Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0929(04)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2022/C 372/06

PUB/2022/948

ĠU C 372, 29.9.2022, p. 28–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/28


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2022/C 372/06)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Alsace grand cru Altenberg de Bergheim”

PDO-FR-A0915-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 20.7.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Referenza addizzjonali

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima II, il-punt 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew miżjuda l-ismijiet użati li ġejjin: “Sylvaner” u “Pinot noir”, kif ukoll il-varjetajiet tad-dwieli korrispondenti, rispettivament: “sylvaner B” u “pinot noir N”.

L-isem użat “Sylvaner” ġie miżjud biex jiġi kkoreġut nuqqas fl-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-ewwel verżjoni tispeċifika, fil-Kapitolu I, it-Taqsima X, il-punt 1(b), li l-varjetajiet tad-dwieli awtorizzati “jistgħu jiġu vinifikati u kkummerċjalizzati bl-isem rispettiv tagħhom”, iżda l-isem korrispondenti użat ma kienx ġie inkluż fil-lista ta’ ismijiet użati possibbli. Deċiżjoni nazzjonali, li ttieħdet qabel l-approvazzjoni tal-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kienet żiedet il-varjetà tad-dwieli sylvaner B ma’ dawk awtorizzati għall-produzzjoni ta’ nbejjed bid-denominazzjoni tal-oriġini “Alsace grand cru Zotzenberg”, b’kunsiderazzjoni tad-drawwiet lokali u r-reputazzjoni ta’ dawn l-inbejjed.

L-isem użat “Pinot noir” ġie miżjud fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru”. Din l-applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ nbid aħmar hija bbażata fuq l-anterjorità, il-fama u l-karatteristiċi tal-inbejjed magħmulin bl-għeneb tal-varjetà pinot noir N prodotti fl-irqajja’ tal-art demarkati għal dawn id-denominazzjonijiet “Alsace grand cru”. Il-varjetà pinot noir N hija l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għal dawn l-inbejjed ħomor.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima II, il-punt 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-varjetajiet ta’ għeneb muscat à petits grains li jikkorrispondu għall-isem użat “Muscat”, ġew miżjuda l-kelmiet “blancs” u “roses” mal-isem ta’ dawn il-varjetajiet tad-dwieli sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

2.   Tipi ta’ prodotti

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test ġie emendat biex jiġi indikat li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini koperti minn din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma għadhomx esklużivament denominazzjonijiet riżervati għall-inbejjed bojod bla gass.

Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollata “Alsace grand cru” riżervati għall-inbejjed bojod u ħomor bla gass jissemmew b’isimhom (“Alsace grand cru Hengst”, “Alsace grand cru Kirchberg de Barr”).

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Żona ġeografika

Ġie miżjud paragrafu fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV, il-punt 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex issir referenza għad-dati li fihom iż-żona ġeografika ġiet ivvalidata mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-INAO u biex jiġi indikat ir-repożitorju tad-definizzjoni tal-perimetru taż-żona, il-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021, kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-indikazzjoni tagħmilha possibbli li d-demarkazzjoni taż-żona tiġi żgurata legalment.

L-introduzzjoni tar-referenza għall-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021 tinvolvi l-aġġornament tal-lista tal-ismijiet tal-muniċipalitajiet. Għalhekk, il-muniċipalitajiet ta’ Kientzheim u Sigolsheim tneħħew, u t-territorju tagħhom issa huwa anness mal-muniċipalità ta’ Kaysersberg Vignoble.

Dawn l-emendi editorjali ma jibdlux il-perimetru taż-żona ġeografika.

Fil-punt 1 ġew miżjuda wkoll is-sentenzi li ġejjin:

“Il-mapep taż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

Il-kunsill lokali tal-muniċipalità li tinsab parzjalment fit-territorju għandu mappa li tidentifika l-limiti taż-żona ġeografika.”

Dawn l-emendi jinvolvu emenda għall-punt 6 tad-Dokument Uniku.

4.   Żona tal-irqajja’ tal-art demarkata

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV, il-punt 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

fl-ewwel paragrafu, ġiet miżjuda l-informazzjoni “6 u 7 ta’ Settembru 2006”, li tikkorrispondi għad-data ta’ approvazzjoni taż-żona tal-irqajja’ tal-art mill-kumitat nazzjonali kompetenti, sabiex jiġi kkoreġut nuqqas.

fit-tieni paragrafu, il-kitba ġiet emendata biex tirrifletti l-bidliet fl-ismijiet tal-muniċipalitajiet li saru fit-Taqsima IV, il-punt 1.

il-kolonna “Muniċipalitajiet” tat-tabella ġiet aġġornata biex tikkorrispondi mal-ismijiet tal-muniċipalitajiet elenkati fit-Taqsima IV, il-punt 1.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

5.   Żona fil-viċinanza immedjata

Ġie emendat paragrafu fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV, il-punt 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex jiġi indikat ir-repożitorju tad-definizzjoni tal-perimetru taż-żona, il-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021, kif stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-indikazzjoni tagħmilha possibbli li d-demarkazzjoni taż-żona tiġi żgurata legalment.

L-introduzzjoni tar-referenza għall-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2021 tinvolvi l-aġġornament tal-lista tal-ismijiet tal-muniċipalitajiet. Għalhekk tħassar l-isem tal-muniċipalità ta’ Kaysersberg u ġie miżjud dak tal-muniċipalità ta’ Kaysersberg Vignoble, flimkien mal-informazzjoni li din il-muniċipalità hija inkluża biss għall-parti tat-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Kaysersberg.

Dawn l-emendi editorjali ma jemendawx il-perimetru taż-żona fil-viċinanza immedjata.

Dawn l-emendi jinvolvu emenda għall-punt 9 tad-Dokument Uniku.

6.   Varjetajiet tal-għeneb

Fl-Kapitolu I, it-Taqsima V, il-punt 1(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie miżjud il-kliem “– għall-inbejjed bojod: ” u “– għall-inbejjed ħomor: il-varjetà tad-dwieli pinot noir N”, minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru”. Il-varjetà pinot noir N hija l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għal dawn l-inbejjed ħomor. Hija wkoll l-unika varjetà tad-dwieli awtorizzata għall-produzzjoni ta’ nbid aħmar fid-denominazzjoni ta’ oriġini “Alsace”.

Fit-Taqsima V, il-punt 1(a), (b) u (e), u l-punt 2(b), il-kelmiet “blancs” u “roses” ġew miżjuda mal-isem tal-varjetajiet ta’ muscats à petits grains sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Id-Dokument Uniku mhuwiex emendat b’dawn l-emendi.

7.   Densità tat-tħawwil

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI, il-punt 1(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie miżjud il-kliem: “Għall-produzzjoni ta’ nbid abjad” u “Għall-produzzjoni ta’ nbid aħmar” biex issir distinzjoni bejn id-densitajiet minimi tat-tħawwil skont il-kulur tal-inbejjed. Dawn id-densitajiet huma indikati għad-denominazzjonijiet li jistgħu jipproduċu nbejjed ħomor.

Id-Dokument Uniku mhuwiex emendat b’dawn iż-żidiet.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI, il-punt 1(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet speċifikata d-data effettiva tal-applikazzjoni tar-regola dwar il-possibbiltà li d-densità tiġi adattata permezz tal-qlugħ tas-siġar: “il-25 ta’ Ottubru 2011”, li tissostitwixxi l-formulazzjoni “fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott”.

Din l-emenda tinvolvi emenda għall-punt 5 tad-Dokument Uniku.

8.   Regola taż-żbir

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI, il-punt 1(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-inbejjed bojod, ir-regola dwar in-numru ta’ għejun għal kull metru kwadru tal-erja tal-art, li kienet tvarja skont il-varjetà tad-dwieli, tneħħiet u minflokha ddaħħlet regola waħda ta’ 18-il għajn għal kull pjanta.

Dan l-iżvilupp jippermetti l-armonizzazzjoni tal-kitba bejn l-Ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ Alsace, u li jiġu ssimplifikati l-metodi ta’ kontroll.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

Fil-bidu tas-sentenza ġie miżjud il-kliem “Għall-inbejjed bojod,” minħabba l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass li saret fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru”.

Ġiet miżjuda r-regola dwar iż-żbir għall-inbejjed ħomor, bin-numru massimu ta’ għejun għal kull pjanta stabbilit għal 14. Dan huwa aktar baxx min-numru awtorizzat għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod. Din ir-regola tippermetti l-konsistenza mar-rendiment u l-produzzjoni ta’ għeneb ta’ kwalità.

Dawn l-aħħar emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

9.   Regoli dwar il-kannizzar u l-għoli tal-faxxina

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI, il-punt 1(c) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħa l-għoli massimu tal-wajer ta’ appoġġ tal-arkata u nbidel il-metodu tal-kejl tal-għoli tal-faxxina fuq il-kannizzati.

Dawn il-bidliet jagħmluha possibbli li l-għoli tal-faxxina jiġi osservat waqt it-tkabbir, li qabel kien isir biss b’obbligu tal-mezzi.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

10.   Tagħbija massima medja fuq ir-roqgħa tal-art

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VI, il-punt 1(d) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-valur tat-tagħbija massima medja fuq ir-roqgħa tal-art tnaqqas minn 10 000 għal 8 500 kilogramma għal kull ettaru, għall-inbejjed bojod, f’konformità mat-tnaqqis fir-rendiment għal dawn l-inbejjed.

Ġie stabbilit valur għall-inbejjed ħomor, li huwa inqas minn dak stabbilit għall-inbejjed bojod, f’konformità mar-rendiment ta’ dawn l-inbejjed.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

11.   Maturazzjoni tal-għeneb u qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VII, il-punt 2(a) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-tabella ġiet emendata biex titqies l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass li saret fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru”.

Għal dawn id-denominazzjonijiet tal-inbejjed ħomor “Alsace grand cru”, ġew stabbiliti l-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb fil-mument tal-ħsad u l-qawwa alkoħolika naturali minima tiegħu skont il-volum.

Dawn l-indikazzjonijiet ma jemendawx id-Dokument Uniku.

Għall-inbejjed bojod, il-valuri minimi tal-kontenut taz-zokkor tal-għeneb żdiedu b’2 jew 3 grammi għal kull litru ta’ most sabiex tiġi rrispettata l-istess differenza ta’ 1 % vol. bil-valuri għal kull qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum, bħal fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-korp ta’ protezzjoni u ġestjoni għażel li għall-kalkolu tat-trasformazzjoni tal-grammi taz-zokkor fl-alkoħol, juża l-valur ta’ 17-il gramma zokkor għal kull 1 % vol. għall-inbejjed bojod, filwaqt li fil-verżjoni inizjali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kien uża l-valur ta’ 16,83. Dan il-valur ta’ 17 kien irrakkomandat mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-INAO meta ġiet stabbilita l-ewwel verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

12.   Rendimenti

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima VIII, il-punti 1 u 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tnaqqsu kemm ir-rendimenti kif ukoll ir-rendimenti ta’ limitu, u b’hekk sar possibbli kontroll tal-kwalità aħjar għall-inbejjed bojod u għall-inbejjed bojod bl-indikazzjoni “Vendanges tardives”, f’konformità mal-istruttura ġerarkika tad-denominazzjonijiet tar-reġjun ta’ Alsace.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat fir-rigward tar-rendimenti massimi (ir-rendimenti ta’ limitu).

Ġie miżjud il-kliem “Inbejjed bojod” għall-inbejjed mingħajr indikazzjoni, minħabba li saret applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass fil-livell nazzjonali għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru”.

Ir-rendiment u r-rendiment ta’ limitu għall-inbejjed ħomor ġew stabbiliti skont l-istruttura ġerarkika tad-denominazzjonijiet fir-reġjun ta’ Alsace, u għalhekk f’valuri aktar baxxi għal dawn id-denominazzjonijiet tal-grand cru.

Dawn l-emendi tal-aħħar ma jemendawx id-Dokument Uniku.

13.   Fermentazzjoni malolattika, kontenut ta’ zokkor fermentabbli għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 1(c) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie speċifikat li l-fermentazzjoni malolattika titlesta għall-inbejjed ħomor.

Sabiex tiġi kkontrollata din ir-regola, ġie stabbilit kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 grammi għal kull litru jew inqas fl-istadju tal-imballaġġ.

Fit-Taqsima IX, il-punt 1(d), għall-inbejjed ħomor, ġie stabbilit kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ żewġ grammi jew inqas għal kull litru wara l-fermentazzjoni.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

14.   Projbizzjoni taż-żieda tal-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 1(e) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie speċifikat li l-inbejjed ħomor ma jiġux imsaħħa. Din ir-restrizzjoni applikabbli għall-produzzjoni tal-inbejjed hija konsistenti mad-demarkazzjoni tal-irqajja’ tal-art għall-produzzjoni tal-għeneb, id-densità minima tat-tħawwil, ir-regoli dwar iż-żbir u l-valuri baxxi tar-rendiment.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

15.   Kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni għall-vinifikazzjoni

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 1(g) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni għall-vinifikazzjoni tnaqqas.

Il-proporzjon bejn il-volum tal-ħsad preċedenti u l-kapaċità tal-kamra tal-fermentazzjoni ma għandux għalfejn ikun għoli daqshekk.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

16.   Data tat-tqaddim u tat-tqegħid fis-suq għall-konsumatur għall-inbejjed ħomor

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie stabbilit perjodu minimu ta’ tqaddim għall-inbejjed ħomor sal-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad. L-inbejjed prodotti bl-għeneb tal-varjetà pinot noir N minn dawn it-terroirs jeħtieġu perjodu ta’ żmien minimu biex jesprimu tajjeb il-karatteristiċi tagħhom.

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 5(a), ġie indikat li wara li jintemm il-perjodu ta’ tqaddim, l-inbejjed ħomor jistgħu jitqiegħdu fis-suq għall-konsumatur biss mill-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

17.   Spezzjoni tal-lottijiet imballati

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 3(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tneħħiet ir-regola dwar iż-żamma ta’ fliexken kampjuni biex jintwerew fi spezzjoni tal-lottijiet imballati.

Din ir-regola hija miżura ta’ kontroll li hija rreġistrata fil-pjan ta’ kontroll.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

18.   Ħażna tal-inbejjed imballati

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima IX, il-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġew speċifikati l-karatteristiċi tal-post tal-ħażna tal-inbejjed imballati.

Dan jagħmilha aktar faċli għall-operaturi biex jifhmu din ir-regola, u jiffaċilita l-ispezzjoni.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

19.   Fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta maż-żona ġeografika

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X, il-punt 1(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test ġie emendat biex jitqies ir-rikonoxximent tal-inbejjed ħomor bla gass għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru Hengst” u “Alsace grand cru Kirchberg de Barr”:

ġiet miżjuda l-informazzjoni li ġejja għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Alsace grand cru Hengst”: rikonoxximent fl-2022 għall-inbejjed ħomor, hija awtorizzata biss il-varjetà tad-dwieli pinot noir N, id-densità minima tat-tħawwil hija ta’ 5 500 pjanta għal kull ettaru għall-produzzjoni tal-inbid aħmar, dawn l-inbejjed ma jiġux imsaħħa, u jridu josservaw perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 10 xhur.

ġiet miżjuda l-informazzjoni li ġejja għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Alsace grand cru Kirchberg de Barr”: rikonoxximent fl-2022 għall-inbejjed ħomor, hija awtorizzata biss il-varjetà tad-dwieli pinot noir N, id-densità minima tat-tħawwil hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru għall-produzzjoni tal-inbid aħmar, dawn l-inbejjed ma jiġux imsaħħa, u jridu josservaw perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 10 xhur.

Fit-Taqsima X, il-punt 1(b), tneħħiet l-informazzjoni li r-rikonoxximent ta’ dawn iż-żewġ denominazzjonijiet ta’ oriġini kien ibbażat fuq varjetajiet ta’ għeneb abjad, u l-kliem “għall-inbejjed bojod” ġie miżjud fejn meħtieġ biex it-test jinftiehem aħjar.

Id-Dokument Uniku mhuwiex emendat b’dawn l-emendi.

Il-kelmiet “blancs” u “roses” ġew miżjuda mal-ismijiet tal-varjetajiet ta’ muscats à petits grains sabiex jiġi kkoreġut nuqqas fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dawn iż-żidiet ma jemendawx id-Dokument Uniku.

20.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X, il-punt 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet miżjuda deskrizzjoni tal-aspett viżiv tal-inbejjed bojod sabiex jiġu karatterizzati aħjar.

Rigward l-ewwel żewġ tipi ta’ nbejjed deskritti: “Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar dehbi.”

Rigward l-aħħar żewġ tipi ta’ nbejjed deskritti: “Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar ambra.”

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi prinċipali tal-inbejjed ħomor ġiet miżjuda għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini “Alsace grand cru Hengst” u “Alsace grand cru Kirchberg de Barr”.

Dawn id-deskrizzjonijiet ma jemendawx id-Dokument Uniku.

21.   Rabta maż-żona ġeografika

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima X, il-punt 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Alsace grand cru Hengst”, l-informazzjoni dwar ir-rabta bejn l-oriġini ġeografika u l-karatteristiċi tal-inbejjed, li tista’ tapplika wkoll għall-inbejjed ħomor ta’ din id-denominazzjoni, hija ssupplimentata b’informazzjoni speċifika għall-inbejjed ħomor.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

22.   Miżuri tranżizzjonali

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima XI, il-punt 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għall-konformità mal-emendi tal-Kapitolu I, it-Taqsima VI, l-għoli massimu tal-wajer ta’ appoġġ tal-arkata tħassar u n-numru massimu ta’ għejun għal kull pjanta tnaqqas.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

23.   Indikazzjoni obbligatorja tal-kontenut taz-zokkor fuq it-tikkettar u mezzi oħra ta’ informazzjoni għall-inbejjed bojod

Fil-Kapitolu I, it-Taqsima XII, il-punt 2(d) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iddaħħal test ġdid, bħala sostituzzjoni, sabiex l-indikazzjoni tal-kontenut taz-zokkor kif definit fir-Regolament (UE) 2019/33, li attwalment hija fakultattiva, issir obbligatorja.

Din l-indikazzjoni tgħin lill-konsumatur jifhem aħjar it-tip ta’ nbid.

Din ir-regola l-ġdida ma tapplikax għall-inbejjed bl-indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles”.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie ssupplimentat.

Fit-Taqsima XII, l-ittra d tal-punt 2 saret l-ittra e.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

24.   Dikjarazzjoni minn qabel tal-użu tal-irqajja’ tal-art

Fil-Kapitolu II, it-Taqsima I, il-punt 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġiet miżjuda kjarifika mar-regoli relatati mad-dikjarazzjoni minn qabel tal-użu tal-irqajja’ tal-art ippreżentata mill-operatur lill-korp ta’ protezzjoni u ġestjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Alsace grand cru”, f’każ li jieqaf jipproduċi din id-denominazzjoni.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

25.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed; L-indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles” u l-isem li jintuża

Fid-Dokument Uniku, il-punti 4(1), 4(2) u 4(3) “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”: il-kelmiet “għall-varjetajiet tad-dwieli l-oħra” tħassru u ġew sostitwit b’“għall-varjetà riesling B”; dan għaliex ir-riesling B, il-gewurztraminer B u l-pinot gris G huma l-varjetajiet permessi għall-produzzjoni tal-inbejjed ta’ varjetà waħda ta’ dwieli b’din id-denominazzjoni.

Kien meħtieġ li tiġi ċċarata d-deskrizzjoni qasira bil-miktub għall-inbejjed bit-termini tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles”; dan għaliex, mill-bidu nett, l-ispeċifikazzjoni għad-denominazzjoni “Alsace grand cru Altenberg de Bergheim” ippermettiet biss l-użu ta’ dawn it-tliet varjetajiet għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’wieħed jew ieħor mit-termini tradizzjonali.

Fil-punt 9, “Kundizzjonijiet addizzjonali”, tad-Dokument Uniku:

it-taqsima dwar “Termini tradizzjonali” ġiet ikkoreġuta peress li d-diversi varjetajiet ta’ “Muscat” mhumiex permessi fil-produzzjoni tal-inbejjed b’dawn it-termini tradizzjonali. It-tħassir tal-ismijiet “Muscat” u “Muscat Ottonel” jikkoreġi żball tipografiku fil-verżjoni preċedenti tad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet

Alsace grand cru Altenberg de Bergheim

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.

DESKRIZZJONI TAT-TEST FIL-QOSOR

L-inbejjed huma nbejjed bojod bla gass.

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-inbejjed hija ta’ 14 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G, ta’ 12 % għar-riesling, u ta’ 14 % għall-inbejjed minn taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli. L-inbejjed ma jiġux arrikkiti bl-ebda mod.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bojod għat-tqaddim per eċċellenza huma kkaratterizzati minn freskezza evidenti bbażata fuq aċidità tartarika dominanti relatata mal-maturità eċċellenti tal-għeneb.

Għandhom palat sħiħ, huma kumplessi u għandhom riħa aromatika qawwija ħafna. B’togħma li ddum tintiegħem, isiru aktar kumplessi biż-żmien.

L-Altenberg de Bergheim jipproduċi nbejjed influwenzati ferm mit-terroir, peress li jiġu prodotti minn għeneb f’qoxra rqiqa, sensittiv għat-temp, li jinħasad fl-istadji avvanzati meta jkun sar fiżjoloġikament: il-most qatt ma jiġi arrikkit. Dawn l-inbejjed jevolvu maż-żmien, għandhom potenzjali eċċellenti ta’ żammma u jilħqu l-perfezzjoni wara 15 sa 20 sena.

Fl-aqwa tagħhom, dawn l-inbejjed huma qawwijin ħafna, diskreti mal-ewwel togħma, voluminiżi fil-palat, u l-aċidità tagħhom għandha togħma ta’ frott ħelwa bi sfumaturi tal-vanilla; spiss jiġu affettwati mill-moffa nobbli iżda jibqgħu friski ħafna.

It-tipi differenti huma:

inbejjed aromatiċi, mimlijin, b’togħma ta’ frott, rikki u kumplessi, magħmula mill-varjetajiet tad-dwieli permessi, imħawla separatament jew flimkien, li qatt ma jkunu teknikament xotti;

grupp ta’ nbejjed magħmula b’mod esklużiv mir-Riesling, ikkultivati separatament, iktar xotti, b’karattru minerali, profond u xi kultant ikkaratterizzat minn aromi ta’ fjuwils fossili.

Dawn iż-żewġ tipi ta’ nbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar dehbi.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“Vendanges tardives”

DESKRIZZJONI TAT-TEST FIL-QOSOR

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-inbejjed hija ta’ 16 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G u ta’ 14,5 % għar-riesling B.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bl-indikazzjoni “vendanges tardives” (ħsad tardiv) spiss ikollhom aromi eżotiċi ħafna ta’ frott ippreżervat u b’finitura friska. Għandhom konċentrazzjoni notevoli u persistenza aromatika kbira. Dawn l-inbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar ambra.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

3.   Denominazzjoni ssupplimentata b’“Sélection de grains nobles”

DESKRIZZJONI TAT-TEST FIL-QOSOR

Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-inbejjed hija ta’ 18.2 % għall-gewurztraminer Rs u għall-pinot gris G u ta’ 16,4 % għar-riesling B.

Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-inbejjed bl-indikazzjoni “sélection de grains nobles” (għażla ta’ żrieragħ nobbli) huma nbejjed aktar ikkonċentrati, qawwija, li spiss ikollhom aromi ta’ pejst tal-frott. Għandhom konċentrazzjoni notevoli u persistenza aromatika kbira. Dawn l-inbejjed għandhom kulur qawwi sa isfar ambra.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Metodi tat-tkabbir: Densità tat-tħawwil

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 500 pjanta għal kull ettaru.

Dawn id-dwieli ma jistax ikollhom distanza bejn il-flanni ta’ aktar minn żewġ metri.

Id-dwieli għandhom distanza bejn il-flanni ta’ mill-inqas 0,75 metri u mhux aktar minn 1,50 metru.

Mill-25 ta’ Ottubru 2011, il-qlugħ tas-siġar tal-flanni f’roqgħa tal-art ma jistax jirriżulta f’distanza ta’ aktar minn tliet metri bejn il-flanni l-aktar wisgħin.

2.   Metodi tat-tkabbir: Regoli taż-żbir

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru qosra bil-metodu Guyot sempliċi jew doppju b’massimu ta’ 18-il għajn għal kull pjanta.

3.   Ħsad

Prattika tal-kultivazzjoni

L-inbejjed huma magħmula minn għeneb maħsud bl-idejn.

4.   Taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli

Prattika enoloġika speċifika

L-inbejjed ma jiġux arrikkiti bl-ebda mod.

L-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” ma jiġux imsaħħa.

5.   Prattiki enoloġiċi u trattamenti fiżiċi

Prattika enoloġika speċifika

L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.

L-operazzjonijiet kollha ta’ arrikkiment huma pprojbiti għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Alsace grand cru Altenberg de Bergheim”

6.   Tqaddim tal-inbejjed

Prattika enoloġika speċifika

L-inbejjed jitħallew jiqdiemu mill-inqas sal-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

L-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” jiġu mqaddma mill-inqas sal-1 ta’ Ġunju tat-tieni sena ta’ wara dik tal-ħsad.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Rendiment ta’ limitu – Denominazzjoni ssupplimentata b’“vendanges tardives” jew le

60 ettolitru għal kull ettaru

2.   Rendiment ta’ limitu – Denominazzjoni ssupplimentata b’“sélection de grains nobles”

48 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u t-tqaddim tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021:

Id-département ta’ Haut-Rhin: Il-muniċipalitajiet sħaħ ta’: Ammerschwihr, Beblenheim, Bennwihr, Bergheim, Bergholtz, Eguisheim, Gueberschwihr, Guebwiller, Hattstatt, Hunawihr, Ingersheim, Katzenthal, Mittelwihr, Niedermorschwihr, Orschwihr, Pfaffenheim, Ribeauvillé, Riquewihr, Rodern, Rouffach, Saint-Hippolyte, Soultzmatt, Thann, Turckheim, Vieux-Thann, Voegtlinshoffen, Westhalten, Wettolsheim, Wintzenheim, Wuenheim, Zellenberg.

Parti mill-muniċipalità ta’: Kaysersberg Vignoble għat-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Kientzheim u ta’ Sigolsheim biss.

Id-département ta’ Bas-Rhin: Andlau, Barr, Bergbieten, Blienschwiller, Dahlenheim, Dambach-la-Ville, Eichhoffen, Kintzheim, Marlenheim, Mittelbergheim, Molsheim, Nothalten, Scharrachbergheim-Irmstett, Wolxheim.

Il-kunsill lokali tal-muniċipalitajiet li jinsabu parzjalment fit-territorju għandhom mappa li tidentifika l-limiti taż-żona ġeografika.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika huma disponibbli fis-sit web tal-INAO.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Gewurztraminer Rs

Pinot gris G

Riesling B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Alsace grand cru Altenberg de Bergheim” hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli li jikkaratterizzaw il-vinji ta’ Alsace, u tesprimi l-kwintessenza ta’ espressjoni ta’ terroir kbir ħafna. Mistura fil-pajsaġġ pittoresk ta’ Alsace, il-vinja tiegħu tippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed b’espressjoni kbira, b’karattru evidenti u personalità unika. Il-pożizzjoni tal-vinji, l-orjentazzjoni tax-xaqlibiet li ġeneralment iħarsu lejn in-Nofsinhar, il-pendil, il-ġeoloġija u partikolarment is-sottoswoli tal-ġebla tal-ġir b’ħafna xquq, il-forza tal-ħamrija ta’ fuq bit-tafal u bil-ġebla tal-ġir, il-klima sħuna u l-provvista regolari tal-ilma jagħtu lill-vinji l-possibbiltà li jikbru b’mod regolari, b’rigorożità bbilanċjata, u jirriżultaw f’kwalità mill-aqwa.

It-terroir jippermetti li l-vinji jsiru pjuttost tard, u dan spiss jiġi intensifikat mill-kundizzjonijiet tat-temp eċċellenti fl-aħħar tal-istaġun favorevoli għall-konċentrazzjoni tal-għeneb fuq id-dielja u l-iżvilupp tal-moffa nobbli jippermettu l-produzzjoni ta’ nbejjed minn għeneb misjur iżżejjed.

It-tqaddim previst fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jgħin biex l-inbejjed jitjiebu.

Bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ produzzjoni stretti, bħaż-żamma ta’ erja kbira tal-weraq u l-ħsad bl-idejn, il-produtturi tal-inbid ta’ Alsace jippreservaw il-karattru distintiv tal-inbejjed, li huma magħrufa għall-kumplessità tagħhom u għall-kapaċità ta’ konservazzjoni fit-tul tagħhom.

Dawn l-inbejjed huma l-aqwa fost dawk prodotti f’dan ir-reġjun. L-inbejjed “Altenberg de Bergheim” huma fost l-iżjed prestiġjużi li jiġu prodotti fl-Alsace.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u t-tqaddim tal-inbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-sena 2021:

Id-département ta’ Haut-Rhin: Il-muniċipalitajiet sħaħ ta’: Bergholtz-Zell, Berrwiller, Buhl, Cernay, Colmar, Gundolsheim, Hartmanswiller, Herrlisheim, Houssen, Husseren-les-Châteaux, Jungholtz, Leimbach, Obermorschwihr, Osenbach, Ostheim, Rorschwihr, Soultz, Steinbach, Uffholtz, Walbach, Wattwiller, Wihr-au-Val, Zimmerbach.

Parti mill-muniċipalità ta’: Kaysersberg Vignoble, għat-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Kaysersberg biss.

Id-département ta’ Bas-Rhin: Albé, Avolsheim, Balbronn, Bernardswiller, Bernardvillé, Bischoffsheim, Boersch, Bourgheim, Châtenois, Cleebourg, Dachstein, Dangolsheim, Dieffenthal, Dorlisheim, Epfig, Ergersheim, Ernolsheim- Bruche, Fessenheim-le-Bas, Flexbourg, Furdenheim, Gertwiller, Gimbrett-Berstett, Goxwiller, Heiligenstein, Itterswiller, Kienheim, Kirchheim, Kuttolsheim, Mittelhausen, Mutzig, Nordheim, Oberhoffen-les-Wissenbourg, Obernai, Odratzheim, Orschwiller, Osthoffen, Ottrott, Petersbach, Reichsfeld, Riedseltz, Rosenwiller, Rosheim, Rott, Saint-Nabor, Saint-Pierre, Scherwiller, Seebach, Soultz-les-Bains, Steinseltz, Stotzheim, Strasburgu, Traenheim, Villé, Wangen, Westhoffen, Wissembourg, Zellwiller.

Imballaġġ fiż-żona

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

L-imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed jiġu bbottiljati fi fliexken tat-tip “Vin du Rhin”, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 55-673 tal-20 ta’ Mejju 1955, mal-Ordni tat-13 ta’ Mejju 1959 u mad-Digriet tad-19 ta’ Marzu 1963, u l-ebda tip ta’ flixkun ieħor mhu permess.

Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-5 ta’ Lulju 1972, l-inbejjed bilfors iridu jiġu bbottiljati fid-départements ta’ Bas-Rhin u Haut-Rhin fil-fliexken tat-tip “Vin du Rhin”, deskritti fid-Digriet tal-1955.

Indikazzjoni tal-annata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-indikazzjoni tal-annata trid tidher flimkien mal-isem tad-denominazzjoni, fid-dikjarazzjonijiet tal-ħsad u tal-ħażniet, fuq id-dokumenti ta’ akkumpanjament, fir-reklami, fuq il-prospetti, it-tikketti, il-fatturi u kwalunkwe kontenitur ieħor.

Isem użat

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jiġi ssupplimentat b’wieħed mill-ismijiet użati, dment li l-inbejjed ikunu magħmulin esklużivament minn varjetajiet tad-dwieli li jistgħu jiġu indikati bl-isem ikkonċernat.

Huwa pprojbit li jintuża aktar minn isem użat wieħed fuq l-istess tikketta.

Dawn l-ismijiet użati huma dawn li ġejjin:

Gewurztraminer,

Pinot gris,

Riesling.

L-indikazzjonijiet tradizzjonali “vendanges tardives” u “sélection de grains nobles”

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed li jistgħu jibbenefikaw mill-indikazzjonijiet “vendanges tardives” jew “sélection de grains nobles” bilfors irid ikollhom:

l-indikazzjoni tal-annata,

u wieħed mill-ismijiet użati.

Indikazzjoni tal-kontenut taz-zokkor

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed bojod li għalihom, skont it-termini ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, tintalab waħda mill-51 Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Alsace Grand Cru – post imsemmi”, bl-eċċezzjoni tal-indikazzjonijiet “Vendanges Tardives” u “Sélection de Grains nobles”, li huma ppreżentati taħt l-imsemmija denominazzjoni, ma jistgħux jiġu offruti lill-pubbliku, ikkunsinnati, imqiegħda għall-bejgħ jew jinbiegħu, sakemm il-kontenut taz-zokkor kif definit mir-regolamenti Ewropej ma jkunx indikat b’mod ċar ħafna fir-reklami, il-prospetti, it-tikketti, il-fatturi u l-kontenituri kollha.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-4cec3ff9-abd4-4253-a1db-245ddd809faa


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top