This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AE5604
Opinion of the European Economic and Social Committee – Communication from the Commission to the European Parliament and the Council on the EU roadmap to fight drug trafficking and organised crime (COM(2023) 641 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata (COM(2023) 641 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata (COM(2023) 641 final)
EESC 2023/05604
ĠU C, C/2024/4066, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4066/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/4066 |
12.7.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata
(COM(2023) 641 final)
(C/2024/4066)
Relatur:
Christian MOOS
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 28.2.2024 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
12.4.2024 |
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
25.4.2024 |
Sessjoni plenarja Nru |
587 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
147/1/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni Ewropea u awtoritajiet tas-sigurtà ffinanzjati b’mod adegwat. Jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-amministrazzjonijiet doganali u lill-forzi tal-pulizija tagħhom b’riżorsi umani u tekniċi adegwati, paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u taħriġ kontinwu. |
1.2. |
Il-ġlieda kontra l-abbuż tad-drogi u tad-drogi qawwijin (hard drugs) teħtieġ approċċ aktar divrenzjat u min-naħa tas-soċjetà kollha. Mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, l-użu tad-droga għandu jiġi indirizzat aktar permezz ta’ miżuri preventivi u ta’ akkumpanjament u inqas permezz tar-repressjoni. |
1.3. |
L-enfasi speċjali fuq il-portijiet hija ġġustifikata mill-volum ta’ kummerċ li jgħaddi minnhom, iżda dan m’għandux ifisser li l-passi biex jiġu indirizzati rotot u punti ta’ aċċess oħra jiġu injorati. |
1.4. |
L-użu tat-terminu “sħubija pubblika-privata” (PPP) huwa sfortunat ħafna meta jiġi applikat għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet privati f’dan il-kuntest. Minflok, il-Kummissjoni għandha titkellem dwar approċċ b’diversi atturi. |
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi effettivi kollha biex jiżżarmaw in-networks kriminali. Is-segretezza bankarja u l-eżistenza ta’ rifuġji fiskali, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni huma tal-akbar importanza għall-kriminalità organizzata. |
1.6. |
Il-KESE jirrakkomanda koordinazzjoni aħjar tal-infurzar tal-liġi transfruntiera bejn il-pulizija u l-awtoritajiet doganali, u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji kif ukoll l-awtoritajiet fiskali sabiex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda bl-aktar mod effettiv possibbli. |
1.7. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu biżżejjed fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom u jħaffu d-diġitalizzazzjoni tagħhom biex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata. |
1.8. |
Huwa importanti li jiġu involuti r-rappreżentanzi tal-unjoni tal-uffiċjali tal-pulizija u tad-dwana sabiex jiġu identifikati b’mod adegwat il-ħtiġijiet umani u tat-tagħmir u jittieħed kont tal-għarfien espert tagħhom. |
1.9. |
Il-persuni dipendenti fuq id-droga huma vittmi u mhux awturi ta’ reat, sakemm l-użu tagħhom tad-drogi ma jwassalx għal kriminalità assoċjata mal-akkwist ta’ dawk id-drogi jew għal perikli lil partijiet terzi. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu studjati l-esperjenzi tal-pajjiżi u r-reġjuni fejn l-użu ta’ ċerti drogi huwa ttollerat u/jew fejn l-użu tal-kannabis ġie dekriminalizzat. |
1.10. |
Il-KESE jirrakkomanda aktar inizjattivi sabiex l-Ewropej, u speċjalment iż-żgħażagħ, jiġu protetti mill-perikli tad-dipendenza, u li l-inizjattivi ma jiffokawx biss fuq id-drogi qawwijin. Il-fondi kkonfiskati għandhom jintużaw għal proġetti ta’ prevenzjoni. |
2. Kummenti ġenerali dwar il-pjan direzzjonali tal-UE
2.1. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-kriminalità organizzata hija theddida kbira għas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Ewropa. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni Ewropea u awtoritajiet tas-sigurtà ffinanzjati b’mod adegwat fil-livell tal-UE u, l-ewwel u qabel kollox, fil-livell tal-Istati Membri. Madankollu, il-ġlieda kontra l-abbuż tad-drogi u tad-drogi qawwijin teħtieġ approċċ aktar divrenzjat u min-naħa tas-soċjetà kollha, u ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-infurzar tal-liġi. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali hawnhekk. Mhijiex biss element miżjud. |
2.2. |
L-abbuż mid-droga jikkawża ħsara enormi għas-saħħa, għas-soċjetà u għall-ekonomija. Dan jagħmel ħsara mhux biss lid-dipendenti, iżda wkoll lill-qraba tagħhom u lil komunitajiet sħaħ. Dan jipperikola l-ordni soċjali u jimxi id f’id ma’ ħafna reati u delitti – u saħansitra jinkoraġġixxihom – inklużi dawk l-aktar serji. |
2.3. |
It-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata mhumiex biss fenomeni transfruntiera; dawn dejjem għandhom dimensjoni ġeopolitika wkoll. Il-kriminalità organizzata tista’ ddgħajjef l-istrutturi tal-istat u fl-aħħar mill-aħħar twassal għal stati li qed ifallu jew għal manipulazzjoni tal-istat minn reġimi dittatorjali bit-tmexxija ta’ eliti bi stil mafjuż. Dan għandu impatt fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-ordni tas-sigurtà internazzjonali. |
2.4. |
Il-kriminalità organizzata hija dejjem assoċjata ma’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem. Din tikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni tad-demokraziji liberali. Fejn il-kriminalità organizzata għandha setgħa informali kbira, din issaħħaħ it-tendenzi awtoritarji. |
2.5. |
Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata hija essenzjali mhux biss għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, iżda wkoll kontra l-finanzjament ta’ networks terroristiċi, it-traffikar tal-bnedmin u reati oħra. L-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jaħdmu flimkien u ma’ pajjiżi terzi, b’appoġġ effettiv mill-Unjoni, biex jinfurzaw il-liġi u l-ordni u jiżguraw monopolju tal-istat fuq l-użu tal-forza kontra gruppi organizzati, klannijiet u networks tat-tip mafjuż. F’dan ir-rigward, il-konformità stretta mal-istandards tal-istat tad-dritt hija sine qua non. |
2.6. |
Għad mhux isir biżżejjed ikkonfiskar tal-beni. Tali miżuri għandhom jintużaw b’mod aktar frekwenti u l-UE għandha tistabbilixxi miri (bħal limitu minimu perċentwali) għall-użu mill-ġdid ta’ beni kkonfiskati għall-benefiċċju tas-soċjetà permezz ta’ kampanji pubbliċi u proġetti tas-soċjetà ċivili mmirati lejn il-prevenzjoni tad-dipendenza mid-droga, b’mod speċjali mmirati lejn iż-żgħażagħ. |
2.7. |
L-hekk imsejħa “Stati Narco” għandhom rwol importanti fit-traffikar globali tad-droga. Il-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE jrid ikollhom biżżejjed riżorsi biex ifixklu d-dħul ta’ sustanzi illeċiti fis-sors. L-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE tista’ toffri alternattivi ekonomiċi għan-nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
2.8. |
Trid tingħata attenzjoni partikolari lis-settur finanzjarju. Hemm bżonn li jissaħħaħ l-għarfien espert rilevanti fl-awtoritajiet tas-sigurtà u li titrawwem il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa. Is-segretezza bankarja u l-eżistenza ta’ rifuġji fiskali huma ħafna aktar importanti għall-kriminalità organizzata minn pereżempju kunsinni individwali ta’ drogi permezz ta’ portijiet Ewropej. |
2.9. |
Il-persuni dipendenti fuq id-droga huma vittmi u mhux awturi ta’ reat, sakemm l-użu tagħhom tad-drogi ma jwassalx għal kriminalità assoċjata mal-akkwist ta’ dawk id-drogi jew għal perikli lil partijiet terzi. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu studjati eżempji ta’ dekriminalizzazzjoni tal-użu ta’ drogi qawwijin, eż. fil-British Columbia (il-Kanada), Oregon (l-Istati Uniti) u l-Portugall. L-użu legalizzat tad-drogi jista’ jwassal għal miżuri aktar preventivi u orjentati lejn is-saħħa u jista’ jidderieġi mill-ġdid ir-riżorsi. Dan jista’ jnaqqas b’mod effettiv ir-rati ta’ kriminalità assoċjati mal-akkwist ta’ drogi mill-utenti aħħarin. Jista’ jipprovdilhom kundizzjonijiet aktar sikuri u jnaqqas l-impatt fuq il-ħajja u s-sigurtà pubblika. Il-Portugall irreġistra tnaqqis fl-imwiet minħabba d-droga minn 369 fl-1999 għal 30 fl-2016. Barra minn hekk, l-għadd totali ta’ dipendenti tal-eroina naqas b’mod sinifikanti, u naqas ukoll l-għadd ta’ każijiet ġodda tal-HIV u l-epatite C. |
2.10. |
Mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, l-użu tad-droga għandu jiġi indirizzat aktar permezz ta’ miżuri preventivi u ta’ akkumpanjament u inqas permezz ta’ miżuri ripressivi. Ir-riżorsi meħtieġa biex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda b’mod effettiv ikunu aktar immirati jekk jiġu diretti kontra n-networks kriminali u, fuq kollox, l-assi u l-mekkaniżmi finanzjarji tagħhom milli fuq is-sanzjonar tal-persuni dipendenti fuq id-droga. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jitfakkar li l-għadd ta’ mwiet ikkawżati minn dipendenza legali (tabakk, alkoħol) huwa ħafna ogħla minn dak ta’ dipendenza illegali. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), kien hemm 6 166 mewt ikkawżati mid-drogi fl-UE fl-2021. Skont il-Kummissjoni, kważi 700 000 persuna Ewropea jmutu kull sena minħabba mard ikkawżat mit-tipjip jew mill-vaping. Bl-istess mod, l-abbuż tal-alkoħol jammonta għal mijiet ta’ eluf ta’ mwiet bikrija. |
2.11. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE 2021-2025 biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata, kif ukoll l-Aġenda tal-UE dwar id-Drogi. Huma jipprovdu l-biċċa l-kbira tas-servizzi ta’ assistenza. Barra minn hekk, huma jipprovdu appoġġ vitali għas-sistemi soċjali u tal-kura tas-saħħa u għandhom għarfien u esperjenza rilevanti. |
2.12. |
Huwa daqstant importanti li jiġu inklużi l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u, b’mod speċifiku, it-trade unions li jirrappreżentaw lill-pulizija u lill-uffiċjali tad-dwana fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-involviment tal-uffiċjali tal-pulizija u tad-dwana huwa essenzjali biex ikunu jistgħu jiġu antiċipati u limitati b’mod effettiv il-perikli potenzjali għall-investigaturi u l-ispetturi, kif ukoll biex jiġu vvalutati u ppjanati adegwatament il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani u tat-tagħmir u biex jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq meta jiġi kkunsidrat l-għarfien espert tekniku. Dan huwa partikolarment il-każ għall-evalwazzjoni li jmiss tal-Istrateġija dwar id-Drogi fl-2024. |
2.13. |
Minħabba l-qagħda kritika tal-istat tad-dritt f’ċerti Stati Membri tal-UE, ma għadux possibbli li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Fil-fehma tal-KESE, jekk l-awtoritajiet tas-27 Stat Membru kollha tal-UE jieqfu jikkooperaw fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, tali kooperazzjoni għandha minflok tiġi żgurata permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa. |
3. Kummenti dwar inizjattivi oħrajn
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi effettivi kollha biex jiżżarmaw in-networks kriminali, sakemm dawn ikunu konformi mal-istat tad-dritt. L-istess japplika għall-konsolidazzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll għall-miżuri ta’ diġitalizzazzjoni assoċjati. |
3.2. |
Minħabba l-iżviluppi estremament rapidi fis-suq tad-drogi illeċiti u l-iżvilupp u t-tixrid ta’ sustanzi sintetiċi dejjem aktar perikolużi, il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari t-tnedija prevista tal-attivitajiet u setgħat aktar b’saħħithom taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) – li ismu dalwaqt se jinbidel għal Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA) – kif ukoll is-sistema futura ta’ twissija dwar id-drogi. |
3.3. |
Il-KESE jilqa’ l-objettivi fundamentali tal-proposta għal riforma tal-Unjoni Doganali (COM(2023) 257 final). Huwa importanti li jissaħħu l-amministrazzjonijiet doganali u l-kooperazzjoni tagħhom kemm bejniethom kif ukoll mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġi evitat li oġġetti mhux sikuri u illegali jiġu importati fl-UE. |
3.4. |
Madankollu, il-KESE jirrimarka li r-riforma doganali trid tkun fattibbli wkoll fid-dawl tal-Alleanza tal-Portijiet Ewropej li qed tiġi proposta bħalissa. Waqt li l-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-portijiet u ċ-ċentri, it-tħassib huwa li l-governanza operazzjonali proposta fil-livell tal-UE tista’ fl-aħħar mill-aħħar iddgħajjef is-setgħat tal-amministrazzjonijiet doganali u twassal biex jonqos l-għadd ta’ uffiċċji doganali barra miċ-ċentri loġistiċi speċifikati. Tali dgħufija tiġi rrifjutata kemm min-negozji, li jeħtieġu distanzi qosra u għarfien reġjonali, kif ukoll mit-trade unions ikkonċernati. |
3.5. |
Essenzjalment għandu jkun hemm enfasi qawwija fuq l-identifikazzjoni u t-tisħiħ tal-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fir-rigward tal-allokazzjoni tas-setgħat. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom responsabbiltà materjali hawnhekk. |
3.6. |
Fejn kooperazzjoni aktar profonda bejn is-27 Stat Membru tal-UE għadha diffiċli u b’approċċi supranazzjonali li b’riżultat ta’ dan jitilfu l-momentum, għandha tingħata prijorità lill-kooperazzjoni mmirata bejn gruppi ta’ Stati Membri, bħalma diġà tingħata lill-appoġġ tal-EUROPOL u l-EUROJUST, li diġà wassal għal suċċessi fil-ġlieda kontra n-networks kriminali tad-droga. |
3.7. |
Il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) u n-network operazzjonali kontra l-gruppi kriminali tat-tip mafjuż huma għodod ta’ suċċess fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Jeħtieġ li dawn jiġu estiżi u msaħħa. Madankollu, mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, huwa dejjem importanti li jiġi żgurat li l-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi ma twassalx għal abbuż mill-awtoritajiet fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi li ma joperawx, jew li ma għadhomx joperaw, skont l-istat tad-dritt. |
3.8. |
Il-KESE jixtieq jara aktar inizjattivi biex l-Ewropej, u speċjalment iż-żgħażagħ, jiġu protetti mill-perikli tad-dipendenza u biex dawn ma jikkonċentrawx biss fuq id-drogi qawwijin. F’termini ta’ riskji għas-saħħa, l-abbuż qawwi tal-alkoħol, pereżempju, jagħmel l-alkoħol droga qawwija wkoll. Dan jikkawża wkoll ħsara soċjali konsiderevoli, bħal tfal li jbatu minħabba ġenituri taħt l-influwenza tax-xorb u abbużivi, u bħall-persuni dipendenti fuq l-alkoħol li ma jibqgħux adattati għas-suq tax-xogħol. |
4. Evalwazzjoni ta’ miżuri u azzjonijiet ta’ prijorità
4.1. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-portijiet bħala punti ta’ dħul għad-drogi u l-prekursuri meħtieġa għall-produzzjoni ta’ drogi sintetiċi. L-Alleanza tal-Portijiet proposta, flimkien ma’ konnettività diġitali ottimali madwar l-UE kollha bejn l-awtoritajiet doganali, tikkostitwixxi approċċ utli. Il-finanzjament taħt il-Programm Doganali għandu jintlaqa’ tajjeb. |
4.2. |
Sabiex il-komunità doganali tkun l-ewwel linja ta’ difiża kontra t-traffikar ta’ oġġetti illegali u perikolużi, kif tgħid il-Kummissjoni, l-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu lill-amministrazzjonijiet doganali u lill-forzi tal-pulizija tagħhom b’riżorsi umani u tekniċi adegwati u taħriġ kontinwu. Pereżempju, kontrolli regolari fuq il-kontejners huma mxekkla meta l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx riżorsi umani jew tagħmir adegwat, kif inhu l-każ f’ħafna Stati Membri. Dan jiftaħ l-aċċess għall-faċilitajiet tal-portijiet għan-networks kriminali u jnaqqas il-frekwenza tal-kontrolli. Dan iżid ukoll ir-riskji għas-sigurtà għall-uffiċjali doganali u mhuwiex kompatibbli mal-ġestjoni responsabbli tar-riskju. |
4.3. |
Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni ta’ Schengen, il-proposta għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u l-istudji kkummissjonati dwar id-data dwar it-trasport marittimu u dwar il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fis-setturi tat-trasport ferrovjarju u bit-triq. Peress li huwa minnu li n-networks kriminali huma adattabbli, mhuwiex biżżejjed li jsir monitoraġġ aktar mill-qrib ta’ ċerti ċentri tal-loġistika biss. L-enfasi speċjali fuq il-portijiet hija ġġustifikata mill-volum ta’ kummerċ li jgħaddi minnhom, iżda dan m’għandux ifisser li l-passi biex jiġu indirizzati rotot u punti ta’ aċċess oħra għat-traffikar illeċitu – bħall-ajruporti, it-toroq u l-ferroviji – jiġu injorati |
4.4. |
L-użu tat-terminu “sħubija pubblika-privata” (PPP) huwa sfortunat ħafna meta jiġi applikat għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet privati bħall-operaturi tal-portijiet sabiex jissaħħu kontra l-infiltrazzjoni min-networks kriminali. Il-PPPs jirrappreżentaw sottodelega ta’ kompiti pubbliċi lil partijiet privati li jwettqu servizz pubbliku bil-ħsieb ta’ profitt. Bl-ebda mod ma għandhom jintużaw PPPs f’dawn il-każijiet. Dawn huma kompiti għall-awtoritajiet pubbliċi. Dak li għandha f’moħħha l-Kummissjoni għandu jissejjaħ approċċ b’diversi atturi minflok. Il-kooperazzjoni volontarja, bħal dik ma’ kumpaniji privati tat-tbaħħir, għandha tkun fl-interess ta’ dawn tal-aħħar stess, peress li jistgħu, f’każ ta’ dubju, jinżammu responsabbli għal reati mwettqa mill-impjegati tagħhom. Il-kooperazzjoni preventiva, pereżempju bejn il-EUROPOL u l-fornituri tas-servizzi finanzjarji, assolutament tagħmel sens. |
4.5. |
Fil-fehma tal-KESE, it-timijiet tal-proġetti u t-timijiet ta’ esperti ppjanati għandhom jinvolvu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-persunal doganali sabiex jiġu żgurati l-aħjar saħħa u sikurezza matul attivitajiet doganali kkoordinati. It-taħriġ u r-riżorsi umani adegwati huma kruċjali. |
4.6. |
Il-KESE jirrakkomanda koordinazzjoni transfruntiera aħjar tal-infurzar tal-liġi bejn il-pulizija u l-awtoritajiet doganali, u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, kif ukoll djalogu regolari bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, sabiex jiġu evitati ostakli bla bżonn għat-tnedija tal-investigazzjonijiet. Oqsma amministrattivi oħra, b’mod partikolari l-gvern lokali, ukoll jeħtieġ li jiġu integrati fl-istrateġija ġenerali. Il-Kummissjoni b’sodisfazzjon ħabbret linji gwida prattiċi għall-2024. |
4.7. |
Id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża dik tal-awtoritajiet finanzjarji u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE, mhijiex uniformi, minkejja l-leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata għal dak l-għan. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu biżżejjed fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom u jħaffu d-diġitalizzazzjoni tagħhom, peress li huwa biss bl-akbar interoperabbiltà u disponibbiltà tad-data possibbli f’ħin reali li l-kooperazzjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tista’ tissaħħaħ b’mod li x’aktarx jirnexxi. |
4.8. |
Il-KESE jilqa’ t-tbegħid mill-enfasi fuq trasgressuri individwali sabiex mhux biss jinqabad “ħut żgħir” iżda jiżżarmaw networks sħaħ. Għal dan l-għan, il-miżuri li jimmonitorjaw il-flussi tal-flus huma importanti ħafna, bħalma hi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) futura. Il-ħolqien tal-AMLA ma għandux iwassal għal duplikazzjoni tal-istrutturi; għandha tkun komplement utli għall-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
4.9. |
Il-KESE jissekonda t-talba tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. |
4.10. |
L-iżvilupp ta’ għodda tal-IT għall-monitoraġġ tad-dark net ikun utli ħafna, peress li dan għadu mhux disponibbli f’xi Stati Membri. Fil-prinċipju, tali għodod għandhom ikunu disponibbli direttament għal investigazzjonijiet speċifiċi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
4.11. |
Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet legali. Sanzjonijiet kriminali aktar ħorox għandhom ikunu mmirati lejn l-awturi tar-reati f’networks kriminali. Il-KESE jqis li l-utenti tad-drogi illeċiti u l-persuni b’dipendenza mid-droga b’mod ġenerali, kemm drogi legali kif ukoll illegali, huma vittmi tal-użu tagħhom ta’ sustanzi perikolużi. Il-KESE jappella għal ħafna aktar appoġġ għal dawn il-vittmi u l-familji tagħhom. |
4.12. |
Jeħtieġ li jkun hemm aktar ħidma preventiva u offerti ta’ appoġġ; dan huwa prinċipalment ipprovdut mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala parti mill-attivitajiet mingħajr skop ta’ qligħ tagħhom, kif ukoll minn korpi governattivi. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-approċċ multidixxiplinari u b’diversi aġenziji għall-prevenzjoni tal-kriminalità u r-referenza ċara tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
4.13. |
Il-komunikazzjoni tibqa’ siekta dwar il-prospett ta’ approċċ uniformi tal-UE għal-legalizzazzjoni jew in-nonlegalizzazzjoni ta’ ċerti drogi. Pajjiżi individwali tal-UE diġà għandhom esperjenza estensiva tal-konsegwenzi għall-użu tad-droga u l-iżvilupp tal-kriminalità organizzata. |
4.14. |
Peress li t-traffikar tad-droga huwa fenomenu internazzjonali u, kif innutat hawn fuq, saħansitra għandu dimensjoni ġeopolitika, il-miżuri ta’ kooperazzjoni internazzjonali proposti mill-Kummissjoni jagħmlu sens. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-UE għandhiex influwenza suffiċjenti fix-xena dinjija biex b’hekk tinfluwenza pajjiżi terzi. Is-saħħa tas-suq uniku waħedha mhux se tkun biżżejjed għal dan. Koordinazzjoni aħjar tal-politika estera u ta’ sigurtà Ewropea tidher essenzjali wkoll f’dan il-kuntest, u huwa meħtieġ ukoll approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, kif deskritt hawn fuq. |
4.15. |
L-approċċ li jinvolvi regoli aktar flessibbli dwar l-iskedar tal-prekursuri tad-droga għandu jintlaqa’ tajjeb. Madankollu, dan jista’ jinvolvi żieda fil-piż tal-infurzar, peress li se jkun meħtieġ li tiġi ttestjata u mmonitorjata firxa usa’ ta’ sustanzi. F’ħafna Stati Membri l-laboratorji doganali eżistenti mhumiex biżżejjed. Għaldaqstant, hija meħtieġa espansjoni tan-network tal-laboratorji doganali. |
Brussell, il-25 ta’ April 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4066/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)