This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AT40760(01)
Final Report of the Hearing Officer – Case AT.40760 – Hand Grenades
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Każ AT.40760 — Granati tal-idejn
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Każ AT.40760 — Granati tal-idejn
C/2023/6290
ĠU C, C/2023/1482, 11.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1482/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2023/1482 |
11.12.2023 |
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)
Każ AT.40760 — Granati tal-idejn
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(C/2023/1482)
SwissP Defence AG (li qabel kienet RUAG Ammotec AG) u RUAG International Holding AG (“RUAG”); kif ukoll Diehl Defence GmbH & Co. KG (li qabel kienet Diehl BGT Defence GmbH & Co. KG) u Diehl Stiftung & Co. KG (“Diehl”) (flimkien “il-Partijiet”) huma d-destinatarji ta’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni. Hija tikkonċerna ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li kien jikkonsisti fl-allokazzjoni ta’ swieq nazzjonali bejn il-Partijiet għall-bejgħ ta’ granati tal-idejn militari, li kienu jinkludu wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni kompetittivament sensittiva. Il-ksur dam mis-7 ta’ Novembru 2007 sat-23 ta’ Novembru 2021 (2) u kopra ż-Żona Ekonomika Ewropea.
Fil-15 ta’ April 2021, RUAG applikat għal immunità minn multi skont il-punti 14 u 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (“l-Avviż ta’ Klemenza”) (3). Fit-12 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil RUAG mill-multi skont il-punt 18 tal-Avviż ta’ Klemenza.
Bejn it-23 u l-25 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni għal għarrieda fil-bini ta’ Diehl.
Fl-24 ta’ Frar 2022, Diehl applikat għall-immunità mill-multi skont il-punt 14 tal-Avviż ta’ Klemenza jew, b’mod alternattiv, għal tnaqqis tal-multi skont il-punt 27 tal-Avviż ta’ Klemenza.
Fit-18 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (4) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (5).
Il-Partijiet indikaw ir-rieda tagħhom li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment li saru bejn Frar u Mejju 2023. F’Ġunju 2023, il-Partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet għar-riżolviment f’konformità mal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.
Fit-3 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lill-Partijiet. Fir-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Partijiet ikkonfermaw, f’konformità mal-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet irriflettiet il-kontenut tas-sottomissjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tagħhom u li għalhekk baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
Il-Partijiet ma indirizzawli l-ebda talba jew ilment skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE (6).
F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li l-Partijiet ingħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwarhom. Nikkonkludi li hekk hu.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet fil-proċedimenti f’dan il-każ ġie rrispettat.
Brussell, 18 September 2023
Dorothe DALHEIMER
(1) Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).
(2) Il-parteċipazzjoni ta’ RUAG fl-aġir titqies li ntemmet fil-15 ta’ April 2021 meta RUAG talbet l-immunità.
(3) L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3) u bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1348 (ĠU L 208, 5.8.2015, p. 3).
(6) Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet fil-proċedimenti f’każijiet ta’ kartelli li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura għar-riżolviment jistgħu jitolbu mill-uffiċjal tas-seduta li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom ikun żgurat.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1482/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)