EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022SC0345

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT [ ] Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (riformulazzjoni)

SWD/2022/345 final

Brussell, 26.10.2022

SWD(2022) 345 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

[…]

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (riformulazzjoni)

{COM(2022) 542 final} - {SEC(2022) 542 final} - {SWD(2022) 542 final} - {SWD(2022) 545 final}


SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Minkejja tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet dannużi ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja matul dawn l-aħħar tliet deċennji fl-UE, madwar 300 000 mewta prematura fis-sena (meta mqabbla ma’ miljun fis-sena lura fil-bidu tas-snin 90) u għadd sinifikanti ta’ mard mhux komunikabbli xorta għadhom attribwiti għat-tniġġis tal-arja madwar l-UE (u huma speċjalment marbuta ma’ materja partikolata, id-diossidu tan-nitroġenu u l-ożonu).

Fil- Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero sussegwenti, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-arja u li tallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE b’mod eqreb mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li ġew riveduti l-aħħar f’Settembru 2021.

Id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (id-Direttivi 2004/107/KE u 2008/50/KE) jistabbilixxu l-istandards għal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ 12-il sustanza li tniġġes fl-arja tal-ambjent li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri kollha fit-territorji tagħhom skont skedi ta’ żmien speċifiċi. Il- kontroll tal-idoneità ta’ dawn id-Direttivi kkonkluda li dawn kienu parzjalment effettivi fit-titjib tal-kwalità tal-arja u fil-kisba ta’ standards tal-kwalità tal-arja, iżda li s’issa ma ntlaħqux l-objettivi kollha tagħhom. Id-Direttivi wasslu għall-istabbiliment ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja rappreżentattiv u ta’ kwalità għolja, u kkontribwew għal xejra ’l isfel fit-tniġġis tal-arja madwar l-UE.

Madankollu, għad fadal erba’ tipi ta’ nuqqasijiet sinifikanti fil-politika dwar il-kwalità tal-arja u dan jindika lok għal titjib fil-qafas eżistenti. L-ewwel nett, l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mhumiex protettivi daqs dawk rakkomandati mid-WHO. It-tieni, il-fatt li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja meħtieġa skont id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent spiss ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu l-qabżiet jew jimminimizzaw id-durata tagħhom, jindika sfidi fl-implimentazzjoni u nuqqasijiet relatati fil-governanza u fl-infurzar. It-tielet, l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-monitoraġġ, l-immudellar u l-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-arja jistgħu jittejbu. Fl-aħħar nett, aktar armonizzazzjoni tal-mod kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, speċjalment fil-livell tal-Istati Membri, tipprovdi aktar valur miżjud tal-UE, u tgħin biex tiġi żgurata komparabbiltà saħansitra ogħla tal-informazzjoni.

Din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra l-amalgamazzjoni taż-żewġ Direttivi flimkien ma’ total ta’ 68 miżura ta’ politika speċifika potenzjali, ikkombinati fi 19-il għażla ta’ politika, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Ħafna minnhom huma komplementari u pjuttost indipendenti minn xulxin. Qed jiġu kkunsidrati xi kobenefiċċji fost l-għażliet. Din il-valutazzjoni tal-impatt tissuġġerixxi li jinżammu 15-il għażla ta’ politika – inkluż 16-il miżura biex jittejbu l-governanza u l-infurzar tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, 15-il miżura biex tkompli tittejjeb l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-monitoraġġ u l-immudellar tal-kwalità tal-arja, erba’ miżuri biex jittejjeb l-aċċess għad-data u l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja b’enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-użu tal-għodod diġitali, kif ukoll ħames miżuri ħalli jissaħħaħ l-użu tal-indikatur tal-esponiment medju u biex l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE jinżammu taħt rieżami regolari.

Tliet għażliet ta’ politika, fosthom dawk li jagħmlu kuntrast bejn il-livelli differenti ta’ allinjament mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja (jiġifieri “allinjament sħiħ” (I-1), “allinjament aktar mill-qrib” (I-2) u “allinjament parzjali” (I‑3)), se jeħtieġu għażla politika. L-impatt ta’ dawn it-tliet għażliet ta’ politika ġie vvalutat b’mod kwantitattiv u kull waħda minnhom trendi benefiċċji sinifikanti għas-saħħa u l-ambjent – minkejja li fi gradi differenti.

Il-feedback tal-partijiet ikkonċernati indika preferenza għal livell għoli ta’ ambizzjoni. Fil-konsultazzjoni pubblika, 73 % tar-rispondenti kollha, prinċipalment ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-NGOs u ċ-ċittadini tal-UE, esprimew preferenza ċara biex jallinjaw mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2021. Madankollu, din il-valutazzjoni turi li sas-sena 2030, jista’ assolutament ma jkunx possibbli li għal partijiet kbar mill-punti ta’ kampjunar fl-UE (71 % fil-każ ta’ PM 2.5) jintlaħqu livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja li jikkorrispondu bis-sħiħ għall-aħħar Linji Gwida (konċentrazzjonijiet ekwivalenti għal 5 µg/m3 għall-materja partikolata fina, PM 2.5), anke jekk prattikament jiġu esplorati l-għażliet kollha ta’ teknoloġija.

Din il-valutazzjoni tqis il-fatt li l-kwalità tal-arja hija affettwata wkoll minn setturi u attivitajiet, eż. it-trasport, l-industrija, l-enerġija u l-agrikoltura, u tinkludi suppożizzjonijiet dwar l-effett ta’ inizjattivi ewlenin fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-Istrateġija dwar il-Metan, l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi EURO-7, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u dik mill-Għalqa sal-Platt, kif ukoll l-inizjattiva reċenti ħafna RePowerEU. Madankollu, ma tqisx (minħabba l-prevedibbiltà limitata ħafna tagħhom f’dan l-istadju) għażliet potenzjali oħra ta’ tnaqqis, bħall-ħafna bidliet mgħaġġla fl-imġiba fis-soċjetà kollha jew il-bidliet lejn fjuwils aktar nodfa.

Din l-analiżi li rriżultat turi li l-għażla ta’ politika I-3 (“allinjament parzjali” mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2021 sal-2030) għandha l-ogħla proporzjon kostijiet-benefiċċji (bejn 10:1 u 28:1). Il-maġġoranza tal-punti ta’ kampjunar fl-UE jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw l-istandards korrispondenti tal-kwalità tal-arja bi ftit aktar sforz. Il-benefiċċji netti jammontaw għal aktar minn EUR 29 biljun. Għall-għażla ta’ politika I-2 (“allinjament aktar mill-qrib” mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2021 sal-2030), il-proporzjon kostijiet-benefiċċji mistenni jkun kemxejn inqas (bejn 7.5:1 u 21:1). Madwar 6 % tal-punti ta’ kampjunar ma jkunux mistennija jissodisfaw l-istandards korrispondenti tal-kwalità tal-arja mingħajr aktar sforz fil-livell lokali (jew jistgħu ikunu jeħtieġu estensjonijiet jew eċċezzjonijiet). Il-benefiċċji netti jammontaw għal aktar minn EUR 36 biljun, jiġifieri 25 % aktar mill-għażla ta’ politika I-3. Skont l-għażla ta’ politika I‑1 (“allinjament sħiħ” mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2021 sal-2030), il-proporzjon kostijiet-benefiċċji jibqa’ pożittiv b’mod sinifikanti wkoll (bejn 6:1 u 18:1). Madankollu, 71 % tal-punti ta’ kampjunar ma jkunux mistennija jissodisfaw l-istandards korrispondenti tal-kwalità tal-arja mingħajr aktar sforz fil-livell lokali (u f’ħafna minn dawn il-każijiet, assolutament ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawn l-istandards permezz ta’ tnaqqis tekniku fattibbli biss). Il-benefiċċji netti jammontaw għal aktar minn EUR 38 biljun, jiġifieri 5 % aktar mill-għażla ta’ politika I-2.

Fir-rigward tal-impatti fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq is-sehem tal-oqsma tal-ekosistema li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni mid-depożitu tan-nitroġenu, it-tliet għażliet, permezz ta’ implimentazzjoni soda tal-Istrateġija għall-Bijodiversità u tal-Liġi ppjanata dwar ir-Restawr tan-Natura, u mingħajr preġudizzju għal aktar kobenefiċċji, inaqqsu s-sehem tal-oqsma tal-ekosistema b’tagħbijiet ta’ nitroġenu għoljin b’mod kritiku. Fir-rigward tal-impatti soċjali, il-gruppi sensittivi tal-popolazzjoni (inkluż it-tfal, in-nisa tqal, iċ-ċittadini anzjani u dawk li jbatu minn kundizzjonijiet preeżistenti) huma dawk l-aktar affettwati mit-tniġġis tal-arja llum. Għalhekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma se jibbenefikaw l-aktar minn tnaqqis fl-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq saħħithom. Huwa mistenni li għall-għażliet kollha ta’ politika, il-gwadanji netti fil-prodott domestiku gross (PDG) sal-2030 ikunu fil-medda ta’ 0,26 % sa 0,44 %. It-titjib tal-kwalità tal-arja huwa mistenni wkoll li jwassal għal gwadanji ekonomiċi relatati mat-tnaqqis tal-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja bħal infiq fuq il-kura tas-saħħa, telf fir-rendiment tal-għelejjel, assenza mix-xogħol minħabba mard (inkluż ta’ tfal dipendenti) u produttività aktar baxxa fuq il-post tax-xogħol.

Il-piż amministrattiv totali jvarja minn EUR 76 sa 106 miljuni. Dawn kollha huma kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi peress li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent ma jimponux kostijiet amministrattivi diretti fuq il-konsumaturi u n-negozji. Madankollu, dawn is-setturi jġorru kostijiet importanti tal-aġġustament, b’mod partikolari minħabba l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE. Il-kostijiet tal-aġġustament (jew tal-mitigazzjoni) annwali ġew stmati li huma sostanzjali f’termini assoluti: EUR 7,0 biljuni għal allinjament sħiħ (I-1), EUR 5,6 biljuni għal allinjament aktar mill-qrib (I-2) u EUR 3,3 biljuni għal allinjament parzjali (I‑3) għas-sena 2030. Il-kostijiet huma mistennija jkunu (relattivament) ogħla għal dawk l-Istati Membri li jew qed jiffaċċjaw sfidi persistenti tat-tniġġis tal-arja llum, jew fejn ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi. B’mod partikolari, ikun hemm kostijiet addizzjonali għas-settur tat-tisħin residenzjali kif ukoll, sa ċertu punt, għas-setturi tal-industrija u tal-agrikoltura. Madankollu, għall-għażliet kollha kkunsidrati, il-benefiċċji netti kumplessivi tal-inizjattiva jegħlbu l-kostijiet b’mod konsiderevoli (bejn EUR 29 biljun u EUR 38 biljun).

Fil-każ tat-tliet għażliet ta’ politika (jiġifieri irrispettivament mill-għażla politika li tkun saret) hemm argument ċar favur it-tħaddin ta’ approċċ gradwali lejn l-istabbiliment ta’ standards attwali u futuri tal-kwalità tal-arja tal-UE: (1) l-istabbiliment ta’ standards ċari tal-kwalità tal-arja tal-UE għal nofs it-terminu, jiġifieri s-sena 2030 (b’għadd limitat ta’ eċċezzjonijiet temporanji fejn dawn ikunu ġġustifikati b’mod ċar); (2) l-iżvilupp ta’ perspettiva fit-tul għal wara l-2030, biex ikun hemm allinjament bis-sħiħ mal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2021, li tkun fit-triq it-tajba lejn allinjament anke mal-Linji Gwida futuri tad-WHO biex tinkiseb il-viżjoni ta’ tniġġis żero sas-sena 2050; (3) mekkaniżmu ta’ rieżami regolari biex jiġi żgurat li l-aħħar fehim xjentifiku dwar il-kwalità tal-arja jiggwida d-deċiżjonijiet futuri, u jżomm elementi ta’ flessibbiltà fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi potenzjali (futuri).

Top