EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0063

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

COM/2023/63 final

Brussell, 7.2.2023

COM(2023) 63 final

2023/0025(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-25 ta’ Jannar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-181/20 1 iddikjarat bħala parzjalment invalidu l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (“id-Direttiva WEEE”) minħabba effett retroattiv mhux ġustifikat, sa fejn jipprevedi li l-produtturi jridu jassumu l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, tal-iskart mill-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012. Din l-aħħar data hija d-dħul fis-seħħ ta’ dik li kienet id-Direttiva WEEE l-ġdida, li ssostitwiet id-Direttiva 2002/96/KE. Mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-pannelli fotovoltajċi ġew miżjuda mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva WEEE. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-2012 implimentat b’mod aktar wiesa’ “kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett” mill-15 ta’ Awwissu 2018, u f’dan ir-rigward inbidel mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE preċedenti.

Il-Qorti targumenta li qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, l-Istati Membri, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart 2 , kellhom l-għażla li jirrikjedu li l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart mill-pannelli fotovoltajċi jitħallsu mid-detenturi tal-iskart attwali jew preċedenti, jew mill-produttur jew mid-distributur tal-pannelli fotovoltajċi. Skont il-Qorti, ir-regola sussegwentement stabbilita, fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE, li skontha l-finanzjament tal-ispejjeż relatati mat-trattament fi tmiem il-ħajja tal-pannelli fotovoltajċi għajr unitajiet domestiċi privati jrid, fl-Istati Membri kollha, jiġġarrab mill-produtturi, inkluż fejn il-prodotti kienu diġà tqiegħdu fis-suq fi żmien meta kienet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni preċedenti, trid titqies li qed tapplika b’mod retroattiv. Għalhekk x’aktarx li tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

Is-sentenza tirrikjedi segwitu permezz ta’ emenda mmirata tad-Direttiva WEEE u l-Artikolu 13(1) tagħha dwar il-finanzjament tal-ġbir u t-trattament tal-WEEE fir-rigward tal-WEEE minn utenti għajr djar privati.

Barra minn hekk, ġie vvalutat li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva WEEE jenħtieġ li jiġi emendat ukoll peress li kien fih dispożizzjoni parallela għat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għall-unitajiet domestiċi privati. Filwaqt li dan l-Artikolu ma kienx espliċitament fil-mira tas-sentenza tal-Qorti minħabba li ma kienx ikkonċernat mill-kawża sottostanti, jista’ jitqies ukoll bħala retroattiv fid-dawl tar-raġunament tal-Qorti u għalhekk, għandha ssir emenda simili.

Il-proposta mmirata tal-Kummissjoni tindirizza wkoll l-impatt tas-sentenza tal-Qorti fuq prodotti oħra li jaqgħu taħt il-“kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett” stabbilit fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva WEEE mill-15 ta’ Awwissu 2018 li fir-rigward tagħhom is-sitwazzjoni hija simili għal dik tal-pannelli fotovoltajċi, immirati espliċitament mis-sentenza tal-Qorti. B’mod partikolari, il-“kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett” jista’ jinkludi kemm l-EEE għal unitajiet domestiċi privati kif ukoll l-EEE għal utenti għajr unitajiet domestiċi privati 3 . Għaż-żewġ każijiet, wara s-sentenza tal-Qorti, hemm bżonn ta’ kjarifika li l-produtturi huma obbligati biss li mill-15 ta’ Awwissu 2018 jiffinanzjaw il-ġestjoni tal-iskart minn EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”.

Konsegwentement, il-proposta tal-Kummissjoni tkopri wkoll emenda tal-Artikolu 12(1). Hija proposta emenda tal-Artikolu 12(3) u (4) biex jiġi ċċarat iż-żmien meta japplika l-obbligu ta’ finanzjament għall-produtturi.

Bl-istess mod, sabiex jiġi kkoreġut effett li kieku jkun retroattiv ibbażat fuq ir-raġunament tal-Qorti, il-proposta tal-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li temenda l-Artikolu 15(2) li jirreferi għall-immarkar tal-EEE.

Barra minn hekk, din il-proposta taġġorna fl-Artikoli 14(4) u 15(2) tad-Direttiva WEEE, ir-referenzi għall-istandard Ewropew EN 50419 dwar l-immarkar tal-EEE fir-rigward tal-ġbir separat tal-WEEE billi tissostitwixxi r-referenza għall-verżjoni tal-2006 ta’ dan l-istandard bil-verżjoni tal-2022.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-WEEE huma stabbiliti fid-Direttiva 2012/19/UE.

Il-proposta għandha l-għan li temenda l-Artikolu 12(1), (3) u (4), l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva WEEE bħala segwitu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-181/20. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-prinċipju ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi (EPR), prinċipju ewlieni tad-Direttiva WEEE diġà stabbilit fl-ewwel Direttiva 2002/96/KE u li jimplimenta l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju tal-EPR huwa stabbilit f’aktar dettall fid-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jew id-WFD). Il-proposta żżomm l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-EPR. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti, il-prinċipju tan-nonretroattività u l-interessi relatati tal-atturi ekonomiċi għandhom jiġu rrispettati fir-rigward taż-żmien meta d-Direttiva WEEE kienet għadha ma tapplikax għall-pannelli fotovoltajċi u għal prodotti oħra li għadhom kif tqiegħdu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Il-proposta għandha wkoll l-għan li temenda l-Artikolu 14(4) u l-Artikolu 15(2) sabiex taġġorna r-referenza għall-istandard Ewropew EN 50419 billi tissostitwixxi r-referenza għall-istandard EN 50419, adottat mis-Cenelec f’Marzu 2006, bil-verżjoni riveduta ta’ dan l-istandard, li ġiet adottata fl-2022 u li taġġorna r-referenzi fl-istandard għad-Direttiva WEEE (EN 50419:2022).

Dawn l-emendi mmirati proposti ma huma relatati ma’ ebda dispożizzjoni ta’ politika oħra fil-qasam tal-WEEE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-emendi mmirati proposti jżommu l-koerenza tad-Direttiva u tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-EPR ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ambjentali, li huwa l-bażi legali tal-Att li temenda.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Kif imsemmi fil-Premessa (36) tad-Direttiva 2012/19/UE, ladarba l-objettiv tad-Direttiva ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u minħabba l-iskala tal-problema, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tad-Direttiva f’konformità mas-sentenza tal-Qorti, jista’ jiġi konkluż li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-valur miżjud tal-UE huma rrispettati, kif oriġinarjament maħsub mill-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE. Barra minn hekk, minħabba li jaf ikun hemm interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjoni ta’ meta tapplika r-responsabbiltà estiża tal-produttur għall-pannelli fotovoltajċi u l-EEE l-ġodda fil-kamp ta’ applikazzjoni, hemm il-ħtieġa għall-emenda.

Proporzjonalità

Kif imsemmi fil-Premessa (36) tad-Direttiva 2012/19/UE, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Direttiva WEEE ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tilħaq l-objettiv tagħha.

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tad-Direttiva f’konformità mas-sentenza tal-Qorti, jista’ jiġi konkluż li l-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat, kif oriġinarjament maħsub mill-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE.

Għażla tal-istrument

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tad-Direttiva WEEE f’konformità mas-sentenza tal-Qorti, din il-proposta tieħu l-forma ta’ Direttiva li temenda d-Direttiva 2012/19/UE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-esperti tal-Istati Membri ġew infurmati bl-implikazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-181/20 u matul laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-iskart fis-7 ta’ April 2022 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE 4 , fejn il-Kummissjoni ppreżentat l-elementi ewlenin tal-emenda mmirata u talbet il-feedback. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni għall-perkors propost, u lanqas ma saru kummenti speċifiċi.

Minħabba li s-sentenza tal-Qorti tirrikjedi li l-Kummissjoni timplimenta s-sentenza mingħajr dewmien żejjed u filwaqt li tqieset in-natura limitata tal-proposta, ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni ulterjuri mal-partijiet ikkonċernati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni definit b’mod ċar u limitat ta’ din il-proposta biex tiġi indirizzata sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-ebda għarfien espert estern ma kien meħtieġ biex jintuża bħala bażi.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt minħabba li ma kien hemm l-ebda għażla għall-Kummissjoni ħlief li temenda artikoli speċifiċi tad-Direttiva WEEE skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-181/20.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva hija limitata għall-emendar tal-Artikolu 12(1), (3) u (4), l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva WEEE bħala segwitu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-181/20 u għall-emendar tal-Artikolu 14(4) u tal-Artikolu 15(2) sabiex tiġi aġġornata r-referenza għall-istandard Ewropew EN 50419. Għalhekk, il-proposta ssegwi kamp ta’ applikazzjoni u format legali definiti b’mod strett.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Minħabba s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-181/20, għandu jingħata segwitu permezz ta’ din il-proposta mmirata tal-Kummissjoni għall-emenda tad-Direttiva WEEE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura proposta ma tipprevedix konsegwenzi baġitarji għall-Kummissjoni Ewropea. Konsegwentement, ma hijiex ipprovduta dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-arranġamenti ta’ rapportar diġà huma previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva WEEE, li ma huwiex affettwat minn din il-proposta mmirata tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, ir-regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rapportar tad-data għall-finijiet tad-Direttiva WEEE huma pprovduti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2193 tas-17 ta’ Diċembru 2019.

L-ebda miżura jew mekkaniżmu addizzjonali ma huwa meħtieġ b’rabta ma’ din il-proposta.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti li jispjegaw il-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttivi huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva.

L-objettiv ewlieni tad-dispożizzjonijiet proposti huwa li tiġi żgurata l-konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u b’hekk jiġi ċċarat iż-żmien minn meta l-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku differenti kemm għall-unitajiet domestiċi privati kif ukoll għall-utenti għajr l-unitajiet domestiċi privati għandhom jipprevedu l-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart iġġenerat mill-prodotti tagħhom. Għalhekk, it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hija essenzjali biex tiggarantixxi li dan l-objettiv jintlaħaq u li jkun hemm approċċ armonizzat fl-Istati Membri kollha.

Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti d-dokumenti ta’ spjegazzjoni jaf joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq xi Stati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta’ spjegazzjoni huma meħtieġa biex tkun tista’ ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u korretta, li hija essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri inqas ta’ piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità min-naħa tal-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ta’ riżorsi konsiderevoli u ta’ diversi kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta’ traspożizzjoni f’kull Stat Membru.

Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa xieraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li temenda d-Direttiva WEEE u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jipprevedi l-emenda tal-Artikoli li ġejjin tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE:

L-Artikolu 12(1):

L-emenda proposta għandha l-għan li tiċċara ż-żmien minn meta l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi u tat-tagħmir elettriku u elettroniku għall-unitajiet domestiċi privati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva WEEE biss mill-15 ta’ Awwissu 2018 (EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”) iridu jipprevedu l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn unitajiet domestiċi privati. B’mod partikolari, din tiċċara li l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi għall-unitajiet domestiċi privati jipprevedu l-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi f’każijiet meta tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012.

Din tistabbilixxi wkoll li l-produtturi ta’ EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett” għall-unitajiet domestiċi privati jipprevedu finanzjament fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq għall-WEEE li jirriżultaw f’każijiet meta l-EEE jkun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.

L-Artikolu 12(3):

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħassar mit-test tad-Direttiva l-ewwel parti tal-ewwel sentenza “Għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq aktar tard mit-13 ta’ Awwissu 2005” minħabba li r-referenza għat-13 ta’ Awwissu 2005 hija obsoleta bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza tal-Qorti.

L-Artikolu 12(4):

L-emenda proposta tiċċara li dan il-paragrafu jirreferi biss għall-WEEE minn prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva WEEE għajr il-pannelli fotovoltajċi.

L-Artikolu 13(1):

L-emenda proposta għandha l-għan li tiċċara minn meta l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi u tat-tagħmir elettriku u elettroniku għall-utenti għajr l-unitajiet domestiċi privati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva WEEE biss mill-15 ta’ Awwissu 2018 (EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”) għandhom jipprevedu l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE.

B’mod partikolari, din tiċċara li l-produtturi tal-pannelli fotovoltajċi għall-utenti għajr l-unitajiet domestiċi privati jipprevedu tal-anqas finanzjament għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi meta tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012.

Din tiċċara wkoll li l-produtturi ta’ EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett” għal utenti għajr unitajiet domestiċi privati għandhom jipprevedu finanzjament fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq għall-WEEE li jirriżultaw minn tali EEE fejn dan ikun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.

L-Artikolu 14(4):

Din l-emenda proposta tipprevedi aġġornament fir-rigward tar-referenza fid-Direttiva WEEE għall-istandard Ewropew EN 50419. Peress li dan l-istandard ġie rivedut fl-2022, il-proposta għandha tissostitwixxi r-referenza għall-verżjoni tal-istandard tal-2006 bil-verżjoni aġġornata tal-2022.

L-Artikolu 15(2):

L-emenda proposta hija emenda konsegwenzjali mill-emendi għall-Artikoli 12 u 13 biex jiġi ċċarat li l-obbligu tal-produtturi li jimmarkaw l-EEE japplika biss mit-13 ta’ Awwissu 2012 b’rabta mal-pannelli fotovoltajċi u biss mill-15 ta’ Awwissu 2018 fir-rigward tal-EEE “b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”. L-emenda proposta tipprevedi wkoll għal aġġornament fir-rigward tar-referenza għall-istandard Ewropew EN 50419, koerenti mal-bidla f’dan ir-rigward fl-Artikolu 14(4).

L-Artikolu 2 fih dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri.

L-Artikolu 3 fih dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ tal-miżura.

L-Artikolu 4 jiddefinixxi d-destinatarji tal-miżura, li huma l-Istati Membri.

2023/0025 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2012/19/UE dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2012, u tissostitwixxi d-Direttiva 2002/96/KE.

(2)Il-pannelli fotovoltajċi, li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE, ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE mit-13 ta’ Awwissu 2012, meta żdiedu mal-kategorija 4 tal-Annessi I u II msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2012/19/UE.

(3)L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE jistabbilixxi li l-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għandhom iġarrbu l-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ skart EEE (WEEE) minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005.

(4)Fil-25 ta’ Jannar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-181/20 7 , iddikjarat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE huwa invalidu sa fejn jikkonċerna pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-12 ta’ Awwissu 2012, minħabba effett retroattiv mhux ġustifikat. Il-Qorti ddeċidiet li minħabba li qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, il-leġiżlatura tal-UE ħalliet lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart 8 , l-għażla jekk jirrikjedux li l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart mill-pannelli fotovoltajċi jiġġarrbu mid-detenturi tal-iskart attwali jew preċedenti jew mill-produttur jew mid-distributur tal-pannelli fotovoltajċi, u sussegwentement stabbiliet regola, fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE li skontha dawk l-ispejjeż iridu jitħallsu mill-produtturi fl-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward ta’ prodotti li l-produtturi kienu diġà qiegħdu fis-suq fi żmien meta kienet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni preċedenti, irid jitqies li r-regola tal-aħħar tapplika b’mod retroattiv, u għalhekk jaf tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Il-Qorti ddeċidiet li tali retroattività tapplika fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2012/19/UE, fit-13 ta’ Awwissu 2012.

(5)Is-sentenza tal-Qorti li tiddikjara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE parzjalment invalidu timplika direttament li dan jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ma japplikax fir-rigward ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi minn utenti għajr unitajiet domestiċi privati li jkunu tqiegħdu fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fis-sentenza tal-Qorti, huwa meħtieġ li d-Direttiva 2012/19/UE tiġi emendata wkoll fir-rigward tal-finanzjament ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi minn unitajiet domestiċi privati li għalihom japplika l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2012/19/UE u b’rabta ma’ EEE ieħor, kemm fir-rigward tal-iskart minn unitajiet domestiċi privati kif ukoll minn utenti għajr unitajiet domestiċi privati, li huma f’pożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-pannelli fotovoltajċi.

(6)L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2012/19/UE mill-15 ta’ Awwissu 2018 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għall-EEE kollha. B’mod simili għall-pannelli fotovoltajċi, l-EEE li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE skont l-Artikolu 2(1)(a) tagħha, iżda li daħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mill-15 ta’ Awwissu 2018 skont l-Artikolu 2(1)(b) tagħha (“EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”), qabel ma kienx inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE. Għalhekk, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, l-Istati Membri, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE, tħallew l-għażla li jirrikjedu li l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart minn dak l-EEE jiġġarrbu minn detenturi tal-iskart attwali jew preċedenti jew mill-produttur jew mid-distributur ta’ dak it-tagħmir. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett, għar-raġunijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-181/20, tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. Madankollu, peress li d-Direttiva 2012/19/UE tinkludi l-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett biss mill-15 ta’ Awwissu 2018, l-Artikolu 13(1) jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ma japplikax għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018.

(7)Bħala dispożizzjoni li tirrifletti l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE, li japplika fir-rigward ta’ utenti għajr djar privati, l-Artikolu 12(1) meta jinqara flimkien mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2012/19/UE jimponi l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati fuq il-produtturi fir-rigward tal-prodotti mqiegħda fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2005. Għar-raġunijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-181/20, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-finanzjament ta’ dawk l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012 u għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq bejn t-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018, dawn japplikaw ukoll b’mod retroattiv b’mod li jmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. Għalhekk, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2012/19/UE jenħtieġ li jiġi emendat b’tali mod li la japplika għall-pannelli fotovoltajċi li tqiegħdu fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012 u lanqas għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett li tqiegħed fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018.

(8)L-Artikoli 14(4) u 15(2) tad-Direttiva 2012/19/UE jipprevedu li l-EEE imqiegħed fis-suq ikun immarkat, preferibbilment f’konformità mal-istandard Ewropew EN 50419, li ġie adottat mis-Cenelec f’Marzu 2006. Dan l-istandard ġie rivedut sabiex jiġu aġġornati r-referenzi li fih għad-Direttiva 2012/19/UE. Għalhekk, ir-referenza għall-istandard fl-Artikolu 14(4) u fl-Artikolu 15(2) jenħtieġ li tiġi aġġornata biex tirreferi għall-verżjoni aġġornata tal-istandard EN 50419, li ġie adottat mis-Cenelec f’Lulju 2022.

(9)L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2012/19/UE jipprevedi li sabiex id-data li fiha l-EEE jkun tqiegħed fis-suq tkun tista’ tiġi stabbilita mingħajr l-ebda dubju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li marka fuq l-EEE tispeċifika li dan tal-aħħar tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005. Bħala emenda konsegwenzjali mill-emendi għall-Artikoli 12 u 13, l-Artikolu 15(2) jenħtieġ li jiġi emendat fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi u tal-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett, sabiex jiċċara li l-obbligu ta’ mmarkar japplika biss mit-13 ta’ Awwissu 2012 b’rabta mal-pannelli fotovoltajċi u biss mill-15 ta’ Awwissu 2018 b’rabta mal-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett.

(10)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 9 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn in-dokumenti hija ġustifikata.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda tad-Direttiva 2012/19/UE

Id-Direttiva 2012/19/UE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jipprevedu minn tal-inqas il-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati li jkun ġie ddepożitat f’faċilitajiet ta’ ġbir imwaqqfa skont l-Artikolu 5(2) skont dan li ġej:

(a)għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) għajr il-pannelli fotovoltajċi meta tali EEE jkun tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005;

(b)għall-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi meta tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012; u

(c)għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1)(b) u li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) meta tali EEE jkun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.”;

(b) fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 relatati mal-iskart iġġenerat mill-prodotti tiegħu stess. Il-produttur jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva.”;

(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) għajr pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq fit-13 ta’ Awwissu 2005 jew qabel (“skart storiku”) għandha tkun f’idejn sistema waħda jew aktar li l-produtturi kollha li jkunu jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż rispettivi, jikkontribwixxu għaliha/għalihom b’mod proporzjonali, pereżempju bi proporzjon għas-sehem rispettiv tagħhom fis-suq skont it-tip ta’ tagħmir.”;

(2)fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati għandu jiġi pprovdut mill-produtturi skont dan li ġej:

(a)għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) għajr il-pannelli fotovoltajċi meta tali EEE jkun tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005;

(b)għall-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi meta tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012; u

(c)għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1)(b) li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) fejn tali EEE jkun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018”;

(3)fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

4. Bil-għan li jiġi mminimizzat ir-rimi tal-WEEE bħala skart muniċipali mhux isseparat u biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jimmarkaw kif xieraq — preferibbilment f’konformità mal-istandard Ewropew EN 50419:2022 — l-EEE mqiegħed fis-suq bis-simbolu muri fl-Anness IX. F’każijiet eċċezzjonali, meta dan ikun meħtieġ minħabba d-daqs jew il-funzjoni tal-prodott, is-simbolu għandu jiġi stampat fuq l-imballaġġ, fuq l-istruzzjonijiet għall-użu u fuq il-garanzija tal-EEE.”;

(4)fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Sabiex id-data li fiha l-EEE ikun tqiegħed fis-suq tkun tista' tiġi stabbilita mingħajr l-ebda dubju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li marka fuq l-EEE tispeċifika li dan tal-aħħar tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005. Preferibbilment, l-Istandard Ewropew EN 50419:2022 għandu jiġi applikat għal dan il-għan.

Għall-pannelli fotovoltajċi, l-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012.

Għall-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1)(b) u li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a), l-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għall-EEE mqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sena wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C 222, 6.7.2020
(2)    ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3–30
(3)    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva WEEE ġdida) u dwar ir-rieżami tad-dati ta’ skadenza biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta’ ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness III tad-Direttiva (COM/2017/0171 final).
(4)    L-aġenda u l-minuti tal-laqgħa huma disponibbli taħt ir- Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħra (europa.eu) . Ara b’mod partikolari l-punt 3 tal-aġenda.
(5)    ĠU C , , p. .
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Jannar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší soud České republiky – ir-Repubblika Ċeka) – VYSOČINA WIND a.s. vs Česká republika – Ministerstvo životního prostředí (Kawża C-181/20), ĠU C 222, 6.7.2020
(8)    ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3–30
(9)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Top