall-kummerċ elettroniku jeħtieġ li jiġu mmodifikati, l-għażliet biex titnaqqas jew tiżdied l-eżenzjoni mid-dazju doganali ta’ EUR 150 ġew skartati. Ir-raġuni kienet li l-ebda waħda mill-problemi identifikati (distorsjoni tal-kompetizzjoni, kumplessità, inċertezza, diffikultà ta’ kontroll u frodi) ma hija marbuta mal-ammont eżentat iżda mal-eżistenza stess tal-eżenzjoni. Il-possibbiltà li l-konsumaturi jiddikjaraw lid-dwana l-merkanzija li jixtru online ġiet skartata wkoll, minħabba li hija meqjusa ta’ piż għalihom filwaqt li dawk li jqiegħdu l-merkanzija fis-suq tal-Unjoni huma l-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku, mhux il-konsumaturi.

Skont il-valutazzjoni tal-impatt, id-dazji doganali addizzjonali fuq it-traffiku tal-kummerċ elettroniku huma stmati għal madwar EUR 13-il biljun fuq 15-il sena. L-informazzjoni mtejba mill-operaturi ekonomiċi skont il-proċessi l-ġodda, iċ-ċentralizzazzjoni tad-data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali Ewropea u r-rwol operazzjonali tal-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea jippermettu wkoll prevenzjoni sinifikanti ta’ dħul mitluf li jirriżulta minn prattiki frodulenti bħal sottovalutazzjoni jew klassifikazzjoni ħażina tal-merkanzija (“għeluq tad-distakk doganali”).

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija parti mir-riforma tal-Unjoni Doganali li hija inizjattiva REFIT biex tissimplifika l-proċessi doganali permezz ta’ interazzjoni aħjar bejn l-operaturi doganali u ekonomiċi billi tiffoka fuq l-operaturi u l-ktajjen tal-provvista minflok fuq tranżazzjonijiet individwali li llum iridu jikkonformaw ma’ diversi formalitajiet. In-negozji (inklużi l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku) li joffru viżibbiltà doganali fuq il-ktajjen tal-provvista tagħhom se jgawdu minn proċeduri aktar sempliċi u rapidi, billi jipprovdu lid-dwana aċċess għad-data kummerċjali tagħhom. Is-simplifikazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet f’diversi livelli huma mistennija li jirriżultaw fit-tnaqqis tal-burokrazija u fis-simplifikazzjoni tal-proċessi u tal-proċeduri għall-operaturi.

Iż-żieda potenzjali fil-piż amministrattiv relatata mat-tneħħija proposta tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju hija mistennija li tiġi kkumpensata mit-trattament tariffarju simplifikat permezz tas-sistema ta’ bucketing b’ħames livelli. Madankollu, tali żieda għandha tkun limitata, minħabba li, mill-1 ta’ Lulju 2021, diġà hija meħtieġa dikjarazzjoni doganali elettronika għall-merkanzija kollha importata fl-UE. Għalhekk, it-trattament tariffarju simplifikat ikkomplementat minn aktar faċilitazzjonijiet għall-valwazzjoni u l-oriġini doganali proposti bħala parti mir-reviżjoni tal-KDU se jissimplifika d-determinazzjoni tad-dazju doganali għall-merkanzija tal-kummerċ elettroniku u jnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq l-awtoritajiet doganali kif ukoll fuq l-operaturi ekonomiċi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta hija stmata li żżid id-dħul mid-dazju doganali għal madwar EUR 13-il biljun fi 15-il sena għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali tal-Istati Membri peress li se telimina l-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali għall-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ valur baxx. Barra minn hekk, hija mistennija li tnaqqas l-inċentiv għal sottovalutazzjoni u telimina l-inċentiv li l-kunsinni jinqasmu b’mod artifiċjali sabiex jibbenefikaw b’mod mhux xieraq mill-eżenzjoni mid-dazju. L-introduzzjoni tal-metodu ssimplifikat għall-ġbir tad-dazju doganali se ttaffi l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet doganali u fuq l-operaturi tal-kummerċ elettroniku. Filwaqt li jibnu fuq il-prinċipji u l-mekkaniżmi tal-Punt Uniku ta’ Servizz tal-VAT għall-Importazzjoni, il-ħwienet tal-web u l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku se jkunu jistgħu jiġbru d-dazji doganali flimkien mal-VAT. Dan se jżid it-trasparenza tal-prezzijiet minħabba li l-prezz finali tal-bejgħ fiċ-checkout se jkopri l-kostijiet addizzjonali kollha sad-destinazzjoni għall-konsumaturi.

Merkanzija soġġetta għal dazji tas-sisa armonizzati tal-UE huma esklużi mit-trattament tariffarju simplifikat. Merkanzija soġġetta għal miżuri ta’ politika kummerċjali, bħal dazji anti-dumping, dazji kontra s-sussidji jew miżuri ta’ salvagwardja għandhom jiġu esklużi wkoll.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (“CCC”) u l-Grupp ta’ Esperti Doganali (“CEG”), il-korpi konsultattivi dwar kwistjonijiet doganali li fihom it-tnejn jipparteċipaw rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u li huma ppreseduti minn uffiċjali tal-Kummissjoni mid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD), se jiddiskutu kwistjonijiet possibbli ta’ interpretazzjoni bejn l-Istati Membri rigward il-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Barra minn hekk, ir-regoli doganali l-ġodda dwar il-kummerċ elettroniku se jiġu mmonitorjati u evalwati fil-kuntest tal-qafas usa’ ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni previst fil-proposta dwar ir-reviżjoni tal-KDU mill-Kummissjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fil-qasam tal-merkanzija tal-kummerċ elettroniku li ġejja minn pajjiżi terzi, din il-proposta tinkludi żewġ elementi prinċipali. L-ewwel element huwa t-tneħħija tal-eżenzjoni mid-dazju doganali għall-merkanzija sal-valur ta’ EUR 150. Dan jinkiseb billi jitħassar il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tat-16 ta’ Novembru 2009.

It-tieni element huwa metodu ssimplifikat għall-kalkolu tad-dazju bbażat fuq ħames buckets differenti (kull wieħed minnhom b’rata tad-dazju differenti) li huwa mmirat biex inaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-kalkolu tar-rati tad-dazju applikabbli fuq il-merkanzija tal-kummerċ elettroniku kemm għad-dwana kif ukoll għan-negozji.

Il-kunċett tas-sistema tar-rata tad-dazju simplifikata, l-hekk imsejħa “sistema ta’ bucketing tad-dazju” huwa bbażat fuq mudell Kanadiż li ilu fis-seħħ mill-2012 fir-rigward ta’ merkanzija maħsuba għal użu privat (merkanzija min-negozju għall-konsumatur jew minn konsumatur għal konsumatur) b’valur sa CAD 500 (madwar EUR 340) ( 19 ). Skont l-approċċ hemm għadd limitat ta’ “buckets tad-dazju” li kull wieħed minnhom jinkludi kategoriji speċifikati b’mod ċar ta’ merkanzija b’rata tad-dazju fissa. Fi ħdan is-sistema ta’ bucketing, ir-rati tad-dazju applikabbli għall-prodotti individwali jistgħu jkunu kemxejn ogħla meta mqabbla mar-rata applikabbli abbażi tal-kodiċi sħiħ tal-komodità.

Il-proposta tipprevedi ħames buckets b’rati ta’ dazju ad valorem rispettivi ta’ 0 % (eż. għal kotba, materjali stampati, xogħlijiet tal-arti), 5 % (eż. għal ġugarelli, strumenti mużikali, pożati tal-metall), 8 % (eż. għal prodotti tal-ħarir u tal-qoton, prodotti taċ-ċeramika, oġġetti fotografiċi), 12 % (eż. għal oġġetti tal-ġilda, basktijiet tal-ivvjaġġar) u 17 % (eż. għal żraben, oġġetti tal-ħġieġ) u tirreferi għal oġġetti li huma identifikati abbażi tal-Kapitoli tas-Sistema Armonizzata. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi xorta se jkollhom bżonn jindikaw in-numru tal-kodiċi tas-Sistema Armonizzata b’6 ċifri, li jibqa’ rekwiżit fl-informazzjoni avvanzata dwar il-merkanzija taħt il-proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-UCC. Il-merkanzija li bħalissa għandha rata tad-dazju erga omnes ta’ 0 % għalissa se tkompli tibbenefika minn dazji żero.

Il-merkanzija soġġetta għal dazji tas-sisa armonizzati kif ukoll merkanzija li hija soġġetta għal miżuri ta’ anti-dumping, antisussidji jew ta’ salvagwardja hija eskluża mill-approċċ simplifikat għall-ġbir tad-dazju.

Is-sistema ta’ bucketing tieħu bħala referenza r-rati tad-dazju konvenzjonali eżistenti u ma tqisx l-istatus ta’ oriġini tal-merkanzija. Madankollu, jekk l-operatur ekonomiku jkun jixtieq jibbenefika minn rati tariffarji preferenzjali billi jagħti prova tal-istatus oriġinarju tal-merkanzija, dik il-persuna tista’ tagħmel dan billi tapplika l-proċeduri standard. Bl-istess mod, jekk l-operatur ekonomiku jkun jixtieq jibbenefika minn rati ta’ dazju awtonomi konvenzjonali jew applikabbli aktar baxxi, dak l-importatur jista’ jagħmel dan billi japplika l-proċeduri standard.L-eżenzjoni mid-dazju għall-importazzjoni ta’ merkanzija b’valur totali sa EUR 150 għal kull kunsinna se tiġi eliminata mill-1 ta’ Marzu 2028. Minn dik id-data, l-importaturi jistgħu jagħżlu l-użu tat-trattament tariffarju simplifikat għall-kalkolu tad-dazju doganali dovut fuq il-merkanzija importata għall-kummerċ elettroniku u l-importaturi meqjusa se jibdew jipprovdu informazzjoni lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE dwar tranżazzjonijiet relatati ma’ merkanzija mibjugħa lill-konsumaturi fl-UE u mibgħuta minn territorju terz jew pajjiż terz.

2023/0157 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u r-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,Billi:

(1)Il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 20 jipprevedi l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għall-merkanzija mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil konsenjatarju fl-Unjoni f’kunsinni b’valur intrinsiku totali li ma jaqbiżx EUR 150. Sal-1 ta’ Lulju 2021, il-VAT fuq l-importazzjoni kienet eżentata wkoll għall-importazzjoni ta’ merkanzija b’valur li ma jaqbiżx EUR 22. Iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet ta’ valur baxx wara t-tkabbir fenomenali tal-kummerċ elettroniku u l-faċilitazzjonijiet assoċjati għamlitha ta’ sfida għall-awtoritajiet doganali biex jinfurzaw il-konformità mar-rekwiżiti fiskali u mhux fiskali. Għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 21 eliminat l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni għal din il-merkanzija ta’ valur baxx biex jiġi protett id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kkonċernati u biex jiġu minimizzati l-piżijiet fuqhom.

(2)Fl-istess ħin, inżammet l-eżenzjoni mid-dazju doganali għall-merkanzija ta’ inqas minn EUR 150, u dan ħalla l-bieb miftuħ għall-abbuż sistematiku ta’ dak il-limitu permezz ta’ sottovalutazzjoni u qsim artifiċjali tal-kunsinni.

(3)F’ambjent doganali diġitalizzat fejn id-data elettronika tkun disponibbli għall-merkanzija importata kollha irrispettivament mill-valur tagħha, iż-żamma ta’ eżenzjoni mid-dazju li kienet ġiet introdotta biex jiġi evitat il-piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-awtoritajiet doganali, in-negozji u l-individwi privati ma għadhiex iġġustifikata. Fl-istess ħin, meta jitqiesu l-volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ valur baxx, sar meħtieġ li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(4)Għalhekk huwa meħtieġ li jitħassar mill-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 il-limitu, li taħtu l-merkanzija ta’ valur negliġibbli li ma jaqbiżx EUR 150 għal kull kunsinna hija eżentata mid-dazji doganali mal-importazzjoni.

(5)Madankollu, il-kalkolu tad-dazju applikabbli huwa kompitu kumpless ibbażat fuq il-klassifikazzjoni tariffarja, il-valur doganali u l-oriġini tal-merkanzija. L-applikazzjoni ta’ dan il-metodu fil-kummerċ elettroniku spiss tirriżulta f’piż amministrattiv sproporzjonat kemm għad-dwana kif ukoll għan-negozji. Sabiex dan jiġi evitat, huwa meħtieġ li l-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku jingħataw il-possibbiltà li japplikaw trattament tariffarju simplifikat ibbażat fuq sistema ta’ bucketing b’ħames livelli, fejn kull wieħed mill-buckets ikun assoċjat ma’ rata ta’ dazju differenti fir-rigward ta’ merkanzija mibjugħa lill-konsumatur finali. Il-merkanzija li bħalissa għandha rata ta’ dazju erga omnes ta’ 0 % se tkompli tibbenefika minn dazji żero.

(6)Is-sistema ta’ bucketing jenħtieġ li tieħu bħala referenza r-rati tad-dazju konvenzjonali eżistenti u jenħtieġ li ma tqisx l-istatus oriġinarju tal-merkanzija. Madankollu, jekk l-importaturi jixtiequ japplikaw ir-rati tad-dazju awtonomi applikabbli konvenzjonali jew aktar baxxi jew jibbenefikaw minn rati tariffarji preferenzjali billi jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-merkanzija, huma jistgħu jagħmlu dan billi japplikaw il-proċeduri standard, peress li l-użu tat-trattament tariffarju simplifikat huwa fakultattiv.

(7)Il-merkanzija soġġetta għal dazji tas-sisa armonizzati u l-merkanzija soġġetta għal miżuri anti-dumping, antisussidji u ta’ salvagwardja jenħtieġ li jiġu esklużi mit-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-merkanzija li tinsab fil-Kapitoli 73, 98 u 99 tan-Nomenklatura Magħquda hija eskluża wkoll minħabba li l-importazzjoni ta’ tali merkanzija (rispettivament prodotti tal-ħadid u tal-azzar, impjanti industrijali kompluti u merkanzija importata jew esportata taħt ċirkostanzi speċjali) minħabba n-natura tagħha jenħtieġ li ma tibbenefika minn ebda simplifikazzjoni. 

(8)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tal-unjoni doganali u tas-suq uniku. Il-proporzjonalità hija żgurata mill-fatt li din l-inizjattiva telimina l-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju għall-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ valur baxx fl-UE u tippromwovi approċċ aktar effettiv u aktar sempliċi għall-ġbir ta’ dazji doganali fir-rigward ta’ merkanzija importata taħt bejgħ mill-bogħod.

(9)Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2658/87 u (KE) Nru 1186/2009 jenħtieġ li għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 qiegħed jiġi emendat kif gej:

(1) fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4. B’deroga mill-paragrafu 3, fuq talba tal-importatur, id-dazju doganali għandu jiġi impost fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija li l-provvista tagħha tikkwalifika bħala bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 14(4), il-punt (2), tad-Direttiva 2006/112/KE, f’konformità mat-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod stabbilit fit-tabella fl-Ewwel Parti, it-Taqsima II, il-punt G tal-Anness I.

5. It-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod imsemmi fil-paragrafu 4 ma għandux japplika għal

(a) merkanzija msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 22 ;

(b) merkanzija li fuqha jkunu ġew imposti miżuri f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1036 23 , jew mar-Regolament (UE) 2016/1037 24 , jew mar-Regolament (UE) 2015/478 25 jew mar-Regolament (UE) 2015/755 26 , irrispettivament mill-oriġini tagħha; u

(c) kwalunkwe merkanzija inkluża fil-Kapitoli 73, 98 u 99.

(2) L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 huwa mħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
(4)    Bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2022, “negozjanti tradizzjonali” daħħlu aktar minn 405 miljun dikjarazzjoni tal-importazzjoni għal valur ta’ EUR 2,907 biljun. B’kuntrast għal dan, ġew irreġistrati 1,1 biljun dikjarazzjoni doganali mnaqqsa ħafna (fil-livell tal-oġġetti) għall-merkanzija sa EUR 150, għal valur totali ddikjarat ta’ EUR 12,3-il biljun. Dan huwa valur tal-oġġett medju ddikjarat ta’ madwar EUR 11,00.
(5)    L-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni mid-Dazju (ir-Regolament tal-Kunsill 1186/2009 (Il-Ġurnal Uffiċjali L 324 tal-10/12/2009, p. 1).
(6)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(7)    Ara r-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali ( SWD(2022) 393 final ).
(8)    Copenhagen Economics (2016), E-commerce imports into Europe: VAT and Customs treatment.
(9)     Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-QEA Il-proċeduri ta’ importazzjoni: nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE
(10)    Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2019 tal-QEA, il-punti 81-88.
(11)    Il- Grupp ta’ Persuni Għorrief għall-Isfidi li Tiffaċċja l-Unjoni Doganali kien magħmul minn 12-il membru ta’ profil għoli b’esperjenza, fis-settur pubbliku jew privat, ta’ kwistjonijiet doganali, tal-kummerċ elettroniku, tal-ġestjoni tar-riskju, tal-katina tal-provvista internazzjonali, tal-IT u tal-analitika tad-data, tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern u tad-dritt kummerċjali internazzjonali. Il-grupp, immexxi mis-Sinjura Arancha González Laya, eks Ministru tal-Affarijiet Barranin, Unjoni Ewropea u Kooperazzjoni ta’ Spanja, organizza seduti ta’ smigħ ma’ 48 interlokutur u konsultazzjoni miftuħa . Ir- rapport ġie ppubblikat fit-30 ta’ Marzu 2022.
(12)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew -L-Unjoni Doganali tittieħed għal-Livell li Jmiss Pjan ta’ Azzjoni, Brussell, 28.9.2020 ( customs-action-plan-2020_mt.pdf (europa.eu) ).
(13)    COM(2022) 701, 703, 704.
(14)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud relatati ma’ persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata u l-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi u arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni
(15)    Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jipprevedu sett wiesa’ ta’ riformi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent tan-negozju u jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u ekoloġiċi. Dawn ir-riformi huma kkomplementati minn sforzi importanti biex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiġu diġitalizzati bħala settur strateġiku tal-amministrazzjoni pubblika. (Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli għall-2022 (COM(2021) 740 final)).
(16)    L-evalwazzjoni tat-tieni verżjoni tar-rapport finali għadha għaddejja fiż-żmien tal-proposta.
(17)    B’kollox, 5 (mid-69) tweġibiet kellhom jiġu injorati għall-analiżi tal-kwestjonarju. Waħda ġiet ipprovduta minn awtorità doganali ta’ Stat Membru u din it-tweġiba ġiet ikkunsidrata fil-valutazzjoni tal-istħarriġ tal-awtorità nazzjonali. Ġew ipprovduti erba’ tweġibiet oħra mingħajr ebda kontenut fattwali u għalhekk, ma ġewx ikkunsidrati għall-analiżi.
(18)    SWD(2023)140.
(19)     Canada’s Low-Value Shipments Policy Regarding the Application of Customs Duties, Il-Grupp ta’ Ħidma tad-WTO dwar l-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju Settembru 2021.
(20)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23).
(21)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(22)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabblixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 058, 27.2.2020, p. 4).
(23)    Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21–54)
(24)    Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55–91)
(25)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet li huma jew jistgħu jkunu imposti wara investigazzjoni miftuħa (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16–33)
(26)    Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33–49)
Top

Brussell, 17.5.2023

COM(2023) 259 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Regolament tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u r-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali


ANNESS

(a)Fl-Anness I [tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87], Sommarju, jiddaħħal il-punt li ġej:

“G. TRATTAMENT TARIFFARJU SIMPLIFIKAT GĦALL-BEJGĦ MILL-BOGĦOD”

(b)    Fl-Anness I [tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87], l-Ewwel Parti, it-Taqsima II, jiddaħħal il-punt G li ġej:

“G. Trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod

It-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod huwa bbażat fuq sistema ta' kategorizzazzjoni b'ħames saffi. Kull kategorija tinkludi rata tad-dazju u referenza għall-kapitoli rilevanti tal-Anness 1 Parti Tnejn [tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87] li għalihom għandha tapplika r-rata tad-dazju inkwistjoni.”

Kategorija A: 0% ad valorem

Kapitolu

Deskrizzjoni

14

Materjal tad-dfir veġetali; Prodotti veġetali mhux speċifikati jew inklużi x'imkien ieħor

26

Minerali mhux maħduma, gagazza u rmied

47

Polpa tal-injam jew ta’ materjal ieħor ċellulożiku fibruż; (Skart u fdal ta’) karta jew kartun irkuprat

48

Karta u kartun; Oġġetti tal-polpa tal-karta, tal-karta jew tal-kartun

49

Kotba stampati, gazzetti, stampi u prodotti oħrajn tal-industrija tal-istampar; Manuskritti, testi ttajpjati u pjanti

80

Landa u oġġetti magħmula minnha

97

Xogħlijiet tal-arti, biċċiet tal-kollezzjoni u antikitajiet

Kategorija B: 5% ad valorem

Kapitolu

Deskrizzjoni

05

Prodotti ġejjin mill-annimali, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

25

Melħ; Kubrit Materjali tal-art u l-ġebel; Materjal tat-tikħil, ġir u siment

27

Karburanti minerali, żjut minerali u prodotti tad-distillazzjoni tagħhom; Sustanzi bituminużi; Xemgħat minerali

34

Sapun, prodotti tat-tindif organiċi, preparazzjonijiet għall-ħasil, preparazzjonijiet ghal-lubrikazzjoni, xema' artifiċjali, xema' preparata, preparazzjonijiet ghal-lostru jew brix, xema' u pasta ta' l-immudellar, “xema' tas-snien” u prepazzjonijiet tas-snien b'bażi ta' plaster

43

Ġild tal-fer u fer artifiċjali; manifatturi tagħhom

45

Sufra u oġġetti ta' sufra;

46

Xogħlijiet tat-tibna, tal-ispartu jew ta’ materjali tad-dfir oħrajn; xogħol tal-qfief u xogħol tal-qasab

66

Umbrelel, Umbrelel tax-xemx, Bsaten tal-mixi, Bsaten-siġġu, Frosti, Frosti tar-rikkieba u partijiet minnhom

67

Rix u żajbar ippreparati u oġġetti magħmulin mir-rix jew miż-żajbar; Fjuri artifiċjali; Oġġetti magħmulin mix-xagħar tal-bniedem

68

Oġġetti tal-ġebel, ġibs, siment, asbestos, majka jew materjali simili

71

Perli naturali jew kultivati, ħaġar prezzjuż jew semiprezzjuż, metalli prezzjużi, metalli mlibbsa b'metall prezzjuż, u oġġetti magħmula minnhom; Biġotterija; Munita

73

Oġġetti ta’ ħadid jew azzar

75

Nikil u oġġetti magħmula minnu

78

Ċomb u oġġetti magħmula minnu

79

Żingu u oġġetti magħmula minnu

82

Għodod, strumenti, pożati, mgħaref u frieket, tal-metall bażiku; Partijiet tagħhom tal-metall komuni

83

Oġġetti mixxellanji magħmulin minn metall bażiku

84

Bojlers, makkinarju u tagħmir mekkaniċi; partijiet tagħhom

85

Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; reġistraturi u riprodutturi tal-ħoss, reġistraturi u riprodutturi tal-immaġni u l-ħoss televiżiv, u partijiet u aċċessorji ta' oġġetti simili

86

Lokomottivi tal-linji ferrovjarji jew tat-tramm, rolling stock u parts tagħhom; Aċċessorji u fittings tal-binarji ferrovjarji tat-tren jew tat-tramm u partijiet minnhom; Tagħmir ta' sinjalar tat-traffiku mekkaniku (inkluż elettromekkaniku) ta' kull tip

89

Bastimenti, dgħajjes u strutturi li jżommu f'wiċċ l-ilma

90

Strumenti u apparati ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, tal-kejl, tal-verifika, tal-preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; Partijiet u aċċessorji tagħhom

91

Arloġġi u arloġġi tal-idejn jew tal-but u bċejjeċ tagħhom

92

Strumenti mużikali; Partijiet u aċċessorji ta’ oġġetti bħal dawn

94

Gћamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; Luminarji u fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; Sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; Bini prefabbrikat

95

Ġugarelli, logħob u rekwiżiti tal-isports; Partijiet u aċċessorji tagħhom

 

Kategorija C: 8%
ad valorem

Kapitolu

Deskrizzjoni

28

Sustanzi kimiċi inorganiċi; Komposti organiċi jew inorganiċi ta’ metalli prezzjużi, ta’ elementi kimiċi metalliċi rari (rare-earth metals), ta’ elementi radjoattivi jew ta’ isotopi

29

Sustanzi kimiċi organiċi

30

Prodotti farmaċewtiċi

31

Fertilizzanti

32

Estratti għall-ikkunzar jew għaż-żbigħ; Tannini u derivattivi tagħhom; Koloranti, pigmenti u sustanzi kuloranti oħra; Żebgħa u verniċ; Stokk u mastiċi oħrajn; Linek 

33

Żjut essenzjali u reżinojdi; Perfumerija, kosmetiċi jew preparazzjonijiet tat-twaletta

36

Splussivi; Prodotti pirotekniċi; Sulfarini ; Ligi piroforiċi; Ċerti preparati kombustibbli

37

Oġġetti fotografiċi jew ċinematografiċi

38

Prodotti kimiċi mixxellanji

39

Plastik u oġġetti magħmula minnu

40

Gomma u oġġetti magħmulin minnha

41

Ġlud mhux maħdumin (għajr ferijiet) u ġilda

44

Injam u oġġetti tal-injam; Faħam tal-kannol mill-injam.

50

Ħarir

51

Suf, xagħar tal-annimali fin jew grezz; Raden u drapp minsuġin minn krin

52

Qoton

53

Fibri veġetali tad-drapp oħra; Ħjut tal-karta u drappijiet minsuġin tal-ħjut tal-karta

54

Filamenti magħmula mill-bniedem; Strixxa u oġġetti simili ta' materjali tessili magħmulin mill-bniedem

55

Fibri staple magħmulin mill-bniedem

56

Materjal tessili artab, feltru u materjali mhux minsuġin; Ħajt speċjali; Spag, lenez u ħbula u oġġetti minnhom

57

Twapet u kisi tal-art tessili ieħor 

58

Drappijiet speċjali minsuġin; Drappijiet tessili bil-bżiebeż Bizzilla Tapizzeriji; Ddal tal-laħam; Rakkmu

59

Drappijiet ta' tessuti mimlijin b'sustanza oħra (Impregnated), miksijin, mgħottijin jew laminati; Oġġetti ta' tessuti ta' tip addattat għall-użu industrijali 

60

Drappijiet innittjati jew maħdumin bil-ganċ

65

Xedd ir-ras u l-partijiet tiegħu

69

Il-prodotti taċ-ċeramika; 

72

Ħadid u azzar

74

Ram u oġġetti magħmula minnu

76

Aluminju u oġġetti magħmula minnu

81

Metalli Oħrajn ta’ Valur Baxx; Ċermiti; Oġġetti magħmula minnhom

88

Inġenji tal-ajru, inġenji tal-ispazju, u partijiet tagħhom

96

Oġġetti manifatturati varji

Kategorija D: 12% ad valorem

Kapitolu

Deskrizzjoni

6

Siġar ħajjin u pjanti oħrajn; Basal, għeruq u bħalhom; Fjuri maqtugħin u faxxina ornamentali

12

Żrieragħ u frott żejtnin; diversi ħabb, żrieragħ u frott; pjanti industrijali jew mediċinali; Tiben u forraġġ

18

Kawkaw u preparati tal-kawkaw

35

Sustanzi albuminojdali; Lamti modifikati; Kolol: Enżimi 

42

Artikoli tal-ġilda; Oġġetti tas-sarraġ u arneż; Oġġetti għas-safar, handbags u kontenituri simili; Oġġetti tal-musrana ta’ annimali (ħlief musrana tad-dudu tal-ħarir)

61

Oġġetti ta' lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, innittjati jew maħdumin bil-ganċ

62

Oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux innittjati u mhux maħdumin bil-ganċ

63

Oġġetti oħra maħdumin mit-tessuti; Settijiet Ħwejjeġ u oġġetti tessili għall-ilbies; Ċraret.

87

Vetturi, minbarra vaguni ferrovjari jew tat-tramm, u partijiet minnhom

Kategorija E: 17% ad valorem

Kapitolu

Deskrizzjoni

1

Annimali ħajjin

2

Laħam u ġewwieni tal-laħam li jittiekel

3

Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn

4

Prodotti tal-ħalib; Bajd tat-tjur; Għasel naturali; Prodotti kommestibbli u li ġejjin mill-annimali, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

7

Ħaxix u ċerti għeruq u tuberi tajbin għall-ikel

8

Frott u ġewż tajbin għall-ikel; Qxur tal-frott taċ-ċitru jew bettieħ

9

Kafè, te, mate u ħwawar

10

Ċereali

11

Prodotti tal-industrija tat-tħin; Maltu; Lamti; Inulina; Glutina tal-qamħ

13

Gommalakka; Gomom, rażi, u meraq u estratti veġetali oħrajn

15

Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u prodotti mill-qsim tagħhom; Xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; Xamgħat ta’ annimali jew ħxejjex

16

Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċej, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti

17

Zokkrijiet u Ħlewwiet taz-zokkor

19

Preparati ta’ ċereali, dqiq, lamtu jew ħalib; Prodotti ta’ koki tal-għaġina

20

Preparati ta' ħaxix, frott, ġewż jew partijiet oħrajn tal-pjanti

21

Preparati diversi tajbin għall-ikel 

22

Xarbiet, spirti u ħall

23

Residwi u skart mill-industrija tal-ikel; forraġġ tal-annimali ppreparat; Għalf tal-annimali preparat

24

Tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; Prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għat-teħid tan-nikotina minn ġisem il-bniedem

64

Xedd tas-saqajn, getti u simili; Partijiet ta’ dawn l-oġġetti

70

Ħġieġ u oġġetti tal-ħġieġ

Top