IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2022
SWD(2022) 396 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
[…]
Li jakkumpanja d-dokument
Proposta għal Direttiva
li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza
{COM(2022) 702 final} - {SEC(2022) 434 final} - {SWD(2022) 395 final}
Ħtieġa li tittieħed azzjoni
Il-proċedimenti ta’ insolvenza jimmiraw li jiżguraw stralċ jew ristrutturar ordnat ta’ kumpaniji f’diffikultà finanzjarja u ekonomika. L-UE diġà lleġiżlat fid-dominju tal-insolvenza. Madankollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE tkopri biss il-miżuri ta’ qabel l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn (koperti mid-Direttiva reċenti dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) u r-regoli dwar il-liġi applikabbli f’każijiet ta’ insolvenza transfruntiera (stabbiliti fir-Regolament dwar l-insolvenza). B’riżultat ta’ dan, il-liġi sostantiva nazzjonali dwar l-insolvenza għadha tvarja ħafna bejn l-Istati Membri.
Id-differenzi kbar fir-reġimi nazzjonali tal-insolvenza huma ostaklu importanti għas-suq uniku għall-kapital fl-UE. Dawn joħolqu diffikultajiet għall-investituri transfruntiera li jeħtieġ li jiksbu informazzjoni dwar — u jkunu jistgħu jqabblu — 27 liġi dwar l-insolvenza, sabiex jikkunsidrawhom fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom (u jirriflettuhom fil-kost tal-kapital). Barra minn hekk, ir-reġimi nazzjonali tal-insolvenza għadhom ivarjaw f’termini ta’ effiċjenza, b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien meħtieġ għal-likwidazzjoni ta’ kumpanija u l-valur li eventwalment jista’ jiġi rkuprat. Is-sorsi tad-data analizzati f’din il-Valutazzjoni tal-Impatt jissuġġerixxu li l-proċeduri f’xi Stati Membri jsofru ħafna aktar minn dewmien u jagħtu riżultati konsiderevolment inqas effiċjenti minn dawk bl-aqwa prestazzjoni fl-UE. Din id-diverġenza torbot mill-qrib ma’ prevedibbiltà baxxa tal-eżitu tal-proċeduri ta’ insolvenza, li twassal għal kostijiet ogħla ta’ informazzjoni u tagħlim għall-investituri u toħloq ostaklu sinifikanti għall-investimenti transfruntiera. Dan fl-aħħar mill-aħħar jipprevjeni allokazzjoni effiċjenti tal-kapital u jxekkel l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).
Din l-inizjattiva ssegwi l-Azzjoni 11 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, fejn il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel l-eżitu tal-investiment transfruntier aktar prevedibbli fir-rigward tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għandha l-għan li tarmonizza aspetti mmirati tal-liġi sostantiva dwar l-insolvenza korporattiva (mhux bankarja) sabiex tagħmel ir-reġimi tal-insolvenza aktar effiċjenti u tnaqqas il-kostijiet tal-informazzjoni u tat-tagħlim għall-kredituri transfruntiera li jirriżultaw min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni. Timmira wkoll li tiffaċilita l-investimenti transfruntiera u l-kompetizzjoni filwaqt li tissalvagwardja l-funzjonament ordnat tas-suq uniku kif mitlub mill-Artikolu 114 tat-TFUE.
Id-differenzi fil-punti tat-tluq, fit-tradizzjonijiet legali u fil-preferenzi ta’ politika tal-Istati Membri jimplikaw li r-riformi fil-livell nazzjonali fil-liġi sostantiva dwar l-insolvenza x’aktarx li ma jwasslux għal konverġenza suffiċjenti, minkejja xi riformi mnedija f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni fil-livell Ewropew biex il-problema tiġi indirizzata.
Soluzzjonijiet possibbli
Ġew identifikati żewġ pakketti ta’ għażliet ta’ politika fuq il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet minn grupp ta’ esperti dwar il-liġi tar-ristrutturar u tal-insolvenza, studju ddedikat u fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. Dawn is-sorsi ta’ evidenza, kif ukoll id-data mill-istudju tal-parametri referenzjarji mwettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-2020 u l-indikaturi “Doing Business” tal-Bank Dinji, intużaw ukoll biex jitqabblu l-għażliet u jiġu vvalutati l-impatti tagħhom. Iż-żewġ għażliet ikkunsidrati huma armonizzazzjoni mmirata (Għażla 1) u għażla ta’ armonizzazzjoni aktar komprensiva (Għażla 2), it-tnejn implimentati permezz ta’ direttiva. L-għażla li tinħareġ rakkomandazzjoni biss twarrbet minħabba li kien improbabbli li tindirizza l-problema identifikata.
L-għażliet proposti huma mmirati lejn it-tliet aspetti ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza: (i) l-irkupru tal-assi mill-patrimonju likwidat, (ii) l-effiċjenza tal-proċeduri u (iii) id-distribuzzjoni prevedibbli u ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. Dawn ikopru, b’mod partikolari, kwistjonijiet relatati mal-evitar tat-tranżazzjonijiet, mal-investigazzjoni dwar l-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat (“pre-pack”), l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali ta’ insolvenza għall-intrapriżi mikro u żgħar, il-gradazzjoni tal-pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri. L-għażla 2 tinkludi l-elementi kollha koperti fl-għażla 1, ikkumplimentata minn miżuri aktar ambizzjużi fit-tliet aspetti ewlenin imsemmija hawn fuq.
L-analiżi tivvaluta l-għażliet fir-rigward ta’ tliet objettivi, billi teżamina: jekk (i) jippermettux valur ta’ rkupru ogħla, (ii) iwasslux għal durata iqsar tal-proċedimenti ta’ insolvenza u (iii) inaqqsu l-inċertezza legali u l-kostijiet tal-informazzjoni. L-analiżi teżamina wkoll bir-reqqa l-kosteffettività u l-koerenza tagħhom.
Impatti tal-għażla ppreferuta
Fuq il-bażi tat-tqabbil tal-effettività u l-effiċjenza, l-għażla 1 (armonizzazzjoni mmirata permezz ta’ direttiva) tintgħażel bħala l-għażla ppreferuta. L-analiżi dettaljata sabet li armonizzazzjoni aktar komprensiva (Għażla 2) trendi benefiċċji ogħla fir-rigward ta’ tnejn mit-tliet objettivi, iżda dan ikun ukoll b’kost ogħla, b’mod partikolari f’termini ta’ inkonsistenzi potenzjali ma’ partijiet oħra tal-liġi (il-liġi tal-proprjetà, id-dritt tal-kumpaniji, il-liġi tax-xogħol). L-armonizzazzjoni mmirata (l-Għażla 1) twassal għal benefiċċji komparabbli (meta mqabbel mal-Għażla 2) iżda b’mod aktar kosteffettiv.
L-għażla ppreferuta hija mistennija li ġġib benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għall-investituri (kredituri), għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, u, b’mod ġenerali, għall-ekonomija kollha kemm hi. Il-kredituri se jibbenefikaw b’mod partikolari minn irkupru ta’ valur mistenni ogħla kif ukoll minn tnaqqis fil-kostijiet tal-informazzjoni u tat-tagħlim. L-investituri ta’ pajjiżi terzi se jgawdu benefiċċji simili, u b’hekk ikun aktar attraenti għalihom li jinvestu fl-UE. Il-kumpaniji tal-UE kollha se jiffaċċjaw reġimi ta’ insolvenza aktar uniformi u inqas inċertezza legali dwar x’se jiġri jekk isiru insolventi. Il-kumpaniji mikro u żgħar se jibbenefikaw direttament mill-ħolqien ta’ reġim ta’ insolvenza speċjali mtaffi li se jkun aktar proporzjonali għall-ħtiġijiet tagħhom.
Il-valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tissuġġerixxi li l-armonizzazzjoni mmirata tista’ twassal għal tnaqqis sinifikanti kemm fil-kostijiet kif ukoll fiż-żmien tal-irkupru. Dan huwa mistenni li jagħti spinta lir-rati ta’ rkupru b’madwar 1,5 punt perċentwali, li, meta jiġu estrapolati l-istimi empiriċi fl-istudji ekonomiċi, jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 1,5 punt bażi fil-kostijiet tal-finanzjament u żieda fl-assi tal-portafoll transfruntier ta’ madwar 1,5 punt perċentwali. Meta jiġu kkwantifikati abbażi tad-data disponibbli u suppożizzjonijiet plawżibbli, il-benefiċċji diretti u indiretti huma mistennija li jaqbżu l-EUR 10 biljun fis-sena. Sadanittant, il-kostijiet totali huma mistennija li jkunu limitati (u jġarrbuhom fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri). Xi kostijiet indiretti huma mistennija wkoll għall-kumpaniji minħabba responsabbiltà ogħla tad-diretturi. L-inizjattiva jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv, għalkemm marġinali, fuq id-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.