This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AE2427
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The Recovery and Resilience Facility and cohesion policy: towards cohesion policy 2.0’ (Exploratory opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-politika ta’ koeżjoni: lejn politika ta’ koeżjoni 2.0” (opinjoni esploratorja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-politika ta’ koeżjoni: lejn politika ta’ koeżjoni 2.0” (opinjoni esploratorja)
EESC 2023/02427
ĠU C, C/2023/859, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/859/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2023/859 |
8.12.2023 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-politika ta’ koeżjoni: lejn politika ta’ koeżjoni 2.0”
(opinjoni esploratorja)
(C/2023/859)
Relatur: |
María del Carmen BARRERA CHAMORRO |
Korelatur: |
David SVENTEK |
Konsultazzjoni |
Kunsill – Presidenza Spanjola, 18.4.2023 Ittra mingħand Mercedes CABALLERO FERNÁNDEZ, Segretarju Ġenerali, Ministeru tal-Finanzi u s-Servizz Pubbliku |
Bażi legali |
Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
8.9.2023 |
Adozzjoni fil-plenarja |
20.9.2023 |
Sessjoni plenarja Nru |
581 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
163/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li l-prinċipju fundamentali li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” fil-politika ta’ koeżjoni għadu sod u validu, u li l-imsieħba tas-soċjetà ċivili huma lesti li jkomplu jaħdmu favur dan il-prinċipju permezz ta’ politika soda ta’ investiment tal-UE. Il-prinċipju tal-politika jrid jibqa’ għaddej, minkejja l-imperfezzjonijiet tiegħu. |
1.2. |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-inugwaljanza tal-opportunitajiet tista’ tkun ta’ detriment għat-tkabbir u l-kompetittività fit-tul fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Għalhekk, il-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li tkun aktar diversifikata u flessibbli sabiex tkun tista’ tagħti aktar attenzjoni lin-nies, speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli, u biex tindirizza aħjar l-inugwaljanza tal-opportunitajiet li ħafna jħabbtu wiċċhom magħha. |
1.3. |
Il-KESE jemmen li l-firxa ta’ strumenti u approċċi għandha titwessa’, tiġi modernizzata jew riveduta biex tinbena politika ta’ koeżjoni b’saħħitha, effettiva, flessibbli u mġedda, li tiffoka aktar fuq il-kapaċità, ir-rabtiet interreġjonali, l-effettività tar-riżultati u l-opportunitajiet għall-benefiċjarji lil hinn minn sempliċi investiment. Dan jirrikjedi:
|
1.4. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jintlaħqu l-objettivi tal-koeżjoni li tiġi promossa l-interazzjoni bejn il-politiki orizzontali tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni, sabiex tiżdied l-effettività tal-isforzi favur il-kisba tal-konverġenza reġjonali permezz ta’ miżuri orjentati lejn il-post lokali, flimkien mal-objettivi fundamentali tal-UE. Huwa essenzjali wkoll li tiġi żgurata l-interazzjoni bejn il-politiki nazzjonali u l-politika ta’ koeżjoni. |
1.5. |
Il-KESE jemmen li d-diversifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni għandhom jiġu divrenzjati aktar f’termini ta’ appoġġ finanzjarju, modalitajiet ta’ appoġġ, ġestjoni tal-baġit, objettivi u investiment. Sabiex tinkiseb din l-ispeċjalizzazzjoni akbar tal-politika ta’ koeżjoni, l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha fl-Istati Membri, permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni xierqa, huwa essenzjali, peress li huwa għodda b’saħħitha għat-tfassil u l-adattament tal-politiki u l-fondi għar-realtajiet lokali u reġjonali. |
1.6. |
Il-KESE jqis li huwa partikolarment importanti li l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE jiġu mistiedna jinvolvu lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ u ġenwin fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni u fil-monitoraġġ tal-effetti tagħha. Tali parteċipazzjoni tista’ tgħin biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq id-demokrazija billi tiżdied is-sjieda tal-politiki tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ t-talba tal-Gvern Spanjol għal Opinjoni esploratorja li tindirizza l-ħolqien ta’ strument aktar effettiv li kapaċi jtejjeb il-politika ta’ koeżjoni bil-għan li tinkiseb il-konverġenza tar-reġjuni Ewropej. |
1.7. |
Il-KESE huwa konvint li l-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ l-politika ta’ investiment ewlenija tal-UE biex tiġi appoġġjata l-politika reġjonali Ewropea dwar l-adattament għall-objettivi klimatiċi, bl-għan li tinkiseb soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u tinkiseb tranżizzjoni b’impatt pożittiv f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi stabbli u ta’ kwalità tajba. Il-kapaċità fiskali tal-UE żdiedet sostanzjalment (madwar 0,7 % tal-PDG tal-UE) permezz tan-NextGenerationEU. Dan jippermetti li jkomplu jiġu żviluppati xi azzjonijiet innovattivi, bħall-inizjattiva dwar l-investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni, it-tranżizzjoi ġusta jew approċċ tal-investiment territorjali integrat aktar żviluppat li jirrispetta l-prinċipju bbażat fuq il-post, fost oħrajn. Huwa rrakkomandat bil-qawwa li f’dawn l-oqsma jiġi garantit l-impenn tal-politika futura ta’ koeżjoni. |
1.8. |
Il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għandha ssaħħaħ l-investimenti diġitali fil-programmi eżistenti li għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakk diġitali, peress li t-tranżizzjoni diġitali toħloq riskji għad-distakki soċjali u territorjali, b’effetti fuq is-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-awtomatizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, aċċess inugwali għas-servizzi diġitali u ħiliet diġitali mhux ugwali tal-ħaddiema u tan-negozji. |
1.9. |
Il-KESE jemmen li l-politika ta’ koeżjoni għandha tiżgura distribuzzjoni effettiva u ġusta tal-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, peress li t-teknoloġiji ġodda u emerġenti jeħtieġu aktar ħiliet għall-ħaddiema u l-popolazzjoni li qed tixjieħ, u dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. L-iżgurar tal-aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid huwa essenzjali biex jiġi żgurat li r-reġjuni jkomplu jiżviluppaw. |
1.10. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi razzjonalizzata l-politika ta’ koeżjoni għall-benefiċjarji permezz tas-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-fondi, li għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Hemm bżonn li jiġu żgurati regoli ċari u sempliċi għall-fondi nazzjonali u tal-UE implimentati taħt ġestjoni kondiviża f’regolament wieħed u, fl-istess ħin, li tittejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-atturi reġjonali, lokali u tas-soċjetà ċivili. |
2. Kuntest ġenerali
2.1. |
Il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali għandha l-oriġini tagħha fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) u hija wieħed mill-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni. Dawn l-objettivi ġew imxekkla mill-kriżi tal-pandemija, li l-effetti tagħha għadhom ma ġewx megħluba, u li wasslet għall-akbar reċessjoni mill-1945 ’l hawn, u attwalment mill-kriżi tal-inflazzjoni, u b’hekk tnaqqas il-pass tal-konverġenza, peress li kellhom impatt negattiv akbar fuq ir-reġjuni inqas żviluppati. Dawn l-effetti negattivi f’termini ta’ koeżjoni huma aggravati mill-kriżi kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna u l-isfida tal-emerġenza klimatika. |
2.2. |
Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050 (1). Ir-rapport jikkonkludi li l-investimenti għandhom ikunu orjentati lejn l-opportunitajiet għat-tkabbir offruti mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali biex jiġu evitati disparitajiet ġodda. |
2.3. |
Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni. Huwa nnota wkoll li s-soċjetà ċivili ma kinitx rappreżentata biżżejjed fil-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli u appella lill-Kummissjoni biex tkun aktar involuta. |
2.4. |
Il-KESE jenfasizza li l-prinċipju fundamentali li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” tal-politika ta’ koeżjoni għadu b’saħħtu u validu, u li l-imsieħba tas-soċjetà ċivili huma lesti li jkomplu jaħdmu favur dan il-prinċipju. |
2.5. |
Huwa minnu li l-politika ta’ koeżjoni xi drabi titqies bħala politika ta’ ridistribuzzjoni u r-riżultati tagħha mhux dejjem jinftiehmu. Dan huwa wkoll minħabba l-persistenza tad-disparitajiet, id-diffikultajiet fl-għajnuna lil ċerti reġjuni fin-nases tal-iżvilupp u n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ xi reġjuni biex ilaħħqu ma’ reġjuni aktar żviluppati anke bl-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni. |
2.6. |
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koeżjoni, jeħtieġ li titrawwem l-interazzjoni bejn il-politiki orizzontali tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni sabiex tiżdied l-effettività tal-isforzi biex tinkiseb konverġenza reġjonali permezz ta’ miżuri mmirati mill-aspett territorjali, flimkien mal-objettivi fundamentali tal-UE. Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li jkun hemm interazzjoni bejn il-politiki nazzjonali u l-politika ta’ koeżjoni. Il-mod li bih il-prijoritajiet tal-UE jinqasmu fil-livell reġjonali u lokali huwa kruċjali biex jinkiseb suċċess territorjali permezz tal-istrateġiji għall-iżvilupp. |
2.7. |
L-użu reċenti tal-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni għal miżuri ta’ kriżi, inkluża flessibbiltà akbar, iqajjem mistoqsijiet dwar il-bilanċ it-tajjeb bejn l-objettivi tal-politika fuq terminu qasir u twil. Il-politiki nazzjonali ma jistgħux iħallu r-rwol tal-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali u l-konverġenza nazzjonali għall-politika ta’ koeżjoni waħedha. |
2.8. |
Jeħtieġ li jinstabu modi biex il-politika ta’ koeżjoni titfassal mill-ġdid fil-kuntest tal-mudell Ewropew tat-tkabbir, kif ukoll tal-isfidi attwali u emerġenti, peress li l-perċezzjoni li l-politika ta’ koeżjoni saret aktar kumplessa xxekkel l-effettività tagħha. L-isfidi ewlenin jinkludu t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, il-kriżi tal-inflazzjoni, il-bidliet demografiċi, ir-reżiljenza soċjali, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, kif ukoll il-konsolidazzjoni ta’ ekonomija Ewropea kompetittiva, fid-dawl tal-fatt li hemm bżonn ta’ awtonomija strateġika minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Minkejja l-kontribut pożittiv u viżibbli tal-politika ta’ koeżjoni bil-mod kif taħdem bħalissa, il-proċess ta’ konverġenza reġjonali għadu pjuttost gradwali. Il-KESE jqis politika ta’ koeżjoni futura li tikkombina b’mod ibbilanċjat il-ħtiġijiet tat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u l-aċċellerazzjoni tal-inċentivi għat-tkabbir u l-iżvilupp, li huma wkoll importanti għall-UE kollha kemm hi minn perspettiva komprensiva u komparattiva. Huwa għalhekk meħtieġ li jissaħħu aktar il-kriterji tal-prestazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ approċċ aktar preċiż għall-prijoritajiet tal-iżvilupp reġjonali, il-konformità mal-kriterji stabbiliti u użu akbar ta’ tipi ta’ appoġġ ibbażati fuq il-prestazzjoni (strumenti finanzjarji). Il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu l-kisbiet importanti u l-miri adottati bħalissa bħala parti mill-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
3.2. |
Il-koeżjoni soċjali qed tiffaċċja sfidi dejjem aktar urġenti, speċjalment fil-kuntest tax-xejriet demografiċi, it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u l-ħtieġa konsegwenti għal ħiliet ġodda jew imtejba. Parti kbira tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, ħafna drabi f’reġjuni ifqar, iżda wkoll f’agglomerazzjonijiet urbani għonja u l-madwar tagħhom. Barra minn hekk, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal għadhom għoljin fl-UE. |
3.3. |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-inugwaljanza tal-opportunitajiet tista’ tkun ta’ detriment għat-tkabbir u l-kompetittività fit-tul fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Għalhekk, u f’konformità mal-ambizzjoni tal-Unjoni li tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lin-nies u l-inugwaljanza tal-opportunitajiet li ħafna jħabbtu wiċċhom magħha. |
3.4. |
Huwa għalhekk li neħtieġu approċċ ta’ politika ta’ koeżjoni aktar profond u aktar iffukat fuq is-soċjetà li jindirizza d-disparitajiet u l-isfidi territorjali, ekonomiċi u soċjali f’aktar dettall. Dawn jinkludu mhux biss id-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, iżda wkoll bejn ir-reġjuni, il-bliet, iż-żoni speċifiċi tagħhom u ż-żoni rurali. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiffoka aktar fuq ċerti tipi ta’ territorji taħt il-livell NUTS2 u tkopri bħala kwistjoni ta’ prijorità l-Istati Membri u r-reġjuni kollha, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri jew ir-reġjuni fejn id-disparitajiet huma l-akbar. Il-KESE jemmen ukoll li l-politika ta’ koeżjoni għandha tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ ċerti tipi ta’ persuni u gruppi soċjali. |
3.4.1. |
Din iż-żieda fid-diversifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni għandha tkompli tiġi divrenzjata f’termini ta’ appoġġ finanzjarju, modalitajiet ta’ appoġġ, ġestjoni tal-baġit, objettivi u investiment. Fl-istess ħin, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom isegwu b’mod sistematiku l-istess approċċ u, fid-dawl ta’ din iż-żieda fl-ispeċjalizzazzjoni, jiġu divrenzjati aktar. |
3.5. |
Il-KESE jqis li huwa partikolarment importanti li l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE jiġu mistiedna jinvolvu lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ u effettiv fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni u fil-monitoraġġ tal-effetti tagħha. Din l-inklużjoni se tgħin ukoll biex jiġi determinat sa liema punt intlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni, li ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq indikaturi kwantitattivi, iżda wkoll fuq indikaturi kwalitattivi (il-kejl tal-iżvilupp, mhux biss tat-tkabbir). |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
It-tmien Rapport ta’ Koeżjoni jenfasizza li t-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi, il-pressjoni fuq id-demokrazija, il-bidliet fl-ekonomija globali u x-xejriet demografiċi huma sfidi interdipendenti ewlenin li jaffettwaw il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-UE. Il-politika ta’ koeżjoni trid tiżgura li t-tranżizzjoni doppja tkun ġusta għan-nies u ekwa għar-reġjuni kollha. |
4.2. |
Il-KESE jaqbel mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika”, li tiddikjara li l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità tajba, iż-żamma ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u l-aċċess inklużiv għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja fil-ħiliet ekoloġiċi se jkunu kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġusta u ta’ suċċess ekonomiku għat-territorji kollha. |
4.3. |
Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiffoka fuq aktar appoġġ għall-investimenti fl-enerġija sostenibbli, l-ambjent, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, kif ukoll il-mobbiltà urbana sostenibbli, bl-għan li tinkiseb soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet ġew iffinanzjati fmill-Fondi għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa importanti li jitkompla l-investiment f’dawn il-politiki bl-użu tal-programmi u l-istrateġiji kollha possibbli, bħall-istrateġiji makroreġjonali u interreġjonali. |
4.4. |
Il-KESE jemmen li fil-futur se jkun hemm ħtieġa qawwija li jiżdiedu s-sinerġiji fi ħdan il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta kollu. Għalhekk, il-KESE huwa konvint li l-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ l-politika ta’ investiment ewlenija tal-UE biex tappoġġja l-politika reġjonali Ewropea dwar l-adattament għall-objettivi tal-klima. Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” għandu jiżgura li l-investimenti jirrispettaw bis-sħiħ l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. |
4.5. |
Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta hija skarsa ħafna fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kif jindika l-KESE fl-Opinjoni tiegħu SOC/718 dwar it-tema “Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol: konsegwenzi għall-impjieg f’reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjonijiet tal-enerġija” (2), li tiddikjara wkoll li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu din il-parteċipazzjoni u li l-pjani għandhom jagħmlu r-riżultati u l-finanzjament tagħhom soġġetti għall-ħolqien ta’ impjiegi stabbli u ta’ kwalità tajba f’żoni lokali speċifiċi. Il-KESE japprova l-prinċipju tas-sħubija fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u li tiġi żgurata promozzjoni akbar tat-teħid ta’ responsabbiltà u tas-sjieda demokratika fil-futur, li huwa essenzjali għat-titjib tal-investiment ta’ kwalità tajba. |
4.6. |
Il-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li ssaħħaħ l-investimenti diġitali fil-programmi attwali li għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakk diġitali, peress li t-tranżizzjoni diġitali tinvolvi riskji għal lakuni soċjali u territorjali, b’effetti fuq is-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-awtomatizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, aċċess inugwali għas-servizzi diġitali u ħiliet diġitali mhux ugwali tal-ħaddiema. In-negozji, is-settur pubbliku u n-nies jeħtieġ li jkunu mgħammra b’ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji. |
4.7. |
B’mod aktar speċifiku, għandu jittejjeb l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni fin-negozji u fis-settur pubbliku, jittejjeb l-aċċess għall-amministrazzjoni elettronika u s-saħħa elettronika, jiżdiedu l-ħiliet diġitali tan-nies u jitrawwem l-iżvilupp tal-broadband f’reġjuni remoti u rurali, sabiex l-ebda reġjun tal-UE ma jitħalla jibqa’ lura. |
4.8. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tiżgura distribuzzjoni effettiva u ekwa tal-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, peress li t-teknoloġiji emerġenti ġodda jirrikjedu aktar kwalifiki għall-ħaddiema u għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, u li dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. L-aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi u kompiti ġodda se jkun kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp kontinwu tar-reġjuni f’konformità mal-bidla teknoloġika u li jittieħed vantaġġ mill-benefiċċji li ġġib magħha. |
4.9. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu promossi u msaħħa l-ekosistemi tal-innovazzjoni, in-negozji ġodda u l-ambjent tan-negozju; jiġu żviluppati l-ħiliet tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jiġu żgurati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-innovazzjonijiet lil hinn mill-fruntieri. Ir-riżultati tal-innovazzjoni reġjonali jvarjaw ħafna u huma ferm aktar baxxi f’reġjuni inqas żviluppati milli f’reġjuni aktar żviluppati, u dan ixekkel il-potenzjal ta’ konverġenza tagħhom. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza li hemm reġjuni b’introjtu medju li bħalissa jinsabu f’nases tal-iżvilupp u li ma jistgħux jiżviluppaw għarfien u kapaċitajiet biex jikkompetu fl-ekonomija globali. |
4.10. |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kategoriji ta’ persuni b’rati ta’ impjieg aktar baxxi (nisa, żgħażagħ, immigranti, persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni), li għalihom huma meħtieġa programmi speċifiċi ta’ taħriġ, taħriġ mill-ġdid u appoġġ fit-territorju. Għandhom isiru wkoll sforzi ta’ innovazzjoni għal dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema, billi jitqiesu t-teknoloġiji l-ġodda u l-karatteristiċi tagħhom. |
4.11. |
Fl-aspetti umani u soċjali tal-politika ta’ koeżjoni, il-KESE jagħti prijorità lill-appoġġ għal persuni b’talent. Hemm bżonn li jitrawwem it-talent fir-reġjuni, speċjalment peress li l-UE għaddejja minn tranżizzjoni demografika kbira. Dan huwa aktar u aktar meħtieġ f’reġjuni li qed ibatu minn forza tax-xogħol li qed tonqos u sehem baxx ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja, kif ukoll f’reġjuni affettwati minn rati għoljin ta’ tluq taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-politika ta’ koeżjoni għandha tappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura soċjali. |
4.12. |
It-tixjiħ u t-tnaqqis tal-popolazzjoni se jaffettwaw il-biċċa l-kbira tar-reġjuni, speċjalment dawk rurali u dawk inqas żviluppati. Sal-2050, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se tonqos b’madwar ħamsa u tletin miljun persuna. Ir-reġjuni affettwati mit-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tagħhom se jkollhom iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati u jagħtu spinta lill-produttività permezz ta’ investimenti u riformi fis-suq tax-xogħol u fis-sistema edukattiva. |
4.13. |
Il-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema għandhom ikunu konsistenti mal-ħtiġijiet tal-ekonomiji li qed jinbidlu biex tittejjeb il-kapaċità tal-innovazzjoni. Ir-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn investimenti fil-livelli kollha u aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità tajba, inklużi t-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. Il-KESE jemmen ukoll li l-investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ se jkun kruċjali għat-tkabbir fit-tul. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun kruċjali għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ bini ta’ kapaċitajiet fil-livell reġjonali u sottoreġjonali. |
4.14. |
F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiżdied il-potenzjal tas-swieq tax-xogħol transfruntiera, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma humiex żviluppati biżżejjed minħabba ostakli legali u amministrattivi. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera fil-livelli kollha ta’ governanza. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tiżgura li r-reġjuni kollha jkunu mgħammra biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati. |
4.15. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali, speċjalment għall-iżvilupp ta’ infrastruttura ferrovjarja li ma tagħmilx ħsara lill-klima fiż-żoni tal-fruntiera u biex il-fruntieri bejn l-Istati Membri jinżammu miftuħa b’mod konsistenti. L-importanza tas-suq uniku għandha tiġi żgurata b’kull mezz, peress li huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew. |
5. Appoġġ għal politika ta’ koeżjoni li tindirizza ħtiġijiet aktar speċifiċi
5.1. |
Il-KESE jemmen li, għalkemm il-politika ta’ koeżjoni toffri possibbiltajiet biex l-investimenti jiġu mmirati permezz ta’ ġestjoni kondiviża, il-prinċipju tas-sħubija, l-ipprogrammar u diversi strumenti territorjali, hemm bżonn li jiġi speċjalizzat aktar l-appoġġ għaż-żoni territorjali u l-ħtiġijiet u l-gruppi speċifiċi. L-approċċi bbażati fuq il-post f’termini ta’ finanzjament jeħtieġ li jissaħħu biex jipprovdu appoġġ aktar adattat li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-iżvilupp tan-nies u taż-żoni lokali, kif ukoll l-effetti tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, it-tibdil demografiku u tfixkil ieħor. |
5.2. |
Il-KESE jemmen ukoll li l-firxa ta’ strumenti u approċċi jeħtieġ li titwessa’, tiġi mmodernizzata jew riveduta, b’enfasi akbar fuq il-kapaċità, ir-rabtiet interreġjonali u l-opportunitajiet għaċ-ċittadini lil hinn minn sempliċi investiment. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li:
|
5.3. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tindirizza d-distakk urban-rurali fil-kuntest attwali billi ssaħħaħ ir-rabtiet bejniethom u r-rwol tal-bliet u l-irħula. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi rivedut ir-rwol tal-bliet il-kbar u r-reġjuni metropolitani tagħhom, kif ukoll il-bliet ta’ daqs medju, bħala muturi reġjonali u nazzjonali tal-iżvilupp ekonomiku. Għal dan l-għan, l-investimenti fil-kapital uman reġjonali u lokali għandhom jiżdiedu. |
5.4. |
Għall-KESE, il-konverġenza se tinkiseb biss billi tiżdied ir-reżiljenza mhux biss tar-reġjuni inqas żviluppati u periferiċi, iżda wkoll tar-reġjuni kollha koperti mill-Artikolu 174 tat-TFUE, permezz ta’ diversifikazzjoni valida għall-futur tan-nisġa ekonomika tagħhom. Dan ifisser aktar tisħiħ tal-integrazzjoni tat-tħassib tar-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni funzjonali transfruntiera fl-azzjonijiet kollha tal-politika ta’ koeżjoni. |
5.5. |
Il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi adottata politika ta’ koeżjoni 2.0 li tinkludi elementi ewlenin bħall-ġestjoni kondiviża, l-enfasi reġjonali, il-prefinanzjament u r-rati ta’ kofinanzjament. L-investiment waħdu mhuwiex biżżejjed. Kull reġjun jeħtieġ strutturi sodi ta’ governanza u taħlita adegwata ta’ politiki li jisfruttaw is-sinerġiji mal-partijiet interessati kollha. Hemm bżonn ta’ enfasi minn isfel għal fuq. Għalhekk, l-investiment ħafna drabi jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn riformi adattati u politiki favur iċ-ċittadini. |
5.6. |
Il-KESE jqis essenzjali li l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-atturi kollha fil-livell lokali jiġu involuti aktar mill-qrib sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-prinċipju tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli fil-politika ta’ koeżjoni. Dan jista’ jgħin biex tiġi indirizzata l-pressjoni fuq id-demokrazija billi tiżdied is-sjieda tal-politiki tal-UE. |
5.7. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tiġi razzjonalizzata għall-benefiċjarji permezz tas-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-fondi, li għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Hemm bżonn li jiġu żgurati regoli ċari u sempliċi għall-fondi nazzjonali u tal-UE implimentati taħt ġestjoni kondiviża u deċentralizzata f’regolament wieħed. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali u tal-imsieħba tas-soċjetà ċivili jeħtieġ li tissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-Fondi ta’ Koeżjoni jintefqu b’mod effettiv u b’valur miżjud. |
5.8. |
Il-KESE jemmen li l-aħjar prattiki, il-miżuri ta’ politika effettivi u l-finanzjament speċifiku attwalment implimentati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom ikomplu jiffunzjonaw wkoll taħt il-politika ta’ koeżjoni l-ġdida. Il-finanzjament ta’ kumpaniji kbar għandu jitqies ukoll bħala fattur importanti għall-konverġenza. |
Brussell, l-20 ta’ Settembru 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2022) 34 final.
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol: konsegwenzi għall-impjieg f’reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjonijiet tal-enerġija” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 146, 27.4.2023, p. 4).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/859/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)