IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.1.2023
COM(2023) 41 final
2023/0014(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-deċiżjonijiet biex jiġi emendat l-Anness A billi jiġu miżjuda d-dechlorane plus, il-methoxychlor u l-UV-328.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma
Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni) għandha l-għan li tħares is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn pollutanti organiċi persistenti li jniġġsu (POPs). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004. L-Unjoni Ewropea hija parti mill-Ftehim. Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, biex jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ POPs, biex dawn jiġu ġestiti, mormija u eliminati b’mod sikur jew biex jonqos ir-rilaxx minn produzzjoni mhux intenzjonata ta’ ċerti POPs.
2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet
Kif stabbilit skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet hi l-korp ta’ tmexxija tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Dan il-korp normalment jiltaqa’ kull sentejn biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Huwa jagħmel ukoll rieżami tal-prodotti kimiċi ppreżentati mill-Kumitat ta’ Rieżami tal-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPRC) għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
F’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet ressqu proposti lis-Segretarjat biex id-dechlorane plus, il-methoxychlor u l-UV-328 jiġu elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni, li kien rieżaminat mill-POPRC skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-POPRC irrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet l-elenkar tal-methoxychlor fl-Anness A mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi, u l-elenkar tad-dechlorane plus u tal-UV-328 fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-emendi tal-Annessi hija rregolata mill-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni, kull parti għandha vot wieħed. Madankollu, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħalma hi l-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti li jkun ugwali għall-għadd ta’ Stati Membri tagħhom li huma partijiet mill-Konvenzjoni.
2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Partijiet
Fil-ħdax-il laqgħa ordinarja, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex id-dechlorane plus, il-methoxychlor u l-UV-328 jiġu elenkati fl-Anness A (l-eliminazzjoni), fl-Anness B (ir-restrizzjoni) u/jew fl-Anness C (il-produzzjoni mhux intenzjonata) tal-Konvenzjoni.
L-iskop tad-deċiżjonijiet huwa l-elenkar tagħhom fl-Annessi A, B u/jew C, li jkollu l-effett li l-prodotti kimiċi jsiru soġġetti għal miżuri mmirati biex jeliminaw jew jillimitaw il-produzzjoni u l-użu tagħhom, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ rilaxxi ta’ produzzjoni mhux intenzjonata ta’ POPs.
L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi li: “Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Annessi A, B jew C għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri bħall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ annessi addizzjonali għal din il-Konvenzjoni, ħlief li emenda għal Anness A, B jew C ma għandhiex tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti li tkun għamlet dikjarazzjoni fir-rigward tal-emenda għal dawk l-Annessi f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Artikolu 25, f’liema każ kwalunkwe emenda bħal din għandha tidħol fis-seħħ għal tali Parti fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu mad-depożitarju tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħha fir-rigward tat-tali emenda.”
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes jenħtieġ li tappoġġa l-inklużjoni tad-dechlorane plus, tal-methoxychlor u tal-UV-328 fil-lista f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPRC).
F’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet ressqu l-proposti lis-Segretarjat biex id-dechlorane plus, l-methoxychlor u l-UV-328 jiġu elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni, li kien rieżaminat mill-POPRC skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-POPRC eżamina l-proposti billi applika l-kriterji ta’ skrinjar f’konformità mal-Anness D tal-Konvenzjoni u kkonkluda li l-kriterji huma ssodisfati. Wara li evalwa l-profili tar-riskju għad-dechlorane plus, il-methoxychlor u l-UV-328, u wara li ddeċieda li dawk is-sustanzi x’aktarx, bħala riżultat tat-trasport ambjentali tagħhom fuq distanza twila, iwasslu għal effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent b’tali mod li tkun iġġustifikata azzjoni globali, il-POPRC irrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet biex tikkunsidra l-elenkar tal-methoxychlor fl-Anness A mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi, u l-elenkar tad-dechlorane plus u tal-UV-328 fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi.
Sabiex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn aktar rilaxxi tad-dechlorane plus, tal-methoxychlor u tal-UV-328, huwa meħtieġ li jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni, Il-proposta tikkumplimenta u hija koerenti mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1021, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni. Hija kompletament konformi mal-objettiv li jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn POPs.
Il-proposta hija koerenti mal-approċċ ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fir-rigward tas-sustanzi PBT peress li t-tnejn jipprevedu kriterji li ma jippermettux, fil-prinċipju, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi attivi li huma PBT. Sabiex tkun żgurata l-koerenza, id-Dokument ta’ Fehim Komuni jeżamina r-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, ir-Regolament (UE) 2019/1021 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rigward tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Konferenza tal-Partijiet hi korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.
L-atti li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-ambjent.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0014 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-“Konvenzjoni”), li kienet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE u daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004.
(2)Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tista’ telenka prodotti kimiċi fl-Annessi A, B u/jew C għall-Konvenzjoni kif ukoll tispeċifika il-miżuri ta’ kontroll relatati ma’ tali prodotti kimiċi.
(3)Fil-ħdax-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni hija mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar prodotti kimiċi fl-Anness A għall-Konvenzjoni.
(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi d-deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)Sabiex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn aktar rilaxxi tad-dechlorane plus, tal-methoxychlor u tal-UV-328, huwa meħtieġ li jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fl-Annessi rilevanti fil-Konvenzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u kwalunkwe Konferenza sussegwenti tal-Partijiet filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPRC), fejn il-punt fuq l-aġenda għandha tkun din li ġejja:
(a)li tappoġġa l-elenkar ta’ dechlorane plus fl-Anness A, bl-eżenzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-POPRC;
(b)li tappoġġa l-elenkar tal-methoxychlor fl-Anness A, mingħajr ebda eżenzjonijiet speċifiċi;
(c)to support the listing of UV-328 in Annex A, with the specific exemptions recommended by the POPRC.
Artikolu 2
Waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jilħqu qbil, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u kwalunkwe Konferenza sussegwenti tal-Partijiet fejn il-punt ikun fuq l-aġenda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President