This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AE1158
Opinion of the European Economic and Social Committee on the proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on common rules promoting the repair of goods and amending Regulation (EU) 2017/2394 and Directives (EU) 2019/771 and (EU) 2020/1828 (COM(2023) 155 final — 2023/0083 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (COM(2023) 155 final — 2023/0083 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (COM(2023) 155 final — 2023/0083 (COD))
EESC 2023/01158
ĠU C 293, 18.8.2023, pp. 77–81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
18.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/77 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828
(COM(2023) 155 final — 2023/0083 (COD))
(2023/C 293/11)
|
Relatur: |
Thierry LIBAERT |
|
Korelatur: |
Émilie PROUZET |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 17.4.2023 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.4.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
2.6.2023 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
66/0/0 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
14.6.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
579 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
178/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jifraħ lill-Kummissjoni għall-pakkett ta’ proposti bil-għan li jiffaċilitaw it-tiswija tal-oġġetti u sabiex din il-possibbiltà ssir effettiva u f’waqtha billi tittieħed azzjoni mill-fażi tad-disinn sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. |
|
1.2. |
Il-KESE jemmen li wħud mill-miżuri żviluppati hawn taħt jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ l-effettività ta’ dan id-dritt għat-tiswija. |
|
1.3. |
It-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur jista’ bla dubju jikkontribwixxi għad-dritt għat-tiswija. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ pjattaforma nazzjonali li tiġbor l-informazzjoni kollha huwa pożittiv, iżda għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-aġġornar tagħha. |
|
1.4. |
It-tieni, sabiex tiġi ffaċilitata t-tiswija, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-bilanċ tal-miżuri relatati mal-garanzija legali, li ssaħħaħ l-obbligu ta’ tiswija filwaqt li tħalli lill-konsumatur l-għażla li jirrikorri għal sostituzzjoni f’każ ta’ inkonvenjenzi kbar. Madankollu, il-Kumitat jemmen li t-tisħiħ tal-obbligu ta’ tiswija li għandu d-distributur għandu jkun akkumpanjat minn applikazzjoni ġenwina tad-dritt tad-distributur għal rimedju fil-konfront tal-manifattur (b’mod partikolari, b’rabta mal-ispare parts u l-ispejjeż). Id-distributuri jaġixxu bħala interfaċċja mal-konsumaturi u jrid ikun possibbli li jiġu appoġġjati f’dan ir-rigward. |
|
1.5. |
Sabiex tiġi ffaċilitata t-tiswija barra mill-garanzija legali, huwa essenzjali li jiġi appoġġjat l-użu ta’ fornituri tas-servizzi tat-tiswija, kemm fil-kuntest tat-taħriġ professjonali tagħhom kif ukoll billi jiġi żgurat li s-sewwejja jkollhom aċċess għal informazzjoni essenzjali dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, kif ukoll għall-ispare parts meħtieġa bi prezz raġonevoli. |
|
1.6. |
Il-promozzjoni tat-tiswija tal-oġġetti sa mill-fażi tad-disinn hija s-suġġett ta’ abbozz ta’ regolament separat. Dan għandu jiġi appoġġjat ukoll wara l-istadju tad-disinn, wara l-bejgħ. Għal dan l-għan, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni kontinwa tal-qafas tal-proprjetà intellettwali (1), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jkunx jaqbel li tippromovi l-kondiviżjoni tad-data għall-ispare parts u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti. Mezz ieħor huwa l-aċċess għal spare parts magħmula permezz tal-istampar 3D jew partijiet użati sikuri, kif ukoll l-appoġġ għal prodotti riabilitati, li jridu jissaħħu. |
|
1.7. |
Għal raġunijiet ta’ koerenza, dan id-dritt għat-tiswija għandu jkun ibbażat ukoll fuq projbizzjoni ta’ prattiki intenzjonati, speċjalment is-serjalizzazzjoni, li jxekklu t-tiswija f’dawk il-każijiet fejn ikun ovvju li dawn il-prattiki jiġu applikati biss biex ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq tal-ispare parts. |
|
1.8. |
Fl-aħħar nett, hemm bżonn li jiġu indirizzati l-kwalità, is-sikurezza u l-ispiża tat-tiswija. Il-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ tiswija permezz tal-formola standardizzata fuq il-bażi ta’ informazzjoni komparattiva hija għodda tajba għall-iżvilupp tas-suq. Madankollu, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li jsir aktar u li jiġu ddeterminati, abbażi tal-esperjenzi eżistenti fil-livell nazzjonali, l-għodod finanzjarji li huma l-aktar probabbli li jħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu li jsewwu l-prodotti tagħhom. |
|
1.9. |
Il-KESE jfakkar li s-suġġett tat-tiswija jolqot lill-partijiet ikkonċernati kollha u mhux biss lin-negozji. Huwa jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti, kif ukoll dwar it-tiswija. |
2. Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni
|
2.1. |
Il-Proposta għal Direttiva tagħmel parti minn sett ta’ testi mfassla biex jippromovu r-rwol tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika. Hija konsistenti ma’ sensiela ta’ testi, fosthom il-Patt Ekoloġiku Ewropew (Diċembru 2019), il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (Marzu 2020) u l-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida (Novembru 2020). |
|
2.2. |
Sabiex tippromovi t-tiswija ta’ oġġetti mhux konformi, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tfittex li tagħti lura s-setgħa lill-konsumaturi billi tagħtihom il-mezzi biex jagħżlu l-ekonomija ċirkolari f’żewġ stadji ewlenin:
|
|
2.3. |
Il-Proposta għal Direttiva dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti tikkonċerna każijiet ta’ difett fil-prodott jew ta’ prodotti li ssirilhom il-ħsara matul u wara l-perjodu ta’ garanzija legali. Prinċipalment tistabbilixxi erba’ obbligi:
Madankollu, artikolu jemenda d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji għall-konsumatur f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità (garanzija legali). Dan jiżgura li t-tiswija tipprevali fuq is-sostituzzjoni f’każijiet fejn l-ispiża tat-tiswija tkun daqs dik tas-sostituzzjoni tal-oġġett jew inqas. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva, jiġifieri l-promozzjoni ta’ dritt Ewropew ġenwin għat-tiswija. Huwa jqis li dan it-test jikkomplementa b’mod utli t-testi preċedenti dwar l-ekodisinn għall-prodotti, it-tisħiħ tas-setgħa tal-konsumaturi Ewropej u t-titjib tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi dwar l-asserzjonijiet ambjentali. |
|
3.2. |
Madankollu, l-iżvilupp tat-tiswija għandu jkun prijorità Ewropea, kif fehmet sew il-Kummissjoni. It-tiswija hija fil-qalba tal-mudell ekonomiku li għandu jiġi promoss mill-UE, flimkien mal-operaturi ekonomiċi (manifatturi, distributuri…), il-konsumaturi u, b’mod aktar ġenerali, iċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, il-KESE jixtieq jaqsam viżjoni tad-“dritt għat-tiswija”: dan ma jistax ikun limitat għal dritt “formali” jew “teoretiku”. Il-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-salvagwardja tal-provvista u tad-domanda għal tiswija ta’ kwalità tajba billi tiżgura aċċess effettiv għat-tiswija u tinkoraġġixxi l-għażla tal-konsumatur f’dan ir-rigward. |
|
3.3. |
Mil-lat ambjentali, l-estensjoni tat-tul tal-ħajja ta’ prodott hija miżura ewlenija biex jitnaqqas l-impatt tal-konsum. Naturalment, din l-estensjoni trid tinftiehem fil-kuntest tal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, peress li mhux il-prodotti kollha għandhom jiġu estiżi għal dejjem. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-miżura li torbot l-obbligu ta’ tiswija mat-tul tal-ħajja tal-prodotti kif definit fl-atti delegati skont il-kategoriji ta’ prodotti adottati skont ir-regolament futur dwar l-ekodisinn għall-prodotti. |
|
3.4. |
Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-ewwel lista ta’ prodotti kkonċernati li tinsab fl-Appendiċi 2. Jappoġġja wkoll l-idea li din il-lista tiġi ssupplimentata bil-kategoriji ta’ prodotti definiti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3.3. Id-disinn u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti għalhekk huma awtomatikament marbuta mal-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur u mal-obbligu li jissewwew. |
|
3.5. |
F’termini soċjali u ekonomiċi, it-tiswija toħloq valur u impjiegi ta’ kwalità tajba fl-Ewropa. Skont studju ta’ Gaïa (3), it-tiswija toħloq 404 impjiegi għal kull 10 000 tunnellata pproċessata, jiġifieri ħamsin darba aktar mir-rimi tal-iskart. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet tekniċi meħtieġa biex dan id-dritt ikun effettiv huma insuffiċjenti. Għalhekk, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet professjonali, l-għodod kollha meħtieġa biex jiġi żviluppat taħriġ inizjali u kontinwu f’impjiegi ta’ tiswija. |
|
3.6. |
Barra minn hekk, it-tiswija għandha potenzjal kbir li żżid il-kapaċità tal-akkwist, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar żvantaġġjati, li ġeneralment jiġu sfurzati jerġgħu jixtru l-prodotti aktar malajr. |
|
3.7. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għal direttiva, qieset kif imiss il-ħtieġa li tittieħed azzjoni kemm dwar il-qafas ta’ garanzija kif ukoll dwar il-perjodu barra mill-garanzija. Dan huwa aktar u aktar importanti peress li l-qafas li jirregola t-tul tal-garanzija legali mhuwiex konsistenti (sentejn fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, 3 snin fil-Greċja, għal tul il-ħajja tal-prodott stmat fil-Finlandja u fin-Netherlands). Aktar trasparenza u ċarezza tal-prattiki tat-tiswija fil-livell Ewropew, u saħansitra armonizzazzjoni minn fuq għal isfel tal-oqfsa legali, huma wkoll kundizzjoni neċessarja biex jiġi applikat id-dritt għat-tiswija. |
4. Kummenti speċifiċi
Il-kummenti speċifiċi jistabbilixxu l-oqsma għat-titjib fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni bil-għan li t-tiswija ssir aktar attraenti mis-sostituzzjoni f’għajnejn il-konsumatur.
4.1. Intejbu l-informazzjoni għall-konsumatur
|
4.1.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li ttejjeb l-informazzjoni għall-konsumatur billi jiġi żgurat li jkun hemm pjattaforma f’kull Stat Membru li tidentifika s-soluzzjonijiet għat-tiswija. Huwa importanti li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ din il-pjattaforma jiġu speċifikati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun kompluta u aġġornata. |
|
4.1.2. |
L-att tat-tiswija jeħtieġ viżibbiltà tal-kundizzjonijiet assoċjati mat-tiswija, meta mqabbla mas-sostituzzjoni tal-prodott. Il-kompetizzjoni bejn is-servizzi ta’ tiswija u t-trasparenza tal-prezzijiet, il-modalitajiet u l-kwalità tat-tiswija li jirriżultaw mill-obbligu li titfassal formola ta’ tiswija se jippermettu lill-konsumaturi jiksbu offerti aħjar u b’hekk se jżidu l-għadd ta’ tiswijiet. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda li tiġi armonizzata l-informazzjoni pprovduta mis-sewwejja billi tiġi offruta formola Ewropea. Huwa jappella lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw il-konsistenza bejn din il-proposta, il-proposta dwar l-ekodisinn għall-prodotti u l-proposta dwar l-asserzjonijiet ambjentali. |
|
4.1.3. |
Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ punteġġ Ewropew armonizzat għat-tiswija għal kull kategorija ta’ prodotti, kif previst fl-abbozz ta’ regolament dwar l-ekodisinn għall-prodotti u f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat. Jappella lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jistabbilixxu tali punteġġ f’konformità mal-proġett Ewropew, billi fin-nuqqas ta’ dan ikun hemm żieda fl-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati u konfużjoni għall-konsumatur. |
|
4.1.4. |
Fl-aħħar nett, hija meħtieġa kampanja ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell Ewropew biex jiġu mifhuma l-vantaġġi tat-tiswija u tal-prinċipju “ixtri aħjar, mhux aktar”. Din il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għandu jkollha l-għan li tiċċara l-informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni li għandhom jitwettqu mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti mill-Proposta għal Direttiva dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi. |
4.2. L-iffaċilitar tax-xogħol tat-tiswija
|
4.2.1. |
Ix-xogħol tat-tiswija għandu jiġi mifhum qabelxejn matul il-perjodu tal-garanzija. F’dan ir-rigward, il-prevalenza tat-tiswija fuq is-sostituzzjoni b’oġġett ġdid, li diġà ġiet approvata mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu intitolata “Il-konsumaturi u t-tranżizzjoni ekoloġika” (4), qiegħda tiġi implimentata kif imiss. Fil-fatt, għall-istess prezz jew prezz orħos mis-sostituzzjoni, il-bejjiegħ se jkollu jsewwi l-oġġett, sakemm dan ma jkunx sproporzjonat jew impossibbli. L-għażla tal-konsumatur bejn is-sostituzzjoni u t-tiswija għalhekk hija affettwata wkoll. Madankollu, għad hemm il-possibbiltà li tintalab sostituzzjoni f’każ ta’ inkonvenjent sinifikanti, li jista’ jkun il-każ għall-prodotti meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum jew professjonali tagħhom. |
|
4.2.2. |
Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-possibbiltà li d-distributur ikollu dritt għal rimedju fil-konfront tal-manifattur għandha tiġi inkorporata f’liġi vinkolanti u għalhekk garantita sabiex din il-miżura ssir operattiva u ekonomikament vijabbli. L-obbligu fuq id-distributur li jsewwi, tkun xi tkun l-ispiża, għandu jkun akkumpanjat mill-possibbiltà li d-distributur ikollu dritt għal rimedju effettiv fil-konfront tal-manifattur fir-rigward tal-aċċess għall-ispare parts u l-qsim tal-ispejjeż. Dan l-obbligu għandu jkun sempliċi biżżejjed biex jiġi implimentat biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jwettquh. |
|
4.2.3. |
Wieħed mill-passi fundamentali ’l quddiem fit-test huwa wkoll l-obbligu tal-produttur li jsewwi l-oġġetti tiegħu wara l-perjodu ta’ garanzija legali. Għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni, huwa essenzjali li dan l-obbligu japplika wkoll għall-produtturi li jinsabu barra l-UE. Għalhekk, il-KESE jtenni l-ħtieġa li tiġi implimentata r-responsabbiltà tar-rappreżentanti awtorizzati u saħansitra tal-imħażen. |
|
4.2.4. |
Punt ieħor huwa li n-network territorjali tat-tiswija huwa kundizzjoni qawwija biex titħeġġeġ it-tiswija. Skont il-KESE, hemm bżonn ta’ aktar sewwejja fl-Ewropa, u għalhekk ta’ politika proattiva ta’ taħriġ vokazzjonali dwar it-tiswija. Din il-politika hija aktar u aktar meħtieġa peress li r-rwol ta’ sewwej evolva b’mod konsiderevoli wara ż-żieda fit-teknoloġiji diġitali u l-oġġetti konnessi. Minbarra t-taħriġ, se jkun hemm ukoll il-ħtieġa ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba mħallsa tajjeb, peress li ħafna Stati Membri diġà qed ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, speċjalment fix-xogħlijiet tal-artiġjanat. |
|
4.2.5. |
L-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiswija jfisser li s-sewwejja indipendenti jista’ jkollhom l-istess opportunitajiet bħas-sewwejja awtorizzati mill-produtturi. Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li l-Kummissjoni jenħtieġ li tappoġġja u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ mudelli ekonomiċi ġodda bħas-servizzi ta’ tiswija professjonali, il-workshops tat-tiswija, ir-“repair cafés”, eċċ. Għalhekk, jirrakkomanda li jkun hemm aktar punti ta’ aċċess għat-tiswija. |
4.3. Il-promozzjoni tat-tiswija tal-oġġetti mid-disinn u lil hinn minnu
|
4.3.1. |
Għalkemm huwa minnu li l-prattiki ta’ obsolexxenza programmata huma tabilħaqq ostakli għat-tiswija, il-KESE jqis li dawn qegħdin jiġu ttrattati b’mod aktar speċifiku minn direttivi oħra. |
|
4.3.2. |
Madankollu, ikun konsistenti li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dan it-test dwar it-tiswija billi titlob lill-Istati Membri jipprojbixxu kwalunkwe prattika ta’ irreparabbiltà intenzjonata. Ma jista’ jkun hemm l-ebda dritt għat-tiswija jekk l-oġġetti jkunu ddisinjati biex ikunu irreparabbli. |
|
4.3.3. |
Il-prattiki ta’ serjalizzazzjoni jew ta’ akkopjar jostakolaw jew jimblukkaw il-bdil ta’ parts ta’ prodott billi jidentifikaw ċerti parts b’numru tas-serje. Jekk jiġi sostitwit element serjalizzat, u n-numru ma jkunx in-numru li l-motherboard tkun irreġistrat, dan jibdel jew jimblokka t-tħaddim tal-apparat. Din il-prattika tillimita l-kapaċità ta’ tiswija b’mod li tkun tista’ ssir biss min-network tekniku approvat jew iċċertifikat mill-manifattur għad-detriment ta’ sewwejja indipendenti u ta’ dawk li jirrinnovaw il-prodott, u tagħmilha wkoll impossibbli li jintużaw il-parts li joriġinaw mill-ekonomija ċirkolari. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu u jissanzjonaw tali prattiki li b’mod ċar ifixklu t-tiswija. |
|
4.3.4. |
L-abbozz tar-Regolament dwar l-ekodisinn tal-prodotti jipprevedi l-perjodu li matulu l-ispare parts skont il-kategorija tal-prodotti jridu jkunu disponibbli. Madankollu, fid-dawl tal-isfidi marbuta man-nuqqas ta’ materja prima, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ spare parts permezz tal-istampar 3D. Dan jimplika li l-produtturi, kif xi wħud diġà għamlu f’dawn l-aħħar snin, jippubblikaw il-pjanti 3D tagħhom meta jieqfu jipproduċu dawn il-partijiet huma stess. Fil-kuntest tar-reviżjoni futura tal-qafas tal-proprjetà intellettwali, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jkunx jaqbel li tippromovi l-kondiviżjoni tad-data għal dawn il-parts u l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni permezz tal-pjattaforma. |
|
4.3.5. |
Il-KESE jixtieq li l-UE tappoġġja r-riabilitazzjoni tal-apparati, peress li din issegwi l-istess għanijiet ekonomiċi u ambjentali bħat-tiswija. |
4.4. Azzjoni fir-rigward tal-ispiża tat-tiswija
|
4.4.1. |
Peress li l-ispiża tat-tiswija hija wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tiswija, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Proposta għal Direttiva jiġu ssupplimentati bi proposti biex titnaqqas l-ispiża tat-tiswija għall-konsumatur. |
|
4.4.2. |
Barra mill-qafas tal-garanzija legali, għall-KESE, il-ġeneralizzazzjoni tal-formola ta’ informazzjoni biex jiġi identifikat il-prezz tat-tiswijiet u biex is-sewwejja jitqiegħdu f’kompetizzjoni jinkoraġġixxi t-tiswija u t-tnaqqis tal-ispiża tat-tiswija. |
|
4.4.3. |
Biex titnaqqas l-ispiża tat-tiswija, l-UE tista’ tinkoraġġixxi l-użu ta’ spare parts użati. Il-KESE jesprimi dispjaċir li s-suq għal materjali ta’ oġġetti użati jew spare parts sikuri u riċiklati bħalissa huwa pjuttost limitat u mhux kompetittiv minħabba nuqqas ta’ infrastruttura u nuqqas ta’ leġiżlazzjoni adegwata. |
|
4.4.4. |
Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tagħmel aktar billi tieħu azzjoni konkreta biex tagħmel is-sinjal tal-prezz għat-tiswija aktar favorevoli. Jeħtiġilha tirrikjedi lill-Istati Membri jieħdu miżuri f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu promossi inċentivi fiskali jew miżuri oħra ta’ kumpens favur it-tiswija. Abbażi tal-esperjenzi li diġà hemm fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li jiġu identifikati l-aktar għodod adatti biex jiġi stimulat is-suq tal-oġġetti użati u tat-tiswija. |
Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://single-market-economy.ec.europa.eu/industry/strategy/intellectual-property/industrial-design-protection_en
(2) Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).
(3) Gaïa, “Żero Waste and Economic Recovery. The job creation potential of żero waste solution” (Żero Skart u Rkupru Ekonomiku. Il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ soluzzjoni ta’ skart żero [mhux disponibbli bil-Malti]), 2021.
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar” (COM(2022) 143 final — 2022/0092 (COD)) (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 75).