EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XB1216(01)

Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE 2022/C 478/03

OJ C 478, 16.12.2022, p. 3–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 478/3


Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE

(2022/C 478/03)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa meħtieġ li jaqdi l-interess pubbliku u jiżgura l-ogħla standards ta’ integrità. Għalhekk il-BĊE jqiegħed ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards ta’ etika fiċ-ċentru tal-approċċ tiegħu għall-governanza korporattiva. Il-konformità ma’ dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-BĊE u hija vitali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.

(2)

L-etika professjonali u l-livell għoli ta’ kondotta li partijiet terzi huma intitolati jistennew mill-BĊE u l-uffiċjali ta’ livell għoli tiegħu ġew rikonoxxuti mit-twaqqif tiegħu bħala prerekwiżiti ewlenin għas-salvagwardja tar-reputazzjoni tal-BĊE.

(3)

Wara l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta inizjali tal-BĊE fl-2001 (1), Kodiċi ta’ Kondotta speċifiku għall-membri tal-Kunsill Governattiv ġie adottat fl-2002 (2) u rivedut fl-2006 (3); dan kien segwit minn Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv li ġie adottat fl-2006 (4) u rivedut fl-2010 (5).

(4)

Fid-dawl tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (6) li bih il-BĊE ġie fdat b’kompiti speċifiċi dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ġie adottat ukoll fl-2014 Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Bord Superviżorju (7).

(5)

Barra minn hekk, b’effett minn Jannar 2015, il-BĊE implimenta Qafas tal-Etika mtejjeb applikabbli għall-membri tal-persunal (8) u stabbilixxa l-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza u l-Kumitat tal-Etika ta’ livell għoli (9) li huwa inkarigat li jagħti pariri lill-membri tal-korpi tal-BĊE ta’ livell għoli dwar il-Kodiċijiet ta’ Kondotta differenti applikabbli għalihom b’mod koerenti.

(6)

Fir-rigward tal-Eurosistema u l-MSU, ġew stabbiliti standards minimi komuni ta’ etika fil-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (10) u Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/12) (11). Sabiex jiġi żgurat li l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u l-Qafas tal-Etika tal-MSU jkomplu jirriflettu l-istandards u l-aħjar prattiki xierqa li jqisu l-ogħla livell fil-komunità bankarja ċentrali u superviżorja u fost l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) għandhom jitħassru u jiġu ssostitwiti mill-1 ta’ Ġunju 2023 bil-Linja Gwida (UE) 2021/2253 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/49) (12) u l-Linja Gwida (UE) 2021/2256 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/50) (13) rispettivament.

(7)

Il-BĊE għandu interess ġenwin fil-prinċipju li, sa fejn hu possibbli, u meta ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità, il-membri ta’ kull wieħed mill-korpi ta’ livell għoli għandhom jaderixxu u jkunu soġġetti għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali. Għal dan l-għan, il-Kumitat tal-Etika ġie inkarigat mill-Kunsill Governattiv biex jirrifletti fuq il-fattibbiltà li jiġi stabbilit kodiċi wieħed ta’ kondotta, u wara dan il-Kumitat tal-Etika pproduċa l-kodiċi ta’ kondotta għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE li l-Kunsill Governattiv approva fil-5 ta’ Diċembru 2018 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019 (minn hawn ‘il quddiem il-“Kodiċi Uniku tal-2019”).

(8)

Minbarra li jitnebbaħ mid-dispożizzjonijiet tal-qafas etiku mtejjeb applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BĊE u r-raġunament li fuqu huwa bbażat, il-Kodiċi Uniku tal-2019 jirrifletti l-aħjar prattiki fil-komunitajiet bankarji ċentrali u superviżorji u tal-istituzzjonijiet sħab fl-UE, filwaqt li, fl-istess ħin, jirrikonoxxi l-karatteristiċi istituzzjonali speċifiċi tal-BĊE u l-indipendenza tiegħu.

(9)

Fl-approvazzjoni tiegħu tal-Kodiċi Uniku tal-2019, il-Kunsill Governattiv kellu l-għan li jimplimenta l-ogħla standards ta’ etika professjonali, biex b’hekk jiżgura li l-membri tal-korpi ta’ livell għoli tiegħu jmexxu bl-eżempju u jispiraw lill-impjegati madwar l-Eurosistema, is-SEBĊ u l-MSU biex huma wkoll jikkonformaw ma’ dawn l-istandards fil-qadi ta’ dmirijiethom.

(10)

Fid-dawl taż-żieda fl-iskrutinju pubbliku tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tal-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE u biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-twettiq imparzjali tad-dmirijiet tagħhom, il-Kumitat tal-Etika ngħata l-mandat li jirrevedi l-Kodiċi Uniku tal-2019, u wara dan ipproduċa verżjoni riveduta li l-Kunsill Governattiv issa jrid japprova. Bl-għan li jiġu indirizzati s-sensittivitajiet possibbli marbuta mar-rwoli tal-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE fil-politika monetarja u s-superviżjoni bankarja, il-Kodiċi Uniku tal-2019 għandu jiġi emendat biex jinkludi dispożizzjonijiet li: (i) jillimitaw l-investimenti eliġibbli billi jispeċifikaw f’liema strumenti jistgħu jinvestu uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE; (ii) japplikaw orizzont ta’ investiment fuq terminu medju sa twil billi jispeċifikaw perijodu minimu ta’ żamma ta’ sena u jintroduċu rekwiżit ta’ avviż bil-quddiem għal tranżazzjonijiet kbar; (iii) isaħħu t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji privati tal-membri; u (iv) jintroduċu rappurtar intern għal ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji privati ta’ konjuġi/sħab u tfal minuri tal-membri. Barra minn hekk, bil-ħsieb li jittaffew ukoll l-apparenzi tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika miksuba matul il-mandat, l-applikabbiltà tar-regoli dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji privati għandha tiġi estiża għal perijodu ta’ sitt xhur wara l-mandat.

(11)

Sabiex jiġu implimentati l-emendi msemmija hawn fuq, il-Kodiċi Uniku tal-2019 għandu jiġi ssostitwit b’dan il-Kodiċi rivedut b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Dan il-Kodiċi għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023 sabiex l-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE jingħataw perijodu tranżitorju sabiex ikunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regoli riveduti.

APPROVA L-KODIĊI TA’ KONDOTTA UNIKU GĦAL UFFIĊJALI TA’ LIVELL GĦOLI TAL-BĊE:

PARTI I

Ambitu

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.1   Dan il-Kodiċi għandu japplika għall-membri tal-Kunsill Governattiv u l-membri tal-Bord Superviżorju meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala membri ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE, kif ukoll għall-membri tal-Bord Eżekuttiv. Ikopri wkoll membri tal-Kunsill Governattiv u membri tal-Bord Superviżorju meta jaġixxu bħala membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Bord ta’ Medjazzjoni fejn applikabbli, kif ukoll rappreżentanti ta’ banek ċentrali nazzjonali, fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK) mhijiex il-bank ċentrali nazzjonali (BĊN), li jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju (minn hawn ’il quddiem il-“membri”).

1.2   Għandu japplika wkoll għal persuni li jissostitwixxu l-membri f’laqgħat tal-Kunsill Governattiv jew tal-Bord Superviżorju (minn hawn ’il quddiem “is-sostituti”) fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom relatati ma’ dawn il-korpi ta’ livell għoli fejn ikun previst espliċitament f’dan il-Kodiċi. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “korpi ta’ livell għoli tal-BĊE” għandu jfisser il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Bord Superviżorju tal-BĊE.

1.3   Dan il-Kodiċi m’għandux japplika għal persuni li jakkumpanjaw li jattendu laqgħat tal-Kunsill Governattiv jew tal-Bord Superviżorju. Madankollu, persuni li jakkumpanjaw għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kondotta etika li tkopri l-prinċipju ġenerali ta’ evitar ta’ kunflitti ta’ interess, il-projbizzjoni milli tintuża informazzjoni kunfidenzjali, u r-regoli dwar is-segretezza professjonali, qabel l-ewwel parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe laqgħa (minn hawn ’il quddiem “Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika”) (14).

1.4   Il-membri tal-Kunsill Ġenerali għandhom jiġu mistiedna jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika. Barra minn hekk, il-membri tal-Kumitat tal-Verifika, il-Kumitat tal-Etika, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR), u s-sostituti tagħhom, fejn applikabbli, għandhom ikunu meħtieġa jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

1.5   Il-membri tal-persunal tal-BĊE li jattendu l-laqgħat ta’ korpi ta’ livell għoli tal-BĊE huma koperti b’mod adegwat mill-Qafas tal-Etika u għalhekk m’għandhomx ikunu meħtieġa jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

1.6   Fil-każ ta’ xi dubju dwar id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kodiċi jew l-applikazzjoni prattika tagħhom, għandha tintalab l-opinjoni tal-Kumitat tal-Etika stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/433 (BĊE/2014/59) (15) .

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabilità ta’ oqfsa etiċi differenti

2.1   Il-membri u s-sostituti għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Etika mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe impediment biex jikkonformaw ma’ dan il-Kodiċi, inkluż kwalunkwe impediment li jirriżulta minn dispożizzjonijiet konfliġġenti tal-liġi nazzjonali.

2.2   Dan il-Kodiċi għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli etiċi aktar stretti applikabbli għal membri u sostituti bis-saħħa tal-liġi nazzjonali.

PARTI II

Standards ta’ kondotta etika

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

3.1   Il-membri u s-sostituti għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom f’konformità stretta mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (16) u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (17), kif applikabbli.

3.2   Fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri u s-sostituti għandhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika u integrità. Huma mistennija jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’diskrezzjoni u mingħajr ma jqisu l-interess personali. Għandhom ikunu konxji mill-importanza tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, għandhom iqisu l-karattru pubbliku tal-funzjonijiet tagħhom u għandhom iġibu ruħhom b’mod li jispira l-kondotta etika fl-Eurosistema, fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-MSU, u li jżomm u jippromwovi l-fiduċja pubblika fil-BĊE.

Artikolu 4

Segretezza professjonali

4.1   Inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali li joħorġu mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, membri u sostituti ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali miksuba fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom li ma saritx pubblika u li mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku (minn hawn ’il quddiem “informazzjoni kunfidenzjali”) ħlief deliberatament bħala parti mill-istrateġija ta’ komunikazzjoni miftiehma tal-BĊE. B’mod partikolari, huma m’għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali f’diskorsi jew stqarrijiet pubbliċi, jew lill-midja, u għandhom jittrattaw din l-informazzjoni skont ir-regoli interni miftiehma dwar it-trattament ta’ informazzjoni sensittiva tas-SEBĊ u l-MSU. Il-membri u s-sostituti għandhom ikomplu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni anki wara li d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom imwettqa għall-BĊE jkunu waqfu.

4.2   Membri u sostituti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-BĊN u/jew l-ANK rispettivi tagħhom jingħataw aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali biss għat-twettiq tad-dmirijiet tal-membri tal-persunal u skont il-politiki ta’ kunfidenzjalità applikabbli, u jsiru konxji ta’ u josservaw strettament ir-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 4.1.

Artikolu 5

Separazzjoni tal-funzjoni superviżorja mill-funzjoni tal-politika monetarja

5.1   Il-membri u s-sostituti għandhom jirrispettaw is-separazzjoni tal-kompiti speċifiċi tal-BĊE dwar il-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja, kif ukoll kompiti oħra. Fejn ikun applikabbli, huma għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni BĊE/2014/39 tal-Bank Ċentrali Ewropew (18) u kwalunkwe regola adottata mill-BĊE skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013.

5.2   Fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri tal-Bord Superviżorju u s-sostituti tagħhom għandhom iqisu l-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 u ma għandhomx jinterferixxu mal-kompiti mhux superviżorji tal-BĊE, filwaqt li jirrispettaw kif xieraq id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju.

Indipendenza

Artikolu 6

Prinċipju ta’ indipendenza

Inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, membri u sostituti, meta jeżerċitaw is-setgħat u jwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet li ngħatawlhom, għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, irrispettivament mill-interess nazzjonali jew personali, u m’għandhomx ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor.

Artikolu 7

Attivitajiet privati u mandati uffiċjali

7.1   Il-membri u s-sostituti għandhom jiżguraw li kwalunkwe attività privata, kemm jekk imħallsa u kemm jekk le, ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-obbligi tagħhom u ma tagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-BĊE. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “attivitajiet privati” għandha tfisser kwalunkwe attività oħra mwettqa minn membru jew sostitut mhux f’kapaċità uffiċjali.

7.2   Il-membri u s-sostituti jistgħu jidħlu f’attivitajiet privati f’organizzazzjonijiet pubbliċi, internazzjonali jew organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ kif ukoll attivitajiet ta’ tagħlim u akkademiċi, sakemm dawn ma jkunux attivitajiet li jqajmu tħassib dwar kunflitt ta’ interess, pereżempju, attivitajiet relatati ma’ entitajiet taħt superviżjoni jew kontropartijiet tal-Eurosistema fil-politika monetarja jew operazzjonijiet ta’ kambju. Fil-każ ta’ attivitajiet privati kif speċifikat fl-Artikolu 11.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-membri tal-Bord Eżekuttiv jeħtieġu l-approvazzjoni espliċita tal-Kunsill Governattiv.

7.3   Il-membri u s-sostituti jistgħu jaċċettaw remunerazzjoni u r-rimborż ta’ spejjeż għal attivitajiet privati, sakemm tali remunerazzjoni u spejjeż ikunu proporzjonati max-xogħol imwettaq u jibqgħu fil-limiti skont id-drawwa.

7.4   Il-membri u s-sostituti għandhom jastjenu minn mandati uffiċjali li jistgħu jfixklu l-indipendenza tagħhom u għandhom jirriżenjaw minn kwalunkwe mandat uffiċjali bħal dawn li jkollhom. Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “mandati uffiċjali” tfisser kwalunkwe attività esterna mwettqa minn membru jew sostitut f’kapaċità uffiċjali, jiġifieri bħala parti mid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

7.5   Il-membri u s-sostituti għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat tal-Etika bil-miktub dwar kwalunkwe attività privata li għandhom il-ħsieb li jwettqu. Huma għandhom ukoll jipprovdulu aġġornament annwali tal-attivitajiet privati kontinwi u l-mandati uffiċjali tagħhom.

Artikolu 8

Relazzjonijiet ma’ gruppi ta’ interess

Waqt li jżommu d-djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili meħtieġa mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-membri u s-sostituti għandhom f’kull ħin, u partikolarment fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ gruppi ta’ interess, ikunu konxji mill-indipendenza tagħhom, l-obbligi tas-segretezza professjonali tagħhom, u l-prinċipji bażiċi stabbiliti f’dan il-Kodiċi. Il-membri u s-sostituti għandhom ikunu konxji tal-Prinċipji ta’ Gwida għall-komunikazzjoni esterna għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (19), kif ukoll kwalunkwe regola u linja gwida oħra applikabbli, u għandhom jeżerċitaw prudenza partikolari u japplikaw salvagwardji xierqa meta jipparteċipaw f’avvenimenti magħluqa jew meta jaċċettaw stediniet individwali.

Artikolu 9

Dehriet pubbliċi u stqarrijiet pubbliċi

9.1   Il-membri u s-sostituti għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, u jikkunsidraw lilhom innifishom f’dehriet pubbliċi, bħala rappreżentanti ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

9.2   Meta jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet relatati mal-Eurosistema, is-SEBĊ jew l-MSU, il-membri u s-sostituti għandhom iqisu debitament ir-rwol tagħhom bħala rappreżentanti ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

9.3   F’kontribuzzjonijiet xjentifiċi jew akkademiċi, membri u sostituti għandhom jagħmluha ċara illi dawn il-kontributi jsiru f’kapaċità personali u ma jirrappreżentawx l-opinjonijiet tal-BĊE.

Artikolu 10

Dikjarazzjoni ta’ interessi

10.1   Kull membru għandu jissottometti fuq bażi annwali lill-Kumitat tal-Etika, għall-valutazzjoni u s-sottomissjoni lill-President, Dikjarazzjoni ta’ Interessi ffirmata li għandha tinkludi informazzjoni dwar l-attività professjonali preċedenti tal-membru, l-attivitajiet privati, il-mandati uffiċjali u l-interessi finanzjarji, kif ukoll dwar kull attività professjonali bi qligħ tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom li tista’ tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess (minn hawn ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni ta’ Interessi”). Kull membru għandu jippreżenta wkoll lista ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji privati mwettqa matul is-sena immedjatament qabel id-Dikjarazzjoni tal-Interessi f’anness tad-Dikjarazzjoni tal-Interessi (minn hawn ’il quddiem l-“Anness I tad-Dikjarazzjoni tal-Interessi”). Barra minn hekk, kull membru għandu jissottometti, sa fejn jaf hu, informazzjoni dwar kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata mwettqa matul is-sena immedjatament qabel id-Dikjarazzjoni tal-Interessi, mill-konjuġi, mis-sieħeb jew mit-tfal minuri tiegħu, li taqbeż EUR 10 000 għal kull tranżazzjoni, li għandha tiġi ppreżentata f’anness separat fuq bażi kunfidenzjali lill-Kumitat tal-Etika (Anness II tad-Dikjarazzjoni tal-Interessi). Id-Dikjarazzjoni tal-Interessi (20) u l-Anness I tad-Dikjarazzjoni tal-Interessi sottomessi minn kull membru għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-BĊE u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit għas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni dwar il-ġid taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli jew l-obbligi kuntrattwali.

10.2   Il-BĊE għandu jipproċessa u jżomm kwalunkwe data personali miġbura fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Interessi skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad- data applikabbli għall-BĊE.

Kunflitti ta’ interess

Artikolu 11

Prinċipju ġenerali ta’ kunflitti ta’ interess

11.1   Il-membri u s-sostituti għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqajjem tħassib dwar il-kunflitt ta’ interess. Tħassib ta’ kunflitt ta’ interess jinħoloq meta membru jew sostitut ikollu interessi personali li jistgħu jinfluwenzaw, jew jistgħu jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom u jestendi wkoll għal, imma mhux limitat għal, membri tal-familja diretti tagħhom (kwalunkwe ġenitur, wild, ħu jew oħt), konjuġi jew imsieħba tal-membru jew tas-sostitut. B’mod partikolari, il-membri u s-sostituti ma jistgħux jużaw l-involviment tagħhom fi proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, jew fl-informazzjoni professjonali li jkollhom, biex jiksbu vantaġġ personali ta’ kwalunkwe tip. Ma jeżistix kunflitt ta’ interess fejn membru jew sostitut huwa kkonċernat biss bħala parti mill-pubbliku ġenerali jew minn klassi wiesgħa ta’ persuni.

11.2   Il-membri u s-sostituti għandhom jiżvelaw bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed, lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp rilevanti ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess. B’mod partikolari, huma għandhom jirrikużaw lilhom innifishom milli jieħdu sehem fi kwalunkwe diskussjoni, deliberazzjoni jew vot fir-rigward ta’ kwalunkwe sitwazzjoni bħal din u ma għandhomx jiġu pprovduti b’xi dokumentazzjoni relatata.

Artikolu 12

Attività professjonali bi qligħ ta’ konjuġi jew sieħeb

Il-membri u s-sostituti għandhom jjirrapportaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp rilevanti ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika kwalunkwe okkupazzjoni bi qligħ jew attivitajiet remunerati oħrajn tal-konjuġi jew l-imsieħba tagħhom li jistgħu jqajmu tħassib dwar kunflitt ta’ interess.

Artikolu 13

Vantaġġi (rigali u ospitalità)

13.1   Il-membri u s-sostituti m’għandhomx jitolbu, u għandhom joqogħdu attenti meta jiġu offruti, kwalunkwe vantaġġ li huwa konness b’xi mod mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet li jingħatawlhom. Għall-fini ta’ din id-dispożizzjoni, “vantaġġi” għandha tfisser kwalunkwe rigal, ospitalità, jew benefiċċju ieħor, kemm jekk finanzjarju jew in natura, li mhuwiex il-kumpens miftiehem għas-servizzi mogħtija u li għalihom ir-riċevitur mhux intitolat mod ieħor.

13.2   Vantaġġ, offrut jew mogħti lil membru jew sostitut jew lil xi membru dirett tal-familja, konjuġi jew sieħeb, li huwa konness b’xi mod mat-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta’ dak il-membru jew sostitut, jista’ jiġi aċċettat minnhom fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

huwa offrut minn organizzazzjoni tas-settur pubbliku, inkluż bank ċentrali ieħor, korp pubbliku nazzjonali, organizzazzjoni internazzjonali jew mid-dinja akkademika, u huwa ta’ valur meqjus skont id-drawwa u xieraq;

(b)

huwa offrut minn entità privata waħda jew aktar jew individwi u għandu valur mhux ogħla minn EUR 100, jew jekk ogħla, (i) jiġi mgħoddi lill-istituzzjoni rispettiva li tagħha l-membru jew is-sostitut rilevanti huwa rappreżentant jew (ii) l-eċċess ta’ aktar minn EUR 100 jitħallas mill-membru jew sostitut lil dik l-istituzzjoni;

(c)

jieħu l-forma ta’ ospitalità u huwa proporzjonat mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-membru jew tas-sostitut u huwa konformi mal-limiti tas-soltu;

(d)

mhuwiex offrut minn entità taħt superviżjoni;

(e)

l-aċċettazzjoni tiegħu ma jqajjimx mod ieħor tħassib ta’ kunflitt ta’ interess.

13.3   L-aċċettazzjoni ta’ vantaġġ m’għandha, fl-ebda każ, tagħmel ħsara lil jew tinfluwenza l-objettività u l-libertà tal-azzjoni tal-membru jew ta’ sostitut u m’għandhiex toħloq obbligazzjoni jew aspettattiva inapproprjata min-naħa tar-reċipjent jew il-fornitur.

13.4   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, il-President tal-Bord Superviżorju u r-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom mingħajr dewmien jirreġistraw mas-Segretarju tal-Kumitat tal-Etika kwalunkwe rigal jew offerta ta’ rigal irċevut, ikun xi jkun il-valur tiegħu. Membri u sostituti oħra għandhom ikunu suġġetti għar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli dwar ir-reġistrazzjoni ta’ rigali.

Artikolu 14

Premji, unuri u dekorazzjonijiet

14.1   Il-membri u s-sostituti għandhom ikunu kunfidenti li kwalunkwe għotja, unur jew dekorazzjoni tkun kompatibbli mal-istatus pubbliku tagħhom u ma tiġix kompromessa l-indipendenza tagħhom jew tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess.

14.2   Il-membri u s-sostituti għandhom jgħaddu lill-istituzzjoni rispettiva li tagħhom huma rappreżentant, jew jagħmlu donazzjoni għall-karità, kull somma ta’ flus jew oġġetti ta’ valur li jkun mogħni bihom premju, li jirċievu b’konnessjoni mad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala membru jew sostitut ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

Artikolu 15

Stediniet għal avvenimenti

15.1   Membri u sostituti, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-obbligi tagħhom li jirrispettaw il-prinċipju ta’ indipendenza u biex jevitaw kunflitti ta’ interess, jistgħu jaċċettaw stediniet għal avvenimenti li ħafna jattendu għalihom bħal konferenzi, riċevimenti jew avvenimenti kulturali, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom mhijiex ta’ ħsara għall-interess tal-BĊE, u għandhom josservaw prudenza partikolari fir-rigward ta’ stediniet individwali. Il-membri u s-sostituti ma għandhomx jaċċettaw stediniet jew ħlasijiet li mhumiex f’konformità ma’ dawn ir-regoli u għandhom jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom kif meħtieġ.

15.2   Il-membri u s-sostituti ma jistgħux jaċċettaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u/jew tal-akkomodazzjoni mill-organizzaturi ta’ kwalunkwe avveniment imsemmi fl-Artikolu 15.1. Kull ħlas li jista’ jiġi aċċettat minn membri u sostituti għal-lekċers u d-diskorsi li jsiru fil-kapaċità uffiċjali tagħhom għandu jintuża mill-BĊE jew mill-BĊN jew minn l-ANK relevanti għal skopijiet ta’ karità.

15.3   Jekk ikun konsistenti mad-drawwa aċċettata internazzjonalment, l-Artikoli 15.1 u 15.2 għandhom japplikaw bl-istess mod għall-konjuġi jew imsieħba ta’ membri u sostituti li jakkumpanjawhom fir-rigward ta’ stediniet li jsirulhom.

Artikolu 16

Regoli fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati

16.1   Il-membri u s-sostituti ma għandhomx jużaw informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tagħhom stess jew għall-benefiċċju ta’ parti terza, inkluż meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati u irrispettivament minn jekk tali tranżazzjonijiet isirux direttament jew permezz ta’ parti terza, bir-riskju tagħhom stess u f’isimhom stess, jew bir-riskju u f’isem parti terza. Meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati, il-membri u s-sostituti għandhom jużaw kawtela, jeżerċitaw trażżin u jkollhom orizzont ta’ investiment fuq terminu medju sa twil.

16.2   Huwa rrakkomandat li l-membri u s-sostituti jqiegħdu l-investimenti tagħhom taħt il-kontroll ta’ maniġer tal-portafoll rikonoxxut wieħed jew aktar li jkollhom diskrezzjoni sħiħa li jiġġestixxu assi li jmorru lil hinn minn dawk meħtieġa għall-użu ordinarju, personali u tal-familja. Jekk ġew awtorizzati mill-Kumitata tal-Etika, tali arranġamenti diskrezzjonali ta’ ġestjoni tal-assi għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 16 (għajr għar-restrizzjoni fuq l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali).

16.3   Il-membri u s-sostituti ma għandhom iwettqu l-ebda tranżazzjoni finanzjarja privata ħlief:

(a)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ unitajiet fi skemi ta’ investiment kollettiv ġeneralment diversifikati elenkati pubblikament, jiġifieri li mhumiex ikkonċentrati f’settur speċifiku bħal f’entitajiet regolati (21), deheb jew strumenti ta’ dejn tal-gvern taż-żona tal-euro;

(b)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ unitajiet f’fondi tas-suq monetarju elenkati pubblikament;

(c)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ unitajiet f’fondi ta’ proprjetà immobbli;

(d)

investimenti f’negozji żgħar tal-familja;

(e)

investimenti f’kumpaniji ġodda li mhumiex relatati mal-industrija finanzjarja, dment li dawn l-investimenti ma jqajmux tħassib dwar kunflitt ta’ interess u li l-parteċipazzjonijiet tal-membru jew tas-sostitut ma jirrappreżentawx sehem maġġoritarju.

16.4   Il-membri u s-sostituti ma għandhom ibigħu l-ebda investiment imsemmi fl-Artikolu 16.3 sa sena wara d-data tax-xiri. Il-perijodu minimu ta’ żamma ta’ sena m’għandux japplika jekk it-tranżazzjoni ta’ bejgħ korrispondenti hija rrelatata ma’ infiq personali mhux previst jew biex ikopri spejjeż attwali jew futuri relatati ma’ għanijiet mhux ta’ investiment jew ikun parti minn pjan ta’ investiment sistematiku u perijodiku, li kien miftiehem ma’ bank jew konsulent finanzjarju.

16.5   Il-membri u s-sostituti ma għandhom iwettqu l-ebda tranżazzjoni finanzjarja privata skont l-Artikolu 16.3 fis-sebat ijiem qabel laqgħa tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv (minn hawn ’il quddiem il-“perijodu ta’ embargo”).

16.6   Il-membri u s-sostituti għandhom jagħtu avviż bil-quddiem mhux ritirabbli ta’ 30 jum lill-Kumitat tal-Etika qabel ma jeżegwixxu kwalunkwe tranżazzjoni li taqbeż l-EUR 50 000 fl-istrumenti elenkati fl-Artikolu 16.3. L-avviż bil-quddiem ma għandux jingħata matul perijodu ta’ embargo. L-avviż bil-quddiem ma għandux ikun meħtieġ għal tranżazzjoni ta’ bejgħ relatata ma’ nfiq personali mhux previst jew biex ikopri spejjeż attwali jew futuri relatati ma’ għanijiet mhux ta’ investiment.

16.7   Assi finanzjarji jew strumenti li mhumiex elenkati fl-Artikolu 16.3, li ġew akkwistati minn membru jew sostitut qabel l-1 ta’ Jannar 2023 jew qabel ma beda l-mandat tagħhom, jew li ġie fil-pussess tagħhom fi żmien aktar tard minħabba ċirkostanzi li fuqhom ma kellhom l-ebda influwenza, jistgħu jinżammu, iżda l-bejgħ ta’, jew l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt marbut ma’, tali assi jew strumenti finanzjarji jirrikjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Etika. Madankollu, membru jew sostitut għandu jbigħ strumenti maħruġa minn entitajiet regolati qabel il-bidu tal-mandat ta’ dak il-membru jew sostitut.

16.8   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, il-President tal-Bord Superviżorju u r-Rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ monitoraġġ ta’ konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom kif stabbilit fil-Qafas tal-Etika tal-BĊE.

16.9   Il-membri li għalihom ma japplikax l-Artikolu 16.8, u s-sostituti, għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ ta’ konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom kif stabbiliti fir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli u għandhom jissottomettu lill-Kumitat tal-Etika fuq bażi annwali konferma ffirmata li huma kkonformaw mar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati u li l-monitoraġġ ta’ konformità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom sar skond ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli (22).

16.10   Il-membri u s-sostituti għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16.3, 16.4 u 16.6 għal perijodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tal-mandat tagħhom.

16.11   Ir-restrizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 16 ma għandhomx japplikaw għat-tranżazzjonijiet li ġejjin għal finijiet privati:

(a)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ assi mhux finanzjarji, inkluża l-proprjetà immobbli;

(b)

ix-xiri jew it-tifdija ta’ poloz tal-assigurazzjoni jew annwalitajiet u skemi tal-pensjoni;

(c)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ munita barranija għal skopijiet mhux ta’ investiment;

(d)

ix-xiri jew il-bejgħ ta’ komoditajiet għal skopijiet mhux ta’ investiment;

(e)

depożiti bankarji u self (inklużi ipoteki), b’termini ġeneralment disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 17

Regoli ta’ wara l-impjieg

17.1   Il-membri għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika bl-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw kwalunkwe attività professjonali bi qligħ fil-perijodu ta’ sentejn mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE.

Barra minn hekk, jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f’attività professjonali bi qligħ ma’:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sena mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp ta’ livell għoli tal-BĊE;

(b)

kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja oħra mhux identifikata fil-paragrafu (a) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp tal-BĊE ta’ livell għoli;

(c)

kwalunkwe entità involuta fil-lobbying fir-rigward tal-BĊE, jew konsulenza u/jew promozzjoni għall-BĊE jew għal kwalunkwe istituzzjoni identifikata fil-paragrafi (a) jew (b) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom bħala membru ta’ korp tal-BĊE ta’ livell għoli.

Barra minn hekk, membri tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f'attività professjonali bi qligħ ma':

(d)

kontroparti mal-Eurosistema fil-politika monetarja jew operazzjonijiet ta’ kambju barrani wara l-iskadenza ta’ sena minn tmiem il-mandat tagħhom jew mid-data tal-waqfien tas-sħubija tagħhom fil-Bord Eżekuttiv jew tal-Kunsill Governattiv, kif applikabbli;

(e)

operatur ta’ sistema ta’ ħlas jew ta’ saldu, kontroparti ċentrali jew fornitur ta’ strumenti ta’ ħlas suġġetti għas-sorveljanza tal-BĊE wara l-iskadenza ta’ sitt xhur mit-tmiem tal-mandat jew kariga tagħhom jew mid-data tal-waqfien tas-sħubija tagħhom fil-Bord Eżekuttiv jew tal-Kunsill Governattiv, kif applikabbli.

17.2   Is-sostituti għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-President jew liċ-Chairperson tal-korp ta’ livell għoli tal-BĊE u lill-Kumitat tal-Etika bl-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw kwalunkwe attività professjonali bi qligħ fil-perijodu ta’ sena mid-data tal-waqfien tal-funzjoni tagħhom f’dik il-kapaċità.

Barra minn hekk, jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f'attività professjonali bi qligħ ma’:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(b)

kull istituzzjoni ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti oħra wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(c)

kwalunkwe entità involuta fil-lobbying fir-rigward tal-BĊE, jew konsulenza u/jew promozzjoni għall-BĊE jew għal kwalunkwe istituzzjoni identifikata fil-paragrafi (a) jew (b) hawn fuq wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf.

Barra minn hekk, sostituti għal laqgħat tal-Kunsill Governattiv jistgħu jimpenjaw ruħhom biss f'attività professjonali bi qligħ ma':

(d)

kontroparti għall-Eurosistema fil-politika monetarja jew f’operazzjonijiet ta’ kambju barrani wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-involviment fid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet relatati jkun waqaf;

(e)

operatur ta’ sistema ta’ ħlas jew ta’ saldu, kontroparti ċentrali jew fornitur ta’ strumenti ta’ pagament suġġetti għas-sorveljanza tal-BĊE wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-involviment fi dmirijiet u responsabbiltajiet relatati jkun waqaf.

17.3   Il-membri u s-sostituti għandhom jitolbu lill-Kumitat tal-Etika biex joħroġ opinjoni dwar il-perijodi ta’ riflessjoni applikabbli għalihom taħt dan l-Artikolu qabel ma tibda attività professjonali bi qligħ speċifika u prospettiva. Il-Kumitat tal-Etika jista’ jirrakkomanda fl-opinjoni tiegħu:

(a)

rinunzja jew tnaqqis tal-perijodi ta’ riflessjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu f’ċirkostanzi fejn il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet professjonali bi qligħ sussegwenti jippermettu hekk; jew

(b)

estensjoni tal-perijodi ta’ riflessjoni taħt l-Artikoli 17.1(a) u 17.2(a) għal attivitajiet professjonali bi qligħ rilevanti sussegwenti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti jew inqas sinifikanti li fis-superviżjoni tagħhom kien direttament involut il-membru jew is-sostitut, sa massimu ta’ sentejn għall-membri u sena għal sostituti fejn il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn tali attivitajiet professjonali bi qligħ ikunu jeħtieġu hekk.

17.4   Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali applikabbli, għat-tul tal-perijodu ta’ riflessjoni tagħhom il-membri u s-sostituti għandhom jitħallsu kumpens xieraq mill-istituzzjonijiet ta’ min iħaddem rispettivi tagħhom mit-tmiem tal-mandat tagħhom mal-istituzzjoni tagħhom sa tmiem il-perijodu ta’ riflessjoni applikabbli. Dan il-kumpens għandu jitħallas irrispettivament minn stedina biex wieħed jidħol f’attività professjonali bi qligħ. Għaldaqstant, il-membri u s-sostituti jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kumitat tal-Etika dwar il-livell xieraq ta’ kumpens fir-rigward tal-perijodi ta’ riflessjoni.

17.5   Fejn waqt perijodu ta’ riflessjoni membru jew sostitut jidħol għal attività professjonali bi qligħ mhux koperta mill-Artikoli 17.1 u 17.2 hawn fuq u l-ammont tar-remunerazzjoni netta ta’ kull xahar riċevuta mill-attività professjonali bi qligħ flimkien mal-kumpens ipprovdut għall-perijodu ta’ riflessjoni jaqbeż ir-remunerazzjoni netta ta’ kull xahar li l-membru jew is-sostitut irċieva matul l-aħħar sena tal-kariga tagħhom, l-eċċess għandu jitnaqqas mill-kumpens imħallas. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għar-remunerazzjoni għal attivitajiet li jkunu saru qabel u ddikjarati qabel minn membru jew sostitut.

17.6   L-opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat tal-Etika skont l-Artikoli 17.3 u 17.4 hawn fuq għandhom jiġu indirizzati lill-Kunsill Governattiv. Il-Kunsill Governattiv għandu mbagħad jagħmel rakkomandazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti rispettiva jew lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv li għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv bi kwalunkwe impediment għall-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

17.7   Membri u sostituti għandhom jissottomettu lill-Kumitat tal-Etika Dikjarazzjoni ta’ Unur (23) ffirmata fuq bażi annwali matul il-perijodu ta’ notifika ta’ sentejn jew ta’ sena mit-tmiem tal-mandat tagħhom li fihom jikkonfermaw l-attivitajiet professjonali bi qligħ tagħhom u r-remunerazzjoni rispettiva, li rapport dwaru għandu jiġi sottomess lill-President.

Artikolu 18

Nuqqas ta’ konformità

Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali applikabbli, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità minn membru jew sostitut mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi, il-Kumitat tal-Etika għandu l-ewwel jindirizza l-kwistjoni mal-individwu kkonċernat. Jekk l-aderenza ma tkunx tista’ tinkiseb permezz ta’ persważjoni morali, il-Kumitat tal-Etika għandu jqajjem il-kwistjoni mal-Kunsill Governattiv. Fuq parir mill-Kumitat tal-Etika u wara li jkun sema lill-individwu kkonċernat, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jagħti ċanfira u, fejn xieraq, jagħmilha pubblika.

PARTI III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 19

Tħassir

Dan il-Kodiċi jissostitwixxi l-Kodiċi Uniku tal-2019 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 20

Pubblikazzjoni

Dan il-Kodiċi għandu jiġi ppubblikat fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE li għalihom japplika dan il-Kodiċi għandhom jiffirmaw Dikjarazzjonijiet ta’ Konformità individwali kif ikun xieraq.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan il-Kodiċi għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 23 ta’ Novembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Kodiċi ta' Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 76, 8.3.2001, p. 12).

(2)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv, (ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9).

(3)  Memorandum ta’ Ftehim li jemenda l-Memorandum ta’ Ftehim dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 10, 16.1.2007, p. 6).

(4)  Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 230, 23.9.2006, p. 46).

(5)  Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 104, 23.4.2010, p. 8).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(7)  Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 93, 20.3.2015, p. 2).

(8)  Il-Qafas Etiku tal-BĊE (ĠU C 204, 20.6.2015, p. 3).

(9)  Deċiżjoni (UE) 2015/433 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitat għall-Etika u r-Regoli tal-Proċedura tiegħu (BĊE/2014/59) (ĠU L 70, 14.3.2015, p. 58).

(10)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta’ politika monetarja, operazzjonijiet ta’ kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta’ riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 02.6.2015, p. 23).

(11)  Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 29).

(12)  Linja Gwida (UE) 2021/2253 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (BĊE/2021/49) (ĠU L 454, 17.12.2021, p. 7).

(13)  Linja Gwida (UE) 2021/2256 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2021/50) (ĠU L 454, 17.12.2021, p. 21).

(14)  Ara l-mudell ta’ Dikjarazzjoni ta’ Kondotta Etika.

(15)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 9.

(16)  Ara d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(17)  Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56).

(18)  Deċiżjoni BĊE/2014/39 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57).

(19)  Ara l-Prinċipji ta’ Gwida għall-komunikazzjoni esterna għal uffiċjali ta' livell għoli tal-BĊE.

(20)  Ara l-mudell tad-Dikjarazzjoni ta’ Interessi.

(21)  Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi, “entità regolata” għandu jkollha t-tifsira bħal fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2021/2253 (BĊE/2021/49) u bħal fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2021/2256 (BĊE/2021/50).

(22)  Ara l-mudell ta’ Dikjarazzjoni ta’ Konformità għal tranżazzjonijet finanzjarji privati.

(23)  Ara l-Mudell tad-Dikjarazzjoni ta’ Unur.


Top