EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0906(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2022/C 341/05

C/2022/6256

OJ C 341, 6.9.2022, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/7


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 341/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Dalmatinska janjetina”

Nru tal-UE: PDO-HR-02799 – 17.8.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Dalmatinska janjetina”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam Frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-“Dalmatinska janjetina” huwa l-laħam tal-ħrief ta’ razza ta’ nagħaġ nattiva għall-Kroazja — il-Pramenka Dalmazjana — li jitwieldu, jitrabbew u jinqatlu esklużivament fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4.

Sabiex jiġi prodott id-“Dalmatinska janjetina”, il-ħrief jinqatlu meta jkollhom età ta’ bejn 70 u 130 jum, b’piż tal-ġisem ta’ bejn 15 kg u 28 kg.

Il-karatteristiċi li jiddistingwu l-karkassi tal-ħaruf tal-Pramenka Dalmazjana huma l-konformazzjoni medja għal tajba ħafna tagħhom u l-kopertura ħafifa sa moderata b’tessut xaħmi (grad 2 jew 3). Il-karkassi, bir-ras, jiżnu bejn 8 u 14-il kg, għandhom tul sa 80 cm u rendiment tal-karkassa sħuna ta’ mill-inqas 45 %. It-tessut tal-muskolu huwa ta’ lewn roża ċar għal roża, u l-laħam tal-muskolu longissimus dorsi għandu inqas minn 4 % xaħam u fih mill-inqas ħames komposti kimiċi organiċi, volatili differenti mill-grupp tat-terpini.

Id-“Dalmatinska janjetina” jiġi kkummerċjalizzat tul is-sena kollha, frisk u mkessaħ biss, fil-forma ta’ karkassa sħiħa bir-ras, bil-kliewi u bix-xaħam tad-dam tal-kliewi (li jibqgħu mwaħħlin mal-karkassa), u bil-ġewwieni (il-fwied, il-pulmun bit-trakea u l-qalb) jew mingħajru u t-testikoli, li, jekk ikunu preżenti, jitqiesu li huma parti mill-karkassa, jew bħala nofs karkassa prodotta billi l-karkassa tinqata’ min-nofs għat-tul b’mod simmetriku tul il-linja ta’ diviżjoni li taqsam nofs ir-ras, il-vertebri ċervikali, dorsali, lumbari u sakrali, l-isternu u s-simfiżi iskjopubika.

Id-“Dalmatinska janjetina” dejjem jittiekel misjur. Il-laħam huwa sukkulenti u artab, idub fil-ħalq u ma għandu l-ebda aroma jew togħma qawwija ta’ muntun.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-ħrief li jintużaw biex jiġi prodott id-“Dalmatinska janjetina” jiġu mitmugħin biss il-ħalib tal-omm tagħhom u jirgħu sakemm jinqatlu.

Il-mergħa hija l-aktar sors importanti ta’ għalf għan-nagħaġ, li tkopri sa 80 % tal-ħtiġijiet nutrittivi tagħhom, bl-20 % li jifdal li jkun magħmul minn tiben tal-mergħa u/jew, b’mod inqas komuni, tiben tan-nifel (l-aktar fix-xitwa). Tal-inqas 80 % tal-għalf jiġi miż-żona ta’ produzzjoni ġeografika ddefinita tad-“Dalmatinska janjetina” stabbilita fil-punt 4. Ħafna drabi, it-tiben jinkiseb minn mergħat fil-viċin fiż-żoni aktar fertili taż-Żoni Remoti Dalmazjani — iż-żoni muntanjużi tad-Dalmazja – u f’każijiet ta’ bżonn kbir u ta’ nixfa kbira, jiġi wkoll minn barra ż-żona ta’ produzzjoni ddefinita tad-“Dalmatinska janjetina”, speċifikament mill-mergħat ta’ Lika u Gorski Kotar, iżda mill-kontej li ġejjin biss: il-Kontea ta’ Zadar (żona tar-raħal ta’ Gračac), il-Kontea Lika-Senj (il-kontea kollha), il-Kontea ta’ Karlovac (it-territorju tar-raħal Ogulin u l-muniċipalitajiet ta’ Josipdol, Plaški u Saborsko biss) u l-Kontea ta’ Primorje-Gorski Kotar (it-territorju tal-irħula ta’ Vrbovsko, Delnice u Čabar u l-muniċipalitajiet ta’ Lokve, Fužine, Mrkopalj, Ravna Gora, Skrad u Brod Moravice biss). It-tiben miż-żoni ta’ hawn fuq jista’ jintuża bħala għalf komplementari għan-nagħaġ (iżda mhux għall-ħrief) fix-xitwa meta n-nagħaġ ikunu fil-perjodu xott tagħhom (ġestazzjoni) u għalhekk ma jkun hemm l-ebda impatt fuq il-kwalità u l-kompożizzjoni kimika tal-laħam tal-ħaruf.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha fil-produzzjoni tad-“Dalmatinska janjetina” jridu jsiru fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni ddefinita msemmija fil-punt 4.

Il-proċess tal-produzzjoni tad-“Dalmatinska janjetina” jinkludi t-trobbija, it-tgħammir u t-twellid tan-nagħaġ tal-Pramenka Dalmazjana u t-trobbija u l-qtil tal-ħrief tagħhom.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Qabel ma l-karkassi u n-nofs karkassi tal-ħrief tal-Pramenka Dalmazjana jitqiegħdu fis-suq, dawn iridu jiġu mmarkati bit-timbru tal-biċċerija approvata fejn ikun sar il-qtil, u jridu jiġu mgeżwra f’rita tal-plastik trasparenti u li teħel waħidha.

L-ippakkjar – jiġifieri t-tgeżwir tal-karkassi mnaddfa u mkessħa tal-ħaruf “Dalmatinska janjetina” f’rita tal-plastik – isir fil-biċċeriji fiż-żona msemmija fil-punt 4 qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq, primarjament sabiex tiġi protetta l-iġjene tal-laħam (biex jiġi evitat milli l-karkassi jagħmlu kuntatt ma’ sorsi ta’ kontaminazzjoni mikrobika waqt l-immaniġġar u t-trasport), il-freskezza u l-kwalità (biex jiġi evitat milli l-karkassi jagħmlu kuntatt mal-arja u għalhekk jiġu ttardjati l-proċessi kimiċi li jkissru x-xaħam u l-proteini fil-laħam).

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Id-“Dalmatinska janjetina” jiġi prodott fil-konfini amministrattivi tal-Kontea ta’ Lika-Senj (iż-żona tar-raħal Novalja u l-inklinazzjonijiet kostali tal-medda tal-muntanji ta’ Velebit fuq it-territorju tal-muniċipalità ta’ Karlobag biss) u l-Kontea ta’ Zadar (iż-żoni tal-irħula Benkovac, Biograd, Nin, Obrovac, Pag u Zadar u l-muniċipalitajiet ta’ Bibinje, Galovac, Jasenice, Kali, Kolan, Kukljica, Lišane Ostrovičke, Novigrad, Pakoštane, Pašman, Polača, Poličnik, Posedarje, Povljana, Preko, Privlaka, Ražanac, Sali, Stankovci, Starigrad, Sukošan, Sveti Filip i Jakov, Škabrnja, Tkon, Vir, Vrsi u Zemunik Donji biss) u fit-territorju kollu tal-Kontea ta’ Šibenik-Knin, il-Kontea ta’ Split-Dalmatia u l-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Iż-żona ġeografika tad-Dalmazja tinkludi tliet żoni ġeomorfoloġiċi u klimatiċi differenti (iż-żona kostali u tal-gżejjer bi klima Mediterranja, iż-żona ta’ kummerċ tad-Dalmazja bi klima sub-Mediterranja u ż-żona muntanjuża bi klima kontinentali), li, flimkien mal-impatt tan-nies matul is-sekli, kellhom influwenza diretta fuq il-kopertura tal-pjanti f’din iż-żona. Postijiet li huma affettwati ħafna mill-Bora jew li għandhom l-aktar ħamrija degradata u ġeblija (eż. qiegħ il-medda tal-muntanji Velebit) għandhom l-iktar mergħat ta’ salvja mediċinali u ħaxix tal-istipa (Ass. Stipo-Salvietum officinalis), b’għadd kbir ta’ speċijiet endemiċi Illirjani u Illirjani-Adrijatiċi, l-iżjed dawk li huma adattati għan-nixfa u għar-riħ b’saħħtu tal-Bora, speċjalment il-pjanti aromatiċi u mediċinali. Id-Dalmazja hija wieħed mir-reġjuni tal-Ewropa bl-aktar flora rikka, peress li għandu madwar 3 500 speċi differenti ta’ pjanti, li aktar minn 7 % minnhom huma endemiċi, flimkien ma’ għadd kbir ta’ speċijiet stenoendemiċi (Ozimec et al., 2009, Poljoprivredna bioraznolikost Dalmacije. Tradicijske sorte i pasmine Dalmacije, p. 430). Il-mergħat fiż-żoni remoti tad-Dalmazja jinkludu l-aktar iż-żwien Illirjan u l-koelerja bulbuża (Ass. Festuco-Koelerietum officinalis), li l-kompożizzjoni floristika tagħhom hija ddominata minn bosta speċijiet erbaċużi baxxi, l-aktar li jiksu l-art, probabbilment bħala riżultat ta’ proċess ta’ għażla li sar tul eluf ta’ snin ta’ ragħa min-nagħaġ. Dawn il-mergħat jitqiesu li huma mergħat tipiċi tan-nagħaġ (Rogošić, 2000: Gospodarenje mediteranskim prirodnim resursima, p. 112). Dan jipprovdi evidenza ċara mhux biss li r-razza tal-Pramenka Dalmazjana hija adattata għall-kundizzjonijiet naturali fejn in-nutrijenti huma skarsi iżda wkoll li influwenzat il-kompożizzjoni botanika u l-karatteristiċi tal-art tal-mergħa. Minbarra l-abbundanza tal-ispeċijiet ta’ pjanti differenti, il-karatteristiċi distintivi tal-art tal-mergħa Dalmazjana fiż-żona kostali u tal-gżejjer u ż-żoni remoti Dalmazjani huma l-ammont mifrux ta’ mergħa, speċjalment matul il-perjodi xotti tas-sena, u l-proporzjon sinifikanti ta’ speċijiet ta’ pjanti b’valur nutrittiv baxx iżda li fihom rikkezza ta’ komposti aromatiċi u antiossidanti (pjanti dikotiledoni) (l-Anness 6.4. Krvavica et al., 2015, “Isparljivi sastojci arome dalmatinske janjetine”, Meso 1, p. 58). Dawn il-karatteristiċi jagħmlu l-mergħat Dalmazjani tassew uniċi u ferm differenti minn dawk fiż-żoni kontinentali, billi ż-żoni muntanjużi, fejn it-tkabbir tal-pjanti ma huwiex imxekkel fis-sajf (u fejn ma hemm l-ebda nixfa, għall-kuntrarju taż-żoni baxxi taż-żona ta’ kummerċ Dalmazjana, il-kosta u l-gżejjer), ma humiex biss rikki fl-ispeċijiet ta’ pjanti iżda għandhom ukoll kwantità kbira ta’ mergħa, u tradizzjonalment jintużaw bħala mergħat biex jiġi prodott tiben ta’ kwalità jew għar-ragħa matul il-perjodu xott tas-sena.

Fatturi umani

L-isem “Dalmazja” huwa marbut mill-qrib mat-tradizzjoni tat-trobbija tan-nagħaġ f’din iż-żona. Sa mir-raba’ seklu QK, it-tribù ta’ Illirja tad-“Dalmatae” jew tad-“Delmatae” stabbilixxa ruħu fit-territorju ta’ dik li llum hija d-Dalmazja. Dan it-tribù ħa ismu mill-kelma Illirjana għal nagħaġ — “dalma” jew “delma” — u l-provinċja Rumana tad-Dalamazja ssemmiet għal dan it-tribù (Ozimec et al., 2009, Poljoprivredna bioraznolikost Dalmacije; Tradicijsko poljoprivredno bilje i domaće životinje, pp. 203, 204). L-ewwel rekords bil-kitba tat-trobbija tan-nagħaġ fid-Dalmazja jmorru lura għall-aħħar tas-seklu sbatax u għall-bidu tas-seklu dsatax, filwaqt li sors mis-sena 1808 jirreferi għat-trobbija ta’ kważi żewġ miljun nagħġa u mogħża (Defilippis, 2001, Dalmatinska poljoprivreda u prošlosti, p. 83; fi: Kraljski Dalmatin, 1808, pp. 218, 222). Hemm rakkonti storiċi tal-istil ta’ ħajja nomadika tal-bdiewa tan-nagħaġ fid-Dalmazja, li fix-xhur tas-sajf (Ġunju sa Awwissu) kienu jidderieġu n-nagħaġ u l-mogħoż tagħhom ’il fuq fil-muntanji fil-qrib, fejn kienu wkoll jgħixu magħhom, u din it-tradizzjoni għadha teżisti sal-lum il-ġurnata f’dan ir-reġjun (il-meded tal-muntanji Velebit, Dinarides, Svilaja, Kamešnica, Mosor u Biokovo). Ir-raħħala tan-nagħaġ jagħmlu dan l-aktar minħabba li l-veġetazzjoni tieqaf tikber — fi kliem ieħor, ma jkunx hemm biżżejjed mergħa u ilma — f’żoni tal-pjanura matul is-sajf.

Il-mod ta’ tisjir tradizzjonali tad-“Dalmatinska janjetina” permezz tal-ħami tal-karkassa tal-ħaruf kollu bir-ras (Brusić, 8000 godina uzgoja ovaca na hrvatskom Jadranu, pp. 416, 427, 428, 431) kellu impatt kruċjali fuq il-karatteristiċi tal-karkassa tal-ħrief tar-razza tal-Pramenka Dalmazjana (l-età u l-piż tal-ħrief), u huwa għalhekk li dejjem jiġu kkumerċjalizzati bir-ras.

Speċifiċità tal-prodott

Id-“Dalmatinska janjetina” huwa apprezzat ħafna mill-konsumaturi u, minħabba l-kwalità eċċezzjonali tiegħu, jitqies bħala speċjalità tal-kċina Dalmazjana. Abbażi tal-piż tagħhom, il-karkassi tal-ħrief tal-Pramenka Dalmazjana jappartjenu għall-kategorija ta’ karkassi ta’ ħrief ħfief. Meta mqabbla mal-ħrief li jitrabbew f’żoni kontinentali jew b’mod intensiv fil-matmuri, il-karkassi tal-ħrief tar-razza Pramenka tad-Dalamazja jipproduċu rendiment tal-biċċerija ogħla, u t-tessut tal-muskoli għandu kulur kemxejn aktar skur u fih inqas xaħam. Il-laħam tal-muskolu longissimus dorsi għandu 4 % inqas xaħam (Vnučec, 2011, Odlike trupa i kakvoća mesa janjadi iz različitih sustava uzgoja, teżi dottorali, p. 61), fih aktar komposti aromatiċi volatili differenti, speċjalment it-terpini (Krvavica et al., 2015, op. cit., p. 62), u għandu kompożizzjoni speċifika tal-aċidu xaħmi. Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi kollha tipproduċi proprjetajiet organolettiċi speċifiċi li jintgħarfu b’mod partikolari u jiġu apprezzati mill-konsumaturi. L-età u l-piż tal-ġisem tal-ħrief mal-qtil, u l-mod kif il-karkassi jitnaddfu fil-biċċerija, jirriżultaw l-aktar mit-tradizzjoni tat-trobbija tan-nagħaġ, l-użu maħsub tal-prodott u d-drawwiet tal-konsumaturi; konsegwentement, il-karkassi tal-ħrief tal-Pramenka Dalmazjana — jiġifieri, id-“Dalmatinska janjetina” — dejjem jitqiegħdu fis-suq bir-ras, bil-kliewi u bix-xaħam tad-dam tal-kliewi, u jew bi jew mingħajr il-ġewwieni u t-testikoli.

L-isem “Dalmatinska janjetina” kien jintuża tradizzjonalment fit-taħdit ta’ kuljum, jidher fil-menus ta’ bosta ristoranti fid-Dalmazja u ta’ ristoranti fil-Kroazja kontinentali, u l-istess isem jintuża wkoll fil-letteratura xjentifika u professjonali.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott

Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-prodott “Dalmatinska janjetina” hija bbażata fuq il-kwalità speċifika tal-laħam tal-ħrief tal-Pramenka Dalmazjana u l-metodu tradizzjonali tat-trobbija fiż-żona ġeografika speċifika.

Id-“Dalmatinska janjetina” ġġorr l-isem taż-żona li fiha titrabba l-Pramenka Dalmazjana (id-Dalmazja), u l-isem tad-Dalmazja nnifisha ġej mill-kelma Illirjana għal nagħaġ — “dalma” jew “delma”. Għalhekk jista’ jintqal li d-Dalmazja kienet art tan-nagħaġ u tal-bdiewa tan-nagħaġ sa minn żminijiet antiki.

Il-karatteristiċi tal-Pramenka Dalmazjana — bħar-reżiljenza u l-aġilità tagħha, u speċjalment ir-ras żgħira u li tidjieq tagħha, il-flessibbiltà tax-xedaq tagħha u xufftejha — juru li din ir-razza adattat għall-kondizzjonijiet ħarxa tal-pajsaġġ karstiku Dalmazjan tul l-eluf ta’ snin, li ppermettewlha tirgħa fuq mergħat li diffiċli jintlaħqu fuq l-art Dalmazjana ġeblija miksija b’moxa u arbuxxelli, u li jirnexxielha tgħix saħansitra fuq l-aktar terren inaċċessibbli u selvaġġ li jinsab fuq l-inklinazzjonijiet weqfin ferm tar-reġjun kostali. Barra minn hekk, l-art tal-mergħa taż-żoni remoti tad-Dalmazja titqies bħala art tal-mergħa tipika tan-nagħaġ, li aktarx irriżultat mill-għażla tal-pjanti li jikbru wara eluf ta’ snin ta’ ragħa, l-aktar tan-nagħaġ, iżda l-proċess ta’ adattament intwera biċ-ċar li ħadem biż-żewġ modi. Il-bosta speċijiet ta’ pjanti fit-tliet żoni ta’ veġetazzjoni differenti, inkluż għadd sinifikanti b’valur nutrittiv baxx iżda li fihom rikkezza ta’ komposti kimiċi aromatiċi u antiossidanti, li għandhom impatt kruċjali fuq il-kompożizzjoni kimika speċifika tal-prodott, speċjalment il-kompożizzjoni tal-aċidu xaħmi tiegħu (Vnučec, 2011, op. cit., p. 67), u fuq il-kompożizzjoni tal-komposti aromatiċi volatili, huma dak li jikkontribwixxi l-aktar għall-aroma u għat-togħma speċifiċi tad-“Dalmatinska janjetina”. B’riżultat ta’ dan, il-profil aromatiku tad-“Dalmatinska janjetina” jinkludi għadd ferm akbar ta’ komposti volatili differenti minn tipi oħrajn ta’ ħrief, speċjalment l-għadd u l-proporzjon globali ta’ terpini meta mqabbel mal-ħaruf kontinentali (Krvavica et al., 2016, “Isparljivi sastojci mesa janjadi iz različitih zemljopisnih područja”, proċedimenti, p. 162). It-terpini huma metaboliti tal-pjanti dikotiledoni li huma rrappreżentati ħafna fil-kompożizzjoni florali unika u diversa tal-mergħat Dalmazjani u li jiġu assorbiti direttament fit-tessut tal-annimali intatti (Krvavica et al., 2015, op.cit., p. 58), u li, għalhekk, fil-letteratura, jitqiesu bħala traċċaturi uniċi tal-pjanti (Krvavica et al., 2016, op. cit., p. 162). Barra minn hekk, peress li ż-żona li fiha tirgħa r-razza tal-Pramenka Dalmazjana toffri mergħat skarsi għall-biċċa l-kbira tas-sena, in-nagħaġ u l-ħrief ikopru distanzi kbar kuljum meta jkunu qed ifittxu l-ikel, u għalhekk, id-“Dalmatinska janjetina” fiha inqas xaħam u kulur kemxejn aktar skur (roża ċar għal roża) minn tipi oħrajn ta’ ħaruf. Il-mergħa skarsa tfisser ukoll li l-ħrief jikbru aktar bil-mod, u b’riżultat ta’ dan, ikollhom sistema diġestiva inqas żviluppata; konsegwentement, ir-rendiment tal-biċċerija tal-karkassi huwa ogħla milli għall-ħrief kontinentali (Mioč et al., 2012, “Dalmatinska janjetina”, proċedimenti, pp. 31, 32, 34). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż, li l-aroma u t-togħma distintivi u speċifiċi tad-“Dalmatinska janjetina” ma humiex biss ir-riżultat tal-karatteristiċi tat-tnissil u tal-metodu tradizzjonali tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-ħrief, iżda wkoll — fuq kollox, tal-ispeċifiċità taż-żona ġeografika li hija titrabba r-razza tad-Dalmatinska Pramenka.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://poljoprivreda.gov.hr/UserDocsImages/dokumenti/hrana/zoi-zozp-zts/dokumenti-zoi-zozp-zts/Specifikacija%20DJ%20-%20izmijenjena_02.2022_%C4%8Distopis.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top