This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023IE1711
Opinion of the European Economic and Social Committee on Corruption in public procurement and its impact on the internal market (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku u l-impatt tagħha fuq is-suq intern” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku u l-impatt tagħha fuq is-suq intern” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2023/01711
ĠU C, C/2024/2095, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2095/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2024/2095 |
26.3.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku u l-impatt tagħha fuq is-suq intern”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/2095)
Relatur: |
José Antonio MORENO DÍAZ |
Korelatur: |
Cristian PÎRVULESCU |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
25.1.2023 |
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
20.12.2023 |
Adozzjoni fil-plenarja |
17.1.2024 |
Sessjoni plenarja Nru |
584 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
219/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-kriżijiet suċċessivi li laqtu lill-pjaneta mill-2020 wasslu għal żieda fl-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fl-ekonomija kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, u konsegwentement għal żieda fl-investimenti pubbliċi maħsuba biex jipproteġu l-beni komuni Ewropej (bħas-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent, il-klima u l-paċi). Ir-riżorsi finanzjarji Ewropej u nazzjonali huma strumenti importanti biex jiggarantixxu l-prosperità u l-kompetittività tal-Ewropa u jirriżultaw mit-tassazzjoni taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, dawn ma jridux jintużaw għal interessi privati u illeċiti; dan japplika wkoll għall-flus li jintefqu fuq l-akkwist pubbliku. |
1.2. |
L-UE għamlet pass kbir ’il quddiem billi rabtet il-protezzjoni tal-istat tad-dritt, inklużi sforzi effettivi kontra l-korruzzjoni, mal-imperattiv li tħares l-interessi finanzjarji tagħha. Dan l-approċċ jeħtieġ li jiġi indirizzat ulterjorment għaliex il-ksur tal-istat tad-dritt ma jaffettwax biss l-interessi finanzjarji tal-UE; dan għandu wkoll impatt fuq il-politiki ewlenin li jirregolaw is-suq uniku. Il-Pakkett Kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta’ Mejju 2023, li jindirizza l-korruzzjoni b’mod ġenerali u mhux biss fir-rigward tal-fondi tal-UE, għandu jissaħħaħ. |
1.3. |
Il-korruzzjoni hija meqjusa bħala reat serju b’dimensjoni transfruntiera, kif definit fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ koordinazzjoni u armonizzazzjoni fil-prattiki legali u istituzzjonali tal-Istati Membri, il-KESE jqis li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-kwistjoni kemm jista’ jkun malajr matul din il-leġiżlatura. |
1.4. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li l-Kummissjoni trid terġa’ tistabbilixxi r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni: dan kien istitwit mill-Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE fl-2011, iżda ma tkompliex wara l-ewwel rapport fl-2014. Ir-rapport jista’ jintuża biex jixħet dawl fuq u jintegra diversi dimensjonijiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li bħalissa ftit li xejn qed jingħataw attenzjoni, jew mhux jingħataw attenzjoni, mill-qafas tal-istat tad-dritt. |
1.5. |
Għandu jkun hemm enfasi fuq l-akkwist pubbliku, bil-kumplessità u l-konsegwenzi kollha tiegħu. L-UE jeħtiġilha tagħti prijorità lill-evalwazzjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar l-integrità tal-akkwist pubbliku u l-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika sabiex tivverifika jekk dan il-qafas huwiex konsistenti mal-ħtiġijiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk u kif teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha. |
1.6. |
Il-KESE jqis li l-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttivi dwar dan is-suġġett għadu validu u adatt u m’għandux għalfejn jiġi rivedut. Madankollu, jeħtieġ li ssir enfasi fuq ir-ridirezzjonar tal-qafas regolatorju lejn il-valuri l-ġodda li jirfdu l-istrateġija soċjali, ekonomika u ambjentali tal-UE. |
1.7. |
Waqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltà sinifikanti tal-UE fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-dinja kollha, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li titlob lill-Kummissjoni tħejji strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni, li tindirizza l-korruzzjoni bħala fenomenu globali u li tirrikjedi istituzzjonijiet effettivi kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u qafas regolatorju internazzjonali, kif ukoll l-irkupru tal-assi u l-prosekuzzjoni kriminali fi ħdan l-UE. |
1.8. |
Il-prattiki korrotti jistgħu joffru lill-atturi politiċi gwadanji u riżorsi illegali biex jagħmlu kampanja u jżommu s-sistema ta’ appoġġ tagħhom ibbażata fuq il-klijenteliżmu, u fl-istess ħin jeqirdu l-kundizzjonijiet ekwivalenti. Atturi barranin jistgħu jużaw finanzjament illegali biex jappoġġjaw diversi movimenti politiċi u kandidati, li jagħtihom vantaġġi inġusti u jikkompromettu l-integrità u l-pluraliżmu elettorali fil-proċess. F’dan ir-rigward, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni għandhom ikunu allinjati aħjar mal-isforzi għas-salvagwardja u l-iżvilupp tad-demokrazija fl-UE, li bħalissa jaqgħu taħt il-kappa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Demokrazija. |
1.9. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni tista’ tadotta komunikazzjoni li tikkonferma d-Direttivi tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni tista’ taħtaf din l-opportunità biex ittejjeb għadd ta’ proċeduri u għodod previsti minn dawn id-Direttivi li għadhom ma ġewx żviluppati, tikkonferma s-sitt prijoritajiet strateġiċi elenkati fl-2017 u tadattahom għas-sostenibbiltà. |
1.10. |
Is-suq Ewropew tal-akkwist pubbliku kellu jiġi diġitalizzat snin ilu, peress li d-diġitalizzazzjoni hija strument ta’ għarfien, trasparenza, veloċità u integrità taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b’appoġġ tekniku matul dan il-proċess diffiċli. |
1.11. |
Il-Kummissjoni tista’ tagħti importanza akbar lill-patti ta’ integrità, speċjalment wara li l-QĠUE aċċertat il-kompatibbiltà bejniethom u l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku. |
1.12. |
Is-sistema ta’ esklużjoni reċiproka (bejn l-awtoritajiet Ewropej/l-istituzzjonijiet nazzjonali/il-banek privati) tista’ tkun utli għall-protezzjoni tas-suq intern fir-rigward tal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi allokati għall-offerti, irrispettivament minn jekk dawk ir-riżorsi jkunux Ewropej jew nazzjonali. |
1.13. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u nazzjonali biex iqisu r-rappreżentanza tal-ħaddiema, in-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali bħala strumenti ewlenin biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ssir effettiva fil-livelli kollha. |
1.14. |
Il-KESE jħeġġeġ lin-negozji/ l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-imsieħba soċjali kollha jsegwu b’mod attiv kultura ta’ integrità u jaderixxu mal-aħjar standards disponibbli fil-livell nazzjonali u internazzjonali; eżempji jkunu EN 17687:2022 dwar l-Akkwist Pubbliku – Integrità u responsabbiltà – Rekwiżiti u gwida, ISO 37001 “Anti-bribery management systems” (Sistemi ta’ ġestjoni kontra t-tixħim), u dawk li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-investimenti ambjentali, soċjali u ta’ governanza. |
1.15. |
Peress li l-akkwist pubbliku huwa deċentralizzat fl-Istati Membri kollha, għandhom jiġu żviluppati strumenti biex jappoġġjaw l-integrità tal-proċedura tal-akkwist fil-livelli reġjonali u lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jipprovdi għarfien tajjeb biex jintlaħaq dan l-għan. |
1.16. |
Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-istituzzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp tan-network tal-UE kontra l-korruzzjoni u huwa lest li jipparteċipa fil-ħidma tiegħu. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel disponibbli finanzjament għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-korruzzjoni u tħeġġeġ prattiki tajbin dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli. |
2. Kuntest
2.1. |
Dan l-aħħar il-Kummissjoni waslet għall-istess konklużjoni li “Kull sena fl-UE, aktar minn 250 000 awtorità pubblika jonfqu madwar EUR 2 triljun (madwar 13,6 % tal-PDG) fuq ix-xiri ta’ servizzi, xogħlijiet u provvisti” (1). |
2.2. |
L-injezzjoni ta’ ammont kbir ta’ riżorsi finanzjarji fis-suq tal-akkwist pubbliku tattira l-kriminalità (organizzata u mod ieħor) u hija wkoll sfida għall-amministrazzjonijiet pubbliċi li jintalbu jorganizzaw proċeduri urġenti f’sitwazzjonijiet straordinarji u ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni ddikjarat li “L-ebda settur jew qasam ta’ attività ma huwa sikur minn riskji ta’ korruzzjoni, iżda oqsma komuni ta’ riskju għoli jistħoqqilhom attenzjoni partikolari – normalment dawk li jinvolvu l-ġestjoni ta’ fondi pubbliċi sinifikanti (2)”. Skont ċerti stimi, l-ispiża totali tar-riskju ta’ korruzzjoni f’kuntratti ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu fondi tal-UE fl-UE-27 bejn l-2016 u l-2021 hija stmata li tlaħħaq EUR 4,3 biljun (3). |
2.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-progress sinifikanti li sar fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE u fl-Istati Membri. L-inklużjoni tal-isforzi kontra l-korruzzjoni fil-ħidma għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt u l-abbozzar tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt jallinjaw l-isforzi kontra l-korruzzjoni ma’ aspetti ewlenin oħra ta’ governanza demokratika, affidabbli u effettiva (Artikolu 2 tat-TUE). Kif iddikjarat mill-Kummissjoni, “Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali biex jinżamm l-istat tad-dritt u tiġi ppreservata l-fiduċja taċ-ċittadini u tal-kumpaniji fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jrid jiddependi fuq taħlita ta’ miżuri preventivi u punittivi” (4). |
2.4. |
Il-QĠUE ddikjarat li l-Artikolu 2 tat-TUE “ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li jaqgħu taħt (…) l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri” (5). Għalhekk, dawn il-valuri jridu jsibu posthom fil-politiki u l-imġiba komuni tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-atturi ekonomiċi involuti fis-suq intern (6). |
2.5. |
L-UE għamlet pass kbir ’il quddiem billi rabtet il-protezzjoni tal-istat tad-dritt, inklużi sforzi effettivi kontra l-korruzzjoni, mal-imperattiv li tħares l-interessi finanzjarji tagħha. Fil-każ ta’ ksur kbir tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, l-UE tista’ tieħu azzjoni kontra Stat Membru, bħas-sospensjoni tal-pagamenti u l-impenji, is-sospensjoni tal-iżborż ta’ pagamenti jew ħlas lura bikri ta’ self, it-tnaqqis tal-finanzjament skont l-impenji eżistenti, u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe impenji ġodda mar-riċevituri jew ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-UE (7). |
2.6. |
Il-Kummissjoni Ewropea, b’segwitu għall-Pakkett Kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta’ Mejju 2023, stabbiliet ukoll in-Network Ewropew Kontra l-Korruzzjoni. In-Network huwa maħsub biex ikun forum ġenerali fejn il-partijiet interessati kollha fl-UE jistgħu jiskambjaw prattiki tajbin, opportunitajiet, ideat u pjani għal aktar ħidma. Dan huwa inklużiv, u jinkludi organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, ibbażat fuq it-twemmin qawwi li l-kondiviżjoni ta’ perspettivi differenti tipproduċi riżultati aħjar u politika aktar effettiva kontra l-korruzzjoni (8). |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Madankollu, dan l-approċċ jeħtieġ li jiġi żviluppat aktar. Id-dispożizzjonijiet proċedurali attwali tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt (9) jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Bħalissa, Stat Membru wieħed biss huwa soġġett għall-miżuri stabbiliti minnu. Minħabba l-limitu għoli għall-iskattar ta’ dan l-istrument, dan ma jistax jiffunzjona bħala inċentiv għall-Istati Membri kollha biex jiġġieldu l-korruzzjoni. Limitazzjonijiet oħrajn huma inkorporati wkoll fl-istrument. Il-ksur tal-istat tad-dritt ma jaffettwax biss l-interessi finanzjarji tal-UE; għandu wkoll impatt fuq il-politiki ewlenin li jirregolaw is-suq uniku, u għal darb’oħra jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq. |
3.2. |
Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, il-korruzzjoni titqies bħala reat serju, kif definit fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Hemm ħafna aspetti għall-prevenzjoni u r-ripressjoni, li jmorru kontra kategorizzazzjoni unika f’termini ta’ kompetenzi tal-Unjoni, bażi tat-Trattati, setturi ta’ politika u strumenti. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li rridu nagħmlu aktar biex nintegraw diversi dimensjonijiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni biex din il-ġlieda ssir aktar effettiva fil-livelli kollha ta’ governanza fl-UE. Hemm diversi modi kif dan jista’ jiġi indirizzat. |
3.3. |
L-ewwel nett, il-KESE jqis li l-qafas leġiżlattiv Ewropew huwa frammentat, peress li r-regoli mmirati lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni (bħal dawk dwar il-kriminalità organizzata u l-ħasil tar-rikavat mill-kriminalità) huma mifruxin fuq diversi strumenti mhux konnessi, inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku (ara l-punt 3.6) (10). Barra minn hekk, qed isir tentattiv biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bl-inizjattiva regolatorja tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2023 (11). Il-KESE jqis li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli, matul din il-leġiżlatura: id-Direttiva tistipula definizzjoni u qafas komuni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Dan huwa l-aktar pass importanti fl-iżgurar ta’ livell minimu ta’ koordinazzjoni u armonizzazzjoni fil-prattiki legali u istituzzjonali tal-Istati Membri. |
3.4. |
It-tieni, il-KESE jqis li l-UE m’għandhiex tqis il-korruzzjoni bħala rilevanti, b’mod primarju jew esklużiv, meta jkunu involuti l-fondi tal-UE. Li wieħed ikollu kompetenza diretta u strumenti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni b’rabta mal-fondi tal-UE ma jfissirx li dan huwa l-uniku tip ta’ korruzzjoni li jeżisti u li jeħtieġ li jiġi indirizzat. Il-korruzzjoni taffettwa direttament lill-individwi, lin-negozji u lill-komunitajiet li mhumiex qed jirċievu finanzjament mill-UE. L-Istati Membri jistgħu jispiċċaw joperaw b’mod effettiv sistema b’żewġ livelli fejn bħala medja l-proġetti u l-finanzjament tal-UE huma inqas suxxettibbli li jkunu fil-mira ta’ interessi u prattiki korrotti minn dawk nazzjonali, li għalihom hemm inqas trasparenza u monitoraġġ. Il-Pakkett Kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta’ Mejju 2023, li jindirizza l-korruzzjoni b’mod ġenerali u mhux biss fir-rigward tal-fondi tal-UE, għandu jissaħħaħ. |
3.5. |
It-tielet, il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha terġa’ tintroduċi r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni: dan kien istitwit mill-Komunikazzjoni dwar Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE (12) fl-2011, iżda ma tkompliex wara l-ewwel rapport fl-2014 (13). Ir-rapport kien analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni, il-politiki u d-data dwar il-korruzzjoni, bi 28 taqsima tal-Istati Membri. Ir-rapport jista’ jintuża biex jixħet dawl fuq u jintegra diversi dimensjonijiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li bħalissa ftit li xejn qed jingħataw attenzjoni, jew mhux jingħataw attenzjoni, mill-qafas tal-istat tad-dritt. Dan għandu jissemplifika diversi linji ta’ politika u leġiżlazzjoni biex jiżgura l-koerenza u l-effettività, inklużi kemm l-aspetti tal-istat tad-dritt kif ukoll dawk ekonomiċi u tas-suq intern. |
Ir-raba’, għandu jkun hemm enfasi fuq l-akkwist pubbliku, bil-kumplessità u l-konsegwenzi kollha tiegħu. L-UE jeħtiġilha l-ewwel u qabel kollox tivverifika l-adegwatezza tal-qafas leġiżlattiv u regolatorju dwar l-integrità tal-akkwist pubbliku u l-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika sabiex tivverifika jekk dan il-qafas huwiex konsistenti mal-ħtiġijiet tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk u kif teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha. Attwalment, il-qafas regolatorju għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-suq tal-akkwist pubbliku jikkonsisti fit-tliet Direttivi approvati fl-2014 (14).
3.5.1. |
Il-kunċett ta’ korruzzjoni aċċettat mis-sistema legali tal-UE huwa wiesa’ ħafna u jmur lil hinn mill-isfera kriminali biex jinkludi mġiba li ddgħajjef l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà etika u l-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi. Dan joħroġ mill-prattika stabbilita tal-Kummissjoni (15), ikkonfermata mill-Komunikazzjoni Konġunta Kontra l-Korruzzjoni (16): il-korruzzjoni hija kkwalifikata bħala l-“abbuż ta’ poter fdat għal gwadann privat”. |
3.5.2. |
Fl-aħħar nett dwar dan is-suġġett, il-KESE jqis li l-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttivi dwar dan is-suġġett għadu validu u adatt u m’għandux għalfejn jiġi rivedut. Madankollu, jeħtieġ li ssir enfasi fuq ir-riorjentazzjoni tal-qafas regolatorju lejn il-valuri l-ġodda li jirfdu l-istrateġija soċjali, ekonomika u ambjentali tal-UE, u fl-istess ħin jiġu enfasizzati r-rabtiet bejn l-inizjattivi leġiżlattivi attwali tal-Kummissjoni li jimplimentaw objettivi ekoloġiċi, soċjali u ambjentali (ara l-punt 4.1). Għal darb’ oħra, il-KESE jargumenta li “huwa inevitabbli li naqilbu mis-sistema ekonomika li fiha t-tkabbir kien l-ixprun ewlieni għal mudell fejn jipprevali l-iżvilupp sostenibbli” (17). Barra minn hekk, is-sostenibbiltà ġeneralizzata hija wkoll il-pedament tal-istrateġija tat-tliet istituzzjonijiet leġiżlattivi Ewropej (18). |
3.6. |
Il-ħames, il-KESE jenfasizza l-effett korrużiv tal-korruzzjoni fuq il-fiduċja pubblika, il-leġittimità tal-gvern rappreżentattiv u d-demokrazija. Il-korruzzjoni ma taffettwax biss l-iżvilupp ekonomiku u l-forniment tas-servizz pubbliku: din tolqot il-qalba tas-sistemi demokratiċi. F’dan ir-rigward, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni għandhom ikunu allinjati aħjar mal-isforzi għas-salvagwardja u l-iżvilupp tad-demokrazija fl-UE, li bħalissa jaqgħu taħt il-kappa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Demokrazija. |
3.7. |
Fl-aħħar nett, il-KESE josserva li l-UE għandha wkoll responsabbiltà sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-dinja kollha, li tirriżulta mill-valuri u t-Trattati li hija msejsa fuqhom, iżda wkoll mill-interess ekonomiku u politiku tagħha fl-affarijiet u l-iżvilupp globali. Mhijiex koinċidenza li l-Kummissjoni Ewropea stabbiliet regoli stretti li jirregolaw il-mod li bih jingħataw il-kuntratti, biex jiġi żgurat li kuntratturi bil-kwalifiki adegwati jintgħażlu mingħajr preġudizzju u li jinkiseb l-aħjar valur għall-flus, bi trasparenza sħiħa adegwata għall-użu tal-fondi pubbliċi (Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali għall-azzjonijiet esterni tal-UE (19)). Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li titlob lill-Kummissjoni tħejji strateġija globali tal-UE kontra l-korruzzjoni, li tindirizza l-korruzzjoni bħala fenomenu globali li jirrikjedi istituzzjonijiet effettivi kontra l-korruzzjoni, mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u qafas regolatorju internazzjonali, kif ukoll irkupru tal-assi u prosekuzzjoni kriminali fl-UE (20). |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni tista’ tadotta komunikazzjoni li tikkonferma d-Direttivi tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni tista’ taħtaf din l-opportunità biex ittejjeb għadd ta’ proċeduri u għodod previsti minn dawk id-Direttivi li għadhom ma ġewx żviluppati, tikkonferma s-sitt prijoritajiet strateġiċi elenkati fl-2017 (21) u tadattahom għas-sostenibbiltà. |
4.2. |
Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li jissaħħu u jittejbu tliet kwistjonijiet (22): |
4.2.1. |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rabta bejn is-sostenibbiltà, it-tranżizzjoni diġitali u l-akkwist pubbliku. Mhijiex koinċidenza li fl-aħħar komunikazzjoni tagħha dwar il-futur tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li “trasformazzjoni soċjoekonomika ta’ suċċess u ġusta ma hijiex awtomatika” (23). |
4.2.2. |
Is-suq Ewropew tal-akkwist pubbliku kellu jkun aktar avvanzat fid-diġitalizzazzjoni (24). Id-diġitalizzazzjoni hija strument ta’ għarfien, trasparenza, veloċità u integrità taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-akkwist pubbliku: minħabba dawn il-karatteristiċi kollha, id-diġitalizzazzjoni hija ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni, “it-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku ssir bil-mod” (25). Għalhekk, huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu jingħataw appoġġ tekniku matul dan il-proċess diffiċli. |
4.2.3. |
It-trasparenza hija għodda kruċjali għat-titjib tal-integrità tas-suq Ewropew tal-akkwist pubbliku. |
4.2.4. |
Il-Kummissjoni tista’ tagħti importanza akbar lill-patti ta’ integrità, speċjalment wara li l-QĠUE aċċertat il-kompatibbiltà bejniethom u l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku (26). Ikun utli li s-sejbiet tal-proġett pilota jiġu inkorporati fl-applikazzjoni ta’ dawn il-patti (27), u fl-istess ħin jitneħħew xi wħud mill-problemi li niltaqgħu magħhom (28) billi jiġi stabbilit ambjent kostruttiv u kollaborattiv kemm għall-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fis-sejħa għall-offerti kif ukoll għall-awtoritajiet kontraenti. |
4.2.5. |
Kif innotat mill-OECD (29), kwalunkwe ksur tal-patt ta’ integrità jista’ jwassal għal:
|
4.2.6. |
L-UE tista’ tispira ruħha minn din il-prattika u dik tal-Bank Dinji fil-proċeduri ta’ self. Il-Bank Dinji għandu erba’ reazzjonijiet potenzjali għal imġiba mhux adatta mill-operatur ekonomiku:
|
4.2.7. |
Din il-prattika tista’ tiġi applikata mill-UE b’ċerti prekawzjonijiet, primarjament garanzija ta’ konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità bejn l-imġiba tal-operatur ekonomiku u l-konsegwenzi tal-esklużjoni tagħhom. Sabiex jinkiseb dan, għandhom jitfasslu regoli ċari, trasparenti u aċċessibbli u għandhom jiġu identifikati ċirkostanzi mitiganti. Il-Kummissjoni tista’ tadotta komunikazzjoni li tistabbilixxi linji gwida dwar din il-kwistjoni. |
4.2.8. |
Is-sistema ta’ esklużjoni reċiproka (bejn l-awtoritajiet Ewropej/l-istituzzjonijiet nazzjonali/il-banek privati) tista’ tkun utli għall-protezzjoni tas-suq intern fir-rigward tal-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi allokati għall-offerti, irrispettivament minn jekk dawk ir-riżorsi jkunux Ewropej jew nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, dan ikun immirat lejn l-akkwist korrott anke fejn mhumiex involuti r-riżorsi finanzjarji tal-UE (ara l-punt 2.1). |
Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 98 I, 16.3.2023, p. 1
(2) COM(2023) 800 final, p. 16 u p. 18.
(3) Parlament Ewropew, Stepping up the EU’s efforts to tackle corruption (Insaħħu l-isforzi tal-UE biex nindirizzaw il-korruzzjoni – mhux disponibbli bil-Malti).Rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa, 2023, p. 2.
(4) COM(2023) 800 final, paragrafu 2.2.
(5) Is-sentenzi tal-QĠUE, il-kawżi C-156/21, paragrafu 232 u C-157/21, paragrafu 264.
(6) Pitruzzella, L’integrazione tramite il valore dello “Stato di diritto” , www.federalismi.it, (L-integrazzjoni permezz tal-valur tal-“Istat tad-Dritt”) Nru. 27/2022 (mhux disponibbli bil-Malti).
(7) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(8) Network tal-UE kontra l-korruzzjoni.
(9) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(10) Gaglio et al., Strengthening the fight against corruption; assessing the EU legislative and policy framework , (Insaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; valutazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u ta’ politika tal-UE) 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(11) Ara l-Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, eċċ., COM(2023) 234 final, u l-Komunikazzjoni kkwotata fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(12) COM(2011) 308 final, 6.6.2011.
(13) COM(2014) 38 final, 3.2.2014.
(14) Direttivi tal-UE 2014/23/EU (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1), 2014/24/EU (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65) u 2014/25/EU (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(15) COM(2021) 317 final; ĠU C 89 E, 14.4.2004, p. 110.
(16) JOIN(2023) 12 final.
(17) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 7, (pt. 1(1)).
(18) ĠU C 491, 23.12.2022, p. 1.
(19) Gwida prattika għall-proċeduri kuntrattwali għall-azzjonijiet esterni tal-UE (mhux disponibbli bil-Malti).
(20) Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Korruzzjoni u d-Drittijiet tal-Bniedem, 17.2.2022
(21) COM(2017) 572 final.
(22) F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti: ĠU C 13, 15.1.2016, p. 63, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 113, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 84
(23) COM(2023) 376 final, 6.7.2023, pt. I u III.1-2.
(24) Artikolu 33 et seq. tad-Direttiva 2014/24/KE, cit.
(25) COM(2017) 572 final, p. 5.
(26) Is-sentenza C-425/14, 22.10.2015.
(27) Proġett dwar Patti ta’ Integrità – Mekkaniżmu ta’ Kontroll Ċivili għas-Salvagwardja tal-Fondi tal-UE, Fażi 2; għar-riżultati, ara Aceves, Safeguarding EU-Funded Investments with Integrity Pacts: a Decision-Maker’s Guide to Collaborative Public Contracting Monitoring, Transparency International (Is-Salvagwardja tal-Investimenti ffinanzjati mill-UE bil-Patti ta’ Integrità: Gwida għal dawk li jieħdu d-Deċiżjonijiet għall-Monitoraġġ Kollaborattiv tal-Kuntratti Pubbliċi, Transparency International), 26.3.2021 (mhux disponibbli bil-Malti).
(28) Bħar-rikonoxximent tar-rieda politika effettiva tal-awtorità kontraenti pubblika li tidħol f’patt ta’ integrità u l-kapaċità tagħha li tieħu dan l-impenn.
(29) OECD, Catalysing Collective Action to Combat Corruption in Infrastructure (Nixprunaw l-Azzjoni Kollettiva għall-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-Infrastruttura), 9.12.2022 (mhux disponibbli bil-Malti).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2095/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)